Language of document : ECLI:EU:T:2006:389

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Diċembru 2006 (*)

“Politika Agrikola Komuni – Saħħa ta’ l-annimali – Enċifalopatija sponġiformi ta’ l-ifrat – Leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tas-saħħa ta’ l-annimali u tas-saħħa pubblika – Rikors għal ħlas ta’ kumpens – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Rabta kawżali – Vizzji fil-forma – Assoċjazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi – Inammisibbiltà”

Fil-kawża T‑304/01,

Julia Abad Pérez, residenti f’El Barraco (Spanja), u l-481 rikorrent ieħor li isimhom jidher fl-anness ta’ din is-sentenza,

Confederación de Organizaciones de Agricultores y Ganaderos, stabbilita f’Madrid (Spanja),

Unió de Pagesos, stabbilita f’Barċellona (Spanja),

irrappreżentati minn M. Roca Junyent, J. Roca Sagarra, M. Pons de Vall Alomar u E. Sagarra Trias, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn J. Carbery u F. Florindo Gijón, imbagħad minn M. Florindo Gijón u M. Balta, bħala aġenti,

u

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Berscheid u S. Pardo Quintillán, bħala aġenti, assistiti minn J. Guerra Fernández, avukat,

konvenuti,

li għandha bħala suġġett talba għal ħlas ta’ kumpens skond l-Artikolu 235 KE u t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 288 KE sabiex jinkiseb ħlas ta’ kumpens għad-dannu allegatament subit mir-rikorrenti minħabba xi atti u ommissjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, meta tfaċċat il-marda ta’ l-enċifalopatija sponġiformi ta’ l-ifrat fi Spanja,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. García-Valdecasas, President, J. D. Cooke u I. Labucka, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Frar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti huma 482 persuna Spanjola li jrabbu l-annimali ta’ l-ifrat – jiġifieri persuni speċjalizzati f’dan is-settur, imprizi tas-settur tat-trobbija u kooperattivi agrikoli li jiġbru flimkien impriżi differenti tas-settur ta’ l-ifrat –, sostnuti minn żewġ organizzazzjonijiet agrikoli stabbiliti skond id-dritt Spanjol, l-Unió de Pagesos u l-Confederación de Organizaciones de Agricultores y Ganaderos (iktar ’il quddiem is-"COAG").

2        L-enċifalopatija sponġiformi ta’ l-ifrat (iktar ’il quddiem il-"BSE"), marda magħrufa bħala l-"mad cow disease", tifforma parti minn grupp ta’ mard magħruf bħala enċifalopatija sponġiformi trażmissibbli, li huma kkaratterizzati minn diġenerazzjoni tal-moħħ u l-aspett ta’ sponża taċ-ċelluli nervużi fl-analiżi mikrosokopika. L-oriġini probabbli tal-BSE tkun modifika fil-preparazzjoni ta’ l-ikel destinat għall-ifrat u li jkun fih proteini ġejjin minn nagħaġ morda bil-marda magħrufa bħala "scrapie". It-trażmissjoni tal-marda tkun seħħet, prinċipalment, permezz ta’ l-inġestjoni ta’ ikel, b’mod partikolari għalf mitħun mil-laħam u l-għadam, li jkun fih l-aġent infettiv mhux eliminat, kif ukoll, f’ammont baxx, permezz tat-trażmissjoni fit-tqala. Il-marda hija kkaratterizzata minn perijodu ta’ inkubazzjoni ta’ bosta snin.

3        Il-BSE nstabet għall-ewwel darba fir-Renju Unit tal-Gran Brettanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq fl-1986. Skond ir-rapport speċjali Nru 14/2001 tal-Qorti ta’ l-Awdituri, tat-13 ta’ Settembru 2001, dwar il-BSE (ĠU C 324, p. 1), sal-31 ta’ Mejju 2001, kważi 180 000 każ ta’ BSE kienu ġew irreġistrati fil-bhejjem ta’ dan il-pajjiż, filwaqt li 1 738 każ kienu ġew ikkonfermati fil-kumplament ta’ l-Unjoni Ewropea. In-numru ta’ każijiet fir-Renju Unit wasal għal livell rekord fl-1992 u mbagħad niżel, filwaqt li, wara l-1996, ir-rata tal-BSE fil-kumplament ta’ l-Unjoni Ewropea żdiedet.

4        F’Lulju 1988, ir-Renju Unit iddeċieda, minn naħa, li jipprojbixxi l-bejgħ ta’ l-ikel destinat lil annimali li jixtarru u li jkun fihom proteini ta’ annimali li jixtarru u, min-naħa l-oħra, li dawk il-persuni li jrabbu l-annimali jkunu pprojbiti milli jitimgħu ikel bħal dan lill-annimali li jixtarru ["Ruminant Feed Ban", li tinsab fil-Bovine Spongiform Encephalopathy Order (1988, SI 1988/1039), sussegwentement emendata].

5        Wara Lulju 1989, l-istituzzjonijiet Komunitarji adottaw ukoll provvedimenti sabiex il-BSE tiġi ffaċċata. Il-parti l-kbira ta’ dawn il-miżuri ttieħdu fuq il-bażi tad-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE, tal-11 ta’ Diċembru 1989, dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (ĠU L 395, p. 13) u tad-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE, tas-26 ta’ Ġunju 1990, dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (ĠU L 224, p. 29), li jippermettu lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri ta’ salvagwardja meta jeżisti riskju għall-annimali jew għas-saħħa tal-bniedem.

6        B’hekk, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 89/469/KEE, tat-28 ta’ Lulju 1989, dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni kontra l-BSE fir-Renju Unit (ĠU L 225, p. 51), introduċiet ċertu numru ta’ restrizzjonijiet għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ l-ifrat imwielda fir-Renju Unit qabel ix-xahar ta’ Lulju 1988. Din id-deċiżjoni ġiet emendata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/59/KEE, tas-7 ta’ Frar 1990 (ĠU L 41, p. 23), li estendiet il-projbizzjoni li jiġu esportati ifrat mir-Renju Unit għall-ifrat kollha li għandhom aktar minn sitt xhur. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/261/KEE, tat-8 ta’ Ġunju 1990, li emendat id-Deċiżjoni 89/469 u d-Deċiżjoni 90/200/KEE li jistabbilixxu ħtiġijiet addizzjonali għal ċerti tessuti u organi għal dak li jikkonċerna l-BSE (ĠU L 146, p. 29), stabbilixxiet li l-osservanza ta’ dik il-projbizzjoni kellha tkun garantita billi titpoġġa marka speċjali fuq l-annimali u bl-użu ta’ sistema ta’ fajls kompjuterizzati li jippermettu l-identifikazzjoni ta’ l-annimali. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/134/KEE, tas-6 ta’ Marzu 1990 (ĠU L 76, p. 23), żiedet il-lista ta’ BSE mal-lista ta’ mard suġġetti għan-notifika permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE, tal-21 Diċembru 1982, dwar in-notifika ta’ mard ta’ l-annimali fil-Komunità (ĠU L 378, p. 58), billi stabbiliet l-obbligu li s-sorsi ġodda ta’ BSE li jkunu identifikati jiġu nnotifikati darba fil-ġimgħa.

7        Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/200/KEE, tad-9 ta’ April 1990, li tistabbilixxi ħtiġijiet addizzjonali għal ċerti tessuti u organi għal dak li jikkonċerna l-BSE (ĠU L 105, p. 24), introduċiet serje ta’ miżuri intiżi sabiex jillimitaw il-kummerċ intra-Kommunitarju bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri l-oħra ta’ ċerti tessuti u organi – moħħ, mudullun tad-dahar, tunsilli, timu, milsa u msaren – provenjenti minn annimali ta’ l-ispeċi ta’ l-ifrat, b’mod partikolari dawk provenjenti mill-ifrat li għandhom aktar minn sitt xhur meta nqatlu. It-trażmissjoni ta’ tessuti u organi oħra mhux destinati għall-konsum mill-bniedem ġiet wkoll ipprojbita u ġie stabbilit ukoll li kull ifrat li dwaru jkun hemm suspett kliniku ta’ BSE kellu jkun maqtul separatament u li moħħu kellu jkun eżaminat sabiex tiġi stabbilita l-marda. Jekk tkun ikkonfermata l-preżenza ta’ BSE, id-deċiżjoni kienet timponi d-distruzzjoni tal-karkassa u tal-ġewwieni ta’ l-annimal. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/290/KEE, ta’ l-14 ta’ Mejju 1992, dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni kontra l-BSE għal dak li jirrigwarda l-embrijoni ta’ l-ifrat fir-Renju Unit (ĠU L 152, p. 37), imponiet fuq l-Istati Membri kollha l-obbligu li jassiguraw li ma jesportawx lejn Stati Membri oħra embrijoni ta’ l-ispeċi ta’ l-ifrat provenjenti minn femmini li kienet ikkonfermata jew issuspettata fihom l-eżistenza tal-BSE. Għal dak li jikkonċerna r-Renju Unit, din id-deċiżjoni kienet tipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ embrijoni provenjenti minn annimali mwielda qabel it-18 ta’ Lulju 1988 u kienet timponi l-adozzjoni tal-miżuri neċessarji għall-identifikazzjoni ta’ l-annimali donaturi.

8        Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/381/KE, tas-27 ta’ Ġunju 1994, dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni relatati mal-BSE u l-ikel ibbażat fuq proteini li joriġinaw minn mammiferi (ĠU L 172, p. 23), ipprojbit, fil-Komunità kollha, l-użu ta’ proteini provenjenti minn mammiferi fl-ikel ta’ l-annimali li jixtarru; madankollu, l-Istati Membri li jkunu f’pożizzjoni li japplikaw sistema li tippermetti li ssir distinzjoni bejn proteini ta’ annimali li joriġinaw minn annimali li jixtarru minn dawk li ma joriġinawx minn annimali li jixtarru jistgħu jkunu awtorizzati mill-Kummissjoni sabiex tippermetti l-ikel ta’ l-annimali li jixtarru ma’ dawk tal-proteini li joriġinaw minn speċi oħra ta’ mammiferi. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/382/KE, tas-27 ta’ Ġunju 1994, dwar l-approvazzjoni ta’ sistemi alternattivi ta’ trattament bis-sħana għall-ipproċessar tal-ħmieġ ta’ l-annimali li jixtarru sabiex l-aġenti ta’ l-enċifalopatija sponġiformi ma jibqgħux attivati (ĠU L 172, p. 25), ippreċiżat il-mod kif jiġi pproċessat il-ħmieġ li joriġina minn annimali u li ma jistax jintuża għall-ikel ta’ l-annimali li jixtarru minħabba l-ineffikaċja tiegħu sabiex iwaqqaf l-attività ta’ l-aġenti infettivi tal-BSE u sabiex jiġu enumerati l-prodotti li ma jidhrux li jippreżentaw riskju ta’ trażmissjoni tal-marda u b’hekk ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet – ġelatina, ġlud, glandoli u organi għal użu farmaċewtiku, demm u prodotti tad-demm, ħalib, xaħam u grass ħafif u msaren.

9        Id-Deċiżjoni 94/474/KE tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni kontra l-BSE u li tħassar id-Deċiżjonijiet 89/469 u 90/200 (ĠU L 194, p. 96), biddlet il-perijodu li fih l-ebda każ ta’ BSE ma kellu jiġi kkonfermat fl-istabbiliment fejn l-ifrat ikunu ġew imrobbija sabiex ikun jista’ jiġi esportat il-laħam frisk ta’ dawn l-annimali mir-Renju Unit lejn Stati Membri oħra minn sentejn għal sitt snin. Din id-deċiżjoni pprojbit ukoll l-esportazzjoni mir-Renju Unit tal-materjali u prodotti kollha, koperti mid-Deċiżjoni 94/382, prodotti qabel l-1 ta’ Jannar 1995.

10      Fl-20 ta’ Marzu 1996, is-Spongiform Encephalopathy Advisory Committee (iktar ’il quddiem is-"SEAC"), organizzazzjoni xjentifika indipendenti responsabbli li tagħti pariri lill-gvern tar-Renju Unit fil-qasam tal-BSE, ħarġet komunikat li jirreferi għal għaxar każijiet ta’ varjant tal-marda ta’ Creutzfeldt-Jakob – marda newroloġika li toqtol il-bniedem –, li ġiet djanjostikata f’persuni ta’ 42 sena ’l fuq, u ppreċiżat li "għalkemm ma teżisti ebda prova diretta ta’ rabta […] l-ispjegazzjoni [f’dan l-istadju] l-aktar probabbli [kienet] li dawn il-każijiet [kienu] marbuta ma’ l-espożizzjoni għall-BSE qabel ma ddaħlet fis-seħħ, fl-1989, il-projbizzjoni ta’ ċerti ġewwieni tal-laħam ta’ l-ifrat speċifiċi".

11      Fl-istess jum, il-Ministru ta’ l-Agrikultura, tas-Sajd u ta’ l-Ikel tar-Renju Unit ħa d-deċiżjoni li minn naħa, jipprojbixxi l-provvista ta’ l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam li joriġina minn mammiferi, kif ukoll l-użu tagħhom fl-ikel destinat għall-annimali mrobbija, inklużi t-tjur, iż-żwiemel u l-ħut mrobbija, u, min-naħa l-oħra, il-bejgħ tal-laħam provenjenti mill-ifrat li għandhom aktar minn 30 xahar għall-konsum mill-bniedem. Fl-istess waqt, ċertu numru ta’ Stati Membri u ta’ pajjiżi terzi adottaw miżuri li jipprojbixxu l-importazzjoni ta’ l-ifrat jew tal-laħam ta’ l-ifrat provenjenti mir-Renju Unit jew, fir-rigward tal-miżuri meħuda minn ċerti pajjiżi terzi, ta’ l-Unjoni Ewropea.

12      Fit-22 ta’ Marzu 1996, il-kumitat xjentifiku veterinarju ta’ l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-"KXV") ikkonkluda li d-data disponibbli ma kinux jippermettu li tintwera t-trażmissibbiltà tal-BSE lill-bniedem. Madankollu, kif jirriżulta mill-eżistenza ta’ riskju bħal dan, il-KXV irrakkomanda li l-miżuri adottati mir-Renju Unit, dwar l-iddissussar tal-karkassi ta’ l-ifrat li għandhom aktar minn 30 xahar fi stabbilimenti approvati, ikunu implementati għal dak li jikkonċerna l-kummerċ intra-Kommunitarju u li l-Komunità tadotta l-miżuri xierqa dwar il-projbizzjoni ta’ l-użu ta’ għalf mitħun mil-laħam u l-għadam fl-ikel ta’ l-annimali.

13      Fis-27 ta’ Marzu 1996, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 96/239/KE dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza fil-qasam tal-protezzjoni kontra l-BSE (ĠU L 78, p. 47), li tipprojbixxi b’mod tranżitorju, it-trażmissjoni ta’ l-ifrat kollu u tal-laħam ta’ l-ifrat jew prodott miksub minnu, mit-territorju tar-Renju Unit lejn l-Istati Membri l-oħra u l-pajjiżi terzi. Din id-deċiżjoni tistabbilixxi b’mod partikolari li r-Renju Unit ma jibgħatx ’il barra mit-territorju tiegħu, fl-ewwel lok, annimali ta’ l-ifrat ħajjin, l-ispermi u l-embrijoni tagħhom; fit-tieni lok, il-laħam ta’ l-ispeċi ta’ l-ifrat maqtula fir-Renju Unit; fit-tielet lok, prodotti miksuba minn annimali ta’ l-ispeċi ta’ l-ifrat maqtula fir-Renju Unit, li jistgħu jidħlu fil-katina alimentari tal-bniedem jew ta’ l-annimali, u l-prodotti destinati għal użu mediku, kożmetiku jew farmaċewtiku, u, fir-raba’ lok, l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam provenjenti minn mammiferi. Kull ġimagħtejn, ir-Renju Unit kellu jibgħat rapport lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda fil-qasam tal-protezzjoni kontra l-BSE. Fl-aħħar nett, ir-Renju Unit kien mistieden jippreżenta proposti ġodda għall-kontroll tal-BSE fit-territorju tiegħu, peress li d-Deċiżjoni 96/239 kellha tiġi riveduta wara eżami ta’ l-elementi kollha li hija ssemmi.

14      Fis-26 ta’ April 1996, il-KXV ippreżenta opinjoni li fiha sostna li l-isperma ta’ l-ifrat ma kinitx tippreżenta riskju ta’ trażmissjoni tal-BSE, u kien favorevoli għall-miżuri meħuda mid-Deċiżjoni 92/290, filwaqt li kien qed jistenna t-tmiem ta’ l-istudji xjentifiċi dwar it-tixrid tal-marda permezz ta’ l-embrijoni, u ppreċiża l-proċessi ta’ fabbrikazzjoni li kellhom jintużaw għat-trattament tal-ġelatina u x-xaħam. Fil-11 ta’ Ġunju 1996, il-Kummissjoni, fuq il-bażi b’mod partikolari ta’ din l-opinjoni, adottat id-Deċiżjoni 96/362/KE li temenda d-Deċiżjoni 96/239 (ĠU L 139, p. 17), li neħħiet il-projbizzjoni ta’ l-esportazzjoni ta’ l-isperma ta’ l-ifrat u ta’ prodotti oħra, fosthom il-ġelatina, il-fosfat tad-dikalċju, l-amino aċidi u peptides, ix-xaħam u l-prodotti provenjenti mix-xaħam tagħhom mir-Renju Unit, bil-kundizzjoni, b’mod partikolari li huma jkunu ġew prodotti skond il-metodi deskritt fl-anness ta’ din id-deċiżjoni, fi stabbilimenti taħt kontroll veterinarju uffiċjali.

15      Fl-4 ta’ Lulju 1996, Spanja pprojbiet id-dħul fit-territorju tagħha ta’ ċerti organi u materjali b’riskju li kienu ġejjin mill-ifrat provenjenti minn Franza, mill-Irlanda, mill-Portugall u mill-Iżvizzera u imponiet l-obbligu tad-distruzzjoni tat-tessuti ta’ l-ifrat maqtula fi Spanja u ta’ dawk ġejjin minn dawn il-pajjiżi. Fid-9 ta’ Ottubru 1996, dik il-miżura ġiet estiża għal ċerti organi ta’ nagħaġ u mogħoż ġejjin mill-imsemmija pajjiżi u mir-Renju Unit, dan l-aħħar imsemmi ma kienx inkluż fil-lista oriġinali minħabba miżuri pprovduti fid-Deċiżjoni 96/239.

16      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/449/KE, tat-18 ta’ Lulju 1996, dwar l-approvazzjoni tas-sistemi ta’ trattament bis-sħana għall-ipproċessar tal-ħmieġ ta’ l-annimali sabiex l-aġenti tal-BSE ma jibqgħux attivati (ĠU L 184, p. 43) issostitwit id-Deċiżjoni 94/382, iċċitata iktar ’il fuq, u stabbiliet, b’effett mill-1 ta’ April 1997, parametri minimi għall-ipproċessar tal-ħmieġ ta’ l-annimali. Permezz tad-Deċiżjoni tagħha 97/735/KE, tal-21 ta’ Ottubru 1997, dwar il-miżuri ta’ protezzjoni għal dak li jikkonċerna l-kummerċ ta’ ċertu tip ta’ ħmieġ ta’ l-annimali mammiferi (ĠU L 294, p. 7), il-Kummissjoni pprojbit it-trasferiment lejn l-Istati Membri l-oħra u lejn pajjiżi terzi ta’ għalf mitħun mil-laħam u l-għadam tal-mammiferi li ma jkunx ġie prodott skond is-sistema stabbilita mid-Deċiżjoni 96/449.

17      Fit-18 ta’ Lulju 1996, il-Parlament Ewropew waqqaf kummissjoni temporanja ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-BSE. Fis-7 ta’ Frar 1997, din il-kummissjoni adottat rapport fuq l-allegazzjonijiet ta’ ksur jew amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju fil-qasam tal-BSE, mingħajr ħsara għall-kompetenzi tal-qrati Komunitarji u nazzjonali (iktar ’il quddiem ir-"rapport tal-kummissjoni ta’ investigazzjoni"). Dan ir-rapport kien jagħmel referenza għal tmexxija ħażina tal-kriżi tal-BSE mill-Kummissjoni, mill-Kunsill kif ukoll mill-awtoritajiet tar-Renju Unit u jikkritika l-operat tal-kumitati Komunitarji responsabbli mill-kwistjonijiet veterinarji u sanitarji. Fid-19 ta’ Frar 1997, il-Parlament adotta riżoluzzjoni fuq il-konklużjonijiet tal-kummissjoni temporanja ta’ investigazzjoni, fejn approva l-imsemmi rapport u fejn staqsa lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet ta’ l-Istati Membri sabiex jadottaw il-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet.

18      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/534/KE, tat-30 ta’ Lulju 1997, dwar il-projbizzjoni ta’ l-użu ta’ materjali li jippreżentaw riskji fir-rigward ta’ l-enċifalopatija sponġiformi trażmissibbli (ĠU L 216, p. 95), ipprojbiet l-użu ta’ materjali magħrufa bħala "b’riskju speċifiku" (iktar ’il quddiem l-"MRS"), jiġifieri, fl-ewwel lok, ir-ras, inkluż fiha l-moħħ u l-għajnejn, it-tunsilli u l-mudullun tad-dahar ta’ l-ifrat li għandhom aktar minn tnax-il xahar u tan-nagħaġ u tal-mogħoż li għandhom aktar minn tnax-il xahar jew li jkollhom sinna li tħalli toqba permanenti fil-ħanek, u, fit-tieni lok, il-milsa tan-nagħaġ u tal-mogħoż. Mid-dħul fis-seħħ ta’ dik id-deċiżjoni, kull użu tal-MRS huwa pprojbit, kif ukoll l-użu tas-sinsla vertebrali ta’ l-annimali ta’ l-ispeċi ta’ l-ifrat, nagħaġ u mogħoż għal kisba ta’ laħam separat mekkanikament. Barra minn hekk, il-MRS għandhom ikunu l-oġġett ta’ trattament speċifiku għad-distruzzjoni u għadhom ikunu maħruqa f’inċineratur, mingħajr ħsara għall-miżuri addizzjonali meħuda mill-Istati Membri għall-annimali maqtula fit-territorju tagħhom. Id-data prevista inizjalment għad-dħul fis-seħħ ta’ dik id-deċiżjoni tkun l-1 ta’ Jannar 1998, ġiet sussegwentement differita għat-30 ta’ Ġunju 2000. Madankollu, fid-29 ta’ Ġunju 2000 il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2000/418/KE li tirregola l-użu tal-materjali li jippreżentaw riskji fir-rigward ta’ l-enċifalopatija sponġiformi trażmissibbli u temenda d-Deċiżjoni 94/474 (ĠU L 158, p. 76) li tirrevoka u tissostitwixxi d-Deċiżjoni 97/534.

19      Fis-16 ta’ Marzu 1998, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 98/256/KE li tikkonċerna miżuri ta’ emerġenza biex ikun hemm protezzjoni kontra l-enċefalopatija sponġiformi ta’ l-ifrat, li temenda d-Deċiżjoni 94/474 u li tħassar id-Deċiżjoni 96/239 (ĠU L 113, p. 32), li tnaqqas il-projbizzjoni ta’ l-esportazzjoni mill-Irlanda ta’ Fuq ta’ ċertu laħam u prodotti bbażati fuq il-laħam ta’ l-ifrat, b’mod konformi mal-kundizzjonijiet ta’ sistema bażika fuq iċ-ċertifikazzjoni tal-merħliet (Export Certified Herds Scheme). Din id-deċiżjoni b’mod partikolari neħħiet il-projbizzjoni tat-trażmissjoni lejn Stati Membri oħra u ta’ l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi ta’ laħam ta’ l-ifrat bla għadam u prodotti abbażi ta’ laħam ta’ l-ifrat provenjenti minn annimali mwielda u mrobbija fl-Irlanda ta’ Fuq oriġinarji minn merħliet ċċertifikati bħala eżenti mill-BSE u maqtula fl-Irlanda ta’ Fuq f’biċċeriji użati esklużivament għal dan il-għan. Il-laħam għandu jiġi ddissussat fi kmamar fejn jinqata' l-laħam u maħżuna fi friżi fl-Irlanda ta’ Fuq, użati esklużivament għall-prodotti provenjenti minn dawn il-biċċeriji. Sussegwentement, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/351, tad-29 ta’ Mejju 1998 (ĠU L 157, p. 110), stabbilixxiet l-1 ta’ Ġunju 1998 bħala d-data sa minn meta jistgħu jibdew jintbagħtu l-prodotti ta’ l-ifrat mill-Irlanda ta’ Fuq.

20      Fil-25 ta’ Novembru 1998, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 98/692/KE dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza fil-qasam tal-protezzjoni kontra l-BSE (ĠU L 328, p. 28) li temenda d-Deċiżjoni 98/256 u tnaqqas il-projbizzjoni ta’ l-esportazzjoni mir-Renju Unit ta’ ċerti prodotti fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ l-awtorizzazzjoni tal-kunsinna fil-kuntest ta’ sistema ta’ esportazzjoni bbażata fuq id-data (Date-Based Export Scheme jew DBES). Dan huwa, b’mod partikolari, fir-rigward tal-prodotti segwenti: laħam frisk, ikkapuljat u preparazzjonijiet tal-laħam, prodotti tal-laħam u ikel intiż għal karnivori domestiċi, provenjenti minn annimali ta’ l-ifrat imwielda u mrobbija fir-Renju Unit u li ġew maqtula fir-Renju Unit fil-biċċeriji li mhumiex użati għall-qatla ta’ l-ifrat mhux eliġibbli. Annimal ta’ l-ispeċi ta’ l-ifrat ikun eliġibbli skond id-DBES jekk ikun imwieled u jkun ġie mrobbi fir-Renju Unit u jekk, fil-mument tal-qatla, ċertu numru ta’ kundizzjonijiet ikunu sodisfatti kollha – b’mod partikolari, l-annimal irid ikun jista’ jiġi identifikat, iridu jkunu jistgħu jiġu misjuba ommu u l-merħla tiegħu minn fejn joriġina; l-annimal għandu jkun ta’ aktar minn 6 xhur, iżda inqas minn 30 xahar; omm l-annimal trid tkun għexet ta’ l-inqas għal 6 xhur wara t-twelid tiegħu, ma jkunx kellha l-BSE u ma tkunx suspettata li kellha din il-patoloġija. Jekk annimal ippreżentat għall-qatla ma jkunx konformi ma’ dawn il-ħtiġijiet, huwa għandu jkun awtomatikament rifjutat u, fil-każ fejn l-esportazzjoni tkun diġà seħħet, l-awtorità kompetenti tal-post tad-destinazzjoni għandu jkun informat. Barra minn hekk, il-qatla ta’ l-annimali eliġibbli għandha sseħħ f’biċċeriji mhux użati għall-qatla ta’ annimali ta’ l-ispeċi ta’ l-ifrat li ma kinux eliġibbli. Id-data li għandhom jinġabru għall-bidu tal-kunsinna ta’ dawn il-prodotti ġew stabbiliti fl-1 ta’ Awwissu 1999 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/514/KE tat-23 ta’ Lulju 1999 (ĠU L 195, p. 42).

21      Id-Deċiżjoni 2000/418 finalment irregolat l-użu tal-MRS, fejn iddefiniet il-materjali ta’ l-ifrat, tan-nagħaġ u tal-mogħoż li għandhom ikunu mneħħija u distrutti wara l-1 ta’ Ottubru 2000, skond proċedura speċifika, destinata li tiggarantixxi li l-BSE ma tiġix trażmessa. Din id-deċiżjoni pprojbiet ukoll l-użu ta’ għadam tar-ras u tas-sinsla vertebrali ta’ dawn l-annimali f’ċerti każijiet u l-użu ta’ ċerti proċessi tal-qatla.

22      Bejn Novembru u Diċembru 2000, tfaċċaw bosta każijiet ta’ BSE f’bosta Stati Membri. Fit-22 ta’ Novembru 2000, l-ewwel każ ta’ mad cow tfaċċa fi Spanja. F’Novembru 2001, ġew djanjostikati 73 każ ta’ BSE fi Spanja.

23      Fl-4 ta’ Diċembru 2000, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2000/766/KE, dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta' l-enċifalopatija sponġiformi trażmissibbli u għall-użu ta’ proteini ta’ l-annimali fl-ikel ta’ l-annimali (ĠU L 306, p. 32), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2001 u li kienet timponi fuq l-Istati Membri l-projbizzjoni li jiġu użati proteini ta’ l-annimali ttrasformati f’ikel ta’ l-annimali tat-trobbija miżmuma, mħaxxna jew mrobbija għall-produzzjoni ta’ l-prodotti ta’ l-ikel. Minbarra dan, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq, il-kummerċ, l-importazzjoni provenjenti minn pajjiżi terzi u l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi ta’ proteini ta’ l-annimali destinati għal ikel ta’ l-annimali tat-trobbija, kif ukoll li jiġu rtirati dawn il-proteini mis-suq, miċ-ċirkwiti tad-distribuzzjoni u mill-imħażen li jinsabu fl-irziezet.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      Permezz ta’ rikors iddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-7 ta’ Diċembru 2001, ir-rikorrenti ressqu din il-kawża.

25      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-27 ta’ Frar 2002, il-Kummissjoni qajmet, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Permezz ta’ digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) tas-27 ta’ Ġunju 2002, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ġiet magħquda mal-mertu.

26      Fuq ir-rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza staqsiet bosta domandi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-konvenuti wieġbu għal dawn id-domandi fit-terminu mogħti.

27      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza instemgħu fis-seduta pubblika tal-15 ta’ Frar 2006.

28      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tiddikjara li l-Kunsill u l-Kummissjoni aġixxew b’mod illegali u minħabba dan il-fatt huma responsabbli, skond l-Artikolu 288 KE, għat-tixrid fit-territorju ta’ l-Unjoni Ewropea tal-kriżi tal-BSE u, konsegwentement, tal-ħsara allegata f’dan ir-rikors;

–        tikkundanna in solidum lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex iħallsu kumpens għad-dannu finanzjarju kkawżat lir-rikorrenti, ikkalkulat bħala li jammonta għal EUR 19 438 372,69, kif ukoll għad-dannu morali subit, ikkalkulat bħala li jammonta għal 15 % ta’ l-ammont imsemmi iktar ’il fuq, jiġifieri EUR 2 915 755,80;

–        tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jbatu l-ispejjeż.

29      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex :

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli;

–        fi kwalunkwe każ, tirrifjuta r-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

30      Il-Kunsill u l-Kummissjoni, konvenuti, iressqu tliet motivi ta’ inammissibbiltà. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ konformità tar-rikors ma’ l-Artikolu 44(1)(a) u ma’ l-Artikolu 44(5) tar-Regoli tal-Proċedura, minħabba vizzji fil-forma li jikkonċernaw l-identifikazzjoni tar-rikorrenti. It-tieni motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ konformità tar-rikors ma’ l-Artikolu 44(1)(ċ) u ma’ l-Artikolu 44(5) tar-Regoli tal-Proċedura, minħabba l-fatt li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li huwa bbażat fuqhom ir-rikors mhumiex ippreċiżati. It-tielet motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku ta’ l-Unió de Pagesos u tal-COAG sabiex iressqu kawża.

 Fuq l-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà, ibbażat fuq il-vizzji fil-forma li jikkonċernaw l-identifikazzjoni tar-rikorrenti

 L-argumenti tal-partijiet

31      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors ma jindikax l-indirizzi tar-rikorrenti. Skond l-Artikolu 44(1)(a) u l-Artikolu 44(6) tar-Regoli tal-Proċedura, dan in-nuqqas jammonta għal ksur tal-forom sostanzjali u dan ma jistax jiġi rregolarizzat.

32      Ir-rikorrenti jwieġbu li l-indirizzi tagħhom jidhru fil-karti tal-kalkolu annessi mar-rikors bħala anness separat. Fi kwalunkwe każ, l-identifikazzjonu ta’ l-indirizz mhijiex kundizzjoni essenzjali li tista’ twassal għall-inammissibbiltà tar-rikors u tista’ tiġi rregolarizzata.

33      Fit-tieni lok, il-konvenuti jsostnu li r-rikors ma jidentifikax korrettament lil persuni morali li jidhru fost ir-rikorrenti. B’mod partikolari, kuntrarjament għal dak li jeħtieġ l-Artikolu 44(5) tar-Regoli tal-Proċedura, ċerti persuni morali rikorrenti ma annettewx l-istat tagħhom u oħrajn ma ressqux prova li l-mandat mogħti lill-avukat kien ġie mogħti b’mod regolari minn rappreżentant ikkwalifikat għal dan il-għan. Fl-aħħarnett, il-Kunsill jirrimarka li uħud mir-rikorrenti ma pprovdewx awtorizzazzjoni favur l-avukati li għamlu r-rikors.

34      Ir-rikorrenti jsostnu li, skond l-Artikolu 44(5)(a) tar-Regoli tal-Proċedura, il-produzzjoni ta’ l-istatut tal-persuni morali hija biss waħda mill-modi possibbli ta’ kif tiġi ppruvata l-eżistenza ġuridika tagħhom, u għalhekk modi oħra ta’ prova huma wkoll ammissibbli. Madankollu, l-irċevuti oriġinali annessi mar-rikors, li fihom jidhru l-identità ta’ kull rikorrent, in-numru tiegħu ta’ identifikazzjoni fiskali u l-indirizz tiegħu, jagħtu prova suffiċjenti ta’ l-eżistenza tal-persuni morali in kwistjoni. Ir-rikorrenti, fi kwalunkwe każ, kienu annettew il-kopji awtentiċi ta’ l-atti ta’ kostituzzjoni u ta’ l-istatut tal-persuni morali flimkien ma’;l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Dwar l-allegat nuqqas min-naħa ta’ uħud mill-kumpanniji fir-rigward tal-mandat mogħti regolarment, ir-rikorrenti jsostnu li, f’bosta każijiet, il-prova ta’ l-awtorizzazzjoni tal-firmatarji tal-mandat tinsab fil-proċess, peress li jirriżulta mill-atti u mill-kuntratti li jikkostitwixxu l-kumpanniji pprovduti minnhom. Għall-kumpanniji inadempjenti, ir-rikorrenti kienu pproduċew, fil-proċedura bil-miktub, l-awtorizzazzjoni tal-mandat mogħti lill-avukati minn rappreżentant ikkwalifikat għal dan il-għan.

35      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni, li fin-nuqqas ta’ l-istatuti tagħhom, mhux possibbli li jiġi vverifikat l-għan tal-kumpanniji ta’ uħud mill-persuni morali li jidhru bħala rikorrenti. Fi kwalunkwe każ, l-għanijiet tal-kumpanniji ta’ uħud mill-persuni morali rikorrenti ma jippreżentaw l-ebda relazzjoni apparenti ma’ l-attivitajiet tat-trobbija. Madankollu, il-kumpanniji li ma jeżerċitawx attivitajiet ta’ produzzjoni jew ta’ bejgħ tal-laħam ta’ l-ifrat m’għandhomx interess ġuridiku li jaġixxu f’din il-kawża.

36      Ir-rikorrenti jsostnu li r-Regoli tal-Proċedura ma jimponux l-identifikazzjoni ta’ l-għan tal-kumpannija ta’ rikorrent. Fi kwalunkwe każ, mill-istatuti tagħhom jirriżulta inkontestabbilment li l-persuni kollha morali rikorrenti jeżerċitaw attività marbuta ma’ l-agrikoltura. Huma b’hekk għandhom interess ġuridiku li jaġixxu f’dan ir-rikors.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

37      Fl-ewwwl lok, fir-rigward ta’ l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ l-indirizzi tar-rikorrenti, huwa importanti li jingħad li l-Artikolu 44(1)(a) tar-Regoli tal-Proċedura jistabbilixxi li r-rikors għandu jinkludi l-isem u l-indirizz tagħhom. Għalkemm, f’dan il-każ partikolari, l-indirizzi tar-rikorrenti ma jidhrux fir-rikors stess, ma jonqosx li huma jidhru fid-dokumenti mehmuża bħala anness tagħhom. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti ressqu, bħala anness għall-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà lista ta’ l-indirizzi tagħhom. Għalhekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

38      Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ l-istatuti tal-kumpanniji rikorrenti, l-irregolarità ta’ l-awtorità u n-nuqqas tal-mandati ta’ l-avukati, jeħtieġ li jiġi nnotat li l-Artikolu 44(5)(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li, jekk ir-rikorrent huwa persuna morali skond id-dritt privat, huwa għandu jehmeż mar-rikors tiegħu, minn naħa, l-istatuti jew estratt riċenti tar-reġistru tal-kumpanniji, jew estratt riċenti tar-reġistru ta’ l-assoċjazzjonijiet jew il-provi l-oħra kollha ta’ l-eżistenza ġuridika tiegħu, u, min-naħa l-oħra, il-prova li l-mandat mogħti lill-avukat ngħata b’mod regolari minn rappreżentant ikkwalifikat għal dan il-għan. Madankollu, l-Artikolu 44(6) jipprovdi li jekk ir-rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet imsemmija, ir-rikorrent jista’ sussegwentement jirregolarizza r-rikors billi jissottometti d-dokumenti nieqsa. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, f’dan il-każ partikolari, ir-rikorrenti ppreżentaw matul il-proċedura, l-awtorizzazzjonijiet, l-istatuti u l-mandati li ma kinux ġew mehmuża inizjalment mar-rikorsi tagħhom. Dan l-ilment għandu għalhekk jiġi miċħud.

39      Fit-tielet lok, għal dak li jikkonċerna l-ilment ibbażat li fuq il-fatt li wħud mill-persuni morali ma indikawx l-għan tal-kumpannija tagħhom u tal-fatt li l-isem tal-kumpannija ta’ wħud minnhom ma kellhomx konnessjoni apparenti ma’ l-attivitajiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-laħam ta’ l-ifrat, hemm lok li jiġi nnotat li l-Artikolu 44(5) tar-Regoli tal-Proċedura jeżiġi biss li l-persuni morali jġibu prova ta’ l-eżistenza ġuridika tagħhom. Fil-kuntest ta’ rikors għal ħlas ta’ kumpens, l-interess li persuna morali taġixxi jiddependi inqas mid-dispożizzjonijiet ta’ l-istatut tagħha li jirrigwardaw l-għan tal-kumpannija tagħha milli mill-attivitajiet reali ta’ l-entità in kwistjoni, kif ukoll, b’mod aktar partikolari, mill-allegat dannu subit minnha minħabba dawn l-attivitajiet. Madankollu, f’dan il-każ partikolari, ir-rikorrenti ppreżentaw fatturi li jikkonċernaw l-attivitajiet tagħhom fit-trobbija ta’ l-ifrat, sabiex jiġu ġġustifikati t-tip u l-portata tad-dannu subit individwalment minn kull wieħed minnhom. Għalhekk ġie ppruvat li l-persuni morali rikorrenti kienu attivi f’dan is-settur. Konsegwentement, dan l-ilment għandu wkoll jiġi rrifjutat.

40      Fir-rigward ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li dan il-motiv ta’ inammissibbiltà jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv ta’ inammissibbiltà, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni ta’ l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

41      Il-Kummissjoni tfakkar li, skond l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta’ l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jkun fih is-suġġett tal-kawża u s-sunt tal-motivi mressqa. Rikors li l-għan tiegħu huwa ħlas ta’ kumpens għal danni kkawżati minn istituzzjoni Komunitarja li ma jipprovdix l-iċken element għal dak li jikkonċerna t-tip ta’ dannu allegat u lanqas għal dak li jikkonċerna l-mod ta’ kif d-dannu eventwalment subit kien ġie kkawżat mill-imġiba inkriminanti ta’ l-istituzzjoni konvenuta ma jissodisfax dawn il-ħtiġijiet (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Novembru 1996, Syndicat des producteurs de viande bovine et vs Il-Kummissjoni, T‑53/96, Ġabra p. II‑1579, punt 23).

42      Madankollu, f’dan il-każ partikolari, ir-rikors ma jesponix biċ-ċarezza meħtieġa l-imġiba allegatament illegali ta’ l-istituzzjonijiet konvenuti u ma tindikax ir-raġuni ta’ dik l-illegalità. Ir-rikors lanqas ma jippreċiża d-dispożizzjonijiet Komunitarji li minnhom jirriżulta l-obbligu li l-istituzzjonijiet jaġixxu li r-rikorrenti jqisu li ġew miksura. B’hekk, il-konvenuti ma kinux jafu liema kienu eżattament l-atti jew l-ommissjonijiet illeċiti li ġew akkużati bihom u b’hekk sabu ruħhom f’pożizzjoni li fiha ma kinux kapaċi jifformulaw korrettement id-difiża tagħhom. Bl-istess mod, ir-rabta kawżali bejn l-imġiba allegatament illeċita u l-allegat dannu ma ġietx ippreċiżata b’mod suffiċjenti. Fil-fatt, ir-rikors ma jippreċiżax liema miżuri Komunitarji kienu pprovokaw il-BSE fi Spanja, ma jidentifikax il-prodotti jew materjali li l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom ipprovokat il-marda u ma jippreċiżax ir-relazzjoni bejn il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti u l-leġiżlazzjoni Komunitarja li awtorizzat l-importazzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom.

43      Ir-rikorrenti jsostnu li r-rikors jippermetti li jiġi identifikat is-suġġett tal-kawża u l-motivi u l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt li fuqhom huwa bbażat. Huwa fih tabella li tippreżenta l-azzjonijiet u n-nuqqas ta’ azzjonijiet li l-istituzzjonijiet qed jiġu akkużati bihom u li huwa sostnut li jikkawżaw dannu lill-persuni li jrabbu l-annimali ta’ l-ifrat. Bl-istess mod, il-materjalità tad-dannu subit hija debitament ippruvata bl-irċevuti ppreżentati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

44      Skond l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta’ l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi mressqa. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ li sabiex rikors ikun ammissibbli, l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li jkun ibbażat fuqhom jirriżultaw, għal inqas sommarjament, iżda b’mod koerenti u li jiftiehem, mit-test stess tar-rikors (digrieti tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Novembru 1993, Koelman vs Il-Kummissjoni, T‑56/92, Ġabra p. II‑1267, punt 21, u ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Goldstein vs Il-Kummissjoni, T‑262/97, Ġabra p. II‑2175, point 21). Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex jiġu sodisfatti dawn il-ħtiġijiet, rikors għal ħlas ta’ kumpens għal dannu kkawżat minn istituzzjoni Komunitarja għandu jkun fih l-elementi li jippermettu li tiġi identifikata l-imġiba li r-rikorrent jattribwixxi lill-istituzzjoni, ir-raġunijiet li għalihom huwa jqis li teżisti rabta kawżali bejn l-imġiba u d-dannu li huwa jallega li subixxa kif ukoll il-karattru u d-daqs tad-dannu (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 1996, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T‑387/94, Ġabra p. II‑961, punt 107, u d-digriet Syndicat des producteurs de viande bovine et vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 22).

45      Madankollu, f’dan il-każ partikolari, ir-rikors jissodisfa l-ħtiġijiet imsemmija iktar ’il fuq. Fil-fatt, fl-ewwel lok, huwa jidentifika l-azzjonijiet u n-nuqqas ta’ azzjonijiet attribwiti lill-istituzzjonijiet konvenuti, kif ukoll id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji li ġew miksura minn dawn ta’ l-aħħar. Fit-tieni lok, ir-rikors jispjega fid-detall il-karattru u l-portata tad-dannu allegatament subit mir-rikorrenti, u jikkwantifika l-imsemmi dannu għal kull wieħed minnhom. Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, ir-rikorrenti jesponu r-raġunijiet li għalihom huma jikkunsidraw li teżisti rabta kawżali bejn l-imġiba attribwita lill-Kunsill u l-Kummissjoni u d-danni li huma juru li subew.

46      B’hekk, hemm lok li jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura huma sodisfatti f’dan il-każ partikolari.

47      Konsegwentement, hemm lok li dan l-argument ta’ inammissibbiltà jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv ta’ inammissibbiltà, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku ta’ l-Unió de pagesos u tas-COAG li jressqu kawża

48      Il-Kunsill jikkontesta l-pożizzjoni proċedurali ta’ l-Unió de Pagesos u tal-COAG, li tikkonsisti f’li "isostnu" lir-rikorrenti. Skond ir-Regoli tal-Proċedura, l-uniku mod sabiex persuna jew assoċjazzjoni tista’ ssostni l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti tkun it-talba għal intervent. Madankollu, dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet ma ressqux talba bħal din. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha tafferma li ma tafx x’portata r-rikorrenti għandhom l-intenzjoni li jagħtu lil intervent ta’ l-Unió de Pagesos u lil COAG f’din il-proċedura. Hija tikkontesta, fi kwalunkwe każ, l-interess ġuridiku ta’ dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet li jressqu kawża, meta huma ma urewx li qed jaġixxu f’isem il-membri tagħhom.

49      Ir-rikkorenti jsostnu li l-interess ġuridiku ta’ l-Unió de Pagesos u tal-COAG li jressqu kawża tirriżulta mid-dannu subit minn dawn l-organizzazzjonijiet, li huwa kompost mit-total ta’ danni subiti mill-membri tagħhom u mid-danni morali subiti minnhom personalment. L-Unió de Pagesos u l-COAG mhumiex jippruvaw jiksbu kumpens finanzjarju, iżda morali, b’mod partikolari li tara li tiġi kkonstatata l-azzjoni insuffiċjenti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji fil-ġestjoni tal-kriżi tal-BSE. Il-preżenza tagħhom m’għandha l-ebda għan ieħor ħlief li jsostnu lill-membri tagħhom.

50      Fis-seduta, l-Unió de Pagesos u s-COAG ippreċiżaw li huma kellhom l-intenzjoni li jipparteċipaw f’din il-proċedura bħala partijiet intervenjenti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, skond l-Artikoli 115 u 116 tar-Regoli tal-Proċedura, moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 40 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull persuna jew assoċjazzjoni li jixtiequ jintervjenu f’kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tippreżenta talba għal intervent permezz ta’ att separat.

51      F’dan il-każ partikolari, l-Unió de Pagesos u l-COAG ma ssodisfawx il-formalità msemmija iktar ’il fuq. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, konsegwentement, ma tistax tagħraf fihom il-kwalità ta’ partijiet intervenjenti għall-finijiet tal-proċedura preżenti.

52      Il-Qorti tal-Prim’Istanza, min-naħa l-oħra, issostni li dritt li wieħed jaġixxi skond l-Artikolu 288 KE huwa rikonoxxut lil assoċjazzjonijiet professjonali fil-każ biss huma jistgħu jressqu kawża quddiem il-qorti jew ikollhom interess proprju distint minn dak tal-membri tagħhom jew ikollhom dritt għal ħlas ta’ kumpens li ġie ċedut lilhom minn persuni oħra (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 1998, Coldiretti et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T‑149/96, Ġabra p. II‑3841, punt 57; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 1995, Exporteurs in Levende Varkens et vs Il-Kummissjoni, T‑481/93 et T‑484/93, Ġabra p. II‑2941, punti 76 u 77).

53      F’dan il-każ partikolari, minn naħa, l-Unió de Pagesos u l-COAG ma jinvokawx trasferiment tad-drittijiet jew ta’ mandat espliċitu li jawtorizzahom li jippreżentaw talba għal ħlas ta’ kumpens għad-danni subiti mill-membri tagħhom. Min-naħa l-oħra, dawn l-organizzazzjonijiet jippreċiżaw li huma m’għandhomx l-għan li jiksbu kumpens finanzjarju, iżda li d-dannu li huma subew huwa magħmul mit-total tad-danni kollha subiti mill-membri tagħhom u mid-dannu morali subit minn dawn l-organizzazzjonijiet stess. Madankollu dan l-allegat dannu morali proprju għal dawn l-assoċjazzjonijiet ma ġiex sostanzjat.

54      Minn dan isegwi li f’dan il-każ partikolari, l-Unió de Pagesos u l-COAG ma jiġġustifikaw ebda interess ġuridiku li jressqu l-kawża.

55      Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli għal dak li jikkonċerna dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet agrikoli.

 Fuq il-meritu

 L-argumenti tal-partijiet

56      Ir-rikorrenti jsostnu li l-kundizzjonijiet li jagħtu d-dritt għall-kumpens fuq il-bażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji skond l-Artikolu 288 KE, jiġifieri l-eżistenza ta’ att illeċitu jew ta’ mġiba illegali attribwibbli lil istituzzjoni Komunitarja, ta’ dannu reali u ta’ rabta kawżali bejn l-att illeċitu u l-allegat dannu, iseħħu flimkien f’dan il-każ partikolari. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill u l-Kummissjoni adottaw, bejn l-1990 u l-2000, normi u miżuri insuffiċjenti, żbaljati, inadegwati u tard sabiex tiġi ffaċċjata l-marda tal-BSE u li, minħabba dan il-fatt, dawn l-istituzzjonijiet huma responsabbli għat-tixrid ta’ dik il-marda f’bosta Stati Membri, fosthom Spanja, li kkawża danni sostanzjali lir-rikorrenti, b’mod partikolari minħabba l-waqgħa fil-konsum tal-laħam ta’ l-ifrat u tal-waqgħa fil-prezz tiegħu f’dan il-pajjiż.

57      Il-konvenuti jsostnu li l-imġiba tagħha fir-rigward tal-BSE qatt ma kienet illeċita u li, fi kwalunkwe każ, ma teżisti l-ebda rabta kawzali bejn din l-imġiba u l-allegat dannu.

 1. Fuq l-eżistenza ta’ imġiba illegali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

58      Ir-rikorrenti jsostnu li l-istituzzjonijiet konvenuti kisru l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tas-saħħa ta’ l-annimali u s-saħħa pubblika, kif ukoll il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ prekawzjoni, li jifformaw regoli superjuri ta’ dritt li jipprotegu lill-individwi. Huma jirrimarkaw li l-ommissjonijiet ta’ dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jkunu r-responsabbiltà tal-Komunità meta huma jkunu kisru obbligu legali li jaġixxu li jirriżulta minn dispożizzjoni Komunitarja (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 1995, Odigitria vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T‑572/93, Ġabra p. II‑2025, punt 35).

59      Il-konvenuti jsostnu li l-imġiba illeċita li r-rikorrenti jattribwulhom tirrigwarda qasam ta’ l-attività leġiżlattiva tagħhom, li fiha r-responsabbiltà tal-Komunità tqum biss b’mod eċċezzjonali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Ottubru 1979, Ireks-Arkady vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, 238/78, Ġabra p. 2955, punt 9) u fi preżenza ta’ regola għola ta’ dritt li tipproteġi lill-individwi (sentenza Exporteurs in Levende Varkens et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81). Meta huma jgawdu diskrezzjoni wiesgħa għall-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv, ir-responsabbiltà tal-Komunità teħtieġ, minbarra dan, li l-ksur ikun serju, jiġifieri, li huwa jkollu karattru manifest u gravi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Mejju 1978, HNL et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, 83/76, 94/76, 4/77, 15/77 u 40/77, Ġabra p. 1209, punt 6). B’hekk huwa neċessarju li l-istituzzjoni kkonċernata tkun injorat b’mod gravi l-limiti imposti fuq l-eżerċizzju tal-poteri tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 1982, Kind vs KEE, 106/81, Ġabra p. 2885, punt 12). Il-prova ta’ illegalità bħal din għandha tkun imressqa mir-rikorrenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C‑146/91, Ġabra p. I‑4199, punti 43 u 44). Madankollu, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma wettqu l-ebda illegalità fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-BSE.

–       Fuq il-ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tas-saħħa ta’ l-annimali u tas-saħħa pubblika

60      Ir-rikorrenti jsostnu li meta tfaċċat il-BSE, il-Kunsill u l-Kummissjoni kienu jiddisponu minn bażi legali suffiċjenti sabiex jadottaw l-istrumenti legali neċessarji sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-marda. Fl-ewwel lok huma jinvokaw il-kompetenzi fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa ta’ l-annimali, previsti fl-Artikoli 32 KE et seq, dwar il-politika agrikola komuni, u għar-regolamenti li jistabbilixxu l-OKS fis-setturi tal-ħnieżer u ta’ l-ifrat. Ir-rikorrenti jagħmlu wkoll referenza għall-Artikolu 100 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 94 KE), bażi legali ġenerali li tippermetti li jiġu adottati d-direttivi neċessarji għal operat tajjeb tas-suq komuni. Minbarra dan, id-Direttiva 89/662 timponi fuq il-Kummissjoni obbligu li ssegwi l-programmi ta’ verifika implemenati mill-awtoritajiet nazzjonali, kif ukoll tat-twettiq ta’ spezzjonijiet fuq il-post sabiex tiġi assigurata l-effiċjenza ta’ dawn il-kontrolli. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jinvokaw il-kompetenzi Komunitarji fil-qasam tas-saħħa pubblika, espressament rikonoxxuti fit-Trattat ta’ Maastricht u estiżi mit-Trattat ta’ Amsterdam (Artikolu 152 KE). Il-protezzjoni tas-saħħa pubblika tammonta għal interess pubbliku perentorju u għandha tingħata importanza akbar meta mqabbla mal-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1996, Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C‑180/96 R, Ġabra p. I‑3903, punti 91 sa 93, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 1997, Affish, C‑183/95, Ġabra p. I‑4315, punti 43 u 57).

61      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni u l-Kunsill kisru l-leġiżlazzjoni Komunitarja fl-oqsma tas-saħħa ta’ l-annimali u tas-saħħa pubblika. Sabiex isostnu din it-teżi, huma jinvokaw ir-rapport tal-kummissjoni ta’ investigazzjoni, li fih il-Parlament ikkonkluda li l-Kunsill u l-Kummissjoni kienu responsabbli għall-kriżi tal-BSE. Fir-rigward b’mod partikolari tal-Kummissjoni, l-imsemmi rapport fih il-kritiki segwenti: is-sospensjoni tal-missjonijiet ta’ spezzjoni veterinarja fir-Renju Unit bejn l-1990 u l-1994; in-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn id-direttorati ġenerali kompetenti differenti; in-nuqqas ta’ trasparenza fl-operat tal-KXV, is-sub-grupp BSE tagħha li ġie kważi dejjem presedut minn membru ta’ nazzjonalità Brittanika u magħmula minn bosta xjenzati ta’ dik in-nazzjonalità; il-fatt li ma ggarantietx l-eżekuzzjoni korretta ta’ verifiki veterinarji u lanqas ma osservat l-obbligi previsti mid-Direttiva 89/662, u d-dewmien u l-ineffiċjenza tal-leġiżlazzjoni adottata fuq l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam. Ir-rikorrenti jippreċiżaw li r-rikors huwa indirizzat kontra l-Kunsill u l-Kummissjoni peress li l-kompetenzi li kellhom jiġu eżerċitati sabiex tiġi ffaċċata l-kriżi tal-BSE kienet diviża bejn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet. L-imġiba attribwita lill-Kunsill tikkonsisti b’mod partikolari fin-nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ l-Artikolu 152(4)(b) u (ċ) KE u tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/662 kif ukoll fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 98/256, li tneħħi l-embargo impost kontra r-Renju Unit. Għal dak li jirrigwarda l-Kummissjoni, hija qed tiġi partikolarment ikkritikata li ma eżerċitatx l-kompetenzi ta’ eżekuzzjoni, ta’ sorveljanza u ta’ spezzjoni previsti fid-Direttivi 89/662 u 90/425.

62      Il-konvenuti jsostnu li huma dejjem aġixxew fl-osservanza stretta tal-legalità u b’riżoluzzjoni, fil-limiti tal-kompetenzi rispettivi tagħhom u billi adattaw l-azzjoni tagħhom skond l-għarfien xjentifiku disponibbli dwar l-epidemiji u skond il-konsegwenzi tagħhom għas-saħħa pubblika u ta’ l-annimali. Huma jsostnu li huma jgawdu minn diskrezzjoni wiesgħa, kemm fil-qasam tal-politika agrikola komuni kif ukoll fl-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 152 KE. Fir-rigward, aktar preċiżament, tal-ġlieda kontra l-BSE, il-ġurisprudenza kienet irrikonoxxiet li l-istituzzjonijiet għandhom diskrezzjoni kbira fl-adozzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, National Farmers’Union et, C‑157/96, Ġabra p. I‑2211, punti 61 et seq, u r-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C‑180/96, Ġabra p. I‑2265, punt 37).

63      Il-konvenuti jsostnu wkoll li l-"omissjonijiet" tagħhom ma jistgħux ikunu r-responsabbiltà tal-Komunità ħlief safejn huma jiksru obbligu legali li jaġixxu li jirriżulta minn dispożizzjoni Komunitarja (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Diċembru 2001, Area Cova et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T‑196/99, Ġabra p. II‑3597, punt 84). Madankollu, l-Artikolu 152(4)(b) u (ċ) KE jillimita ruħu li jistabbilixxi l-għanijiet tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika, mingħajr ma jiddefinixxi obbligu legali li wieħed jaġixxi. Bl-istess mod, id-Direttivi 89/662 u 90/425 jattribwixxu, prinċipalment, ir-responsabbiltà ta’ l-ispezzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali u ta’ l-ispezzjoni tal-prodotti ta’ l-annimali lill-Istati Membri (digriet Renju Unit vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punti 53 u 54), u lill-Kummissjoni jagħtiha biss poteri ta’ sorveljanza. Fil-fatt, ir-responsabbiltà tal-verifika effettiva ta’ l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja taqa’ fuq l-Istati Membri, u r-rwol tal-Kummissjoni huwa essenzjalment li tivverifika li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu konformi ma’ dak l-obbligu, kif kien wera r-rapport konsolidat finali ppreżentat lill-kummissjoni temporanja ta’ investigazzjoni tal-Parlament ta’ l-20 ta’ Ottubru 1997 [COM (97) 509 final, p. 5].

64      Ir-rikorrenti jippreċiżaw il-kritiki tagħhom fuq l-imġiba ta’ l-istituzzjonijiet fejn jiddistingwu tliet perijodi kbar. L-ewwel perijodu jibda mill-iskoperta tal-BSE, f’nofs is-snin tmenin, sa l-1994, mument meta l-Kummissjoni, billi pprojbiet l-użu ta’ l-għalf li joriġina mill-annimali, kienet iffaċċat għall-ewwel darba l-kawżi tal-marda. Dak l-istadju huwa kkaratterizzat min-nuqqas ta’ azzjoni ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji, kemm fuq livell leġiżlattiv kif ukoll fuq livell ta’ l-obbligi tagħhom ta’ sorveljanza u ta’ spezzjoni. It-tieni perijodu huwa bejn l-1994 u l-1998 u huwa mmarkat minn azzjoni nettament insuffiċjenti, tard u inkoerenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill sabiex tinqered il-marda, peress li dawn l-istituzzjonijiet kienu adottaw miżuri spiss kontradittorji u li jinjoraw l-opinjonijiet xjentifiċi disponibbli. It-tielet perijodu huwa mill-1998 sa l-2000 u huwa kkaratterizzat minn imġiba passiva ta’ l-istituzzjonijiet u minn tnaqqis tal-verifiki u ta’ l-ispezzjonijiet, u b’hekk kien possibbli li jitfaċċaw ammonti kbar ta’ każijiet ġodda f’Novembru 2000.

65      Aktar preċiżament, ir-rikorrenti jsostnu li, għalkemm mill-1989 il-Kummissjoni kienet taf bl-eżistenza ta’ bosta sorsi ta’ BSE fir-Renju Unit kif ukoll tar-riskji kbar ta’ trażmissjoni ta’ dik il-marda, l-istituzzjonijiet Komunitarji naqsu għal bosta snin milli jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji sabiex jiġi evitat it-tixrid tagħha. Għalhekk, bejn l-1990 u l-1994 l-attività leġiżlattiva Komunitarja fil-qasam tal-BSE kienet ġiet prattikament sospiża peress li l-Kunsill ma żamm l-ebda diskussjoni dwar din il-marda. Ir-rikorrenti jikkritikaw ukoll lill-Kummissjoni li injorat il-kompetenzi ta’ sorveljanza li legalment huma r-responsabbiltà tagħha, b’mod partikolari li ma ħaditx il-miżuri ta’ salvagwardja u ta’ spezzjoni previsti mid-Direttivi 89/662 u 90/425. Hekk kif jirriżulta mir-rapport tal-kummissjoni ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni, f’dak il-perijodu, anki ssospendiet l-missjonijiet tagħha ta’ spezzjoni veterinarja fir-Renju Unit. Fl-aħħar nett, bosta noti interni fformulati fl-1990 fi ħdan il-Kummissjoni juru li, f’dik l-epoka, kienet issuġġerita biss politika ta’ nuqqas ta’ informazzjoni.

66      Il-Kummissjoni ssostni li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jistgħux jiġu akkużati b’nuqqas ta’ viġilanza jew bi ksur ta’ l-obbligi legali li jaġixxu, li huma allegatament marbuta li jwettqu. Hija tfakkar li l-legalità ta’ att għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data li fiha l-imsemmi att ġie adottat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7). Konsegwentement, l-fatt jekk il-miżuri adottati jkunux adegwati għandu jiġi analizzat fir-rigward tal-konoxxenzi xjentifiċi disponibbli fiż-żmien meta jiġu adottati. Madankollu, wara l-pubblikazzjoni, fi Frar 1989, tar-"rapport Southwood" li jieħu in kunsiderazzjoni l-ewwel każijiet ta’ BSE fir-Renju Unit, l-istituzzjonijiet Komunitarji kienu talbu lill-KXV u lill-gruppi xjentifiċi sabiex jippronunċaw ruħhom fuq il-problemi differenti marbuta mal-marda u kienu wkoll iffinanzjaw ir-riċerka f’dan il-qasam. Madankollu, ix-xjenzati kienu kkunsidraw għal żmien twil li t-trażmissjoni tal-marda lill-bniedem kienet improbabbli ħafna. Din kienet l-informazzjoni li ħarġet mill-komunikat tas-SEAC ta’ l-20 ta’ Marzu 1996 li minħabba fih kien neċessarju li jiġu adottati l-miżuri ta’ emerġenza li huma s-suġġett tad-Deċiżjoni 96/239.

67      Il-Kummissjoni tosserva li, sakemm il-possibbiltà tat-trażmissjoni tal-BSE lill-bniedem tkun sempliċi ipoteżi xjentifika, hija qieset li seta’ jinstab bilanċ adegwat bejn l-interessi ta’ l-operaturi tas-settur u dawk tal-konsumaturi permezz tal-projbizzjoni li jiġi esportati mir-Renju Unit ifrat ħajjin li kellhom aktar minn sitt xhur u serje sħiħa ta’ prodotti li jistgħu jittrażmettu l-marda. Barra minn hekk, skond il-Kummissjoni, għalkemm hija setgħet, f’ċerti kundizzjonijiet, twettaq spezzjonijiet, hija ma kinitx marbuta li tagħmel dan. Fi kwalunkwe każ, wara l-1990, twettqu ħafna żjarat ta’ spezzjoni fir-Renju Unit.

68      Ir-rikorrenti jikkritikaw partikolarment id-dewmien min-naħa ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji sabiex jipprojbixxu l-użu ta’ l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam fl-ikel ta’ l-annimali mrobbija, meta jkun ikkunsidrat li dan jikkostitwixxi l-mezz prinċipali ta’ trażmissjoni tal-marda. Huma josservaw ukoll li, fl-1989, ir-Renju Unit ipprojbixxa l-użu ta’ dan l-għalf fl-ikel ta’ l-annimali, mingħajr ma pprojbixxa l-produzzjoni jew l-esportazzjoni. B’hekk il-bejgħ ta’ għalf mir-Renju Unit lil Stati Membri oħra kien qabeż minn 12 500 tunellata fl-1988 għal 25 000 tunnellata fl-1989. Madankollu, il-Kummissjoni damet sa Lulju 1994 sabiex tipprojbixxi l-użu tal-proteini tal-mammiferi fl-ikel ta’ l-annimali li jixtarru permezz tad-Deċiżjoni 94/381. Dan id-dewmien wassal sabiex il-każijiet tal-BSE naqsu fir-Renju Unit, iżda żdiedu fl-Istati Membri l-oħra. Barra minn hekk, dik id-deċiżjoni kienet ipprojbiet biss l-użu tal-proteini tat-tessuti li joriġinaw minn mammiferi fl-ikel ta’ l-annimali li jixtarru. Din il-projbizzjoni parzjali ta’ għalf kienet ulterjurament il-kawża tal-kontaminazzjoni mħallta u, għalhekk, tat-tixrid tal-marda. Il-projbizzjoni assoluta ta’ l-użu tal-proteini ta’ l-annimali fl-ikel ta’ l-annimali tat-trobbija seħħet biss bid-Deċiżjoni 2000/766.

69      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jikkonstataw li l-Parlament talab, sa mill-1993, l-applikazzjoni ta’ proċess stabbilit ta’ trasformazzjoni ta’ ħmieġ ta’ l-annimali provenjenti mill-mammiferi sabiex jiġi ggarantit li l-aġenti tal-BSE ma jibqgħux attivi, iżda li xejn ma sar f’dan ir-rigward sad-Deċiżjoni 96/449, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ April 1997. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-istituzzjonijiet Komunitarji li rreaġixxew tard għar-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta’ esperti li ġie mlaqqa’ mill-Organizzazzjoni Mondjali tas-Saħħa (OMS) f’April 1996 u għall-konklużjoni tal-KXV ta’ Ottubru 1996 fuq in-neċessità li jiġu eliminati l-MRS mill-ktajjen alimentari kollha. Fil-fatt, id-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni ta’ l-użu ta’ kull tip ta’ MRS, introdott inizjalment permezz tad-Deċiżjoni 97/534, kienet ġiet sussegwentement ittardjata mill-Kummissjoni u mill-Kunsill b’kważi tliet snin, peress li din il-projbizzjoni kienet ġiet applikata biss mill-1 ta’ Ottubru 2000 bid-Deċiżjoni 2000/418.

70      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma pproduċew l-ebda rapport xjentifiku qabel id-data ta’ l-adozzjoni tal-miżuri in kwistjoni li kienu juru li dawk kienu inadegwati jew insuffiċjenti. Hija tippreċiża li l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 94/381 kienet konformi ma’ l-opinjoni tal-kumitat permanenti, li kollox juri li, f’dak iż-żmien, il-proteini li joriġinaw minn tessuti ta’ l-annimali li jixtarru kienu kkunsidrati bħala li kienu l-uniku sors potenzjali ta’ aġenti tal-BSE, u, għalhekk, li l-esklużjoni ta’ l-alimentazzjoni ta’ l-annimali li jixtarru kienet tnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ infezzjoni. Hija żżid tgħid li d-Deċiżjoni 94/474 ipprojbiet l-esportazzjoni mir-Renju Unit ta’ għalf mitħun mil-laħam u l-għadam li fih il-proteini ta’ l-annimali li jixtarru mhux prodotti skond ir-regoli ġodda Komunitarji. Il-Kummissjoni tammetti li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar it-trattament ta’ l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam fl-Istati Membri, fil-bidu, ma kinitx sodisfaċenti, iżda tosserva li hija għal din ir-raġuni li fl-1997 hija ressqet proċeduri ta’ ksur kontra għaxar Stati Membri, fosthom Spanja.

71      Ir-rikorrenti josservaw ukoll li l-azzjoni ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji kienet inkoerenti u kontradittorja. B’mod partikolari, l-embargo impost mid-Deċiżjoni 96/239 fuq l-ifrat u l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam ġej mir-Renju Unit, li kien ġie meqjus bħala neċessarju, xieraq u mhux sproporzjonat mill-Qorti tal-Ġustizzja (digriet Renju Unit vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq), kien ġie mill-ewwel imnaqqas minn derogi li ġew aċċettati u miżuri ħafna inqas stretti li ssostitwewh. B’hekk, id-Deċiżjoni 96/362 neħħiet il-projbizzjoni ta’ trażmissjoni ta’ bosta prodotti, bħall-isperma, il-ġelatina, is-suf u l-prodotti li jirriżultaw mix-xaħam. Imbagħad, id-Deċiżjoni 98/256 kienet, b’mod sottili ħafna, prattikament neħħiet il-projbizzjoni ta’ l-esportazzjoni tal-prodotti ta’ l-ifrat mir-Renju Unit, billi fit-test applikabbli bidlet il-frażi "ir-Renju Unit m’għandux jibgħat ’il barra mit-territorju tiegħu", il-frażi "ir-Renju Unit għandu jara li ma jintbagħtux ’il barra mit-territorju tiegħu", peress li din ta’ l-aħħar għandha karattru ftit li xejn vinkolanti. B’dan il-mod, ir-responsabbiltà tas-sorveljanza ta’ l-esportazzjoni tal-prodotti ta’ l-ifrat fl-1998 ġiet ittrasferiti mill-Kummissjoni għar-Renju Unit, li jammonta għal "abbandun tar-responsabbiltajiet". Fl-aħħar nett, l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 98/692 kienet immarkat l-aħħar stadju tal-proċess ta’ tneħħija progressiva u kundizzjonata ta’ l-embargo fuq ir-Renju Unit.

72      Il-Kummissjoni ssostni li l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 96/362 kienet iġġustifikata kollha kemm hi fid-dawl, b’mod partikolari ta’ l-opinjoni tal-KXV tad-9 u t-18 ta’ April 1996. Fir-rigward tad-Deċiżjoni 98/256, il-konvenuti jsostnu li dik il-miżura ma neħħietx il-projbizzjoni li jiġu esportati l-prodotti ta’ l-ifrat mir-Renju Unit, iżda hija limitata li tippermetti l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti provenjenti mill-Irlanda ta’ Fuq, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet rigorużi. L-emenda fl-ifformular tad-deċiżjoni ta’ l-aħħar, imsemmija mir-rikorrenti hija biss titjib lingwistiku, peress li jista’ jkun li ma jkunx ir-Renju Unit li "jibgħat", iżda l-persuni li huma stabbiliti hemmhekk, u għalhekk il-portata tal-projbizzjoni tibqa’ l-istess. L-awtoritajiet responsabbli li japplikaw dik id-deċiżjoni u l-obbligi ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni jkunu baqgħu ma tbiddlux. Il-Kummissjoni żżid tgħid li d-Deċiżjoni 96/239 kienet miżura ta’ salvagwardja b’karattru tranżitorju u li r-reviżjoni tagħha kienet diġà prevista. Fl-aħħar nett, il-fatt dwar jekk kienx xieraq li jitneħħa l-embargo fid-dawl tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem kien diġà ġie eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑1/00, Ġabra p. I‑9989), li kkonkludiet li, billi ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Deċiżjonijiet 98/256 u 1999/514, ir-Repubblika Franċiża kienet naqqset mill-obbligi tagħha.

73      Ir-rikorrenti jikkonkludu li minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tfaċċat kwantità massiva ta’ każijiet ġodda ta’ BSE f’Novembru 2000. Ir-rikorrenti jippreċiżaw f’dan ir-rigward li l-BSE inxterdet f’bosta Stati Membri (Spanja, Portugall, Franza), peress li l-annimali kienu kkunsmaw għalf ta’ l-annimali provenjenti mir-Renju Unit. Il-konsegwenzi tal-kriżi kbira tal-fiduċja tal-konsumaturi, li bdiet f’Novembru u f’Diċembru 2000 f’bosta Stati Membri, fosthom Spanja, kienu finalment inċitaw lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jirreaġixxu u sabiex jadottaw il-miżuri xierqa, fosthom b’mod partikolari d-Deċiżjoni 2000/766. Il-Kummissjoni u l-Kunsill kienu ttardjaw b’tnax-il sena, wara l-projbizzjoni mir-Renju Unit ta’ l-użu ta’ għalf tal-laħam fl-ikel ta’ l-annimali li jixtarru, li jirreaġixxu quddiem il-gravità tal-kriżi u l-konsegwenzi tagħha.

74      Il-Kummissjoni tikkunsidra li, fid-dawl tan-numru għoli ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi adottati, wieħed ma setax jakkuża lill-istituzzjonijiet li baqgħu m’għamlu xejn meta kienet qed tiffaċċa l-marda. Fil-fatt, dawn il-miżuri kienu jippermettu li din il-kriżi titnaqqas u tiġi megħluba.

–       Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ prekawzjoni

75      Fl-ewwel lok ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ l-amministrazzjoni tajba. Fil-fatt, meta kienet qed tressaq il-prova ta’ nuqqas ta’ diliġenza inesplikabbli, il-Kummissjoni kienet injorat id-dover tagħha ta’ viġilanza u, meta injorat l-interessi tas-saħħa pubblika għall-benefiċċju tal-protezzjoni ta’ l-interessi ekonomiċi tar-Renju Unit, hija ma osservatx id-dover tagħha li tibbilanċja l-interessi in kwistjoni. Il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kien jeżiġi b’mod partikolari li l-istituzzjonijiet Komunitarji jieħdu in kunsiderazzjoni l-konsegwenzi li t-twettiq tal-miżuri ta’ kontroll tal-BSE imposti preċedentement seta’ jkollhom fis-settur tat-trobbija ta’ l-annimali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Marzu 1997, Oliveira vs Il-Kummissjoni, T‑73/95, Ġabra p. II‑381, punt 32), xi ħaġa li m’għamlux.

76      Il-konvenuti jsostnu li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ġie osservat skrupolożament f’dan il-każ partikolari. Meta, sabiex tiġi adottata leġiżlazzjoni, il-leġiżlatur Komunitarju jkollu jevalwa l-effetti futuri ta’ din il-leġiżlazzjoni u li dawn l-effetti ma jkunux jistgħu jiġu previsti bi preċiżjoni, l-evalwazzjoni tagħha ma tkunx limitata jekk hija tidher manifestament żbaljata fid-dawl ta’ l-elementi li jiddisponi minnhom fil-mument ta’ l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Frar 1990, Wuidart et, C‑267/88 sa C‑285/88, Ġabra p. I‑435, punt 14, u tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C‑280/93, Ġabra p. I‑4973, punt 90). Madankollu, f’dan il-każ partikolari, ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom li jesponu, b’mod ġenerali, in-nuqqas ta’ qbil tagħhom mal-mod kif l-istituzzjonijiet Komunitarji bbilanċjaw, mingħajr ma juru li d-dispożizzjonijiet rilevanti kienu, fil-mument ta’ l-adozzjoni tagħhom, manifestament żbaljati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza KYDEP vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

77      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ l-aspettattivi leġittimi meta adottat, fl-1998, it-tneħħija ta’ l-embargo stabbilit fl-1996 fuq il-prodotti ġejjin mir-Renju Unit. Dan l-embargo kien ħoloq aspettattivi leġittimi fis-settur tat-trobbija kif ukoll fir-rigward taż-żamma ulterjuri ta’ l-istess livell ta’ kontroll. B’hekk, jekk l-operaturi ekonomiċi ma kellhomx fiduċja f’dak li jirrigwarda l-kontroll tas-sitwazzjoni mill-istituzzjonijiet Komunitarji, huma kienu stabbilixxew ġabra ta’ miżuri preventivi partikolari sabiex jiġi evitat li l-kriżi taffettwahom direttament.

78      Il-konvenuti jfakkru li l-operaturi ekonomiċi mhumiex iġġustifikati li jibbażaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom fuq il-fatt li sitwazzjoni eżistenti, li tista’ tiġi emendata fuq id-diskrezzjoni ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji, tibqa’ l-istess (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C‑350/88, Ġabra p. I‑395, punt 33). Bl-istess mod, il-kunċett ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi jippresupponi l-preżenza fi ħdan il-parti kkonċernata, ta’ aspirazzjonijiet ibbażati fuq garanziji preċiżi pprovduti mill-amministrazzjoni Komunitarja (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Marzu 1996, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, T‑195/95, Ġabra p. II‑171, punt 20). Madankollu, ir-rikorrenti ma ressqu l-ebda prova li l-istituzzjonijiet kienu tawhom assigurazzjonijiet bħal dawn, peress li d-Deċiżjoni 96/239 tindika wkoll, b’mod ċar, il-karattru temporanju u tranżitorju tagħha. Fi kwalunkwe każ huwa evidenti li l-istituzzjonijiet ma setgħux jiggarantixxu li l-marda ma tasalx sat-territorju Spanjol u inqas u inqas setgħu jagħtu garanziji preċiżi dwar dan is-suġġett.

79      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni u l-Kunsill injoraw il-ħtiġijiet tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, b’mod partikolari minħabba l-fatt li ma adottawx miżuri ta’ verifika aktar stretti. Fil-fatt, f’dan il-każ partikolari, il-miżuri xierqa kienu stabbiliti biss fis-sena 2000, filwaqt li r-riskji assoċjati mal-BSE kienu ġew ippruvati xjentifikament wara t-tmiem tas-snin tmenin għas-saħħa ta’ l-annimali u wara l-1996 għas-saħħa tal-bniedem. Fi kwalunkwe każ, anki jekk il-Kummissjoni u l-Kunsill setgħu jikkunsidraw li r-riskju ma kienx muri totalment, huma kellhom jieħdu miżuri ta’ protezzjoni ħafna aktar stretti, wara li jkunu evalwaw b’mod xieraq ir-riskji kollha, anke jekk kellhom imorru lil hinn mill-informazzjoni xjentifika disponibbli.

80      Il-konvenuti jsostnu li t-tmexxija tagħhom tal-kriżi tal-BSE qatt ma kisret il-prinċipju ta’ prekawzjoni. Huma jsostnu li l-miżuri bbażati fuq dan il-prinċipju għandhom ikunu proporzjonali għal-livell tal-protezzjoni mixtieq – mingħajr "ma jkun meħtieġ li jintlaħaq livell ta’ riskju żero" –, u m’għandhomx ikunu diskriminatorji, għandhom ikunu koerenti u bbażati fuq eżami tal-vantaġġi u tar-responsabbiltà potenzjali ta’ l-azzjoni jew tan-nuqqas ta’ azzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza, meta ppronunċaw ruħhom fuq l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju f’kawżi relatati mal-validità tad-Deċiżjoni 96/239, indikaw li, meta jeżistu inċertezzi dwar l-eżistenza jew il-portata tar-riskju għas-saħħa tal-persuni, l-istituzzjonijiet jistgħu jieħdu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkun mistenni li r-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jkunu jidhru kompletament (sentenza Renju Unit vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 99; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Lulju 1998, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, T‑199/96, Ġabra p. II‑2805, punt 66). Il-prinċipju ta’ prekawzjoni madankollu m’għandux l-effett li jobbliga lill-istituzzjonijiet Komunitarji li jsegwu kull opinjoni xjentifika mingħajr ebda diskrezzjoni. Madankollu, il-miżuri adottati sabiex tiġi ttrattata l-kriżi tal-BSE kienu ġew dejjem adattati għar-riskji eżistenti, skond l-evalwazzjoni mwettqa mill-istituzzjonijiet Komunitarji.

 2. Fuq l-eżistenza ta’ dannu

81      Ir-rikorrenti jinvokaw l-eżistenza, minn naħa, ta’ dannu ekonomiku u, min-naħa l-oħra, ta’ dannu morali.

82      B’hekk, fl-ewwel lok, huma jsostnu li huma sofrew dannu dirett, reali u ċert minħabba li tfaċċat il-kriżi tal-BSE fi Spanja, kemm minħabba ż-żieda fl-ispejjeż tagħhom (damnum emergens) kif ukoll minħabba t-telf tal-benefiċċji li kienu jiksbu kieku l-kriżi ma seħħitx (lucrum cessans). Id-dannu subit jikkonsisti f’dannu kompletament imprevedibbli u jaqbeż ir-riskji ekonomiċi normali inerenti għall-attivitajiet tas-settur in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 1990, Sofrimport vs Il-Kummissjoni, C‑152/88, Ġabra p. I‑2477, punt 28). Ir-rikorrenti jibbażaw il-kalkolu ta’ l-ammont ta’ dan id-dannu fuq il-bażi ta’ tliet kriterji. B’mod partikolari, huma jirrimarkaw li meta tfaċċa l-ewwel każ ta’ BSE fi Spanja, dan ipprovoka tnaqqis ta’ bejn 25 u 47 % tal-konsum tal-laħam ta’ l-ifrat f’dan il-pajjiż, li kien jinvolvi tnaqqis sa 70 % tal-volum tal-qatla. Fit-tieni lok, huma jsostnu li l-imsemmi tnaqqis tal-konsum wassal għal tnaqqis kunsiderevoli fil-prezz tal-laħam ta’ l-ifrat, li jkun qabeż minn 484 pesetas Spanjoli (ESP)/kilogram fl-2000 sa 331 ESP/kilogram fl-ewwel ħames xhur ta’ l-2001. Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jidentifikaw id-danni "kollaterali", hekk kif ġej : iż-żamma prolongata ta’ l-annimali fl-istabbilimenti lil hinn miċ-ċiklu normali ta’ tkabbir, iż-żieda fil-prezz ta’ l-ikel għall-annimali (wara l-projbizzjoni ta’ l-użu ta’ l-għalf li joriġina mill-annimali), l-ispejjeż ta’ l-estrazzjoni tal-MRS u t-telf marbut mad-deprezzament tal-valur fis-suq tal-karkassi li s-sinsla vertebrali tagħhom kienet tneħħiet u, fl-aħħar nett, it-tneħħija, it-trasport u d-distruzzjoni tal-karkassi, wara li ġew adottati l-miżuri mill-Kummissjoni. L-ammont globali tad-dannu ekonomiku subit mir-rikorrenti jitla’, mingħajr ma jittieħdu in kunsiderazzjoni dawn id-danni "kollaterali", għal EUR 19 438 372,69.

83      Il-Kunsill ifakkar li r-responsabbiltà tal-Komunità tissupponi li l-allegati danni jaqbżu l-limiti tar-riskji ekonomiċi normali inerenti għall-attivitajiet fis-settur ikkonċernat (sentenza Ireks-Arkady vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11). Il-Kunsill iqis li l-metodu tal-kalkolu propost ma jippermettix li jiġi muri li r-rikorrenti kienu subew kwalunkwe dannu u lanqas li jiġi apprezzat il-livell ta’ l-imsemmija danni minn kull operatur. Jeħtieġ li jiġi osservat ukoll li l-Komunità u l-Istati Membri ħadu miżuri importanti sabiex isir tajjeb għat-telf fid-dħul tal-persuni li jrabbu dawn l-annimali, peress li dawn il-vantaġġi jridu jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-mument tal-kalkolu ta’ l-allegat dannu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 1993, Il-Kummissjoni vs Stahlwerke Peine-Salzgitter, C‑220/91 P, Ġabra p. I‑2393, punt 57). Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha tirrimarka li, fir-rigward tal-kumplessità tal-kalkolu tad-dannu ekonomiku li jsir referenza għalih, il-kalkolu tiegħu jrid jkun is-suġġett, f’dan il-każ partikolari, ta’ analiżi ulterjuri matul fażi proċedurali ġdida. Fi kwalunkwe każ, hija ssostni li parti kbira ta’ l-allegati "danni kollaterali" ma jistgħu jiġu kkumpensati, għaliex dawk kienu jkunu preċiżament saru permezz ta’ miżuri intiżi sabiex jeqirdu l-marda, u li r-rikorrenti talbu l-adozzjoni tagħhom.

84      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-kriżi tal-BSE ikkawżatilhom dannu morali. Fl-ewwel lok, l-imġiba illeċita ta’ l-istituzzjonijiet u l-preokkupazzjoni soċjali pprovokata mill-kriżi pprovokaw telf ta’ fiduċja tal-konsumaturi f’minn irabbi l-annimali ta’ l-ifrat u fl-operaturi l-oħra ekonomiċi tas-settur, li affettwa ħażin il-prestiġju tal-professjoni. Fit-tieni lok, din il-klima ssarraf f’inċertezza fuq il-ġejjini professjonali tal-persuni li jrabbi l-annimali ta’ l-ifrat. Barra minn hekk, in-nuqqas milli jaġixxu jew l-azzjoni insuffiċjenti ta’ l-istituzzjonijiet kien wassal ukoll għat-telf ta’ fiduċja tar-rikorrenti fl-organizzazzjonijet li jirrappreżentaw u jiddefendu l-interessi tagħhom. Fit-tielet lok, ir-rikorrenti kienu soffrew effetti marbuta ma’ sentiment li ma jista’ jsir xejn, ta’ ansjetà, ta’ inkwiet u ta’ inċertezza. Ir-rikorrenti jikkalkulaw l-ammont ta’ dannu morali bħala 15 % ta’ l-ammont tat-talba individwali bbażata fuq it-tnaqqis tal-prezz jiġifieri total ta’ EUR 2 915 755.80.

85      Il-Kunsill isostni li r-rikorrenti bl-ebda mod ma kkonkretizzaw id-danni morali allegatament subiti u li huma pproċedew għal kwantifikazzjoni arbitrarja u mhux iġġustifikata ta’ dan id-dannu. Il-Kummissjoni tirrimarka li t-trobbija hija attività ekonomika li fiha l-operaturi jirriskjaw li jbatu telf u li l-allegati danni għall-prestiġju professjonali tar-rikorrenti u t-tbatija psikoloġika subita minnhom ma ġew ippruvati.

 3. Fuq l-eżistenza ta’ rabta kawżali

86      Ir-rikorrenti jsostnu li l-kundizzjoni ta’ l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-imġiba illegali kkritikata u d-dannu hija sodisfatta f’dan il-każ. Huma jsostnu li jekk il-Kummissjoni u l-Kunsill kienu ħadu l-miżuri neċessarji sabiex jevitaw l-estensjoni tas-sors tal-marda, id-danni li subew il-persuni li jrabbu l-annimali ta’ l-ifrat kienu jkun evitati. It-tmexxija ħażina ta’ dawn l-istituzzjonijiet kienet fixklet l-eżerċizzju ta’ kontroll aħjar fuq l-aġenti responsabbli għat-tixrid tal-marda barra mit-territorju ġeografiku fejn hija tfaċċat u b’hekk tikkostitwixxi l-kawża diretta tal-kriżi.

87      Ir-rikorrenti jirrimarkaw li huwa xjentifkament ippruvat li l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam kien il-kawża ta’ trażmissjoni tal-BSE. Madankollu, kien biss f’Diċembru 2000 li l-Kummissjoni u l-Kunsill ħadu l-miżuri adegwati, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2000/766, sabiex jipprojbixxu b’mod assolut l-użu tal-proteini ta’ l-annimali trasformati fl-ikel ta’ l-annimali mrobbija. Wara l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri, il-kriżi ma kinitx ser terġa’ sseħħ.

88      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jallegaw li l-kawża diretta tat-tixrid tal-marda fi Spanja fl-aħħar tas-sena 2000 kienet id-Deċiżjoni 98/256, li neħħiet l-embargo stabbilit fl-1996 fuq il-bhejjem, il-laħam u l-għalf li joriġina mill-annimali provenjenti mir-Renju Unit. Dik it-tneħħija kmieni wisq ta’ l-embargo kienet wasslet għat-tixrid tal-BSE fil-pajjiżi importaturi. Ir-rikorrenti jirrimarkaw f’dan ir-rigward li, jekk it-terminu medju ta’ inkubazzjoni tal-marda huwa ta’ 4 sa 5 snin, xi studji xjentifiċi urew li l-perijodu minimu ta’ inkubazzjoni kien ta’ madwar 22 xahar. Madankollu, l-ewwel każijiet fi Spanja tfaċċaw sentejn wara li tneħħa l-embargo.

89      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-fatti tal-kawża huma differenti minn dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza Coldiretti et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Prim’ Istanza rrifjutat ir-rikors għar-raġuni li t-tnaqqis kbir tal-konsum tal-laħam ta’ l-ifrat fl-1996 kien attribwit għall-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni fuq it-trażmissibiltà tal-BSE lill-bniedem. F’dan il-każ partikolari, l-konsum tal-laħam ta’ l-ifrat fi Spanja kien waqa’ fis-sena 2000 mingħajr ma ebda pubblikazzjoni ta’ rivista xjentifika ma kienet il-kawża ta’ dan. Il-kawża ta’ dik il-kriżi kienet li tfaċċaw numru kbir ta’ każijiet ta’ BSE, bl-ewwel każ fi Spanja f’Novembru 2000. Fil-fatt, jekk il-konsumatur Spanjol kien jaf li l-marda kienet limitata għat-territorju tar-Renju Unit, ma kienx jieqaf jikkonsma l-laħam ta’ l-ifrat. L-istampa ma setgħetx tinżamm responsabbli għall-kriżi fi Spanja, minħabba l-fatt li rrappurtat dwar dan. Min-naħa l-oħra, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Coldiretti et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet sostniet li ma kienx muri li, anki meta adottat il-miżuri mitluba, dawk li jrabbu ma kinux subew dannu wara l-waqa' tas-suq. Madankollu, fil-kawża preżenti, l-miżuri li fihom ġiet ikkritikata in-nuqqas ta’ adozzjoni huma preċiżament dawk li l-Kunsill kien adotta fl-4 ta’ Diċembru 2000, jiġifieri ħmistax-il jum biss wara li tfaċċaw l-ewwel każijiet ta’ BSE fi Spanja, jiġifieri l-projbizzjoni assoluta ta’ għalf mitħun mil-laħam u l-għadam fl-ikel ta’ l-annimali mrobbija.

90      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li r-rapport tal-kummissjoni ta’ investigazzjoni jikkonferma li l-Kummissjoni u l-Kunsill huma responsabbli għall-kriżi pprovokata mit-tixrid tal-BSE fl-Istati Membri. Għalkemm dan ir-rapport kien ifformulat fl-1997, dawn il-konklużjonijiet kienu applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ dan il-każ partikolari, fejn jew id-dispożizzjonijiet deċiżi mill-istituzzjonijiet konvenuti wara l-1997 ma kinux segwew, għall-inqas sa Diċembru 2000, ir-rakkomandazzjonijiet ifformulati fl-imsemmi rapport.

91      Il-konvenuti jsostnu li r-rikorrenti ma ressqux il-prova ta’ l-eżistenza f’dan il-każ partikolari ta’ rabta kawżali diretta bejn l-illegalitajiet ikkritikati u d-dannu msemmi.

92      Il-Kunsill jammetti li l-konoxxenzi xjentifiċi fuq il-BSE jindikaw li t-trażmissjoni tal-marda kienet prodotta prinċipalment mill-inġestjoni ta’ l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam li fih l-aġent infettiv. Huwa jsostni madankollu li, wara Lulju 1994, l-Istati Membri kienu marbuta, skond id-Deċiżjoni 94/381, li jipprojbixxu l-użu tal-proteini li joriġinaw minn tessuti tal-mammiferi fl-ikel ta’ l-annimali li jixtarru.

93      Il-Kummissjoni tosserva li, kif jirriżulta mir-rapport tiegħu ta’ l-20 ta’ Ottubru 1997 (ara l-punt 64 iktar ’il fuq), bosta Stati Membri, fosthom Spanja, wettqu irregolaritajiet fl-applikazzjoni tal-miżuri adottati fil-qasam tal-BSE u li, minħabba f’hekk, hija ddeċidiet li tapplika, fis-26 ta’ Ġunju 1997, proċedura ta’ ksur kontra għaxar Stati. Min-naħa l-oħra, huwa importanti wkoll li tittieħed in kunsiderazzjoni r-responsabbiltà eventwali tal-produtturi Brittanniċi ta’ għalf u tar-Renju Unit fil-wasla tal-marda fil-kontinent.

94      Minbarra dan, il-konvenuti jsostnu li r-rikorrenti ma urewx li azzjoni aktar bikrija minn naħa tagħhom jew l-adozzjoni tal-miżuri differenti setgħu jevitaw li jitfaċċa l-ewwel każ ta’ BSE fi Spanja. Fid-dawl tat-tul tal-perijodu ta’ inkubazzjoni tal-BSE, kif ukoll tal-ksur imwettaq mill-Istati Membri, huma jikkonkludu li anki azzjoni aktar bikrija u drastika ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji ma kinitx neċessarjament tevita it-tixrid tal-marda. Minbarra dan, xejn ma jindika li, jekk kienu ttieħdu xi miżuri differenti, il-prezzijiet ma kinux jaqgħu minħabba l-fatt tad-data u ta’ l-informazzjoni provenjenti minn pajjiżi oħra.

95      Barra minn hekk, il-konvenuti jqisu li l-element li ta bidu għar-reazzjonijiet tal-konsumaturi Spanjoli kien il-fatt li saru jafu bir-riskju. B’hekk, il-kampanja alarmista adottata mill-mezzi tal-komunikazzjoni wara li tfaċċaw l-ewwel każijiet ta’ BSE fi Spanja kienu pprovokaw ċertu paniku fost dawn il-konsumaturi. L-adozzjoni ta’ miżuri ġodda ta’ projbizzjoni f’Diċembru 2000, in-nuqqas ta’ każijiet tal-marda tal-Creutzfeldt-Jakob fil-bniedem fi Spanja jew l-impatt imnaqqas ta’ BSE f’dan il-pajjiż meta mqabbel ma’ Stati Membri oħra m’għamlux tajjeb għal dik il-kriżi tal-fiduċja tal-konsumatur Spanjol.

96      Fl-aħħar nett, il-Kunsill jikkontesta l-allegat valur ta’ prova fil-każ tar-rapport tal-kummissjoni ta’ investigazzjoni. Fl-ewwel lok, l-imsemmi rapport kien ġie adottat aktar minn sena qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 98/256. Fit-tieni lok, dan id-dokument ma jitkellimx dwar ir-responsabbiltajiet legali possibbli u jillimita ruħu li jifformula serje ta’ rakkomandazzjonijiet u ta’ evalwazzjonijiet ta’ ordni politika.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

97      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li sabiex jiġi stabbilit li hemm responsabbiltà mhux kuntrattwali min-naħa tal-Komunità għall-imġiba illegali ta’ l-organi tagħha, fis-sens tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 288 KE, għandhom jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri: l-illegalità ta’ l-imġiba attribwita lill-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegata mġiba u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 1996, International Procurement Services vs Il-Kummissjoni, T‑175/94, Ġabra p. II 729, punt 44; tas-16 ta’ Ottubru 1996, Efisol vs Il-Kummissjoni, T‑336/94, Ġabra p. II 1343, punt 30, u tal-11 ta’ Lulju 1997, Oleifici Italiani vs Il-Kummissjoni, T‑267/94, Ġabra p. II 1239, punt 20).

98      Fir-rigward ta’ l-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet, il-ġurisprudenza teżiġi li jkun stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt li tikkonferixxi drittijiet liċ-ċittadini (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra p. I 5291, punt 42). Għal dak li jirrigwarda l-ħtieġa li l-ksur għandu jkun suffiċjentement serju, il-kriterju deċiżiv li jippermetti li jkun ikkunsidrat li hija sodisfatta u dik ta’ l-injorar manifest u gravi, mill-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata, tal-limiti huma imposti għad-diskrezzjoni tagħha. Meta dik l-istituzzjoni tiddisponi biss minn diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqsa, jew ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Camar u Tico, C‑312/00 P, Ġabra p. I-11355, punt 54; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, T‑198/95, T‑171/96, T‑230/97, T‑174/98 u T‑225/99, Ġabra p. II-1975, punt 134).

99      Peress li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet mhix sodisfatta, ir-rikors għandu jiġi rrifjutat kollu kemm hu mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (sentenza KYDEP vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq, punti 19 u 81, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Frar 2002, Förde-Reederei vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T‑170/00, Ġabra p. II-515, punt 37).

100    F’dan il-każ partikolari, jeħtieġ li mill-bidu tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-imġiba allegatament illegali ta’ l-istituzzjonijiet konvenuti u l-allegat dannu msemmi mir-rikorrenti.

101    Skond ġurisprudenza stabbilita, ikun hemm rabta kawżali skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 288 KE meta teżisti rabta ċerta u diretta ta’ kawża u effett bejn l-iżball imwettaq mill-istituzzjoni kkonċernata u d-dannu allegat, rabta li huma r-rikorrenti li għandhom iressqu prova tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Jannar 1992, Finsider et vs Il-Kummissjoni, C‑363/88 u C‑364/88, Ġabra p. I‑359, punt 25 ; sentenza Coldiretti et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata, punt 101).

102    F’dan il-każ partikolari, l-illegalitajiet allegati mir-rikorrenti jikkonsistu essenzjalment fl-adozzjoni tan-normi u tal-miżuri insuffiċjenti, żbaljati, inadegwati jew tardivi sabiex tiġi ffaċċjata l-marda tal-BSE. Ir-rikorrenti b’hekk jakkużaw lill-istituzzjonijiet konvenuti li naqsu mill-obbligi tagħhom ta’ sorveljanza u ta’ kontroll fil-qasam tas-saħħa ta’ l-annimali u tas-saħħa pubblika, b’mod partikolari, fl-ewwl lok, billi ma implementawx id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 152(4)(b) u (ċ) KE; fit-tieni lok, meta ma jadottawx il-miżuri ta’ salvagwardja previsti mid-Direttivi 89/662 u 90/425 u, fit-tielet lok, meta ma jikkontrollawx l-osservanza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri, b’mod partikolari dawk tar-Renju Unit. Aktar preċiżament, ir-rikorrenti jakkużaw lill-istituzzjonijiet Komunitarji, fl-ewwel lok, li pprojbixxew tard l-użu ta’ l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam fl-ikel ta’ l-annimali mrobbija, kif ukoll li ma stabbilixxewx fil-ħin proċeduri adegwati ta’ trasformazzjoni ta’ l-ħmieġ ta’ l-annimali sabiex jiġi ggarantit li ma jibqgħux attivi l-aġenti tal-BSE; fit-tieni lok, li kien tard meta pprojbixxew l-użu tal-MRS u, fit-tielet lok, li kien kmieni wisq meta neħħew l-embargo impost fl-1996 fuq l-ifrat, fuq il-laħam ta’ l-ifrat u l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam ġej mir-Renju Unit.

103    Ir-rikorrenti jsostnu li din l-allegata tmexxija ħażina tal-kriżi tal-BSE mill-Kunsill u mill-Kummissjoni ma ħallietx li l-BSE tibqa’ limitata għat-territorju tar-Renju Unit, fejn hija kienet tfaċċat, u ppermettiet it-tixrid ta’ din il-marda f’bosta pajjiżi ta’ l-Ewropa kontinentali, fosthom Spanja. Il-fatt li tfaċċat il-BSE f’dan il-pajjiż wassal għal danni ekonomiċi kbar ħafna fir-rigward tar-rikorrenti, b’mod partikolari minħabba l-fatt li naqas il-konsum tal-laħam ta’ l-ifrat u waqgħu l-prezzijiet tiegħu, u dan ikkawżalhom anki danni morali. Skond ir-rikorrenti, l-azzjonijiet u n-nuqqas ta’ azzjonijiet allegatament difettużi ta’ l-istituzzjonijiet konvenuti għalhekk jikkostitwixxu l-kawża diretta tad-danni msemmija f’dan il-każ partikolari.

104    Min-naħa l-oħra, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li r-rikorrenti ma ressqux prova li f’dan il-każ partikolari teżisti rabta kawżali diretta bejn din l-allegata mġiba illegali u d-danni invokati. Dawn l-istituzzjonijiet jikkontestaw, b’mod partikolari, li l-azzjonijiet tagħhom u l-omissjonijiet tagħhom jistgħu jkunu kkunsidrati bħala li wasslu li titfaċċa l-BSE fi Spanja. Huma jsostnu li ma ġiex muri li azzjoni aktar bikrija minn naħa tagħhom jew l-adozzjoni tal-miżuri differenti setgħet tevita li jitfaċċa l-ewwel każ tal-BSE f’dan il-pajjiż. Min-naħa l-oħra, l-istituzzjonijiet konvenuti jgħidu li fi kwalunkwe każ, il-kriżi tal-fiduċja tal-konsumaturi, li hija l-kawża tal-waqgħa fil-prezzijiet u tal-konsum tal-laħam ta’ l-ifrat fis-suq Spanjol, ġiet fir-realtà pprovokata mir-rappurtar alarmista tal-mezzi tal-komunikazzjoni li kienu tfaċċaw l-ewwel każijiet tal-BSE fi Spanja.

105    Hemm lok li mill-bidu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ partikolari, it-tnaqqis fil-konsum u fil-prezzijiet fis-suq tal-laħam ta’ l-ifrat fi Spanja seħħ wara li fit-22 ta’ Novembru 2000 tfaċċa l-ewwel każ ta’ BSE f’dan il-pajjiż, li ġie segwit bl-iskoperta, bejn Novembru 2000 u Novembru 2001, ta’ aktar minn 70 każ ta’ BSE fit-territorju Spanjol.

106    Mhux ikkontestat li, f’dak iż-żmien, il-konsumatur Spanjol kien diġà jaf, għal numru ta’ snin, kemm bl-eżistenza tal-marda tal-mad cow disease fil-bhejjem fir-Renju Unit u fi Stati Ewropej oħra – fosthom Franza u l-Portugall, pajjiżi ġirien –, kif ukoll bir-riskju tat-trażmissjoni ta’ dik il-marda lill-bniedem u tal-karatteristika mortali tagħha. Għalhekk, kuntrarjament għas-sitwazzjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Coldiretti et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha l-waqgħa tas-suq seħħet minħabba l-pubblikazzjoni tal-komunikat tas-SEAC ta’ l-20 ta’ Marzu 1996, li għamel referenza għall-possibbiltà l-marda tal-BSE tiġi trażmessa lill-bniedem (ara punt 113 tas-sentenza Coldiretti et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq), f’dan il-każ partikolari, il-waqgħa fid-domanda li hija l-bażi tad-dannu invokat ma ġietx ipprovokata mill-effetti fuq l-opinjoni pubblika tat-tixrid ta’ l-informazzjoni xjentifika jew tar-rivista fuq ir-riskji li l-BSE tikkawża għas-saħħa tal-bniedem.

107    F’dan il-każ partikolari, il-kriżi tal-fiduċja tal-konsumatur, li wasslet għat-tnaqqis tal-konsum tal-laħam ta’ l-ifrat fi Spanja, ġiet direttament ikkawżata bl-iskoperta f’dan il-pajjiż ta’ baqar infettati bil-marda tal-BSE. Kuntrarjament għal dak li l-istituzzjonijiet konvenuti jidhru li jsostnu, huwa anki l-fatt li tfaċċat il-BSE fi Spanja li pprovoka l-preokkupazzjoni fost il-konsumaturi Spanjoli, u mhux kif ġiet ittrattata l-informazzjoni, allegatament "alarmista", mill-mezzi tal-komunikazzjoni Spanjoli. Fil-fatt, sabiex tiġi stabbilita rabta kawżali, mhux possibbli li f’dan il-każ il-fatt li tfaċċat il-marda fi Spanja jiġi sseparat mix-xandir tal-medja, kemm xejn alarmista.

108    Għalhekk, jekk il-waqgħa tas-suq Spanjol tal-laħam ta’ l-ifrat ġiet ikkawżata mill-wasla tal-marda tal-BSE fi Spanja, ir-responsabbiltà tal-Komunità fir-rigward tad-danni subiti mir-rikorrenti minħabba dan il-fatt tista tiġi stabbilita biss jekk l-azzjonijiet u l-ommissjonijiet allegatament illegali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni huma l-kawża diretta ta’ din il-marda f’dak il-pajjiż u, konsegwentement, bil-kundizzjoni li, kieku l-miżuri li r-rikorrenti jakkużaw lill-istituzzjonijiet li ma ħadux kienu jkunu ttieħdu, dik il-marda probabbilment ma kinitx tasal fi Spanja.

109    Konsegwentement jeħtieġ li jiġi analizzat jekk ir-rikorrenti ressqux provi jew indizzji li juru li l-azzjonijiet u l-ommissjonijiet allegatament ħżiena attribwiti lill-istituzzjonijiet konvenuti setgħu jkunu meqjusa bħala kawża ċerta u diretta tal-wasla tal-BSE fi Spanja.

 1. Fuq l-allegat dewmien fil-projbizzjoni ta’ l-użu ta’ l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam u fl-istabbiliment ta’ metodi adegwati għall-ipproċessar tal-ħmieġ ta’ l-annimali

110    Ir-rikorrenti jsostnu li l-kriżi tal-BSE li laqgħtet lil Spanja ma kinitx isseħħ kieku l-istituzzjonijiet konvenuti kienu adottaw, mill-1990, projbizzjoni assoluta ta’ l-użu ta’ l-għalf li joriġina mill-annimali fl-ikel ta’ l-annimali mrobbija. Madankollu, projbizzjoni bħal din seħħet biss bid-Deċiżjoni 2000/766, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2001. Ir-rikorrenti jakkużaw ukoll lill-partijiet konvenuti li stabbilixxew tard proċessi adegwati ta’ trasformazzjoni tal-ħmieġ ta’ l-annimali provenjenti mill-mammiferi. Proċeduri xierqa ġew introdotti biss bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 96/449 li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ April 1997.

111    Hemm lok li jiġi kkonstatat mill-bidu li, anki jekk l-oriġini preċiża tal-BSE ma tkunx interament magħrufa, ix-xogħlijiet xjentifiċi mwettqa fir-rigward ta’ din il-marda jindikaw li – barra minn numru żgħir ta’ każijiet (inqas minn 10 %) ikkawżati minn trażmissjoni fit-tqala – il-BSE probabbilment tirriżulta l-aktar mill-inġestjoni ta’ għalf mitħun mil-laħam u l-għadam li jkun fih l-aġent infettiv. Fil-fatt, kif tindika d-Deċiżjoni 94/381, huwa kkunsidrat li l-preżenza tal-BSE fil-bhejjem issib l-oriġini tagħha fil-proteini ta’ l-annimali li jixtarru li jkun fihom l-aġent ta’ l-iscrapie u aktar tard, dak tal-BSE, u li ma ġewx suffiċjentement ittrattati sabiex ma jibgħqux attivati l-aġenti infettivi. Minn dan isegwi li fil-ġlieda kontra t-tixrid ta’ din il-marda, kien neċessarju b’mod partikolari li jiġi pprojbit li t-tessuti li jista’ jkun fihom l-aġent tal-BSE jkunu introdotti fil-katina alimentari ta’ l-annimali.

112    Għalhekk, jeħtieġ li jiġu analizzati l-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet konvenuti dwar dan is-suġġett, jiġifieri dawk li jikkonċernaw l-użu ta’ l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam u t-twaqqif tal-proċessi tat-trasformazzjoni tal-ħmieġ ta’ l-annimali. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn żewġ stadji fl-azzjoni ta’ dawn l-istituzzjonijiet: l-ewwel stadju, li jibda mill-iskoperta tal-marda tal-BSE fir-Renju Unit fl-1986 sa l-adozzjoni mill-Kummissjoni fis-27 ta’ Ġunju 1994 tad-Deċiżjoni 94/381 li tipprojbixxi fil-Komunità kollha l-użu tal-proteini provenjenti mill-mammiferi fl-ikel ta’ l-annimali li jixtarru; u t-tieni stadju, li jibda mill-adozzjoni ta’ l-imsemmija deċiżjoni sat-twaqqif fl-4 ta’ Diċembru 2000, ta’ projbizzjoni assoluta ta’ l-użu tal-proteini ta’ l-annimali ttrasformati fl-ikel ta’ l-annimali mrobbija, li seħħet permezz tad-Deċiżjoni 2000/766.

–       L-azzjoni ta’ l-istituzzjonijiet konvenuti qabel Ġunju 1994

113    L-istituzzjonijiet konvenuti jidhru li inizjalment ikkunsidraw li l-BSE tikkawża problema tas-saħħa ta’ l-annimali limitata essenzjament għat-territorju tar-Renju Unit, fejn dik il-marda kienet ġiet misjuba għall-ewwel darba fl-1986. B’hekk, sa mill-1989, huma ħadu serje ta’ miżuri bil-għan li jiġi evitat it-tixrid tal-BSE fi Stati Membri oħra, billi b’mod partikolari ġew introdotti ċerti restrizzjonijiet għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ l-ifrat provenjenti mir-Renju Unit (ara, b’mod partikolari, id-Deċiżjonijiet 89/469, 90/59 u 90/261). Imbagħad, id-Deċiżjoni 90/200 introduċiet miżuri intiżi li jillimitaw il-kummerċ intra-Komunitarju bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri ta’ ċerti tessuti u organi (moħħ, mudullun tad-dahar, tunsilli, timu, milsa u msaren) provenjenti mill-ifrat li kellhom aktar minn sitt xhur meta nqatlu, li jipprojbixxi wkoll li jintbagħtu tessuti oħra u organi mhux destinati għall-konsum uman. Id-Deċiżjoni 92/290 imponiet l-obbligu fuq l-Istati Membri li jieħdu ħsieb li ma jesportawx embrijoni ta’ l-ispeċi ta’ l-ifrat provenjenti minn bhejjem femminili li fihom kienet ġiet ikkonfermata li teżisti l-BSE jew li kien hemm suspett li teżisti; għal dak li jikkonċerna r-Renju Unit, dik id-deċiżjoni pprojbiet l-esportazzjoni ta’ embrijoni provenjenti minn annimali mwielda qabel Lulju 1988.

114    Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li għalkemm l-awtoritajiet tar-Renju Unit kienu pprojbixxew fit-territorju tagħhom, minn Lulju 1988, li jintemgħu l-annimali li jixtarru, għalf mitħun mil-laħam u l-għadam li jkun fih proteini ta’ l-annimali li jixtarru, l-istituzzjonijiet konvenuti, fl-ewwel lok, ma’ adottawx miżuri simili fil-livell Komunitarju. Fil-fatt, kif intqal, huma pprojbixxew biss f’Ġunju 1994 l-użu tal-proteini provenjenti mill-mammiferi fl-ikel ta’ l-annimali li jixtarru fil-Komunità kollha, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 94/381. Minbarra dan, l-esportazzjoni ta’ għalf mitħun mil-laħam u l-għadam tar-Renju Unit lejn l-Istati Membri l-oħra ġie espressament ipprojbit biss fl-1996, permezz tad-Deċiżjoni 96/239.

115    Ċertament, f’dik l-epoka, il-karatteristiċi tal-marda u, aktar preċiżament, il-kawżi tat-trażmissjoni tagħha, ma kinux interament magħrufa. Bl-istess mod, qabel l-1994, ir-rata tal-BSE f’pajjiżi oħra barra r-Renju Unit – u, b’miżura ħafna inqas, l-Irlanda – kienu kunsiderevolment limitati. Fil-fatt, bejn l-1988 u l-1994, fl-Ewropa kontinentali, il-BSE kienet ġiet misjuba biss fil-Ġermanja (4 każijiet), fid-Danimarka (każ wieħed), fi Franza (10 każijiet), fl-Italja (2 każijiet) u fil-Portugall (18-il każ). Minbarra dan, bosta minn dawn il-każijiet jikkorrispondu għall-baqar importati f’dawn il-pajjiżi.

116    Ma jonqosx li, diġà fl-1989, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat il-BSE bħala "marda ġdida gravi u kontaġġjuża li l-preżenza tagħha [setgħet] tammonta għal perikolu għall-ifrat ta’ l-[...] Istati Membri" (ara, b’mod partikolari, it-tieni premessa tad-Deċiżjoni 89/469). Hemm lok li jiġi nnotat ukoll li l-miżuri Komunitarji adottati bejn l-1989 u l-1992 u li jimponu r-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ tal-prodotti provenjenti mir-Renju Unit kienu jkopru b’mod partikolari l-annimali mwielda f’dan il-pajjiż qabel Lulju 1988, jiġifieri dawk imwielda qabel l-introduzzjoni fir-Renju Unit tal-projbizzjoni li jintemgħu lill-annimali li jixtarru għalf mitħun mil-laħam u l-għadam li jkun fih proteini ta’ l-annimali li jixtarru (ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 89/469, l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 90/200 u l-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni 92/290). B’hekk, jeħtieġ li jingħad li d-Deċiżjoni 90/59 tistabbilixxi li "l-ifrat imwielda barra mir-Renju Unit iżda introdotti fir-Renju Unit wara t-18 ta’ Lulju 1988 ma ġewx esposti għall-mikrobu tal-marda mill-intermedjarju ta’ ikel kontaminat".

117    Għalhekk jidher li fl-1990, l-istituzzjonijiet konvenuti kienu diġà jafu, għall-inqas f’ċertu sens, kemm bir-riskju li kienet tippreżenta l-BSE għall-bhejjem ta’ l-Istati Membri kif ukoll bl-eżistenza possibbli ta’ relazzjoni ta’ kawża u effett bejn it-trażmissjoni ta’ din il-marda u l-konsum ta’ għalf infettat tal-laħam u ta’ għadam ta’ l-annimali li jixtarru. Għalhekk huwa ammissibbli li jiġi kkunsidrat li kien ikun prudenti, minn naħa ta’ dawn l-istituzzjonijiet, li jadottaw, qabel Ġunju 1994, miżuri speċifiċi dwar l-użu ta’ l-imsemmi għalf, fuq il-bażi, b’mod partikolari, ta’ l-Artikolu 9(3) u (4) tad-Direttiva 89/662, u ta’ l-Artikolu 10(3) u (4) tad-Direttiva 90/425.

118    Fi kwalunkwe każ, mhux possibbli li jiġi konkluż li l-adozzjoni ta’ miżuri bħal dawn, anki f’dak l-istadju inizjali, kienu neċessarjament permessi li jimpedixxu t-tixrid tal-BSE fil-kontinent, u, aktar preċiżament, il-wasla ta’ dik il-marda fi Spanja fl-2000. Fil-fatt, hemm lok li jiġi kkonstatat li bejn l-1989 u l-1990 seba’ Stati Membri adottaw miżuri ta’ projbizzjoni ta’ l-użu tal-proteini li joriġinaw minn tessuti tal-mammiferi fl-ikel ta’ l-annimali li jixtarru. Madankollu, f’bosta minn dawn l-Istati, dawn id-dispożizzjonijiet ma rnexxilhomx jimpedixxu l-wasla tal-BSE fir-territorji tagħhom. B’hekk, per eżempju, ir-Repubblika Franċiża, li pprojbixxiet l-użu tal-proteini tal-mammiferi fl-ikel ta’ l-ifrat f’Lulju 1990, irreġistrat 328 każ ta’ BSE bejn l-1991 u Mejju 2001, li minnhom kollha ħlief wieħed kienu jikkorrispondu għal ifrat imwielda f’dan il-pajjiż. Bl-istess mod, l-Irlanda, li pprojbixxiet li jintemgħu l-annimali li jixtarru bi proteini ta’ l-annimali li jixtarru f’Awwissu 1989, irreġistrat 651 każ bejn l-1989 u Mejju 2001, bil-parti l-kbira tagħhom qabel l-1996 u t-totalità wara dik id-data ma kinux annimali importati. Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ l-Olanda pprojbixxa wkoll l-użu tal-proteini ta’ l-annimali li jixtarru fl-ikel ta’ l-annimali li jixtarru f’Awwissu 1989; madankollu, 16-il każ ta’ BSE kienu prodotti f’dak il-pajjiż bejn l-1997 u Mejju 2001, li kollha affettwaw ifrat mhux importati.

119    Barra minn dan, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fin-nuqqas ta’ regoli Komunitarji f’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja seta’ jadotta miżuri nazzjonali ta’ projbizzjoni ta’ l-ikel ta’ l-annimali li jixtarru b’għalf mitħun mil-laħam u l-għadam li jkun fihom proteini ta’ l-annimali li jixtarru fit-territorju tagħhom, kif indikat, u kif għamlu bosta Stati Membri. Ċertament, peress li l-marda dehret f’dawk il-pajjiżi fis-sena 2000, l-awtoritajiet Spanjoli setgħu jikkunsidraw, qabel dik id-data, li dawk il-miżuri mhux neċessarjament kellhom jiġu imposti. Jibqa’ l-fatt li l-BSE waslet relattivament kmieni fil-pajjiżi ġirien ta’ Spanja (kemm fl-1990 fil-Portugall u fl-1991 fi Franza) u għalhekk li l-awtoritajiet Spanjoli setgħu jikkunsidraw prudenti, qabel l-1994, li jadottaw miżuri speċifiċi fuq l-użu ta’ l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam fit-territorju tagħhom.

–       L-azzjoni ta’ l-istituzzjonijiet konvenuti bejn Ġunju 1994 u Diċembru 2000

120    Sa mill-1994, il-konvenuti stabbilixxew progressivament strateġija li bil-għan speċifiku li tipprojbixxi, fil-Komunità kollha, li t-tessuti li jista’ jkun fihom l-aġent tal-BSE ma jkunux introdotti fil-katina alimentari ta’ l-annimal. Din l-istrateġija tipprovdi, minn naħa, regoli intiżi li jimminimizzaw ir-riskju ta’ kontaminazzjoni fl-ipproċessar tal-ħmieġ ta’ l-annimali u, min-naħa l-oħra, projbizzjoni ta’ l-ikel bil-għan li tiggarantixxi li, f’każ ta’ falliment ta’ l-imsemmija sistemi ta’ l-ipproċessar tal-ħmieġ, il-bhejjem ma jkunux esposti għall-aġent infettiv tal-BSE permezz ta’ l-ikel li jingħata.

121    Fost dawn il-miżuri, jeħtieġ li ssir enfasi fuq id-Deċiżjoni 94/381, li pprojbixxiet, fil-Komunità kollha, l-użu tal-proteini provenjenti minn mammiferi fl-ikel ta’ l-annimali li jixtarru. Hekk kif jirriżulta mill-imsemmija deċiżjoni (ir-raba’ premessa), wara li l-Kummissjoni eżaminat is-sitwazzjoni b’mod dettaljat flimkien mal-KXV, ikkonkludiet li l-proteini li joriġinaw minn tessuti ta’ annimali li jixtarru kienu l-uniku sors potenzjali importanti ta’ l-aġenti li jikkawżaw l-enċifalopatiji sponġiformi fl-ispeċi sensibbli u li konsegwentement l-esklużjoni tagħhom mill-ikel għal dawn l-ispeċi jnaqqas ir-riskju ta’ infezzjoni. Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-fatt li d-distinzjoni bejn il-proteini ttrasformati li joriġinaw minn annimali li jixtarru u dawk ġejjin minn speċi oħra tal-mammiferi qajmu diffikultajiet, il-Kummissjoni pprojbixxiet l-użu tal-proteini li joriġinaw minn l-ispeċi kollha tal-mammiferi fl-ikel ta’ l-annimali li jixtarru – madankollu bil-possibbiltà li tiġi awtorizzata, każ b’każ, l-applikazzjoni tas-sistemi li jippermettu li ssir distinzjoni bejn il-proteini ta’ l-annimali li jixtarru ma’ dawk ġejjin minn dawk li ma jixtarrux.

122    Ir-rikorrenti jsostnu li dawn id-dispożizzjonijiet kienu insuffiċjenti, b’mod partikolari peress li d-Deċiżjoni 94/381 ma pprojbixxietx il-proteini provenjenti mill-mammiferi kif ukoll fl-ikel ta’ l-annimali li jixtarru, u għalhekk mhux f’dawk ta’ l-annimali l-oħra mrobbija – b’mod partikolari ħnieżer u tjur. Skond dawn, dik il-projbizzjoni parzjali li ulterjurament waslet biex kienet il-kawża tal-kontaminazzjonijiet imħallta u, għalhekk tat-tixrid tal-BSE.

123    F’dan ir-rigward hemm lok li jiġi nnotat li, kif ġie indikat f’opinjoni tal-kumitat xjentifiku ta’ direzzjoni tas-27 u t-28 ta’ Novembru 2000 (it-tielet premessa tad-Deċiżjoni 2000/766), kif ukoll fir-rapport speċjali Nru 14/2001 tal-Qorti ta’ l-Awdituri (punti 29, 30 32 u 33), sussegwentement effettivament irriżulta li l-użu ta’ l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam li joriġinaw minn mammiferi fl-ikel ta’ l-annimai mrobbija barra mill-annimali li jixtarru ppreżenta riskju ta’ kontaminazzjoni fir-rigward ta’ l-ikel ta’ l-annimali li jixtarru. Dan ir-riskju ta’ "kontaminazzjoni mħallta" kien preżenti kemm fil-fabbriki tal-manifattura ta’ l-għalf kif ukoll fl-istabbilimenti tat-trobbija.

124    Madankollu, kif jgħidu r-rikorrenti, il-projbizzjoni assoluta ta’ l-użu tal-proteini ta’ l-annimali fl-ikel ta’ l-annimali kollha mrobbija seħħet biss fil-Komunità kollha bid-Deċiżjoni 2000/766, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2001. Huwa importanti li jingħad li, fi kwalunkwe każ, l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni 2000/766 kienet neċessarja minħabba n-nuqqasijiet tas-sistema fl-implementazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam f’bosta Stati Membri (ir-raba’ sa s-sitt premessa tad-Deċiżjoni 2000/766).

125    Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mir-rapport speċjali Nru 14/2001 tal-Qorti ta’ l-Awdituri (punt 31), il-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri (fosthom ir-Renju ta’ Spanja) ittoleraw ċertu livell ta’ kontaminazzjoni, għalkemm il-leġiżlazzjoni Komunitarja ma tipprovdix għall-marġini ta’ toleranza. Bl-istess mod, spezzjonijiet imwettqa bejn l-1998 u s-sena 2000 mill-Uffiċċju ta’ l-Ikel u tal-Veterinarju tal-Kummissjoni (UIV) urew nuqqasijiet fil-qasam tal-kontroll fil-bejgħ ta’ dan l-għalf fil-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri.

126    Minbarra n-nuqqasijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-implementazzjoni tal-projbizzjoni ta’ l-ikel imsemmija aktar ’il fuq, l-ispezzjonijiet ta’ l-UIV żvelaw ukoll li l-industrija ta’ l-ikel għall-annimali – inklużi fosthom dawk li jiddisponu mill-karkassi u l-fabbriki tal-manifattura ta’ l-ikel – ma għamlux sforzi suffiċjenti sabiex jevitaw li l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam ma jidħolx fl-ikel tal-bhejjem, u li l-ikel ikkonċernat ikun dejjem immarkat korrettament permezz ta’ tikketti (b’hekk, per eżempju, fi Spanja). Dawn in-nuqqasijiet kienu kkontribwixxew għall-fatt li xi sidien kienu bi żball użaw ikel potenzjalment infettiv għall-bhejjem tagħhom (rapport speċjali Nru 14/2001 tal-Qorti ta’ l-Awdituri, punt 33).

127    Minbarra dan, huwa importanti li jiġi nnotat li, wara l-1994, il-Kummissjoni ddefiniet progressivament il-metodi ta’ kif jiġu mormija l-karkassi sabiex titnaqqas il-karatteristika infettiva ta’ l-aġenti tal-BSE preżenti fil-ħmieġ ta’ l-annimali infettati, ittrasformati f’għalf mitħun mil-laħam u l-għadam intiżi għall-użu fl-ikel ta’ l-annimali mrobbija minbarra l-annimali li jixtarru. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni implementat miżuri li jassiguraw l-ispezzjoni u l-approvazzjoni ta’ l-impjanti li jiddisponu mill-karkassi u l-fabbriki ta’ l-ikel għall-annimali.

128    B’hekk, id-Deċiżjoni 94/382 ipprojbiet ċerti proċessi ta’ trasformazzjoni tal-ħmieġ ta’ l-annimali li jixtarru li, wara studju xjentifiku, irriżultaw mhux effettivi sabiex jiddiżattivaw l-aġenti infettivi tal-BSE (is-seba’ premessa tad-deċiżjoni). Ir-regoli minimi stabbiliti minn din id-deċiżjoni kienu madankollu kkwalifikati espressament bħala provviżorji, peress li l-modifika tagħhom kienet diġà prevista fid-dawl tad-data xjentifika futura, sabiex jiġi ggarantit b’mod sodisfaċenti li l-aġenti ma jibqgħux attivi permess tal-proċessi kollha. Fil-fatt, wara li saru studji ġodda, il-Kummissjoni kkonkludiet li waħda biss mis-sistemi ttestjati kienet kapaċi li teqred kompletament l-aġent ta’ l-iscrapie fl-għalf mitħun mil-laħam u ta’ l-għadam – jiġifieri l-użu tas-sħana f’sistema ta’ ħall skond il-lott, jew l-ipproċessar isir b’temperatura minima ta’ 133°C taħt pressjoni ta’ 3 bars ta’ l-inqas għal għoxrin minuta, applikat kemm bħala proċessar uniku jew bħala fażi ta’ sterilizzazzjoni qabel jew wara l-ipproċessar (ħames u s-seba’ premessi tad-Deċiżjoni 96/449). B’hekk, id-Deċiżjoni 96/449 stabbilixxiet, b’effett mill-1 ta’ April 1997, parametri minimi għall-ipproċessar tal-ħmieġ ta’ l-annimali fir-rigward tal-qerda ta’ l-aġenti tal-BSE, billi imponiet fuq l-Istati Membri l-obbligu li ma jawtorizzawx proċessi mhux konformi ma’ l-imsemmija parametri. Madankollu, għalkemm ir-rikorrenti jakkużaw lill-istituzzjonijiet konvenuti li ma adottawx il-mod ta’ l-ipproċessar tal-ħmieġ ta’ l-annimali stabbiliti permezz tad-Deċiżjoni 96/449 qabel, billi jfakkru li l-applikazzjoni tagħha kienet mitluba mill-Parlament fl-1993, madankollu, huma ma jinkludu l-ebda element tat-tip li juri, fir-rigward tal-konoxxenzi xjentifiċi ta’ dak iż-żmien, li d-dispożizzjonijiet preċedenti, b’mod partikolari dawk tad-Deċiżjoni 94/382, kellhom ikunu kkunsidrati fid-data li fiha ġew abbozzati bħala kjarament insuffiċjenti jew żbaljati.

129    Minbarra dan, jeħtieġ li jingħad li d-Deċiżjoni 94/474 ipprojbixxiet l-esportazzjoni mir-Renju Unit tal-materjali kollha u tal-prodotti koperti mid-Deċiżjoni 94/382 u manifatturati wara l-1 ta’ Jannar 1995. Imbagħad, id-Deċiżjoni 96/239 ipprojbixxiet, b’mod assolut, it-trażmissjoni mit-territorju tar-Renju Unit ta’ l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam provenjenti mill-mammiferi, kif ukoll tal-prodotti miksuba minn annimali ta’ l-ispeċi ta’ l-ifrat maqtula fir-Renju Unit u li jistgħu jidħlu fil-katina alimentari ta’ l-annimali. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni 97/735, ipprojbixxiet, fil-Komunità kollha, it-trażmissjoni lejn Stati Membri oħra jew lejn pajjiżi terzi ta’ ħmieġ ta’ l-annimali pproċessat tal-mammiferi li ma ġiex ipproċessat skond il-parametri stabbiliti mid-Deċiżjoni 96/449. Minbarra dan, hija imponiet l-obbligu fuq l-Istati Membri li jiżguraw li l-imsemmi ħmieġ ma jkunux jista’ jidħol fil-katina alimentari ta’ l-annimali.

130    Fl-aħħarnett, minbarra dan, huwa importanti li jkun innotat li, kif tiżvela l-Qorti ta’ l-Awdituri fir-rapport speċjali tagħha Nru 14/2001 (punt 28), l-ispezzjonijiet imwettqa mill-UIV urew, fil-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri – fosthom Spanja –, problemi ta’ traspożizzjoni tardiva tar-regoli Komunitarji dwar il-metodi ta’ kif jiġu mormija l-karkassi u dwar l-ikel ta’ l-annimali, kif ukoll diffikultajiet fil-proċeduri ta’ approvazzjoni ta’ l-istabbilimenti fejn jintremgħu l-karkassi u fil-ħarsien tar-regoli ta’ l-ipproċessar korrispondenti.

–       Konklużjoni

131    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal preċedentement, hemm lok li jiġi konkluż li l-ġestjoni mill-istituzzjonijiet konvenuti tal-problemi marbuta ma’ l-użu ta’ l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam fl-ikel ta’ l-annimali mrobbija, fosthom, b’mod partikolari, l-annimali li jixtarru u l-ipproċessar tal-ħmieġ ta’ l-annimali ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala kawża ċerta u diretta tal-fatt li tfaċċat il-BSE fi Spanja. Fil-fatt, ma ġiex ippruvat li, kieku dawk l-istituzzjonijiet kienu adottaw qabel il-miżuri li huma adottaw sussegwentement, il-marda tal-BSE probabbilment ma kinitx tasal f’dan il-pajjiż. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jingħad ukoll li l-allegata ineffikaċja ta’ bosta miżuri adottati mill-istituzzjonijiet konvenuti kienet l-aktar dovuta għall-applikazzjoni inkorretta u difettuża mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri u mill-operaturi privati.

 2. Fuq l-allegat dewmien fil-projbizzjoni ta’ l-użu tal-MRS

132    Ir-rikorrenti jakkużaw lill-istituzzjonijiet Komunitarji li rreaġixxew tard wisq għar-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta’ esperti ta’ l-OMS ta’ April 1996 u għall-konklużjonijiet tal-KXV ta’ Ottubru 1996 fuq in-neċessità li jiġu eliminati l-MRS mill-ktajjen alimentari kollha. Huma jirrimarkaw, b’mod partikolari, li d-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni ta’ l-użu ta’ kull tip ta’ MRS – li skond id-Deċiżjoni 97/534 kellha tkun prodotta fl-1 ta’ Jannar 1998 – ġiet sussegwentement posposta mill-Kummissjoni u l-Kunsill bi kważi tliet snin sa l-1 ta’ Ottubru 2000.

133    Hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif isostnu r-rikorrenti, il-proposti tal-Kummissjoni li jipprovdu preċiżament għall-esklużjoni tal-MRS mill-ktajjen alimentari tal-bniedem u ta’ l-annimali kienu ġew adottati u implementati tard.

134    Huwa importanti li jiġi nnotat fi kwalunkwe każ li, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 97/534, l-istituzzjonijiet konvenuti kienu adottaw miżuri f’dan il-qasam. B’hekk, b’mod partikolari, id-Deċiżjoni 90/200 ipprojbiet it-trażmissjoni ta’ materjali provenjenti mir-Renju Unit bħall-moħħ, il-mudullun tad-dar, it-timu, it-tunsilli, il-milsa u l-imsaren provenjenti minn ifrat li jkollhom aktar minn sitt xhur meta jinqatlu. Minbarra dan, jeħtieġ li jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet adottati mill-istituzzjonijiet konvenuti dwar l-użu ta’ l-għalf tal-laħam u ta’ l-għadam fl-ikel ta’ l-annimali li jixtarru, kif ukoll dawk dwar l-ipproċessar tal-ħmieġ li joriġina mill-annimali, imsemmija iktar ’il fuq.

135    Minbarra dan, hemm lok li jingħad li, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2000/418, li finalment irregolat l-użu tal-MRS fil-Komunità kollha, bosta Stati Membri kienu diġà adottaw normi nazzjonali li jeskludu l-MRS mill-ktajjen alimentari. Dan huwa l-każ b’mod partikolari fir-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika ta’ Franza, ta’ l-Irlanda, tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tar-Renju ta’ l-Olanda, tar-Repubblika Portugiża u tar-Renju Unit tal-Gran Brettanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq. Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana, minn naħa tagħhom, eskludew l-MRS provenjenti minn annimali li joriġinaw mill-pajjiżi milquta mill-BSE.

136    B’mod partikolari, huwa importanti li jiġi nnotat li fl-4 ta’ Lulju 1996, ir-Renju ta’ Spanja pprojbixxa d-dħul fit-territorju tiegħu ta’ ċerti organi u materjali b’riskju ġej minn ifrat provenjenti minn Franza, mill-Irlanda, mill-Portugall u mill-Iżvizzera u impona obbligu li jiġu meqruda fil-każ li l-ifrat kienu maqtula fi Spanja u provenjenti minn dawn il-pajjiżi. Fost dawn il-prodotti koperti minn dik il-projbizzjoni jidher il-moħħ, il-mudullun tad-dar, l-għajnejn, it-timu, it-tunsilli, il-milsa u l-imsaren. Fid-9 ta’ Ottubru 1996, dik il-miżura ġiet estiża għal ċerti organi tan-nagħaġ u tal-mogħoż provenjenti mill-pajjiżi msemmija aktar ’il fuq u mir-Renju Unit, peress li dan ta’ l-aħħar ma kienx inkluż fil-lista inizjali minħabba miżuri previsti mid-Deċiżjoni 96/239.

137    F’dawk iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li d-dewmien li r-rikorrenti jakkużaw lill-istituzzjonijiet konvenuti bih fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ l-MRS fil-Komunità kollha ma jistax ikun ikkunsidrat bħala kawża li minħabba fiha tfaċċat il-BSE fi Spanja fl-2000. Ma ġiex ippruvat li għalkemm dawn l-istituzzjonijiet ma kinux adottaw qabel il-miżuri li huma adottaw sussegwentement, il-BSE xorta ma kinitx tasal f’dan il-pajjiż.

 3. Fuq it-tneħħija, allegatament kmieni wisq, ta’ l-embargo impost fuq l-ifrat, fuq il-laħam ta’ l-ifrat u l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam provenjenti mir-Renju Unit

138    Ir-rikorrenti jsostnu li l-embargo impost mid-Deċiżjoni 96/239 fuq l-ifrat, fuq il-prodotti ta’ l-ifrat u fuq l-għalf Britanniku kienu neċessarji u xierqa sabiex jimpedixxu t-tixrid tal-BSE u jsostnu li l-istituzzjonijiet konvenuti, b’mod żbaljat u kmieni wisq, taffew immedjatament dak l-embargo. B’hekk, fl-ewwel lok, id-Deċiżjoni 96/362 kienet tneħħi l-projbizzjoni li jiġu mibgħuta prodotti bħal l-isperma, il-ġelatina u x-xaħam ta’ l-annimali. Fit-tieni lok, id-Deċiżjoni 98/256 kienet tinkludi it-tneħħija, sa mill-1 ta’ Ġunju 1998, tal-projbizzjoni ta’ l-esportazzjoni tal-bhejjem, tal-laħam u ta’ l-għalf li joriġina mill-annimali mir-Renju Unit. Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 98/692 kienet immarkat l-aħħar stadju ta’ dan il-proċess tat-tneħħija progressiva ta’ l-embargo impost fuq dan il-pajjiż. Skond ir-rikorrenti, il-kawża diretta tat-tixrid tal-marda fi Spanja fl-aħħar tas-sena 2000 hija din it-tneħħija bikrija wisq ta’ l-embargo, b’mod partikolari fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 98/256.

139    Hemm lok li jiġi mfakkar li, fis-27 ta’ Marzu 1996, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 96/239, li tipprojbixxi b’mod tranżitorju t-trażmissjoni ta’ kull ifrat u tal-laħam kollu ta’ l-ifrat jew prodott miksub minnha, ta’ l-ispermi u l-embrijoni tagħhom, kif ukoll ta’ l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam provenjenti mill-mammiferi, mit-territorju tar-Renju Unit lejn Stati Membri oħra u l-pajjiżi terzi. Dak l-embargo kien jiġġustifika ruħu prinċipalment minħabba l-inċertezza li tfaċċat dwar ir-riskju tat-trażmissjoni tal-BSE lill-bniedem, li kienet ħolqot tħassib kbir fost il-konsumaturi, u seħħet wara d-deċiżjoni ta’ bosta Stati Membri u pajjiżi terzi li jipprojbixxu l-introduzzjoni fit-territorju tagħhom ta’ ifrat ħajjin u tal-laħam ta’ l-ifrat provenjenti mir-Renju Unit.

140    Sussegwentement, hekk kif irrilevaw ir-rikorrenti, id-Deċiżjoni 96/362 neħħiet il-projbizzjoni li tiġi esportata mir-Renju Unit l-isperma ta’ l-ifrat u ta’ prodotti oħra bħall-ġelatina, il-fosfat tad-dikalċju, l-amino aċidi u l-peptides, ix-xaħmijiet u l-prodotti jew derivati mix-xaħam, bil-kundizzjoni b’mod partikolari li jkunu ġew prodotti skond il-metodi deskritti fl-anness ta’ dik id-deċiżjoni, fi stabbilimenti taħt kontroll veterinarju uffiċjali. Hekk kif jindika l-preambolu ta’ l-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet ikkonsultat minn qabel lill-kumitati xjentifiċi kompetenti sabiex jiġi assigurat li dawn il-prodotti kienu kkunsidrati bħala żguri għas-saħħa ta’ l-annimali. Madankollu, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma sostnew l-allegazzjonijiet tagħhom u bl-ebda mod ma taw indikazzjoni tan-natura li tispjega għaliex it-trażmissjoni ta’ dawn il-prodotti mir-Renju Unit setgħet kellha xi effett fuq l-iskoperta tal-BSE fi Spanja.

141    Fir-rigward ta’ l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 98/256 li tneħħi d-Deċiżjoni 96/239, hemm lok li jiġi kkonstatat mill-bidu li, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, hija la neħħiet ir-restrizzjonijiet fuq it-trażmissjoni mir-Renju Unit tal-bhejjem, ta’ l-għalf li joriġina mill-annimali u ta’ laħam, u lanqas stabbiliet tibdil fil-kompetenzi tal-kontrolli rispettivi ta’ l-awtoritajiet tar-Renju Unit u ta’ l-istituzzjoniijiet konvenuti. Dik id-deċiżjoni naqqset biss il-projbizzjoni ta’ l-esportazzjoni mill-Irlanda ta’ Fuq tal-laħam frisk bla għadam, ta’ l-ikkapuljat u ta’ preparazzjonijiet tal-laħam u ta’ prodotti tal-laħam, provenjenti minn annimali mwielda u mkabbra fl-Irlanda ta' Fuq, li joriġinaw minn merħliet iċċertifikati bħala eżenti mill-BSE u maqtula fl-Irlanda ta’ Fuq f’biċċeriji użati esklużivament għal dan il-għan. Bl-eċċezzjoni ta’ din id-deroga, limitata ħafna, id-Deċiżjoni 98/256 żammet il-projbizzjoni mill-esportazzjoni mir-Renju Unit ta’ annimali ħajjin u ta’ embrijoni ta’ annimali ta’ l-ispeċi ta’ l-ifrat, ta’ l-għalf tal-laħam, ta’ l-għalf ta’ l-għadam u ta’ l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam provenjenti mill-mammiferi, kif ukoll tal-laħam u tal-prodotti li jistgħu jidħlu fil-katina alimentari tal-bniedem jew ta’ l-annimali miksuba mill-ifrat maqtula fir-Renju Unit. Bl-istess mod, l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam prodotti fl-Irlanda ta’ Fuq ġew esklużi minn dik id-deroga parzjali għall-projbizzjoni li jiġu esportati prodotti mir-Renju Unit [ara l-Artikolu 6(1)(c) tad-Deċiżjoni 98/256, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 2(1)(a)(ii) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/99/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1976, dwar il-problemi ta’ saħħa li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju ta’ prodotti tal-laħam (ĠU L 26, p. 85)].

142    Minn dan isegwi li l-miżuri introdotti mid-Deċiżjoni 98/256 ma setgħux iwasslu li jitfaċċaw każijiet ta’ BSE fi Spanja, peress li huma ma kinux jippermettu li jintbagħtu mir-Renju Unit għalf mitħun mil-laħam u l-għadam u lanqas ifrat ħajjin. B’mod partikolari, il-possibbiltà miftuħa mid-Deċiżjoni 98/256 tal-bejgħ tal-laħam frisk bla għadam, ta’ l-ikkapuljat jew tal-prodotti abbażi tal-laħam provenjenti mill-Irlanda ta’ Fuq ma tistax tammonta għall-kawża li titfaċċa l-BSE fil-bhejjem Spanjoli, peress li dawn il-prodotti huma b’mod partikolari destinati għall-konsum mill-bniedem u mhumiex mikula mill-annimali li jixtarru.

143    Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna d-Deċiżjoni 98/692, jeħtieġ li jiġi mfakkar li din naqqset il-projbizzjoni ta’ l-esportazzjoni mir-Renju Unit, tal-laħam frisk bla għadam, ta’ l-ikkapuljat u tal-preparazzjonijiet tal-laħam, tal-prodotti tal-laħam u ta’ l-ikel destinat għall-karnivori domestiċi, wild ta’ l-ifrat imwielda u mkabbra fir-Renju Unit u li ġew maqtula f’dan il-pajjiż f’biċċeriji li mhumiex użati għall-qatla ta’ l-ifrat ineliġibbli. Madankollu, fl-ewwel lok, fir-rigward tat-tip ta’ prodotti li t-trażmissjoni tagħhom hija awtorizzata, it-tnaqqis ta’ l-embargo introdott minn dik id-deċiżjoni ma kinitx ta’ tip li twassal għat-tixrid tal-BSE barra mir-Renju Unit. Fit-tieni lok, huwa importanti li jiġi nnotat li l-perijodu medju ta’ inkubazzjoni tal-BSE huwa ta’ erba’ sa ħames snin. Ir-rikorrenti ma jikkuntestawx dan, iżda jsostnu li l-perijodu minimu ta’ inkubazzjoni ta’ dik il-marda huwa ta’ 22 xahar. Madankollu, anki jekk jiġi aċċettat dak il-perijodu minimu ta’ 22 xahar, għandu jiġi konkluż li, fi kwalunkwe każ, peress li d-data għal bidu ta’ trażmissjonijiet permessi mid-Deċiżjoni 98/692 ġiet iffissata għall-1 ta’ Awwissu 1999, din it-tneħħija parzjali ta’ l-embargo ma setgħetx twassal sabiex titfaċċa l-marda fil-bhejjem Spanjoli f’Novembru 2000.

144    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, hemm lok li jiġi konkluż li l-illegalitajiet li r-rikorrenti jakkużaw lill-istituzzjonijiet konvenuti bihom li jikkonċernaw it-tneħħija progressiva ta’ l-embargo impost fl-1996 fuq il-prodotti provenjenti mir-Renju Unit ma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kawża li tiddetermina l-wasla tal-BSE fi Spanja.

 4. Fuq l-allegat nuqqas ta’ l-istituzzjonijiet konvenuti mill-obbligi tagħhom ta’ sorveljanza u ta’ kontroll fil-qasam tas-saħħa ta’ l-annimali u tas-saħħa pubblika

145    Minbarra l-allegati illegalitajiet analizzati fit-taqsimiet preċedenti, ir-rikorrenti jifformulaw kritika ġenerali kontra l-azzjoni ta’ l-istituzzjonijiet konvenuti matul il-perijodu bejn l-1990 u s-sena 2000, fejn ikkunsidraw b’mod partikolari li dawn naqsu mill-obbligi tagħhom ta’ sorveljanza u ta’ kontroll. Ir-rikorrenti jakkużaw lill-istituzzjonijiet konvenuti, b’mod partikolari, li ma implementawx id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 152(4)(b) u (ċ) KE – li jipprovdu għall-possibbiltà li jiġu adottati l-miżuri fil-qasam veterinarju u fitosanitarju u l-azzjonijiet ta’ inkorraġġiment sabiex jiġi assigurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem –, li ma ħadux miżuri ta’ salvagwardja previsti mid-Direttivi 89/662 u 90/425 u ma kkontrollawx l-osservanza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri, speċjalment dawk tar-Renju Unit.

146    Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma identifikawx bi preċiżjoni liema huma l-azzjonijiet u l-ommissjonijiet, barra minn dawk analizzati qabel, li jikkostitwixxu mġiba illegali minn naħa ta’ l-istituzzjonijiet konvenuti. A fortiori, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma sostnew l-allegazzjonijiet tagħhom fuq il-punt dwar xi tkun ir-relazzjoni tal-kawża u effett konkretement eżistenti bejn dawn l-allegati irregolaritajiet u l-iskoperta tal-marda tal-BSE fi Spanja fl-2000.

147    B’hekk, ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom li jagħmlu referenza għar-rapport tal-kummissjoni ta’ investigazzjoni, li skond huma, jikkonferma li l-Kunsill u l-Kummissjoni huma responsabbli għall-kriżi pprovokata mit-tixrid tal-BSE fl-Istati Membri. Jeħtieġ li fil-fatt jiġi nnotat li l-imsemmi rapport stabbilixxa l-eżistenza ta’ ġestjoni ħażina mill-istituzzjonijiet konvenuti tal-kriżi tal-BSE bejn l-1990 u l-1994 u attribwielhom responsabbiltajiet f’dan ir-rigward. Il-Kunsill huwa, b’mod partikolari, akkużat b’nuqqas ta’ azzjoni f’dak il-perijodu. Fir-rigward tal-Kummissjoni, il-kummissjoni ta’ investigazzjoni akkużata b’mod partikolari li tat importanza lit-tmexxija tas-suq għas-skapitu tas-saħħa pubblika, li ssospendiet l-ispezzjonijiet veterinarji lir-Renju Unit bejn Ġunju 1990 u Mejju 1994, li ppruvat timminimizza l-problema, meta pprattikat anki politika ta’ informazzjoni ħażina, u li rregolat tard u b’mod ineffikaċi l-problema ta’ l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam. Dan ir-rapport jindika wkoll l-eżistenza ta’ nuqqasijiet fil-funzjonament u l-koordinazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, l-imsemmi rapport jikkritika l-funzjonament tal-KXV u tal-kumitat veterinarju permanenti.

148    Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jiġi nnotat li r-rapport tal-kummissjoni ta’ investigazzjoni jikkonkludi li l-parti l-kbira tar-responsabbiltà fil-kriżi tal-BSE taqa’ fuq il-gvern tar-Renju Unit, li kien awtorizza t-tibdil tas-sistema ta’ manifattura ta’ l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam li hija l-kawża tal-kontaminazzjoni tal-bhejjem Ingliżi u ma kinux ggarantew, wara l-1988, l-effikaċità tal-projbizzjoni li l-annimali li jixtarru jintemgħu għalf bħal dan u lanqas, suċċessivament, l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni veterinarja Komunitarja dwar il-BSE. Ir-rapport jikkritika ħafna wkoll l-azzjoni tal-produtturi ta’ l-għalf u ta’ dawk li jipproċessaw il-ħmieġ ta’ l-annimali fir-Renju Unit, li kienu ffabbrikaw prodott diffettuż u kienu injoraw ir-riskji tal-kontaminazzjoni eżistenti.

149    Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi nnotat li r-rapport tal-kummissjoni ta’ investigazzjoni ġie fformulat fis-sena 1996 u adottat fi Frar 1997, kważi erba’ snin qabel l-iskoperta tal-BSE fi Spanja. Madankollu, kuntrarjament għal dak li allegaw ir-rikorrenti, il-konklużjonijiet ta’ l-imsemmi rapport mhumiex faċilment estrapolabbli għas-sitwazzjoni ta’ dan il-każ partikolari. Għalhekk, peress li r-rikorrenti jaffermaw li, sas-sena 2000, l-istituzzjonijiet konvenuti ma segwewx ir-rakkomandazzjoni magħmula fl-imsemmi rapport, jeħtieġ li jingħad li, f’rapport ta’ l-14 ta’ Novembru 1997, il-kummissjoni temporanja tal-Parlament responsabbli għall-monitoraġġ tar-rakkomandazzjonijiet dwar il-BSE kkonstatat li "l-Kummissjoni [kienet] implementat, kompletament jew parzjalment, il-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet tal-kummissjoni ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-BSE jew [kienet] intrabtet li tosserva termini preċiżi ħafna għall-implementazzjoni tagħhom".

150    Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li r-referenza għall-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport mhumiex biżżejjed sabiex juru, għall-finijiet tal-kawża preżenti, l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn l-azzjonijiet u l-ommissjonijiet attribwiti għall-istituzzjonijiet konvenuti u l-wasla tal-BSE fi Spanja fl-2000.

151    Min-naħa l-oħra, għal dak li jikkonċerna t-teżi tar-rikorrenti li l-istituzzjonijiet konvenuti ma kkontrollawx biżżejjed l-osservanza tal-leġiżlazzjoni veterinarja Komunitarja, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, anki jekk tikkunsidraha stabbilita, hija ma tkunx ikkunsidrata bħala kawża determinanti ta’ l-iskoperta tal-BSE fi Spanja. Fil-fatt, ir-responsabbiltà tal-kontroll effettiv ta’ l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni veterinarja Komunitarja taqa’ prinċipalment fuq l-Istati Membri. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kontrolli veterinarji applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju, jirriżulta mid-Direttivi 89/662 u 90/425 li dawn il-kontrolli jaqgħu, bħala prijorità, taħt l-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru li jibagħtu l-merkanzija u, imbagħad, taħt idejn l-Istat ta’ destinazzjoni. B’hekk, huma l-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru li jibgħat il-merkanzija li għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi assigurat li l-operaturi jirrispettaw l-eżiġenzi veterinarji fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ħżin, tal-bejgħ u tat-trasport tal-prodotti (Artikolu 4 tad-Direttiva 89/662; Artikolu 4 tad-Direttiva 90/425). Bl-istess mod, l-Istati Membri, f’każ li titfaċċa fit-territorju tagħhom żoonosi jew marda li tista’ tkun ta’ periklu gravi għall-annimali jew is-saħħa tal-bniedem, għandhom idaħħlu immedjatament fis-seħħ il-miżuri ta’ ġlieda jew prevenzjoni previsti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja u japplikaw kull miżura oħra xierqa (l-ewwel u t-tieni paragrafi ta’ l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/662; l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425). Minbarra dan, l-Istat Membru ta’ destinazzjoni jista’, għal raġunijiet gravi ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika jew ta’ l-annimali, jieħu miżuri protettivi, sakemm jittieħdu miżuri mill-Komunità (it-tielet u r-raba’ subparagrafi ta’ l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/662, it-tielet u r-taba’ paragrafi ta’ l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425).

152    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li ma ġiex ippruvat li kieku dawn l-istituzzjonijiet kienu adottaw – jew kieku kienu adottaw kmieni – miżuri aktar stretti, li r-rikorrenti jakkużawhom li ma ħadux, dik il-marda ma kinitx ser tolqot il-bhejjem Spanjoli. B’mod partikolari, mill-proċess jirriżulta li r-regoli Komunitarji spiss ġew injorati kemm mill-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll mill-operaturi ekonomiċi. L-azzjonijiet u l-ommissjonijiet ta’ dawn fil-fatt ifixxklu milli tiġi kkonstatata r-rabta kawżali diretta li għandha teżisti bejn l-allegati illegalitajiet ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji u d-dannu msemmi f’dan il-każ partikolari.

153    Hekk kif jindika r-rapport speċjali Nru 14/2001 tal-Qorti ta’ l-Awdituri, l-ispezzjonijiet imwettqa mill-1996 mill-UIV juru li l-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri (fosthom ir-Renju ta’ Spanja) ma żgurawx b’ċerta saħħa li l-miżuri marbuta mal-BSE jkunu debitament implementati fit-territorju tagħhom. Skond il-Qorti ta’ l-Awdituri, l-iskoperta fis-sena 2000 tat-tieni kriżi tal-BSE għandha tkun ikkunsidrata mill-perspettiva ta’ dik l-implementazzjoni difettuża, mill-Istati Membri, tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, mill-fatt b’mod partikolari ta’ l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ sorveljanza inadegwati u tan-nuqqas ta’ osservanza tal-projbizzjoni li jiġi użat għalf li joriġina mill-annimali fl-ikel ta’ l-annimali li jixtarru, kif ukoll ta’ l-insuffiċjenza tal-kontrolli dwar l-iskambji kummerċjali ta’ l-imsemmija għalf u ta’ l-ikel għall-annimali. Dik l-implementazzjoni difettuża, mill-Istati Membri, tal-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti, mingħajr dubju, ikkontribwiet sabiex tfixkel il-qerda tal-BSE u tiffavorixxi t-tixrid tagħha.

154    Fl-aħħar nett, jeħtieġ li tittieħed in kunsiderazzjoni r-responsabbiltà ta’ ċerti operaturi ekonomiċi privati fit-tixrid tal-marda. B’hekk, l-imsemmi rapport speċjali Nru 14/2001 tal-Qorti ta’ l-Awdituri kkonstata li s-settur agroalimentari ma kienx applika b’severità suffiċjenti l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-BSE, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-projbizzjoni ta’ l-użu ta’ l-għalf u l-obbligu ta’ użu ta’ tikketti.

155    Minn dan isegwi li ma ġiex ippruvat li n-nuqqasijiet allegatament imwettqa mill-Kummissjoni u l-Kunsill fir-rigward ta’ l-obbligi tagħhom ta’ sorveljanza u ta’ kontroll fil-qasam tas-saħħa pubblika kienu determinanti sabiex titfaċċa l-BSE fi Spanja.

 5. Konklużjoni

156    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal preċedentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tikkunsidrax li ġie stabbilit li l-azzjonijiet u l-ommissjonijiet allegatament illegali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni setgħu kienu kkunsidrati bħala kawża ċerta u diretta ta’ l-iskoperta tal-marda tal-BSE fi Spanja fis-sena 2000 u l-waqgħa sussegwenti fil-konsum u fil-prezzijiet tal-laħam ta’ l-ifrat f’dan il-pajjiż, li kkawżaw id-danni invokati mir-rikorrenti f’din is-sentenza. Barra minn hekk, mhux ippruvat li, anki jekk l-istituzzjonijiet konvenuti kienu adottaw – jew kienu adottaw qabel – il-miżuri li r-rikorrenti jakkużawhom li ma ħadux, dik il-marda fl-ebda każ ma kienet laqtgħet il-bhejjem Spanjoli.

157    Konsegwentement, hemm lok li jiġi konkluż li l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn id-dannu allegat u l-imġiba allegatament ħażina ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji mhix stabbilita.

158    Għalhekk, ir-rikors għandu jkun irrifjutat bħala infondat, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi dwar jekk, f’dan il-każ partikolari, humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, jiġifieri l-illegalità ta’ l-imġiba attribwita lill-istituzzjonijiet konvenuti u d-dannu reali.

 Fuq l-ispejjeż

159    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom stess u dawk sostnuti mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, skond it-talbiet tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli għal dak li jikkonċerna l-Unió de Pagesos u l-Confederación de Organizaciones de Agricultores y Ganaderos.

2)      Ir-rikors huwa miċħud bħala infondat għall-kumplament.

3)      Ir-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom u l-ispejjeż tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.


García-Valdecasas

Cooke

Labucka

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Diċembru 2006.

E. Coulon

 

       J. D. Cooke

Reġistratur

 

      President


Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq l-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà, ibbażat fuq il-vizzji fil-forma li jikkonċernaw l-identifikazzjoni tar-rikorrenti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tieni motiv ta’ inammissibbiltà, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni ta’ l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tielet motiv ta’ inammissibbiltà, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku ta’ l-Unió de pagesos u tas-COAG li jressqu kawża

Fuq il-meritu

L-argumenti tal-partijiet

1. Fuq l-eżistenza ta’ imġiba illegali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

– Fuq il-ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tas-saħħa ta’ l-annimali u tas-saħħa pubblika

– Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ prekawzjoni

2. Fuq l-eżistenza ta’ dannu

3. Fuq l-eżistenza ta’ rabta kawżali

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

1. Fuq l-allegat dewmien fil-projbizzjoni ta’ l-użu ta’ l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam u fl-istabbiliment ta’ metodi adegwati għall-ipproċessar tal-ħmieġ ta’ l-annimali

– L-azzjoni ta’ l-istituzzjonijiet konvenuti qabel Ġunju 1994

– L-azzjoni ta’ l-istituzzjonijiet konvenuti bejn Ġunju 1994 u Diċembru 2000

– Konklużjoni

2. Fuq l-allegat dewmien fil-projbizzjoni ta’ l-użu tal-MRS

3. Fuq it-tneħħija, allegatament kmieni wisq, ta’ l-embargo impost fuq l-ifrat, fuq il-laħam ta’ l-ifrat u l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam provenjenti mir-Renju Unit

4. Fuq l-allegat nuqqas ta’ l-istituzzjonijiet konvenuti mill-obbligi tagħhom ta’ sorveljanza u ta’ kontroll fil-qasam tas-saħħa ta’ l-annimali u tas-saħħa pubblika

5. Konklużjoni

Fuq l-ispejjeż



*Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.