Language of document : ECLI:EU:T:2009:491

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

10 ta’ Diċembru 2009 (*)

“Kuntratti pubbliċi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti Komunitarja – Bini ta’ sala ta’ produzzjoni ta’ materjali ta’ referenza – Ċaħda tal‑offerta ta’ kandidat – Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Ammissibbiltà – Interpretazzjoni ta’ kundizzjoni prevista fl‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt – Konformità ta’ offerta mal‑kundizzjonijiet previsti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt – Eżerċizzju tas‑setgħa li jintalbu kjarifiki dwar l-offerti – Rikors għad-danni”

Fil-Kawża T‑195/08,

Antwerpse Bouwwerken NV, stabbilita f’Antwerpen (il-Belġju), irrappreżentata inizjalment minn J. Verbist u D. de Keuster, sussegwentement minn J. Verbist, B. van de Walle de Ghelcke u A. Vandervennet, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Manhaeve, bħala aġent, assistit minn M. Gelders, avukat,

konvenuta,

li għandha bħal suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tad‑deċiżjoni tal‑Kummissjoni li tiċħad l-offerta ppreżentata mir‑rikorrenti fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti ristretta rigward il‑bini ta’ sala ta’ produzzjoni ta’ materjali ta’ referenza fuq is-sit tal-Institut des matériaux et mesures de référence f’Geel (il‑Belġju) u li tagħti l-kuntratt pubbliku lil kandidat ieħor u, min-naħa l-oħra, talba għall‑kumpens għad-danni allegatament imġarrba mir-rikorrenti minħabba l‑istess deċiżjoni tal-Kummissjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President, M. Prek u V. M. Ciucă, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Ġunju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 27(1), l-Artikolu 89(1), l-Artikolu 91(1), l-Artikolu 99, l‑Artikolu 100(2) u l-Artikolu 101 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006, tat-13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 390, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), jipprovdu:

“Artikolu 27

1. L-approprjazzjonijiet tal-budget għandhom ikunu wżati b’konformità mal‑prinċipju ta’ amministrazzjoni soda finanzjarja, jiġiefiri bi qbil mal-prinċipji ta’ l-ekonomija, l-effiċċjenza u l-effettività […]

Artikolu 89

1. Il-kuntratti kollha li huma ffinanzjati totalment jew parzjalment mill-budget għandhom ikunu konformi mal-prinċipji tat-trasparenza, l-proporzjonalità, it‑trattament ugwali u nuqqas ta’ diskriminazzjoni […]

Artikolu 91

Il-proċeduri ta’ akkwist għandhom jieħdu waħda minn dawn il-forom li ġejjin:

(a) il-proċedura miftuħa;

(b) il-proċedura ristretta;

(ċ) konkorsi;

(d) il-proċedura negozjata;

(e) id-djalogu kompetittiv.

[…] 

Artikolu 99

Waqt li l-proċedura tal-forniment tkun għaddeja, il-kuntatti kollha bejn l-awtorità tal-kuntratti u l-kandidati jew l-appaltaturi għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet li jassiguraw trasparenza u trattament ugwali. Dawn ma jistgħux iwaslu għal emenda fil-kondizzjonijiet tal-kuntratt jew tat-termini ta’ l-offerta oriġinali […]

Artikolu 100

[…]

2. L-awtorità tal-kuntratti għandha tinnotifika lill-kandidati jew lill-appaltaturi kollha li l-applikazzjonijiet jew l-offerti tagħhom huma miċħuda bil-bażi li fuqhom tkun ittieħdet id-deċiżjonim u lill-appaltaturi kollha li l-offerti tagħhom huma ammissibbli u li jagħmlu talba bil-miktub, bill-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi ta’ l-appaltatur b’suċċess u l-isem ta’ l-appaltatur li lilu jingħata il-kuntratt.

B’dana kollu, ċerti dettalji ma jkunx hemm ħtieġa li jkunu żvelati meta l-iżvelar tagħhom ikun ifixkel l-applikazzjoni tal-liġi, ikun kuntrarju ta’ l-interess pubbliku jew ikunu ta’ ħsara għall-interessi leġittimi tan-negozju ta’ l-impriżi pubbliċi jew privati jew jista’ jgħawweġ il-kompetizzjoni ġusta bejn dawk l-impriżi.

Artikolu 101

L-awtorità tal-kuntratti tista’, qabel ma l-kuntratt ikun iffermat, jew li tabbanduna l-forniment jew li tikkanċella l-proċedura ta’ l-għoti mingħajr ma l-kandidati jew l-appaltaturi jkunu intitolati għal talba għal xi kumpens.

Id-deċiżjoni għandha tkun issostanzjata u mwassla għall-attenzjoni tal-kandidati jew l-appaltaturi kollha.”

2        L-Artikoli 122, 138, 139, 148 u 158a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Finanzjarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145), kif emendati bir-Regolament tal‑Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 1261/2005, tal-20 ta’ Lulju 2005, (ĠU 2006, L 287M, p. 226), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 1248/2006, tas-7 ta’ Awwissu 2006 (ĠU 2007, L 314M, p. 162) u r‑Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 478/2007, tat-23 ta’ April 2007 (ĠU 2008, L 56M, p. 337) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament għall‑implementazzjoni”), jipprovdu:

“Artikolu 122

Tipi ta’ proċeduri ta’ ksib

(L-Artikolu 91 tar-Regolament Finanzjarju)

1. Kuntratti jingħataw billi ssir sejħa għall-offerti bil-proċeduri miftuħin, ristretti jew innegozjati wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ appalt, jew bi proċedura nnegozjata mingħajr ma jkun ippubblikat qabel l-avviż ta’ appalt, fejn xieraq wara kompetizzjoni.

2. Il-Kuntratt għal sejħa għall-offerti hu miftuħ meta kull operatur ekonomiku interessat jista’ jitfa’ offerta […]

Is-sejħa għall-offerti hi limitata meta l-operaturi economici jistgħu jitolbu li jieħdu sehem u huma biss il-kandidati li jissodisfaw il-kriterji ta’ selezzjoni mniżżla fl-Artikolu 135 u li huma mistiedna flimkien u bil-miktub mill-awtoritajiet kontraenti li jistgħu jitfgħu offerta […]

Il-fażi ta’ selezzjoni tista’ tiġi ripetuta għal kull kuntratt individwali, […] jew fuq tfassil ta’ lista ta’ kandidati potenzjali fil-qafas tal-proċedura limitata fl-Artikolu 128.

[…]

Artikolu 138

Arranġamenti u kriterji għall-għoti

(L-Artikolu 97(2) tar-Regolament Finanzjarju)

1. Bla ħsara għall-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju, il-kuntratti għandhom jiġu aġġudikati b’wieħed minn dawn iż-żewġ modi:

a)      skond il-proċedura ta’ għoti awtomatiku, li f’dan il-każ l-appalt jingħata lill-offerta, li filwaqt li tkun tajba u li tissodisfa l-kondizzjonijiet preskritti, tkun l-irħas;

b)      skond il-proċedura ta’ l-aħjar valur għall-flus li jkunu qed jintefqu […]

Artikolu 139

Offerti baxxi abnormalment

(L-Artikolu 97(2) tar-Regolament Finanzjarju)

1. Jekk, għal xi appalt, l-offerti jidhru abnormalment baxxi, l-awtorità tal-kuntratti, qabel ma tirrifjuta dawn l-offerti fuq dan l-argument biss, titlob bil-miktub dettalji ta’ l-elementi li minnhom magħmula l-offerta, li hi tqis li għandhom x’jaqsmu u tivverifika dawk l-elementi kostitwenti, wara li tkun semgħet sew il-partijiet, u tqis l-ispjegazzjonijiet li tkun irċeviet […]

Artikolu 148

Kuntatti bejn awtoritajiet ta’ l-appalti u dawk li jitfgħu l-offerti

(L-Artikolu 99 tar-Regolament Finanzjarju)

1. Kuntatt bejn l-awtorità ta’ l-applati u dawk li jitfgħu l-offerti waqt il-proċedura ta’ l-għoti ta’ l-appalt jistgħu isiru b’eċċezzjoni skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3.

[…]

3. Jekk wara li jinfetħu l-offerti tinħtieġ xi kjarifika f’konnessjoni ma’ offerta, jew jekk iridu jkunu rranġati xi żbalji klerikali ovvji, l-awtorità ta’ l-appalti tista’ tikkuntattja lil min ikun tefa’ l-offerta, għalkemm kuntatt ta’ dan it-tip ma jibdel xejn mit-termini ta’ l-appalt.

[…]

Artikolu 158a

Perjodu ta’ pawsa qabel il-firma tal-kuntratt

(Artikolu 105 tar-Regolament Finanzjarju)

1. L-awtorità li tagħti l-kuntratti m’għandhiex tiffirma l-kuntratt jew qafas ta’ kuntratt, kopert mid-Direttiva 2004/18/KE, ma’ l-offerent li jkun ġie aċċettat qabel ma jkunu għaddew erbatax-il jum kalendarju.

Il-perjodu ta’ 14-il jum kalendarju għandu jiġi kkalkulat minn waħda minn dawn id-dati:

(a) mill-jum ta’ wara li jkunu ntbagħtu flimkien id-deċeżjoni ta’ l-aġġudikazzjoni u d-deċiżjonijiet li jirrifjutaw l-offerti:

(b) fejn il-kuntratt jew qafas ta’ kuntratt jingħata permezz ta’ proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, mill-jum wara dak li fih l-avviż ta’ għoti ta’ kuntratt imsemmi fl-Artikolu 118 jkun ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’l-Unjoni Ewropea.

Jekk ikun meħtieġ l-awtorità li tagħti l-kuntratt tista’ tissospendi l-iffirmar tal-kuntratt għal aktar studju jekk dan ikun ġustifikat mit-talbiet jew kummenti li jsiru mill-offerenti jew kandidati li ma jkunux irnexxew jew li jkollhom xi lment jew minn xi informazzjoni relevanti oħra li hija tkun irċeviet. It-talbiet jew kummenti u l-informazzjoni għandhom jaslu matul l-erbatax-il jum kalendarju wara l-jum li fih ikunu ntbagħtu flimkien id-deċiżjonijiet ta’ rifjut jew ta’ aġġudikazzjoni jew, fejn ikun applikabbli, il-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt. Fil-każ ta’ sospensjoni, il-kandidati jew offerenti kollha għandhom ikunu infurmati fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol wara d-deċiżjoni ta’ sospensjoni.

Minbarra fil-każijiet stipulati fil-paragrafu 2, kull kuntratt iffirmat qabel jiskadi l-perjodu ta’ erbatax-il jum kalendarju għandu jkun null u bla effett.

Fil-każ li l-kuntratt jew qafas ta’ kuntratt ma jkunx jista’ jingħata lill-offerent li maħsub, li jkun irnexxa, l-awtorità li tagħti l-kuntratti tista’ tagħtih lill-aħjar wieħed mill-offerent l-oħra.

[…]”

3        L-Artikoli 2 u 28 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti, u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol 7, p. 132), huma fformulati kif ġej:

“Artikolu  2

Prinċipji ta’ assenjar ta’ kuntratti

L-awtoritajiet kuntrattwali se jistmaw l-operaturi ekonomiċi ugwali u bla diskriminazzjoni u se jaġixxu b’mod trasparenti.

Artikolu 28

Użu ta’ proċeduri miftuħa, ristretti u negozjati u djalogu kompetittiv

Fil-għoti tal-kuntratti pubbliċi tagħhom, awtoritajiet kontrattwanti għandhom japplikaw il-proċeduri nazzjonali aġġustati għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

Huma għandhom jagħtu dawn il-kuntratti pubbliċi billi japplikaw il-proċedura miftuħa jew ristretta […]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

4        Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tagħti kuntratt pubbliku għall-bini ta’ sala ta’ produzzjoni ta’ materjali ta’ referenza fuq is-sit tal-Institut des matériaux et mesures de référence (IMMR) f’Geel (il‑Belġju). Hija għażlet proċedura ristretta fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 122(2) tar‑Regolament għall-implementazzjoni u, wara pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ sejħa għal offerti fil-31 ta’ Mejju 2006, hija għamlet sejħa għal offerti ristretta għall-imsemmi bini.

5        Il-rikorrenti, Antwerpse Bouwwerken NV, il-kumpannija C. u żewġ impriżi oħra ipparteċipaw f’din il-proċedura. Huma ġew mibgħuta l‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, fosthom l-anness amministrattiv, li jipprovdi, fil-punt 25 tiegħu, li l-kuntratt pubbliku inkwistjoni ser jingħata lill-irħas offerta, filwaqt li jispjega:

“Il-prezzijiet kollha mitluba fis-sommarju tal-istima tax-xogħlijiet għandhom jingħataw taħt piena ta’ esklużjoni. Dan jgħodd ukoll għal tibdil eventwali tas-sommarju li jsir wara kummenti ppreżentati fi żmien utli mill-kandidati.”

6        Fil-21 ta’ Settembru 2007, ir-rikorrenti ppreżentat l-offerta tagħha. Il‑prezz offrut kien ta’ EUR 10 315 112.32.

7        Fil-5 ta’ Novembru 2007, il-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni rrediġa l-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni tal-offerti ppreżentati. Dan ir-rapport josserva, b’mod partikolari, li “[l-kumpannija C.] tat prezz unitarju għall-annotazzjoni 03.09.15 B iżda naqset milli tinkludih fil-prezz globali. Għandhom jiżdiedu EUR 973.76, li jwassal għal total ġdida ta’ EUR 9 728 946.14”, li “[l-kumpannija C.] wkoll naqset milli tagħti prezz unitarju għall-annotazzjoni E 9.26 ”, li “[l]-offerta [tar-rikorrenti] ma għandha l-ebda omissjoni”, li “[l-kumpannija C.] u [impriżi oħra] kollha naqsu li jindikaw il-prezzijiet għal ċerti annotazzjonijiet”, li, għal din ir-raġuni, “l-offerti tagħhom għandhom jiġu kkunsidrati bħala mhux konformi” u li “għalhekk, l-unika offerta konformi ġiet ippreżentata mir‑[rikorrenti]”. Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, il-kumitat ta’ evalwazzjoni ppropona li jagħti l-kuntratt inkwistjoni lir-rikorrenti.

8        Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Frar 2008, ir-rikorrenti ġiet informata mill‑Kummissjoni li:

–        l-offerta tagħha kienet ġiet aċċettata għall-għoti tal-kuntratt, madankollu, l-attenzjoni tagħha nġibdet għall-fatt li dan ma kien joħloq l-ebda obbligu fuq il-Kummissjoni, peress li d-dipartimenti kompetenti ta’ din tal-aħħar dejjem setgħu jirrinunzjaw għall‑kuntratt jew jannullaw il-proċedura tal-għoti tal-kuntratt, mingħajr ma r-rikorrenti jkollha dritt titlob kwalunkwe kumpens;

–        il-kuntratt seta’ jiġi ffirmat biss fl-iskandeza tat-terminu ta’ ġimgħatejn u l-Kummissjoni kienet qed tirriżerva d-dritt li tissospendi l-firma tagħha għal eżami addizzjonali jekk it-talbiet jew kummenti magħmula mill-kandidati mhux magħżula, jew kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li tiġi mibgħuta lilha, jiġġustifikaw dan.

9        B’risposta għal ittra tal-kumpannija C. tat-3 ta’ Marzu 2008, li permezz tagħha din tal-aħħar talbet dettalji dwar ir-raġunijiet għaċ‑ċaħda tal-offerta li hija kienet ippreżentat, il-Kummissjoni indikat, permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Marzu 2008, li l-imsemmija offerta ġiet miċħuda bħala mhux konformi mal-kundizzjonijiet previsti fl‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u fl-anness amministrattiv tagħhom. Il-Kummissjoni inkludiet, f’din l-ittra, silta mir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-5 ta’ Novembru 2007, li kien isemmi, b’mod partikolari, il-fatt li l-imsemmija kumpannija kienet naqset li tindika prezz għall-annotazzjoni E 9.26 tas-sommarju tal-istima tax-xogħlijiet.

10      Permezz ta’ ittra tal-11 tal-Marzu 2008, li waslet għand il-Kummissjoni fil-jum segwenti, il-kumpannija C. indikat li l-prezz għall-annotazzjoni E 9.26 tas‑sommarju tal-istima tax-xogħlijiet, li ma kienx jidher fl-offerta tagħha, seta’ jiġi dedott b’mod evidenti mill-prezz offrut għall-annotazzjoni E 9.13 tal-imsemmi sommarju, b’formulazzjoni identika. Il‑kumpannija C. sostniet ukoll li jkun manifestament inġust, imprudenti u kontra l-prinċipju ta’ ekonomija, li l-offerta tagħha tiġi miċħuda għal din ir-raġuni biss, u dan speċjalment peress li l-prezz tal-annotazzjoni E 9.26 huwa parti żgħira mill-valur totali tal-kuntratt.

11      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni informat lir‑rikorrenti li wieħed mill-kandidati mhux magħżula kien ta informazzjoni tali li tiġġustifika s-sospensjoni tal-iffirmar tal-kuntratt, b’mod konformi mal-Artikolu 158a(1) tar-Regolament għall-implementazzjoni.

12      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ April 2008, il-Kummissjoni talbet lill‑kumpannija C. tikkonferma li l-offerta tagħha kellha tinftiehem fis-sens li l-prezz offrut għall-annotazzjoni E 9.26 tas-sommarju tal-istima tax-xogħlijiet kien l-istess bħal dak offrut għall-annotazzjoni E 9.13 tal-istess stima tax-xogħlijiet, jiġifieri EUR 903.69, u li, meta jittieħed inkunsiderazzjoni dan il-prezz kif ukoll dak offrut għall-annotazzjoni 03.09.15B li din il-kumpannija kienet, bi żball, naqset li tinkludi fil-kalkolu tal-prezz globali li hija kienet offriet, dan il-prezz globali kien jitla’ għal EUR 9 729 849.83.

13      Permezz ta’ żewġ ittri tat-22 ta’ April 2008, li waslu għand il‑Kummissjoni fl-istess jum, il-kumpannija C. ikkonfermat li dan il-qari tal-offerta tagħha kien korrett.

14      Fit-23 ta’ April 2008 il-kumitat ta’ evalwazzjoni rrediġa rapport ġdid ta’ evalwazzjoni tal-offerti ppreżentati, fejn ġie osservat, b’mod partikolari, fil-punt 3.2.1.3, li “[l-kumpannija C.] naqset milli tagħti prezz unitarju għall-annotazzjoni E 9.26”, iżda li “f’ittra ta’ spjegazzjoni, hija indikat li l-prezz seta’ jiġi dedott mill-annotazzjoni E 9.13 (EUR 903.69), peress li kienet eżattament l-istess annotazzjoni.” Huwa jżid li “abbażi ta’ din l‑ispjegazzjoni […] EUR 903.69 kellhom jiżdiedu mal-offerta inizjali” u li, “kif osserva d-dipartiment legali tal-Kummissjoni, din is-sitwazzjoni kellha titqies bħala kjarifika tal-offerta u mhux bidla”. Il-kumitat ta’ evalwazzjoni għalhekk ippropona li l-kuntratt pubbliku inkwistjoni jingħata lill-kumpannija C. F’dan ir-rapport ta’ evalwazzjoni ġdid, l‑offerta tar-rikorrenti tidher biss bħala t-tielet l-irħas offerta.

15      Permezz ta’ ittra mill-Kummissjoni tad-29 ta’ April 2008, li waslet fil-5 ta’ Mejju 2008, ir-rikorrenti ġiet informata li l-offerta tagħha ma kinitx ġiet magħżula finalment għall-għoti tal-kuntratt pubbliku inkwisjoni, peress li l-prezz li hija kienet offriet “kien ogħla minn dak propost mill‑kandidat magħżul”.

16      Permezz ta’ ittra tal-istess jum, il-Kummissjoni informat lill-kumpannija C. li hija kienet ingħatat il-kuntratt inkwistjoni.

17      B’risposta għal talba mir-rikorrenti, il-Kummissjoni indikat, permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Mejju 2008, ir-raġunijiet addizzjonali li ġejjin:

“Fl-ewwel evalwazzjoni ta’ dan il-fajl voluminuż, deher li inti r‑rebbieħa għalkemm il-prezz tiegħek kien kunsiderevolment ogħla minn dak tar-rebbieħ proprju. Ir-raġuni għaċ-ċaħda inizjali tal-offerta ta’ dan il-kandidat kienet dovuta għall-fatt li, fir-rigward ta’ annotazzjoni żgħira ta’ prezz, il-prezz ma kienx seta’ jinstab. Dan kien wkoll il-każ għall-offerti ta’ żewġ kandidati oħra. Għaldaqstant, fil‑bidu, dawn l-offerti kienu ġew ikkunsidrati bħala mhux konformi.

Matul il-perijodu ta’ status quo previst fl-Artikolu 158a tar‑Regolament [għall-implementazzjoni], il-kandidati l-oħra indikaw li l‑prezzijiet neqsin kienu fil-fatt jinsabu fl-offerti tagħhom. Għaldaqstant, il-perijodu ta’ status quo ġie sospiż sabiex isir eżami addizzjonali. Mill-analiżi l-ġdida rriżulta li l-prezzijiet, inizjalment nieqsa, effettivament kienu ġew indikati u li għaldaqstant dawn il-kumpanniji kienu ppreżentaw offerta konformi. Għalhekk kien hemm lok li ssir evalwazzjoni ġdida tal-offerti kollha. Peress li waħda minn dawn il‑kumpanniji kienet ippreżentat l-irħas offerta, hija ġiet magħżula bħala r-rebbieħa ta’ din is-sejħa għal offerti.”

18      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Mejju 2008, li waslet għand ir-rikorrenti l‑jum segwenti, il-Kummissjoni bagħtet kopja tar-rapporti ta’ evalwazzjoni tal‑5 ta’ Novembru 2007 u tat-23 ta’ April 2008.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal‑Prim’Istanza (li saret il-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Diċembru 2009) fit‑30 ta’ Mejju 2008, ir‑rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. Permezz ta’ att separat, ippreżentat fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqet talba għal proċedura mħaffa, abbażi tal-Artikolu 76a tar‑Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li ġiet miċħuda b’deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2008.

20      Permezz ta’ att separat ieħor, ippreżentat fir-reġistru fl-istess jum u rreġistrat taħt ir-referenza T-195/08 R, ir-rikorrenti ressqet ukoll talba għal miżuri provviżorji, skont l-Artikolu 243 KE u l-Artikoli 104 et seq tar-Regoli tal-Proċedura. Permezz ta’ digriet tal-President tal‑Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 2008, Antwerpse Bouwwerken vs Il-Kummissjoni (T 195/08 R, mhux ippubblikat fil-Ġabra), din it-talba għal miżuri provviżorji ġiet miċħuda.

21      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali, u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar‑Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, stiednet lill‑Kummissjoni sabiex tirrispondi bil-miktub għal domanda u sabiex tipproduċi ċerti dokumenti. Il-Kummissjoni għamlet dan.

22      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill‑Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-10 ta’ Ġunju 2009.

23      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tal-Kummissjoni, tad-29 ta’ April 2008, kif ikkompletata permezz tal-ittra tagħha tas-6 ta’ Mejju 2008, li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti, kif ukoll id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ April 2008, li biha l-kuntratt pubbliku inkwistjoni ngħata lill-kumpannija C., innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Mejju 2008;

–        tiddikjara li l-Kummissjoni hija responsabbli fuq bażi mhux kuntrattwali għad-danni mġarrba mir-rikorrenti, li għandhom jiġu stmati iktar tard;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tevalwa d-danni tagħha għal EUR 619 000 u tirriżerva d-dritt li twettaq evalwazzjoni mill-ġdid matul il‑proċeduri.

25      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq it-talba għal annullament


 Fuq is-suġġett tal-kawża

26      Permezz tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob l‑annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-29 ta’ April 2008, li tiċħad l-offerta tagħha u, min-naħa l-oħra, tad-“deċiżjoni” tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ April 2008, li tat il-kuntratt pubbliku inkwistjoni lill-kumpannija C. Din l-aħħar deċiżjoni ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Mejju 2008.

27      Madankollu għandu jiġi kkonstatat li, kif ġie mfakkar fil-punt 18 hawn fuq, permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti biss ir-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-5 ta’ Novembru 2007 u tat-23 ta’ April 2008 u dawn ma jinkludu l-ebda deċiżjoni tal‑Kummissjoni, iżda biss proposti tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, dwar l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, rispettivament, lir-rikorrenti u lill‑kumpannija C., li ma jorbtux lill-Kummissjoni (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Settembru 1999, Fracasso u Leitschutz, C‑27/98, Ġabra p. I‑5697, punti 33 u 34, u s‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Frar 2000, ADT Projekt vs Il‑Kummissjoni, T‑145/98, Ġabra p. II 387, punt 152).

28      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar ukoll li, fir-rigward tal-miżuri intermedjarji bl-iskop ta’ preparazzjoni tad-deċiżjoni għall-għoti tal‑kuntratt inkwistjoni, li hija redatta f’diversi stadji fil-kuntest ta’ proċedura interna, l-imsemmija rapporti ma jistgħux huma nfushom ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Tali rikors jista’ jsir biss kontra l‑miżura li tistabbilixxi b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fi tmiem din il-proċedura interna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 10, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 1992, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑10/92 sa T‑12/92 u T‑15/92, Ġabra p. II‑2667, punt 28), jiġifieri, f’dan il-każ, id-deċiżjoni li tinċaħad l-offerta ta’ kandidat u dik li l-kuntratt jingħata lil kandidat ieħor.

29      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, b’risposta għal talba mill-Qorti Ġenerali sabiex tiġi prodotta kopja tad-deċiżjoni tagħha dwar l-għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni lill-kumpannija C., il-Kummissjoni spjegat li, fiż-żmien tal-fatti, ma kienx hemm, fi ħdan id-dipartiment responsabbli, prattika li tittieħed deċiżjoni formali ta’ għoti, iżda li, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-rapport ta’ evalwazzjoni u wara li tkun intalbet l-opinjoni favorevoli ta’ kumitat intern, dan id‑dipartiment kien jikkomunika lill-kandidat magħżul id-deċiżjoni li l‑kuntratt jingħata lilu u lill-kandidati l-oħra d-deċiżjoni li jinċaħdu l‑offerti tagħhom. Fis-seduta, il-partijiet ikkonfermaw dan il-punt, u dan ġie mniżżel fil-minuti tas-seduta.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti għandu jinftiehem fis-sens li huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-29 ta’ April 2008, li tagħti l-kuntratt pubbliku inkwistjoni lill-kumpannija C. u li tiċħad l-offerta tar‑rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Permezz ta’ ittri tal-istess jum, din id-deċiżjoni ġiet innotifikata, fl-istess ħin, lill‑imsemmija kumpannija C. u lir-rikorrenti (ara l-punti 15 u 16 iktar ’il fuq).

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

31      Il-Kummissjoni tosserva li l-offerta tar-rikorrenti kienet biss it-tielet waħda f’ordni ta’ klassifika li tmur mill-offerta l-iktar baxxa sal‑ogħla offerta. Għaldaqstant, jekk il-Qorti Ġenerali kellha tilqa’ r-rikors, ikun il-kandidat ikklassifikat it-tieni, u mhux ir-rikorrenti, li jingħata l-kuntratt pubbliku inkwistjoni. Għalhekk, ir-rikorrenti ma għandhiex interess ġuridiku sabiex tippreżenta dan ir-rikors li għandu, għal din ir-raġuni, jiġi miċħud bħala inammissibbli.

32      Ir-rikorrenti tqis li din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda għar-raġunijiet esposti fid-digriet Antwerpse Bouwwerken vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar ’il fuq (punti 21 sa 25).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

33      Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din il-persuna għandha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il‑Kummissjoni, T‑310/00, Ġabra p. II‑3253, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata). Tali interess jippresupponi li l‑annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 1995, Antillean Rice Mills et vs Il‑Kummissjoni, T‑480/93 u T‑483/93, Ġabra p. II‑2305, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata) u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li ressqitu (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill, C‑50/00 P, Ġabra p. I‑6677, punt 21).

34      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, eventwali annullament tad-deċiżjoni kkontestata jistax jagħti vantaġġ lir‑rikorrenti. Il-Kummissjoni ssostni li dan ma huwiex il-każ, peress li, fil-każ ta’ tali annullament, hija jkollha dritt li tagħti l-kuntratt pubbliku inkwistjoni lill-kandidat li l-offerta tiegħu kienet it-tieni fl-ordni ta’ klassifika, u mhux lir-rikorrenti, li l-offerta tagħha ġiet ikklassifikata fit‑tielet pożizzjoni.

35      Issa, għalkemm huwa ċertament minnu li, jekk l-offerta tal-kumpannija C. tiġi miċħuda minħabba n-nuqqas ta’ konformità mal‑kundizzjonijiet previsti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, dan ma jkollux bħala konsegwenza awtomatika l-għoti tal-kuntratt pubbliku lir‑rikorrenti, huwa daqstant minnu li, fir-rapport ta’ evalwazzjoni tat-23 ta’ April 2008, il-Kummissjoni tispjega li l-impriża mqiegħda fit-tieni pożizzjoni, l-istess bħall-kumpannija C., naqset li tindika l-prezz għal ċerti annotazzjonijiet tas-sommarju tal-istima tax-xogħlijiet, iżda li l-offerta tal-imsemmija impriża (EUR 10 140 841.12) madankollu ġiet kkwalifikata mill-Kummissjoni bħala konformi mal-kundizzjonijiet previsti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, fid-dawl tal-kjarifiki magħmula minn din l-impriża.

36      Permezz tal-motiv waħdieni tagħha, imressaq insostenn tat-talba għal annullament, ir-rikorrenti tikkontesta, preċiżament, il-konklużjoni tal‑Kummissjoni li impriża li tonqos milli tindika fl-offerta tagħha l-prezz għal ċerti annotazzjonijiet fis-sommarju tal-istima tax-xogħlijiet tista’, madankollu, ikollha din l-offerta kkwalifikata bħala konformi mal‑kundizzjonijiet stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, fid-dawl tal-kjarifiki magħmula minn din il-kumpannija.

37      Minn dan isegwi li, fil-każ li l-offerta tal-kumpannija C. tinċaħad minħabba d-difett invokat mir-rikorrenti, il-Kummissjoni tista’ tkun legalment prekluża milli tagħti l-kuntratt pubbliku inkwistjoni lill-impriża li tinsab fit-tieni pożizzjoni, li l-offerta tagħha tista’ tkun ivvizzjata bl-istess difett bħall-offerta ppreżentata mill-kumpannija C. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-impriża li tinsab fit-tieni pożizzjoni ma tistax tkun ta’ ostakolu sabiex il-kuntratt pubbliku inkwistjoni jingħata lir‑rikorrenti. Minn dan isegwi li r-rikorrenti għandha interess ġuridiku u li t-talba tagħha għal annullament hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

38      Ir-rikorrenti tinvoka, fil-kuntest tal-motiv waħdieni tagħha, ksur tal‑Artikolu 91 tar-Regolament Finanzjarju, tal-Artikoli 122, 138 u 148 tar-Regolament għall-implementazzjoni kif ukoll tal-Artikoli 2 u 28 tad‑Direttiva 2004/18. Hija tfakkar li l-kuntratt pubbliku inkwistjoni ngħata wara sejħa għal offerti ristretta, kif jindikaw, barra minn hekk, il-punti 2 u 4.3 tal-anness amministrattiv tal-ispeċifikazzjonijiet tal‑kuntratt. Mill-punt 25 tal-istess anness jirriżulta ukoll, minn naħa, li hemm kriterju wieħed biss għall-għoti tal-kuntratt, jiġifieri l‑prezz offrut minn kull kandidat u, min-naħa l-oħra, li l-prezzijiet kollha mitluba fuq is‑sommarju tal‑istima tax-xogħlijiet għandhom jiġu indikati “taħt piena ta’ esklużjoni”.

39      Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ proċedura ristretta, ma jistgħu jsiru l-ebda negozjati bejn l-awtorità kontraenti u l-kandidati. Il-kandidati lanqas ma huma awtorizzati jibdlu jew jikkompletaw l-offerti tagħhom wara li huma jippreżentawhom. Għaldaqstant, l-awtorità kontraenti għandha l-obbligu li tiċħad offerta li ma hijiex konformi mal‑kundizzjonijiet previsti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Sussidjarjament, is-setgħa li tintalab kjarifika dwar l-offerti tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn il-kandidati u l-obbligu ta’ trasparenza, stabbilit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, li huwa applikabbli f’dan il-każ skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

40      Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Ġunju 1993, Il‑Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑243/89, Ġabra p. I‑3353, punt 37), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-kandidati jeżiġi li l-offerti kollha jkunu konformi mat-termini tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt sabiex jiġi żgurat paragun oġġettiv bejniethom. Issa, dan ir-rekwiżit ma jiġix osservat jekk il‑kandidati jkunu awtorizzati jagħmlu riżervi fl-offerti tagħhom li bihom jistgħu jeskludi t-“termini bażiċi” tal‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

41      Mir-rapporti ta’ evalwazzjoni jirriżulta wkoll li, bil-kontra tal‑indikjazzjonijiet ċari li jinsabu fil-punt 25 tal-anness amministrattiv tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, is-sommarju tal-istima tax-xogħlijiet ma ġiex mimli b’mod komplet fl-offerta tal-kumpannija C., peress li l‑prezz għall-annotazzjoni E 9.26 kien nieqes. Din hija r-raġuni li għaliha l-kumitat ta’ evalwazzjoni ppropona, fir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-5 ta’ Novembru 2007, li l-offerta tinċaħad bħala mhux konformi. Madankollu, fir-rapport ta’ evalwazzjoni tat-23 ta’ April 2008, l-istess kumitat biddel il-pożizzjoni tiegħu, wara l-intervent tal-kumpannija C.

42      Issa, tali intervent huwa pprojbit fil-kuntest ta’ proċedura ristretta, skont l‑Artikolu 122(2) tar-Regolament għall-implementazzjoni, li matulu ma huma awtorizzati l-ebda negozjati bejn l-awtorità kontraenti u d-diversi kandidati. Kuntrarjament għall-opinjoni tad-dipartiment legali tal‑Kummissjoni, imsemmija fil-punt 3.2.1.3 tar-rapport ta’ evalwazzjoni tat-23 ta’ April 2008, l-ittra tal-kumpannija C. tat-22 ta’ April 2008 ma tistax tiġi kkwalifikata bħala kjarifika, peress li ma tirrigwardax element diġà preżenti fl-offerta tagħha, iżda hija intiża sabiex tikkompleta din l‑offerta billi ddaħħal prezz li ma kienx jinsab qabel fl-imsemmija offerta. Fir-realtà, il‑Kummissjoni awtorizzat lill-kumpannija C. sabiex tibdel l-offerta li hija kienet ippreżentat, meta fil-fatt tali approċċ huwa pprojbit fil-kuntest tal-proċedura ristretta segwita f’dan il-każ.

43      Fil-fatt, in-nuqqas ta’ riferiment għall-prezz offrut għal annotazzjoni fis‑sommarju tal-istima tax-xogħlijiet ma jistax jiġi kkwalifikat bħala żball klerikali, fis-sens tal-Artikolu 148(3) tar-Regolament għall‑implementazzjoni, anki jekk il-prezz nieqes seta’ jiġi dedott mill‑prezz offrut għal annotazzjoni oħra fl-istess stima tax-xogħlijiet. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li l-kumitat ta’ evalwazzjoni diġà, fir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-5 ta’ Novembru 2007, ikkoreġa żball klerikali fl‑offerta tal-kumpannija C., li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-prezz tal-annotazzjoni 03.09.15 B tas-sommarju tal-istima tax-xogħlijiet fil-kalkoklu tal-prezz totali offrut, li wassal għaż‑żieda ta’ dan l-imsemmi prezz b’EUR 973.76.

44      Il-fatt li l-kumpannija C. ġiet awtorizzata tikkompleta l-offerta li hija kienet ippreżentat jikkostitwixxi, skont ir-rikorrenti, “żball proċedurali”. Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda setgħa diskrezzjonali fil-materja u għandha l-obbligu li tapplika r-regoli ta’ proċedura b’mod strett. Fil-fatt, il‑ġurisprudenza stabbilita, li tgħid li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-evalwazzjoni tal-offerti ppreżentati fil‑proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, peress li dan huwa “żball proċedurali” u mhux żball manifest ta’ evalwazzjoni. Għall-istess raġuni, il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma huwiex applikabbli f’dan il-każ.

45      Anki jekk jingħad li l-Kummissjoni kellha setgħa diskrezzjonali fir‑rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tas-sommarju tal-istima tax‑xogħlijiet inkomplet, hija għamlet żball sa fejn iddeċidiet li teskludi l-kandidat ikkonċernat u li tinforma lir-rikorrenti li hija kienet rebħet il-kuntratt qabel ma tibdel il-pożizzjoni tagħha u li tagħti l-kuntratt lil dan il-kandidat wara l-intervent ta’ dan l-istess kandidat. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, għalkemm, fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Frar 2008, il‑Kummissjoni rriżervat id-dritt li tissospendi l-iffirmar tal-kuntratt magħha, dan ma jistax iwassal għal konklużjoni differenti, peress li, wara li ġiet informata li l-kuntratt ser jingħata lilha, hija kellha tieħu l‑miżuri meħtieġa, fosthom li ma tipparteċipax f’sejħiet ta’ offerti oħra, sabiex tkun lesta tibda l-bini previst mill-kuntratt inkwistjoni.

46      Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, għalkemm huwa ċertament eżatt li l-formulazzjoni tal-annotazzjonijiet E 9.13 u E 9.26 fis-sommarju tal-istima tax‑xogħlijiet huwa identiku jibqa’ l-fatt li l-prezz offrut għal-tieni minn dawn l-annotazzjonijiet mill-kumpannija C. ma jistax jiġi dedott mill-prezz offrut għall-ewwel annotazzjoni. Fil-fatt, l-istess formulazzjoni tinsab f’annotazzjonijiet oħra tas-sommarju tal-istima tax-xogħlijiet, jiġifieri l-annotazzjonijiet E 9.05, E 9.22, E 9.31, E 9.37 u E 9.43. Issa, ir-rikorrenti pproponiet prezzijiet differenti għal kull waħda minn dawn l-annotazzjonijiet. Minħabba li ma huwiex possibbli li jiġi dedott il-prezz offrut mill‑kumpannija C. għall-annotazzjoni E 9.26, l-offerta ta’ din tal-aħħar għandha tiġi rrifjutata mill-Kummissjoni bħala inkompleta, skont il-proposta inizjali tal-kumitat ta’ evalwazzjoni.

47      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata lanqas ma hija konformi mal-prinċipju ta’ trasparenza stabbilit fl-Artikolu 2 tad‑Direttiva 2004/18, peress li ċerti siltiet mill-kopji tar-rapporti ta’ evalwazzjoni kkomunikati ġew moħbija mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tikkunsidra li, peress li ma ġietx informata b’mod sħiħ, il-“perijodu ta’ status quo” previst fl-Artikolu 158a tar-Regolament għall-implementazzjoni għadu ma bediex jiddekorri.

48      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

49      Għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku permezz ta’ sejħa għal offerti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Frar 2002, Esedra vs Il‑Kummissjoni, T‑169/00, Ġabra p. II‑609, punt 95, u tal-14 ta’ Frar 2006, TEA‑CEGOS et vs Il‑Kummissjoni, T‑376/05 u T‑383/05, Ġabra p. II‑205, punt 50). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha wkoll setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddetermina kemm il-kontenut kif ukoll l‑implementazzjoni tar-regoli applikabbli għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku permezz ta’ sejħa għal offerti (sentenza TEA-CEGOS et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

50      Barra minn hekk, għalkemm awtorità kontraenti għandha tirrediġi l‑kundizzjonijiet għal sejħa għal offerti bi preċiżjoni u b’ċarezza, hija ma hijiex obbligata tipprevedi s-sitwazzjonijiet kollha possibbli, rari kemm jistgħu jkunu, li jistgħu jqumu fil-prattika (digriet tal‑Qorti tal-Ġustizzja tal-20 April 2007, TEA-CEGOS u STG vs Il‑Kummissjoni, C‑189/06 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 30).

51      Kundizzjoni prevista fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt għandha tiġi interpretata skont l-għan, l-istruttura u l-formulazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet TEA‑CEGOS u STG vs Il‑Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 46). F’każ ta’ dubju, l-awtorità kontraenti kkonċernata tista’ tevalwa l-applikabilità ta’ tali kundizzjoni billi tagħmel eżami fuq bażi individwali fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha (ara, f’dan is-sens, id-digriet TEA-CEGOS u STG vs Il‑Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 31).

52      Barra minn hekk, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal‑Kummissjoni msemmija fil-punt 49 iktar ’il fuq, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jillimita ruħu għall-verifika tal-osservanza tar‑regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-preċiżjoni materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (ara s-sentenza TEA-CEGOS et vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Fil-kuntest ta’ tali stħarriġ, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddetermina, b’mod partikolari, jekk l-interpretazzjoni adottata mill‑Kummissjoni inkwantu awtorità kontraenti ta’ kundizzjoni prevista fl‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt hija, jew ma hijiex, korretta (ara, f’dan is-sens, id-digriet TEA‑CEGOS u STG vs Il‑Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 46).

54      Għandu wkoll jiġi osservat li l-Artikolu 148(3) tar-Regolament għall‑implementazzjoni jagħti lill-istituzzjonijiet id-dritt li jieħdu l-inizjattiva li jikkuntattjaw lill-kandidat fil-każ li offerta tagħti lok għal talbiet għal kjarifika jew jekk jeżistu żbalji klerikali li għandhom jiġu korretti fir-redazzjoni ta’ offerta. Minn dan isegwi li din id‑dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali u limitati biss li hija ssemmi, hija timponi fuq l‑istituzzjonijiet l-obbligu li jikkuntattjaw lill-kandidati (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Mejju 1996, Adia interim vs Il‑Kummissjoni, T‑19/95, Ġabra p. II‑321, punti 43 u 44).

55      Jista’ jkun mod ieħor biss jekk, skont il-prinċipji ġenerali tal-liġi, dan id‑dritt seta’ joħloq obbligu għall-Kummissjoni li tikkuntattja kandidat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Adia interim vs Il‑Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punt 45).

56      Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ meta l-formulazzjoni ta’ offerta hija redatta b’mod ambigwu u ċ-ċirkustanzi tal-kawża, li l-Kummissjoni tkun taf bihom, jindikaw li l-ambigwità probabbilment tista’ tiġi spjegata b’mod sempliċi u titneħħa faċilment. F’każ bħal dan, huwa, fil‑prinċipju, kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li l-Kummissjoni tiċħad din l-offerta mingħajr ma teżerċita s-setgħa tagħha li titlob kjarifiki. F’ċirkustanzi bħal dawn, ikun kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali jekk il-Kummissjoni tingħata setgħa diskrezzjonali assoluta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2002, Tideland Signal vs Il‑Kummissjoni, T‑211/02, Ġabra p. II‑3781, punti 37 u 38).

57      Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal‑istituzzjonijiet ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jinkisbu l-għanijiet, peress li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik l-inqas oneruża u peress li l-iżvantaġġi li toħloq ma għandhomx jkun sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, National Farmers’ Union et, C‑157/96, Ġabra p. I‑2211, punt 60). Dan il-prinċipju jobbliga lill-awtorità kontraenti, meta jkollha quddiemha offerta ambigwa u meta talba għal kjarifika dwar il-kontenut tal-imsemmija offerta tkun tista’ tiżgura ċ-ċertezza legali bl-istess mod bħaċ-ċaħda immedjata tal-offerta inkwistjoni, li titlob kjarifika mingħand il-kandidat ikkonċernat, pjuttost milli tagħżel iċ-ċaħda pura u sempliċi tal-offerta tal-imsemmi kandidat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tideland Signal vs Il‑Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 43).

58      Madankollu, huwa wkoll essenzjali, fl-interess taċ-ċertezza legali, li l‑Kummissjoni tkun tista’ tiżgura bi preċiżjoni l-kontenut ta’ offerta ppreżentata fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti u, b’mod partikolari, il‑konformità ta’ din l-offerta mal-kundizzjonijiet previsti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. B’hekk, meta offerta tkun ambigwa u l-Kummissjoni ma jkollhiex il-possibbiltà li tistabbilixxi, dak li hija tfisser, malajr u b’mod effiċjenti, hija ma għandha l-ebda għażla ħlief li tiċħadha (sentenza Tideland Signal vs Il‑Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 34).

59      Fl-aħħar nett, hija finalment il-Qorti Ġenerali li tiddetermina jekk ir‑risposti ta’ kandidat għal talba għal kjarifika ppreżentata mill-awtorità kontraenti jistgħux jitqiesu bħala kjarifika dwar il‑kontenut tal‑offerta ta’ dan il-kandidat jew jekk huma jmorrux lil hinn minn dan il‑kuntest u jibdlu l-kontenut ta’ din l-offerta fid-dawl tal‑kundizzjonijiet previsti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza Esedra vs Il‑Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 52).

60      F’dan il-każ, qabel kollox għandu jiġi ddeterminat jekk, fil-każ fejn kandidat ikun naqas milli jindika, fis-sommarju tal-istima tax-xogħlijiet mogħti flimkien mal-offerta, il-prezz offrut għal annotazzjoni, il-kundizzjoni prevista fil-punt 25 tal-anness amministrattiv tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt għandha tiġi interpretata fis-sens li din l-offerta għandha definittivament tiġi rrifjutata, kif issostni essenzjalment ir-rikorrenti, jew li hija ma tistax tiġi miċħuda meta l-iżball klerikali inkwistjoni jista’ jiġi spjegat b’mod faċli u ċert, mill-prezz offrut għal annotazzjoni oħra tas‑sommarju tal-istima tax-xogħlijiet imsemmija iktar ’il fuq, kif issostni l-Kummissjoni.

61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kundizzjoni prevista fil-punt 25 tal-anness amministrattiv tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt hija intiża sabiex l-awtorità kontraenti, f’dan il-każ il-Kummissjoni, tingħata spjegazzjoni dettaljata dwar il-mod li bih il-prezz globali offrut għall‑kuntratt pubbliku inkwistjoni għal kull kandidat huwa maqsum f’prezzijiet individwali għax-xogħlijiet differenti inklużi f’dan il-kuntratt pubbliku.

62      Għandu wkoll jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-kjarifiki pprovduti mill-partijiet fuq dan is-suġġett waqt is-seduta, li l-obbligu ta’ kull kandidat li jindika prezz għall-annotazzjonijiet kollha tas-sommarju tal-istima tax-xogħlijiet huwa intiż sabiex jippermetti lill-Kummissjoni tivverifika faċilment li l-prezz globali offrut minn kull offerent ikun eżatt kif ukoll li dan il‑prezz ikun normali, skont l-Artikolu 139(1) tar-Regolamenti għall‑implementazzjoni. Fl-aħħar nett, dan l-obbligu huwa intiż sabiex jiffaċilita l-adattament tal-imsemmi prezz globali offrut għall-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-każ li jqum il-bżonn ta’ xogħlijiet addizzjonali wara l-għoti tal-imsemmi kuntratt pubbliku, fil-kuntest tal‑implementazzjoni tiegħu.

63      Il-kisba tal-għanijiet imsemmija hawn fuq, fir-rigward tal‑kundizzjoni prevista fil-punt 25 tal-anness amministrattiv tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, bl-ebda mod ma hija kkontestata bl‑interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li saret mill-Kummissjoni, jiġifieri li offerta ma hijiex inkompleta u ma għandhiex tiġi miċħuda jekk il-prezz nieqes għal annotazzjoni partikolari jista’ jiġi dedott b’ċertezza mill-prezz indikat għal annotazzjoni oħra fis-sommarju tal-istima tax-xogħlijiet jew, għall-inqas, wara li jinkisbu kjarifiki dwar il-kontenut ta’ din l‑offerta mingħand l-offerent tagħha.

64      Fil-fatt, kif tenfasizza l-Kummissjoni, f’dan l-aħħar każ, ma hijiex kwistjoni ta’ inklużjoni ta’ prezz ġdid offrut għall-annotazzjoni kkonċernata fis‑sommarju tal-istima tax-xogħlijiet, iżda sempliċi kjarifika dwar il‑kontenut tal-offerta li biha l-prezz offrut għal annotazzjoni speċifika għandu jinftiehem fis-sens li qed jiġi propost ukoll għal kull annotazzjoni oħra li għandha kontenut identiku jew simili.

65      F’każ bħal dan, l-interpretazzjoni purament litterali u stretta tal-kundizzjoni prevista fil-punt 25 tal-anness amministrattiv tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, issuġġerita mir-rikorrenti, twassal għaċ-ċaħda, minħabba nuqqasijiet jew żbalji klerikali manifesti u insinjifikanti, ta’ offerti vantaġġjużi ekonomikament, li, kif il-Kummissjoni tosserva ġustament, definittivament ma huwiex konformi mal-“prinċipju ta’ ekonomija” imsemmi fl-Artikolu 27 tar-Regolament Finanzjarju.

66      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu, imbagħad, jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kellhiex raġun tikkunsidra li l-prezz propost mill-kumpannija C. għall-annotazzjoni E 9.26 tas-sommarju tal-istima tax‑xogħlijiet seta’, f’dan il-każ, jiġi dedott b’ċertezza mill-prezz offrut minn din l-istess kumpannija għal annotazzjoni oħra fl-istess stima tax-xogħlijiet, li wassal lill-Kummissjoni biex ma tiċħadx l-offerta magħmula minn din il-kumpannija bħala mhux konformi mal‑kundizzjonijiet previsti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

67      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-kumpannija C., wara li ġiet informata bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tagħtix il-kuntratt inkwistjoni lir-rikorrenti, inizjalment, talbet lill-Kummissjoni, skont l‑Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju, li tiġi informata bir‑raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta tagħha. Wara li saret taf dawn ir-raġunijiet, din l-istess kumpannija, skont l-Artikolu 158a(1) tar-Regolament għall-implementazzjoni u fit-terminu previst minn din id‑dispożizzjoni, ippreżentat osservazzjonijiet li fihom hija talbet lill‑Kummissjoni tagħtiha l-kuntratt inkwistjoni, minħabba li l-prezz għall-annotazzjoni E 9.26 ma kienx nieqes fis-sommarju tal-istima tax‑xogħlijiet li kien hemm flimkien mal-offerta tagħha, peress li seta’ jiġi dedott b’mod evidenti mill-prezz offrut għall-annotazzjoni E.913 (ara l-punti 9 u 10 iktar ’il fuq).

68      Għandu wkoll jiġi osservat li mis-siltiet tal-istima tax-xogħlijiet li hemm mal-offerti tar-rikorrenti tal-kumpannija u tal‑kumpannija C., prodotti mill-Kummissjoni fuq talba tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li l-annotazzjonijiet E 9.05, E 9.13, E 9.22, E 9.26, E 9.31, E 9.37 u E 9.43 huma kollha fformulati bl-istess mod u jirrigwardaw stallazzjoni identika, jiġifieri dik ta’ ċentru ta’ bdil semi-awtomatiku għal ċilindri tal-gass.

69      Is-seba’ annotazzjonijiet imsemmija hawn fuq jistgħu jiġu distinti, l-ewwel nett, skont il-post tal-istallazzjoni inkwistjoni, u kull annotazzjoni tirreferi għal bini jew għal laboratorju differenti. Madankollu, fis-seduta, il-partijiet indikaw li l-post ta’ din l-istallazzjoni ma jistax jeżerċita influwenza fuq l-ispiża tagħha u, għaldaqstant, fuq il-prezz propost minn kull kandidat għall-annotazzjoni korrispondenti.

70      It-tieni nett, dawn is-seba’ oġġetti jistgħu wkoll jiġu distinti skont in‑natura tal-gass li għalih ser tintuża l-istallazzjoni inkwistjoni. B’hekk, l-istallazzjonijiet ikkonċernati mill-annotazzjonijiet E 9.05, E 9.22, E 9.31, E 9.37 u E 9.43 ser jintużaw għal gassijiet mhux kombustibbli. Bil-kontra, l-istallazzjonijiet imsemmija mill-annotazzjonijiet E 9.13 u E. 9.26 ser jintużaw għall-propan, li huwa gass kombustibbli.

71      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni indikat, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, li n-natura kombustibbli jew le tal-gass ikkonċernat tista’ jaffettwa l-ispiża tal-istallazzjoni inkwistjoni u, għalhekk, il-prezz propost minn kull kanditat għall-annotazzjoni korrispondenti. Il-Qorti Ġenerali tikkonstata, effettivament, li mis-silta tas-sommarju tal-istima tax-xogħlijiet li tinsab mal-offerta tar-rikorrenti jirriżulta li din ipproponiet l-istess prezz (EUR 880.69) għal kull waħda mill-annotazzjonijiet E 9.05, E 9.22, E 9.31, E 9.37 u E 9.43, li jikkonċernaw il-gassijiet mhux kombustibbli, u prezz ieħor (EUR 1 016.92) għal kull waħda mill-annotazzjonijiet E 9.13 u E 9.26, li jikkonċernaw gass kombustibbli.

72      Rigward il-kumpannija C., mis-silta tas-sommarju tal-istima tax-xogħlijiet li tinsab mal-offerta tagħha jirriżulta li hija pproponiet ukoll l-istess prezz (EUR 782.63) għal kull waħda mill-annotazzjonijiet E 9.05, E 9.22, E 9.31, E 9.37 u E 9.43. Barra minn hekk, hija pproponiet prezz ta’ EUR 903.69 għall-annotazzjoni E 9.13, filwaqt li ma inkludiet l-ebda prezz fis‑sommarju tal-istima tax-xogħlijiet li jinsab mal-offerta tagħha għall‑annotazzjoni E 9.26.

73      Għandu wkoll jiġi kkonstatat li, kemm fl-offerta tar-rikorrenti kif ukoll f’dik tal-kumpannija C., il-prezz propost għall-istallazzjoni inkwistjoni, meta hija intiża sabiex tintuża għal gassijiet mhux kombustibbli, jirrappreżenta 86.60 % tal-prezz propost għall-istess stallazzjoni, meta hija intiża sabiex tintuża għall-propan, li huwa gass kombustibbli.

74      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni qieset ġustament li n‑nuqqas ta’ indikazzjoni tal-prezz għall-annotazzjoni E 9.26 fis-sommarju tal‑istima tax-xogħlijiet li jinsab mal-offerta tal-kumpannija C. kien jikkostitwixxi sempliċi żball klerikali f’din l-offerta jew, għall-inqas, ambigwità, li tista’ tiġi spjegata b’mod sempliċi u tista’ titneħħa faċilment. Fil-fatt, fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punti 68 sa 73 iktar ’il fuq, il-konklużjoni li għandha tingħata hija li l-prezz nieqes għall-annotazzjoni E 9.26 tas-sommarju tal-istima tax-xogħlijiet tal-offerta tal-kumpannija C. ma jistax ikun differenti mill-prezz propost minn din l-istess kumpannija għall-annotazzjoni E 9.13 (EUR 903.69), u huwa biss bi żvista li dan il-prezz ma ssemmiex mill-imsemmija kumpannija għall‑annotazzjoni E 9.26 tas-sommarju tal-istima tax-xogħlijiet.

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Kummissjoni setgħet, skont l-Artikolu 148(3) tar-Regolament għall-implementazzjoni u mingħajr ma tikser il‑kundizzjoni prevista fil-punt 25 tal-anness amministrattiv tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, titlob kjarifika mingħand il-kumpannija C. dwar il-kontenut tal-offerta tagħha.

76      Ma huwiex ta’ importanza kbira li din it-talba għal kjarifika indirizzata lill‑kumpannija C. saret wara li din ippreżentat osservazzjonijiet dwar iċ-ċaħda tal-offerta tagħha. Fil-fatt, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, kieku ma kellhiex dritt, wara l-preżentata tal-osservazzjonijiet skont l-Artikolu 158a(1) tar‑regolamenti għall-implementazzjoni, li titlob il-kjarifiki li kien jidhrilha li huma meħtieġa u, jekk ikun il-każ, li tirtira d-deċiżjoni tagħha li tagħti l‑kuntratt pubbliku inkwistjoni u li tagħtih lil kandidat ieħor, din id-dispożizzjoni tal‑aħħar tisfa kompletament nieqsa mis-sens tagħha.

77      Wara li kisbet, b’risposta għat-talba tagħha għal kjarifika indirizzata lill‑kumpannija Ċ., il-konferma minn din il-kumpannija li l-offerta tagħha kellha effettivament tinftiehem fis-sens li l-prezz propost għall-annotazzjoni E 9.26 kien l-istess bħal dak propost għall-annotazzjoni E 9.13 (ara l-punti 12 u 13 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kkonkludiet ġustament li din l‑offerta kienet konformi mal-kundizzjonijiet previsti fl‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u, wara dan, tat ġustament il-kuntratt pubbliku inkwistjoni lill-imsemmija kumpannija, peress li l-offerta tagħha kienet l-irħas waħda.

78      L-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma humiex tali li jikkontestaw din il-konklużjoni. Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma bdietx negozjati pprojbiti mal-kumpannija C. sabiex jinbidel il-kontenut tal‑offerta mressqa minn din tal-aħħar, iżda hija sempliċement eżerċitat id-dritt, previst fl-Artikolu 18(3) tar-Regolament għall‑implementazzjoni, li titlob kjarifika fuq il-kontenut ta’ din l-offerta.

79      Rigward, fit-tieni lok, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq ksur tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali tal-kandidati, imsemmi kemm fl‑Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 kif ukoll fl-Artikolu 89(1) tar‑Regolament Finanzjarju, għandu jiġi osservat li dan il-prinċipju ma jistax jimpedixxi lill-Kummissjoni milli teżerċita s-setgħa tagħha li titlob kjarifiki dwar l-offerti, skont l-Artikolu 148(3) tar‑Regolament għall-implementazzjoni, wara l-ftuħ tal-imsemmija offerti, peress li huwa spjegat li l-Kummissjoni hija obbligata tittratta l-kandidati kollha bl‑istess mod meta hija teżerċita din is-setgħa (ara, f’dan is-sens, u b’analoġija, is-sentenza Tideland Signal vs Il‑Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 38).

80      F’dan il-każ, il-Kummissjoni osservat il-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-kandidati, peress li talbet kjarifika mhux biss mingħand il‑kumpannija C., iżda mingħand il-kandidati kollha li l-offerti tagħhom kellhom, fost l-oħrajn, l-istess żball bħall-offerta tal-kumpannija C, jiġifieri prezzijiet nieqsa għal ċerti annotazzjonijiet fis-sommarju tal-istima tax-xogħlijiet li tinsab mal-offerti ta’ dawn il-kandidati (ara l-punti 7 u 17 iktar ’il fuq). Kjarifika bħal din ma ntalbitx mingħand ir-rikorrenti għaliex ma kinitx neċessarja, fid-dawl tal-fatt li l-ebda prezz ma kien nieqes fis-sommarju tal-istima tax-xogħlijiet li tinsab mal-offerta. Jibqa’ l-fatt li, kif jirriżulta mir-rapport ta’ evalwazzjoni tat-23 ta’ April 2008, il-kumitat ta’ evalwazzjoni għamel ukoll ċerti korrezzjonijiet fl-offerta tar-rikorrenti, li wasslu għal tnaqqis żgħir fil-prezz totali offrut mill-istess rikorrenti.

81      Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti, ippreżentat fil-qosor fil-punt 47 iktar ’il fuq u bbażat fuq il-fatt li ċerti siltiet mill-kopji tar-rapporti ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni bagħtitilha kienu ġew moħbija bi ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza, li jfisser li t-terminu ta’ pawża, qabel l-iffirmar tal-kuntratt, previst fl-Artikolu 158a(1) tar-Regolament għall-implementazzjoni, għadu ma bediex jiddekorri, għandu wkoll jiġi miċħud.

82      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li, matul is-seduta, ir‑rikorrenti ma setgħetx tispjega x’inhi r-rilevanza ta’ dan it-terminu f’dan il-każ, ladarba ġie ppreċiżat li bl-ebda mod ma huwa kkontestat li r-rikors ġie ppreżentat fit-termini previsti.

83      Imbagħad, għandu jiġi osservat li t-talba tar-rikorrenti, li l-Kummissjoni rrispondiet għaliha billi bagħtet kopji tar-rapporti ta’ evalwazzjoni, saret wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. In-natura kompleta jew le tar-risposta tal-Kummissjoni għal din it-talba fl-ebda każ ma tista’, għaldaqstant, tqiegħed inkwistjoni l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, li hija l-unika waħda intiża fit-talba għal annullament.

84      Fl-aħħar nett, f’kull każ, għandu jiġi osservat li l-prinċipju ta’ trasparenza, imsemmi kemm mill-Artikolu 89(1) tar-Regolament Finanzjarju u mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 għandu jkun fi qbil mal-ħarsien tal-interess pubbliku, tal-interessi kummerċjali leġittimi ta’ impriżi pubbliċi jew privati u tal-kompetizzjoni ġusta, li jiġġustifika l-possibbiltà prevista mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju, li ma jiġux ikkomunikati ċerti elementi lil kandidat mhux magħżul, meta dan in-nuqqas ta’ komunikazzjoni huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti.

85      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-uniku motiv imqajjem mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħha għal annullament ma huwiex fondat u li, għalhekk, din it-talba għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-talba għad-danni

 L-argumenti tal-partijiet

86      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni awtorizzat illegalment lill‑kumpannija C. sabiex tbiddel jew tikkompleta l-offerta li hija kienet ressqet wara l-preżentata ta’ din l-offerta, bi ksur tad-dispożizzjonijiet invokati fil‑kuntest tat‑talba għal annullament. Dan il-ksur huwa suffiċjentement serju, peress li l-Kummissjoni abbużat, b’mod manifest u gravi, is‑setgħa diskrezzjonali tagħha li tevalwa l-offerti u wettqet ksur ta’ regoli ta’ dritt superjuri, li għandha l-għan li tħares l-interessi ta’ individwi, fosthom, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza. Id-danni mġarrba mir-rikorrenti huma wkoll, barra minn hekk, il-konsegwenza diretta ta’ irregolaritajiet imwettqa mill-Kummissjoni. Dawn id-danni huma wkoll imminenti u prevedibbli b’ċertezza suffiċjenti.

87      Ir-rikorrenti żżid li t-talba tagħha għad-danni hija ammissibbli. Hija ssostni li inċertezza dwar l-estent tad-danni mġarrba ma tistax twassal għall-inammissibbiltà ta’ rikors għad-danni ippreżentat abbażi tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 228 KE. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d‑determinazzjoni tal-estent tad-danni hija rriżervata jekk, fiż-żmien tad-determinazzjoni tal‑fondatezza tar-rikors għad‑danni, l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tad-danni tkun għadha mhux disponibbli. Minn dan isegwi, skont ir‑rikorrenti, li l-kalkolu eżatt, waqt il-preżentata ta’ rikors għad-danni, tal-estent tad-danni allegatament imġarrba, ma huwiex kundizzjoni indispensabbli għall-ammissibbiltà ta’ tali rikors.

88      Ir-rikorrenti tosserva li hija pprovat tikseb il-kuntratt inkwistjoni, bl-użu tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, u li hija ppreżentat r-rikors tagħha fil-kawża prinċipali meta l-eżitu tal‑proċeduri għal miżuri provviżorji kien għadu mhux magħruf. Hija tallega, għalhekk, li hija llimitat ruħha b’mod provviżorju, fir-rikors, li tikkonstata r-responsabbiltà tal-Kummissjoni u rriżervat id-dritt li sussegwentement tipprovdi evalwazzjoni tal-ammont tad-danni mġarrba. Barra minn hekk, huwa evidenti li d-danni allegati huma imminenti u huma ta’ ċertezza suffiċjenti, peress li huwa paċifiku li n-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-kuntratt inkwistjoni jnaqqas id-dħul mill-bejgħ tagħha. Tali tnaqqis, bla dubju, ikollu impatt negattiv fuq il-profitti tagħha matul is-sena finanzjarja rilevanti. Barra minn dan, il-leġiżlazzjoni Belġjana tistabbilixxi dawn id-danni għar-rata fissa ta’ 10 % tal-ammont tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni. Ir-rikorrenti tipproduċi wkoll rapport tal-awditur tagħha, fejn id-danni tagħha huma stmati għal EUR 619 000, u tirriżerva d-dritt li tagħmel, jekk ikun il-każ, evalwazzjoni mill-ġdid tal-imsemmija danni. Rigward id‑drittijiet tad-difiża tal-Kummissjoni, dawn bl-ebda mod ma huma miksura, peress li din tal-aħħar tista’ dejjem tippreżenta motivi ta’ difiża fir-rigward tal-evalwazzjoni tad-danni magħmula mir-rikorrenti.

89      Il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li t-talba għad-danni hija inammissibbli peress li r-rikorrenti llimitat ruħha li titlob lill-Qorti Ġenerali li tirrikonoxxi l-eżistenza tad-danni allegati kkawżati lilha mill-aġir tal-Kummissjoni, mingħajr ma kkwantifikat dawn id-danni. Fil-fatt, fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ Settembru 1994, An Taisce u WWF UK vs Il‑Kummissjoni (T‑461/93, Ġabra p. II‑733, punti 42 u 43), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tali kap tat-talbiet kien inammissibbli.

90      Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li t-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda bħala infondata, peress li l-ebda waħda mit-tliet kundizzjonijiet meħtieġa mill-ġurisprudenza ma hija sodisfatta f’dan il-każ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

91      Skont ġurisprudenza ferm stabbilita, għall-fondatezza ta’ rikors għad-danni ippreżentat skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, iridu jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità tal‑aġir li bih huma akkużati l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l‑eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-danni invokati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs Il‑KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16, u s-sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 1996, International Procurement Services vs Il‑Kummissjoni, T‑175/94, Ġabra p. II‑729, punt 44). Jekk xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta, ir-rikors għandu jkun miċħud kollu kemm hu mingħajr il‑ħtieġa li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑146/91, Ġabra p. I‑4199, punti 19 u 81, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Frar 2002, Förde-Reederei vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑170/00, Ġabra p. II‑515, punt 37).

92      F’dan il-każ, diġà ġie osservat fil-kuntest tal-eżami tat-talba għal annullament li d-deċiżjoni kkontestata ma hija vvizzjata bl-ebda illegalità.

93      Għalhekk, peress li l-kundizzjoni dwar l-aġir illegali li bih ġiet ikkritikata l‑Kummissjoni ma ġietx sodisfatta, it-talba għad-danni għandha tinċaħad bħala infondata, mingħajr ma huwa neċessarju li tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

94      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r‑rikorrenti tilfet il-kawża, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, skont it-talbiet tal‑Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Antwerpse Bouwwerken NV hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji fil-Kawża T‑195/08 R.

Vilaras

Prek

Ciucă

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Diċembru 2009.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.