Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Ġunju 2012 - Hammar Nordic Plugg vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-253/12)

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Partijiet

Rikorrenti: Hammar Nordic Plugg (Trollhättan, l-Isvezja) (rappreżentanti: I. Otken Eriksson u U. Öberg, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla totalment jew parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Frar 2012 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.28809 (C 29/10) (ex NN 42/10 & ex CP 194/09) implimentata mill-Isvezja favur Hammar Nordic Plugg AB [notifikata bid-dokument numru C(2012) 546];

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta' osservanza tal-Artikolu 107(1) TFUE

Billi ttrasferixxiet u kriet proprjetà immobbli pubblika għal valur inferjuri għal dak fis-suq, il-muniċipalità ta' Vänersborg ma tatx għajnuna mill-Istat illegali lir-rikorrenti, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Il-Kummissjoni wettqet numru ta' żbalji ta' evalwazzjoni fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-miżuri ta' għajnuna allegati sa fejn:

hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-akkwist preċedenti tat-tagħmir għall-prezz ta' SEK 17 miljun seta' jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat;

hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prezz reali tat-trasferiment ta' SEK 8 miljun kien jikkorrispondi għall-valur fis-suq tat-tagħmir;

hija naqset milli tosserva l-prinċipju ta' investitur f'ekonomija tas-suq meta kkunsidrat valutazzjonijet imwettqa a posteriori f'mumenti differenti sabiex tibbaża d-deċiżjoni tagħha u mhux it-trasferiment reali lil investitur privat;

l-hekk imsejħa "tielet valutazzjoni li tinsab fir-rapport PwC" imwettqa f'Marzu 2008 ma tikkostitwixxix indikatur affidabbli tal-valur tat-tagħmir fis-suq reali;

il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, sussegwentement, it-tagħmir ġie effettivament ittrasferit għal SEK 8 miljun f'Mejju 2011 permezz ta' sejħa għal offerti pubblika fil-kuntest tal-proċedura ta' falliment tax-xerrejja l-ġodda.

It-tieni motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta' osservanza tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn il-miżuri ta' għajnuna allegati ma jwettqux distorsjoni tal-kompetizzjoni u ma jaffettwawx il-kummerċ bejn Stati Membri fis-sens ta' din id-dispożizzjoni.

It-tielet motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta' osservanza, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-obbligi tagħha ta' investigazzjoni u ta'motivazzjoni kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

____________