Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Bolzano (l-Italja) fit-8 ta’ Marzu 2022 – Proċeduri kriminali kontra persuni mhux magħrufa

(Kawża C-178/22)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale di Bolzano

Proċeduri kriminali kontra:

Persuni mhux magħrufa

Domanda preliminari

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) 1 jipprekludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Artikolu 132 tad-decreto legislativo 30 giugno 2003 n. 196 (codice della privacy) (id-Digriet Leġiżlattiv tat-30 ta’ Ġunju 2003 Nru 196 (il-Kodiċi tal-Privatezza)), li l-paragrafu 3 tiegħu ġie modifikat bid-decreto legge 30 settembre 2021 n. 132 (id-Digriet Liġi tat-30 ta’ Settembru 2021 Nru 132), ikkonvertit b’emendi fil-legge 23 novembre 2021 n. 178 (il-Liġi tat-23 ta’ Novembru Nru 178) u li fil-verżjoni attwali tiegħu jgħid:

“3.     Fil-perijodu ta’ żamma impost mil-liġi, jekk ikun hemm biżżejjed provi ta’ reati li għalihom il-liġi tistabbilixxi l-piena ta’ għomor-il ħabs jew ħabs ta’ mhux inqas minn tliet snin, iddeterminata skont l-Artikolu 4 tal-codice di procedura penale (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), u ta’ reati ta’ theddid u ta’ fastidju jew tfixkil ta’ nies bit-telefon, meta t-theddida, il-fastidju u t-tfixkil ikunu gravi, fejn tkun rilevanti sabiex jiġu aċċertati l-fatti, id-data hija akkwistata, suġġetta għal awtorizzazzjoni maħruġa mill-qorti b’digriet motivat, fuq talba tal-prosekutur pubbliku jew fuq talba tad-difensur tal-akkużat, tal-persuna taħt investigazzjoni, tal-vittma u tal-partijiet privati l-oħra”?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514.