Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Jannar 2024 – LGAI Technological Center u jtsec Beyond IT Security vs EUSPA

(Kawża T-41/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: LGAI Technological Center, SA (Cerdanyola del Vallés, Spanja), jtsec Beyond IT Security, SL (Granada, Spanja) (rappreżentanti: X. Codina García-Andrade, J. Martínez Gimeno u M. Vélez Fraga, avukati)

Konvenut: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali (EUSPA) tas-16 ta’ Jannar 2024, meħuda fil-kuntest tal-fajl tal-kuntratt pubbliku EUSPA/OP/01/23;

tikkundanna lill-EUSPA għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jargumentaw li l-EUSPA ma tagħthomx il-possibbiltà li jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom qabel ma adottat id-deċiżjoni li l-offerta tagħhom ma tiġix magħżula. Peress li din hija deċiżjoni individwali u li taffettwa lir-rikorrenti b’mod negattiv, l-EUSPA kien imissha identifikat x’kienet il-preokkupazzjoni tagħha u kien imissha tat l-opportunità lir-rikorrenti sabiex isostnu d-drittijiet tagħhom.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jimponu l-Artikolu 170 tar-Regolament Finanzjarju 1 , l-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41 tal-Karta.

Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jargumentaw li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni hija insuffiċjenti u vaga peress li ma tesprimix liema aspetti konkreti wasslu lill-EUSPA sabiex tqis li l-kundizzjoni ta’ eliġibbiltà li wasslet għall-esklużjoni mis-sejħa għal offerti ma kinitx issodisfatta. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi motivazzjoni doppja li hija inkonsistenti fiha nnifisha.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu li l-offerti jiġu evalwati skont il-kriterji stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, konformement mal-Artikoli 160, 167 u 170 tar-Regolament Finanzjarju u mal-Artikolu 29(3) tal-anness tiegħu, flimkien mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta.

Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jargumentaw li l-EUSPA adottat id-deċiżjoni li l-offerta ma tiġix magħżula abbażi ta’ kriterju li ma huwiex imsemmi fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. B’dan il-mod, id-deċiżjoni tiddeċiedi li l-offerta ma tiġix magħżula għaliex “jidher” li ma huwiex issodisfatt il-kriterju ta’ eliġibbiltà. L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jippermettu li tiġi adottata d-deċiżjoni li l-offerta ma tiġix magħżula biss jekk ma jkunx issodisfatt il-kriterju ta’ eliġibbiltà, iżda mhux jekk “jidher” li dan ma huwiex issodisfatt.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterju ta’ eliġibbiltà dwar il-kontroll tal-offerenti minn entità ta’ pajjiż terz (Artikolu 160, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 167 u Artikolu 170 tar-Regolament Finanzjarju, kif ukoll l-Artikolu 29(3) tal-anness tiegħu).

Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jargumentaw li d-deċiżjoni kkontestata donnha tindika li l-motiv li wassal għan-nuqqas ta’ għażla tal-offerta tagħhom huwa li l-istess rikorrenti ma wrewx li kienu jissodisfaw din il-kundizzjoni. Madankollu, fid-dawl tad-dokumenti prodotti kollha, ma huwiex possibbli li jingħad li r-rikorrenti huma taħt l-influwenza ta’ entità ta’ pajjiż terz.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità flimkien mal-prinċipju tal-iżjed kompetizzjoni possibbli, stabbilit fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 160 tar-Regolament Finanzjarju u tal-prinċipji ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li joħorġu mid-dritt primarju, kif ukoll tal-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat (Artikoli 18, 49, 56 u 63 TFUE).

Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jallegaw li l-Aġenzija kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni alternattivi inqas dannużi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni settorjali applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni, bħal li jintalbu kjarifiki speċifiċi mir-rikorrenti jew jiġi eżaminat jekk kienx hemm lok li jiġi applikat il-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/696 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali 1 .

____________

1 Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36).

1 Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u, (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE.