Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Ġunju 2012 - Vakili vs Il-Kunsill

(Kawża T-255/12)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Bahman Vakili (Teheran, l-Iran) (rappreżentant: J.-M. Thouvenin, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill li tinkludi lir-rikorrent fil-lista tal-persuni ssanzjonati, li tirriżulta mid-Deċiżjoni 2011/783/PESK, mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta' Diċembru 2011, u mill-ittra tal-Kunsill tat-23 ta' Marzu 2012;

tannulla r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar [l-adozzjoni ta'] miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010, sa fejn dan jinkludi lir-rikorrent fil-lista tal-persuni ssanzjonati;

tordna li l-Kunsill jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni, billi l-espożizzjoni tal-motiv tas-sanzjoni li tolqot lir-rikorrent ma fiha ebda raġuni speċifika u konkreta li tiġġustifika din is-sanzjoni.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, billi r-rikorrent ma nstemax fil-proċedura li wasslet sabiex tiġi imposta sanzjoni fuqu, sa fejn il-Kunsill ma għaddilux il-provi miżmuma fil-konfront tiegħu u sa fejn ma kienx possibbli għar-rikorrent li jsostni l-perspettiva tiegħu, f'dan ir-rigward, b'mod effettiv.

It-tielet motiv ibbażat fuq żball ta' liġi, billi l-Kunsill ma huwiex awtorizzat li jissanzjona persuna għar-raġuni biss li din hija l-President tal-Bord u Direttur Maniġerjali ta'entità li hija wkoll issanzjonata.

Ir-raba' motiv ibbażat fuq żball ta' fatt, sa fejn ir-rikorrent ma jistax jinżamm responsabbli għal dak li l-Export Development Bank of Iran ġie akkużat bih qabel ma r-rikorrent assuma l-funzjonijiet tiegħu ta' direzzjoni ta' din il-kumpannija. Barra minn hekk, ir-rikorrent jikkontesta l-materjalità tal-fatti li l-kumpannija li huwa jidderieġi hija akkużata bihom.

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, billi s-sanzjoni imposta ma hijiex ta' natura li tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet li hija intiża li tilħaq.

Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għar-rispett tal-proprjetà, billi r-rikorrent ma kellux il-possibbiltà li jsostni d-drittijiet tiegħu b'mod effettiv u billi huwa ġie ssanzjonat fuq bażijiet legali ineżistenti.

____________