Language of document : ECLI:EU:C:2020:559

Kawża C311/18

Data Protection Commissioner

vs

Facebook Ireland Ltd
u
Maximillian Schrems

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court (l-Irlanda))

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta’ Lulju 2020

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8 u 47 – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 2(2) – Kamp ta’ applikazzjoni – Trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi għal finijiet kummerċjali – Artikolu 45 – Deċiżjoni ta’ adegwatezza tal-Kummissjoni – Artikolu 46 – Trasferimenti suġġetti għal salvagwardji xierqa – Artikolu 58 – Setgħat tal-awtoritajiet superviżorji – Ipproċessar mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiż terz, għal finijiet ta’ sigurtà nazzjonali, tad-data ttrasferita – Evalwazzjoni tan-natura adegwata tal-livell ta’ protezzjoni żgurat fil-pajjiż terz – Deċiżjoni 2010/87/UE – Klawżoli standard ta’ protezzjoni għat-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi – Salvagwardji xierqa offruti mill-kontrollur tad-data – Validità – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1250 – Adegwatezza tal-protezzjoni żgurata mill-Ħarsien tal-Privatezza Unjoni Ewropea-Stati Uniti – Validità – Ilment ta’ persuna fiżika li d-data tagħha ġiet ittrasferita mill-Unjoni Ewropea lejn l-Istati Uniti”

1.        Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament 2016/679 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ pproċessar ta’ data personali – Trasferimenti ta’ data personali mwettqa għal finijiet kummerċjali, minn operatur ekonomiku stabbilit fi Stat Membru lejn operatur ieħor stabbilit f’pajjiż terz – Inklużjoni – Data li tista’ tiġi pproċessata mill-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat għal finijiet ta’ sigurtà nazzjonali – Assenza ta’ effett

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, Artikolu 2(1) u (2)(a)(b) u (d), u l-punt 2 tal-Artikolu 4)

(ara l-punti 82, 83, 85 sa 89, u d-dispożittiv 1)

2.        Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament 2016/679 – Trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiżi terzi – Trasferimenti suġġetti għal salvagwardji xierqa, ibbażati fuq klawżola kuntrattwali standard ta’ protezzjoni tad-data – Kunċett ta’ livell adegwat ta’ protezzjoni li għandu jiġi żgurat mill-pajjiż terz ikkonċernat fil-kuntest ta’ tali trasferimenti – Interpretazzjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 52(3); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, Artikolu 46(1) u (2)(c))

(ara l-punti 92 sa 96, 98 sa 101, 103 sa 105, u d-dispożittiv 2)

3.        Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament 2016/679 – Trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiżi terzi – Trasferimenti suġġetti għal salvagwardji xierqa, ibbażati fuq klawżola kuntrattwali standard ta’ protezzjoni tad-data – Awtoritajiet superviżorji nazzjonali – Setgħat – Superviżjoni tat-trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiżi terzi – Obbligu li tali trasferimenti jiġu sospiżi jew ipprojbiti fil-każ ta’ ksur tal-livell adegwat ta’ protezzjoni fil-pajjiż terz ikkonċernat – Kundizzjonijiet

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 8(3); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, Artikoli 45, 46, 51(1), 57(1)(a) u (f), u 58(1), (2)(f) u (j))

(ara l-punti 107, 108, 112 sa 121, u d-dispożittiv 3)

4.        Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament 2016/679 – Trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiżi terzi – Trasferimenti suġġetti għal salvagwardji xierqa, ibbażati fuq klawżola kuntrattwali standard ta’ protezzjoni tad-data – Deċiżjoni 2010/87 li tistabbilixxi klawżoli kuntrattwali standard għat-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi – Salvagwardji xierqa offruti mill-kontrolluri ta’ tali pproċessar stabbiliti fl-Unjoni u mill-awtoritajiet superviżorji – Obbligu ta’ dawn l-awtoritajiet li jissospendu jew li jipprojbixxu tali trasferimenti fil-każ ta’ ksur tal-imsemmija klawżoli – Drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata, għall-protezzjoni tad-data personali u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Assenza ta’ ksur – Validità tad-deċiżjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8 u 47; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, Artikolu 46(1) u (2)(c); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/87, Anness)

(ara l-punti 128 sa 130, 133 sa 145, 148, 149, u d-dispożittiv 4)

5.        Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament 2016/679 – Trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi – Adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata livell adegwat ta’ protezzjoni f’pajjiż terz – Deċiżjoni 2016/1250 li tikkonstata livell adegwat ta’ protezzjoni żgurat mill-Ħarsien tal-Privatezza Unjoni Ewropea-Stati Uniti – Awtorità superviżorja nazzjonali adita b’talba li ddaħħal inkwistjoni n-natura adegwata tal-livell ta’ protezzjoni żgurat f’dan il-pajjiż terz – Obbligu għal din l-awtorità li teżamina t-talba – Eżami tal-validità tad-Deċiżjoni 2016/1250

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, Artikoli 45(3) u 77(1); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2016/1250, Anness II)

(ara l-punti 151 sa 161)

6.        Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Rispett tal-ħajja privata – Protezzjoni tad-data personali – Żamma u aċċess għad-data personali għall-finijiet tal-użu tagħha mill-awtoritajiet pubbliċi – Indħil f’dawn id-drittijiet fundamentali – Limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 8, u t-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679)

(ara l-punti 170 sa 176)

7.        Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament 2016/679 – Trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi – Adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata livell adegwat ta’ protezzjoni f’pajjiż terz – Deċiżjoni 2016/1250 li tikkonstata livell adegwat ta’ protezzjoni żgurat mill-Ħarsien tal-Privatezza Unjoni Ewropea-Stati Uniti – Assenza ta’ livell ta’ protezzjoni sostanzjalment ekwivalenti għal dak żgurat fid-dritt tal-Unjoni – Ksur tad-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata, għall-protezzjoni tad-data personali u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-persuni kkonċernati minn dawn it-trasferimenti – Introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ Ombudsman fil-kuntest tal-Ħarsien ta’ Privatezza – Assenza ta’ impatt fuq il-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Invalidità tad-deċiżjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8 u 47, u t-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, Artikolu 45(2)(a) u (3); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2016/1250, Anness II)

(ara l-punti 180 sa 185, 187 sa 192, 195 sa 201, u d-dispożittiv 5)

8.        Domandi preliminari – Evalwazzjoni tal-validità – Dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ att tal-Unjoni – Deċiżjoni 2016/1250 li tikkonstata livell adegwat ta’ protezzjoni żgurat mill-Ħarsien tal-Privatezza Unjoni Ewropea-Stati Uniti – Effetti – Limitazzjoni ratione temporis – Assenza

(Artikolu 267 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, Artikolu 49; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2016/1250)

(ara l-punt 202)

Sunt

Il-Qorti tal-Ġustizzja tinvalida d-Deċiżjoni 2016/1260 dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-Ħarsien tal-Privatezza UE-Stati Uniti

Għall-kuntrarju, hija tiddeċiedi li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/87 dwar il-klawżoli kuntrattwali standard għat-trasferiment ta’ data personali lejn proċessuri stabbiliti f’pajjiżi terzi hija valida

Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (1) (iktar ‘il quddiem il-“GDPR”) jipprovdi li, bħala prinċipju, it-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz jista’ jitwettaq biss jekk il-pajjiż terz inkwistjoni jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni ta’ din id-data. Skont dan ir-regolament, il-Kummissjoni tista’ tikkonstata li pajjiż terz jiżgura, minħabba l-leġiżlazzjoni interna tiegħu jew minħabba l-impenji internazzjonali tiegħu, livell adegwat ta’ protezzjoni (2). Fl-assenza ta’ tali deċiżjoni ta’ adegwatezza, tali trasferiment jista’ jitwettaq biss jekk l-esportatur tad-data personali, stabbilit fl-Unjoni, jipprevedi salvagwardji adegwati, li jistgħu jirriżultaw b’mod partikolari minn klawżoli standard ta’ protezzjoni tad-data adottati mill-Kummissjoni, u jekk is-suġġetti tad-data jkollhom drittijiet infurzabbli u rimedji legali effettivi (3). Barra minn hekk, il-GDPR jistabbilixxi, b’mod preċiż, il-kundizzjonijiet li fihom tali trasferiment jista’ jseħħ fl-assenza ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza jew ta’ salvagwardji adegwati (4).

Maximillian Schrems, ċittadin Awstrijak li jirrisjedi fl-Awstrija, ilu juża Facebook mill-2008. Bħal fil-każ tal-utenti l-oħra li jirrisjedu fl-Unjoni, id-data personali ta’ M. Schrems tiġi ttrasferita, kompletament jew parzjalment, minn Facebook Ireland lejn is-servers ta’ Facebook Inc., li jinsabu fit-territorju tal-Istati Uniti, fejn tkun is-suġġett ta’ pproċessar. M. Schrems ippreżenta lment quddiem l-awtorità superviżorja Irlandiża intiż, essenzjalment, sabiex jiġu pprojbiti dawn it-trasferimenti. Huwa sostna li d-dritt u l-prassi tal-Istati Uniti ma joffrux protezzjoni suffiċjenti kontra l-aċċess, mill-awtoritajiet pubbliċi, għad-data ttrasferita lejn dan il-pajjiż. Dan l-ilment kien ġie miċħud għar-raġuni, b’mod partikolari li, fid-Deċiżjoni 2000/520 tagħha (5) (magħrufa bħala d-deċiżjoni ta’ “port salv”), il-Kummissjoni kienet ikkonstatat li l-Istati Uniti kienu jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni. Permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq domanda preliminari magħmula mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), kienet iddeċidiet li din id-deċiżjoni kienet invalida (iktar ‘il quddiem is-“sentenza Schrems I”) (6).

Wara s-sentenza Schrems I u l-annullament konsekuttiv, mill-qorti Irlandiża, tad-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment ta’ M. Schrems, l-awtorità superviżorja Irlandiża stiednet lil dan tal-aħħar sabiex jifformula mill-ġdid l-ilment tiegħu fid-dawl tal-invalidazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tad-Deċiżjoni 2000/520. Fl-ilment ifformulat mill-ġdid tiegħu, M. Schrems sostna li l-Istati Uniti ma joffrux protezzjoni suffiċjenti tad-data ttrasferita lejn dan il-pajjiż. Huwa talab is-sospensjoni jew il-projbizzjoni, fil-futur, tat-trasferimenti tad-data personali tiegħu mill-Unjoni lejn l-Istati Uniti, li Facebook Ireland issa twettaq fuq il-bażi tal-klawżoli standard ta’ protezzjoni tad-data li jinsabu fl-Anness tad-Deċiżjoni 2010/87 (7). Peress li qieset li l-ipproċessar tal-ilment ta’ M. Schrems kien jiddependi, b’mod partikolari, mill-validità tad-Deċiżjoni 2010/87, l-awtorità superviżorja Irlandiża fetħet proċedura quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja) bil-għan li din tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Wara l-ftuħ ta’ din il-proċedura, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2016/1250 dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-Ħarsien tal-Privatezza UE-Stati Uniti (8) (magħrufa bħala d-“deċiżjoni dwar il-Ħarsien tal-Privatezza”).

Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikabbiltà tal-GDPR għal trasferimenti ta’ data personali bbażati fuq il-klawżoli standard ta’ protezzjoni tad-data li jinsabu fid-Deċiżjoni 2010/87, dwar il-livell ta’ protezzjoni meħtieġ minn dan ir-regolament fil-kuntest ta’ tali trasferiment u dwar l-obbligi tal-awtoritajiet superviżorji f’dan il-kuntest. Barra minn hekk, il-High Court (il-Qorti Għolja) qajmet il-kwistjoni tal-validità kemm tad-Deċiżjoni 2010/87 u kemm tad-Deċiżjoni 2016/1250.

Permezz tas-sentenza tagħha tal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-eżami tad-Deċiżjoni 2010/87 fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tagħha. Għall-kuntrarju, hija ddikjarat li d-Deċiżjoni 2016/1250 hija invalida.

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, l-ewwel nett, li d-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-GDPR, japplika għal trasferiment ta’ data personali mwettaq għal finijiet kummerċjali minn operatur ekonomiku stabbilit fi Stat Membru lejn operatur ekonomiku ieħor stabbilit f’pajjiż terz, anki jekk, matul jew wara dan it-trasferiment, din id-data tista’ tkun ipproċessata għal finijiet ta’ sigurtà pubblika, ta’ difiża u ta’ sigurtà tal-Istat mill-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat. Hija speċifikat li dan it-tip ta’ pproċessar ta’ data mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz ma jistax jeskludi tali trasferiment mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament.

Fir-rigward tal-livell ta’ protezzjoni meħtieġ fil-kuntest ta’ tali trasferiment, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżiti previsti għal dan il-għan mid-dispożizzjonijiet tal-GDPR, li jikkonċernaw salvagwardji xierqa, drittijiet infurzabbli u rimedji legali effettivi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-persuni li d-data personali tagħhom tiġi ttrasferita lejn pajjiż terz fuq il-bażi ta’ klawżoli standard ta’ protezzjoni tad-data, għandhom jibbenefikaw minn livell ta’ protezzjoni sostanzjalment ekwivalenti għal dak iggarantit fi ħdan l-Unjoni minn dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-Karta. F’dan il-kuntest, hija speċifikat li l-evalwazzjoni ta’ dan il-livell ta’ protezzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni kemm l-istipulazzjonijiet kuntrattwali miftiehma bejn l-esportatur tad-data stabbilit fl-Unjoni u d-destinatarju tat-trasferiment stabbilit fil-pajjiż terz ikkonċernat u kemm, fir-rigward ta’ eventwali aċċess mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ dan il-pajjiż terz għad-data hekk ittrasferita, l-elementi rilevanti tas-sistema legali tiegħu.

Fir-rigward tal-obbligi li għandhom l-awtoritajiet superviżorji fil-kuntest ta’ tali trasferiment, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sakemm ma jkunx hemm deċiżjoni ta’ adegwatezza adottata b’mod validu mill-Kummissjoni, dawn l-awtoritajiet huma b’mod partikolari obbligati jissospendu jew jipprojbixxu trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz meta jqisu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi kollha ta’ dan it-trasferiment, li dawn il-klawżoli standard ta’ protezzjoni tad-data ma humiex jew ma jistgħux jiġu osservati f’dan il-pajjiż terz u li l-protezzjoni tad-data ttrasferita, meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni, ma tistax tiġi żgurata b’mezzi oħra, sakemm l-esportatur stabbilit fl-Unjoni ma jkunx issospenda jew temm tali trasferiment huma stess.

Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat imbagħad il-validità tad-Deċiżjoni 2010/87. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-validità ta’ din id-deċiżjoni ma tiddaħħalx inkwistjoni mis-sempliċi fatt li l-klawżoli standard ta’ protezzjoni tad-data li jinsabu fiha ma jorbtux, minħabba n-natura kuntrattwali tagħhom, lill-awtoritajiet tal-pajjiż terz li lejh jista’ jitwettaq trasferiment ta’ data. Għall-kuntrarju, hija speċifikat li din il-validità tiddependi mill-kwistjoni ta’ jekk l-imsemmija deċiżjoni tinkludix mekkaniżmi effettivi li jippermettu, fil-prattika, li jiġi żgurat li l-livell ta’ protezzjoni meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni jiġi osservat u li t-trasferimenti ta’ data personali, ibbażati fuq tali klawżoli, jiġu sospiżi jew ipprojbiti fil-każ ta’ ksur ta’ dawn il-klawżoli jew fil-każ li jkun impossibbli li jiġu osservati. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-Deċiżjoni 2010/87 tipprevedi tali mekkaniżmi. F’dan ir-rigward, hija enfasizzat, b’mod partikolari, li din id-deċiżjoni tistabbilixxi obbligu għall-esportatur tad-data u għad-destinatarju tat-trasferiment li jivverifikaw, minn qabel, li dan il-livell ta’ protezzjoni jkun osservat fil-pajjiż terz ikkonċernat u li din id-deċiżjoni tobbliga lil dan id-destinatarju jinforma lill-esportatur tad-data dwar l-eventwali inkapaċità tiegħu li jikkonforma ruħu mal-klawżoli standard ta’ protezzjoni, f’liema każ dan tal-aħħar ikollu jissospendi t-trasferiment ta’ data u/jew ixolji l-kuntratt konkluż ma’ dak tal-ewwel.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja għaddiet sabiex teżamina l-validità tad-Deċiżjoni 2016/1250 fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-GDPR, moqri fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta li jiggarantixxu r-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, il-protezzjoni tad-data personali u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li din id-deċiżjoni tirrikonoxxi, bħad-Deċiżjoni 2000/520, is-supremazija tar-rekwiżiti marbuta mas-sigurtà nazzjonali, mal-interess pubbliku u mal-osservanza tal-leġiżlazzjoni Amerikana, b’tali mod li tippermetti ndħil fid-drittijiet fundamentali tal-persuni li d-data tagħhom tiġi ttrasferita lejn dan il-pajjiż terz. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-limitazzjonijiet tal-protezzjoni tad-data personali li joħorġu mil-leġiżlazzjoni interna tal-Istati Uniti dwar l-aċċess u l-użu, mill-awtoritajiet pubbliċi Amerikani, ta’ tali data ttrasferita mill-Unjoni lejn dan il-pajjiż terz, u li l-Kummissjoni evalwat fid-Deċiżjoni 2016/1250, ma humiex iddefiniti b’mod li jissodisfa rekwiżiti sostanzjalment ekwivalenti għal dawk meħtieġa, fid-dritt tal-Unjoni, mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn il-programmi ta’ sorveljanza bbażati fuq din il-leġiżlazzjoni ma humiex limitati għal dak li huwa strettament neċessarju. Filwaqt li bbażat ruħha fuq il-konstatazzjonijiet magħmula f’din id-deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fil-każ ta’ ċerti programmi ta’ sorveljanza, l-imsemmija leġiżlazzjoni bl-ebda mod ma tindika l-eżistenza ta’ limitazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni mogħtija minnha għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi, u lanqas ma tindika l-eżistenza ta’ salvagwardji għall-persuni mhux Amerikani potenzjalment ikkonċernati. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, għalkemm l-imsemmija leġiżlazzjoni tipprevedi rekwiżiti li l-awtoritajiet Amerikani għandhom josservaw, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-programmi ta’ sorveljanza kkonċernati, hija ma tagħtix lis-suġġetti tad-data drittijiet infurzabbli fil-konfront tal-awtoritajiet Amerikani quddiem il-qrati.

Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għall-kuntrarju ta’ dak li kkunsidrat il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni 2016/1250, il-mekkaniżmu ta’ Ombudsman previst f’din id-deċiżjoni ma jagħtix lil dawn il-persuni rimedju quddiem korp li joffri salvagwardji sostanzjalment ekwivalenti għal dawk meħtieġa fid-dritt tal-Unjoni, ta’ natura li jiżguraw kemm l-indipendenza tal-Ombudsman previst minn dan il-mekkaniżmu u kemm l-eżistenza ta’ normi li jawtorizzaw lill-imsemmi Ombudsman jadotta deċiżjonijiet vinkolanti fir-rigward tas-servizzi tal-intelligence Amerikani. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat id-Deċiżjoni 2016/1250 invalida.


1      Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas 27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).


2      Artikolu 45 tal-GDPR.


3      Artikolu 46(1) u (2)(c) tal-GDPR.


4      Artikolu 49 tal-GDPR.


5      Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/520/KE tas-26 ta’ Lulju 2000 skond id-Direttiva 95/46/EC tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv u li tirrigwarda mistoqsijiet li jsiru ta’ spiss maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-USA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 16, Vol. 1, p. 119).


6      Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C362/14(ara wkoll l-Istqarrija għall-istampa Nru 117/15).


7      Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/87/UE tal-5 ta’ Frar 2010 dwar klawżoli kuntrattwali standard għat-trasferiment ta’ dejta personali għall-proċessuri stabbiliti f’pajjiżi terzi, taħt id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2010, L 39, p. 5), kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2297 tas-16 ta’ Diċembru 2016 (ĠU 2016, L 344, p. 100).


8      Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1250 tat-12 ta’ Lulju 2016 skont id-Direttiva Nru 95/46 dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-Ħarsien tal-Privatezza UE-U.S. (ĠU 2016, L 207, p. 1).