Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2023 – Rimorchiatori Riuniti Panfido & C. vs CINEA

(Kawża T-1193/23)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Rimorchiatori Riuniti Panfido & C. Srl (Venezia, l-Italja) (rappreżentant: M. Solveni, avukat)

Konvenuta: L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Klima, għall-Infrastruttura u għall-Ambjent

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

Prinċipalment, skont l-Artikolu 272 TFUE u bis-saħħa tal-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fil-Ftehim ta’ sussidju INEA/CEF/TRAN/M2014/1038206 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim”), tiddikjara li r-rikorrenti eżegwixxiet b’mod eżatt dak li ġie impost fuqha fil-Ftehim u b’mod partikolari l-Attività Nru 15 tal-Proġett “Poseidon Med II” u b’konsegwenza ta’ dan tiddikjara li ċ-CINEA hija obbligata tħallas b’mod sħiħ favur ir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 9 872 799.02, mill-ispejjeż eliġibbli għas-sussidju ta’ EUR 19 745 598.03 u tordna liċ-CINEA tħallas is-somma ta’ EUR 3 308 761.60 (ekwivalenti għad-differenza bejn dak li huwa dovut lir-rikorrenti abbażi tal-Ftehim u l-pagamenti diġà rċevuti), flimkien mal-interessi flimkien mad-danni għall-iżvalutazzjoni monetarja, jew inkella l-iżgħar somma li jkollha titqies dovuta, fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali jkollha tqis li l-Attività Nru 15 kienet ġiet eżegwita biss parzjalment qabel il-31 ta’ Diċembru 2021;

Sussidjarjament, skont l-Artikolu 252 TFUE, tannulla parzjalment id-deċiżjoni taċ-CINEA tad-9 ta’ Ottubru 2023 u kkomunikata lir-rikorrenti fil-11 ta’ Ottubru 2023, fil-parti fejn ir-rikorrenti tiġi eskluża mis-sussidju;

Bħala miżura istruttorja, fil-każ ta’ kontestazzjoni tal-fatti indikati fl-atti tar-rikors, qiegħed jintalab li jiġi ammess li dawn jiġu pprovati permezz ta’ testi;

Tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Ftehim ta’ sussidju min-naħa taċ-CINEA.

B’mod partikolari, ir-rikorrenti tallega li, minkejja li pproduċiet il-prova li hija wettqet b’mod eżatt l-attivitajiet imposti fuqha mill-Ftehim ta’ sussidju u minkejja li impenjat ruħha formalment li tlesti l-installazzjonijiet kumplessivi tal-bastiment u li tikkummissjonah u minkejja li pproduċiet il-prova tal-attività preparatorja għall-użu sħiħ tiegħu u li d-dewmien kien dovut għal ċirkostanzi lil hinn mill-isfera ġuridika tagħha, iċ-CINEA ddeċidiet li tevalwa l-kontribuzzjoni tar-rikorrenti fil-proġett bħala null u dan bi ksur kemm tal-Artikolu 1147 (li jirrikjedi li jkun hemm ħtija min-naħa tal-parti inadempjenti sabiex din tkun tista’ tinżamm responsabbli), tal-Artikolu 1162 (li jipprevedi li l-interpretazzjoni tat-test tal-kuntratt għandha titwettaq contra proferentem) u tal-Artikolu 1315 (li, fir-rigward tal-obbligi sinallagmatici u meta jkun hemm prova tat-twettiq ta’ parti, jeżiġi, sabiex il-parti l-oħra tiġi lliberata mill-obbligi tagħha, il-produzzjoni tal-prova tal-fatt li jtemm l-obbligu tagħha) tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, kif ukoll tal-Kuntratt ta’ sussidju u tal-istruzzjonijiet ipprovduti mill-INEA lill-benefiċjarji tal-Ftehim ta’ sussidju għal proġetti CEF 1 .

It-tieni motiv ibbażat fuq l-annullament skont l-Artikolu 263 TFUE tad-deċiżjoni taċ-CINEA tad-9 ta’ Ottubru 2023, li turi li l-Aġenzija indikat b’mod espliċitu li l-azzjoni ta’ annullament kienet neċessarja, bħala l-unika proċedura ta’ rikors li tevita t-terminazzjoni tal-azzjoni u indikat li d-deċiżjoni kkontestata nħarġet bi ksur tar-Regolament CEF 1 , tar-Regolament Finanzjarju 2 , tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2015/1921, tal-Linji Gwida għall-evalwazzjoni ta’ azzjonijiet minn benefiċjarji ta’ Ftehim ta’ sussidju, kif ukoll tal-liġi tar-Renju tal-Belġju fir-rigward tal-Ftehim ta’ sussidju u jagħmel riferiment għall-istess elementi ta’ invalidità li huma rilevanti fir-rigward tal-ewwel motiv.

____________

1 “Connecting Europe Facility2.

1 Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (ĠU 2014, L 348, p. 129)

1 Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (GU 2018, L 193, p. 1 u r-rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36).