Language of document : ECLI:EU:F:2010:151

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)

23 ta’ Novembru 2010 (*)

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża F‑8/10,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu,

Johan Gheysens, ex membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, residenti f’Mechelen (il-Belġju), irrappreżentat minn S. Orlandi, A. Coolen, J.‑N. Louis u É. Marchal, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Balta u K. Zieleśkiewicz, bħala aġenti,

konvenut,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla),

kompost minn S. Gervasoni (Relatur), President, S. Van Raepenbusch u M. I. Rofes i Pujol, Imħallfin,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Lulju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ talba li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku b’kopja bil-faks (il-preżentata tal-oriġinali saret fis-27 ta’ Jannar sussegwenti), Johan Gheysens ippreżenta r-rikors preżenti intiż b’mod partikolari għall-annullament tad-deċiżjoni li tirrifjuta li l-kuntratt tiegħu jiġi mtawwal għal żmien determinat lil hinn mit-30 ta’ Settembru 2009.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jipprovdi:

“Qabel ma jimtela posizzjoni battala f'istituzzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra għandha l-ewwel tikkunsidra:

a)      jekk il-posizzjoni tistax timtela bi:

i)      trasferiment, jew

ii)      ħatra skont l-Artikolu 45a, jew

iii)      promozzjoni

ġewwa l-istituzzjoni;

b)      jekk talbiet għal trasferiment kienux riċevuti mill-uffiċjali tal-istess grad f’istituzzjonijiet oħra, u/jew jekk tinżammx kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni, li tkun miftuħa biss għall-uffiċjali u l-persunal temporanju, kif definit fl-Artikolu 2 tal-Kondizzjonijiet tal-Impieg ta' ħaddiema oħra tal-[Unjoni Ewropea];

[sabiex sussegwentement tiftaħ] l-proċedura tal-kompetizzjonijiet, fuq il-bażi jew ta’ kwalifikazzjonijiet jew ta’ eżamijiet, [jew] ta’ kwalifikazzjonijiet kif ukoll ta’ eżamijiet. […]”

3        Skont l-Artikolu 3b tal-kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-membri tal-persunal oħra”):

“Għall-iskopijiet ta’ dawn il-Kondizzjonijiet tal-Impieg, “persunal bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji”; tfisser persunal imqabbad biex jaħdem fil-limiti taż-żmien ippreżentati fl-Artikolu 88 f’wieħed mill-gruppi tal-funzjoni riferuti fl-Artikolu 89:

a)      biex iwettaq dmirijiet full-time jew part-time minbarra dawk riferuti fl-Artikolu 3a(1)(a), mingħajr ma jkun assenjat għal posizzjoni inkluż fil-lista tal-posizzjonijiet mehmuża mat-taqsima tal-estimi relatati ma’ l-istituzzjoni kkonċernata,

b)      wara li l-possibiltajiet ta’ ingaġġ temporanju ta’ uffiċjali minn ġewwa l-istituzzjoni jkunu eżaminati, biex jibdel ċerti persuni li għalissa ma’ jistgħux jaqdu d-dmirijiet tagħhom, jiġifieri:

i)      uffiċjali jew persunal temporanju fil-grupp tal-funzjoni tal-AST;

ii)      bħala eċċezzjoni, uffiċjali jew persunal temporanju fil-grupp tal-funzjoni tal-AD, li jokkupaw posizzjoni għolja speċjaliżżata, għajr Kapijiet ta’ Dipartiment, Diretturi, Diretturi Ġenerali u funzjonijiet ekwivalenti.

L-użu ta’ [membri tal-]persunal bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji huwa eskluż fejn japplika l-Artikolu 3a.”

4        Fir-rigward tat-tul tal-kuntratti ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 3b tal-KIO, l-Artikolu 88 tal-KIO jipprovdi:

“Fil-każ tal-[membri tal-]persunal bil-kuntratt riferuti fl-Artikolu 3b:

a)      il-kuntratti jkunu konklużi għal perjodu stabbilit; ikunu jiġġeddu;

b)      il-perjodu attwali tal-impieg f’istitituzzjoni, inkluż kull perjodu għat-tiġdid, ma jaqbiżx it-tliet snin.

Il-perjodi koperti minn kuntratt bħala membru tal-persunal bil-kuntratt riferuti fl-Artikolu 3a m’għandhomx jingħaddu għall-iskopijiet tal-konklużjoni jew tiġdid tal-kuntratti taħt dan l-Artikolu.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

5        Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kkonkluda kuntratt ta’ assistenza fil-qasam tal-proprjetà immobbli mal-assoċjazzjoni GP‑DHV‑FBO għall-perijodu mill-1993 sal-1997. Fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, ir-rikorrent, impjegat minn din l-assoċjazzjoni u fil-pussess ta’ lawrea ta’ perit, tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kunsill sabiex jeżerċita prinċipalment servizzi ta’ disinn bil-kompjuter u ta’ “facility management”.

6        Fil-1998, il-Kunsill ikkonkluda direttament mal-uffiċċju professjonali tar-rikorrent kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi part-time li ġie mġedded numru ta’ drabi sat-30 ta’ Settembru 2004.

7        Minħabba ż-żieda u n-natura perenni tal-kompiti ta’ “facility management” imsemmija iktar ’il fuq, il-Kunsill iddeċieda li jipprovdi lid-diviżjoni “Proprjetà”, fil-kuntest tal-baġit 2004, impjieg ta’ kategorija B sabiex ikun jista’ jiġi rreklutat uffiċjal kompetenti sabiex jissodisfa dawn il-kompiti. Madankollu, l-ebda uffiċjal jew persuna le temmet b’suċċess kompetizzjoni ma setgħet tinħatar f’dan l-impjieg, minħabba n-natura teknika ta’ din il-kariga.

8        Permezz ta’ kuntratt tal-1 ta’ Ottubru 2004, il-Kunsill impjega lir-rikorrent fil-kapaċità tiegħu bħala membru tal-persunal awżiljarju ta’ kategorija B, grupp IV, klassi 2 għal perijodu ta’ sena għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ “facility management operator” fi ħdan id-diviżjoni tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) A “Persunal u amministrazzjoni” inkarigat, b’mod partikolari, mill-politika immobiljari u mill-proġetti. Permezz ta’ ftehim supplementari ffirmat fit-3 ta’ Ottubru 2005, dan il-kuntratt ġie estiż għal perijodu ta’ sena, sat-30 ta’ Settembru 2006.

9        Permezz ta’ nota tal-11 ta’ Mejju 2006, id-direttur ġenerali tad-DĠ A “Persunal u amministrazzjoni” tal-Kunsill informa li-rikorrent li seta’ jibbenefika minn estensjoni ta’ sena tal-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal awżiljarju sat-30 ta’ Settembru 2007 iżda li ma kienx possibbli għalih, skont il-provvedimenti tar-Regolamenti tal-Persunal, li jkun jista’ jikseb kuntratt għal żmien indeterminat.

10      Permezz ta’ ftehim supplementari ulterjuri, il-kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju tar-rikorrent ġie estiż sat-30 ta’ Settembru 2007.

11      Permezz ta’ nota tas-6 ta’ Ġunju 2007, id-direttur ġenerali tad-DĠ A “Persunal u amministrazzjoni” wieġeb ittra bil-posta elettronika tal-25 ta’ Mejju 2007 tal-viċi president tas-sindakat “Union Syndicale” dwar is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent fi ħdan il-Kunsill. F’din in-nota, li tagħha r-rikorrenti kien destinatarju mqiegħed f’kopja, ġie indikat li l-Kunsill kien lest joffrilu b’mod eċċezzjonali, bil-għan li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali tiegħu, kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt. F’din in-nota ġie speċifikat li, matul it-terminu ta’ dan il-kuntratt, ir-rikorrent jista’ jipparteċipa f’kompetizzjonijiet organizzati mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) iżda li fin-nuqqas ta’ suċċess f’wieħed minn dawn il-kompetizzjonijiet, huwa ma jkunx jista’ jiġi impjegat bħala uffiċjal mill-Kunsill. F’ittra bil-posta elettronika tat-22 ta’ Ġunju 2007, il-viċi president tal-“Union Syndicale” ta l-qbil tiegħu mal-proposta li jiġi offert lir-rikorrent kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt. F’nota tal-5 ta’ Lulju 2007, id-direttur ġenerali tad-DĠ A “Persunal u amministrazzjoni” ħa nota ta’ dan il-ftehim.

12      Fl-1 ta’ Ottubru 2007, il-Kunsill ikkonkluda mar-rikorrent kuntratt għal żmien determinat ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt li kien jaqa’ taħt l-ewwel skala tal-grad 11 tal-grupp III, għal perijodu ta’ sentejn. Fl-Artikolu 4 ta’ dan il-kuntratt, kien ġie stipulat li dan il-kuntratt seta’ jiġġedded u li t-tul effettiv tal-impjieg, inkluż it-tul tat-tiġdid eventwali tal-kuntratt, ma jistax jeċċedi t-tliet snin.

13      Fit-23 ta’ Ottubru 2007, l-EPSO ppubblikat l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/99/07 għall-kostituzzjoni ta’ lista ta’ riżerva ta’ reklutaġġ ta’ amministraturi fis-settur tal-bini (ĠU C 248 A, p. 1). Ir-rikorrent ħa sehem fl-eżamijiet tal-kompetizzjoni iżda ma ġiex inkluż fil-lista ta’ riżerva. Fit-Titolu I ta’ dan l-avviż ta’ kompetizzjoni, ġie msemmi li l-kompetizzjoni kienet organizzata għar-reklutaġġ ta’ inġinjiera (AD 5) dis-settur tal-bini.

14      Permezz ta’ nota tal-21 ta’ Diċembru 2007, ir-rikorrent ippreżenta lment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kunsill ħatru fil-kapaċità tiegħu bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt għal perijodu ta’ sentejn u kklassifikah fl-iskala 1 tal-grad 11 tal-grupp ta’ funzjonijiet III. F’dan l-ilment, ir-rikorrent sostna li jmissu ġie kklassifikat fil-grupp ta’ funzjonijiet IV u impjegat għal żmien indeterminat.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2008, dan l-ilment ġie miċħud.

16      Fl-10 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrent ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni, irreġistrat taħt ir-referenza F‑83/08, li ġie sospiż permezz tad-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Frar 2009 sakemm il-kwistjoni, fil-kawża F‑134/07, Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, tiġi deċiża b’mod definittiv. L-appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-4 ta’ Ġunju 2009 (Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, F‑134/07 u F‑8/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑149 u II‑A‑1‑841) għadu pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Kawża T‑325/09 P).

17      Permezz ta’ nota tad-29 ta’ April 2009, id-direttur ġenerali tad-DĠ A “Persunal u amministrazzjoni” fakkar lir-rikorrent li l-kuntratt tiegħu kellu jiskadi fit-30 ta’ Settembru 2009 u li t-tul tal-kuntratt tiegħu kellu jippermettilu li jipparteċipa f’kompetizzjoni. L-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) indikat li l-listi ta’ riżerva tal-kompetizzjoni EPSO/AD/99/07 kienu għadhom kif ġew ippubblikati u li l-isem tar-rikorrent ma kienx jinsab fiha. In-nota ntemmet bis-sentenza li ġejja:

“Għandi nfakkarek li, bħal ma ġie speċifikat fin-noti ċċitati iktar ’il fuq, jekk ma turix li temmejt b’suċċess kompetizzjoni EPSO, il-kuntratt tiegħek ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt ma jistax jiġġedded wara li jiskadi f’Settembru li jmiss.”

18      Permezz ta’ nota tat-12 ta’ Mejju 2009, ir-rikorrent talab lid-direttur ġenerali tad-DĠ A “Persunal u amministrazzjoni” sabiex iġedded il-kuntratt tiegħu għal perijodu ta’ sena, billi speċifika li l-kap tad-dipartiment tiegħu kien xtaq il-preżenza tiegħu fl-interess tal-kontinwità fi ħdan id-dipartiment u li l-kuntratt tiegħu kien jistipula li t-tul totali tal-impjieg tiegħu seta’ jkun sa tliet snin.

19      Fis-17 ta’ Ġunju 2009, l-EPSO ippubblika avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali għar-reklutaġġ ta’ assistenti (AST 3) fis-settur tal-bini (EPSO/AST/94/09) (ĠU C 137 A, p. 1). Ir-rikorrent ġie ammess għall-eżamijiet tal-kompetizzjoni. Fid-data tas-seduta, il-lista ta’ riżerva kienet għadha ma ġietx ippubblikata.

20      Permezz ta’ nota tal-24 ta’ Ġunju 2009, li għandha bħala suġġett l-“[i]skadenza [tal-]kuntratt [tar-rikorrent] fit-30 ta’ Settembru 2009”, id-direttur ġenerali tad-DĠ A “Persunal u amministrazzjoni” informa lir-rikorrent li kien irrifjuta li jestendilu l-kuntratt tiegħu lil hinn mit-30 ta’ Settembru 2009, minħabba l-fatt li skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal, kellu l-obbligu li jimla l-vakanza tal-impjieg okkupat mir-rikorrent permezz ta’ promozzjoni, trasferiment ta’ uffiċjal jew permezz ta’ ħatra ta’ persuna li tgħaddi mill-kompetizzjoni. Issa, peress li ma kienx għadda mill-kompetizzjoni, ir-rikorrent ma setax ikompli jokkupa pożizzjoni fil-Kunsill lil hinn mit-30 ta’ Settembru 2009. L-awtur tan-nota fakkar lir-rikorrent li l-kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt ta’ sentejn li kellu jiskadi f’din id-data kien ingħatalu biss b’mod eċċezzjonali biex tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali tiegħu u jingħata l-possibbiltà li jipparteċipa f’kompetizzjoni.

21      Permezz ta’ nota tat-3 ta’ Lulju 2009, ir-rikorrent talab lid-direttur ġenerali tad-DĠ A “Persunal u amministrazzjoni” sabiex jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni tal-24 ta’ Ġunju 2009, billi, minn naħa, semma x-xewqa tal-kap ta’ dipartiment tiegħu li l-kuntratt tiegħu jiġi estiż b’sena, u, min-naħa l-oħra, il-permanenza tal-kompiti li kien jeżerċita fi ħdan il-Kunsill għal madwar sittax-il sena. F’din in-nota, ir-rikorrent enfasizza li, minħabba l-profil ta’ perit tiegħu u mhux ta’ inġinjier, huwa ma kellux tama li jiġi inkluż fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni EPSO/AD/99/07.

22      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Lulju 2009, id-direttur ġenerali tad-DĠ A “Persunal u amministrazzjoni” ikkonferma d-deċiżjoni tal-24 ta’ Ġunju 2009 billi ppreċiża li kien jixtieq li l-pożizzjoni okkupata mir-rikorrent jimtela bil-ħatra ta’ uffiċjal u li l-argumenti mressqa fl-ittra tat-3 ta’ Lulju 2009 ma kinux tali li jqiegħdu inkwistjoni din id-deċiżjoni.

23      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Lulju 2009, ir-rikorrent ippreżenta lment, f’din id-data, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li fiha huwa talab li jiġu rtirati d-deċiżjonijiet tad-29 ta’ April u tal-24 ta’ Ġunju 2009. F’din l-istess ittra, huwa talab ukoll l-adozzjoni tal-miżuri kollha neċessarji sabiex jirregolarizza s-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu (iktar ’il quddiem it-“talba għal regolarizzazzjoni amministrattiva”).

24      Permezz ta’ nota tat-2 ta’ Ottubru 2009, innotifikata fit-13 ta’ Ottubru 2009, l-ASTK ċaħdet l-ilment (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”), kif ukoll it-talba għal regolarizzazzjoni amministrattiva (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba ta’ regolarizzazzjoni amministrattiva”).

 It-talbiet tal-partijiet

25      Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni li ma jiġix estiż il-kuntratt tiegħu lil hinn mit-30 ta’ Settembru 2009 u d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal regolarizzazzjoni amministrattiva;

–        jikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

26      Il-Kunsill jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors bħala manifestament inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat;

–        jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq is-suġġett tar-rikors

27      Ir-rikorrent jitlob, b’mod partikolari, lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jannulla d-deċiżjoni li ma jiġix estiż il-kuntratt tiegħu lil hinn mit-30 ta’ Settembru 2009 mingħajr madankollu ma jispeċifika b’mod espliċitu liema hija din id-deċiżjoni. Fid-dawl tan-numru kbir ta’ atti adottati mill-Kunsill fir-rigward tan-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tar-rikorrent, għandu jiġi ddeterminat liema minn dawn l-atti jikkostitwixxi d-deċiżjoni kkontenzjuża.

28      Mill-kliem tan-nota tad-29 ta’ April 2009 jirriżulta li l-kuntratt tar-rikorrent “jintemm fit-30 ta’ Settembru 2009”. Madankollu, din in-nota ma tikkostitwixxix it-teħid ta’ pożizzjoni definittiva tal-amministrazzjoni fuq it-tmiem tal-impjieg tar-rikorrent. Fil-fatt, l-imsemmija nota tintemm b’paragrafu li jfakkar li l-kuntratt tal-persuna kkonċernata ma jistax jiġi mġedded jekk ma jkunx għadda minn kompetizzjoni oħra li ma tkunx il-kompetizzjoni EPSO/AD/99/07. B’hekk, id-direttur ġenerali tad-DĠ A “Persunal u amministrazzjoni” għarraf lir-rikorrent li kien għad għandu ċans li l-kuntratt tiegħu jiġi mġedded, perspettiva li ma kinitx purament ipotetika peress li, fis-17 ta’ Ġunju 2009, l-EPSO ippubblika avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali fis-settur tal-bini, kompetizzjoni li fiha r-rikorrent ipparteċipa.

29      Min-naħa l-oħra, in-nota tal-24 ta’ Ġunju 2009 ma tħalli lir-rikorrent ebda tama ta’ tiġdid tal-kuntratt tiegħu. Qabel kollox, din in-nota għandha bħala għan l-“[i]skadenza [tal-]kuntratt [tar-rikorrent] fit-30 ta’ Settembru 2009”, filwaqt li n-nota tad-29 ta’ April 2009 tikkonċerna, b’mod iktar ġenerali, il-“kuntratt [tar-rikorrent]”. Sussegwentement, in-nota tal-24 ta’ Ġunju 2009 tesponi b’mod ċar ir-raġunijiet ta’ dritt — l-obbligu għall-Awtorità tal-Ħatra li timla pożizzjoni vakanti permezz ta’ uffiċjal — u ta’ fatt — in-nuqqas ta’ suċċess tar-rikorrent fil-kompetizzjoni — li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt. Fl-aħħar nett, l-awtur ta’ din in-nota ma jemminx iktar li suċċess eventwali tar-rikorrent fil-kompetizzjoni jista’ jiġġustifika estensjoni tal-impjieg lil hinn mit-30 ta’ Settembru 2009.

30      Żewġ elementi jikkonfermaw li n-nota tal-24 ta’ Ġunju 2009 hija effettivament id-deċiżjoni li permezz tagħha l-amministrazzjoni definittivament adottat pożizzjoni fuq is-sitwazzjoni kuntrattwali tar-rikorrent. Minn naħa, din in-nota saret bi tweġiba għall-mistoqsija tat-12 ta’ Mejju 2009 magħmula mir-rikorrent, li fiha r-rikorrent speċifika b’mod partikolari x-xewqa tas-superjur ġerarkiku tiegħu li l-kuntratt tiegħu jiġi estiż b’sena. Min-naħa l-oħra, fin-nota tiegħu tal-14 ta’ Lulju 2009, id-direttur ġenerali tad-DĠ A “Persunal u amministrazzjoni” wieġeb lir-rikorrent li huwa ma setax “jikkonferma l-kliem tan-nota [tiegħu] tal-24 ta’ Ġunju 2009”.

31      Qabel kollox, il-Kunsill innifsu indika, waqt is-seduta, bi tweġiba għall-mistoqsija tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li n-nota tal-24 ta’ Ġunju 2009 kienet att li jikkawża preġudizzju f’din il-kawża.

32      Fi kwalunkwe każ, li kieku kellu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni li l-kuntratt tar-rikorrent ma jiġix imġedded ittieħdet permezz tan-nota tad-29 ta’ April 2009 u mhux permezz tan-nota tal-24 ta’ Ġunju 2009, dan ma jkollux effett la fuq l-ammissibbiltà tar-rikors, peress li l-ilment tar-rikorrent ġie ppreżentat fit-terminu ta’ tliet xhur wara n-notifika tan-nota tad-29 ta’ April 2009, u lanqas fuq l-analiżi tal-motivi tar-rikors, billi ż-żewġ noti huma bbażati, essenzjalment, fuq l-istess motiv, ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrent ma kienx għadda minn kompetizzjoni u għaldaqstant ma setax jokkupa iktar l-impjieg tiegħu.

33      B’hekk, fir-rigward tat-talba tar-rikorrent intiża għall-annullament tad-deċiżjoni li ma jiġix estiż il-kuntratt tiegħu lil hinn mit-30 ta’ Settembru 2009, ir-rikors għandu jiġi analizzat bħala dirett kontra d-deċiżjoni tal-24 ta’ Ġunju 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

34      Barra minn hekk, ir-rikors huwa dirett ukoll kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba ta’ regolarizzazzjoni amministrattiva.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

35      Il-Kunsill isostni li r-rikors huwa inammissibbli fl-intier tiegħu, minħabba, minn naħa, in-nuqqas ta’ kjarezza u ta’ preċiżjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, minħabba l-inammissibbiltà tal-ilment li wkoll jirriżulta min-nuqqas ta’ kjarezza u ta’ preċiżjoni tiegħu.

36      Barra minn hekk, b’mod iktar speċifiku, fir-rigward tat-talbiet li jikkonċernaw id-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba ta’ regolarizzazzjoni amministrattiva, il-Kunsill isostni li kieku dawn it-talbiet kellhom jiġu interpretati bħala konklużjonijiet intiżi sabiex jiġi ordnat jadotta miżura f’sens partikolari, dawn ikunu inammissibbli. Fil-fatt, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għandux kompetenza sabiex jiddeċiedi digrieti fil-kuntest ta’ stħarriġ ta’ legalità bbażat fuq l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

37      Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-talbiet diretti kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal regolarizzazzjoni amministrattiva, l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal jissuġġettaw l-ammissibbiltà tar-rikors kontenzjuż ippreżentat minn ex membru tal-persunal kontra l-istituzzjoni li għaliha kien jappartjeni għall-kundizzjoni inizjali ta’ żvolġiment regolari tat-tressieq minn qabel tal-proċedura amministrattiva stabbilita minnhom. Dawn ir-regoli huma ta’ ordni pubbliku u l-partijiet ma jistgħux jeskludu ruħhom minnhom (ara, id-digrieti tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Mejju 1992, Whitehead vs Il‑Kummissjoni, T‑34/91, Ġabra p. II‑1723, punti 18 u 19, kif ukoll tas-6 ta’ Novembru 1997, Liao vs Il‑Kunsill, T‑15/96, ĠabraSP p. I‑A‑329 u II‑897, punt 54). Skont l-Artikolu 77 tar-Regoli tal-Proċedura, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’, f’kull waqt, ex officio, u wara li jisma’ lill-partijiet, jiddeċiedi fuq l-inammissibbiltà għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku.

38      Kull rikors kontra att li jikkawża preġudizzju li joħroġ mill-ASTK għandu imperattivament jiġi ppreċedut minn ilment prekontenzjuż li kien suġġett ta’ deċiżjoni espliċita jew impliċita ta’ ċaħda. Rikors ippreżentat qabel ma din il-proċedura prekontenzjuża tintemm huwa, minħabba n-natura prematura tiegħu, inammissibbli skont l-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Ġunju 1990, Marcato vs Il‑Kummissjoni, T‑47/89 u T‑82/89, Ġabra p. II‑231, punt 32, u tat-23 ta’ Marzu 2000, Rudolph vs Il‑Kummissjoni, T‑197/98, ĠabraSP p. I‑A‑55 u II‑241, punt 53).

39      Mill-ilment tal-24 ta’ Lulju 2009 jirriżulta li din tinkludi żewġ partijiet: minn naħa, ilment, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal dirett kontra d-deċiżjoni kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, talba għal regolarizzazzjoni tas-sitwazzjoni amministrattiva tar-rikorrent, li l-portata tagħha teċċedi s-sempliċi kontestazzjoni tar-rifjut ta’ tiġdid tal-kuntratt.

40      Permezz tan-nota tat-2 ta’ Ottubru 2009 bi tweġiba għall-ilment, l-ASTK b’hekk adottat żewġ deċiżjonijiet separati, minn naħa, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal regolarizzazzjoni amministrattiva (ara b’analoġija, is-sentenza Rudolph vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 53 sa 55).

41      Issa, huwa paċifiku li r-rikorrent ma ppreżentax ilment, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba ta’ regolarizzazzjoni amministrattiva.

42      B’hekk, it-talbiet diretti kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba ta’ regolarizzazzjoni amministrattiva huma inammissibbli.

43      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-inammissibbiltà mqajma kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti tal-Unjoni għandha d-dritt tevalwa, billi ssegwi ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li talbiet jiġu miċħuda fuq il-mertu, mingħajr ma tiddeċiedi minn qabel fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-parti konvenuta kontra dawn it-talbiet (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, Ġabra p. I‑1873, punti 51 u 52; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il‑Kummissjoni, T‑171/02, Ġabra p. II‑2123, punt 155; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-8 ta’ April 2008, Bordini vs Il‑Kummissjoni, F‑134/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑87 u II‑A‑1‑435, punt 56).

44      F’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifika l-eżami fuq il-mertu tat-talbiet diretti kontra d-deċiżjoni kontenzjuża u, jekk ikun il-każ, li jiċħadhom fuq il-mertu, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi eżaminata l-inammissibbiltà mqajma kontra din id-deċiżjoni.

 Fuq it-talbiet diretti kontra d-deċiżjoni kontenzjuża

 L-argumenti tal-partijiet

45      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni, b’mod ġenerali, minn naħa, li d-deċiżjoni kontenzjuża tmur kontra l-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-obbligu ta’ motivazzjoni, il-prinċipji li jirriżultaw mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/70, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368), ir-regoli li jiffissaw il-kundizzjonijiet minimi biex jiġu evitati tkeċċijiet abbużivi tal-ħaddiema, id-dmir ta’ premura u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, u min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni kontenzjuża hija nieqsa minn bażi legali.

46      Fit-tieni lok, ir-rikorrent jenfasizza li d-deċiżjoni kontenzjuża hija vvizzjata b’motivazzjoni insuffiċjenti u li għaldaqstant ma hijiex f’pożizzjoni li tifhem ir-raġunijiet li għalihom il-kuntratt tiegħu ma ġġeddidx. Barra minn hekk, din il-motivazzjoni insuffiċjenti ma ġietx regolarizzata permezz tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment. Qabel kollox, iċ-ċirkustanza li r-rikorrent ma għaddiex minn kompetizzjoni ġenerali ma tippermettix, fiha nnifisha, li jiġi ġustifikat ir-rifjut milli jiġġedded kuntratt fil-limitu ta’ tliet snin previst mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-membri tal-persunal oħra. Sussegwentement, huwa jikkontesta l-fatt li l-impjieg li kien jokkupa huwa impjieg previst fit-tabella tal-persunal annessa mas-sezzjoni tal-baġit relatata mal-Kunsill, li għandu jiġi pprovdut fil-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal, meta l-ebda avviż ta’ pożizzjoni vakanti li jikkorrispondi għal din il-pożizzjoni ma ġie ppubblikat. Fl-aħħar nett, il-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni, b’kunsiderazzjoni żbaljata tad-dmir ta’ premura, l-interess tar-rikorrent li kien ilu bosta snin jaħdem għall-istituzzjoni, li l-kuntratt tiegħu jiġġedded. Bl-istess mod, il-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni x-xewqa tal-kap tad-dipartiment tar-rikorrent li kien talab l-estensjoni tal-kuntratt tar-rikorrent sabiex ikun hemm il-kontinwità fid-dipartiment.

47      Fit-tielet lok, id-deċiżjoni kontenzjuża tmur kontra l-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-membri tal-persunal oħra, interpretat fid-dawl tal-prinċipji li jirriżultaw mid-Direttiva 1999/70 u mis-sentenza Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, skont ir-rikorrent, il-Kunsill ma setax legalment jimpjegah fil-kapaċità tiegħu bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt, ġaladarba l-pożizzjoni li kien jokkupa ma kinitx intiża li tkopri bżonnijiet temporanji u każwali. Il-Kunsill imissu kkwalifika mill-ġdid il-kuntratt tiegħu fir-rispett tal-obbligi li jirriżultaw mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-membri tal-persunal oħra.

48      Fir-raba’ lok, ir-rikorrent isostni li, billi rrifjuta li jġedded il-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt minħabba l-fatt li ma kienx inkluż f’lista ta’ riżerva biex isir uffiċjal, filwaqt li matul it-tul tal-kuntratt, l-EPSO organizzat biss kompetizzjoni waħda fil-qasam tal-bini, il-Kunsill mar kontra l-prinċipju ta’ eżekuzzjoni u ta’ bona fide tal-kuntratti.

49      Il-Kunsill isostni li bosta mill-motivi mqajma mir-rikorrent huma inammissibbli.

50      Fl-ewwel lok, il-motivi bbażati fuq ksur tal-prinċipji li jirriżultaw mid-Direttiva 1999/70, dwar il-kunsiderazzjoni żbaljata tar-regoli li jiffissaw il-kundizzjonijiet minimi biex jiġu evitati t-tkeċċijiet abbużivi tal-ħaddiema, min-nuqqas ta’ bażi legali, mill-ksur tad-dmir ta’ premura u mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ġew ippreżentati b’mod li marru kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 35(1)(d) u (e) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, dawn il-motivi huma invokati mingħajr l-iċken żvilupp rilevanti li jippermetti lill-parti konvenuta tifhem il-portata u l-fondatezza tagħhom, u sussegwentement, mingħajr ma tkun tista’ tiddefendi ruħha.

51      Fit-tieni lok, il-Kunsill isostni li l-motiv li jgħid li r-rikorrent ma setax jiġi rreklutat abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-membri tal-persunal oħra huwa inammissibbli, billi r-rikorrenti naqas milli jikkontesta l-bażi legali tal-kuntratt tiegħu f’terminu ta’ tliet xhur minn meta ġie ffirmat. Id-deċiżjoni kontenzjuża ma tikkostitwixxix fatt ġdid li jista’ jerġa’ jagħti lok għad-dekorriment tat-terminu fir-rigward tal-bażi legali tal-kuntratt.

52      Fit-tielet lok, il-Kunsill isostni li l-motiv ibbażat fuq kunsiderazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ eżekuzzjoni ta’ bona fide tal-kuntratti ma tqajjimx fl-ilment u għaldaqstant huwa inammissibbli.

53      Fir-raba’ lok, il-motiv ibbażat fuq il-kunsiderazzjoni żbaljata tar-regoli li jiffissaw il-kundizzjonijiet minimi sabiex jiġu evitati t-tkeċċijiet abbużivi tal-ħaddiema huwa ineffettiv, peress li din il-kawża tikkonċerna l-iskadenza tal-kuntratt tar-rikorrent fi tmiem il-perijodu li għalih ġie konkluż u mhux deċiżjoni ta’ tkeċċija.

54      Sussidjarjament, il-Kunsill isostni li r-rikors ma huwiex fondat.

55      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti, il-Kunsill iqis li d-deċiżjoni li ma jiġġeddidx il-kuntratt ma huwiex ivvizzjat b’dan il-mod. Fil-fatt, qabel kollox, ir-rikorrent kien informat sew dwar il-fatt li l-kuntratt tiegħu kien ġie offert lilu b’mod eċċezzjonali, għal perijodu ta’ 24 xahar, sabiex ikun jista’ jipparteċipa f’kompetizzjoni ulterjuri eventwali organizzata mill-EPSO. Sussegwentement, in-nota tad-29 ta’ April 2009 fakkret sew lir-rikorrent din is-sitwazzjoni u t-tmiem tal-impjieg tiegħu fit-30 ta’ Settembru 2009. Fl-aħħar nett, fid-deċiżjoni kontenzjuża, ġie ppreċiżat li l-ASTK kellha l-obbligu li tipprovdi l-pożizzjoni okkupata sa llum mir-rikorrent permezz tal-ħatra ta’ uffiċjal meta dan l-impjieg kellu jirriżulta fil-lista tal-entrati tal-baġit tal-istituzzjoni u kien vakanti. Peress li r-rikorrent ma kienx għadda minn kompetizzjoni, il-Kunsill ma setax ikompli r-relazzjoni kuntrattwali miegħu, meta barra minn hekk kien jaf li l-kuntratt inizjali ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt kien ġie konkluż b’mod eċċezzjonali sabiex jingħata ż-żmien li jgħaddi minn kompetizzjoni.

56      Fit-tieni lok, il-Kunsill iqis li d-deċiżjoni kontenzjuża ma tmurx kontra l-prinċipji li jirriżultaw mid-Direttiva 1999/70. Fil-fatt, din id-direttiva ma hijiex indirizzata lill-istituzzjonijiet iżda lill-Istati Membri u ma timponix obbligi lill-istituzzjonijiet fir-relazzjonijiet tagħhom mal-persunal tagħhom. Fi kwalunkwe każ, din id-direttiva ma tipprojbixxix l-użu tal-kuntratti għal żmien determinat. Issa, f’dan il-każ, l-ewwel kuntratt għal żmien determinat konkluż mar-rikorrent kellu bħala għan li jiżgura l-eżekuzzjoni ta’ kompiti speċifiċi fl-istennija li jiġi pprovdut l-impjieg ta’ uffiċjal. It-tieni kuntratt ġie konkluż b’mod eċċezzjonali biex tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali tar-rikorrent.

57      Fit-tielet lok, il-Kunsill ma jifhimx għal liema raġunijiet deċiżjoni li ma jiġġeddidx kuntratt għal żmien determinat ta’ sena jmur kontra l-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-membri tal-persunal oħra. Barra minn hekk, l-allegazzjonijiet tar-rikorrent li jgħidu li huwa eżerċita għal sittax-il sena l-istess kompiti u responsabbiltajiet taħt sitwazzjonijiet differenti huma ineżatti, peress li dawn il-kompiti varjaw fil-kontenut tagħhom, fil-frekwenza tagħhom u fir-responsabbiltajiet li kienu jimplikaw għar-rikorrent.

58      Fir-raba’ lok, il-Kunsill isostni li l-motiv ibbażat fuq kunsiderazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ eżekuzzjoni ta’ bona fide tal-kuntratti huwa fattwalment infondat. Fil-fatt, il-Kunsill ma ssuġġettatx b’mod illegali l-estenzjoni tal-kuntratt tar-rikorrent għal kundizzjoni ta’ suċċess f’kompetizzjoni. Bil-kontra, il-kuntratt ġie offert b’mod eċċezzjonali lir-rikorrent sabiex dan ikun jista’ eventwalment jiġi rreklutat bħala uffiċjal. Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li jsostni r-rikorrent, żewġ kompetizzjonijiet li jikkorrispondu għall-profil tiegħu ġew organizzati f’sentejn matul il-kuntratt tiegħu, fejn il-Bordijiet tal-Għażla ta’ dawn il-kompetizzjonijiet aċċettaw il-kandidatura tiegħu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

–       Fuq il-motivi fformulati fi kliem ġenerali u astratti

59      Ir-rikorrent isostni, fi kliem ġenerali u astratti, minn naħa, li d-deċiżjoni kontenzjuża tmur kontra l-prinċipji li jirriżultaw mid-Direttiva 1999/70, ir-regoli li jiffissaw il-kundizzjonijiet minimi biex jiġu evitati t-tkeċċijiet abbużivi tal-ħaddiema, id-dmir ta’ premura u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, u min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni kontenzjuża hija nieqsa minn bażi legali.

60      Għandu jiġi mfakkar li skont l-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi l-espożizzjoni tal-motivi u argumenti ta’ fatt u ta’ liġi invokati. Dawn l-elementi għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex il-parti konvenuta tkun tista’ tipprepara d-difiża tagħha u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun jista’ jiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan jibbaża ruħu jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors innifsu (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il‑Kummissjoni T‑85/92, Ġabra p. II‑523, punt 20; digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-26 ta’ Ġunju 2008, Nijs vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, F‑1/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑229 u II‑A‑1‑1231, punt 24). Dan huwa ulterjorment minnu billi, skont l-Artikolu 7(3) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, bħala prinċipju, tikkomporta biss skambju wieħed ta’ noti, ħlief jekk ikun hemm deċiżjoni kuntrarja min-naħa tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Din l-aħħar partikolarità tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jispjega li, b’differenza minn dak li hu previst quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-espożizzjoni tal-motivi u argumenti fir-rikors ma tistax tkun sommarja (sentenza Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq).

61      B’hekk, il-motivi msemmija iktar ’il fuq, hekk kif inhuma ppreżentati, ma josservawx id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura u huma, sussegwentement, inammissibbli.

–       Fuq il-motiv ibbażat fuq il-kunsiderazzjoni żbaljata tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni

62      Għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni pprovdut mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli b’analoġija għall-aġenti bil-kuntratt awżiljarji skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 11 u 81 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-membri tal-persunal oħra, li jikkostitwixxi biss riferiment mill-ġdid tal-obbligu ġenerali ddettat fl-Artikolu 253 KE, għandu bħala għan, minn naħa, li jipprovdi indikazzjoni suffiċjenti lill-parti interessata sabiex jevalwa l-fondatezza tal-att li tikkawżalu preġudizzju u l-opportunità li jippreżenta rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil dan tal-aħħar jeżerċita l-kontroll tiegħu fuq il-legalità tal-att. B’hekk l-obbligu ta’ motivazzjoni hekk iddettat jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li minnu jista’ jiġi dderogat biss minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament, 195/80, Ġabra p. 2861, punt 22, u tat-23 ta’ Settembru 2004, Hectors vs Il‑Parlament, C‑150/03 P, Ġabra p. I‑8691, punt 39; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 1991, Pérez‑Ménguez Casariego vs Il‑Kummissjoni, T‑1/90, Ġabra p. II‑143, punt 73, u tas-6 ta’ Lulju 2004, Huygens vs Il‑Kummissjoni, T‑281/01, ĠabraSP p. I‑A‑203 u II‑903, punt 105).

63      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-ASTK għandha l-obbligu li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha, mill-inqas, sa mhux iktar tard mill-istadju taċ-ċaħda tal-ilment (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Marzu 1993, Vela Palacios vs Il‑Kumitat Ekonomiku u Soċjali, T‑25/92, Ġabra p. II‑201, punt 22, u tal-14 ta’ Lulju 1998, Brems vs Il‑Kunsill, T‑219/97, ĠabraSP p. I‑A‑381 u II‑1085, punt 83) u l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha, f’kull każ, tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi konkreti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1977, Geist vs Il‑Kummissjoni, 61/76, Ġabra p. 1419, punt 28, u tat-13 ta’ Diċembru 1989, Prelle vs Il‑Kummissjoni, C‑169/88, Ġabra p. 4335, punt 9; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 1995, Ojha vs Il‑Kummissjoni, T‑36/93, ĠabraSP p. I‑A‑161 u II‑497, punt 60). B’mod partikolari, deċiżjoni hija suffiċjentement immotivata ladarba hija tingħata f’kuntest magħruf mill-uffiċjal ikkonċernat, li tippermettilu jifhem il-portata tal-miżura adottata fir-rigward tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1981, Arning vs Il‑Kummissjoni, 125/80, Ġabra p. 2539, punt 13, u tat-12 ta’ Novembru 1996, Ojha vs Il‑Kummissjoni, C‑294/95 P, Ġabra p. I‑5863, punt 35; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Ojha vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60, u tal-1 ta’ April 2004, N vs Il‑Kummissjoni, T‑198/02, ĠabraSP p. I‑A‑115 u II‑507, punt 70).

64      Għandu wkoll jiġi mfakkar li deċiżjoni li tirrifjuta li ġġedded kuntratt għal żmien determinat hija att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal jekk hija tkun separata mill-kuntratt inkwistjoni, li jkun il-każ b’mod partikolari jekk hija tkun ibbażata fuq elementi ġodda jew jekk hija tikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni tal-amministrazzjoni li tintervjeni wara talba mill-membru tal-persunal ikkonċernat u li tikkonċerna possibbiltà, inkluża fil-kuntratt, li dan jiġi mġedded (ara f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Potamianos, C‑561/08 P u C‑4/09 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 45, 46 u 48; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ottubru 2008, Potamianos vs Il‑Kummissjoni, T‑160/04, ĠabraSP p. I‑A‑1‑75 u II‑A‑1‑469, punti 21 u 23). Tali deċiżjoni ta’ rifjut għandha tiġi mmotivata (ara b’analoġija, fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ reklutaġġ ta’ membru tal-persunal temporanju fi ħdan grupp politiku fil-Parlament, Hectors vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40, fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija ta’ membru tal-persunal temporanju impjegat għal żmien indeterminat, sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, Ġabra p. II‑2841, punti 143 sa 170).

65      F’dan il-każ, id-deċiżjoni kontenzjuża hija distinta mill-kuntratt konkluż fl-1 ta’ Ottubru 2007 bejn il-Kunsill u r-rikorrent.

66      Fil-fatt, fl-ewwel lok, din id-deċiżjoni tinkludi element ġdid meta mqabbla mal-kuntratt konkluż fl-1 ta’ Ottubru 2007, peress li hija tippreċiża li dan il-kuntratt ma jistax jiġi mġedded fi tmiem it-terminu inizjali tiegħu ta’ sentejn. Issa, l-Artikolu 4 ta’ dan il-kuntratt kien jipprovdi espressament għal possibbiltà eventwali ta’ tiġdid għal perijodu ta’ sena. Barra minn hekk, id-direttur ġenerali tad-DĠ A “Persunal u amministrazzjoni”, fin-noti tiegħu tas-6 ta’ Ġunju u tal-5 ta’ Lulju 2007, ma kienx espressament indika lir-rikorrent li l-kuntratt li kien ġie propost lilu ma kienx jista’ jiġġedded fi tmiem it-tliet snin previst mill-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-membri tal-persunal oħra.

67      Fit-tieni lok, ir-rikorrent ippreżenta, permezz ta’ nota tat-12 ta’ Mejju 2009, talba għal tiġdid tal-kuntratt tiegħu, bil-għajnuna tas-superjur ġerarkiku tiegħu, u d-deċiżjoni kontenzjuża tikkostitwixxi t-teħid ta’ pożizzjoni tal-Kunsill fuq din it-talba.

68      Sussegwentement, id-deċiżjoni kontenzjuża, li tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, kellha tiġi mmotivata.

69      Issa, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kunsill ippreċiża li skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa kellu l-obbligu li jipprovdi għall-impjieg okkupat mir-rikorrent permezz ta’ promozzjoni, trasferiment ta’ uffiċjal jew permezz ta’ ħatra ta’ persuna li jkun temm b’suċċess kompetizzjoni u li, peress li r-rikorrent ma kienx inkluż f’lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni, huwa ma setax ikompli jokkupa pożizzjoni fil-Kunsill lil hinn mit-30 ta’ Settembru 2009. Billi wriet dawn l-elementi, il-Kunsill immotiva suffiċjentement id-deċiżjoni kontenzjuża.

70      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Lulju 2009, il-Kunsill ikkompleta din il-motivazzjoni billi ppreċiża li kien jixtieq jalloka l-pożizzjoni okkupata mir-rikorrent lil uffiċjal u li l-argumenti mressqa mir-rikorrent fl-ittra tiegħu tat-3 ta’ Lulju 2009 ma kinux tali li jqiegħdu din id-deċiżjoni inkwistjoni.

71      Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni kontenzjuża ngħatat f’kuntest magħruf mir-rikorrent. Fil-fatt, b’mod partikolari permezz tan-nota tad-29 ta’ April 2009, id-direttur ġenerali tad-DĠ A “Persunal u amministrazzjoni” kien diġà indika lill-parti kkonċernata li ma kienx f’pożizzjoni li jġedded il-kuntratt tiegħu li kieku ma kellux jgħaddi minn kompetizzjoni.

72      B’hekk il-motiv ibbażat fuq kunsiderazzjoni żbaljata tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq il-ksur tal-Artikolu 25 għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

73      Ir-rikorrent ma jqajjimx espressament fil-kitbiet tiegħu il-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Madankollu, fl-iżviluppi li huwa jiddedika għall-kunsiderazzjoni żbaljata tal-obbligu ta’ motivazzjoni, huwa jsostni li ċ-ċirkustanza li r-rikorrent ma għaddiex minn kompetizzjoni ġenerali ma tippermettix, fiha nnifisha, li jiġi ġġustifikat ir-rifjut li jiġġedded kuntratt fil-limitu ta’ tliet snin previst bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-membri tal-persunal oħra. Sussegwentement, huwa jikkontesta l-fatt li l-impjieg li kien jokkupa huwa impjieg previst fit-talbella tal-persunal annessa mas-sezzjoni tal-baġit relatata mal-Kunsill, li għandu jiġi pprovdut fil-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal, meta ebda avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma ġie ppubblikat. Fl-aħħar nett, il-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni, b’tali mod li mar kontra d-dmir ta’ premura, l-interess leġittimu tar-rikorrent li kien ilu jaħdem għall-istituzzjoni għal bosta snin li l-kuntratt tiegħu jiġi mġedded. Bl-istess mod, il-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni l-interess tad-dipartiment li kienet fl-importanza tal-estensjoni tal-kuntratt tar-rikorrent għall-kontinwità tad-dipartiment.

74      B’hekk, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-rikorrent għandu jitiqies li kkontesta mhux biss il-motivazzjoni formali tad-deċiżjoni kontenzjuża iżda wkoll il-motivi kkunsidrati mill-Kunsill.

75      Ġie deċiż li n-nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat jaqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-awtorità kompetenti, fejn l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu, għalhekk, jillimita ruħu għall-verifika tan-nuqqas ta’ żball manifest jew ta’ abbuż ta’ poter. It-tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat jikkostitwixxi biss il-possibbiltà mogħtija għall-evalwazzjoni tal-ASTK, suġġetta għall-kundizzjoni li fih tkun konformi mal-interess tad-dipartiment (ara, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Frar 2003, Pyres vs Il‑Kummissjoni, T‑7/01, ĠabraSP p. I‑A‑37 u II‑239, punti 50 u 64; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-27 ta’ Novembru 2008, Klug vs EMEA, F‑35/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑387 u II‑A‑1‑2127, punti 65 u 66).

76      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-awtorità kompetenti hija marbuta, meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal, li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha, u b’mod partikolari l-interess tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Dan fil-fatt jirriżulta mid-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni, li jirrefletti l-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal u, b’analoġija, il-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-membri tal-persunal oħra ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tagħha (sentenzi Pyres vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-1 ta’ Marzu 2005, Mausolf vs Europol, T‑258/03, ĠabraSP p. I‑A‑45 u II‑189, punt 49; sentenza Klug vs EMAE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67).

77      F’dan il-każ, l-elementi mressqa mir-rikorrent ma jippermettux li jiġi pprovat li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi adotta d-deċiżjoni kontenzjuża.

78      Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li d-deċiżjoni kontenzjuża, hekk kif spjegata bin-nota tal-14 ta’ Lulju 2009 u bid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, ġiet adottata minħabba l-fatt li l-pożizzjoni okkupata mir-rikorrent kienet tagħmel parti mill-impjiegi li kienu jinsabu fit-tabella tal-persunal annessa mal-baġit tal-Kunsill, u dan tal-aħħar xtaq jaħtar għal din il-pożizzjoni, mill-1 ta’ Ottubru 2009, fl-iskadenza tal-kuntratt ta’ sentejn offert lir-rikorrent, uffiċjal jew persuna li tkun għaddiet minn kompetizzjoni.

79      Issa, fl-ewwel lok, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-impjieg okkupat mir-rikorrent effettivament jagħmel parti mill-impjiegi li jinsabu fit-tabella tal-persunal annessa mal-baġit tal-Kunsill mis-sena 2004.

80      Fit-tieni lok, l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-għażla tal-iktar motivi approprjati biex tipprovdi għall-bżonnijiet tagħha f’termini ta’ persunal (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 1989, van der Stijl u Cullington vs Il‑Kummissjoni, 341/85, 251/86, 258/86, 259/86, 262/86, 266/86, 222/87 u 232/87, Ġabra p. 511, punt 11). Barra minn hekk, il-prinċipju li jgħid li kull uffiċjal għandu x-xewqa li jkollu karriera fi ħdan l-istituzzjoni tiegħu ifisser li, meta l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni li tipproċedi sabiex timla pożizzjoni vakanti ta’ impjieg, hija għandha, qabel kollox, skont l-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal, teżamina l-possibbiltajiet ta’ promozzjoni jew ta’ trasferiment fi ħdan l-istituzzjoni u, sussegwentement, wara dan l-eżami, il-possibbiltajiet l-oħra kollha disponibbli għaliha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Frar 1998, Campogrande vs Il‑Kummissjoni, T‑3/97, ĠabraSP p. I‑A‑89 u II‑215, punt 65).

81      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, b’mod partikolari tal-libertà tal-għażla li l-amministrazzjoni għandha fil-qasam tal-metodu ta’ reklutaġġ, il-Kunsill ġustament seta’ jirrifjuta li jġedded il-kuntratt tar-rikorrent, billi jibbaża ruħu fuq il-motiv ibbażat fuq il-fatt li l-impjieg tal-parti kkonċernata għandu jimtela minn uffiċjal. Barra minn hekk, fid-dawl tar-regola li tgħid li impjieg permanenti li huwa inkluż fil-baġit ta’ istituzzjoni għandu, bħala prinċipju, jimtela bir-reklutaġġ ta’ uffiċjal u fid-dawl tal-interess għad-dipartiment li jimpjega uffiċjal sabiex jokkupa funzjonijiet li jippreżentaw natura perenni, il-kontinwità tad-dipartiment li jsemmi r-rikorrent ma jikkostitwixxix element suffiċjenti biex jikkaratterizza żball manifest ta’ evalwazzjoni.

82      Fit-tielet lok, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interess personali tar-rikorrent, li jirriżulta mid-dmir ta’ premura, ma jistax jobbliga lill-amministrazzjoni sabiex iġedded il-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt, fin-nuqqas ta’ interess tad-dipartiment li jkun suffiċjenti. Issa, f’dan il-każ, mid-dibattiti waqt is-seduta jirriżulta li l-Kunsill irrekluta uffiċjal, ftit żmien wara t-tluq tar-rikorrent, u ma huwiex stabbilit li l-organizzazzjoni ġdida tax-xogħol adottata mill-Kunsill wara dan ir-reklutaġġ ostakola għat-twettieq korrett tal-kompiti li qabel kienu f’idejn ir-rikorrent.

83      Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni ma jistax jiġi milqugħ.

–       Fuq il-motiv ibbażat fuq kunsiderazzjoni żbaljata tal-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-membri tal-persunal oħra interpretat fid-dawl tal-prinċipji li jirriżultaw mid-Direttiva 1999/70

84      Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill kiser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-membri tal-persunal oħra interpretati fid-dawl tal-prinċipji li jirriżultaw mid-Direttiva 1999/70, billi rreklutah bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura permanenti tal-kompiti li għandhom jitwettqu, ir-rikorrent imissu nħatar membru tal-persunal temporanju u mhux membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt.

85      Madankollu, dan il-motiv huwa mingħajr rilevanza fuq il-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, li kieku kellu jitqies li l-Kunsill imissu rrekluta lir-rikorrent fil-kapaċità tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju, fi kwalunkwe każ il-Kunsill kellu l-obbligu li jiċħad it-talba ta’ tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt sabiex ma jtawwalx l-illegalità allegata.

–       Fuq il-motiv ibbażat fuq il-kunsiderazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt in bona fide

86      Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill eżegwixxa in mala fede il-kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt li kien jorbothom. Fil-fatt, l-istituzzjoni eżiġa mill-parti kkonċernata li din tgħaddi kompetizzjoni qabel ma jintemm l-imsemmi kuntratt filwaqt li fl-istess ħin qgħad lura milli jorganizza kompetizzjoni li tikkorrispondi għall-profil tiegħu.

87      Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li l-kunsiderazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt in bona fide tista’ tiġi utilment invokata fil-kuntest ta’ rikors għad-danni u tippermetti, jekk ikun il-każ, li jinkiseb ħlas għad-dannu subit li jirriżulta minn din l-imġiba li tikkostitwixxi nuqqas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1960, Von Lachmüller et vs Il‑Kummissjoni, 43/59, 45/59, 48/59, Ġabra p. 933, 956; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-2 ta’ Lulju 2009, Bennett et vs UASI, F‑19/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑207 u II‑A‑1‑1137, punt 163). Min-naħa l-oħra, dan il-motiv, li ma huwiex motiv ta’ legalità, huwa bħala tali mingħajr inċidenza fuq il-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża.

88      Fi kwalunkwe każ, li kieku kellu jitqies li dan il-motiv huwa operanti, ir-rikorrent ma jistax validament isostni li skont il-prinċipju ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratti in bona fide, il-Kunsill kellu l-obbligu li jitlob lill-EPSO jorganizza kompetizzjoni li tikkorrispondi eżattament għall-profil tiegħu qabel ma jintemm il-kuntratt tiegħu.

89      Qabel kollox, kompetizzjoni hija organizzata esklużivament bil-għan li tissodisfa l-bżonnijiet tad-dipartiment u mhux biex teżegwixxi impenn kuntrattwali tal-amministrazzjoni. Issa, ma huwiex stabbilit li l-interess tad-dipartiment kien jimponi l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni miftuħa esklużivament għall-periti qabel ma jintemm il-kuntratt tar-rikorrent. Sussegwentement, u fi kwalunkwe każ, ma jirriżultax mill-atti tal-proċess, b’mod partikolari mill-ittri tas-6 ta’ Ġunju u tal-5 ta’ Lulju 2007, li l-Kunsill effettivament ħa t-tali impenn. F’dawn l-ittri, l-amministrazzjoni indikat sempliċement li għandu jingħata kuntratt lir-rikorrent sabiex dan ikun jista’, jekk ikun il-każ, jipparteċipa f’kompetizzjoni organizzata mill-EPSO. L-ittra tas-6 ta’ Ġunju 2007 li tagħmel riferiment għall-“kompetizzjoni ‘periti’ li għandha tiġi ppubblikata matul it-tieni parti ta’ din is-sena”, b’mod partikolari fid-dawl tal-virgoli użati, ma tistax tiġi interpretata bħala li tfisser li għandha tiġi organizzata kompetizzjoni riżervata għall-periti ser tiġi organizzata qabel it-tmiem tal-kuntratt tiegħu. Fl-aħħar nett, għall-kompletezza, għandu jiġi osservat li l-kompetizzjoni EPSO/AD/99/07, li kieku din ma kinitx esklużivament riżervata għall-periti, kienet tikkorrispondi għall-profil tar-rikorrent, ġaladarba l-parti 2 tal-kompetizzjoni kien jismha “Inġinjerija ċivili, teknika speċjali jew arkitettura” u li l-funzjonijiet li setgħu jiġu assenjati lil uffiċjal ammess f’din il-parti 2 kienu jikkorrispondu għal dawk li jistgħu normalment jiġu fdati lil perit.

90      Fit-tieni lok, għalkemm permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent kellu l-intenzjoni li jsostni li l-Kunsill wettaq abbuż ta’ poter, interpretazzjoni li barra minn hekk ġiet espressament ikkonfutata waqt is-seduta, fi kwalunkwe każ, tali motiv ma jistax jintlaqa’.

91      Fil-fatt, ir-rikorrent ma jressaq ebda indikazzjoni tali li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ abbuż ta’ poter. Barra minn hekk, l-EPSO organizzat matul il-kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt żewġ kompetizzjonijiet fis-settur tal-bini li għalihom ġiet aċċettata l-kandidatura tar-rikorrent.

92      B’hekk il-motiv imsemmi iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud.

93      Għalhekk u mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni fuq l-inammissibbiltà mqajma, it-talbiet għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża għandhom jiġu miċħuda.

94      Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li r-rikors għandu jiġi kollu kemm hu miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

95      Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, salv dispożizzjonijiet oħra tat-tieni Titolu tat-tmien Kapitolu tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti li titlef tiġi biss parzjalment ikkundannata għall-ispejjeż jew li hija ma tiġix ikkundannata għall-ispejjeż.

96      Mill-motivi msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrent tilef. Barra minn hekk, il-Kunsill, fit-talbiet tiegħu, espressament talab li r-rikorrent jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi tal-każ ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, hemm għalhekk lok li r-rikorrent jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

jaqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors ta’ J. Gheysens huwa miċħud.

2)      J. Gheysens għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Gervasoni

Van Raepenbusch

Rofes i Pujol

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Novembru 2010.

W. Hakenberg

 

      S. Gervasoni

Reġistratur

 

      President

It-testi tal-preżenti deċiżjoni kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Unjoni Ewropea ċċitati fiha huma disponibbli fis-sit internet www.curia.europa.eu


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.