Language of document :

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

24 ta’ Novembru 2011(*)

“Regolament (KEE) Nru 3846/87 – Agrikoltura – Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni – Laħam tat-tjur – Tjur tal-ispeċi Gallus domesticus imsewwija u mnittfa”

Fil-Kawżi magħquda C‑323/10 sa C‑326/10,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il‑Ġermanja) permezz ta’ deċiżjonijiet tal-11 ta’ Mejju 2010, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 u fis-6 ta’ Lulju 2010, fil-proċeduri

Gebr. Stolle GmbH & Co. KG (C‑323/10, C‑324/10 u C‑326/10)

Doux Geflügel GmbH (C‑325/10)

vs

Hauptzollamt Hamburg-Jonas,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla (Relatur), K. Schiemann u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Ġunju 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Gebr. Stolle GmbH & Co. KG, minn R. Steiling u M. Niestedt, avukati;

–        għal Doux Geflügel GmbH, minn R. Steiling u M. Niestedt, avukati;

–        għall-Hauptzollamt Hamburg-Jonas (C‑324/10 sa C‑326/10), minn T. Peters,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Wilman u G. von Rintelen, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3846/87, tas-17 ta’ Diċembru 1987, li jistabbilixxi nomenklatura ta’ prodotti agrikoli għal rifużjoni tal-esportazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 03, Vol. 03, p. 325).

2        Dawn it-talbiet tressqu mill-Finanzgericht Hamburg fil-kuntest ta’ erba’ kawżi, minn naħa, bejn Gebr. Stolle GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Gebr. Stolle”) u Hauptzollamt Hamburg-Jonas, għal dak li jikkonċerna l-Kawżi C‑323/10, C‑324/10 u C‑326/10, u min-naħa l-oħra, bejn Doux Geflügel GmbH (iktar ’il quddiem “Doux Geflügel”) u Hauptzollamt Hamburg-Jonas, għal dak li jikkonċerna l-Kawża C‑325/10, rigward ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ta’ laħam tat-tjur.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament (KEE) Nru 2777/75

3        L-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2777/75, tad-29 ta’ Ottubru 1975, dwar l-organizzazzjoni komuni fis-suq tal-laħam tat-tjur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 2, p. 138), kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 679/2006, tal-25 ta’ April 2006 (ĠU L 335M, p. 251, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2777/75”), ipprovda għal ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, għal dan is-settur, sabiex tiġi koperta d-differenza bejn il-prezzijiet tal-prodotti fis-suq mondjali u l-prezzijiet fil-Komunità Ewropea.

4        L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2777/75 jippreċiża li:

“Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u r-regoli speċjali għall-applikazzjoni tagħha għandhom japplikaw għall-klassifikazzjoni tal-prodotti koperti b’dan ir-regolament; in-nomenklatura tariffarja li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għandha tiġi inkluża fit-Tariffa Doganali Komuni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Ir-Regolament Nru 3846/87

5        Ir-Regolament Nru 3846/87 jistabbilixxi Nomenklatura tal-prodotti agrikoli għall-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, li tinsab fl-Anness I tiegħu. Billi jibbaża ruħu fuq in-Nomenklatura Magħquda ta’ applikazzjoni ġenerali, stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382, iktar ’il quddiem in-“NM”), ir-Regolament Nru 3846/87 huwa intiż sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-partikolarità tas-sistema tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni u, b’mod partikolari, tal-ħtieġa li jinħolqu subintestaturi fin-NM għal tali prodotti.

6        L-Anness I tar-Regolament Nru 3846/87 ġie emendat rispettivament bir-Regolament tal-Kummissjoni (CE) Nru 2765/1999, tas-16 ta’ Diċembru 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 28, p. 108), fil-mument tal-fatti fil-Kawżi C‑324/10 sa C‑326/10, u bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2091/2005, tal-15 ta’ Diċembru 2005, li jippubblika, għall-2006, in-nomenklatura tal-prodotti agrikoli għall-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni stabbiliti bir-Regolament (KEE) Nru 3846/87 (ĠU L 343, p. 1), fil-mument tal-fatti fil-Kawża C‑323/10.

7        Fis-settur tal-laħam tat-tjur, fir-rigward tal-laħam tat-tjur frisk, imkessaħ jew iffirżat, l-Anness I tar-Regolament Nru 3846/87 jagħmel id-distinzjonijiet li ġejjin:

Kodiċi NM

Deskrizzjoni tal-merkanzija

Kodiċi tal-prodotti

ex 0207

Laħam u fdal tal-laħam li jittiekel, taħt it-titlu tat-tjur Nru 0105, frisk, imkessaħ jew iffriżat

 
 

- Tjur tal-ispeċi Gallus domesticus:

 

ex 0207 12

-- Mhux maqtugħ f’biċċiet, friżat:

 

ex 0207 12 10

--- Imnittfa u msewwija, bla rjus u bla saqajn imma bl-għenuq, il-qlub, il-fwied u l-qnieżaħ, magħrufa bħala ‘70 % tiġieġ’

 
 

---- Tjur tal-ispeċi Gallus domesticus bi truf tal-isternu, wriek u qasab kompletament mgħaddma

 
 

---- Oħrajn

0207 12 10 9900

ex 0207 12 90

--- Imnittfa u msewwija, bla rjus u bla saqajn u mingħajr l-għenuq, il-qlub, il-fwied u l-qnieżaħ, magħrufa bħala ‘65 % tiġieġ’ jew ippreżentati mod ieħor;

 
 

----‘65 % tiġieġ’:

 
 

----- Tjur tal-ispeċi Gallus domesticus bi truf tal-isternu, wriek u qasab kompletament mgħaddma

 
 

----- Oħrajn

0207 12 90 9190

 

---- Tjur tal-ispeċi Gallus domesticus, imnittfa u msewwija, bla rjus u bla saqajn imma bl-għenuq, il-qlub, il-fwied u l-qnieżaħ f’kompożizzjoni irregolari:

 
 

----- Tjur tal-ispeċi Gallus domesticus, bi truf tal-isternu, wriek u qasab kompletament mgħaddma

 
 

----- oħrajn

0207 12 90 9990»

   


8        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2580/98, tat-30 ta’ Novembru 1998, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3846/87 (ĠU L 322, p. 31) introduċa l-kodiċi ta’ prodott 0207 12 90 9990 fl-Anness I ta’ dan l-aħħar regolament. F’dan ir-rigward, it-tieni premessa tiegħu tippreċiża dan li ġej:

“billi preżentazzjonijiet oħra minbarra s-70 % tiġieġ u l-65 % tiġieġ dehru fis-suq u billi jidher indikat li għandhom jiġu inklużi fin-nomenklatura tal-ħlasijiet lura sabiex jingħataw ħlasijiet lura; konsegwentement għandha tiġi emendata”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        Ir-regolamenti li jiffissaw il-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur li kienu fis-seħħ matul il-perijodi kkunsidrati kienu jipprovdu, b’mod partikolari, drittijiet għall-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi ta’ prodotti 0207 12 10 9900, 0207 12 90 9190 u 0207 12 90 9990 tal-Anness I tar-Regolament Nru 3846/87.

 Ir-Regolament Nru 2658/87

10      Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM li jinsabu fl-ewwel parti tagħha, fit-Titolu I A jipprovdu b’mod partikolari:

“A.       Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]

Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.      It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

2.       a)      Kwalunkwe referenza f’intestatura għal oġġett għandha titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum, sakemm, kif preżentat, l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum ikollu l-karattru essenzjali ta’ l-oġġett komplut jew mitmum. Għandha wkoll titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett komplut jew mitmum (jew li jista’ jkun klassifikat bħala komplut jew mitmum permezz ta’ din ir-regola), preżentat mhux armat jew żarmat.

[…]”

11      Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni Ewropea għandha tadotta noti ta’ spjega tan-NM, li jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

12      In-nota ta’ spjega dwar is-subintestatura 0207 11 30, li skont il-kliem tan-nota ta’ spjega dwar is-subintestatura 0207 12 10, tapplika mutatis mutandis għal din tal-aħħar, hija fformulata kif ġej:

“Dan is-subtitlu jinkludi tiġieġ għax-xiwi, li huma tiġieġ imnittfin bla rjus u bla saqajn, iżda bl-għonq, kompletament imsewwijin, iżda li fil-karkassa tagħhom tneħħew il-qalb, il-fwied u l-qanżħa.”

13      In-nota ta’ spjega dwar is-subintestatura 0207 11 90 li, skont il-kliem tan-nota dwar is-subintestatura 207 12 90, tapplika mutatis mutandis għal din tal-aħħar, hija fformulata kif ġej:

“Dan is-subtitlu jinkludi tiġieġ għax-xiwi, li huma tiġieġ imnittfin bla rjus u bla saqajn, u kompletament imsewwijin. Dan ikopri wkoll tjur preżentati f’forma oħra għajr dawk imsemmijin f’subtitli 02071110 u 02071130, eż., tiġieġ mhux imnittfin, mhux imnaddfin, bl-irjus u bis-saqajn [u bl-imsaren].”

 Ir-Regolament (KE) Nru 800/1999

14      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999, tal-15 ta’ April 1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 129) jiddefinxxi l-modalitajiet komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli.

15      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tal-imsemmi regolament:

“L-ebda rifużjoni m’għandha tingħata fuq prodotti li ma jkunux ta’ kwalità tajba u ġusta biex jitpoġġew fuq is-suq fid-data li fiha d-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni tiġi aċċettata.”

16      Skont l-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 800/1999, għandha tiġi imposta sanzjoni fuq l-esportatur jekk huwa “jkun applika għal rifużjonijiet li jeċċedu lil dawk applikabbli”.

 Ir-Regolament (KEE) Nru 2913/92

17      L-Artikolu 70(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) jipprovdi li:

“Fejn parti biss mill-merkanzija koperta bid-dikjarazzjoni tkun eżaminata, ir-riżultati ta’ l-eżami parzjali għandhom jittieħdu bħala li jgħoddu għall-merkanzija kollha koperta b’dik id-dikjarazzjoni.

Iżda, id-dikjarant jista’ jitlob eżami ieħor tal-merkanzija jekk jidhirlu li r-riżultati ta’ l-eżami parzjali m’humiex validi fir-rigward tal-bqija tal-merkanzija dikjarata.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Kawża C‑323/10

18      Permezz tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni li ppreżentat fl-4 ta’ Settembru 2006 quddiem l-uffiċċju doganali kompetenti, Gebr. Stolle ddikjarat l-esportazzjoni lejn l-Emirati Għarab Magħquda ta’  2 163 kaxxa ta’ tiġieġ li jaqgħu taħt il-kodiċi ta’ prodott 0207 12 90 9190 tal-lista tal-prodotti tal-Organizzazzjoni komuni tas-swieq u għamlet talba għall-ħlas lura fuq l-esportazzjoni.

19      Matul il-proċeduri tad-dwana, l-uffiċċju doganali kompetenti ħa erba’ kaxxi bħala kampjuni, fosthom żewġ kaxxi bħala kampjuni ta’ riżerva, u għaddihom liż-Zolltechnische Prüfungs- und Lehranstalt (Ċentru ta’ verifika u ta’ taħriġ tekniku doganali) tal-Oberfinanzdirektion Hamburg (Dipartiment reġjonali tal-finazi ta’ Hamburg), li sussegwentement ikkonstata li erba’ karkassi ta’ tjur eżaminati ma setgħux jiġu kklassifikati fil-kodiċi indikat, inkwantu ma kinux ġew kompletament imsewwija. F’żewġ każijiet, parti mill-imsaren kienet għadha mwaħħla mal-ġisem tal-annimal u, f’żewġ każijiet oħra, it-trakea kienet għadha preżenti.

20      Permezz ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda parzjali tas-27 ta’ Marzu 2007, il-Hauptzollamt Hamburg-Jonas (awtorità doganali) irrifjutat li tagħti ħlas lura fuq l-esportazzjoni għal kwantità parzjali li tammonta għal 5 292.5 kilogramma, li tikkorrispondi għal 21.17 % tal-piż totali. Hija imponiet ukoll penalità li tammonta għal EUR 1 402.51 fuq Gebr. Stolle.

21      Wara proċedura ta’ lment li ma kellhiex suċċess, Gebr. Stolle ppreżentat rikors, fis-7 ta’ Mejju 2008, quddiem il-qorti tar-rinviju kontra din id-deċiżjoni u d-deċiżjoni dwar l-ilment tad-9 ta’ April 2008.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Karkassa tas-subintestatura 0207 1290 għandha tkun kompletament (= integralment) imbattla [imsewwija] b’mod li jkun dannuż għall-klassifikazzjoni tariffarja tagħha li parti mill-imsaren jew mit-trakea, pereżempju, tkun għadha magħquda mal-karkassa fi tmiem proċess mekkaniku ta’ tbattil?”

 Kawża C‑324/10

23      Permezz tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni li ppreżentat fid-9 ta’ Ġunju 2000 quddiem l-uffiċċju doganali kompetenti, Gebr. Stolle ddikjarat l-esportazzjoni lejn ir-Russja ta’ 480 kaxxa ta’ tiġieġ li jaqgħu taħt il-kodiċi tal-prodott 0207 12 90 9990 tal-lista tal-prodotti tal-Organizzazzjoni komuni tas-swieq u għamlet talba għall-ħlas lura fuq l-esportazzjoni.

24      Matul il-proċeduri tad-dwana, l-uffiċċju doganali kompetenti ħa żewġ kaxxi bħala kampjuni, fosthom kaxxa bħala kampjun ta’ riżerva, li kull waħda minnhom kien fiha tnax-il karkassa ta’ tjur u għaddihom liż-Zolltechnische Prüfungs- und Lehranstalt tal-Oberfinanzdirektion Hamburg, li sussegwentement ikkonstatat li erba’ karkassi ta’ tjur analizzati ma setgħux jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi indikat, minħabba l-preżenza ta’ numru abnormali ta’ ġewwieni. B’mod partikolari, fil-kampjuni ta’ tiġieġ inkwistjoni, iż-Zolltechnische Prüfungs- und Lehranstalt ikkonstata l-ġewwieni li ġejjin:

–        1 għonq, 1 fwied, 1 stonku, 2 qlub;

–        2 għenuq, 1 għonq, 1 fwied, 1.5 qanżħa;

–        1 għonq, 1 fwied, 1 stonku, 2 qlub, u

–        1 għonq, 1 fwied, 1 stonku, 2 qlub.

25      Permezz ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda parzjali tat-8 ta’ Jannar 2001, il-Hauptzollamt Hamburg-Jonas irrifjutat li tagħti ħlas lura fuq l-esportazzjoni għal kwantità parzjali li tammonta għal 1 741.9 kilogramma, u din kienet tikkorrispondi għal 33.6 % tal-piż totali. Hija imponiet ukoll penalità li tammonta għal EUR 600.96 fuq Gebr. Stolle.

26      Wara proċedura ta’ lment li ma kellhiex suċċess, Gebr. Stolle ppreżentat rikors, fis-30 ta’ April 2003, quddiem il-qorti tar-rinviju kontra din id-deċiżjoni u d-deċiżjoni dwar l-ilment tad-3 ta’ April 2003.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)       Il-kunċett ta’ kompożizzjoni irregolari fis-sens tal-kodiċi tal‑prodott 0207 1290 9990 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan il-kodiċi jippermetti li mal-karkassa jistgħu jiżdiedu biss sa massimu ta’ erba’ ġewwieni fost dawk li huwa jindika, kemm ġewwieni waħdu jew diversi flimkien, bil-kundizzjoni li t-total ta’ erbgħa jkun osservat?

2)       Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda: is‑subintestatura 0207 1210 tkopri wkoll karkassi fejn wieħed mill‑ġewwieni msemmija f’din is-subintestatura ikun ġie miżjud diversi drabi?”

 Kawża C‑325/10

28      Permezz tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni li ppreżentat fid-8 ta’ Novembru 2000 quddiem l-uffiċċju doganali kompetenti, Doux Geflügel iddikjarat l-esportazzjoni lejn ir-Russja ta’ 66 060 kaxxa ta’ tiġieġ li jaqgħu taħt il-kodiċi tal-prodott 0207 12 10 9990 tal-lista tal-prodotti tal-Organizzazzjoni komuni tas-swieq u għamlet talba għall-ħlas lura fuq l-esportazzjoni.

29      Matul il-proċeduri tad-dwana, l-uffiċċju doganali kompetenti ħa erba’ kaxxi bħala kampjuni, fosthom żewġ kaxxi bħala kampjun ta’ riżerva, li kull waħda minnhom kien fiha għaxar karkassi ta’ tjur u għaddihom liż-Zolltechnische Prüfungs- und Lehranstalt tal-Oberfinanzdirektion Hamburg, li sussegwentement ikkonstatat li 17-il karkassa ta’ tjur eżaminat ma setatx tiġi kklassifikata taħt il-kodiċi indikat, minħabba li erbatax minn dawn il-karkassi ma kinux ġew kompletament imnittfa jew, fi tliet każijiet, huma kien fihom ħafna vixxrijiet jew assolutament xejn jew kellhom xi ksur.

30      Permezz ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda parzjali tat-30 ta’ Marzu 2001, il-Hauptzollamt Hamburg-Jonas irrifjutat li tagħti ħlas lura fuq l-esportazzjoni għal kwantità parzjali li tammonta għal 369 508.50 kilogramma, u din kienet tikkorrispondi għal 43.49 % tal-piż totali. Hija imponiet ukoll penalità fuq Doux Geflügel.

31      Sussegwentement, il-Hauptzollamt Hamburg-Jonas żiedet il-porzjoni tal-lott għall-esportazzjoni eliġibbli għal ħlas lura għal 58.89 % għaliex mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Nowaco Germany, C‑353/04, Ġabra p. I‑7357) u tal-Bundesfinanzhof (sentenza tas-16 ta’ Jannar 2007, VII R 19/03) jirriżulta li l-karkassa bi ksur fl-għadam inkwistjoni fil-kuntest tal-eżami tal-kampjuni tagħti dritt għall-ħlas lura.

32      Wara proċedura ta’ lment li ma kellhiex suċċess, Doux Geflügel ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2001 u d-deċiżjoni dwar l-ilment tal-15 ta’ Ġunju 2001. Is-suġġett tal-kawża bejn il-partijiet kien jirrigwarda l-kwistjoni jekk Doux Geflügel setgħetx tkun intitolata għal parti addizzjonali ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni għall-bqija tal-volum li kien jammonta għal 331 019.74 kilogramma.

33       F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel id-domanda preliminari li ġejja:

“Sriedaq u tiġieġ [tjur tal-ispeċi Gallus domesticus] li jaqgħu taħt is-subintestatura 0207 12 10 tan-[NM] għandhom ikunu ppreżentati kompletament imnittfin jew jista’ jkun aċċettat li xi rix żgħir, rix li jiksi t-tjur, ponot tar-rix u suf ikunu għadhom imwaħħlin mal-karkassa fi tmiem proċedura mekkanika ta’ tnittif?

 Kawża C‑326/10

34      Permezz tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni li ppreżentat fl-20 ta’ Ottubru 2000 quddiem l-uffiċċju doganali kompetenti, Gebr. Stolle ddikjarat l-esportazzjoni lejn ir-Russja ta’ 405 kaxxi ta’ tiġieġ li jaqgħu taħt il-kodiċi tal-prodott 0207 12 90 9990 tal-lista tal-prodotti tal-Organizzazzjoni komuni tas-swieq u għamlet talba għall-ħlas lura fuq l-esportazzjoni.

35      Matul il-proċeduri tad-dwana, l-uffiċċju doganali kompetenti ħa żewġ kaxxi bħala kampjuni, fosthom kaxxa bħala kampjun ta’ riżerva, li kull waħda minnhom kien fiha għaxar karkassi ta’ tjur u għaddihom liż-Zolltechnische Prüfungs- und Lehranstalt tal-Oberfinanzdirektion Hamburg, li sussegwentement ikkonstatat li waħda mill-għaxar karkassi ta’ tjur eżaminata ma setatx tiġi kklassifikata taħt il-kodiċi indikat minħabba li, fil-każ tat-tiġieġa inkwistjoni, li magħha kien ġie miżjud xi ġewwieni, l-għonq tagħha ma kienx tneħħa mit-trakea.

36      Permezz ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda parzjali tal-25 ta’ Lulju 2001, il-Hauptzollamt Hamburg-Jonas irrifjutat li tagħti lil Gebr. Stolle ħlas lura fuq l-esportazzjoni għal kwantità parzjali li tammonta għal 543.20 kilogramma, u din kienet tikkorrispondi għal 9.58 % tal-piż totali. Hija imponiet ukoll penalità li tammonta għal EUR 73.33 fuq Gebr. Stolle.

37      Wara proċedura ta’ lment li ma kellhiex suċċess, Gebr. Stolle ppreżentat rikors, fis-7 ta’ Mejju 2008, quddiem il-qorti tar-rinviju kontra din id-deċiżjoni u d-deċiżjoni dwar l-ilment tal-10 ta’ April 2008.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Karkassa ta’ tjur li minnha parti mit-tjur li mhijiex aċċettata hija magħquda ma’ wieħed mill-ġewwieni awtorizzati mill-kodiċi tal-prodott 0207 12 90 9990 taqa’ taħt il-lista tal-prodotti tal-Organizzazzjoni komuni tas-suq?

2)       Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda: waqt kontroll doganali intiż sabiex jiġi stabbilit jekk il-merkanzija ppreżentata għall-esportazzjoni hijiex konformi mal-lista tal-prodotti tal-Organizzazzjoni komuni tas-suq imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni, marġni ta’ żball jista’ jiġi aċċettat, b’mod li anomalija ma tkunx dannuża f’termini ta’ ħlas lura?”

39      Permezz ta’ digriet tat-23 ta’ Settembru 2010, il-President tal-Qorti tal-Ġustizza ddeċieda li jgħaqqad il-Kawżi C‑323/10, C‑324/10, C‑325/10 u C‑326/10 għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Kawża C‑323/10

40      F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk is-subintestatura 0207 12 90 tal-Anness I tar-Regolament Nru 3846/87, kif emendat bir-Regolament Nru 2091/2005, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li karkassa ta’ tjur li taqa’ taħt din is-subintestatura għandhiex tkun kompletament imsewwija b’tali mod li jkun ta’ preġudizzju għall-klassifikazzjoni tariffarja tagħha li parti mill-imsaren jew mit-trakea, pereżempju, tkun għadha mwaħħla mal-karkassa fi tmiem il-proċess mekkaniku ta’ tbattil.

41      Is-subintestatura 0207 12 90 tirrigwarda l-prodotti li ġejjin: tjur tal-ispeċi Gallus domesticus mhux maqtugħa f’biċċiet, iffriżati, imnittfa u msewwija, bla rjus u bla saqajn u mingħajr l-għonq, il-qalb, il-fwied u l-qnieżaħ, magħrufa bħala ‘65 % tiġieġ’.

42      Fin-nuqqas ta’ definizzjoni tal-kunċett “imsewwija” fir-Regolament Nru 3846/87, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2777/75, għandu jsir riferiment għar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM u għar-regoli speċjali għall applikazzjoni tagħha.

43      Skont ir-regola ġenerali 1 stabbilita fit-Taqsima I A tal-Ewwel Parti tan-NM, il-klassifikazzjoni tal-oġġetti għandha tiġi ddeterminata, qabel kollox, skont il-kliem tal-intestatura u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli, peress li l-kliem tat-titoli tat-taqsimiet jew tal-kapitolu jitqiesu li huma indikattivi biss.

44      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kriterju deċisiv għall-klassifikazzjoni tal-oġġetti fin-NM għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Olicom, C‑142/06, Ġabra p. I‑6675, punt 16 u tal-20 ta’ Mejju 2010, Data I/O, C‑370/08, Ġabra p. I‑4401, point 29).

45      Barra minn hekk, in-noti ta’ spjega tas-sistema armonizzata mfassla mill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali jipprovdu, fihom infushom, elementi validi għall-interpretazzjoni tan-NM. Dan huwa l-istess għan-noti ta’ spjega tan-NM imfassla mill-Kummissjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2004, Imexpo Trading, C‑379/02, Ġabra p. I‑9273, punt 16).

46      In-nota ta’ spjega tan-NM dwar is-subintestatura 0207 11 90, li skont il-kliem tan-nota dwar is-subintestatura 0207 12 90, tapplika mutatis mutandis għal din tal-aħħar, tindika li din is-subintestatura “[t]inkludi [b’mod partikolari] tiġieġ għax-xiwi, li huma tiġieġ imnittfin bla rjus u bla saqajn, u kompletament imsewwijin”.

47      Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-kliem tal-verżjoni Ġermaniża tal-imsemmija nota huma differenti mill-verżjoni Franċiża u Ingliża tagħha għal dak li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett “imsewwija”. B’mod partikolari, għalkemm il-verżjoni Franċiża u Ingliża jindikaw li, għall-klassifikazzjoni ta’ karkassa tat-tjur fis-subintestatura 0207 12 90, il-karkassa għandha tkun “kompletament imsewwija”, il-verżjoni Ġermaniża tindika li kull ġewwieni għandu jitneħħa (“sämtliche Innereien entfernt sind”). Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lilha nnifisha dwar jekk il-verżjoni Ġermaniża tal-imsemmija noti tifformulax korrettament ir-rieda tal-leġiżlatur Ewropew.

48      Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-użu tal-kelma “sämtliche” (kull) fil-verżjoni Ġermaniża tal-imsemmija nota jfisser biss li l-organi kollha għandhom jitneħħew b’tali mod li l-ebda organu sħiħ ma għandu jibqa’ fil-karkassa, u għaldaqstant, il-fdal tal-gewwieni jista’ jibqa’ preżenti, b’mod eċċezzjonali, mingħajr ma dan ikun jista’ jippreġudika l-klassifikazzjoni tagħha fis-subintestatura 0207 12 90. Barra minn hekk, fil-formulazzjoni ta’ din in-nota, partikolarment mill-użu tal-kelma “b’mod partikolari”, jirriżulta li hija għandha natura mhux eżawrjenti u sempliċement tagħti eżempji.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-differenzi lingwistiċi ta’ din il-verżjoni meta mqabbla mal-verżjoni Franċiża u Ingliża ma jippermettux li jiġi interpretat b’mod diverġenti l-kunċett ta’ “imsewwija” li jinsab fis-subintestatura 0207 12 90 skont il-verżjoni użata. Għalkemm l-espressjoni “sämtliche Innereien entfernt sind” bil-Ġermaniż ma hijiex traduzzjoni litterali tal-kliem “complètement vidés” bil-Franċiż u “completely drawn” bl-Ingliż, l-ispeċifikazzjoni tal-verżjoni Ġermaniża li kull organu ta’ karkassa li taqa’ taħt is-subintestatura 0207 12 90 għandu jitneħħa ma hijiex tassew differenti minn dik tal-verżjoni Franċiża u Ingliża li tispeċifika li l-karkassa għandha tkun kompletament imsewwija.

50      Għal dak li jirrigwarda l-użu tal-kelmiet “b’mod partikolari” li jinsabu fin-nota ta’ spjega dwar l-imsemmija subintestatura, anki jekk, minħabba f’hekk, din in-nota ma hijiex ta’ natura eżawjenti, ma jistax jitqies li hija tinkludi wkoll riferiment impliċitu għal prodott li l-karatteristiċi tiegħu imorru kontra dawk ta’ prodotti msemmija b’mod espliċitu fl-imsemmija nota, taħt piena li jiġi ppreġudikat il-valur interpretattiv tagħhom.

51      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu wkoll li l-applikazzjoni tar-regola ġenerali 2(a) tat-Taqsima I A tal-Ewwel Parti għall-interpretazzjoni tan-NM, li tipprovdi li kull riferiment għal artiklu taħt intestatura partikolari jkopri dan l-artiklu anki mhux komplut jew mhux mitmum, bil-kundizzjoni li, fl-istat li jkun, ikollu l-karatteristiċi essenzjali tal-artikolu, tippermetti li jiġi konkluż li l-preżenza ta’ fdal tal-ġewwieni ma jippreġudikax il-klassifikazzjoni ta’ karkassa fis-subintestatura 0207 12 90.

52      F’dan ir-irgward, hemm lok li jiġi rrilevat qabel kollox li l-kumment dwar din ir-regola, mogħti fil-kuntest tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali, jippreċiża li l-imsemmija regola normalment ma tapplikax għall-prodotti fit-Taqsimiet I sa VI, jiġifieri mill-Kapitolu  1 sa 38.

53      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament irrikonoxxiet fis-sentenzi tagħha tat-3 ta’ Ġunju 1992, Boehringer Mannheim (C‑318/90, Ġabra p. I‑3495, punt 18), u tal-10 ta’ Diċembru 1998, Bruner (C‑290/97, Ġabra p. I‑8333, punt 30), li l-kliem “normalment ma” ma jippermettux l-eklużjoni kompleta tal-applikazzjoni ta’ din ir-regola għal intestaturi tariffarji li jinsabu f’dawn il-kapitoli, hija madankollu ppreċiżat li l-għan ta’ din ir-regola huwa li tippermetti li żewġ prodotti li huma estremament simili sal-punt li huma essenzjalment identiċi mill-perspettiva tal-persuni li jużawhom, jitqiesu li huma l-istess minkejja d-differenzi relatati biss mal-preżentazzjoni tal-prodott (sentenza Bruner, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32). Issa, karkassa ta’ tjur li l-ġewwieni tagħha tneħħa kollu b’tali mod li hija kompletament imsewwija ma hijiex essenzjalment identika, mill-perspettiva tal-persuna li tużaha, għal karkassa li l-fdal tal-ġewwieni tagħha għadu preżenti wara l-proċess ta’ tbattil.

54      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li n-nota ta’ spjega dwar is-subintestatura 0207 12 90, kemm fil-verżjoni Franċiża u Ingliża kif ukoll fil-verżjoni Ġermaniza, tirrigwarda b’mod partikolari tiġieġ għax-xiwi. Kif tirrileva l-Kummissjoni, it-tiġieġ għax-xiwi huma kkaratterizzati mill-fatt li huma msewwija b’tali mod li ma jkunx iktar meħtieġ proċess ta’ tbattil mill-persuna li tużahom sabiex titlesta għax-xiwi.

55      Fi kwalunkwe każ, u fid-dawl tal-fatt li t-test tal-imsemmija nota tispeċifika espressament li l-ġewwieni kollu għandu jitneħħa sabiex karkassa tkun tista’ tiġi kklassifikata fis-subintestatura 0207 12 90, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma stabbilixxewx l-eżistenza ta’ fatti partikolari li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ din ir-regola ġenerali fil-kawża preżenti.

56      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li n-nuqqas ta’ klassifikazzjoni ta’ karkassa ta’ tjur fis-subintestatura 0207 12 90 tan-NM minħabba l-preżenza ta’ xi fdal ta’ organu jmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn din twassal mhux biss għal rifjut parzjali tal-għoti ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni iżda wkoll għal sanzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-kwistjoni tal-klassifikazzjoni ta’ prodotti għandha preċedenza fuq dik tal-proporzjonalità ta’ eventwali konsegwenzi finanzjarji fil-kas tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-klassifikazzjoni. Għaldaqstant, ir-risposta għal din l-aħħar domanda ma tistax tiddetermina r-risposta għall-ewwel domanda.

57      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula fil-Kawża C‑323/10 għandha tkun li s-subintestatura 0207 12 90 tal-Anness I tar-Regolament Nru 3846/87, kif emendata bir-Regolament Nru 2091/2005, għandha tiġi interpretata fis-sens li karkassa ta’ tjur li taqa’ taħt din is-subintestatura għandha tkun kompletament imsewwija b’tali mod li jkun ta’ preġudizzju għall-klassifikazzjoni tariffarja tagħha li parti mill-imsaren jew mit-trakea, pereżempju, tkun għadha mwaħħla mal-karkassa fi tmiem il-proċess mekkaniku ta’ tbattil.

 Kawża C‑324/10

–        Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑324/10

58      F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, qabel kollox, jekk il-kodiċi tal-prodott 0207 12 90 9990 tal-Anness I tar-Regolament Nru 3846/87, kif emendat bir-Regolament Nru 2765/1999, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kompożizzjoni irregolari” li jinsab f’dan il-kodiċi jippermetti biss il-preżenza ta’ mhux iktar minn erba’ ġewwieni, f’karkassa, fost dawk li huwa jindika, jiġifieri l-għonq, il-qalb, il-fwied, u l-qnieżaħ, ta’ tip wieħed jew iktar, sakemm it-total ta’ erbgħa jiġi osservat.

59      Il-kodiċi tal-prodott 0207 12 90 9990 jikkonċerna l-prodotti li ġejjin, jiġifieri tjur tal-ispeċi Gallus domesticus, imnittfa u msewwija, bla rjus u bla saqajn imma bl-għenuq, il-qlub, il-fwied u l-qnieżaħ f’kompożizzjoni irregolari.

60      Dan il-kodiċi tal-prodott ġie introdott fl-Anness I tar-Regolament Nru 3846/87, fis-settur tal-laħam tat-tjur, bir-Regolament Nru 2580/98, skont it-tieni premessa, sabiex jiġu inklużi fin-Nomenklatura ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ta’ preżentazzjonijiet oħra li ma humiex it-tiġieġ imsejjaħ “sa 65 %” u t-tiġieġ “sa 70 %” li dehru fis-suq.

61      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li t-tiġieġ imsejjaħ “sa 65 %”, li jaqa’ taħt is-subintestatura 0207 12 90, jiġi offrut mingħajr ġewwieni. Għal dak li jikkonċerna tiġieġ imsejjaħ “sa 70 %” li jaqa’ taħt is-subintestatura 0207 12 10, min-nota ta’ spjega dwar is-subintestatura 0207 11 30, li skont il-kliem tan-nota dwar is-subintestatura 0207 12 10 tapplika mutatis mutandis għal din tal-aħħar, jirriżulta li wara proċess ta’ tbattil sabiex jitneħħa l-ġewwieni kollu, il-qalb, il-fwied u l-qanżħa jerġgħu jitpoġġew lura ġewwa l-karkassa.

62      Għaldaqstant, fir-rigward tat-tiġieġ li jaqa’ taħt il-kodiċi tal-prodott 0207 12 90 9990, dan jiddistingwi ruħ mit-tiġieġ li jaqa’ taħt is-subintestatura 0207 12 10 mill-fatt li, fil-każ tal-ewwel tiġieġ, l-għonq, il-qalb, il-fwied u l-qanżħa jistgħu jkunu preżenti “f’kompożizzjoni irregolari”.

63      Għandu jiġi kkonstatat li la r-Regolament Nru 3846/87, la l-kliem tal-kodiċi tal-prodott 0207 12 90 9990 u lanqas in-noti ta’ spjega relatati miegħu ma jinkludu definizzjoni tal-kunċett ta’ “kompożizzjoni irregolari”.

64      Skont il-qorti tar-rinviju u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-oriġini tal-kodiċi tal-prodott ikkonċernat u tat-tieni premessa tar-Regolament Nru 2580/98, dan il-kunċett għandu jkopri wkoll karkassi li jinkludu iktar minn erba’ ġewwieni fost dawk indikati, ta’ tip wieħed jew iktar. B’mod partikolari, huma josservaw li matul is-661 laqgħa tal-Kumitat ta’ Ġestjoni ghall-Bajd u l-Laħam tat-Tjur, tal-14 ta’ Ottubru 1998, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssuġġeriet emenda tan-Nomenklatura tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni bl-introduzzjoni tal-kodiċi tal-prodott 0207 1290 9990 sabiex jiġi evitat li ma jingħatax ħlas lura għal prodotti li l-kompożizzjoni tal-ġewwieni tagħhom tkun ftit abnormali minħabba xi nuqqasijiet matul il-proċess ta’ produzzjoni. Peress li l-preżenza ta’ iktar minn erba’ ġewwieni fil-karkassa jista’ jkun ir-riżultat ta’ nuqqasijiet ta’ dan it-tip, din is-sitwazzjoni għandha wkoll tiġi koperta mill-kodiċi tal-prodott inkwistjoni. Għaldaqstant, il-kodiċi tal-prodott 0207 12 90 9990 jikkostitwixxi intestatura residwa miftuħa għal prodotti li, fid-dawl tal-ġewwieni preżenti fil-karkassa, ma jistgħu jiġu kklassifikati fl-ebda forma ta’ preżentazzjoni deskritta fis-subintestatura 0207 12 10 (tiġieġ 70 %) u 0207 12 90 (tiġieġ 65 %).

65      Min-naħa l-oħra, il-Hauptzollamt Hamburg-Jonas ma tqisx li l-kodiċi tal-prodott 0207 12 90 9990 huwa intestatura residwa. Kif ġie ppreċiżat matul is-662 laqgħa tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Bajd u l-Laħam tat-Tjur, tas-17 ta’ Novembru 1998, l-introduzzjoni ta’ dan il-kodiċi ma wasslitx għall-ħolqien ta’ intestatura ġdida ta’ prodotti. Konsegwentement, il-kompożizzjoni irregolari li għaliha jirreferi dan il-kodiċi tal-prodott għandha tkun limitata għall-marġni ta’ 5 % li jiddistingwi tiġieġa msejħa “sa 65 %” minn tiġieġa msejħa “sa 70 %” għaliex mingħajr din il-proporzjoni tal-piż ma tkunx iktar naturali.

66      Għal dak li jirrigwarda l-kjarifiki fformulati matul is-661 u s-662 laqgħa tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Bajd u l-Laħam tat-Tjur, mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li la t-teħid ta’ pożizzjoni individwali u lanqas dikjarazzjoni komuni tal-Istati Membri ma tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ att Komunitarju meta, bħal f’dan il-każ, il-kontenut tagħhom ma jkunx rifless fil-formulazzjoni tiegħu u għaldaqstant ma għandux portata ġuridika (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1985, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, 143/83, Ġabra p. 427, punt 13, u tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen, C‑292/89, Ġabra p. I‑745, punt 18).

67      Fin-nuqqas ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “kompożizzjoni irregolari” fir-Regolament Nru 384/87, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-interpretazzjoni tiegħu, l-istruttura ġenerali u l-għanijiet tas-sistema ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni li tagħmel parti minnhom.

68      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-esportazzjoni tal-laħam tat-tjur, l-ammont ta’ dazji għal ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi tal-prodotti 0207 12 10 9900, 0207 12 90 9190 u 0207 12 90 9990 huwa ddeterminat skont il-piż totali ta’ karkassi esportati. Sabiex jiġi żgurat l-effett utli tas-sistema ta’ ħlasijiet lura abbażi tal-piż totali u jiġi evitat abbuż li jikkonsisti fiż-żieda, b’mod regolari, ta’ iktar minn erba’ ġewwieni mal-karkassi, b’mod li jiżdied il-piż artifiċjalment, għall-ħlas lura tal-karkassi esportati, għandha ssir interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kompożizzjoni irregolari” fis-sens li l-ġewwieni msemmija mill-kodiċi tal-prodott 0207 12 90 9990 jistgħu jkunu aċċidentalment preżenti fil-karkassa għal darbtejn jew iktar, bil-kundizzjoni li t-total ta’ erbgħa jiġi osservat, u dan minkejja li la t-test tar-Regolament Nru 2580/98 u lanqas il-premessi tiegħu ma jippreċiżaw li l-leġiżlatur Eworpew ma kkunsidra, għall-kodiċi tal-prodott 0207 12 90 9990, kwantità minima jew massima tal-ġewwieni miżjud fil-karkassa ta’ kompożizzjoni irregolari.

69      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑324/10 għandha tkun li l-kodiċi tal-prodott 0207 12 90 9990 tal-Anness I tar-Regolament Nru 3846/87, kif emendat bir-Regolament Nru 2765/1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kompożizzjoni irregolari” jawtorizza l-preżenza ta’ mhux iktar minn erba’ ġewwieni biss f’karkassa, fost dawk imsemmija minnu, ta’ tip wieħed jew iktar, sakemm it-total ta’ erbgħa jiġi osservat.

Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑324/10

70      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, jekk is-subintestatura 0207 12 10 tal-Anness I tar-Regolament Nru 3846/87, kif emendat bir-Regolament Nru 2765/1999, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din is-subintestatura tkopri wkoll karkassa ta’ tjur fejn wieħed mill-ġewwieni msemmija f’din is-subintestatura jkun preżenti iktar minn darba.

71      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li s-subintestatura 0207 12 10 hija relatata mal-prodotti li ġejjin, jiġifieri t-tajr tal-ispeċi Gallus domesticus, mhux maqtugħ f’biċċiet, friżat, imnittfa u msewwija, bla rjus u bla saqajn imma bl-għenuq, il-qlub, il-fwied u l-qnieżaħ, magħrufa bħala “70 % tiġieġ”.

72      Kif ġie rrilevat fil-punt 59 tas-sentenza preżenti, it-tiġieġ li jaqa’ taħt is-subintestatura 0207 12 10 huwa distint mit-tiġieġ li jaqa’ taħt il-kodiċi tal-prodott 0207 12 90 9990 minħabba li, fl-ewwel każ, wara l-proċess tat-tbattil tal-ġewwieni kollu tagħhom, tip ta’ kull wieħed mill-ġewwieni msemmi f’din is-subintestatura jkun preżenti, filwaqt li, fit-tieni każ, dan il-ġewwieni jista’ jibqa’ preżenti f’kompożizzjoni irregolari.

73      Minn dan isegwi li s-subintestatura 0207 12 10 tista’ tkopri biss karkassi ta’ tjur li jkollhom tip wieħed biss ta’ kull ġewwieni msemmi, jiġifieri, l-għonq, il-qalb, il-fwied u l-qanżħa.

74      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑324/10 għandha tkun li s-subintestatura 0207 12 10 tal-Anness I tar-Regolament Nru 3846/87, kif emendat bir-Regolament Nru 2765/1999, għandha tiġi interpretata fis-sens li karkassa ta’ tjur li fiha wieħed mill-ġewwieni msemmija f’din is-subintestatura, jiġifieri l-għonq, il-qalb, il-fwied jew il-qanżħa, ikun preżenti iktar minn darba ma taqax taħt din is-subintestatura

 Kawża C‑325/10

75      F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk is-subintestatura 0207 12 10 tal-Anness I tar-Regolament Nru 3846/87, kif emendat bir-Regolament Nru 2765/1999, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li karkassa ta’ tjur li, fi tmiem il-proċess mekkaniku ta’ tnittif, ikun għad hemm imwaħħal magħha xi rix żgħir, rix li jiksi t-tjur, ponot tar-rix u pil, taqa’ taħt din is-subintestatura

76      Kif ġie rrilevat fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, is-subintestatura 0207 12 10 tirrigwarda l-prodotti li ġejjin, jiġifieri t-tjur tal-ispeċi Gallus domesticus, mhux maqtugħ f’biċċiet, friżat, imnittfa u msewwija, bla rjus u bla saqajn imma bl-għenuq, il-qlub, il-fwied u l-qnieżaħ, magħrufa bħala “70 % tiġieġ”.

77      Fin-nuqqas ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “imnittfin” misjub fir-Regolament Nru 3846/87, għandu jsir riferiment għar-regoli ġenerali tal-interpretazzjoni tan-NM u għar-regoli speċjali għall-applikzzjoni tagħha, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2777/75.

78      Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, għandhom jitfittxu l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-prodotti, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet.

79      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li min-nota ta’ spjega dwar is-subintestatura 0207 11 30 li, skont in-nota dwar is-subintestatura 0207 12 10, tapplika mutatis mutandis għall din tal-aħħar, din l-aħħar intestatura “[t]inkludi [b’mod partikolari] tiġieġ għax-xiwi, li huma tiġieġ imnittfin [...]”. Konsegwentement, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-karkassi inkwistjoni, huwa importanti li jiġi ddeterminat jekk il-preżenza ta’ xi rix żgħir, rix li jiksi t-tjur, ponot tar-rix u pil huwiex tali li taffettwa l-karatteristika tat-tiġieġa inkwistjoni li tkun lesta “għax-xiwi”.

80      Il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni jirreferu, f’dan ir-rigward, għar-rekwiżiti ta’ kwalità stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1538/91, tal-5 ta’ Ġunju tal-1991, li jintroduċi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1906/90 dwar ċerti standards ta’ tqegħid fis-suq għat-tjur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 272).

81      Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 6(2) tal-imsemmi regolament, il-preżenza ta’ xi ftit rix żgħir, pezzijiet (ponot tar-rix) u pil (filopjumi) fuq is-sider, saqajn, ramp, ġogi tas-sieq u ponot tal-ġwienaħ wara l-proċess ta’ tnittif ma jostakolax li karkassa tidaħħal fil-klassi ta’ prodotti A għat-tqegħid fis-suq tagħha fis-suq Komunitarju. Barra minn hekk, it-tiġieġ tal-klassi B jistgħu wkoll jitqiegħdu fis-suq, iżda skont l-Artikolu 7(5) tal-imsemmi regolament, ir-regoli applikabbli għalihom huma inqas eżiġenti minn dawk għat-tiġieġ tal-klassi A. Għaldaqstant, huwa illoġiku li l-għoti ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni jiġi rrifjutat għal karkassi li jistgħu jitqiegħdu fis-suq mingħajr ebda restrizzjoni fl-Unjoni Ewropea u f’pajjiżi terzi, minħabba li l-prodott ma jaqax f’kodiċi ta’ prodott tan-Nomenklatura tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni.

82      Min-naħa l-oħra, skont il-Hauptzollamt Hamburg-Jonas, ir-Regolament Nru 1538/91 ma japplikax għal-laħam tat-tjur intiżi għall-esportazzjoni barra mill-Unjoni u d-dispożizzjonijiet tiegħu ma humiex rilevanti fid-dawl tal-evalwazzjoni tariffarja tal-prodotti jew tal-interpretazzjoni tad-dritt tariffarju. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kwalità tajba, ġenwina u li tista’ tiġi kkummerċjalizzata tal-prodotti fil-kuntest tad-dritt għal ħlas lura.

83      Għal dak li jirrigwarda l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1538/91, f’każ bħal dik fil-kawża prinċipali, qabel kollox għandu jitfakkar li l-imsemmi regolament għandu l-għan li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1906/90 li jipprovdi espliċitament, fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(3) tiegħu, li huwa ma japplikax għal-laħam tat-tjur intiż għall-esportazzjoni barra mill-Komunità.

84      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 39 tas-sentenza tagħha, Nowaco Germany, iċċitata iktar ’il fuq, li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1538/91 li jistabbilixxu n-normi minimi ta’ kwalità u l-marġni ta’ tolleranża għat-tqiegħid fis-suq tal-laħam tat-tjur fis-suq Komunitarju, b’mod partikolari l-Artikoli 6 u 7 tiegħu, japplikaw ukoll għad-determinazzjoni tal-“kwalità tajba, ġenwina u li tista’ tiġi kkummerċjalizzata” ta’ oġġett li għalih jintalab ħlas lura fuq l-esportazzjoni.

85      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżit ta’ kwalità tajba, ġenwina u li tista’ tiġi kkummerċjalizzata, mitluba mill-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 800/1999, u l-klassifikazzjoni ta’ prodott fl-intestatura tariffarja tan-Nomenklatura tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni prevista mir-Regolament Nru 3846/87 jikkostitwixxu, bħala regola ġenerali, żewġ rekwiżiti essenzjali distinti għall-għoti ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni.

86      Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija kundizzjonijiet, jiġifieri, min-naħa, il-karatteristiċi ta’ tiġieġa mnittfa għax-xiwi koperta mis-subintestatura 0207 12 10 u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit ta’ kwalità tajba, ġenwina u li tista’ tiġi kkummerċjalizzata, għandhom tendenza li jersqu lejn xulxin.

87      Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula fil-Kawża C‑325/10 għandha tkun li s-subintestatura 0207 12 10 tal-Anness I tar-Regolament Nru 3846/87, kif emendat bir-Regolament Nru 2765/1999, għandha tiġi interpretata fis-sens li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni għall-ħlas lura fuq l-esportazzjoni, karkassa ta’ tjur li, fi tmiem il-proċess mekkaniku ta’ tnittif, ikun għad hemm imwaħħal magħha xi rix żgħir, rix li jiksi t-tjur, ponot tar-rix u pil, taqa’ taħt din is-subintestatura sakemm dawn il-fdalijiet ta’ rix ikunu kompatibbli mal-karatteristika ta’ tiġieġa għax-xiwi u ma’ kwalità tajba, ġenwina u li tista’ tiġi kkummerċjalizzata.

 Kawża C‑326/10

Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑326/10

88      Permezz tal-ewwel domanda tagħha f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kodiċi tal-prodott 0207 12 90 9990 tal-Anness I tar-Regolament Nru 3846/87, kif emendat bir-Regolament Nru 2765/1999, għandux jiġi interpretat fis-sens li karkassa ta’ tjur li fiha ġewwieni li ma huwiex aċċettabbli, f’dan il-każ, it-trakea, għadu mwaħħal ma’ ġewwieni awtorizzat minn dan il-kodiċi ta’ prodott, f’dan il-każ, l-għonq, taqa’ taħt dan il-kodiċi.

89      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandhom jitfittxu, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-prodotti, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestaturi tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet.

90      Il-kodiċi tal-prodott 0207 12 90 9990 huwa relatat mal-prodotti li ġejjin: tjur tal-ispeċi Gallus domesticus, imnittfa u msewwija, bla rjus u bla saqajn imma bl-għenuq, il-qlub, il-fwied u l-qnieżaħ f’kompożizzjoni irregolari.

91      Għaldaqstant, mill-kliem tal-istess kodiċi tal-prodott jirriżulta li l-ebda karkassa ta’ tiġieġ ma tista’ tiġi kklassifikata fih jekk ikun fiha ġewwieni ieħor li ma huwiex wieħed minn dawk espressament imsemmija fl-imsemmi kodiċi tal-prodott. B’mod partikolari, il-formulazzjoni “[…] msewwija, bla rjus u bla saqajn imma bl-għenuq, il-qlub, il-fwied u l-qnieżaħ f’kompożizzjoni irregolari” teskludi li organu ieħor, bħat-trakea, jista’ jkun preżenti fi prodott li jaqa’ taħt il-kodiċi tal-prodott 0207 12 90 9990 flimkien mal-ġewwieni msemmija jew minflokhom.

92      Fir-rigward tar-riferiment magħmul mill-qorti tar-rinviju u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għall-marġni ta’ tolleranza previsti mir-Regolament Nru 1538/91 għal dak li jikkonċerna r-rekwiżiti ta’ kwalità applikabbli għall-karkassi ta’ tjur, fi kwalunkwe każ għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet li huma rreferew għalihom, jiġifieri l-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 1538/91, ma jippreċiżawx jekk it-trakea tistax tkun għada mwaħħla mal-għonq.

93      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑326/10 għandha tkun li l-kodiċi tal-prodott 0207 12 90 9990 tal-Anness I tar-Regolament Nru 3846/87, kif emendat bir-Regolament Nru 2765/1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li karkassa ta’ tjur li t-trakea tkun għadha mwaħħla mal-għonq ma taqax taħt il-kodiċi ta’ dan il-prodott.

Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑326/10

94      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk waqt kontroll doganali, intiż sabiex jiġi stabbilit jekk il-prodotti ppreżentati għall-esportazzjoni humiex konformi mal-intestatura tariffarja indikata fid-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni, għandux jiġi aċċettat marġni ta’ tolleranza tali li anomalija ma tippreġudikax il-ħlas lura.

95      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kawża preżenti, l-uffiċċju doganali kompetenti ħa żewġ kaxxi bħala kampjuni, fosthom kaxxa bħala kampjun ta’ riżerva, li kull ma kien fiha kienu għaxar karkassi ta’ tjur. Mill-eżami ta’ waħda mill-imsemmija kaxxi rriżulta li disa’ karkassi kienu konformi mal-intestatura tariffarja ddikkjarata fit-talba għal ħlas lura u li waħda minnhom ma kinitx.

96      Skont il-qorti tar-rinviju u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fid-dawl tat-tnaqqis tal-ammont tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni u tas-sanzjoni li tista’ possibbilment tiġi imposta abbażi tal-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 800/1999, il-kontroll tal-prodotti intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn humiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-intestatura tariffarja ddikjarata għandu jkun ibbażat fuq kampjun rappreżentattiv, u dan ma huwiex il-każ meta l-awtoritajiet doganali jillimitaw ruħhom għal kampjun wieħed biss u li prodott wieħed biss jirriżulta mhux konformi.

97      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirreferu għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2457/97, tal-10 ta’ Diċembru 1997, dwar it-teħid ta’ kampjuni fil-kuntest ta’ kontroll fiżiku ta’ qatgħat taċ-ċanga bla għadam li jibbenefikaw minn ħlas lura fuq l-esportazzjoni (ĠU L 340, p. 29), fejn il-leġiżlatur Komunitarju rrikonoxxa espressament, fil-fehma tagħhom, marġni ta’ żball fid-dritt dwar il-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni.

98      Fir-rigward tal-prodotti koperti minn dan ir-regolament, l-Artikolu 3(1) tiegħu jobbliga lill-awtoritajiet doganali jivverifikaw jekk kull qatgħa taċ-ċanga bla għadam inkluża fl-ewwel kaxxa hijiex ippakkjata individwalment jew jekk kull pakkett jinkludix iktar minn qatgħa waħda u fil-każ li dawn il-kundizzjonijiet ma humiex osservati, għandhom isiru l-istess verifiki għall-kampjun ta’ riżerva. Fit-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, hemm ipprovdut li meta fuq total ta’ żewġ kaxxi jkun hemm qatgħa waħda biss mhux ippakkjata individwalment, jew jekk pakkett wieħed ikun fih iktar minn qatgħa waħda, dan ma għandux jitqies li huwa irregolarità u l-ħlas lura għandu jingħata.

99      Il-qorti tar-rinviju u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirrikonoxxu li l-imsemmi regolament jikkonċerna biss l-esportazzjoni tal-qatgħat taċ-ċanga bla għadam ippakkjati individwalment, iżda f’din id-dispożizzjoni huma jaraw l-espressjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit mid-dritt Komunitarju li għandu japplika f’dan il-każ. Fil-fehma tagħhom, il-fatt li l-kampjun ta’ riżerva ma ġiex eżaminat fil-kawża prinċipali ma għandux jipperġudika lir-rikorrenti.

100    F’dan ir-rigward huwa importanti li jiġi rrilevat li l-estrapolazzjoni mwettqa mill-Hauptzollamt Hamburg-Jonas hija pprovduta fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 2913/92. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, meta l-eżami jirrigwarda biss parti mill-oġġetti li huma s-suġġett tal-istess dikjarazzjoni, ir-riżultati ta’ dan l-eżami huma validi għall-oġġetti kollha ta’ din id-dikjarazzjoni.

101    Din il-finzjoni tal-kwalità uniforma ma tapplikax biss għall-eżamijiet imwettqa abbażi tal-leġiżlazzjoni doganali, peress li l-imsemmi Artikolu 70 huwa wieħed mid-dispożizzjonijiet doganali ġenerali li japplikaw għad-dikjarazzjonijiet kollha ta’ esportazzjoni dwar oġġetti li huma s-suġġett ta’ ħlas lura, bla ħsara għal dispożizzjonijiet partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nowaco Germany, iċċitata iktar ’il fuq, punti 47, 49 u 56).

102    Għaldaqstant, l-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 2913/92 hija rilevanti għall-kontroll tan-natura tal-prodotti mwettaq mill-awtoritajiet doganali bl-għan li tiġi żgurata l-konformità tal-prodotti ppreżentati għall-esportazzjoni mal-intestatura tariffarja indikata fid-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni.

103    Barra minn hekk, bil-kontra tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2457/97 li jirrigwardaw iċ-ċanga, fil-kuntest tal-kontroll tal-karkassi ta’ tjur, ma jeżistux dispożizzjonijiet li jipprovdu relazzjoni ta’ rappreżentazzjoni speċifika bejn in-numru ta’ karkassi ta’ tiġieġ mhux konformi u n-numru ta’ karkassi eżaminati.

104    Fi kwalunkwe każ, l-effett legali li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 2913/92 fil-kuntest tal-kontroll tal-intestaturi tariffarji indikati fid-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

105    Peress li s-sistema tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni tibbaża ruħha fuq dikjarazzjonijiet fakultattivi, meta l-esportatur iddeċieda bir-rieda tiegħu stess li jibbenefika minnha, huwa għandu jipprovdi l-informazzjoni rilevanti li hija neċessarja sabiex jistabbilixxi d-dritt għall-ħlas lura u għad-determinazzjoni tal-ammont tiegħu. Billi jiddikjara prodott fil-kuntest tal-proċedura ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni, esportatur ikun qiegħed jindika li dan il-prodott jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għal dan il-ħlas lura.

106    Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 2913/92 jipprovdi l-possibbiltà għal min jagħmel id-dikjarazzjoni li jitlob eżami addizzjonali tal-prodotti meta huwa jqis li r-riżultati tal-eżami parzjali tal-oġġetti ddikjarati ma humiex validi għall-bqija ta’ dawn il-prodotti. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tippermetti fiha nnifisha li jiġi żgurat li r-riżultat tal-eżami parzjali ma jkollux konsegwenzi sproporzjonati.

107    Fid-dawl ta’ li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑326/10 għandha tkun li, waqt kontroll doganali, intiż sabiex jiġi stabbilit jekk l-oġġetti ppreżentati għall-esportazzjoni humiex konformi mal-intestatura tariffarja indikata fid-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni, ir-riżultati ta’ eżami parzjali tal-prodotti ddikkjarati japplikaw għall-prodotti kollha tad-dikjarazzjoni, skont l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 2913/92. Ma jistax jiġi aċċettat marġni ta’ żball li jippermetti l-kunsiderazzjoni li anomalija ma hijiex ta’ preġudizzju għall-ħlas lura.

 Fuq l-ispejjeż

108    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-subintestatura 0207 12 90 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3846/87, tas-17 ta’ Diċembru 1987, li jistabbilixxi nomenklatura ta’ prodotti agrikoli għal rifużjoni tal-esportazzjoni, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2091/2005, tal-15 ta’ Diċembru 2005, li jippubblika, għall-2006, in-nomenklatura tal-prodotti agrikoli għall-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, għandha tiġi interpretata fis-sens li karkassa ta’ tjur li taqa’ taħt din is-subintestatura għandha tkun kompletament imsewwija b’tali mod li jkun ta’ preġudizzju għall-klassifikazzjoni tariffarja tagħha li parti mill-imsaren jew mit-trakea, pereżempju, tkun għadha mwaħħla mal-karkassa fi tmiem il-proċess mekkaniku ta’ tbattil.

2)      Il-kodiċi tal-prodott 0207 12 90 9990 tal-Anness I tar-Regolament Nru 3846/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2765/1999, tas-16 ta’ Diċembru 1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kompożizzjoni irregolari” jawtorizza l-preżenza ta’ mhux iktar minn erba’ ġewwieni biss f’karkassa, fost dawk imsemmija minnu, ta’ tip wieħed jew iktar, sakemm it-total ta’ erbgħa jiġi osservat.

3)      Is-subintestatura 0207 12 10 tal-Anness I tar-Regolament Nru 3846/87, kif emendat bir-Regolament Nru 2765/1999, għandha tiġi interpretata fis-sens li karkassa ta’ tjur li fiha wieħed mill-ġewwieni msemmija f’din is-subintestatura, jiġifieri l-għonq, il-qalb, il-fwied jew il-qanżħa, ikun preżenti iktar minn darba ma taqax taħt din is-subintestatura.

4)      Is-subintestatura 0207 12 10 tal-Anness I tar-Regolament Nru 3846/87, kif emendat bir-Regolament Nru 2765/1999, għandha tiġi interpretata fis-sens li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni għall-ħlas lura fuq l-esportazzjoni, karkassa ta’ tjur li, fi tmiem il-proċess mekkaniku ta’ tnittif, ikun għad hemm imwaħħal magħha xi rix żgħir, rix li jiksi t-tjur, ponot tar-rix u pil, taqa’ taħt din is-subintestatura sakemm dawn il-fdalijiet ta’ rix ikunu kompatibbli mal-karatteristika ta’ tiġieġa għax-xiwi u ma’ kwalità tajba, ġenwina u li tista’ tiġi kkummerċjalizzata.

5)      Il-kodiċi tal-prodott 0207 12 90 9990 tal-Anness I tar-Regolament Nru 3846/87, kif emendat bir-Regolament Nru 2765/1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li karkassa ta’ tjur li t-trakea tkun għadha mwaħħla mal-għonq ma taqax taħt il-kodiċi ta’ dan il-prodott.

6)      Waqt kontroll doganali intiż sabiex jiġi stabbilit jekk il-prodotti ppreżentati għall-esportazzjoni humiex konformi mal-intestatura tariffarja indikata fid-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni, ir-riżultati ta’ eżami parzjali tal-prodotti ddikkjarati japplikaw għall-prodotti kollha tad-dikjarazzjoni, skont l-Artikolu 70(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità. Ma jistax jiġi aċċettat marġni ta’ żball li jippermetti l-kunsiderazzjoni li anomalija ma hijiex ta’ preġudizzju għall-ħlas lura.

Firem


*Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.