Language of document : ECLI:EU:T:2014:26

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

23 ta’ Jannar 2014

Kawża T‑174/13 P

Il‑Kummissjoni Ewropea

vs

BO

“Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Sigurtà soċjali – Rimbors tal-ispejjeż ta’ trasport – Spejjeż ta’ trasport għal raġunijiet lingwistiċi – Artikolu 19(2) tar-Regolament komuni dwar l-assigurazzjoni kontra r-riskji ta’ mard ta’ uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej – Punt 2.5 tal-Kapitolu 12 tat-Titolu II tad-Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni fir-rigward tar-rimbors ta’ spejjeż mediċi”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Jannar 2013, BO vs Il‑Kummissjoni (F‑27/11), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk inkorsi minn BO fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-mard – Spejjeż ta’ trasport inkorsi għal raġunijiet lingwistiċi – Rimbors – Esklużjoni – Rimbors tal-ispejjeż ta’ trasport marbuta ma’ kura medika li teħtieġ l-użu ta’ lingwa li wieħed ikun jaf – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Regoli dwar l-assigurazzjoni kontra r-riskju ta’ inċidenti u ta’ mard fuq il-post tax-xogħol, Artikolu 19)

Mill-Artikolu 19 tar-Regolament komuni dwar l-assigurazzjoni kontra r-riskji ta’ mard ta’ uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u mill-punt 2.5 tal-Kapitolu 12 tat-Titolu II tad-Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ twettiq [implementazzjoni] fir-rigward tal-ħlas lura [tar-rimbors] ta’ spejjeż mediċi jirriżulta li t-teħid ta’ responsabbiltà għal spejjeż mediċi mill-iskema ta’ assigurazzjoni komuni kontra l-mard għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma joħloqx dritt sussegwenti għat-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż ta’ trasport korrispondenti.

Għalhekk, fil-każ fejn spejjeż ta’ trasport jidhru li jkunu ġew inkorsi b’konsegwenza ta’ għażla, li ċertament tkun konformi mal-prinċipju tal-għażla ħielsa tat-tabib previst fl-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament komuni, fil-forma tal-preferenza tal-benefiċjarju tal-iskema ta’ assigurazzjoni komuni kontra l-mard iċċitata iktar ’il fuq li jirrikorri għas-servizzi ta’ tabib jew għal trattament b’lingwa li huwa jifhem, meta l-lingwa inkwistjoni ma tikkostitwixxix element inerenti fit-trattament u meta l-kura neċessarja tkun aċċessibbli fil-post ta’ residenza jew ta’ assenjazzjoni tal-benefiċjarju, ir-raġunijiet esklużivament lingwistiċi li jkunu ddeterminaw l-għażla tat-tabib jeskludu t-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż ta’ trasport jew ta’ akkumpanjament korrispondenti.

Min-naħa l-oħra, dan ma japplikax fil-każ fejn l-ispejjeż ta’ trasport jiġu inkorsi għal raġunijiet li ma jkunux marbuta ma’ għażla ta’ konvenjenza, iżda jkunu indispensabbli sabiex jippermettu lill-benefiċjarju jsegwi trattament jew jibbenefika minn kura li ma jkunux aċċessibbli fil-post ta’ residenza jew ta’ assenjazzjoni tiegħu, bil-kundizzjoni li l-lingwa li biha jingħataw it-trattament jew il-kura inkwistjoni tikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali ta’ dawn tal-aħħar. Dan ikun il-każ meta l-użu ta’ lingwa mitkellma mill-benefiċjarju huwa inerenti fit-trattament innifsu jew marbut b’mod inseparabbli miegħu, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ pedopsikoterapija.

(ara l-punti 37 sa 41)