Language of document : ECLI:EU:T:2006:374

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

5 ta’ Diċembru 2006 (*)

“Kompetizzjoni − Akkordji − Suq Olandiż ta’ gass industrijali u mediku − Iffissar tal-prezzijiet − Prova tal-parteċipazzjoni fl-akkordju − Prova ta’ tbegħid − Prinċipji ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità − Kalkolu tal-multi”

Fil-kawża T-303/02,

Westfalen Gassen Nederland BV, stabbilita f’Deventer (l-Olanda), irrappreżentata minn M. Essers u M. Custers, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Bouquet, bħala aġent,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/207/KE, ta’ l-24 ta’ Lulju 2002, dwar proċedura skond l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Każ COMP/E-3/36.700 − Gass industrijali u mediku) (ĠU L 84, 2003, p.1), u, sussidjarjament, talba għal tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, F. Dehousse u D. Šváby, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-4 ta’ April 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 L-isfond tal-kawża          

 Il-fatti li taw lok għall-kawża

1        Westfalen Gassen Nederland BV (iktar ’il quddiem “ir-rikorrenti” jew “Westfalen”) hija impriża attiva fis-suq Olandiż tal-gass industrijali u mediku sa mill-1989.

2        F’Diċembru 1997 u matul is-sena 1998, il-Kummissjoni, b'applikazzjoni ta’ l-Artikolu 14(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 13, 1962, p. 204), għamlet verifiki fil-bini tar-rikorrenti u ta' diversi kumpanniji preżenti wkoll fl-imsemmi suq, f'dan il-każ AGA Gas BV (iktar ’il quddiem “AGA”), Air Liquide BV, Air Products Nederland BV, Boc Gases Benelux (iktar ’il quddiem “BOC”), Hydrogas Holland BV u Messer Nederland BV (iktar ’il quddiem “Messer”).

3        Wara li bagħtet, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, talbiet għal informazzjoni lill-kumpanniji msemmija ’il fuq, il-Kummissjoni, fid-9 ta’ Lulju 2001, bagħtet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet lil tmien impriżi li joperaw fis-settur ikkonċernat, fosthom ir-rikorrenti.

4        Fir-risposta tagħha, ir-rikorrenti kkontestat il-fatti esposti fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet. Wara l-istralċ ta’ AGA Gas, il-kumpannija prinċipali tagħha, AGA AB, irrispondiet fuq il-mertu ta' l-imsemmija dikjarazzjoni, f’isem is-sussidjarja l-antika tagħha, u ddikjarat espressament li kienet disposta tassumi r-responsabbiltà tal-ksur magħmul minn din ta' l-aħħar.

5        Wara li nstemgħu l-impriżi kkonċernati fl-10 ta’ Jannar 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/207/KE, ta’ l-24 ta’ Lulju 2002, dwar proċedura skond l-Artikolu 81 KE (Każ COMP/E-3/36.700 − Gass industrijali u mediku) (ĠU L 84, 2003, p.1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”).

6        Id-Deċiżjoni ġiet innotifikata lir-rikorrenti fis-26 ta’ Lulju 2002 u ntbagħtet lil AGA AB fil-kwalità tagħha ta’ suċċessur fit-titlu ta’ AGA Gas.

 Id-Deċiżjoni kkontestata

7        Il-Kummissjoni tindika, fid-Deċiżjoni, li hija ġabret provi ta’ l-eżistenza ta’ kollużjoni bejn kompetituri li joperaw fis-settur tal-gass industrijali u mediku fl-Olanda, b’mod partikolari matul il-perijodu 1993-1997 (premessa 331).

8        Hija għaldaqstant qieset (premessa 393 tad-Deċiżjoni) li r-rikorrenti kienet ħadet sehem f’akkordji u/jew il-prattiċi miftiehma li jirrigwardaw:

–        l-iffissar ta’ żidiet fil-prezzijiet minn Ottubru 1994 sa Diċembru 1995;

–        l-iffissar ta' perijodi ta’ moratorju minn Ottubru 1994 sa Jannar 1995;

–        l-iffissar ta’ prezzijiet minimi minn Marzu 1994 sa Diċembru 1995.

9        Fir-rigward, fl-ewwel lok, taż-żidiet fil-prezzijiet, il-Kummissjoni tirrileva, l-ewwel nett, li diskussjoni inizjali fuq iż-żidiet fil-prezz tal-gass fiċ-ċilindri għall-1995 saret fil-laqgħa, ta’ l-14 ta’ Ottubru 1994, ta’ l-assoċjazzjoni Vereniging van Fabrikanten van Industriële Gassen (iktar ’il quddiem il-“VFIG”), li tiġbor fiha l-impriżi li jipproduċu u jbigħu gass industrijali fl-Olanda. Il-parteċipanti f’din il-laqgħa kienu AGA, Air Liquide, Air Products, BOC, Hoek Loos, Hydrogas, Messer, Nederlandse Technische Gasmaatshappij (iktar ’il quddiem “NTG”) u r-rikorrenti (premessa 136 tad-Deċiżjoni).

10      Sabiex tipprova l-għan antikompetittiv ta’ din il-laqgħa, l-istituzzjoni tirreferi, b’mod partikolari, għall-kontenut tan-noti miktuba bl-idejn issekwestrati mingħand AGA jew ipprovduti minn din l-impriża u datati 17 ta’ Ottubru 1994.

11      It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li dawn iż-żidiet fil-prezz tal-gass fiċ-ċilindri għall-1995 ġew iffissati fid-dettall minn AGA, Air Liquide, Air Products, BOC, Hoek Loos, Messer u Westfalen fil-laqgħa tal-VFIG tat-18 ta’ Novembru 1994 u hija tistrieħ, biex issostni din il-konklużjoni, fuq żewġ tabelli miktuba bl-idejn, waħda pprovduta minn AGA (iktar ’il quddiem it-“tabella Nru 1”), u l-oħra ssekwestrata mingħand Air Products (iktar ’il quddiem it-“tabella Nru 2”) (premessi 139 sa 141 tad-Deċiżjoni).

12      Skond il-Kummissjoni, it-tabella Nru 1, tal-21 ta’ Novembru 1994, tiġbor fiha, b’mod partikolari, il-lista ta’ żidiet fil-prezz (f’perċentwali) tal-gass fiċ-ċilindri għall-1995 għal Hoek Loos, AGA, Messer, Air Liquide, Air Products, BOC u r-rikorrenti.

13      Fir-rigward tat-tabella Nru 2, li ssemmi wkoll żidiet fil-prezz, l-istituzzjoni tindika li din tidher li tikkonċerna l-istess laqgħa, minkejja li r-referenzi kollha li jinsabu fiż-żewġ tabelli mhumiex identiċi. Hija tfakkar li Air Products fil-bidu ħasbet li t-tabella kienet ġiet ifformulata waqt laqgħa ma’ kompetituri li saret fl-1995, iżda sussegwentement affermat li setgħet kienet tirreferi għal-laqgħa tal-VFIG ta’ Novembru 1994.

14      Il-Kummissjoni tispeċifika li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti ddikjarat li hija qatt ma kienet ipparteċipat b’mod attiv f’dawn il-laqgħat u li hija ma kinitx taf li kienu se jiġu ttrattati kwistjonijiet bħaż-żidiet fil-prezzijiet, peress li dawn ma kinux jinsabu fl-aġenda tal-laqgħat (premessa 145 tad-Deċiżjoni).

15      Fit-tieni lok, fir-rigward ta' l-iffissar ta' perijodi ta’ moratorju, il-Kummissjoni tafferma li, fil-laqgħat tal-VFIG ta’ l-14 ta’ Ottubru u tat-18 ta’ Novembru 1994, iż-żidiet fil-prezz għall-1995 ġew ittrattati minn AGA, Hoek Loos, Air Liquide, Air Products, Messer, BOC u r-rikorrenti, u ġew miftiehma bejniethom, flimkien ma’ perijodu ta’ moratorju li ntemm fl-1 ta’ Jannar 1995. L-istituzzjoni tirreferi, f’dan ir-rigward, għan-noti miktuba bl-idejn ta’ AGA, imsemmija fil-punt 10 aktar ’il fuq, kif ukoll għat-tabelli Nru 1 u Nru 2, li fihom jissemma perijodu ta’ moratorju ta’ xahrejn għall-implementazzjoni taż-żidiet fil-prezz (premessi 168 sa 171 tad-Deċiżjoni).

16      Il-Kummissjoni tfakkar li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti sostniet li ma kienx ġie pprovat li hija kienet ikkonkludiet ftehim deliberatament mal-kompetituri tagħha fuq perijodu ta’ moratorju fiż-żewġ laqgħat tal-VFIG li seħħew fl-aħħar tas-sena 1994 (premessa 172 tad-Deċiżjoni).

17      Fit-tielet lok, fir-rigward ta’ l-iffissar ta' prezz minimi, il-Kummissjoni ssostni li l-impriżi kkonċernati ftehmu fuq l-elenki suċċessivi ta’ prezzijiet minimi għall-gass fiċ-ċilindri u li l-għan prinċipali ta’ dawn l-elenki kien li jiddefinixxu limiti meta l-impriżi jkunu f’kompetizzjoni ma' xulxin għall-istess klijent (premessa 189 tad-Deċiżjoni).

18      Hija tafferma li, fil-laqgħat tal-VFIG tas-17 ta’ Marzu u ta’ l-14 ta’ Ottubru 1994, “skali ta’ prezz” u “prezzijiet minimi” għall-gass fiċ-ċilindri, biex jiġu applikati għall-klijenti ż-żgħar, ġew diskussi bil-għan li jiġi konkluż akkordju, ta’ l-inqas bejn ir-rikorrenti, Messer, Air Liquide, Hoek Loos u Air Products, wara li osservat li l-aħħar erba’ impriżi ċċitati kienu diġà ftehmu fuq sistema ta’ prezzijiet minimi għall-gass fiċ-ċilindri f’Ottubru 1990 (premessi 194 u 205 tad-Deċiżjoni).

19      Skond l-istituzzjoni, in-noti miktubin bl-idejn issekwestrati mingħand AGA juru li l-“iskali ta’ prezz” reġgħu ġew itrattati fil-laqgħat tal-VFIG ta’ Marzu u ta’ Ottubru 1994, u li, f’din l-aħħar laqgħa, Hoek Loos ippreżentat skala ta’ prezz għall-gass fil-flixkun, filwaqt li n-noti miktuba bl-idejn tas-17 ta’ Ottubru 1994 jikkonfermaw li xi “prezzijiet minimi” kienu ġew diskussi fil-laqgħa ta’ Ottubru (premessa 206 tad-Deċiżjoni).

20      Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li l-lista tal-prezzijiet għax-xerrejja ż-żgħar ta’ gass fiċ-ċilindri ġiet issekwestrata wkoll mill-bini ta’ tliet kumpanniji, jiġifieri mingħand ir-rikorrenti, f'fajl immarkat “VFIG 1995”, mingħand Air Liquide, f'fajl intitolat “VFIG 1994”, u mingħand Messer. It-tliet kopji tal-lista jinkludu l-istess elenku stampat ta’ prezzijiet minimi, datat Ottubru 1994 u intitolat “elenku għall-klijenti ż-żgħar taċ-ċilindri” u dik issekwestrata mingħand Messer tinkludi wkoll elenku miktub bl-idejn miżjud fl-1996. L-istituzzjoni żżid li l-fatt li dawn il-kumpanniji żammew dawn il-proposti fil-fajls tagħhom għal bosta snin ifisser li dawn kienu ta’ importanza għalihom (premessi 207 u 208 tad-Deċiżjoni).

21      Fid-Deċiżjoni jissemma li, b’risposta għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti ddikjarat li ma kinitx taf kif din il-lista ġiet fil-pussess tagħha u li kien probabbli ħafna li kienet ingħatat lilha fil-laqgħa tal-VFIG ta’ l-14 ta’ Ottubru 1994, iżda li dan ma kienx ifisser madankollu li hija kienet effettivament taqbel mal-prezzijiet li jinsabu f’dan l-elenku (premessa 212).

22      Ir-risposta globali tal-Kummissjoni għaċ-ċaħdiet tar-rikorrenti tinsab fil-premessa 351 tad-Deċiżjoni, li taqra kif ġej:

“Il-Kummissjoni tinnota li l-fatt li Air Liquide u [ir-rikorrenti] pparteċipaw f'numru ta’ laqgħat li kellhom bħala għan li tiġi ristretta l-kompetizzjoni huwa kkonfermat mill-provi dokumentali li jinsabu fil-fajl li hija kkostitwiet. Anki li kieku seta' jiġi stabbilit li parteċipant jew ieħor ma kellux l-intenzjoni li jimplementa l-intenzjonijiet komuni espressi f’dawn il-laqgħat, l-imġiba tagħhom xorta waħda tikkostitwixxi akkordju fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1), [KE]. Fid-dawl tan-natura manifestament antikompetittiva tal-laqgħat li fihom dawn l-intenzjonijiet ġew espressi, l-impriżi kkonċernati, bil-fatt li ħadu sehem fihom mingħajr ma tbiegħdu pubblikament minn dak li ntqal fihom, taw l-impressjoni lill-parteċipanti l-oħra li kienu qed jaqblu mas-suġġett tad-diskussjonijiet u li kienu se jimxu f’dan is-sens. Il-kunċett ta’ ‘akkordju’ huwa, min-natura tiegħu stess, kunċett oġġettiv. Il-motivi reali (u l-intenzjonijiet moħbija) li huma l-bażi ta’ l-imġiba adottata huma irrilevanti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

23      Id-Deċiżjoni tinkludi d-dispożizzjonijiet segwenti:

“Artikolu 1

AGA AB, Air Liquide BV, [Air Products], [BOC], [Messer], Hoek Loos [NV], [Westfalen] kisru l-Artikolu 81(1) KE, peress li ħadu sehem f’akkordji u/jew prattiċi miftiehma kontinwati fil-qasam tal-gass industrijali u mediku fl-Olanda.

It-tul taż-żmien tal-ksur kien kif ġej:

– AGA AB: minn Settembru 1993 sa Diċembru 1997,

– Air Liquide BV: minn Setttembru 1993 sa Diċembru 1997,

– [Air Products]: minn Settembru 1993 sa Diċembru 1997,

– [BOC]: minn Ġunju 1994 sa Diċembru 1995,

– [Messer]: minn Settembru 1993 sa Diċembru 1997,

– Hoek Loos [NV]: minn Settembru 1993 sa Diċembru 1997,

– [Westfalen]: minn Marzu 1994 sa Diċembru 1995.

[...]

Artikolu 3

Il-multi li ġejjin huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

– AGA AB: EUR 4.15 miljun,

– Air Liquide BV: EUR 3.64 miljun,

– [Air Products]: EUR 2.73 miljun,

– [BOC]: EUR 1.17 miljun,

– [Messer]: EUR 1 miljun,

– Hoek Loos [NV]: EUR 1.26 miljun,

– [Westfalen]: EUR 0.43 miljun.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

24      Sabiex isir il-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat, fid-Deċiżjoni, il-metodu spjegat fil-Linji gwida għall-kalkolu ta’ multi imposti b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta’ l-Artikolu 65(5) tat-Trattat [KEFA] (ĠU C 9, 1998, p.3, aktar ’il quddiem il-“linji gwida”) kif ukoll il-Komunikazzjoni 96/C 207/04 dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi jew tnaqqis ta’ l-ammont tagħhom fil-kawżi dwar akkordji (ĠU C 207, 1996, p. 4, aktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”).

25      B’hekk, l-ammont bażiku tal-multa, deċiż skond is-serjetà u t-tul taż-żmien tal-ksur ġie ffissat, f’dak li jikkonċerna r-rikorrenti, fl-ammont ta' EUR 0.51 miljun (premessa 438 tad-Deċiżjoni).

26      Il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kellha biss rwol passiv fil-ksur u li hija ma kinitx ħadet sehem fl-aspetti kollha tiegħu u li dawn iċ-ċirkustanzi attenwanti kienu jiġġustifikaw tnaqqis ta’ 15 % ta’ l-ammont bażiku tal-multa imposta, b'mod li din ta’ l-aħħar tniżżlet għal EUR 0.43 miljun (premessa 442 tad-Deċiżjoni).

27      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma bbenefikat minn ebda tnaqqis taħt il-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

28      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-4 ta’ Ottubru 2002, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

29      Wara li tressaq l-imsemmi rikors, il-Kummissjoni qieset li hija kienet għamlet żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-tul taż-żmien tal-ksur li bih ġiet akkużata din l-impriża. Għalhekk, hija ammettiet, fir-risposta, li hija kienet żbaljatament ikkunsidrat id-data ta’ Marzu 1994 bħala dik li fiha beda l-ksur imputat lir-rikorrenti.

30      Għaldaqstant, fid-9 ta’ April 2003, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/355/KE li temenda d-Deċiżjoni (ĠU L 123, 2003, p. 49).

31      B’hekk, minn dan il-mument ’il quddiem, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni, kif emendat, jgħid li r-rikorrenti kisret l-Artikolu 81 KE billi pparteċipat f’akkordji u/jew prattiċi miftiehma kontinwati fis-settur tal-gass industrijali u mediku fl-Olanda għal perijodu minn Ottubru 1994 sa Diċembru 1995. L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni, kif emendat, jipprovdi ammont ta’ multa mniżżla minn EUR 0.43 miljun għal EUR 0.41 miljun.

32      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, stiednet lill-Kummissjoni tippreżenta dokument.

33      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet kif ukoll ir-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta ta’ l-4 ta’ April 2006.

34      Fir-rikors, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla l-Artikoli 1 u 3 tad-Deċiżjoni li jimponu fuqha multa ta’ EUR 0.43 miljun għall-ksur ta’ l-Artikolu 81 KE;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni u tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa imposta;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

35      Fir-replika, ir-rikorrenti tispeċifika li t-talba sussidjarja tagħha għandha tinftiehem bħala talba għall-annullament parzjali ta’ l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni bil-għan li tikseb tnaqqis sostanzjali tal-multa li ġiet imposta fuqha mill-Artikolu 3 ta’ l-istess Deċiżjoni. Hija titlob ukoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha tisma' bil-ġurament lis-Sur P. van den Heuij, li pparteċipa fil-laqgħat tal-VFIG bħala direttur ta' impriża attiva fis-settur ikkonċernat, u li dikjarazzjoni tiegħu tinsab annessa mar-rikors.

36      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad it-talba għas-smigħ ta' xhud;

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq it-talba għall-annullament ta’ l-Artikoli 1 u 3 tad-Deċiżjoni

 L-argumenti tal-partijiet

37      Ir-rikorrenti tenfasizza, preliminarjament, li hija kkontestat il-fatti esposti fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u li hija tikkontesta wkoll dawk li fuqhom hija bbażata d-Deċiżjoni.

38      Hija tallega li l-Kummissjoni ma pprovatx, suffiċjentement skond il-liġi, li hija pparteċipat f'akkordji u/jew fi prattiċi miftiehma u li l-konvenuta, għaldaqstant, kisret l-obbligu ta' motivazzjoni msemmi fl-Artikolu 253 KE. Ir-rikorrenti tallega wkoll ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

39      Ir-rikorrenti tosserva li hija aderiet mal-VFIG, li ġiet imwaqqfa fit-23 ta’ Marzu 1989, biss f’Lulju 1994 u li hija pparteċipat għall-ewwel darba f’laqgħa ta’ din l-assoċjazzjoni fl-14 ta’ Ottubru 1994. Il-Kummissjoni tibbaża ruħha, skond ir-rikorrenti, fuq din il-parteċipazzjoni fil-laqgħa ta’ l-14 ta’ Ottubru 1994 kif ukoll f'dik tat-18 ta’ Novembru ta’ l-istess sena biex timputalha, żbaljatament, komportament antikompetittiv tripliċi, jiġifieri l-iffissar ta' żidiet fil-prezzijiet, l-iffissar ta' perijodi ta’ moratorju u l-iffissar ta’ prezzijiet minimi.

 Fuq l-iffissar ta' żidiet fil-prezzijiet

40      Ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li, fiż-żewġ laqgħat tal-VFIG ta’ l-14 ta’ Ottubru u tat-18 ta’ Novembru 1994, hija rrifjutat li tipparteċipa f’żieda fil-prezzijiet miftiehma għall-1995. Hija tispeċifika li, fil-laqgħa tal-VFIG ta’ l-14 ta’ Ottubru 1994, hija kienet sorpriża li tisma' s-suġġett taż-żieda fil-prezzijiet jiġi diskuss peress li dan ma kienx fuq l-aġenda u esprimiet l-istagħġib tagħha.

41      Hija rrifjutat, f’kull laqgħa, li tgħid jekk kienx se jkun hemm żieda fil-prezzijiet u, f’każ li kien se jkun hemm, jekk din kinitx se tkun ta’ 5 % jew ta’ 6 %, peress li, dak iż-żmien, hija kienet għadha ma ffissatx il-prezzijiet tagħha għall-1995 u li l-kumpannija prinċipali, Westfalen AG, kellha bilfors tiġi kkonsultata f’dan ir-rigward. Ir-rikorrenti tallega li hija ddikjarat li hija stess ma kinitx kontra ż-żidiet iżda ma kinitx tapprova akkordju u li, billi kienet favur li teżerċita pressjoni fuq il-prezzijiet, hija kellha l-intenzjoni li tadatta l-politika tagħha għas-suq b’mod awtonomu.

42      Dawn id-dikjarazzjonijiet jistgħu biss jiġu kkwalifikati bħala prudenti u vagi. Ir-rikorrenti ma tat l-ebda ħjiel li jikkonċerna l-politika kummerċjali futura tagħha, u ħalliet lill-impriżi l-oħra fid-dubju dwar x’kienet se tkun l-imġiba tagħha fis-suq fl-1995.

43      Ir-realtà ta’ din l-attitudni ta’ oppożizzjoni għal ftehim antikompetittiv hija kkonfermata mid-dikjarazzjonijiet tas-Sur Nordkamp, rappreżentant tar-rikorrenti fil-laqgħat ikkonċernati, u tas-Sur van den Heuij, membru ta’ NTG, li kien ukoll preżenti għal dawn il-laqgħat. Ir-rikorrenti ssostni li s-Sur van den Heuij ma kellux l-iċken interess personali li jagħmel din id-dikjarazzjoni u li għaldaqstant m’hemm l-ebda raġuni għaliex għandha tiġi ddubitata s-sinċerità tagħha. Fid-dawl tal-kontestazzjoni tal-Kummissjoni, li tillimita ruħha billi tafferma li d-dikjarazzjoni kkonċernata hija nieqsa minn kull kredibbiltà, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha tisma' x-xhieda bil-ġurament tas-Sur van den Heuij.

44      Barra minn hekk, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni, ma teżisti l-ebda kontradizzjoni bejn id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti ppreżentati b'risposta għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u dawk magħmula fil-kuntest ta’ din l-istanza.

45      Ir-rikorrenti tallega, fit-tieni lok, li d-dokumenti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża t-talbiet tagħha m'għandhom ebda valur probatorju.

46      Għaldaqstant, m’hemm assolutament ebda ċertezza li t-tabelli Nru 1 u Nru 2 jirreferu għall-laqgħa ta’ l-14 ta’ Ottubru jew għal dik tat-18 ta’ Novembru 1994.

47      Iż-żewġ tabelli kkonċernati huma wkoll inkonsistenti. Fil-fatt, it-tabella Nru 1 tirreferi għal żieda fil-prezzijiet min-naħa tar-rikorrenti ta’ madwar “5-6 %”, filwaqt li t-tabella Nru 2 issemmi żieda ta’ iżjed minn 6 %. Din l-inkonsistenza hija iktar u iktar impressjonanti meta jitqies li, għall-impriżi l-oħra, il-perċentwali indikati fiż-żewġ dokumenti huma l-istess.

48      Iż-żewġ tabelli jidhru li huma kuntradittorji wkoll fir-rigward tal-kwistjoni tat-tariffi tal-kiri u l-ispejjeż tat-trasport. Filwaqt li jirriżulta mit-tabella Nru 1 li r-rikorrenti lanqas biss ġiet informata dwar l-akkordji konklużi fuq din il-kwistjoni, it-tabella Nru 2 tindika li r-rikorrenti kkonkludiet akkordju fuq il-kiri taċ-ċilindri. Lanqas is-somom imsemmija fiż-żewġ tabelli fir-rigward tat-tariffi tal-kiri m’huma l-istess. Barra minn hekk, mhuwiex eskluż li r-referenza “WF ma ġietx informata ?? Mhux aċċettat ??” li tinsab fin-noti miktuba bl-idejn ta’ AGA tas-17 ta’ Ottubru 1994, ma jikkonċernawx biss l-ispejjeż ta’ kiri u ta’ trasport iżda l-kwistjonijiet kollha diskussi fil-laqgħa kkonċernata.

49      Ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk jitqies li ż-żewġ tabelli jikkonċernaw tabilħaqq il-laqgħat ta’ l-14 ta’ Ottubru u tat-18 ta’ Novembru 1994, minn dan jista' jiġi konkluż li l-operaturi l-oħra ma kellhomx idea preċiża tal-politika tagħha fuq il-prezzijiet u li għaldaqstant hija kienet għamlet proposti partikolarment vagi fl-imsemmija laqgħat.

50      Il-Kummissjoni kkuntentat ruħha li tirriproduċi, għall-konvenjenza, dak li l-parteċipanti l-oħra kienu kitbu fir-rigward tar-rikorrenti mingħajr ma ċċitat ir-riżervi li hija kienet għamlet flimkien mal-proposti tagħha. Hija lanqas ma ppruvat tispjega d-differenzi, li madankollu ġew ammessi fil-premessa 141 tad-Deċiżjoni, bejn il-figuri li jinsabu fiż-żewġ tabelli, u d-deċiżjoni mhijiex immotivata biżżejjed f’dan ir-rigward.

51      Dawn id-differenzi jistgħu jiġu spjegati mill-fatt li l-figuri li jinsabu f’dawn it-tabelli jirriflettu biss ix-xewqat ta’ min kitibhom u mhux żieda fil-prezzijiet deċiża mir-rikorrenti. Din l-ispjegazzjoni hija kkorroborata minn dokumenti oħra li jirriżultaw mill-impriżi preżenti għal laqgħat tal-VFIG u li fihom issir referenza għall-isem tar-rikorrenti minkejja li din ta’ l-aħħar ma pparteċipatx fl-imsemmija laqgħat.

52      Ir-rikorrenti tosserva li, f’diversi perijodi ta’ l-akkordju, il-parteċipanti f'dan l-akkordju semmew l-isem tagħha fir-rigward ta' laqgħat tal-VFIG li għalihom hija ma kinitx attendiet u l-Kummissjoni, ġustament, ma kinitx ikkunsidrat dawn id-dikjarazzjonijiet. Filwaqt li t-tabelli Nru 1 u Nru 2 jirreferu preċiżament għal dan l-involviment tar-rikorrenti li ma kienx minnu, il-konvenuta ħadithom in kunsiderazzjoni mingħajr ma esprimiet l-iċken dubju. F’kull każ, dawn in-noti miktuba bl-idejn li jikkorrispondu għat-tabelli Nru 1 u Nru 2 huma sommarji ħafna u għaldaqstant ma jistgħux jitqiesu bħala rendikont komplet ta’ dak li ntqal fil-laqgħat.

 Fuq l-iffissar tal-perijodi ta’ moratorju

53      Ir-rikorrenti ssostni li, fil-laqgħat tal-VFIG ta’ l-14 ta’ Ottubru u tat-18 ta’ Novembru 1994, hija ħadet sehem f’diskussjonijiet relatati ma’ l-implementazzjoni ta’ moratorju, iżda dan sabiex tesprimi l-oppożizzjoni tagħha għal din il-miżura, u f’din l-okkażjoni, irċeviet is-sostenn ta’ operaturi żgħar oħra. Bħala prova, hija terġa' tirreferi għad-dikjarazzjoni espliċita tas-Sur van den Heuij.

54      It-tabelli Nru 1 u Nru 2, li huma inkonsistenti u li jistgħu jirriflettu biss l-imġiba tar-rikorrenti kif mistennija mill-impriżi l-oħra, ma jikkontradixxux il-mod kif żvolġew il-laqgħat, kif deskritt fil-punt preċedenti.

55      Minkejja li hija taf li akkordju antikompetittiv li ma jiġix irrispettat ma jwaqqafx milli jseħħ ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE, ir-rikorrenti tosserva li tul iż-żmien tal-moratorju, hija kkuntattjat diversi klijenti ta’ impriżi li jikkompetu magħha u li hija tat prova ta' dan lill-Kummissjoni.

 Fuq l-iffissar ta’ prezzijiet minimi

56      Ir-rikorrenti toġġezzjona billi tgħid li hija ma setgħetx tieħu sehem f’diskussjoni fuq prezzijiet minimi fil-laqgħa ta’ Marzu 1994, u wisq inqas tikkonkludi akkordju, peress li hija ma kinitx preżenti f’din il-laqgħa. Hija żżid li lanqas ma kienet ħadet sehem f’diskussjoni fuq prezzijiet minimi fil-laqgħa ta’ l-14 ta’ Ottubru 1994, billi n-noti miktuba bl-idejn ta’ AGA relattivi għal din il-laqgħa la jipprovaw il-parteċipazzjoni għall-imsemmija diskussjoni u lanqas il-konklużjoni ta’ akkordju. Il-punti 132 u 133 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet saħansitra jikkonfermaw li l-operaturi ż-żgħar, bħar-rikorrenti, kienu għamlu oppożizzjoni fil-laqgħat tal-VFIG.

57      Il-fatt li elenku ta’ prezzijiet minimi ġie sekwestrat mingħand ir-rikorrenti m'għandu ebda sinjifikat. Ir-rikorrenti tispeċifika li hija kienet qalet biss li kien tabilħaqq possibbli li dan l-elenku tqassam lilha fil-laqgħa ta’ l-14 ta’ Ottubru 1994 u mhux, kif tallega l-Kummissjoni, li kien hemm probabbiltajiet kbar li dan l-elenku ngħata lilha f’din il-laqgħa. Is-sempliċi pussess mir-rikorrenti ta' tali dokument bl-ebda mod ma jipprova l-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju fuq dawn il-prezzijiet minimi jew f'eventwali diskussjoni fuq dan is-suġġett. Il-Kummissjoni, ġustament, ma tat l-ebda importanza lil elementi oħra ta’ informazzjoni li r-rikorrenti rċeviet mingħajr ma kienet talbithom.

58      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tafferma li l-fatt li impriża tipparteċipa f’diskussjoni relatata mal-koordinazzjoni ta’ mġiba fis-suq ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-projbizzjoni ta’ l-akkordji meta jkun jidher li, fil-fatt, din l-impriża ħadet pożizzjoni kontra din il-koordinazzjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizza tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazzjoni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punti 94 sa 96).

59      Ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl ta’ l-imġiba li hija adottat fil-laqgħat tal-VFIG ta’ l-14 ta’ Ottubru u tat-18 ta’ Novembru 1994, hemm lok li jiġi kkunsidrat li hija tbiegħdet pubblikament mill-kontenut ta’ dawn il-laqgħat, fis-sens ta’ dak li teżiġi l-ġurisprudenza (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T-9/99, Ġabra p. II-1487, punt 223). Skond ir-rikorrenti, persuna li titbiegħed minn dak li jintqal f’laqgħa bilfors trid tieħu sehem fid-diskussjoni, iżda dan ma jfissirx li, billi tagħmel hekk, hija tkun qed tikser il-projbizzjoni li jsiru akkordji. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkontradixxi lilha nfisha, peress li hija tammetti li l-parteċipazzjoni f’laqgħa uffiċjali ma tikkostitwixxix, fiha nfisha, parteċipazzjoni f’akkordju. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ma teżiġix, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem il-Kummissjoni, li l-prova tat-tbegħid għandha tingħata permezz ta’ dokument li jkun kontemporanju mal-ksur u lanqas li din il-prova tista' tiġi biss mill-parteċipanti fl-akkordju.

60      L-attitudni tar-rikorrenti tispjega ruħha faċilment fir-rigward tas-sitwazzjoni tagħha fis-suq ikkonċernat, jiġifieri dik ta’ operatur reċenti u ta’ daqs żgħir, iżda li rnexxielu jiżviluppa l-fatturat tiegħu permezz ta’ politika kummerċjali dinamika. Il-parteċipanti fl-akkordju u l-Kummissjoni stess (premessa 78 tad-Deċiżjoni) jirrikonoxxu li r-rikorrenti kellha rwol ta’ “wieħed li jġib fix-xejn” il-prezzijiet. F'tali kuntest, ir-rikorrenti ma kellha għaldaqstant l-ebda interess li tkun marbuta b’akkordju fuq żidiet fil-prezzijiet.

61      Ir-rikorrenti tafferma li l-attitudni tagħha ta’ oppożizzjoni miftuħa, flimkien ma’ dik ta’ l-operaturi ż-żgħar l-oħra, kellha bħala effett li l-operaturi l-kbar kellhom ikomplu bin-negozjati illegali tagħhom barra mill-kuntest tal-laqgħat tal-VFIG u barra mill-preżenza ta’ dawn l-operaturi ż-żgħar. Għaldaqstant ir-rikorrenti kien imissha ġiet ikkunsidrata bħala “wieħed li jkisser l-akkordji” u mhux bħala impriża li tat il-kontribut passiv tagħha għal akkordju. Barra minn hekk, filwaqt li s-sitwazzjoni msemmija iktar ’il fuq hija deskritta fil-punt 132 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni ma ssemmihiex iżjed fid-Deċiżjoni, li, f’dan ir-rigward, mhijiex motivata biżżejjed.

62      Il-Kummissjoni tenfasizza li r-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li pparteċipat fil-laqgħat ta’ l-akkordju ta’ l-14 ta’ Ottubru u tat-18 ta’ Novembru 1994 u lanqas li l-għan ta’ dawn il-laqgħat kien li tiġi ristretta l-kompetizzjoni. Il-parteċipazzjoni, fiha nfisha, fil-laqgħat tal-VFIG ċertament mhijiex ekwivalenti għal parteċipazzjoni f’laqgħat ta’ natura kollużiva, iżda dan madankollu ma jfissirx li, fil-kuntest jew ’il barra minn dawn il-laqgħat uffiċjali, ma ġie konkluż l-ebda akkordju.

63      Hija tindika li l-ġurisprudenza stabbiliet b’mod ċar li l-fatt li impriża tipparteċipa f’laqgħa tal-membri f’akkordju mingħajr ma tieħu parti attiva fiha jimplika r-responsabbiltà tagħha fil-ksur, sakemm hija ma titbiegħedtx pubblikament mill-kontenut ta’ din il-laqgħa (is-sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 59 iktar 'il fuq, punt 223).

64      Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 58 iktar 'il fuq, invokata mir-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li hija r-responsabbiltà ta’ kull min jinvoka t-tbegħid tiegħu li jressaq il-prova f’dan ir-rigward. Issa, ir-rikorrenti ma ressqitx tali prova f’dan il-każ.

65      Il-konvenuta topponi għat-talba li jinstema' s-Sur van den Heuij mill-Qorti tal-Prim’Istanza peress li hija tardiva, billi r-rikorrenti m'osservatx l-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura billi ma tatx raġunijiet għan-natura tardiva ta' l-offerta ta' prova tagħha. Barra minn hekk, din ix-xhieda ma tista' tikkontribwixxi xejn ġdid għat-trattazzjoni tal-kawża u għaldaqstant mhijiex utili.

 Fuq it-tul taż-żmien tal-ksur

66      Fir-rikors, ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni mhijiex eżatta fir-rigward tat-tul taż-żmien tal-ksur ikkunsidrat mill-Kummissjoni, peress li hija ma kinitx preżenti fil-laqgħa tal-VFIG ta’ Marzu 1994. Hija tindika, fir-replika, li ħadet nota tal-fatt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet l-iżball tagħha fir-rigward tal-punt meta beda l-perijodu tal-ksur, li issa ġie ffissat għal Ottubru u mhux għal Marzu 1994.

67      Il-Kummissjoni tqis li l-argumenti tar-rikorrenti dwar it-tul taż-żmien tal-ksur huma totalment irrilevanti, peress li, b’applikazzjoni tal-Linji gwida, hija ħadet in kunsiderazzjoni r-rettifika tat-tul taż-żmien tal-ksur u naqset il-multa.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

68      Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tagħha tal-parteċipazzjoni ta’ l-operaturi ż-żgħar, u dan billi kkunsidrat li kienet biss ir-rikorrenti li kisret il-projbizzjoni fuq l-akkordji u mhux il-kumpanniji NTG u Hydrogas li madankollu pparteċipaw f’bosta laqgħat li fihom ġew diskussi akkordji illegali. Il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni tidher li hija serjament insuffiċjenti fuq dan il-punt.

69      Il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti relattivi għall-allegat ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, li fil-verità jirrigwardaw it-talba għat-tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa, huma infondati.

70      Fir-rigward ta’ NTG, l-involviment tagħha huwa manifestament differenti minn dak tar-rikorrenti u l-impriża kkonċernata, barra minn hekk, irnexxielha tipprova, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, in-nuqqas ta’ responsabbiltà tagħha. Lanqas is-sitwazzjoni ta’ Hydrogas ma tista' tiġi mqabbla ma’ dik tar-rikorrenti, peress li l-Kummissjoni lanqas biss bagħtitilha dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet billi ma kienx hemm ħjiel ta’ mġiba illegali. Il-Kummissjoni żżid li l-parteċipazzjoni fil-laqgħat uffiċjali tal-VFIG ma tikkostitwixxix fiha nfisha parteċipazzjoni f’laqgħa ta’ l-akkordju u li hija ma kellhiex, bħalma kellha fil-każ tar-rikorrenti, provi li jistabbilixxu l-parteċipazzjoni ta’ NTG u ta’ Hydrogas fiż-żidiet fil-prezzijiet, fil-moratorji jew fil-prezzijiet minimi.

71      Il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk dawn il-kumpanniji l-oħra kienu ġew indebitament esklużi mill-proċedimenti, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti tibqa' l-istess. Fil-fatt, l-eventwali għoti ta’ vantaġġ indebitu ma jfissirx li r-rikorrenti għandha d-dritt li tikseb tnaqqis tal-multa tagħha jekk din ġiet iffissata b’mod leġittimu (is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, T-43/92, Ġabra p. II-441, punt 176, u ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T-23/99, Ġabra p. II-1705, punt 367).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 Osservazzjonijiet preliminari

72      Għandu jiġi rilevat li r-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ma pprovatx suffiċjentement skond il-liġi li hija pparteċipat f’akkordji u/jew prattiċi miftiehma u li, “billi aġixxiet b’dan il-mod, il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju ta' motivazzjoni ta’ l-Artikolu 253 KE”. Ir-rikorrenti tenfasizza b’mod iżjed partikolari li l-motivazzjoni hija insuffiċjenti f'dak li jirrigwarda d-differenzi rilevati bejn il-figuri tat-tabelli Nru 1 u Nru 2, ir-rwol tagħha li “wieħed li jkisser l-akkordju” u t-trattament partikolari li għalih kienet suġġetta meta mqabbla ma' żewġ operaturi żgħar oħra. Mill-formulazzjoni msemmija iktar ’il fuq u mill-kontenut ta’ l-argumentazzi żviluppati mir-rikorrenti li l-ilment imqajjem ma jirrigwardax, strettament, nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti, li jfissru ksur tal-ħtiġijiet proċedurali mandatorji fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE. L-ilment ikkonċernat huwa marbut, fil-verità, mal-kritika tal-fondatezza tad-Deċiżjoni u għaldaqstant tal-legalità fil-mertu ta' l-att, li huwa illegali fid-dawl tan-nuqqas ta’ prova, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ ksur ta’ l-Artikolu 81 KE u fid-dawl tal-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

 Fuq l-allegazzjoni li r-rikorrenti tbiegħdet pubblikament

73      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma pprovatx suffiċjentement skond il-liġi li kien hemm xi ksur min-naħa tagħha ta’ l-Artikolu 81(1) KE.

74      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li, fil-każ ta’ kawża fuq l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, hija l-Kummissjoni li għandha ġġib il-prova tal-ksur li hija tikkonstata u li tistabbilixxi l-elementi ta’ prova xierqa sabiex juru, suffiċjentement skond il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 58).

75      Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE, huwa biżżejjed li akkordju jkollu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, indipendentement mill-effetti konkreti tiegħu. Għaldaqstant, fil-każ ta’ akkordji milħuqa f’laqgħat ta’ impriżi li jikkompetu ma' xulxin, iseħħ ksur ta’ din id-dispożizzjoni meta dawn il-laqgħat għandhom tali għan u huma għaldaqstant intiżi biex jorganizzaw il-funzjonament tas-suq b’mod artifiċjali (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 145).

76      Għaldaqstant, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata pparteċipat f’laqgħat li fihom ġew konklużi akkordji ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma opponiet b’mod manifest għal dan, sabiex tipprova suffiċjentement skond il-liġi li l-imsemmija impriża pparteċipat fl-akkordju. Meta l-parteċipazzjoni f'tali laqgħat tkun ġiet stabbilita, hija din l-impriża li għandha tippreżenta provi li juru li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull intenzjoni antikompetittiva, billi tipprova li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qed tipparteċipa f’dawn il-laqgħat f'perspettiva differenti minn tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti taL-Prim’Istanza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 81, u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Ir-raġuni wara dan il-prinċipju tad-dritt hija li, peress li pparteċipat fl-imsemmija laqgħa mingħajr ma tbiegħdet pubblikament mill-kontenut tagħha, l-impriża tat x’tifhem lill-parteċipanti l-oħra li hija kienet qed taqbel ma’ dak li ġie deċiż fiha u li kienet se timxi miegħu (is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 76 iktar 'il fuq, punt 82).

78      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li pparteċipat fiż-żewġ laqgħat tal-VFIG ta’ l-14 ta’ Ottubru u tat-18 ta’ Novembru 1994 u l-kontenut antikompetittiv tagħhom. Hija ssostni, madankollu, li, fid-dawl ta' l-imġiba li hija adottat f’dawn il-laqgħat, għandu jiġi kkunsidrat li hija tbiegħdet pubblikament mill-kontenut antikompetittiv tagħhom, fis-sens ta’ dak li teżiġi l-ġurisprudenza.

–       Fuq l-iffissar ta’ żidiet fil-prezzijiet u l-iffissar ta’ perijodu ta’ moratorju

79      Fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti tallega, b’mod ġenerali, li hija “uriet l-oppożizzjoni tagħha għall-akkordji li jikkonċernaw l-imġiba [ta’ l-impriżi] fis-suq fil-laqgħat ta’ l-14 ta’ Ottubru u tat-18 ta’ Novembru 1994”.

80      Fir-rigward taż-żieda fil-prezzijiet, hija ssostni li qalet b’mod ċar li hija ma kinitx tapprova żieda fil-prezzijiet u li, billi kienet favur li tapplika pressjoni fuq dawn il-prezzijiet, hija kellha l-intenzjoni li tadatta l-politika tagħha fis-suq b’mod awtonomu. Hija żżid li ma riditx tgħid, “waqt il-laqgħa”, jekk kellhiex l-intenzjoni li twettaq żidiet fil-prezzijiet fl-1995 u, f’każ li tagħmel hekk, kemm kienu se jkunu kbar dawn iż-żidiet, iżda hija ddikjarat li fil-prinċipju ma kinitx kontra ż-żidiet. Hija tindika wkoll li d-direttur tagħha, is-Sur Nordkamp, irrifjuta, “f’kull laqgħa”, li jgħid jekk kienx se jkun hemm żieda fil-prezzijiet u, f’dan il-każ, jekk din kinitx se tkun ta’ 5 % jew ta’ 6 %.

81      Fid-dikjarazzjoni tiegħu, is-Sur Nordkamp jindika li, wara li impriżi oħra ddikjaraw, “f’waħda miż-żewġ laqgħat ikkonċernati tal-VFIG”, li huma kienu qed jippjanaw żieda fil-prezzijiet ta’ 5 jew 6 %, huwa “baqa' vag dwar jekk Westfalen kinitx se tgħolli l-prezzijiet tagħha għall-1995 u, f’dan il-każ, b'kemm”.

82      Dawn id-dikjarazzjonijiet jikkorrispondu biss parzjalment ma' dawk magħmula mir-rikorrenti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, li fiha hija indikat li, fid-“diskussjoni ta’ wara l-laqgħa” fuq il-politika kummerċjali, hija ddikjarat, wara li ġew imħabbra ż-żidiet fil-prezzijiet mill-operaturi l-oħra, li hija “kienet qed tippjana żieda fil-prezzijiet ta’ 5 jew 6 % għall-1995”, ħaġa li tikkontradixxi dak li jingħad fir-rikors, kif imsemmi iktar ’il fuq. Ir-rikorrenti żiedet li “la fil-laqgħat ta’ l-14 ta’ Ottubru jew tat-18 ta’ Novembru 1994 u lanqas f'xi mument ieħor ma ntrabtet li timplementa żieda partikolari fil-prezzijiet”, liema kliem ma jikkorrispondux ma’ l-affermazzjoni espliċita ta’ oppożizzjoni għaż-żieda fil-prezzijiet.

83      Jidher, ta’ l-inqas, li r-rikorrenti ma ħaditx pożizzjoni ċara fuq il-kwistjoni taż-żieda fil-prezzijiet. Għaldaqstant, hija ma qalitx espliċitament li kien se jkun hemm żieda fil-prezzijiet tagħha fl-1995, iżda lanqas ma ddikjarat li ma kienx se jkun hemm żieda fil-prezzijiet dik l-istess sena.

84      Għalhekk, ir-rikorrenti ma ħaditx pożizzjoni li biha tagħmilha ċara lill-impriżi l-oħra li hija kienet qed titbiegħed mill-prinċipju ta' tali żieda. L-imġiba tagħha, ikkwalifikata minnha stess bħala vaga, tidher qisha approvazzjoni taċita li għandha bħala effett li tinkoraġġixxi t-tkomplija tal-ksur u tikkomprometti l-iskoperta tiegħu. Din il-kompliċità tikkostitwixxi mod passiv ta’ parteċipazzjoni fil-ksur li għaldaqstant huwa tali li jwassal għar-responsabbiltà ta’ l-impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 76 iktar 'il fuq, punt 84).

85      Fir-rigward tat-tieni mġiba antikompetittiva li dwarha qed tilmenta l-Kummissjoni, ir-rikorrenti speċifikat, fir-risposta għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, li hija “ħadet pożizzjoni kontra moratorju waqt il-laqgħa” u li “is-Sur Nordkamp ma ntrabatx, f’isem Westfalen, li jirrispetta moratorju la waqt il-laqgħa u lanqas f'xi mument ieħor”, affermazzjonijiet li hija kkonfermat fl-osservazzjonijiet tagħha billi indikat li hija kienet ħadet pożizzjoni kontra t-twaqqif ta’ moratorju.

86      Sabiex tipprova l-veraċità tad-dikjarazzjonijiet tagħha ta’ oppożizzjoni u għaldaqstant il-fatt li tbiegħdet pubblikament mid-diskussjonijiet ta’ natura kollużiva li fihom ipparteċipat, ir-rikorrenti tistrieħ essenzjalment fuq id-dikjarazzjoni tas-Sur van den Heuij.

87      Ix-xhud jesponi li, f'laqgħa tal-VFIG, ir-rikorrenti rreaġixxiet kontra l-proposti antikompetittivi magħmula minn impriżi oħra membri ta’ l-assoċjazzjoni professjonali, u dan billi pprotestat. Jirriżulta mid-dikjarazzjoni li din il-protesta kienet iddettata mhux minn oppożizzjoni fil-prinċipju għal azzjoni miftiehma manifestament illegali, iżda mill-fatt li din ta’ l-aħħar ma kinitx tikkorrispondi, a priori, għall-interessi ekonomiċi ta’ dak il-mument ta’ NTG u tar-rikorrenti.

88      Għandu jiġi, madankollu, kkonstatat li jirriżulta mill-kliem stess tad-dikjarazzjoni tas-Sur van den Heuij li dan l-aħħar ma jiftakarx preċiżament dwar il-laqgħa in kwistjoni. Fil-fatt, ix-xhud jindika li huwa la jiftakar id-data tagħha, la t-tul tal-moratorju li ġie diskuss f’din il-laqgħa, u lanqas jekk id-direttur ta’ Hydrogas kienx ipprotesta wkoll kontra l-proposti in kwistjoni.

89      Id-dikjarazzjoni tas-Sur van den Heuij, magħmula fid-9 ta’ Ottubru 2002, tikkonċerna biss laqgħa waħda tal-VFIG li kienet saret “tmien snin” qabel. Fid-dawl tal-fatt li din hija l-unika referenza fiż-żmien u li t-tabella tirrikapitola l-laqgħat kollha tal-VFIG b’referenza għall-parteċipazzjoni individwali ta’ l-impriżi membri ta’ l-assoċjazzjoni (punt 106 tad-Deċiżjoni), hemm lok li jiġi rilevat li d-dikjarazzjoni in kwistjoni tista' tikkonċerna biss il-laqgħa ta’ l-14 ta’ Ottubru 1994, billi ġie osservat li NTG, l-impriża li tagħha s-Sur van den Heuij huwa d-direttur, ma kinitx irrappreżentata fil-laqgħa segwenti tat-18 ta’ Novembru 1994.

90      Barra minn hekk u fuq kollox, ix-xhieda tas-Sur van den Heuij ma taqbilx eżattament ma’ l-istqarrija magħmula mir-rikorrenti dwar l-iżvolġiment tal-laqgħa kkonċernata, peress li x-xhud ma jsemmix id-dikjarazzjonijiet suċċessivi ta’ ċerti impriżi li kienu se jżidu l-prezzijiet tagħhom b'5 jew 6 % u lanqas mad-dikjarazzjoni li għamel dak iż-żmien is-Sur Nordkamp li r-rikorrenti ppjanat “żieda fil-prezzijiet ta’ 5 jew 6 % għal-1995” jew li ma kinitx, fil-prinċipju, kontra xi żidiet filwaqt li rrifjutat li tgħid jekk kienx se jkun hemm żieda fil-prezzijiet għall-1995 u, f’dan il-każ, kemm kienet se tkun kbira din iż-żieda.

91      Ix-xhud isemmi dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni ġenerali wara li tħabbru proposti antikompetittivi, li mhijiex imsemmija bħala tali mir-rikorrenti, li tallega li, bir-reazzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ kull waħda mit-tliet inizjattivi antikompetittivi kkonċernati, hija wriet l-oppożizzjoni tagħha għall-koordinazzjoni illegali.

92      Jirriżulta, f’kull każ, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-affermazzjoni tar-rikorrenti li x-xhieda tas-“Sur […] van den Heuij, li pparteċipa personalment fiż-żewġ laqgħat tal-VFIG ta’ l-14 ta’ Ottubru 1994 u t-18 ta’ Novembru 1994, turi [li hija] opponiet bil-qawwa f’dawn il-laqgħat għall-proposti ta’ akkordju pprojbit” ma tistax tiġi milqugħa mill-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li hija purament u sempliċement żbaljata.

93      F’dan ir-rigward, meta sarulha domandi mill-Qorti tal-Prim’Istanza waqt is-seduta, ir-rikorrenti ammettiet espressament li s-Sur van den Heuij ma kienx ipparteċipa għal-laqgħa tal-VFIG tat-18 ta’ Novembru 1994. Din il-konstatazzjoni hija determinanti għall-evalwazzjoni tar-responsabbiltà tar-rikorrenti.

94      Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti kemm fil-laqgħa tal-VFIG ta’ l-14 ta’ Ottubru 1994 kif ukoll f’dik tat-18 ta’ Novembru ta' wara sabiex tafferma li hija ħadet sehem f’akkordji li jikkonċernaw l-iffissar ta’ żidiet fil-prezzijiet u l-iffissar ta’ perijodu ta’ moratorju.

95      Issa, ir-rikorrenti ma tipprovdi l-ebda prova konkreta u oġġettiva li tistabbilixxi li hija tbiegħdet pubblikament mill-kontenut manifestament antikompetittiv tal-laqgħa tat-18 ta’ Novembru 1994.

96      L-uniċi affermazzjonijiet tar-rikorrenti dwar in-natura plawsibbli ta' tali tbegħid fir-rigward tal-pożizzjoni tagħha ta’ operatur reċenti u dinamiku fis-suq ikkonċernat mhumiex tali li jissodisfaw l-oneru tal-prova impost tagħha.

97      Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, ir-rikorrenti setgħet ukoll ikollha kull interess li d-distributuri tal-gass jirrispettaw l-akkordji konklużi u li jaħsbu li hija wkoll kienet se tikkonforma ruħha ma’ l-akkordju, filwaqt li, mingħajr ma tinforma lil dawn l-impriżi, hija kienet qed titlob prezzijiet kemmxejn iktar baxxi minn dawk miftiehma b’mod li tkabbar il-marġni ta' profitt tagħha u s-sehem tagħha fis-suq. Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li, skond il-ġurisprudenza, il-fatt li l-imġiba fis-suq ta’ l-impriżi kkonċernati mhijiex konformi mar-“regoli tal-logħba” miftiehma xejn ma jaffettwa r-responsabbiltà tagħhom għall-parteċipazzjoni tagħhom fi ftehim antikompetittiv (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punt 1389).

98      Ir-rikorrenti tindika għal darb’oħra li b'ebda mod mhuwa eskluż li l-kliem “WF ma ġietx informata ?? Mhux aċċettat ??”, li jinsab fin-noti miktuba bl-idejn ta’ AGA invokati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni (premessi 138 u 169), jistgħu mhux biss jikkonċernaw l-ispejjeż ta’ kiri u ta’ trasport, iżda l-kwistjonijiet kollha diskussi waqt id-diskussjonijiet ta’ natura kollużiva.

99      Fost il-provi dokumentali mressqa mill-Kummissjoni hemm effettivament in-noti miktuba bl-idejn pprovduti minn AGA, li jinkludu l-kliem li ġej:

“17.10.94

VFIG

Żieda fil-prezzijiet

Kiri 0.25 Trasport

WF ma ġietx informata ?? Mhux aċċettat ??

Prezz gass fiċ-ċilindri + 6 % + kiri u trasport

Kuntratti bil-kwantità + 4,5 %, formula ta’ l-indiċi?

[…]

Moratorju: l-1 ta’ Diċembru + 3-4 xhur.”

100    Minbarra l-fatt li l-kliem in kwistjoni jirreferi għall-ewwel punt tan-noti relattiv għall-ispejjeż ta’ kiri u ta’ trasport u mhux għaż-żieda fil-prezzijiet tal-gass fiċ-ċilindri li għaliha ssir referenza f’punt separat sussegwenti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li n-noti miktuba bl-idejn ikkonċernati huma espressament datati 17 ta’ Ottubru 1994, jiġifieri ftit jiem biss wara li, fl-14 ta’ Ottubru 1994, inżammet il-laqgħa ta’ natura kollużiva tal-VFIG u li fiha pparteċipat AGA. Għaldaqstant, in-noti miktuba bl-idejn u l-kliem li għalih tirreferi r-rikorrenti ma jistgħux jikkonċernaw it-tieni laqgħa ta’ natura kollużiva tat-18 ta’ Novembru 1994.

101    Jidher, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li, wara li pparteċipat fl-ewwel laqgħa ta’ natura manifestament antikompetittiva, li r-rikorrenti ddiżapprovat l-kontenut tagħha, ir-rikorrenti, ftit iżjed minn xahar biss wara, ipparteċipat f’laqgħa oħra ta’ natura kollużiva li dwarha ma ġiex stabbilit li hija tbiegħdet minnha pubblikament.

102    Din il-parteċipazzjoni volontarja f’tieni laqgħa antikompetittiva, li saret direttament wara l-ewwel azzjoni miftiehma illegali, iġġib fix-xejn il-protesta inizjali, jekk wieħed iqis li din ġiet stabbilita, espressa fil-laqgħa ta’ l-14 ta’ Ottubru 1994 u hija biżżejjed biex tiġi miċħuda, fil-kuntest ta’ analiżi globali ta’ l-imġiba tar-rikorrenti għall-perijodu mill-14 ta’ Ottubru sat-18 ta’ Novembru 1994, kull allegazzjoni ta’ tbegħid pubbliku fir-rigward tad-diskussjonijiet ta’ natura kollużiva li kienu jikkonċernaw l-iffissar ta’ żidiet fil-prezzijiet tal-gass fiċ-ċilindri u t-twaqqif ta’ perijodu ta’ moratorju ta’ xahrejn.

103    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-kunċett ta’ tbegħid pubbliku bħala element ta’ eżenzjoni mir-responsabbiltà għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Jekk ir-rikorrenti effettivament riedet li ma tassoċjax ruħha mad-diskussjonijiet ta’ natura kollużiva, hija setgħet faċilment tindika bil-miktub lill-kompetituri tagħha u lis-segretarju tal-VFIG, wara l-laqgħa ta’ l-14 ta’ Ottubru 1994, li hija f'ebda każ ma riedet tiġi kkunsidrata bħala membru ta’ l-akkordju u tipparteċipa f'laqgħat ta’ assoċjazzjoni professjonali li jservu ta' kopertura għal azzjonijiet miftiehma illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Adriatica di Navigazione vs Il-Kummissjoni, T-61/99, Ġabra p. II-5349, punt 138).

104    Barra minn hekk, għall-kompletezza, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tistrieħ fuq provi dokumentali li jippermettu li jiġi konkluż li r-rikorrenti kienet effettivament ħadet sehem fl-akkordji msemmija iktar ’il fuq. Dawn il-provi jikkonsistu f'noti miktuba bl-idejn f’forma ta’ tabelli u definiti bħala tali mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni.

105    Ir-rikorrenti teċċepixxi, b’mod ġenerali, in-natura sommarja ħafna ta’ dawn in-noti sabiex twaqqa' kull valur probatorju li dawn jista' jkollhom. Minbarra l-invokazzjoni ta’ ċerti lmenti partikolari li jikkonċernaw dokument wieħed jew ieħor, hija tafferma li n-noti miktuba bl-idejn ma jistgħux, f’kull każ, jiġu kkunsidrati bħala rendikont komplet tal-laqgħat ikkonċernati.

106    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li peress li l-projbizzjoni tal-parteċipazzjoni fi prattiċi u akkordji antikompetittivi kif ukoll il-penalitajiet li jista' jinkorri min jikser din il-projbizzjoni huma magħrufa, huwa komuni li l-attivitajiet li jinvolvu dawn il-prattiċi u dawn l-akkordji jseħħu b’mod klandestin, li l-laqgħat jinżammu b'mod sigriet, l-aktar spiss f’terzi pajjiżi, u li d-dokumentazzjoni relattiva titnaqqas kemm jista' jkun. Anki jekk il-Kummissjoni tiskopri xi dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatti illegali bejn operaturi, bħall-minuti ta’ laqgħa, dawn is-soltu jkunu miktuba f’biċċiet u mifruxin, b’mod li spiss jirriżulta neċessarju li jiġu rikostitwiti ċerti dettalji permezz ta’ deduzzjonijiet (is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 76 iktar 'il fuq, punti 55 u 56).

107    Fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew akkordju antikompetittiv ikollha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ħjiel li, meta kkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 76 iktar 'il fuq, punt 57).

108    F’dan il-każ, huwa paċifiku li d-diskussjonijiet ta’ natura kollużiva saru barra l-laqgħat tal-VFIG ta’ l-14 ta’ Ottubru u tat-18 ta’ Novembru 1994 u li evidentement huma ma setgħux jagħtu u ma tawx lok għat-tfassil ta’ minuti uffiċjali eżawrjenti. Għaldaqstant, ma jistgħux jiġu skartati n-noti miktuba bl-idejn invokati mill-Kummissjoni sempliċement minħabba li dawn huma ta’ natura sommarja.

109    Barra minn hekk, l-ilmenti tar-rikorrenti fir-rigward ta’ l-impossibbiltà li ż-żewġ tabelli jiġu konnessi ma’ laqgħa jew oħra tal-VFIG u l-allegata inkonsistenza tagħhom ma jreġux għall-eżami konkret tad-dokumenti kkonċernati.

110    Minn naħa, it-tabella Nru 1, ipprovduta minn AGA, hija datata 21 ta’ Novembru 1994 u fiha l-ismijiet fil-qosor ta’ seba' impriżi, fosthom AGA, li effettivament ipparteċipaw fil-laqgħa tal-VFIG tat-18 ta’ Novembru 1994 (premessa 149 tad-Deċiżjoni. It-tabella Nru 2 ġiet issekwestrata mingħand Air Products, li ddikjarat li setgħet tirreferi għal-laqgħa ċċitata ’il fuq (premessa 141 tad-Deċiżjoni). Barra minn hekk, din it-tabella Nru 2 fiha l-istess lista ta’ impriżi li jinsabu fit-tabela Nru 1 kif ukoll indikazzjonijiet simili li jikkonċernaw żidiet fil-prezzijiet tal-gass fiċ-ċilindri, tat-traport u tal-kiri.

111    Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-laqgħa tal-VFIG tat-18 ta’ Novembru 1994 hija t-tieni u l-aħħar laqgħa ta’ natura antikompetittiva li fiha pparteċipat ir-rikorrenti ma’ l-operaturi l-kbar u li d-diskussjonijiet ta’ natura kollużiva tkomplew f’kuntest ieħor.

112    Min-naħa l-oħra, it-tabella Nru 1 fiha l-kliem segwenti “WF 5-6 % fuq il-prodotti kollha 1/1-95” filwaqt li t-tabella Nru 2 tindika “W/F 6 %” taħt il-kolonna intitolata “Prodott”. Kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, għalkemm il-figuri msemmija iktar ’l fuq ma jaqblux eżattament, dawn huma xorta waħda kompletament kompatibbli u jixhdu l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f'żieda fil-prezzijiet ta’ 5 sa 6 % prevista għal Jannar 1995.

113    Barra minn hekk, it-tabella Nru 1 fiha, fil-parti ta’ fuq tal-paġna, il-kliem “Moratorju: 1.12.- 31.1.95” li jista' tfisser biss li jikkonċerna l-impriżi kollha ċċitati fl-imsemmija tabella. It-tabella Nru 2 fiha l-kliem “W/F [...] 2 ms” li, wisq probabbli, jesprimi l-perijodu ta’ xahrejn ta’ moratorju miftiehem mill-impriżi involuti fil-kartell. Għandu jiġi nnutat, barra minn hekk, li l-kwistjoni tal-moratorju kienet diġà ġiet iddibattuta fil-laqgħa ta’ l-14 ta’ Ottubru 1994, kif jirriżulta ċar min-noti miktuba bl-idejn ta’ AGA msemmija fil-punt 99 iktar ’il fuq.

114    Barra minn hekk, huwa partikolarment sinjifikattiv li Hydrogas, operatur żgħir imsemmi fid-dikjarazzjoni tas-Sur van den Heuij, li huwa paċifiku li pparteċipa fil-laqgħat tal-VFIG ta’ l-14 ta’ Ottubru u tat-18 ta’ Novembru 1994, b'ebda mod ma jissemma, għad-differenza tar-rikorrenti, fl-imsemmija tabelli.

115    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li r-rikorrenti ma ġabitx il-prova ta’ tbegħid pubbliku allegata minnha u li l-Kummissjoni stabbiliet suffiċjentement skond il-liġi li r-rikorrenti ħadet sehem f’akkordji li jikkonċernaw l-iffissar ta’ żidiet fil-prezzijiet minn Ottubru 1994 sa Diċembru 1995 u fl-iffissar ta’ perijodu ta’ moratorju minn Ottubru 1994 sa Jannar 1995.

–       Fuq l-iffissar ta’ prezzijiet minimi għax-xerrejja ta’ kwantitajiet żgħar ta’ gass fiċ-ċilindri

116    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li jirriżulta mid-Deċiżjoni (premessa 352) li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-imġiba tad-diversi impriżi involuti fl-akkordju kienet tikkostitwixxi ksur wieħed u kontinwu, li kkonkretizza ruħu progressivament permezz ta' akkordji u/jew prattiċi miftiehma.

117    Għaldaqstant, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni jgħid li l-impriżi kkonċernati, fosthom ir-rikorrenti, “kisru l-Artikolu 81(1) KE, peress li ħadu sehem f’akkordji u/jew prattiċi miftiehma kontinwati fil-qasam tal-gass industrijali u mediku fl-Olanda”.

118    Fir-rigward iżjed partikolari tar-rikorrenti, il-Kummissjoni qieset li hija kienet ipparteċipat f’dan il-ksur b’imġiba antikompetittiva tagħha stess, u, b’mod partikolari, bl-iffissar ta’ prezzijiet minimi għax-xerrejja ta’ kwantitajiet żgħar ta’ gass fiċ-ċilindri. Ir-responsabbiltà tar-rikorrenti hija, f’dan ir-rigward, ibbażata fuq il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa waħdanija ta’ l-14 ta’ Ottubru 1994, fid-dawl tar-rettifika tad-Deċiżjoni li saret fid-9 ta’ April 2003.

119    Wara li indikat, fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, li “[kien] għadu mhux magħruf jekk [kienx] verament ġie konkluż akkordju fuq il-prezzijiet minimi fl-1994”, il-Kummissjoni speċifikat fil-punt 205 tad-Deċiżjoni li, fil-laqgħat tal-VFIG ta’ Marzu u ta’ Ottubru 1994, skali ta’ prezz u ta’ prezzijiet minimi għall-gass fiċ-ċilindri, biex jiġu applikati għall-klijenti ż-żgħar, kienu ġew “diskussi bil-għan li jiġi konkluż akkordju”, ta’ l-inqas mir-rikorrenti, minn Messer, minn Air Liquide, minn Hoek Loos u minn Air Products. Fil-premessa 341 tad-Deċiżjoni jissemma wkoll li “Hoek Loos, AGA, Air Products, Air Liquide u Messer” ftiehmu fuq prezzijiet minimi għall-gass fiċ-ċilindri kkonsenjat lill-klijenti ż-żgħar għall-“1995, 1996 u 1997”.

120    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-Kummissjoni tallega li r-rikorrenti ħadet sehem fi prattika miftiehma li tikkonċerna l-iffissar ta’ prezzijiet minimi għax-xerrejja ta’ kwantitajiet żgħar ta’ gass fiċ-ċilindri.

121    Għandu jiġi mfakkar, f’dan l-istadju, li l-kunċett ta’ “prattika miftiehma” tikkonsisti f'forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma waslu għall-konklużjoni ta' ftehim uffiċjali, jissostitwixxu konsapevolment kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Lulju 1972, ICI vs Il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punt 64). Il-kriterji ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni kkonċernati, mhux biss ma jeħtiġux l-elaborazzjoni ta’ “pjan” veru u proprju, iżda għandhom jinftiehmu fid-dawl tal-kunċett inerenti fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-kompetizzjoni u li skondu kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li jixtieq isegwi fis-suq komuni. Għalkemm huwa minnu li dan ir-rekwiżit ta’ awtonomija ma jeskludix id-dritt ta’ l-operaturi ekonomiċi li jadattaw ruħhom b'mod intelliġenti għall-imġiba kkonstatata tal-kompetituri tagħhom jew mistennija minnhom, huwa madankollu jipprekludi strettament kull kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi li jkollu bħala għan jew bħala effett jew li jinfluwenza l-imġiba fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew li jiżvela lil tali kompetitur l-imġiba li huma stess iddeċidew li jadottaw jew jaħsbu li jadottaw fis-suq (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punti 173 u 174; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra p. II-931, punt 720).

122    Bħal fil-każ ta’ l-imġiba antikompetittiva li l-Kummissjoni tallega fil-konfront tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta r-responsabbiltà tagħha billi tallega li hija tbiegħdet pubblikament mid-diskussjonijiet ta’ natura kollużiva li jikkonċernaw l-iffissar ta’ prezzijiet minimi għax-xerrejja ta’ kwantitajiet żgħar ta’ gass fiċ-ċilindri.

123    F’dan ir-rigward, jirriżulta kemm mill-osservazzjonijiet tar-rikorrenti kif ukoll mid-dikjarazzjoni tas-Sur Nordkamp, rappreżentant tagħha fil-laqgħat tal-VFIG, li dan ta' l-aħħar m'esprimiex ruħu fuq il-kwistjoni ta’ l-iffissar ta’ prezzijiet minimi għax-xerrejja ta’ kwantitajiet żgħar ta’ gass fiċ-ċilindri meta din ġiet diskussa fil-laqgħa ta’ l-14 ta’ Ottubru 1994.

124    Issa, is-silenzju osservat minn operatur f’laqgħa li fiha jsir ftehim illegali fuq kwistjoni preċiża relatata mal-politika tal-prezzijiet ma jistax jiġi interpretata bħala nuqqas ta’ approvazzjoni soda u ċara. Għall-kuntrarju, skond il-ġurisprudenza, l-approvazzjoni taċita ta’ inizjattiva illegali, mingħajr ma jsir tbegħid pubbliku mill-kontenut tagħha jew mingħajr ma tiġi rapportata lill-awtoritajiet amministrattivi, għandha bħala effett li tinkoraġġixxi t-tkomplija tal-ksur u tikkomprometti l-iskoperta tagħha. Din il-kompliċità tikkostitwixxi mod passiv ta’ parteċipazzjoni fil-ksur li għaldaqstant huwa tali li jirrendi l-impriża responsabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 76 iktar 'il fuq, punt 84).

125    Is-sempliċi tifkiriet impreċiżi tas-Sur van den Heuij, irrakkontati f’dikjarazzjoni mitluba u mħejjija ftit qabel ma tressaq dan ir-rikors, u li ma jaqblux eżattament mad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti stess, mhumiex tali li jinvalidaw il-konklużjoni msemmija iktar ’il fuq. Fl-aħjar ipoteżi, jista' jiġi dedott mid-dikjarazzjoni tas-Sur van den Heuij li l-operaturi ż-żgħar, fosthom ir-rikorrenti, ipprotestaw mat-tħabbir tal-proposti illegali ta’ impriżi oħra, qabel ma saru d-diskussjonijiet speċifiċi fuq kull waħda mill-imsemmija proposti u qabel ma kull impriża esprimiet il-pożizzjoni tagħha, bħalma għamlet ir-rikorrenti, fiċ-ċirkustanzi partikolari speċifikati fil-punt 123 iktar ’il fuq, fir-rigward ta’ l-iffissar ta’ prezzijiet minimi għax-xerrejja ta’ kwantitajiet żgħar ta’ gass fiċ-ċilindri.

126    Issa, l-imġiba tar-rikorrenti ma tistax tiġi analizzata bħala l-manifestazzjoni soda u ċara ta’ nuqqas ta’ ftehim li jista' jikkaratterizza l-kunċett ta’ tbegħid pubbliku kif rikjest u interpretat, b’mod restrittiv, mill-ġurisprudenza.

127    Barra minn hekk, għandu jiġi rilevat li, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tindika li, skond l-ispjegazzjonijiet mogħtija minn AGA, ikkorroborati minn kliem li jinsab fin-noti miktuba bl-idejn issekwestrati mingħand AGA, l-iskali ta’ prezzijiet għax-xerrejja ż-żgħar ta’ gass fiċ-ċilindri ġew ippreżentati minn Hoek Loos barra mill-laqgħa tal-VFIG f’Ottubru 1994. Barra minn hekk u fuq kollox, ġie skopert għand ir-rikorrenti, f’fajl immarkat “VFIG 1995”, dokument ta’ Ottubru 1994 intitolat “Elenku għall-klijenti ż-żgħar ‘ċilindri’” li effettivament jinkludi elenku stampat ta’ prezzijiet minimi. L-istess dokument instab fl-uffiċċji ta’ Messer u ta’ Air Liquide (premessi 207 u 208 tad-Deċiżjoni).

128    Ir-rikorrenti speċifikat biss li kien possibbli li l-imsemmi dokument ingħata lilha fil-laqgħa ta’ l-14 ta’ Ottubru 1994, iżda li l-pussess tiegħu ma kienx jipprova l-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju fuq prezzijiet minimi u lanqas f'diskussjoni fuq dan is-suġġett.

129    Jibqa' l-fatt li r-rikorrenti tabilħaqq ipparteċipat fil-laqgħa ta’ l-14 ta’ Ottubru 1994 u, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, ftit li xejn huwa sorprendenti li, b’differenza miż-żieda fil-prezzijiet u mill-iffissar tal-moratorju, ma saret l-ebda referenza individwalizzata fir-rigward tar-rikorrenti jew ta' impriża oħra, peress li din hija lista ta’ prezzijiet li ġiet iddistribwita f’din il-laqgħa. Iż-żamma ta' tali dokument mir-rikorrenti ftit hija kompatibbli ma’ l-affermazzjoni ta’ tbegħid pubbliku u ma' l-iffissar awtonomu ta’ politika kummerċjali fis-suq ikkonċernat li jimplika neċessarjament dan it-tbegħid, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza fir-rigward ta’ kull operatur ekonomiku (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 58 iktar 'il fuq, punt 116, u l-ġurisprudenza ċċitata).

130    Bl-istess mod, mingħajr ma tista' tikkostitwixxi l-konfutazzjoni diretta tat-tbegħid pubbliku allegat mir-rikorrenti, bħal fil-każ ta' l-ewwel żewġ azzjonijiet li dwarhom tilmenta l-Kummissjoni, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fit-tieni laqgħa ta’ natura kollużiva tat-18 ta’ Novembru 1994 hija sinjifikattiva ta’ l-intenzjonijiet antikompetittivi tagħha u tikkontradixxi retrospettivament l-allegazzjoni ta’ tbegħid pubbliku fir-rigward tad-diskussjonijiet ta' natura kollużiva tal-laqgħa ta’ l-14 ta’ Ottubru 1994.

131    Is-sempliċi konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ prova mir-rikorrenti tat-tbegħid pubbliku allegat madankollu mhuwiex suffiċjenti biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tagħha.

132    Fis-sentenza mogħtija fuq appell, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 58 iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, kif jirriżulta mill-kliem stess ta’ l-Artikolu 81(1) KE, il-kunċett ta’ prattika miftiehma jimplika, minbarra l-ftehim bejn l-impriżi, imġiba fis-suq li ssegwi dan il-ftehim u rabta ta’ kawża u effett bejn dawn iż-żewġ elementi (punt 118). Hija ddeċidiet ukoll li għandu jiġi preżunt, sakemm ma tinġiebx prova kuntrarja li għandha titressaq mill-operaturi kkonċernati, li l-impriżi li jipparteċipaw fil-ftehim u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu in kunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom biex jiddeterminaw l-imġiba tagħhom fis-suq (is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 58 iktar 'il fuq, punt 121).

133    F’dan il-każ, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja li kellha tinġieb mir-rikorrenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti, li baqgħet attiva fis-suq ikkonċernat wara l-laqgħa ta’ l-14 ta’ Ottubru 1994, ħadet in kunsiderazzjoni l-ftehim illegali, li fih ipparteċipat fl-imsemmija laqgħa, biex tiddetermina l-imġiba tagħha fl-imsemmi suq (is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 58 iktar 'il fuq, punti 119 u 121).

134    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-Kummissjoni stabbiliet suffiċjentement skond il-liġi li r-rikorrenti ħadet sehem fi prattika miftiehma li tikkonċerna l-iffissar ta’ prezzijiet minimi għax-xerrejja ta’ kwantitajiet żgħar ta’ gass fiċ-ċilindri.

 Fuq it-tul taż-żmien tal-ksur

135    Għandu jiġi rilevat, preliminarjament, li l-evalwazzjoni definittiva mill-Kummissjoni tat-tul taż-żmien tal-ksur imputat lir-rikorrenti tinsab fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni, kif rettifikata mid-Deċiżjoni tad-9 ta’ April 2003, li skondu l-perijodu tal-ksur beda f’Ottubru 1994 u spiċċa f’Diċembru 1995.

136    Fid-dawl tar-rettifika tad-Deċiżjoni, m'għadx hemm skop għall-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq in-natura żbaljata tal-punt meta beda l-perijodu tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni.

137    Fis-seduta, ir-rikorrenti osservat li l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kien żbaljat meta semma x-xahar ta’ Diċembru 1995 bħala tmiem il-perijodu tal-ksur, peress li, wara l-laqgħa tal-VFIG tat-18 ta’ Novembru 1994, hija ma pparteċipat f'ebda laqgħa oħra ta’ natura kollużiva.

138    Safejn dan l-ilment ġdid jista' jiġi kkunsidrat ammissibbli, huwa ma jistax jintlaqa' mill-Qorti tal-Prim’Istanza. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni stabbiliet suffiċjentement skond il-liġi li r-rikorrenti, b’mod partikolari, ħadet sehem fi ftehim li kellu għan kjarament antikompetittiv, jiġifieri l-iffissar ta’ żidiet fil-prezzijiet għas-sena 1995. Biex jiġi kkalkulat it-tul taż-żmien ta’ ksur li għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, għandu jiġi ddeterminat biss it-tul taż-żmien li fih eżista dan l-akkordju, jiġifieri l-perijodu li ddekorra bejn id-data tal-konklużjoni tiegħu u d-data li fih ġie terminat (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale vs Il-Kummissjoni, T-49/02 sa T-51/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 185).

139    Issa r-rikorrenti ma pprovatx suffiċjentement skond il-liġi li hija temmet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju aktar kmieni, jiġifieri qabel ix-xahar ta’ Diċembru 1995, billi adottat imġiba kompetittiva leali u indipendenti fis-suq ikkonċernat. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma rtiratx mill-akkordju biex tirrapportah lill-Kummissjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Novembru 2005, Union Pigments vs Il-Kummissjoni, T-62/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 42).

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

140    Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tagħha tal-parteċipazzjoni ta’ l-operaturi ż-żgħar, u dan billi kkunsidrat li hija biss kienet kisret il-projbizzjoni ta' l-akkordji u mhux NTG u Hydrogas, li madankollu pparteċipaw f’diversi laqgħat li fihom ġew diskussi akkordji illegali.

141    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, ladarba impriża, bl-imġiba tagħha, tkun kisret l-Artikolu 81(1) KE, hija ma tistax tevita kull penalità minħabba li operatur ekonomiku ieħor ma jkunx ingħata multa, meta s-sitwazzjoni ta' dan ta' l-aħħar lanqas tkun tressqet quddiem il-qorti Komunitarja (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C-125/85 sa C-129/85, Ġabra p. I-1307, punt 197, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Lulju 1994, Parker Pen vs Il-Kummissjoni, T-77/92, Ġabra p. II-549, punt 86).

142    Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-fatt li impriżi oħrajn, li jinsabu f’sitwazzjoni allegatament simili, ma ngħatawx multa, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-talba għal tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa

 L-argumenti tal-partijiet

143    Ir-rikorrenti tindika, fl-ewwel lok, li l-qosor tat-tul taż-żmien tal-ksur għandu jwassal għal tnaqqis fl-ammont tal-multa.

144    Fis-seduta, ir-rikorrenti indikat li t-tnaqqis ta’ EUR 20 000, li seħħ b'riżultat tad-Deċiżjoni ta' rettifika tad-9 ta’ April 2003, la kien motivat u lanqas suffiċjenti.

145    Ir-rikorrenti tallega, fit-tieni lok, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali meta ffissat l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha.

146    F’dan ir-rigward, hija ssemmi d-differenzi li jippermettu li ssir distinzjoni bejnha u l-operaturi l-oħra destinatarji tad-Deċiżjoni, jiġifieri l-eżistenza ta’ mġiba dinamika fis-suq ikkonċernat, irrikonoxxuta mill-Kummissjoni u minn operatur ieħor, adeżjoni tardiva mal-VFIG, f’Lulju 1994, li tispjega għaliex hija ma pparteċipatx fit-tlettax-il laqgħa ta’ l-assoċjazzjoni li nżammu bejn l-1989 u Settembru 1994, oppożizzjoni dikjarata kontra l-akkordji antikompetittivi fil-laqgħat ta’ l-14 ta’ Ottubru u tat-18 ta’ Novembru 1994, nuqqas ta’ parteċipazzjoni fil-laqgħat ta’ natura kollużiva li nżammu, wara Novembru 1994, fi Breda u f’Barendrecht bejn l-operaturi l-kbar fis-suq, sehem fis-suq żgħir ta’
1.5 %, meta l-operaturi l-oħra għandhom mill-anqas id-doppju tagħha, il-qosor tal-perijodu ta’ involviment fl-imġiba pprojbita u nuqqas ta’ parteċipazzjoni fl-akkordji dwar kundizzjonijiet kuntrattwali minbarra l-prezzijiet.

147    Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi, u fid-dawl tal-perċentwali tal-fatturat fis-settur tal-gass industrijali, ir-rikorrenti ġiet ippenalizzata b’mod iżjed qawwi mill-impriżi l-oħra kkonċernati mid-Deċiżjoni.

148    Ir-rikorrenti tafferma li, għalkemm il-multi huma ffissati b’relazzjoni għall-fatturat totali ta’ l-impriżi fis-settur tal-gass industrijali fl-Olanda fl-1996, ir-riżultat finali huwa sproporzjonat. Għaldaqstant, il-multa imposta fuq ir-rikorrenti tirrappreżenta 13.6 % tal-fatturat tagħha, mqabbla ma’ 2.2 % biss għal Hoek Loos u 7.5 % biss għal AGA. Jekk il-multi huma ffissati b’relazzjoni għall-fatturat, magħmul għas-sena 1996 fis-suq tal-gass industrijali fl-Olanda, jidher, barra minn hekk, li l-multa imposta fuq ir-rikorrenti hija komparabbli fi proporzjon ma’ dawk imposti fuq l-impriżi l-oħra minkejja li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju ma tista', bl-ebda mod, tiġi mqabbla ma’ dik ta’ l-impriżi l-oħrajn. Ir-rikorrenti tirrileva wkoll li l-multa imposta fuq AGA hija madwar disa’ darbiet ogħla minn dik imposta fuqha, meta s-sehem fis-suq ta’ AGA (27.4 %) huwa 18-il darba ogħla minn tagħha (1.5 %).

149    Dawn il-figuri juru, skond ir-rikorrenti, li l-operaturi li għandhom l-iżjed rwol importanti fl-akkordju u li għandhom l-ikbar kapaċità li jagħmlu l-ħsara lill-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat ġew imposti, meta jitqiesu l-proporzjonijiet kollha, l-iżjed multi ħfief. Ir-rikorrenti, li ma kellha ebda rwol, jew li kellha rwol estremament limitat, u li kellha sehem fis-suq żgħir ħafna ġiet penalizzata b’mod iżjed qawwi minn dawk li mexxew l-akkordju.

150    Wara li fakkret li hija għandha setgħa diskrezzjonali għall-iffissar ta’ l-ammont tal-multi fil-każijiet relattivi għall-akkordji, il-Kummissjoni ssostni li l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti hija kompletament adegwata u tikkontesta kull ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

151    Għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, li, meta tistabbilixxi l-ammont ta’ kull multa, il-Kummissjoni tgawdi minn diskrezzjoni u mhijiex marbuta li tapplika, f’dan ir-rigward, formola matematika preċiża (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, C-283/98 P, Ġabra p. I-9855, punt 47; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 1995, Martinelli vs Il-Kummissjoni, T-150/89, Ġabra p. II-1165, punt 59, u ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T-352/94, Ġabra p. II-1989, punt 268). Din id-diskrezzjoni għandha madankollu ssir fil-ħarsien tad-dritt Komunitarju, li jinkludi mhux biss id-dispożizzjonijiet tat-Trattat iżda wkoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 38).

152    F’dan ir-rigward, skond ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta' trattament ugwali jinkiser biss meta sitwazzjonijiet komparabbli jiġu trattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu trattati b’mod identiku, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra p. 4209, punt 28, u tat-28 ta’ Ġunju 1990, Hoche, C-174/89, Ġabra p. I-2681, punt 25; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T-311/94, Ġabra p. II-1129, punt 309).

153    Għandu jiġi wkoll rilevat li l-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata tal-multa imposta fir-rigward tas-serjetà u t-tul taż-żmien tal-ksur, kriterji msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, taqa' fil-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-Qorti tal-Prim’Istanza bl-Artikolu 17 ta’ l-istess Regolament.

154    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Kummissjoni ddeċidiet l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti skond il-metodu ġenerali li hija stabbiliet għaliha stess fil-Linji gwida tagħha.

155    Il-Linji gwida jiddisponu, fl-ewwel subparagrafu tal-punt 1, li, għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi, l-ammont bażiku huwa stabbilit skond is-serjetà u t-tul taż-żmien tal-ksur, l-uniċi kriterji stabbiliti fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Bħala rimarka ġenerali, il-Kummissjoni, fil-punt Nru 5(a) tal-Linji gwida tispeċifika wkoll li “r-riżultat finali tal-kalkolu tal-multa skond dan il-metodu (ammont bażiku miżjud jew imnaqqas fuq bażi perċentwali) ma jista’ fl-ebda każ jaqbeż 10% tal-fatturat dinji ta’ l-impriżi skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17”. Għaldaqstant, il-Linji gwida ma jmorrux lil hinn mill-kuntest ġuridiku tal-penalitajiet kif iddefiniti minn din id-dispożizzjoni (is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar 'il fuq, punti 250 u 252).

 Fuq it-tul taż-żmien tal-ksur

156    F’dak li jikkonċerna l-fattur relattiv għat-tul taż-żmien tal-ksur, il-Linji gwida jagħmlu distinzjoni bejn il-ksur ta’ dewmien qasir (ġeneralment inqas minn sena), li għalih l-ammont inizjali ffissat skond is-serjetà m’għandux jiġi miżjud, il-ksur ta’ dewmien medju (ġeneralment minn sena sa ħames snin), li għalih dan l-ammont jista’ jiġi miżjud b’50%, u l-ksur ta’ dewmien twil (ġeneralment iżjed minn ħames snin), li għalih dan l-ammont jista’ jiġi miżjud b’10% għal kull sena (l-ewwel sat-tielet inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 B).

157    Għalkemm żieda sa 50% hija għaldaqstant prevista għall-ksur ta’ dewmien medju, il-punt 1 B tal-Linji gwida ma jipprovdix żieda awtomatika ta’ ċerta perċentwali għal kull sena iżda, f’dan ir-rigward, tħalli marġini ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T-220/00, Ġabra p. II-2473, punt 134).

158    Kif ġie espost iktar 'il fuq, il-Kummissjoni inizjalment ikkunsidrat, b’mod żbaljat, li t-tul taż-żmien tal-ksur li wettqet ir-rikorrenti kien bejn Marzu 1994 u Diċembru 1995, liema kunsiderazzjoni wasslitha biex tikkwalifika l-imsemmi ksur bħala wieħed ta’ dewmien medju (punt 434 tad-Deċiżjoni).

159    L-emenda tad-Deċiżjoni li saret fid-9 ta’ April 2003 ppermettiet li jiġi rettifikat l-Artikolu 1 tagħha fir-rigward tat-tul taż-żmien tal-ksur allegat fil-konfront tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni tispjega b’mod ċar fid-Deċiżjoni ta' rettifika tagħha li l-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 0.45 miljun fil-bidu ġie miżjud bi 15% minħabba t-tul ta' żmien tal-ksur, u mbagħad tniżżel għal 10% fid-dawl tal-fatt li l-punt meta beda l-ksur ġie aġġustat għal Ottubru 1994.

160    Billi t-tul taż-żmien tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti huwa minn issa ’l quddiem, u ġustament, bejn Ottubru 1994 u Diċembru 1995, jiġifieri ftit iżjed minn sena, il-kwalifikazzjoni ta' l-imsemmi ksur bħala wieħed ta’ dewmien medju tibqa' xierqa u għaldaqstant il-Kummissjoni ġustament wettqet, b’applikazzjoni tal-Linji gwida, żieda ta’ 10%. Ir-rikorrenti ma ġabet l-ebda prova li tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, għamlet żball ta’ evalwazzjoni u li ż-żieda magħmulha kellha tkun inqas minn 10%.

161    Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq in-natura allegatament mhux motivata u fuq l-insuffiċjenza tat-tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa mwettaq mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta' rettifika tagħha għandu jiġi miċħud.

 Fuq in-natura allegatament diskriminatorja u/jew sproporzjonata tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

162    Għandu jiġi rilevat li, għall-iffissar ta’ l-ammont inizjali tal-multi, determinat skond is-serjetà tal-ksur, il-Kummissjoni kkunsidrat li, minkejja l-fatt li l-impriżi kkonċernati kienu pparteċipaw f’kartell fuq il-prezzijiet, l-imsemmi ksur kellu jiġi kkwalifikat bħala serju, fid-dawl ta’ l-estensjoni ġeografika limitata tas-suq u tal-fatt li s-settur in kwistjoni kellu importanza ekonomika medja (premessi 423 u 428 tad-Deċiżjoni).

163    Sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l-importanza speċifika ta’ l-imġiba illegali ta’ kull impriża involuta f’dan il-kartell, u għalhekk l-effett reali tiegħu fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni kklassifikat l-impriżi kkonċernati f’erba’ kategoriji, skond l-importanza relattiva tagħhom fis-suq ikkonċernat. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li tieħu l-fatturat imwettaq, fl-1996, fis-suq ikkonċernat bħala bażi ta’ paragun ta’ l-importanza relattiva ta' l-impriżi fl-imsemmi suq (premessi 429 sa 432 tad-Deċiżjoni).

164    Għalhekk, Hoek Loos u AGA Gas, meqjusa bħala ż-żewġ operaturi prinċipali fis-suq ikkonċernat, ġew ikklassifikati fl-ewwel kategorija. Air Products u Air Liquide, li huma operaturi medji fis-suq, ġew imqiegħda fit-tieni kategorija. Messer u BOC, li l-importanza tagħhom fis-suq in kwistjoni hija kkwalifikata bħala “deċiżament inqas”, ġew ikklassifikati fit-tielet kategorija. Ir-rikorrenti, li kellha sehem estremament żgħir fis-suq, tinsab fir-raba’ kategorija (premessa 431 tad-Deċiżjoni).

165    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni stabbiliet ammont inizjali identiku ta’ EUR 10 miljun għal Hoek Loos u AGA Gas, kontra EUR 2.6 miljun għal Air Products u Air Liquide, EUR 1.2 miljun għal Messer u BOC u EUR 0.45 miljun għar-rikorrenti.

166    Fir-rigward tat-tul taż-żmien tal-ksur, il-Kummissjoni qieset li l-ksur kien ta’ dewmien medju (minn sena sa erba’ snin) għal kull impriża kkonċernata, peress li Hoek Loos, AGA Gas, Air Products, Air Liquide u Messer kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE minn Settembru 1993 sa Diċembru 1997, BOC minn Ġunju 1994 sa Diċembru 1995 u r-rikorrenti minn Ottubru 1994 sa Diċembru 1995, wara r-rettifika tad-Deċiżjoni li saret fid-9 ta’ April 2003. Wara li fil-bidu ġie miżjud bi 15%, l-ammont inizjali stabbilit fir-rigward tar-rikorrenti ġie finalment miżjud b’10% minħabba t-tul, skond il-premessa 9 tad-Deċiżjoni tad-9 ta’ April 2003.

167    L-ammont bażiku tal-multa, stabbilit skond is-serjetà u t-tul taż-żmien tal-ksur, ġie għalhekk iffissat, kemm f’dak li jikkonċerna lil Hoek Loos kif ukoll lill-impriża AGA Gas, għal EUR 14-il miljun, kontra EUR 3.64 miljun għal Air Products u Air Liquide, EUR 1.68 miljun għal Messer, EUR 1.38 miljun għal BOC u EUR 0.51 miljun u sussegwentement, wara r-rettifika, EUR 0.49 miljun għar-rikorrenti.

168    Il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kellha biss rwol passiv fil-ksur u li hija ma kinitx ħadet sehem fl-aspetti kollha tiegħu u li dawn iċ-ċirkustanzi attenwanti kienu jiġġustifikaw tnaqqis ta’ 15 % ta' l-ammont bażiku tal-multa imposta, b'mod li din ta' l-aħħar tniżżlet għal EUR 0.43 miljun (premessa 442 tad-Deċiżjoni) u sussegwentement għal EUR 0.41 miljun wara d-Deċiżjoni ta' rettifika tad-9 ta’ April 2003.

169    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma bbenefikat minn ebda tnaqqis taħt il-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

170    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-Kummissjoni ħadet kompletament in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti, li jiddivrenzjawha mill-impriżi l-oħra destinatarji tad-Deċiżjoni, kemm fir-rigward tat-tul tal-perijodu tal-ksur, kemm fir-rigward tar-rwol passiv tar-rikorrenti kif ukoll fir-rigward tas-sehem żgħir tagħha fis-suq, u li jispjegaw għaliex hija ngħatat l-iżjed multa ħafifa fost il-multi imposti mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni.

171    L-allegazzjoni ta’ sitwazzjoni differenti minn dik ta’ l-impriżi l-oħra involuti fil-kartell, minħabba allegata oppożizzjoni ddikjarata għall-akkordji antikompetittivi, marbuta ma’ l-eżistenza ta’ imġiba dinamika fis-suq ikkonċernat, ma tidħolx fid-diskussjoni fuq l-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, iżda f'dik fuq l-eżistenza tal-ksur.

172    Ir-rikorrenti tallega, madankollu, li l-ammont finali tal-multa imposta mhuwiex proporzjonat mas-sehem żgħira tagħha fis-suq u mal-fatturat tagħha kemm dinji kif ukoll fis-suq ikkonċernat u li, għaldaqstant, hija ġiet ippenalizzata b’mod iżjed qawwi mill-impriżi ta’ daqs ikbar li kellhom rwol ta’ mexxejja fl-akkordju.

173    Għandu, l-ewwel nett, jiġi mfakkar li l-Kummissjoni mhijiex marbuta, meta tiddetermina l-ammont tal-multi skond is-serjetà u t-tul taż-żmien tal-ksur ikkonċernat, li tiżgura, fil-każ li jiġu imposti multi fuq numru ta’ impriżi involuti fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi għall-impriżi kkonċernati li għalihom iwassal il-kalkolu tagħha jirriflettu kull differenza bejniethom fir-rigward tal-fatturat dinji tagħhom jew tal-fatturat rilevanti tagħhom (is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar 'il fuq, punt 312).

174    It-tieni nett, għandu jiġi speċifikat li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ma jitlobx lanqas li, fil-każ li multi jiġu imposti fuq diversi impriżi involuti fl-istess ksur, l-ammont tal-multa imposta fuq impriża ta’ daqs żgħir jew medju ma jkunx ogħla, bħala perċentwali tal-fatturat, minn dak tal-multi imposti fuq impriżi akbar. Fil-fatt, jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li, kemm għall-impriżi ta’ daqs żgħir jew medju kif ukoll għall-impriżi ta’ daqs ikbar, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, biex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, is-serjetà u t-tul taż-żmien tal-ksur. Safejn il-Kummissjoni timponi, fuq l-impriżi involuti fl-istess ksur, multi ġġustifikati, għal kull waħda minnhom, fir-rigward tas-serjetà u tat-tul taż-żmien tal-ksur, ma tistax tiġi kkritikata minħabba li, għal uħud minnhom, l-ammont tal-multa jkun ogħla, fir-rigward tal-fatturat, minn dak ta’ impriżi oħra (is-sentenza Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, T-21/99, Ġabra p. II-1681, punt 203).

175    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rilevat li l-ammont finali tal-multi huwa biss ir-riżultat, f’dan il-każ, ta’ diversi kalkoli magħmula mill-Kummissjoni skond il-Linji gwida u, jekk ikun il-każ, skond il-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

176    Issa, il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tul taż-żmien tal-ksur, taċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti u tal-livell ta’ kollaborazzjoni ta’ impriża involuta f’kartell huma marbuta ma’ l-imġiba individwali ta’ l-impriża kkonċernata u mhux mas-sehem tagħha fis-suq jew mal-fatturat tagħha.

177    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ammont finali tal-multa ma jikkostitwixxix, a priori, element adatt sabiex jiġi stabbilit eventwali nuqqas ta’ proporzjonalità tal-multa fir-rigward ta’ l-importanza ta’ l-impriżi involuti fl-akkordju.

178    Min-naħa l-oħra, l-ammont inizjali tal-multa jikkostitwixxi, f’dan il-każ, element rilevanti sabiex jiġi evalwat eventwali nuqqas ta' proporzjonalità tal-multa, fir-rigward ta’ l-importanza tal-parteċipanti fl-akkordju.

179    Fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ffissat l-ammont inizjali tal-multa, ikkalkulat skond is-serjetà tal-ksur, għal EUR 0.45 miljun għar-rikorrenti.

180    Kif ġie spjegat, il-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni u sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l-importanza speċifika ta’ l-aġir illegali ta’ kull impriża involuta fil-kartell, u għalhekk ta’ l-effett reali tiegħu fuq il-kompetizzjoni, ikklassifikat l-impriżi kkonċernati f’erba’ kategoriji, preċiżament skond l-importanza relattiva tagħhom fis-suq ikkonċernat. Ir-rikorrenti ġiet ikklassifikata fl-aħħar kategorija.

181    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rreferiet għall-figuri tat-tielet kolonna tat-tabella Nru 1 li hemm fil-premessa 75 tad-Deċiżjoni:

Impriżi

Fatturat totali tad-destinatarji tad-Deċiżjoni fl-2001 (EUR)


Fatturat fil-qasam tal-gass fiċ-ċilindri u ta’ gass likwidu fl-Olanda (EUR) u ishma fis-suq stmati għall-1996

Hoek Loos [NV]

470 648 000

71 400 000 (39.7 %)

AGA Gas BV 1

55 479 000 2

49 200 000 (27,4 %)

[Air Products]

110 044 000

18 600 000 (10.4 %)

Air Liquide BV

60 720 000

12 900 000 ( 7.2 %)

[Messer]

11 275 000

8200000 ( 4.4 %)

[BOC]

6 690 905 000

6 800 000 ( 3.8 %)

[Westfalen]

5 455 000

2 600 000 ( 1.5 %)

1Wara l-istralċ ta’ AGA Gas BV fl-2000/2001, AGA AB aċċettat li tassumi r-responsabbiltà ta’ l-atti ta’ din l-aħħar, u għaldaqstant id-Deċiżjoni hija indirizzata lilha.

2 Is-sena 2000 hija l-aħħar sena tan-negozju kompleta li fir-rigward tagħha hija disponibbli informazzjoni fuq il-fatturat għal AGA Gas BV.

182    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li għas-sena ta’ referenza, ir-rikorrenti kellha l-iktar fatturat fis-suq ikkonċernat u sehem fis-suq baxx fost l-impriżi kollha destinatarji tad-Deċiżjoni, li jispjega u jiġġustifika l-klassifikazzjoni tagħha fl-aħħar kategorija u l-fatt li l-ammont inizjali huwa l-iżjed wieħed baxx minn dawk kollha stabbiliti mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-imsemmija impriżi. L-ammont inizjali stabbilit għar-rikorrenti huwa għaldaqstant oġġettivament iddivrenzjat meta mqabbel ma’ dawk stabbiliti għall-impriżi l-oħra.

183    Barra minn hekk, il-konnessjoni bejn il-fatturat fis-suq ikkonċernat magħmul mill-impriżi msemmija fit-tabella Nru 1 tad-Deċiżjoni u l-ammonti inizjali tal-multi stabbiliti mill-Kummissjoni għal kull waħda minnhom b'ebda mod ma turi li r-rikorrenti ġiet ittrattata b'mod sproporzjonat, peress li l-ammonti inizjali tal-multi jirrappreżentaw 17.3 % tal-fatturat fis-suq in kwistjoni għar-rikorrenti kontra 14 % għal Hoek Loos, 20.3 % għal AGA Gas, 13.98 % għal Air Products, 20.2 % għal Air Liquide, 14.6 % għal Messer, u 17.6 % għal BOC.

184    Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm il-multi ġew iffissati skond il-fatturat, magħmul fis-sena 1996, fis-suq tal-gass industrijali fl-Olanda, il-multa li ġiet imposta fuqha hija proporzjonalment simili għal dawk imposti fuq l-impriżi l-oħra meta l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju bl-ebda mod ma tista' tiġi mqabbla ma’ dik ta’ l-impriżi l-oħra. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-importanza minuri tar-rwol li kellha r-rikorrenti fil-ksur ipparagunat ma’ dak ta’ l-impriżi l-oħra ttieħed in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni bħala ċirkustanza attenwanti, bl-iskop li jitnaqqas l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuqha.

185    Jidher għaldaqstant li r-rikorrenti ma tistax validament tippretendi li l-ammont tal-multa imposta huwa sproporzjonat, peress li l-ammont inizjali tal-multa tagħha huwa ġġustifikat fid-dawl tal-kriterju kkunsidrat mill-Kummissjoni għall-evalwazzjoni ta’ l-importanza ta’ kull impriża fis-suq rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 71 iktar 'il fuq, punt 304).

186    Din l-aħħar konklużjoni tipprovdi wkoll il-bażi għaċ-ċaħda ta’ l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-paragun ma’ Hoek Loos u AGA fir-rigward tal-konnessjoni bejn l-ammont finali tal-multa u l-fatturat dinji, billi dan ta’ l-aħħar ma tteħidx in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni biex tevalwa s-serjetà tal-ksur u tiddetermina l-ammonti inizjali għall-kalkolu tal-multi.

187    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li r-rikorrenti ma ġabitx il-prova tan-natura allegatament diskriminatorja u/jew sproporzjonata tal-multa imposta u li l-ammont finali ta’ din il-multa huwa kompletament adegwat.

 Fuq it-talba għas-smigħ tas-Sur van den Heuij

188    Ir-rikorrenti titlob, fir-replika, li l-Qorti tal-Prim’Istanza tisma', bil-ġurament, lis-Sur van den Heuij. Fis-seduta, ir-rikorrenti speċifikat li din it-talba kienet ibbażata fuq l-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura dwar il-produzzjoni ta' provi.

189    Hemm lok li jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 44(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura u l-Artikolu 48(1) ta’ l-imsemmija Regoli, ir-rikors għandu jinkludi, jekk ikun il-każ, il-provi mressqa, u li, fir-replika jew fil-kontroreplika, il-partijiet jistgħu jippreżentaw provi ulterjuri li jsostnu l-argumenti tagħhom, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew ippreżentati tard. Għaldaqstant, il-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-provi mressqa wara li titressaq prova kuntrarja mill-kontroparti fir-risposta tagħha ma jaqgħux taħt ir-regola ta’ dekadenza prevista mill-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-produzzjoni ta' provi ġodda u għandha tinqara fid-dawl ta’ l-Artikolu 66(2) ta’ l-imsemmija Regoli li jipprovdu espressament li l-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-provi mressqa jibqgħu riżervati (is-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, punt 74 iktar 'il fuq, punti 71 u 72).

190    F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li jirriżulta mill-proċess li l-provi invokati mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha diġà kienu ssemmew fid-Deċiżjoni kif ukoll fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet jew ġew annessi magħha.

191    Għaldaqstant, it-talba li jinstema’ s-Sur van den Heuij ma tistax tiġi kkunsidrata bħala offerta ta' prova kuntrarja, li mhijiex suġġetta għar-regola ta’ dekadenza prevista mill-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura, billi r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tippreżenta din il-prova fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. L-offerta li jinstema’ x-xhud ifformulata fir-replika għandha għaldaqstant tiġi kkunsidrata bħala tardiva u, għalhekk, għandha tiġi miċħuda peress li r-rikorrenti ma ġġustifikatx għaliex offriet din il-prova tard.

 Fuq l-ispejjeż

192    Skond l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

193    Għandu jiġi rilevat, f’dan il-każ, li l-emenda tad-Deċiżjoni li saret fid-9 ta’ April 2003 ppermettiet li jiġi rettifikat l-Artikolu 1 tagħha fir-rigward tat-tul taż-żmien tal-ksur allegat fil-konfront tar-rikorrenti, peress li b'din l-emenda stess il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-fondatezza ta’ l-ilment imqajjem mir-rikorrenti fir-rikors tagħha li jikkonċerna l-punt meta beda l-perijodu tal-ksur li kien ġie inizjalment ikkunsidrat, jiġifieri Marzu 1994.

194    Fid-dawl ta’ din iċ-ċirkustanza u tal-fatt li r-rikors ġie miċħud, hemm lok li jiġi deċiż li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll tliet kwarti ta' dawk tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Westfalen Gassen Nederland BV għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll tliet kwarti ta’ dawk tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tbati kwart ta’ l-ispejjeż tagħha.

Vilaras

Dehousse

Šváby

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Diċembru 2006.

E. Coulon

 

       M. Vilaras

Reġistratur

 

       President

Werrej

L-isfond tal-kawża

Il-fatti li taw lok għall-kawża

Id-Deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq it-talba għall-annullament ta’ l-Artikoli 1 u 3 tad-Deċiżjoni

L-argumenti tal-partijiet

Fuq l-iffissar ta' żidiet fil-prezzijiet

Fuq l-iffissar tal-perijodi ta’ moratorju

Fuq l-iffissar ta’ prezzijiet minimi

Fuq it-tul taż-żmien tal-ksur

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-allegazzjoni li r-rikorrenti tbiegħdet pubblikament

– Fuq l-iffissar ta’ żidiet fil-prezzijiet u l-iffissar ta’ perijodu ta’ moratorju

– Fuq l-iffissar ta’ prezzijiet minimi għax-xerrejja ta’ kwantitajiet żgħar ta’ gass fiċ-ċilindri

Fuq it-tul taż-żmien tal-ksur

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

Fuq it-talba għal tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tul taż-żmien tal-ksur

Fuq in-natura allegatament diskriminatorja u/jew sproporzjonata tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

Fuq it-talba għas-smigħ tas-Sur van den Heuij

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.