Language of document : ECLI:EU:T:2012:105

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

6 ta’ Marzu 2012 (*)

“FAEGG — Sezzjoni ‘Garanzija’ — Infiq eskluż mill-finanzjament — Frott u ħxejjex — Obbligu ta’ ġustifikazzjoni tal-infiq — Kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi”

Fil-Kawża T‑230/10,

Ir-Renju ta’ Spanja, inizjalment irrappreżentat minn M. Muñoz Pérez u A. Rubio González, sussegwentement minn M. Rubio González, abogados del Estado,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Jimeno Fernández, bħala aġent,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/152/UE, tal-11 ta’ Marzu 2010, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt it-Taqsima ta’ Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 63, p. 7), sa fejn teskludi ċertu nfiq li sar mir-Renju ta’ Spanja fis-settur tal-frott u tal-ħxejjex,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe (Relatur) u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Novembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-7 ta’ April 2008, wara ħames inkjesti, bir-referenzi FV/2004/381/ES, FV/2005/301/ES, FV/2005/302/ES, FV/2006/354/ES, FV/2005/385/ES, imwettqa mid-dipartiment tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej responsabbli mill-kontabbiltà ta’ nfiq agrikolu, dwar l-għajnuna fis-settur tal-frott u tal-ħxejjex, il-Kummissjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1258/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414), innotifikat lill-awtoritajiet Spanjoli l-konklużjonijiet tagħha dwar l-imsemmija inkjesti.

2        B’ittra tas-27 ta’ Mejju 2008, ir-Renju ta’ Spanja talab l-intervent tal-bord ta’ konċiljazzjoni. Fid-29 ta’ Ottubru 2008, il-bord ta’ konċiljazzjoni ppreżenta r-rapport finali tiegħu. Fil-25 ta’ Awwissu 2009, il-Kummissjoni kkomunikat il-pożizzjoni finali tagħha lir-Renju ta’ Spanja.

3        Abbażi tal-argumenti ppreżentati fir-rapport sommarju tat-30 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/152/UE, tal-11 ta’ Marzu 2010, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt it-Taqsima ta’ Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 63, p. 7, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), iddeċidiet li teskludi mill-finanzjament, b’mod partikolari, żewġ tipi ta’ nfiq li saru mir-Renju ta’ Spanja fis-settur tal-frott u tal-ħxejjex.

4        Minn naħa, il-Kummissjoni applikat l-ewwel korrezzjoni speċifika, ta’ ammont totali ta’ EUR 33 339 525.05, għall-infiq iddikjarat bħala spejjeż ta’ ġestjoni tal-imballaġġ, minħabba n-natura ineliġibbli tal-ispejjeż sostnuti fir-rigward tal-ġestjoni ambjentali tal-imballaġġ. Min-naħa l-oħra, hija applikat it-tieni korrezzjoni speċifika ta’ 100 %, ta’ ammont totali ta’ EUR 4 940 378.44, għall-għajnuna mogħtija lill-organizzazzjoni tal-produtturi SAT Royal (iktar ’il quddiem l-“OP SAT Royal”) minħabba nuqqasijiet fl-applikazzjoni ta’ kriterji għar-rikonoxximent tagħha.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

5        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Mejju 2010, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta din il-kawża.

6        Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni ċertu nfiq innotifikat mir-Renju ta’ Spanja;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

7        Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

 Id-dritt

8        Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jqajjem żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa essenzjalment ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni, fir-rigward tal-esklużjoni tal-ispejjeż li nibtu mill-ġestjoni ambjentali tal-imballaġġ, fl-interpretazzjoni li hija għamlet tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, tat-28 ta’ Ottubru 1996, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 20, p. 55), u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1433/2003, tal-11 ta’ Awissu 2003, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 dwar il-fondi operattivi, programmi operazzjonali u għajnuna finanzjarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 39, p. 431). It-tieni motiv huwa essenzjalment ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni, fir-rigward tan-nuqqasijiet tas-sistema ta’ kontroll tar-rikonoxximent tal-OP SAT Royal, fl-interpretazzjoni tagħha tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1432/2003, tal-11 ta’ Awwissu 2003, li jistabbilixxi r-regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 li jirrigwarda l-kondizzjonijiet għall-għarfien tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-għarfien preliminari tal-gruppi tal-produtturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 39, p. 424).

 Fuq l-ewwel motiv

9        Fil-kuntest tal-ewwel motiv, il-partijiet essenzjalment ma jaqblux dwar jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2200/96 u r-Regolament Nru 1433/2003 jimponux li l-ispejjeż addizzjonali li nibtu minn ġestjoni ambjentali tal-imballaġġi ikunu sostnuti direttament jew indirettament mill-organizzazzjoni ta’ produtturi (iktar ’il quddiem l-“OP”) u li din tal-aħħar, sabiex tirċievi l-għajnuna finanzjarja msemmija fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2200/96, għandhiex tehmeż mal-applikazzjoni tagħha għal għajnuna, prova bil-miktub preċiża li tiġġustifika l-imsemmija spejjeż.

10      Preliminarjament, għandhom jitfakkru d-dispożizzjonijiet u l-ġurisprudenza rilevanti għall-eżami tal-ewwel motiv.

11      L-ewwel nett, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2200/96 jipprovdi:

“1. Assistenza finanzjarja mill-[Unjoni] għandha tingħata skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi li jistabbilixxu fond ta’ operazzjoni.

Dan il-fond għandu jkun mantenut minn kontribuzzjonijiet finanzjarji mposti fuq il-produtturi membri fuq il-bażi tal-kwantitajiet jew valur tal-frott u ħaxix attwalment imqiegħda fis-suq u mill-assistenza finanzjarja li għaliha jirreferi l-ewwel subparagrafu.

2. Fondi operazzjonali kif indikati fil-paragrafu 1 għandhom jintużaw għal:

a)      il-finanzjament kemm ta’ irtirar mis-suq u kemm għall-ipproċessar tal-frott taċ-ċitru skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3;

b)       il-finanzjament ta’ programm operazzjonali sottomess lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u approvat minnhom taħt l-Artikolu 16(1).

[…]

5. L-assistenza finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ugwali għall-ammont tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji indikati f’dak il-paragrafu kif attwalment imħallsa iżda limitati sa 50 % ta’ l-ispiża li tkun intnefqet realment skond il-paragrafu 2.

[…]”

12      L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1433/2003, intitolat “Applikazzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 2(ċ) tiegħu, li “[l]-applikazzjonijiet għandhom jkunu akkumpanjati minn dokumenti ta’ sostenn li juru [...] l-ispejjeż li ntefqu għall-programm operazzjonali”.

13      Skont il-punt 2(ċ) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1433/2003, intitolat “Kontenut mhux obbligatorju tal-programmi operazzjonali”, li jirreferi għall-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament, il-programmi operazzjonali jistgħu, b’mod partikolari, jinkludu punti dwar “valur speċifiku għal [...] miżuri ambjentali, li jinkludu l-ispejjeż li ġejjin mill-amministrazzjoni ambjentali ta’ l-ippakkjar”.

14      Fl-aħħar tal-punt 2(ċ) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1433/2003, hemm riferiment għal nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 3 li tipprovdi:

“L-amministrazzjoni ambjentali ta’ l-ippakkjar għandha bżonn tkun ġustifikata kif suppost u tħares il-kriterji ta’ l-Anness II tad-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-Ippakkjar u skart ta’ l-Ippakkjar [...]”

15      It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-FAEGG jiffinanzja biss l-interventi mwettqa skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli (ara sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑349/97, Ġabra p. I‑3851, punti 45 sa 47 u 49, u tal-24 ta’ Frar 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑300/02, Ġabra p. I‑1341, punti 32 sa 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16      Sussegwentement, għandhom jiġu eżaminati prinċipalment l-argumenti esposti mir-Renju ta’ Spanja insostenn tal-ewwel motiv.

17      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, huwa b’mod żbaljat li r-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni aċċettat li l-awtoritajiet Spanjoli kienu stabbilixxew korrettament ir-rata fissa ta’ 17 % li huma kienu applikaw għall-ispejjeż addizzjonali meta mqabbla mal-ispejjeż normali. Fil-fatt, mill-faxxikolu jirriżulta li, minkejja li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li r-rata ta’ 17 % stabbilita fil-każ ineżami ma hijiex, fiha nfisha, sproporzjonata, min-naħa l-oħra, hija takkuża lir-Renju ta’ Spanja li, fil-kalkolu ta’ din ir-rata, inkluda l-ispejjeż tal-ġestjoni ambjentali tal-imballaġġi mingħajr ma pproduċa ebda prova li l-imsemmija spejjeż kienu ġew sostnuti mill-OP jew mill-membri tagħhom.

18      It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk, kif isostni r-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni wettqitx żball ta’ liġi billi imponiet li l-ispejjeż li nibtu minn ġestjoni ambjentali tal-imballaġġi jkunu neċessarjament sostnuti mill-OP.

19      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont id-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(5) tar-Regolament Nru 2200/96, l-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Unjoni għandha tiġi kkalkolata fid-dawl tal-“ispiża li tkun [intefqet] realment” b’mod partikolari fil-kuntest tal-finanzjament mill-fondi operazzjonali ta’ programm operazzjonali. Bl-istess mod, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1433/2003, l-applikazzjonijiet għal għajnuna ppreżentati mill-OP għandhom jinkludu dokumenti probatorji dwar l-infiq sostnut fil-programm operazzjonali.

20      Mill-imsemmija dispożizzjonijiet jirriżulta li għajnuna finanzjarja tal-Unjoni tista’ tingħata biss lill-OP, fir-rigward ta’ programm operazzjonali, bil-kundizzjoni li tiġi prodotta prova li l-infiq fl-imsemmi programm ġie effettivament sostnut.

21      Din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati ma tistax tiġi kkonfutata bl-argument, żviluppat mir-Renju ta’ Spanja, li jipprovdi li tali rekwiżit ma japplikax għall-programmi operazzjonali li jinkludu spejjeż li jinbtu minn ġestjoni ambjentali tal-imballaġġi, sa fejn mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 1994, dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 13, p. 349), li hemm riferiment għalihom fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 3, fl-Anness I tar-Regolament Nru 1433/2003, jirriżulta li l-ġestjoni ta’ dawn l-imballaġġi għandha ssir mid-distributuri, b’mod li jkun illoġiku li l-imsemmi regolament jeżiġi li l-OP ibatu l-ispejjeż ta’ operazzjoni ta’ ġestjoni tal-imballaġġi li ma hijiex responsabbiltà tagħhom.

22      Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li r-regola mfakkra fil-punt 20 iktar ’il fuq ma teskludix teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż li jinbtu minn ġestjoni ambjentali tal-imballaġġi meta, bħala ma huwa l-każ ineżami, l-imsemmija spejjeż huma sostnuti direttament mid-distributuri u indirettament mill-OP. Fil-fatt, l-unika prova meħtieġa hija dik li l-ispejjeż inkwistjoni jkunu sostnuti, direttament jew indirettament, mill-OP.

23      Sussegwentement, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1433/2003 jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2200/96 fir-rigward tal-fondi operazzjonali, tal-programmi operazzjonali u tal-għajnuna finanzjarja. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 19 u 20 iktar ’il fuq, l-Artikolu 18(2)(c) tar-Regolament Nru 1433/2003, sa fejn jipprovdi li l-applikazzjonijiet għal għajnuna mressqa mill-OP għandhom jinkludu dokumenti probatorji dwar l-infiq li ġie sostnut fil-programm operazzjonali, jimplementa r-regola prevista fl-Artikolu 15(5) tar-Regolament Nru 2200/96.

24      Min-naħa l-oħra, la r-Regolament Nru 2200/96, la r-Regolament Nru 1433/2003, u lanqas id-Direttiva 94/62, li hemm riferiment għaliha, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 3 fl-Anness I tar-Regolament Nru 1433/2003, ma jipprovdu għal deroga, li tkun tapplika fil-kuntest ta’ programmi operazzjonali li jinkludu spejjeż li jinbtu minn ġestjoni ambjentali tal-imballaġġi, mir-regola li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(5) tar-Regolament Nru 2200/96 u tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1433/2003, li tipprovdi li l-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Unjoni hija kkalkolata fir-rigward tal-ispejjeż reali sostnuti u għalhekk murija mill-applikant għall-għajnuna, jiġifieri f’dan il-każ, l-OP.

25      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li huwa b’mod żbaljat li r-Renju ta’ Spanja jallega li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta ħtieġet li l-ispejjeż li jinbtu minn ġestjoni ambjentali tal-imballaġġi jkunu neċessarjament sostnuti mill-OP.

26      It-tielet nett, għandu jiġi evalwat jekk, kif isostni r-Renju ta’ Spanja, ir-rekwiżit li l-OP tipproduċi prova li hija sostniet, direttament jew indirettament, l-ispejjeż li nibtu minn ġestjoni ambjentali tal-imballaġġi huwiex spoporzjonat.

27      B’mod iktar preċiż, ir-Renju ta’ Spanja isostni li, minn naħa, l-OP ma humiex marbuta jipprovdu dokument probatorju li jindika l-ammont eżatt tas-somom imħallsa għal ġestjoni ambjentali tal-imballaġġi u li, min-naħa l-oħra, id-distributuri jittrasferixxu dawn l-ispejjeż lill-OP, bħall-ispejjeż tal-produzzjoni.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 2007, Geuting, C‑375/05, Ġabra p. I‑7983, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni ta’ tali prinċipju, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tal-politika agrikola komuni, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura, meta mqabbla mal-għan imħaddan mill-Kummissjoni, li tista’ teffettwa l-legalità ta’ tali miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Geuting, punt 28 iktar ’il fuq, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Fil-każ ineżami, l-ewwel nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Renju ta’ Spanja, li jipprovdi li l-Anness I tar-Regolament Nru 1433/2003 jawtorizza l-inklużjoni, fil-programmi operazzjonali, tal-ispejjeż li jinbtu minn ġestjoni ambjentali tal-imballaġġi, mingħajr ma jimponi ebda kundizzjoni dwar il-persuna li għandha ssostnihom.

31      Fil-fatt, kif intqal fil-punt 24 iktar ’il fuq, ir-Regolamenti Nru 2200/96 u Nru 1433/2003 ma jipprovdu ebda deroga għar-regola li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(5) tar-Regolament Nru 2200/96 u tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1433/2003.

32      It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li essenzjalment isostni r-Renju ta’ Spanja, ma jistax jiġi ammess li, sabiex jintwera li l-ispejjeż ġew effettivament indirettament sostnuti mill-OP, huwa biżżejjed li tiġi aċċettata l-allegata ipoteżi loġika li, fid-dawl tal-prassi, il-prezz ta’ bejgħ iffatturat mill-OP lid-distributuri tnaqqas sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn tal-aħħar sostnew l-ispejjeż tal-ġestjoni tal-imballaġġi tal-prodotti kkonċernati.

33      Fil-fatt, minn naħa, tali argument jikser b’mod manifest ir-regola mfakkra fil-punt 20 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi eskluż li, minflok tnaqqis tal-prezz tal-bejgħ iffatturat mill-OP lid-distributuri, l-ispejjeż addizzjonali li jinbtu mill-ġestjoni ambjentali tal-imballaġġi jiġu ttrasferiti lejn il-fażi sussegwenti tal-proċess kummerċjali permezz ta’ żieda ta’ prezz iffatturata mid-distributuri lill-klijenti tagħhom.

34      Għalhekk, l-uniku mod li bih tista’ tiġi sodisfatta r-regola mfakkra fil-punt 20 iktar ’il fuq huwa li l-applikant għal għajnuna jkun jista’ jistabbilixxi li, direttament jew indirettament, ġie effettivament sostnut l-infiq.

35      It-tielet nett, kuntrarjament għal dak li jallega r-Renju ta’ Spanja, in-neċessità ta’ tali dimostrazzjoni ma hijiex eskluża meta, bħal fil-każ inkwistjoni, l-Istat Membru, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1433/2003, ikun stabbilixxa b’mod approssimattiv l-ispejjeż addizzjonali li jinbtu mill-ġestjoni tal-imballaġġi meta mqabbla mal-ispejjeż normali. Fil-fatt, tali dikjarazzjoni għandha bħala konsegwenza li, bi ksur tar-regola mfakkra fil-punt 20 iktar ’il fuq, huwa possibbli għall-OP li ma sostnew ebda spejjeż addizzjonali li jibbenefikaw mill-għajnuna inkwistjoni.

36      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argumenti mqajma mir-Renju ta’ Spanja ma jiħdux suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-għan leġittimu mħaddan mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni li, kif tfakkar fil-punt 15 iktar ’il fuq, huwa li jiġi ggarantit li l-interventi finanzjarji jitwettqu skont id-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli. Konsegwentement, la l-argument sostnut mir-Renju ta’ Spanja u lanqas il-provi fil-fajl ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li, billi ħtieġet li l-OP tipproduċi prova li sostniet l-ispejjeż li nibtu minn ġestjoni ambjentali tal-imballaġġ, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

37      Bħala konklużjoni, peress li ebda argument espost mir-Renju ta’ Spanja insostenn tal-ewwel motiv ma huwa fondat, l-imsemmi motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv

38      Fil-kuntest tat-tieni motiv, il-partijiet essenzjalment ma jaqblux dwar jekk l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1432/2003 japplikax biss għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jipproduċu frott u ħxejjex li, bħala membri, jiffurmaw OP, bħall-OP SAT Royal, jew jekk japplikax ukoll, meta l-membri jkunu persuni ġuridiċi, għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jikkontrollaw il-kapital azzjonarju tagħhom.

39      Fl-ewwel lok, għandhom jitfakkru d-dispożizzjonijiet rilevanti sabiex jiġi eżaminat it-tieni motiv.

40      L-Artikolu 11(1)(d)(3) tar-Regolament Nru 2200/96 jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘organizzazzjoni ta’ produtturi’ tfisser kull entità legali:

[…]

d)      ir-regoli ta’ assoċjazzjoni li jipprovdu għal:

      […]

3) regoli li jippermettu lill-membri ta’ produtturi b’mod demokratiku li jiflu l-organizzazzjoni tagħhom u d-deċiżjonijiet tagħhom;

[…]”

41      Skont il-premessa 14 tar-Regolament Nru 1432/2003:

“Sabiex jiġi żgurat illi l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jirrappreżentaw b’mod ġenwin numru minimu ta’ produtturi, l-Istati Membri għandhom jieħdu passi sabiex jiżguraw illi minoranza tal-membri li jistgħu jgħoddu għal-massa tal-produzzjoni f’[OP] ma jiddominawx mingħajr mistħoqq il-ġestjoni u l-ħidma tagħha.”

42      L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1432/2003, intitolat “Id-daqs minimu ta’ l-organizzazzjoniet tal-produtturi”, jipprovdi:

“In-numru minimu tal-membri riferit fl-Artikolu 11(2)(a) tar-Regolament [...] Nru 2200/96 huwa hawnhekk iffissat għal ħames produtturi skond il-kategorija.”

43      L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1432/2003, intitolat “Il-membri mhux produtturi” jipprovdi:

“1. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu jekk u fuq liema kondizzjonijiet kull in[d]ividwu jew persuna legali li ma jkunux produtturi jistgħu jiġu aċċettati bħala membri ta’ [OP].

2. Meta jiffissaw il-kondizzonijiet riferiti fil-paragafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, skond l-Artikolu 11(1)(a) u (d)(3) tar-Regolament [2200/96], illi:

[…]

b)      ir-regoli ta’ l-assoċjazzjoni ta’ l-[OP] għandu jkun fihom regoli li jgħinu lill-membri produtturi jiskrutinizzaw l-oganizzazzjoni tagħhom u d-deċiżjonijiet b’mod demokatiku.

[…]”

44      Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1432/2003, intitolat “Il-kontabbiltà demokratika ta’ l-organizzazzjoniet tal-produtturi”:

“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri kif meħtieġ sabiex jiġu evitati kull abbuż ta’ poter jew influwenza minn membru jew iktar fuq il-ġestjoni u l-ħidma ta’ [OP].

2. L-ebda membru ta’ organizzazzjoni tal-produtturi ma jista’ jkollu iktar minn 20 % tad-drittijiet għall-voti. Madankollu, l-Istat Membru jista’ jżid dan il-perċentwal sa massimu ta’ 49 % fil-proporzjon tal-kontribuzzjoni tal-membri għall-valur tal-produzzjoni mqiegħda fis-suq ta’ l-[OP].”

45      Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati, fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-argumenti sostnuti mir-Renju ta’ Spanja insostenn tat-tieni motiv, li huwa maqsum f’żewġ partijiet.

46      Fir-rigward tal-ewwel parti, li hija l-parti prinċipali, ir-Renju ta’ Spanja jikkritika lill-Kummissjoni li kkunsidrat li l-istess persuna ġuridika, li ma kinitx produttur, eżerċitat kontroll fuq erba’ minn disa’ persuni ġuridiċi membri tal-OP SAT Royal, u dan sa fejn din il-persuna fiżika kienet iżżomm 76 % tal-kapital ta’ wieħed minn dawn l-erba’ persuni ġuridiċi u kważi 100 % tal-kapital tat-tlieta l-oħra u għalhekk, li kisret id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tal-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament Nru 1432/2003. Fil-fatt, skont ir-Renju ta’ Spanja, il-membri ġenwini ta’ din l-OP kienu biss dawn id-disa’ persuni ġuridiċi, li huma kumpanniji kummerċjali, u kull waħda minnhom kellha, skont id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, inqas minn 20 % tad-drittijiet tal-vot.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 2200/96 u Nru 1432/2003 imfakkra fil-punti 40 sa 43 iktar ’il fuq jirriżulta li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-OP hija intiża li tiggarantixxi l-funzjonament demokratiku tagħhom, u dan permezz ta’ żewġ prinċipji.

48      Minn naħa, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(1)(d)(3) tar-Regolament Nru 2200/96, il-membri produtturi tal-OP għandhom jikkontrollaw l-organizzazzjoni tagħhom u d-deċiżjonijiet tagħha. Barra minn hekk, dan il-prinċipju huwa espressament ikkonfermat mid-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament Nru 1432/2003.

49      Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 4 u mill-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1432/2003 jirriżulta li OP għandha tinkludi, fost il-membri tagħha, minn tal-inqas ħames produtturi u ebda mill-imsemmija membri ma jista’, fil-prinċipju, ikollu iktar minn 20 % tad-drittijiet tal-vot. Dawn id-dispożizzjonijiet jissodisfaw it-tħassib deskritt fil-premessa 14 tar-Regolament Nru 1432/2003, kif iċċitat fil-punt 41 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-imsemmija dispożizzjonijiet japplikaw mhux biss għall-membri persuni fiżiċi, iżda wkoll għall-membri persuni ġuridiċi tal-OP u li, fil-każ ineżami, kull wieħed mill-imsemmija membri għandu vuċi fi ħdan l-OP SAT Royal.

50      Meta l-Istati Membri jwettqu kontroll tal-funzjonament demokratiku ta’ OP, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-identità tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom il-kapital tal-membri tal-OP. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ tali verifika, l-istess persuna fiżika jew ġuridika, li għandha l-maġġoranza, jew anki t-totalità, tal-kapital ta’ diversi membri ta’ OP, b’mod li hija teżerċita fuq dawn tal-aħħar setgħa ta’ kontroll, b’mod partikolari, fuq il-proċess deċiżjonali, tista’ tinħeba wara l-imsemmija membri.

51      F’tali ċirkustanzi, jista’ jkun hemm ksur tat-tieni prinċipju deskritt fil-punt 49 iktar ’il fuq sa fejn in-numru evidenti ta’ membri tal-OP ma huwiex rappreżentattiv tal-membri tal-OP li huma ġenwinament indipendenti.

52      Din il-kunsiderazzjoni ma tistax tiġi kkonfutata bil-fatt li l-persuna fiżika inkwistjoni ma hijiex produttur. Kuntrarjament, għandu jiġi rrilevat li, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni, il-membri tal-OP SAT Royal huma produtturi. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li l-persuna fiżika inkwistjoni, li ma hijiex produttur, għandha l-maġġoranza, jew saħansitra t-totalità, tal-kapital ta’ diversi membri produtturi tal-OP SAT Royal jimplika ksur ta’ żewġ prinċipji implementati mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni sabiex jiggarantixxu l-funzjonament demokratiku ta’ OP, deskritti fil-punti 48 u 49 iktar ’il fuq. Fil-fatt, f’tali ċirkustanza, mhux biss, bi ksur tat-tieni prinċipju deskritt fil-punt 49 iktar ’il fuq, in-numru evidenti ta’ membri tal-OP ma huwiex rappreżentattiv tan-numru ta’ membri ġenwinament indipendenti, iżda, barra minn hekk, bi ksur tal-ewwel prinċipju tal-punt 48 iktar ’il fuq, peress li ċerti membri produtturi kienu kkontrollati minn persuna mhux produttur, is-setgħa ta’ kontroll tal-OP u d-deċiżjonijiet tagħha, ma humiex, fil-verità, eżerċitati mill-membri produtturi biss.

53      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, huwa b’mod ġust li l-Kummissjoni kkunsidrat li, sabiex tiggarantixxi l-funzjonament demokratiku tal-OP, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-identità tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jikkontrollaw il-membri tal-OP.

54      Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

55      Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni motiv, imqajma sussidjarjament, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-perċentwali tal-voti miżmuma indirettament mill-istess persuna fiżika fl-OP SAT Royal. Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li, fil-każ ineżami, l-imsemmija persuna kkontrollat erba’ mid-disa’ membri ta’ din l-OP. Għalhekk, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li din il-persuna fiżika, li ma hijiex produttur, kienet tikkontrolla biss tlieta minn dawn id-disa’ membri tal-OP. Għalhekk, ir-Renju ta’ Spanja jiddikjara li l-perċentwali ta’ voti miżmuma indirettament minn din l-istess persuna fiżika fl-OP SAT Royal ma kienx ta’ 44.44 %, iżda ta’ 33 %. Għalhekk, dan l-aħħar perċentwali huwa konformi mal-limitu tad-drittijiet tal-vot kif miżjud mir-Renju ta’ Spanja skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1432/2003.

56      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, minn naħa, anki jekk jitqies li, kif isostni r-Renju ta’ Spanja, il-persuna fiżika inkwistjoni kkontrollat biss tlieta mid-disa’ membri tal-OP, mid-dokumenti annessi mar-risposta jirriżulta li l-proporzjon tal-produzzjoni kkummerċjalizzata minn dawn it-tliet persuni ġuridiċi, fir-rigward tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata mill-OP, kien ta’ 11.8 % u li, min-naħa l-oħra, din iċ-ċifra ma kinitx ikkontestata mir-Renju ta’ Spanja.

57      Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1432/2003, iż-żieda mill-Istat Membru tal-perċentwali massimu ta’ 20 % tad-drittijiet tal-vot miżmuma minn membru wieħed għandhom ikunu proporzjonati mal-kontribuzzjoni tal-imsemmi membru għall-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata mill-OP.

58      Konsegwentement, kif issostni l-Kummissjoni, fil-każ fejn il-persuna fiżika inkwistjoni tikkontrolla tlieta mid-disa’ membri tal-OP SAT Royal, peress li kull waħda minn dawn għandha vot fi ħdan l-OP, l-imsemmija persuna fiżika jkollha perċentwali tad-drittijiet ta’ vot ta’ 33 % li, għalkemm konformi mal-limitu stabbilit mir-Renju ta’ Spanja, huwa sostanzjalment ogħla mill-proporzjon tal-valur tal-produzzjoni miżmum minn tliet persuni ġuridiċi li tikkontrolla fi ħdan l-OP.

59      F’tali ċirkustanzi, ir-Renju ta’ Spanja huwa marbut, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1432/2003 u sabiex jiggarantixxi l-funzjonament demokratiku tal-OP SAT Royal, jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jevita li l-imsemmija persuna fiżika tikkontrolla iktar minn 20 % tad-drittijiet tal-vot fi ħdan l-OP.

60      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni parti tat-tieni motiv hija irrilevanti u li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

61      Għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

62      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef, għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Marzu 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.