Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Marzu 2022 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tad-Danimarka

(Kawża C-167/22)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Grønfeldt u P. Messina, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju tad-Danimarka

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, peress li llimita l-perijodu massimu ta’ parkeġġ f’żoni ta’ mistrieħ li huma proprjetà tal-Istat tul in-network tal-awtostradi fid-Danimarka għal 25 siegħa, ir-Renju tad-Danimarka ma wettaqx l-obbligi tiegħu skont id-dispożizzjonijiet tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport, kif stabbiliti fl-Artikoli 1, 8 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; 1

tikkundanna lil Ir-Renju tad-Danimarka għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni Ewropea ssostni li r-regola tal-25 siegħa, għalkemm ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta, xorta tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, peress li r-regola ma taffettwax bl-istess mod lit-trasportaturi Daniżi u lit-trasportaturi mhux Daniżi. Hija iktar diffiċli għal sewwieqa li jaħdmu għal trasportaturi mhux Daniżi biex jikkonformaw ruħhom mal-obbligi ta’ sewqan u ta’ mistrieħ li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni Ewropew, b’mod partikolari mir-Regolament (KE) Nru 561/2006, 1 minn sewwieqa li jaħdmu għal trasportaturi Daniżi, li għandhom ċentri operattivi fid-Danimarka fejn is-sewwieqa jistgħu jmorru u jipparkjaw matul il-perijodi ta’ mistrieħ tagħhom.

Skont il-Kummissjoni, ir-regola ma tistax tiġi ġġustifikata mill-għanijiet, invokati mid-Danimarka, (i) tal-provvista ta’ iktar opportunitajiet għal sewwieqa sabiex jieħdu l-pawżi u l-perijodi qosra ta’ mistrieħ tagħhom, (ii) tal-eliminazzjoni ta’ parkeġġ illegali u perikoluż f’postijiet ta’ waqfien fl-awtostradi, (iii) li jiġu żgurati kundizzjonijiet tajbin f’postijiet ta’ mistrieħ billi jiġu miġġielda l-effetti negattivi kkawżati minn parkeġġ fit-tul, u (iv) tat-titjib tal-kundizzjonijiet ambjentali u tax-xogħol tas-sewwieqa, peress li din ir-regola ma hijiex adegwata sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu u, barra minn hekk, tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu.

____________

1 Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (ĠU 2009 L 300, p. 72, rettifika fil-ĠU 2018, L 241, p. 14).

1 Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1).