Language of document : ECLI:EU:C:2009:520

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2009 1(1)

Kawża C‑139/07 P

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Technische Glaswerke Ilmenau

sostnuta minn

Ir-Renju tad-Danimarka


Partijiet oħra fil-kawża:

Ir-Repubblika tal-Finlandja

Ir-Renju tal-Isvezja

“Appell – Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Ħarsien tal-iskop ta’ investigazzjoni – Proċedura ta’ eżami fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat – Rifjut ta’ aċċess”





I –    Introduzzjoni

1.        Din il-kawża tikkonċerna l-kwistjoni tal-kunfidenzjalità tal-fajl tal-Kummissjoni relatat ma’ proċedura ta’ investigazzjoni ta’ għajnuna kurrenti mill-Istat.

2.        Fl-imgħoddi, l-aċċess għal dan il-fajl kien jiġi ttrattat esklużivament mil-lat tad-dritt proċedurali li jiġi kkonsultat il-fajl. Il-partijiet fil-proċedura biss għandhom dritt jikkonsultaw il-fajl. Fil-proċedura ta’ eżami fil-qasam tal-għajnuna skont l-Artikolu 88 KE u r-Regolament Nru 659/1999 (2), dan l-istatus jiġi rrikonoxxut biss lill-Istat Membru kkonċernat.

3.        Huwa veru li l-partijiet ikkonċernati l-oħra jistgħu saħansitra jippreżentaw rikors kontra deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat meta dawn ikunu direttament u individwalment ikkonċernati. Madankollu, dan ma jfissirx li huma jsiru partijiet fil-proċedura ta’ għajnuna mill-Istat u għaldaqstant il-Kummissjoni tista’ tirrifjutalhom id-dritt li jikkonsultaw il-fajl.

4.        Ir-Regolament Nru 1049/2001 (3), min-naħa l-oħra, jippermetti lil kull ċittadin ikollu aċċess għad-dokumenti kollha li jkunu fil-pussess tal-Kummissjoni. Dan id-dritt qed jiġi invokat minn Technische Glaswerke Ilmenau GmbH (iktar ’il quddiem “TGI”). Hija teżiġi l-aċċess għad-dokumenti tal-Kummissjoni li għandhom konnessjoni mal-għajnuna mill-Istat li tikkonċernaha.

5.        Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, peress li TGI ma għandha l-ebda dritt tikkonsulta l-fajl, teżisti wkoll eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti. F’dan ir-rigward, hija tinvoka l-ħarsien tal-iskop ta’ investigazzjoni skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

6.        L-imġiba tal-Kummissjoni hija bbażata, almenu parzjalment, fuq id-diffikultajiet prattiċi kbar marbuta mal-aċċess għad-dokumenti tal-fajl tal-proċedura. Il-fajls ta’ spiss ikunu voluminużi ferm u jinkludu għadd ta’ informazzjoni li eventwalment trid tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali anki għal raġunijiet oħrajn li ma humiex il-ħarsien tal-iskop ta’ investigazzjoni (pereżempju, sigrieti kummerċjali jew dokumenti interni). Għalhekk, eżami individwali ta’ kull dokument jista’ jwassal biex jinħlew ħafna riżorsi, iktar u iktar għaliex is-servizzi kompetenti huma diġà mgħobbija ħafna bl-investigazzjoni fuq l-għajnuna. Problemi simili jeżistu fi proċeduri oħrajn ta’ investigazzjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni.

II – Il-kuntest ġuridiku

7.        Il-kuntest ġuridiku ta’ dan il-każ huwa magħmul mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 UE u mill-Artikolu 255 KE, kif ukoll mir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

8.        It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 UE jipprovdi:

“Dan it-Trattat huwa pass ġdid lejn il-ħolqien ta’ għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli ta’ l-Ewropa, li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin.”

9.        L-Artikolu 255(1) u (2) KE jipprovdi:

“1.      Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, soġġett għall-prinċipji u l-kondizzjonijiet kif definiti skond il-paragrafi 2 u 3.

2.      Il-prinċipji ġenerali u l-limiti għar-raġuni ta’ interess pubbliku jew privat li jirregolaw id-dritt ta’ l-aċċess għal dokumenti jiġu stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam.”

10.      Anki l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 (4) (iktar ’il quddiem il-“Karta tad-Drittijiet Fundamentali”), jirrikonoxxi dan id-dritt:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni, ikun xi jkun il-mezz tagħhom.”

11.      Fuq il-bażi tal-Artikolu 255(2) KE l-Kunsill adotta r-Regolament Nru 1049/2001. Il-Premessi 2, 4, 10 u 11 tar-Regolament jipprovdu dan li ġej:

“(2)      It-trasparenza tgħin liċ-ċittadin jieħu sehem fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod aktar mill-qrib, u jiggarantixxi li l-amministrazzjoni tgawdi aktar leġittimità u tkun aktar effettiva u kontabbli liċ-ċittadin f’sistema demokratika. It-trasparenza ssaħħaħ il-prinċipji tad-demokrazija u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali, kif stabbilit fl-Artikolu 6 tat-Trattat ta’ l-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]

(4)      L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jagħti l-akbar effett possibbli lid-dritt ta’ l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u li jistipula l-prinċipji ġenerali u l-limiti fuq dan l-aċċess skond l-Artikolu 255(2) tat-Trattat tal-KE.

[…]

(10)      Aċċess għal dokumenti għandu jingħata mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni mhux biss għad-dokumenti miktuba mill-istituzzjonijiet, iżda wkoll għad-dokumenti li dawn jirċievu sabiex ikun hemm aktar trasparenza fix-xogħol ta’ l-istituzzjonijiet. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li d-Dikjarazzjoni Nru 35, mehmuża ma’ l-Att Finali tat-Trattat ta’ Amsterdam jipprovdi li Stat Membru jista’ jitlob lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill li ma jikkommunikawx lil partijiet terzi dokument li ġej minn dak l-Istat mingħajr il-kunsens tiegħu minn qabel.

(11)      Bħala prinċipju, kull dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet għandhom jkunu aċċessibbli għall-pubbliku. Madankollu, bħala eċċezzjonijiet, xi interessi pubbliċi u privati għandhom jitħarsu. L-istituzzjonijiet għandhom ikollhom id-dritt li jħarsu l-konsultazzjonijiet u deliberazzjonijiet interni tagħhom fejn meħtieġ sabiex jissalvagwardjaw is-setgħa tagħhom li jwettqu l-kompiti tagħhom. […]”

12.      Skont l-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-għan ta’ dan ir-Regolament huwa “li jfisser il-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, li jirregolaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni […] previsti fl-Artikolu 255 tat-Trattat tal-KE sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti”.

13.      L-Artikolu 2(1) tar-Regolament jagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni, u lil kull persuna fiżika jew ġuridika residenti jew bl-uffiċċju rreġistrat fi Stat Membru dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, “bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament”.

14.      L-Artikolu 2(3) jistabbilixxi li dan ir-regolament jikkonċerna kull dokument miżmum minn istituzzjoni, “jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea”.

15.      L-Artikolu 3(a) jiddefinixxi bħala “dokument” “kull kontenut, ikun liema jkun il-medju tiegħu (miktub fuq karta jew reġistrat f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni, ta’ ħoss, viżiv jew awdjoviż) dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni”.

16.      L-Artikolu 4(2) tar-Regolament (“Eċċezzjonijiet”) jistabbilixxi li:

“2.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

–        interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

–        proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

–        l-iskop ta’ ispezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki,

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.”

17.      L-Artikolu 6 tar-Regolament jirregola l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni minn ċittadini tal-Unjoni:

“1.      Applikazzjonijiet għall-aċċess għal dokument għandhom isiru f’xi forma miktuba, inkluża l-forma elettronika, f’waħda mill-ilsna msemmija fl-Artikolu 314 tat-Trattat tal-KE u b’mod preċiż biżżejjed sabiex tgħin lill-istituzzjoni issib id-dokument. L-applikant mhux obbligat li jagħti r-raġunijiet għall-applikazzjoni.

2.      Jekk applikazzjoni m’hijiex preċiża biżżejjed, l-istituzzjoni għandha titlob lill-applikant sabiex jiċċara l-applikazzjoni u għandha tgħin l-applikant f’dan il-proċess billi, per eżempju, tagħti tagħrif dwar l-użu tar-reġistri pubbliċi ta’ dokumenti.

3.      Fil-każ ta’ applikazzjoni dwar dokument twil ħafna jew dwar numru kbir ta’ dokumenti, l-istituzzjoni involuta tista’ tkellem lill-applikant b’mod informali, sabiex isibu soluzzjoni imparzjali.

4.      L-istituzzjoni għandha tagħti tagħrif u għajnuna lil ċittadini dwar kif u fejn l-applikazzjonijiet għal aċċess għad-dokumenti jistgħu jsiru.”

18.      Ir-Regolament Nru 659/1999 jirregola l-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna. L-Artikolu 20 tiegħu jirregola d-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati:

“1.       Kull parti interessata [kkonċernata] tista’ tissottometti kummenti skond l-Artikolu 6 wra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Kull parti interessata [kkonċernata] li ssottomettiet dawn il-kummenti u kull benefiċjarju ta’ għajnuna individwali għandha tintbgħatilhom kopja tad-deċiżjoni meħudha mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7.

2.      Kull parti interessata [kkonċernata] tista’ tinforma lill-Kummissjoni dwar kull allegata għajnuna llegali u dwar kull allegat użu ħażin ta’ għajnuna. Fejn il-Kummissjoni tikkonsidra li abbażi ta’ l-informazzjoni fil-pussess tagħha m’hemmx raġunijiet biżżejjed biex tingħata opinjoni dwar il-każ, għandha tinforma lill-parti interessata [kkonċernata] b’dan. Fejn il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni fuq każ li jikkonċerna s-suġġett ta’ l-argument ta’ l-informazzjoni fornuta, għandha tibgħat kopja ta’ dik id-deċiżjoni lill-parti interessata [kkonċernata].

3.      Fuq talba tagħha, kull parti interessata [kkonċernata] għandha tikseb kopja ta’ kull deċiżjoni skond l-Artikoli 4 u 7, l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 11.”

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura

A –    Premessa

1.      Il-proċedura dwar l-għajnuna mill-Istat C 19/2000

19.      TGI hija kumpannija Ġermaniża b’uffiċċju rreġistrat f’Ilmenau, fi Freistaat Thüringen. Hija tipproduċi ħġieġ speċjali. Fl-1997, il-Bundesanstalt für vereinigungsbedingte Sonderaufgaben (Entità Federali Ġermaniża għall-attivitajiet speċjali marbuta mar-riunifikazzjoni), Freistaat Thüringen u investitur privat qablu dwar azzjoni miftiehma biex isostnu finanzjarjament lil TGI.

20.      B’ittra tal-1 ta’ Diċembru 1998, il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni l-miżuri dwar l-azzjoni miftiehma. B’ittra tal-4 ta’ April 2000, il-Kummissjoni tat bidu għal proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 88(2) KE, proċedura li ngħatat in-numru ta’ referenza C 19/2000 (5).

21.      Fil-proċedura dwar l-għajnuna mill-Istat intervjeniet b’mod partikolari Schott Glas, kumpannija kompetitriċi ta’ TGI, permezz ta’ osservazzjonijiet bil-miktub.

22.      Fit-12 ta’ Ġunju 2001, il-Kummissjoni adottat f’din il-proċedura d-Deċiżjoni 2002/185/KE (6). Hija ddikjarat li tnaqqis fil-prezz ta’ DEM 4 miljuni favur l-investitur ma kienx kompatibbli mas-suq komuni. Tliet miżuri oħra tal-azzjoni miftiehma ġew diżassoċjati minn din il-proċedura dwar l-għajnuna mill-Istat u tħallew għal proċedura formali oħra ta’ investigazzjoni. Ir-rikors li TGI ressqet kontra din id-deċiżjoni nċaħad mill-Qorti tal-Prim’Istanza b’sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004 (7). L-appell minn din is-sentenza li ressqet TGI ma ntlaqax (8).

2.      Il-proċedura dwar l-għajnuna mill-Istat C 44/2001

23.      B’ittra tat-3 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni tat bidu għal proċedura oħra ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 88(2) KE – bin-numru ta’ referenza C 44/2001 – rigward il-miżuri diżassoċjati mill-proċedura dwar l-għajnuna mill-Istat C 19/2000 (9).

24.      Fit-2 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni temmet din il-proċedura bid-Deċiżjoni 2003/383/KE, fejn iddikjarat li tnejn mill-miżuri tal-azzjoni miftiehma li ġew ivverifikati ma kinux kompatibbli mas-suq komuni (10). TGI appellat anki minn din id-deċiżjoni; din il-proċedura, però, ġiet arkivjata wara li nċaħad l-appell fil-proċeduri rigward l-ewwel deċiżjoni (11).

B –    Din il-proċedura dwar l-aċċess għall-fajl

1.      Il-proċedura amministrattiva

25.      Fl-24 ta’ Ottubru 2001 TGI talbet lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tieni proċedura ta’ investigazzjoni formali C 44/2001, tħalliha tikkonsulta verżjoni mhux kunfidenzjali tal-fajl. Il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba fit-23 ta’ Novembru 2001.

26.      B’ittra tal-1 ta’ Marzu 2002, TGI talbet lill-Kummissjoni l-aċċess għad-dokumenti “fil-proċeduri kollha ta’ għajnuna li kienu jikkonċernawha u b’mod partikolari fil-proċedura ta’ għajnuna mill-Istat C 44/2001” (12). Hija bbażat l-applikazzjoni tagħha fuq ir-Regolament Nru 1049/2001. Fis-27 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni ċaħdet din l-applikazzjoni b’referenza għat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Id-dokumenti mitluba minn TGI kienu “jiffurmaw parti mill-proċedura ta’ investigazzjoni formali fis-seħħ C 44/2001”.

27.      Fil-15 ta’ April 2002, TGI bagħtet lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni applikazzjoni konfermatorja għal aċċess skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament. Permezz tad-deċiżjoni appellata tat-28 ta’ Mejju 2002, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni ċaħad din l-applikazzjoni. Din iċ-ċaħda kienet wkoll ibbażata fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament, kif jingħad fil-punt 12 tas-sentenza appellata:

“[…] fil-kuntest ta’ l-investigazzjonijiet fis-seħħ dwar il-kumpatibbiltà bejn għajnuna mill-Istat u s-suq komuni, kooperazzjoni leali u fiduċja reċiproka bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membru u l-impriżi kkonċernati huma indispensabbli sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jesprimu ruħhom liberament. Dan għaliex l-iżvelar ta’ dan id-dokument jista’ jippreġudika t-trattament ta’ l-eżami ta’ dan l-ilment billi jikkomprometti dan id-djalogu.

[…]

Barra minn hekk, aħna eżaminajna l-possibbiltà li nagħmlu aċċessibbli lill-partijiet dokumenti mitluba li mhumiex koperti mill-eċċezzjonijiet. Madankollu rriżulta li dawn id-dokumenti ma [setgħux] jinqasmu f’partijiet kunfidenzjali u f’partijiet mhux kunfidenzjali.

Barra minn hekk, mhemmx interess pubbliku għola li, f’dan il-każ partikolari, jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti in kwistjoni. […]”

2.      Il-proċeduri fl-ewwel istanza

28.      Fit-8 ta’ Awwissu 2002, TGI ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Ir-Renju tal-Isvezja u r-Repubblika tal-Finlandja intervjenew insostenn tagħha. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni talbet li jinċaħad ir-rikors. Hija kienet sostnuta mid-ditta Schott Glas.

29.      B’sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Mejju 2002, sa fejn din kienet ċaħdet l-aċċess għad-dokumenti li kienu jikkonċernaw il-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat mogħtija lil TGI (13).

3.      Il-proċeduri tal-appell

30.      B’rikors li ġie ppreżentat b’posta elettronika fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Frar 2007, bil-kopja oriġinali li waslet fit-8 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn hija annullata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Mejju 2002, li tiċħad l-aċċess għad-dokumenti li jikkonċernaw il-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat mogħtija lil TGI; u

–        tikkundanna lil TGI għall-ispejjeż tal-kawża.

31.      TGI u r-Repubblika tal-Finlandja jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:

–        tiċħad l-appell; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża, inklużi l-ispejjeż tal-konvenuta.

32.      Ir-Renju tal-Isvezja jitlob ukoll li tinċaħad it-talba, imma jirrinunzja li jitlob għall-kundanna għall-ispejjeż.

33.      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Marzu 2008 ġie awtorizzat l-intervent tar-Renju tad-Danimarka insostenn ta’ TGI.

34.      Il-partijiet ippreżentaw it-trattazzjoni tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u sussegwentement ir-risposti tagħhom instemgħu fis-seduta tas-16 ta’ Ġunju 2009.

IV – Evalwazzjoni ġuridika

35.      Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, kull ċittadin, mingħajr ma jkollu joqgħod jinvoka interess f’dan ir-rigward, jista’ jeżiġi mingħand il-Kummissjoni, il-Kunsill jew il-Parlament l-aċċess għad-dokumenti li jkollhom fil-pussess tagħhom. L-aċċess jista’ jinċaħad biss jekk tkun preżenti waħda mill-eċċezzjonijiet ipprovduti mill-Artikolu 4(1) sa (3).

36.      Dan il-każ jikkonċerna l-eċċezzjoni pprovduta fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Il-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti mitluba peress li l-iżvelar tagħhom jista’ jkun ta’ preġudizzju għall-ħarsien tal-iskop ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat. Il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat din id-deċiżjoni peress li l-Kummissjoni ma vverifikatx jekk tabilħaqq l-eċċezzjoni kinitx tapplika għal kull dokument individwali.

37.      Il-Kummissjoni tikkontesta s-sentenza appellata u tinvoka ħames aggravji, li fil-qosor jistgħu jinġabru kif ġej:

–        Il-kriterju stabbilit fil-punt 77 tas-sentenza appellata biex tkun iġġustifikata l-applikazzjoni ta’ eċċezzjoni, jiġifieri l-preġudizzju għal interess protett, huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi (ir-raba’ aggravju).

–        L-interpretazzjoni inkluża fil-punti 78 u 85 tas-sentenza appellata, fejn jingħad li l-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) sa (3) jirreferu għal dokument wieħed u mhux għal kategorija ta’ dokumenti, hija vvizzjata minn żball ta’ liġi (it-tielet aggravju).

–        L-interpretazzjoni inkluża fil-punti 85 sa 89 u 93 tas-sentenza appellata hija vvizzjata minn żball ta’ liġi, peress li d-dokumenti kollha li jikkonċernaw proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat li tkun għaddejja, huma kollha manifestament ikkontemplati mill-eċċezzjoni stabbilita fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (l-ewwel u t-tieni aggravji, kif ukoll l-ewwel parti tal-ħames aggravju).

–        Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma rrikonoxxietx il-protezzjoni tad-dokumenti interni skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (it-tieni parti tal-ħames aggravju).

A –    L-ammissibbiltà tal-appell

38.      TGI qed tikkontesta l-ammissibbiltà tal-appell in toto. Il-Kummissjoni qed tibbaża l-appell fuq argument li diġà nċaħad mill-Qorti tal-Prim’Istanza għaliex inammissibbli.

39.      Skont l-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell ma jistax jimmodifika s-suġġett tal-kawża li saret quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni ġuridika li ngħatat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fuq il-bażi tal-motivi li ġew diskussi quddiemha (14). Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka motivi li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarathom inammissibbli, jekk l-istess dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà ma ġietx ikkontestata (15). Fi kliem ieħor: meta l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet motiv għaliex inammissibbli, l-appell jista’ tabilħaqq jikkontesta din iċ-ċaħda; però, għall-ewwel mhux rilevanti li jiġi stabblit jekk il-motiv miċħud setax tabilħaqq jintlaqa’ fuq il-mertu.

40.      Skont TGI, il-kwistjoni ġuridika li qajmet il-Kummissjoni ma hijiex dik tal-allegat żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Anzi, l-aggravji invokati mill-Kummissjoni għandhom l-għan li jsolvu l-kwistjoni ġuridika jekk ir-Regolament Nru 659/1999 jikkostitwix “lex specialis” meta mqabbel mar-Regolament Nru 1049/2001. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, ċaħdet bħala inammissibli argument simili min-naħa tal-intervenjenti Schott Glas, bla ma l-Kummissjoni kkontestat dik iċ-ċaħda.

41.      Dan l-ilment ta’ inammissibbiltà ta’ TGI mhux qed jikkonvinċini, peress li hija qed tħallat b’mod inammissibbli l-aggravji u l-argumenti. Huwa minnu li l-Kummissjoni essenzjalment qed tinvoka n-natura speċjali tal-proċedura ta’ eżami tal-għajnuna. Però, mhux qed issostni li r-Regolament Nru 659/1999 jikkostitwixxi “lex specialis” meta mqabbel mar-Regolament Nru 1049/2001. Kif osservat korrettament il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’dan il-mod, hija qed tivvizzja l-pożizzjoni proċedurali tagħha stess, peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet tkun ibbażata fuq bażi legali żbaljata u għalhekk mhux leġittima. Anzi, skont il-Kummissjoni, meta jiġi interpretat it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandhom jiġu kkunsidrati l-evalwazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Nru 659/1999. Il-Qorti tal-Prim’Istanza dan ma għamlitux b’mod suffiċjenti. B’dan il-mod, il-Kummissjoni mhux qed tqajjem direttament il-kwistjoni ġuridika tar-relazzjoni reċiproka bejn iż-żewġ atti tad-dritt sekondarju.

42.      It-tieni parti tal-ħames aggravju, madankollu, tmur lil hinn mis-suġġett tal-proċedura. B’dan l-argument il-Kummissjoni qed toġġezzjona li l-Qorti tal-Prim’Istanza ttraskurat il-protezzjoni tad-dokumenti interni fit-tifsira tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Il-Kummissjoni, però, ma bbażatx id-deċiżjoni kkontestata fuq din id-dispożizzjoni. Anzi, il-kwistjoni rilevanti kienet jekk kienx possibbli li l-Kummissjoni tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti fuq il-bażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2). B’hekk, dan l-argument s’issa ma kienx suġġett tal-proċedura u għaldaqstant huwa inammissibbli.

B –    Il-fondatezza tal-appell

43.      L-aggravji ammissibbli essenzjalment jikkonċernaw żewġ setturi. Min-naħa l-waħda, il-Kummissjoni qed tikkritika l-ipoteżijiet metodoloġiċi fundamentali tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-Kummissjoni qed tikkontesta li eċċezzjoni, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, tapplika biss meta r-riskju li jkun ippreġudikat interess protett ikun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (ir-raba’ aggravju, f’dan ir-rigward ara s-subparagrafu 1) u li għalhekk għandu jiġi eżaminat kull dokument mitlub biex ikun aċċertat jekk dan ikunx kopert minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti (it-tielet aggravju, f’dan ir-rigward ara t-tieni inċiż tal-punt 37).

44.      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qed issostni li l-ħarsien tal-iskop ta’ investigazzjonijiet, jiġifieri l-eċċezzjoni pprovduta mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ikun xi jkun il-każ, tkopri d-dokumenti kollha inkwistjoni, peress li dawn ikunu inklużi fil-fajl ta’ proċedura ta’ eżami tal-għajnuna mill-Istat li tkun għaddejja (l-ewwel u t-tieni aggravji kif ukoll l-ewwel parti tal-ħames aggravju, f’dan ir-rigward ara t-tielet inċiż tal-punt 37).

1.      Fuq il-preġudizzju ta’ interess protett (ir-raba’ aggravju)

45.      Bir-raba’ aggravju, il-Kummissjoni qed tikkritika l-kriterju li użat il-Qorti tal-Prim’Istanza, li jikkonċerna l-preġudizzju ta’ interess protett. F’dan ir-rigward, fil-punt 77, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat, b’referenza għall-ġurisprudenza tagħha stess li:

“Madankollu, l-unika ċirkustanza li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni ma tistax tkun biżżejjed sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar imsemmija […]. Applikazzjoni bħal din fil-prinċipju tista’ tkun iġġustifikata biss fl-ipoteżi fejn l-istituzzjoni evalwat minn qabel, fl-ewwel lok, jekk l-aċċess għal dokument jippreġudika konkretement u effettivament l-interess protett u, fit-tieni lok, fl-ipoteżijiet imsemmija fl-Artikolu 4 (2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk ma eżistiex interess pubbliku għola li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument intiż. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ preġudizzju għal interess protett għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku […]. Konsegwentement, l-eżami li għalih, fil-prinċipju, l-istituzzjoni għandha tipproċedi sabiex tapplika eċċezzjoni għandu jsir b’mod konkret u għandu jirriżulta minn motivi tad-Deċiżjoni […]”.

a)      Fuq ir-relazzjoni bejn il-prinċipju u l-eċċezzjoni għall-aċċess għad-dokumenti

46.      Il-Kummissjoni qed tikkontesta li l-Qorti tal-Prim’Istanza, bi żball, qed tibbaża ruħha fuq is-suppożizzjoni li l-aċċess għad-dokumenti jikkostitwixxi l-prinċipju, filwaqt li r-rifjut jirrappreżenta l-eċċezzjoni u għalhekk għandu jiġi interpretat b’mod ristrett.

47.      Irrispettivament mill-fatt li l-imsemmija suppożizzjoni hija l-bażi impliċita tas-sentenza appellata, din hija konformi mal-ġurisprudenza stabbilita mhux biss tal-Qorti tal-Prim’Istanza (16), imma anki tal-Qorti tal-Ġustizzja (17). L-istess bħall-Isvezja, il-Finlandja u TGI, ma nara l-ebda raġuni biex niddubita minn dan. Skont l-Artikolu 1(2) UE, fl-Unjoni Ewropea d-deċiżjonijiet jittieħdu bl-iktar mod trasparenti possibbli. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 255 KE jipprovdi għal dritt ta’ aċċess għad-dokumenti li huwa rrikonoxxut anki mill-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (18). B’konformità ma’ dan, ir-Regolament Nru 1049/2001, skont l-Artikolu 1(a) u l-Premessa 4 tiegħu, għandu l-għan li jiggarantixxi l-ikbar aċċess possibbli għad-dokumenti u fil-Premessa 11, jistabbilixxi li, fil-prinċipju, id-dokumenti kollha tal-istituzzjonijiet għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku. Konsegwentement, l-eċċezzjonijiet għall-aċċess għandhom jiġu interpretati bl-iktar mod ristrett possibbli.

48.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, li għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażatx il-verifika tagħha fuq il-kriterju t-tajjeb għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni stabbilita fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

b)      Fuq il-probabbiltà meħtieġa tal-preġudizzju għal interess protett

49.      Peress li l-Kummissjoni tikkritika n-nuqqas ta’ referenza fl-argument tal-Qorti tal-Prim’Istanza lejn it-test tar-Regolament Nru 1049/2001, l-ewwel nett għandha tinġibed l-attenzjoni fuq it-test tal-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) sa (3): eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tippreżumi dejjem il-preġudizzju għall-protezzjoni ta’ interess partikolari. Għaldaqstant, għandu jingħata ġudizzju prospettiv. Għandu jiġi ċċarat kemm għandha tkun kbira l-probabbiltà li l-iżvelar tad-dokument ikun ta’ preġudizzju għal interess protett.

50.      L-użu tal-espressjoni “ikun ta’ preġudizzju” diġà qed juri li l-eċċezzjonijiet ma jistgħux jiġu applikati meta jkun sempliċiment effettwat interess protett. Dan jintwera mid-differenzi bejn id-diċitura tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 u d-dispożizzjonijiet li kienu fis-seħħ qabel l-adozzjoni tar-Regolament. Skont dawn tal-aħħar, is-sempliċi possibbiltà ta’ preġudizzju għall-protezzjoni hija suffiċjenti biex ikun irrifjutat l-aċċess (19). Konsegwentement, jista’ jiġi dedott li l-għan tal-leġiżlatur huwa li l-eċċezzjonijiet jiġu applikati b’mod iktar restrittiv b’differenza għad-dispożizzjonijiet li qabel kienu fis-seħħ.

51.      Għaldaqstant, wieħed jista’ jeżiġi li biex tiġi applikata eċċezzjoni, irid ikun hemm ċertezza jew għall-inqas ma jridx ikun hemm dubju raġonevoli li l-iżvelar tad-dokument se jkun ta’ preġudizzju għall-interess protett.

52.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-argument tal-Qorti tal-Prim’Istanza li ġie kkritikat mill-Kummissjoni, naqqset il-limitu li jiddetermina meta japplikaw l-eċċezzjonijiet. Fir-rigward tal-interess protett lejn opinjonijiet ġuridiċi, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, diġà huwa suffiċjenti li r-riskju ta’ preġudizzju jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (20).

53.      Din hija triq tan-nofs ekwilibrata, li għandha tiġi applikata anki għall-ħarsien tal-investigazzjonijiet skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Iċ-ċertezza jew in-nuqqas ta’ dubji raġonevoli b’relazzjoni għal preġudizzju li jikkonċerna interess protett rari tkun tista’ tipprovaha ex ante. Għaldaqstant, f’bosta każijiet, l-eventwalità ta’ preġudizzju għall-interess protett tiġi aċċettata. Jekk, però, jitqies li r-riskji ipotetiċi għal interess protett ikunu suffiċjenti, mhux biss ma jkunx hemm konformità mad-diċitura tal-eċċezzjonijiet, imma anki l-għan li jiġi ggarantit l-ikbar aċċess possibbli jisfa bla sinjifikat. Minflok, jitkabbru kemm jistgħu l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess. Fil-fatt, huwa kważi dejjem possibbli li jiġu żviluppati ipoteżijiet li jinvolvu preġudizzju.

54.      Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza, meta eżaminat l-applikazzjoni ta’ eċċezzjoni, użat il-kriterju t-tajjeb.

c)      Fuq id-deroga li tikkonċerna l-eċċezzjoni tal-interess pubbliku ogħla

55.      B’relazzjoni għall-eċċezzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi osservat ukoll li dawn ma jiġux applikati meta jkun hemm interess pubbliku ogħla li d-dokument jiġi żvelat. Barra minn hekk, għandu jiġi vverifikat jekk hemmx tabilħaqq tali interess, li jiġġustifika dan l-iżvelar minkejja l-preġudizzju għall-interess protett.

56.      Għandu jintlaħaq bilanċ bejn l-interess speċifiku, li jiġi protett billi ma jitħalliex li d-dokument inkwistjoni jiġi żvelat u, inter alia, l-interess ġenerali li dan id-dokument ikun aċċessibbli. F’dan ir-rigward, għandhom jiġu kkunsidrati l-vantaġġi li, kif tistabbilixxi l-Premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, jirriżultaw minn trasparenza ikbar, jiġifieri li ċ-ċittadin jieħu sehem fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod iktar mill-qrib, u jiggarantixxi li l-amministrazzjoni tgawdi iktar leġittimità u tkun iktar effettiva u responsabbli lejn iċ-ċittadin f’sistema demokratika (21).

d)      Fuq l-applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għall-proċeduri amministrattivi

57.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li r-Regolament Nru 1049/2001 jirreferi b’mod partikolari, skont il-Premessa 6 u l-Artikolu 12(2) tiegħu, għad-dokumenti leġiżlattivi, jiġifieri dokumenti li jikkonċernaw l-attività leġiżlattiva. Konsegwentement, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jipprovdix għall-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċċjali tad-dokumenti li jikkonċernaw l-investigazzjonijiet fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

58.      Naqbel mal-Kummissjoni li r-Regolament Nru 1049/2001 għandu l-għan li jippromwovi, b’mod speċjali, l-aċċessibbiltà ta’ ċerti tipi ta’ dokumenti. B’mod partikolari, dawn huma d-dokumenti marbuta mal-proċess leġiżlattiv kif ukoll mal-iżvilupp ta’ politika jew ta’ strateġiji. Dawn id-dokumenti għandhom interess partikolari għall-pubbliku, kif ġie kkonfermat anki mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 207(3) KE, rigward l-attività leġiżlattiva tal-Kunsill.

59.      Meta targumenta b’dan il-mod, però, il-Kummissjoni tkun qed tittraskura ċ-ċirkustanza li r-Regolament Nru 1049/2001, minkejja li dan jrid joħloq trasparenza ferm ikbar f’dawn is-setturi (22), imma jipprovdi anki espliċitament, skont l-Artikolu 2(3), għall-aċċess għad-dokumenti kollha li jikkonċernaw is-setturi kollha ta’ attività tal-Unjoni. Il-fajl tal-proċedura ta’ eżami tal-għajnuna mill-Istat mhux eskluż minn din id-dispożizzjoni. L-eċċezzjonijiet jistgħu jkunu bbażati biss fuq l-Artikolu 4 u, skont it-termini ta’ din id-dispożizzjoni, jeħtieġ preġudizzju għall-interessi protetti li hemm elenkati fih.

60.      Barra minn hekk, l-interess pubbliku dwar eżami tal-għajnuna mill-Istat mhux bilfors huwa anqas mill-interess pubbliku dwar il-proċeduri leġiżlattivi. Huwa minnu li hemm għadd ta’ proċeduri amministrattivi li ma għandhomx wisq interess għall-pubbliku; madankollu, l-eżami tal-għajnuna, ta’ spiss u bir-raġun, iqajjem interess kbir. Dan jikkonċerna l-iżvilupp ekonomiku tal-Istati Membri u, speċjalment, il-miżuri li għandhom l-għan li joħolqu jew li jiżguraw il-postijiet tax-xogħol.

e)      Fuq id-diffikultajiet prattiċi marbuta mal-implementazzjoni tad-dritt ta’ aċċess

61.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta li, fit-termini relattivament qosra biex tingħata deċiżjoni dwar talba għal aċċess għad-dokumenti, huwa kważi impossibbli li d-dokumenti kollha ta’ fajls voluminuż rigward proċedura ta’ eżami tal-għajnuna mill-Istat jiġu suġġetti għal din il-verifika. Verifika ta’ din ix-xorta ssir saħansitra iktar diffiċli minħabba li ta’ spiss l-osservazzjonijiet ippreżentati huma b’lingwi differenti.

62.      Il-Kummissjoni tibża’ li l-eżami tal-għajnuna mill-Istat jista’ jkun ippenalizzat jekk is-servizzi kompetenti jinvestu wisq ħin biex jevitaw it-talbiet għal aċċess. Madankollu, l-għan tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jistax ikun li jostakola lill-Kummissjoni fil-qadi ta’ dmirijietha. Anzi, jidher ċar li l-leġiżlatur telaq mill-premessa ta’ numru definittivament iżgħar ta’ talbiet voluminużi għal aċċess għad-dokumenti individwali.

63.      Fil-punt 96 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet bħala inammissibbli argument simili li qajmet l-intervenjenti fl-ewwel istanza, Schott Glas, dwar il-pressjoni kbira ta’ xogħol li għandha l-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta’ lment f’dan ir-rigward min-naħa tal-Kummissjoni, ma hemmx għalfejn issir verifika oħra dwar jekk dan jikkostitwixxi żball ta’ liġi rilevanti. Ikun xi jkun il-każ, il-Kummissjoni ma tistax tiċċaħħad milli tinvoka l-pressjoni kbira ta’ xogħol li għandha bħala argument għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001.

64.      Dan l-argument, però, ma jistax jintlaqa’ fil-mertu. Effetti sfavorevoli eventwali fuq it-twettiq tal-attivitajiet prinċipali tas-soltu tas-servizzi kompetenti ma jistgħux jiġġustifikaw restrizzjoni globali għad-dritt ta’ aċċess. Anzi, l-Artikolu 1(2) UE, l-Artikolu 225 KE u l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali flimkien mar-Regolament Nru 1049/2001, jassenjaw lill-istituzzjonijiet dmir ieħor ġdid: dawn għandhom ikunu jistgħu jgħaddu liċ-ċittadin id-dokumenti mitluba meta dan ma jkunx prekluż minn interessi li għandhom jiġu protetti. Min-naħa l-oħra, mhux ipprovdut li servizzi partikolari tal-Kummissjoni jiġu eżentati milli jaqdu dan id-dmir.

65.      L-oneru li jirriżulta minn dan id-dmir il-ġdid għandu jitnaqqas għal livell minimu permezz ta’ miżuri xierqa. L-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi, f’dan il-kuntest, f’każ ta’ applikazzjonijiet li jikkonċernaw numru kbir ta’ dokumenti, li l-istituzzjoni ikkonċernata tista’ tkellem lill-applikant b’mod informali sabiex tinstab soluzzjoni imparzjali (23).

66.      Internament, is-servizzi kompetenti jridu fuq kollox jivverifikaw b’mod kritiku sa fejn il-ħtiġijiet ta’ kunfidenzjalità tagħhom jistgħu jkomplu jeżistu fid-dawl tar-Regolament Nru 1049/2001. Fis-setturi fix-xifer tal-eċċezzjonijiet jew lil hinn minnhom, it-trażmissjoni tad-dokumenti ta’ spiss hija inqas problematika mill-motivazzjoni wara raġuni għal rifjut. L-applikazzjonijiet però jistgħu jinċaħdu anki b’mod xejn problematiku, jekk is-servizzi kompetenti jkunu identifikaw eżattament ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati t-trattament maħsub għad-dokumenti. Fuq din il-bażi, l-uffiċjali kompetenti jistgħu jingħataw taħriġ u t-trattament tad-dokumenti jista’ jkun ottimizzat mill-ewwel b’relazzjoni għat-talbiet eventwali ta’ aċċess. Wieħed jista’ jimmaġina, pereżempju, flimkien ma’ kompilazzjoni fuq bażi informatika, li tiffaċilita t-tiftix tad-dokumenti u r-riproduzzjoni tagħhom, l-identifikazzjoni tad-dokumenti jew ta’ taqsimiet delikati u l-ikklassifikar tad-dokumenti jew ta’ atti parzjalment kunfidenzjali.

67.      Peress li r-Regolament Nru 1049/2001 għandu jiġi applikat billi jiġi kkunsidrat il-prinċipju tal-proporzjonalità (24), ma jidhirx li hija eskluża l-possibbiltà li titwarrab deċiżjoni bikrija dwar talba għal aċċess (25)f’każijiet eċċezzjonali, fl-interess ta’ twettiq xieraq ta’ dmirijiet amministrattivi urġenti. F’dan il-każ, b’mod partikolari, wieħed jista’ jaħseb fil-fażi tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-eżami ta’ għajnuna mill-Istat. Id-deċiżjoni dwar il-bidu ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, għandha tiġi adottata, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, fi żmien xahrejn minn meta tibda tiddekorri n-notifika sħiħa tal-għajnuna, peress li inkella jirriżulta li l-għajnuna kienet awtorizzata. Però, il-previżjoni ta’ eċċezzjoni tippreżumi, flimkien man-nuqqas ta’ ftehim bonarju mal-applikant, id-disponibbiltà min-naħa tal-Kummissjoni tal-kapaċitajiet meħtieġa biex ikunu evitati, ġeneralment kmieni – f’każijiet mhux wisq ikkumplikati anki waqt il-fażi prekontenzjuża – l-applikazzjonijiet għal aċċess fil-qasam tal-eżami tal-għajnuna.

68.      Kif osservat il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni, meta ċaħdet l-applikazzjoni għal aċċess, ma invokatx il-pressjoni kbira ta’ xogħol li kellha. Għaldaqstant, ma hemmx għalfejn jiġi mistħarreġ bir-reqqa l-argument ta’ rifjut minħabba dmirijiet iktar urġenti.

69.      Għalhekk, b’relazzjoni għall-kriterju ta’ evalwazzjoni, jiġifieri l-preġudizzju għal interess protett, iddefinit fil-punt 77 tas-sentenza appellata, ma jista’ jiġi rikonoxxut l-ebda żball ta’ liġi, u għaldaqstant għandu jinċaħad ir-raba’ aggravju.

2.      Fuq l-eżami individwali tad-dokumenti (it-tielet aggravju)

70.      Bit-tielet aggravju, il-Kummissjoni tikkritika l-konstatazzjoni li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 78 u 85 tas-sentenza appellata, jiġifieri li l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) jirreferu għal dokument wieħed u mhux għal kategorija ta’ dokumenti.

71.      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li hija awtorizzata tirrifjuta l-aċċess għal fajl ta’ proċedura ta’ eżami tal-għajnuna mill-Istat mingħajr ma jkollha toqgħod tagħmel eżami individwali ta’ kull dokument.

72.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-istituzzjoni Komunitarja li ntalbet tiżvela dokument għandha tevalwa, f’kull każ ta’ din ix-xorta, jekk dak id-dokument ikunx kopert mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (26).

73.      L-eżami tad-dokumenti individwali huwa konformi mad-dispożizzjonijiet dwar l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Skont l-Artikolu 4(1), (2) u (3), l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess, każ b’każ, għal dokument wieħed jekk japplikaw l-eċċezzjonijiet rilevanti. Anki l-kunsiderazzjoni tal-interessi ta’ terzi, skont l-Artikolu 4(4) u (5), l-eżami tal-aċċess parzjali skont l-Artikolu 6, u d-dispożizzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet matul it-terminu skont l-Artikolu 4(7) jirreferu għal dokument wieħed.

74.      Din it-teknika leġiżlattiva hija l-konsegwenza meħtieġa ta’ eċċezzjonijiet li huma bbażati direttament fuq il-preġudizzju li l-iżvelar tad-dokumenti jikkawża lil ċerti interessi. Tali preġudizzju jista’ jiġi aċċertat biss fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni individwali tal-informazzjoni inkluża fid-dokument inkwistjoni.

75.      Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax tirrispondi validament li dokument, skont id-definizzjoni tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, jista’ jkollu kontenut differenti. Hija tinterpreta din id-definizzjoni bħala li din l-informazzjoni differenti għandha tkun eżaminata flimkien, u jidher ċar li tikkonkludi li kontenut differenti jista’ jkun evalwat flimkien anki jekk dan ikun preżenti f’iktar minn dokument wieħed.

76.      Kif argumentat il-Finlandja, però dan mhux minnu: anzi huwa veru l-kontra. Jekk biss ċertu kontenut, jiġifieri ċerti partijiet biss tad-dokument mitlub, ikun kopert minn waħda mill-eċċezzjonijiet, il-partijiet li jifdal tad-dokument għandhom jiġu żvelati skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001. Għaldaqstant, fil-prinċipju, kull element individwali ta’ dokument, jiġifieri kull informazzjoni inkluża fih, għandu jiġi eżaminat biex ikun ivverifikat jekk l-iżvelar ikunx ta’ preġudizzju għal interess protett.

77.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, peress li ntalab l-aċċess għal fajl, għandu wkoll ikun jista’ jiġi limitat l-eżami tal-fajl kollu, mingħajr ma jiġu kkunsidrati d-dokumenti individwali. Hija qed tibbaża l-argument tagħha fuq l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 li jirregola l-forma u l-kontenut tal-“[a]pplikazzjonijiet għall-aċċess għal dokument”. Peress li f’din id-dispożizzjoni – fil-lingwa tal-kawża inkwistjoni (il-Ġermaniż) – jissemma dokument, dan il-kunċett inkluż fl-Artikolu 6 għandu jiġi interpretat kif sar fl-Artikolu 4. Jekk b’applikazzjoni jintalbu għadd ta’ dokumenti u jekk id-dokumenti mitluba jkunu simili, il-Kummissjoni hija anki awtorizzata li tevalwa din it-talba b’mod globali, ikun xi jkun il-każ.

78.      Huwa minnu li l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1049/2001, fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi, fost l-oħrajn dawk bil-Ġermaniż u bl-Ingliż, jagħmel użu mill-kunċett ta’ “dokument” fis-singular. Verżjonijiet oħrajn, b’mod partikolari dawk bil-Franċiż u bil-Finlandiż, jużaw it-terminu fil-plural.

79.      Id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni Komunitarja, però, għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi u għalhekk, f’każ ta’ differenzi bejn dawn il-verżjonijiet, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont is-sistema u l-iskop tal-liġi li tkun parti minnha (27), kif ukoll, jekk ikun il-każ, fuq il-bażi tar-rieda reali tal-awtur tagħha (28).

80.      L-Artikoli 4 u 6 tar-Regolament Nru 1049/2001, għalkemm, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, tabilħaqq jagħmlu użu mill-istess kunċett, però għandhom għanijiet kompletament differenti. L-Artikolu 6 jikkonċerna l-kontenut tal-applikazzjonijiet. Din id-dispożizzjoni fil-parti l-kbira għandha l-għan li tiggarantixxi l-identifikazzjoni tad-dokumenti mitluba u li tiċċara li ma hemmx għalfejn tingħata raġuni. Kif juri l-Artikolu 6(3), applikazzjoni tista’ tinvolvi iktar minn dokument wieħed u saħansitra “numru kbir ta’ dokumenti”. Bil-kontra, diġà ġie spjegat kif l-eżami tal-applikazzjoni jrid jikkonċerna kull dokument individwali, anki kull kontenut individwali. Għalhekk, fl-Artikoli 4 u 6 tar-Regolament Nru 1049/2001, is-sistema u l-iskop huma l-bażi tad-differenza fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ dokument fir-rigward tal-użu li jsir minnu.

81.      Ir-rinunzja ġenerali għall-eżami individwali tad-dokumenti (u tal-kontenut), għall-kuntrarju, tirrikjedi konfigurazzjoni differenti tal-eċċezzjonijiet. B’hekk, il-Kummissjoni ssuġġeriet li r-Regolament Nru 1049/2001 jiġi emendat biex id-dokumenti ta’ fajl ta’ investigazzjoni jew ta’ proċeduri li jikkonċernaw att amministrattiv ta’ portata individwali ma jkunux aċċessibbli għall-pubbliku, sakemm ma tintemmx l-investigazzjoni jew l-att isir finali. Barra minn hekk, fl-ebda każ ma għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku d-dokumenti li jinkludu informazzjoni li istituzzjoni tkun ġabret, jew aħjar kisbet, mingħand persuni fiżiċi jew ġuridiċi fil-kuntest tal-investigazzjoni (29). F’dan il-każ, però, ma hemm l-ebda eċċezzjoni ta’ din ix-xorta li dwarha jeħtieġ li tittieħed pożizzjoni.

82.      Il-Kummissjoni, l-istess bħall-applikant, tista’ però tiġbor fil-qosor id-dikjarazzjonjiet tagħha. Kemm applikazzjoni kif ukoll l-awtorizzazzjoni għall-aċċess jistgħu jirreferu għal numru ta’ dokumenti, sakemm dawn jistgħu jiġu identifikati b’mod ċar. Meta tirrifjuta l-aċċess, il-Kummissjoni tista’, għall-inqas, tibbaża ruħha f’dan ir-rigward fuq suppożizzjonijiet ġenerali li japplikaw għal kategoriji partikolari ta’ dokumenti, peress li fir-rigward ta’ applikazzjonijiet biex jiġu żvelati dokumenti tal-istess natura jiġu applikati kunsiderazzjonijiet ġenerali simili. Madankollu, hija obbligata tivverifika f’kull każ jekk il-kunsiderazzjonijiet ġenerali li normalment ikunu applikabbli għal tip partikolari ta’ dokumenti jistgħux tabilħaqq jiġu applikati għal dokument partikolari li dwarhu saret applikazzjoni biex jiġi żvelat (30).

83.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza, mingħajr ma għamlet żbalji ta’ liġi, għamlet konstatazzjonijiet f’dan ir-rigward fil-punti 78, 85 u 86 tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jinċaħad. Iktar ’il quddiem għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni, meta ċaħdet l-applikazzjoni għal aċċess, ħolqitx korrettament xi kategoriji.

3.      Fuq il-ħarsien tal-iskop ta’ investigazzjonijiet

84.      L-ewwel u t-tieni aggravji, kif ukoll l-ewwel parti tal-ħames aggravju, jikkonċernaw il-portata tal-eċċezzjoni stabbilita fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, jiġifieri l-ħarsien tal-iskop ta’ investigazzjonijiet.

85.      Fil-punt 88 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeskrivi l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni kif ġej:

“[F]il-kuntest ta’ investigazzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw il-kompatibbiltà bejn għajnuna mill-Istat u s-suq wieħed, kooperazzjoni leali u fiduċja reċiproka bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membu u l-impriżi kkonċernati hija indispensabbli sabiex il-‘partijiet’ varji jkunu jistgħu jesprimu ruħhom liberament u […] l-iżvelar ta’ dokumenti relatati ma’ dawn l-investigazzjonijiet ‘jistgħu jippreġudikaw it-trattament ta’ l-eżami ta’ l-ilment billi jikkomprometti dan id-djalogu’.”

86.      Skont il-punt 89 tas-sentenza appellata, din il-motivazzjoni ma kkonvinċietx lill-Qorti tal-Prim’Istanza li d-dokumenti kollha tal-fajl ta’ proċedura ta’ eżami tal-għajnuna huma koperti b’mod ċar mill-eċċezzjoni pprovduta għall-investigazzjonijiet. Il-Kummissjoni temmen li din il-konstatazzjoni hija vvizzjata minn żball ta’ liġi.

87.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja, ibbażat ruħha prinċipalment fuq iċ-ċirkustanza li, fil-proċedura ta’ eżami tal-għajnuna mill-Istat, il-partijiet ikkonċernati, għajr l-Istat Membru kkonċernat, ma għandhomx dritt li jikkonsultaw il-fajl [f’dan ir-rigward, ara s-subparagrafu (a)]. Madankollu, huwa iktar xieraq li jiġi segwit ir-raġunament inkluż fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, ibbażat fuq l-evalwazzjoni ta’ kemm għandha tkun protetta l-komunikazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat [f’dan ir-rigward ara s-subparagrafu (b)] u fuq il-kwistjoni jekk dan l-interess protett jippermettix, b’mod partikolari, ir-rinunzja ta’ eżami individwali tad-dokument mitlub [f’dan ir-rigward ara s-subparagrafu (c)]. L-istess verifika għandha ssir rigward il-komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati l-oħra [f’dan ir-rigward ara s-subparagrafu (d)].

a)      Fuq il-pożizzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna fil-proċedura ta’ eżami tal-għajnuna mill-Istat

88.      Il-Kummissjoni tibbaża n-natura ċara tal-ħtieġa għal ħarsien fl-ewwel parti tal-ewwel aggravju u fit-tieni aggravju billi ssostni li, fil-proċedura ta’ eżami tal-għajnuna, il-partijiet ikkonċernati, għajr l-Istat Membru kkonċernat, ma jistgħux jinvokaw id-dritt li jikkonsultaw il-fajl.

89.      B’dan il-mod, il-Kummissjoni indirettament tikkunsidra l-aspett speċifiku tad-dritt ta’ aċċess fil-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, meta mqabbla mar-Regolament Nru 1049/2001. B’differenza minn TGI, il-Kummissjoni ma tinterpretax id-dritt għall-konsultazzjoni tal-fajl bħala lex specialis teknika, li teskludi l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 (31), imma tinvolvih fl-interpretazzjoni ta’ eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti.

90.      Id-dritt ta’ aċċess tal-fajl huwa korollarju tad-drittijiet tad-difiża (32). Għaldaqstant, huwa marbut, fil-prinċipju, mal-istatus ta’ parti għal proċedura. Il-proċedura ta’ eżami tal-għajnuna mill-Istat hija proċedura li tinbeda fil-konfront tal-Istat Membru responsabbli mill-għoti tal-għajnuna (33).

91.      Persuni, impriżi u assoċjazzjonijiet li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu effettwati mill-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, bħal pereżempju l-benefiċjarju tal-għajnuna, ma għandhomx ir-rwol ta’ parti fil-proċedura fil-qasam tal-għajnuna. Essenzjalment, huma għandhom ir-rwol ta’ sors ta’ informazzjoni (34). Konsegwentement, l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999 ma jipprovdi għall-ebda dritt ta’ konsultazzjoni tal-fajl ta’ dawn il-partijiet ikkonċernati.

92.      Evidentement, dan qed jiġi interpretat mill-Kummissjoni bħala li huwa saħansitra pprojbit li l-partijiet għajr l-Istat Membru kkonċernat, ikollhom aċċess għall-fajl. Kif jenfasizzaw ġustament l-Isvezja, il-Finlandja u TGI, però, din il-projbizzjoni la tista’ tinstilet mir-Regolament Nru 659/1999 u lanqas mill-ġurisprudenza. Anzi, ċerti sentenzi iktar reċenti saħansitra juru l-possibbiltà li b’mod eċċezzjonali jista’ jkun hemm dritt ta’ aċċess tal-fajl: il-partijiet ikkonċernati, minkejja li ma jkunux jistgħu jinvokaw id-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-proċedura preżenti, però jkollhom id-dritt li jipparteċipaw fiha b’mod xieraq, filwaqt li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni (35). Għaldaqstant, f’dan il-każ ma hemmx għalfejn tittieħed deċiżjoni f’dan ir-rigward.

93.      Ikun xi jkun il-każ, il-pożizzjoni ta’ dawn il-partijiet ikkonċernati l-oħra għall-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ma tippermettix li jinġibdu konklużjonijiet dwar il-portata tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti. Din ma għandha l-ebda konnessjoni mal-applikazzjoni ta’ eċċezzjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, u b’mod partikolari, mal-eċċezzjoni li qed tiġi applikata hawnhekk, bil-għan li jiġu protetti l-għanijiet tal-investigazzjonijiet. Anzi, jirriżulta li r-raġuni għar-rifjut li jiġi kkonsultat il-fajl ma għandiex x’taqsam maċ-ċirkustanza li l-informazzjoni inkluża fih ma għandiex tiġi żvelata. Hawnhekk hija l-kunsiderazzjoni proċedurali, jiġifieri li l-partijiet ikkonċernati l-oħra ma għandhomx drittijiet għad-difiża, li hija deċiżiva.

94.      Il-konsultazzjoni tal-fajl trid tippermetti li l-parti kkonċernata fi proċedura tkun tista’ teżamina d-dokumenti kollha preżenti fil-fajl li jistgħu jkunu rilevanti għall-finijiet tad-difiża tagħha. Dan id-dritt ta’ konsultazzjoni tal-fajl ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, fir-rigward tal-impriżi kkonċernati mill-proċeduri dwar l-akkordji (36). Id-dokumenti li ma jkunux direttament aċċessibbli għall-parti inkwistjoni lanqas ma jistgħu jiġu ppreżentati kontriha (37). Peress li l-partijiet ikkonċernati l-oħra ma humiex partijiet għall-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tippreżenta xi dokument kontrihom li kellu jiġi ggarantit li jkun aċċessibbli għalihom.

95.      Peress li l-informazzjoni pprovduta fil-kuntest tal-konsultazzjoni tal-fajl prinċipalment tikkostitwixxi mezz ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura preżenti, ir-rifjut li jiġi kkonsultat il-fajl – kif tispjega TGI – ma jistax jiġi kkontestat separatament (38). Bħala żball proċedurali, però, dan jista’ jixħet dubji fuq il-validità tad-deċiżjoni kollha fil-qasam tal-għajnuna (39).

96.      B’differenza għall-konsultazzjoni tal-fajl, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti fit-tifsira tar-Regolament Nru 1049/2001 ma għandu l-ebda rilevanza ġuridika għall-proċedura ta’ eżami tal-għajnuna mill-Istat. Dan ir-regolament ma jirregolax il-modi kif iċ-ċittadini jipparteċipaw fi proċeduri ta’ din ix-xorta. B’mod partikolari, l-aċċess għad-dokumenti ma jipprovdix, fil-prinċipju, għall-possibbiltà li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet fil-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Kawża li tikkonċerna l-aċċess għad-dokumenti ta’ fajl dwar għajnuna ma tippreġudikax il-validità tad-deċiżjoni dwar l-għajnuna.

97.      Il-Premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 lanqas ma tixħet dubji dwar l-indipendenza tar-Regolament mill-proċedura ta’ eżami tal-għajnuna mill-Istat. Skont din il-premessa, it-trasparenza “tgħin liċ-ċittadin jieħu sehem fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod aktar mill-qrib, u jiggarantixxi li l-amministrazzjoni tgawdi aktar leġittimità u tkun aktar effettiva u kontabbli liċ-ċittadin f’sistema demokratika”. Dan jista’ jiġi interpretat bħala ħjiel ta’ parteċipazzjoni kollettiva fil-proċedura. Il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali u r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni fil-konfront tagħhom, però, ma għandhomx jinftiehmu mil-lat ta’ proċedura legali, imma mil-lat politiku. It-trasparenza għandha l-għan li tagħti liċ-ċittadini informazzjoni li permezz tagħha jkunu jistgħu jevalwaw b’mod adegwat il-prattika tal-amministrazzjoni u, jekk ikun il-każ, jikkritikawha. Madankollu, huma ma għandhomx ikollhom il-possibiltà li jinfluwenzaw b’mod determinanti l-eżitu tal-proċeduri individwali.

98.      Id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti għalhekk għandu eżistenza proprja indipendenti mill-proċedura ta’ eżami tal-għajnuna mill-Istat. Konsegwentement, l-aċċess għad-dokumenti u l-konsultazzjoni tal-fajl jinvolvu biss sitwazzjoni fattwali simili b’relazzjoni għall-informazzjoni imma mhux – kif spjegat il-Kummissjoni – l-istess pożizzjoni ġuridika. Minn dan jirriżulta wkoll li, kollox ma’ kollox, in-nuqqas ta’ dritt għall-konsultazzjoni tal-fajl ta’ partijiet ikkonċernati oħrajn għall-proċedura fil-qasam tal-għajnuna ma jeskludix lanqas l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, bħala lex specialis f’konformità mal-argument sostnut fl-ewwel istanza minn Schott Glas (40).

99.      Il-fatt li l-Kummissjoni tista’ tiċħad il-konsultazzjoni tal-fajl b’motivazzjoni relattivament qasira, filwaqt li r-rekwiżiti tal-motivazzjoni marbuta ma’ rifjut għall-aċċess għad-dokumenti jistgħu jkunu relattivament rigorużi, lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat bħala kontradizzjoni għall-evalwazzjoni li saret iktar ’il fuq. Din id-differenza tiġi spjegata permezz taċ-ċirkustanza li l-konsultazzjoni tal-fajl tista’ tiġi rrifjutata b’sempliċi referenza għan-nuqqas ta’ drittijiet tad-difiża, filwaqt li r-rifjut għall-aċċess għad-dokumenti jirrikjedi l-invokazzjoni tal-eċċezzjonijiet. Madankollu, huwa kważi dejjem iktar sempliċi li jiġi sostnut li dritt ma jeżistix milli jiġu mmotivati l-eċċezzjonijiet għal dritt li, fil-prinċipju, jeżisti.

100. Bil-kontra ta’ dak li sostniet il-Kummissjoni, din l-indipendenza reċiproka taż-żewġ drittijiet tiġi kkonfermata mis-sentenza Sison vs Il-Kunsill. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet mill-oriġini tar-Regolament Nru 1049/2001 li l-portata tad-dritt ta’ aċċess eżistenti fit-tifsira tal-istess regolament tmur lil hinn mill-kwistjoni jekk l-applikant jeħtieġx jew le l-informazzjoni biex isostni l-pożizzjoni ġuridika tiegħu (41).

101. Min-naħa l-waħda, dan ifisser li l-appellanti li jkollhom interessi ġuridikament protetti, fit-tifsira tar-Regolament Nru 1049/2001, ma għandhomx dritt ta’ aċċess għad-dokumenti iktar estiż minn ta’ oħrajn. Min-naħa l-oħra, id-dritt ta’ dawn l-applikanti mhux iktar limitat meta pparagunat mad-dritt ta’ kwalunke parti terza oħra. L-eventwalità li ċerti applikanti jeżiġu d-dokument biex jużawh ħalli jinvokaw drittijiet oħrajn la jista’ jsaħħaħ u lanqas idgħajjef id-dritt tagħhom fit-tifsira tar-Regolament Nru 1049/2001 (42).

102. Għaldaqstant, l-esklużjoni tal-konsultazzjoni tal-fajl ta’ partijiet oħra kkonċernati fil-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ma twassalx għal eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti. Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju u t-tieni aggravju ma jistgħux jintlaqgħu.

b)      Fuq il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat

103. Kif sostniet il-Kummissjoni fit-tieni parti tal-ewwel aggravju, hija rrifjutat l-aċċess biex ma tqiegħedx fil-periklu t-twettiq tal-proċedura ta’ eżami tal-għajnuna mill-Istat. Fil-proċedura preżenti, huma indispensabbli kollaborazzjoni leali u fiduċja reċiproka bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membru u l-impriżi kkonċernati sabiex dawn il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jesprimu rwieħhom bil-libertà kollha. Din ir-relazzjoni ta’ fiduċja titqiegħed fil-periklu jekk jiġu żvelati d-dokumenti tal-proċedura.

104. Fil-punt 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet din il-motivazzjoni għaliex hija wisq ġenerika. B’mod partikolari, din ma tipprovax li d-dokumenti miċħuda kollha huma koperti, fl-intier tagħhom, mill-eċċezzjoni.

105. Fil-fatt, ma jirriżultax direttament li l-ħarsien tal-iskop ta’ investigazzjoni, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, tinkludi anki relazzjoni ta’ fiduċja mal-Istat Membru kkonċernat. Kif tispjega l-Isvezja, anzi jidher li jiġu protetti strateġiji ta’ investigazzjoni (43) u sorsi (44).

106. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, skont ġurisprudenza stabbilita, però titlaq mill-premessa li l-Istati Membri għandhom id-dritt li jistennew li l-Kummissjoni tirrispetta l-kunfidenzjalità b’referenza għall-investigazzjonijiet li eventwalment jistgħu jirriżultaw f’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi (45).

107. Anki dan l-approċċ, mal-ewwel daqqa t’għajn, huwa wkoll xi ftit partikolari. Għaliex il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jingħataw settur ta’ protezzjoni mhux aċċessibbli għall-pubbliku għan-“negozjati” li jikkonċernaw ir-rispett tad-dritt Komunitarju? Fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi, fil-prinċipju, id-dritt mhux wieħed negozjabbli, imma skont in-natura tiegħu, huwa wieħed imperattiv.

108. Barra minn hekk, ir-rispett tad-dritt Komunitarju jiddependi ta’ spiss mit-tip ta’ miżuri nazzjonali, pereżempju mil-liġijiet li jittrasponu d-direttivi. Id-diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni jew ta’ applikazzjoni għaldaqstant jixbhu lil proċess ta’ negozjati. F’dan is-sens, b’mod partikolari l-fażi prekontenzjuża, trid tippermetti li l-Istat Membru jsir konformi b’mod volontarju mar-rekwiżiti tat-Trattat jew, jekk ikun il-każ, li jiġġustifika l-pożizzjoni tiegħu (46). Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex tikkonstata l-ksur (47).

109. F’dan is-sens, il-ħarsien tal-iskop ta’ investigazzjonijiet tiġi estiża anki għal marġni ta’ libertà li jippermetti diskussjonijiet mingħajr tfixkil dwar l-ilment tal-ksur tad-dritt Komunitarju. Tali marġni ta’ libertà jagħmel sens sakemm l-Istat Membru kkonċernat kif ukoll il-Kummissjoni jistgħu jaslu għal ftehim bonarju mingħajr ma jkunu suġġetti għal pressjoni pubblika żejda. Jekk kull fażi ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi tkun pubblika, il-persuni responsabbli mid-deċiżjonijiet politiċi, ladarba jieħdu ċerti pożizzjonijiet, ikun diffiċli li jabbandunawhom. Probabbilment, dan jagħlaq it-triq għal soluzzjoni tal-kunflitt li tagħmel sens u li tirrispetta d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi. Fl-aħħar mill-aħħar, l-għan tal-proċedura huwa li tinstab tali soluzzjoni, filwaqt li l-kjarifika u l-aċċertament ta’ ksur huma biss mezzi biex jintlaħaq dan il-għan.

110. Matul in-negozjati bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, l-iżvelar tad-dokumenti li jikkonċernaw il-fażi tal-investigazzjonijiet jista’ jippreġudika l-iżvilupp korrett tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi (48).

111. B’differenza għal dak li enfasizzat s’issa l-Qorti tal-Prim’Istanza, għalhekk ma hijiex biss il-fiduċja tal-Istat Membru li hija rilevanti. Li kieku dan kien minnu, il-Kummissjoni, fil-prinċipju, ikollha tikkonsultah qabel ma tiċħad applikazzjoni għal aċċess u tagħti aċċess għad-dokumenti jekk l-Istat Membru jagħti l-kunsens tiegħu. Madankollu, il-Kummissjoni għandha interess – li għandu jiġi protett – li titratta b’mod kunfidenzjali l-komunikazzjoni mal-Istat Membru. Lanqas ma hi ħielsa, f’ħidmietha, mill-influwenza tal-opinjoni pubblika: jekk il-pożizzjonijiet tagħha jsiru magħrufa matul id-diskussjoni mal-Istat Membru, dan jista’ jagħmel iktar diffiċli evalwazzjoni kritika ġdida tal-argument tagħha jew ta’ konċessjoni.

112. Dan il-marġni ta’ libertà, però, ma jistax jiġi ggarantit b’mod indefinit. Ir-rispett tad-dritt Komunitarju min-naħa tal-Istati Membri u l-implementazzjoni tiegħu min-naħa tal-Kummissjoni jikkostitwixxu suġġetti leġittimi tal-interess pubbliku. Stat Membru ma jistax jistenna li ksur tad-dritt Komunitarju jew l-aċċettazzjoni ta’ interpretazzjoni partikolari jibqgħu kunfidenzjali għal tul ta’ żmien. Inqas u inqas il-Kummissjoni ma tistax ma teżiġix li l-prattika implementattiva tagħha u, partikolarment, l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha jibqgħu moħbija mill-pubbliku meta jiġi kkonstatat ksur tad-dritt. Għall-inqas a posteriori, meta l-imġiba tan-negozjatur tista’ tiġi apprezzata fid-dawl tar-riżultat milħuq, il-proċedura għaldaqstant għandha tkun waħda trasparenti.

113. Il-ħarsien tal-investigazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi, però ma għandiex, f’dan il-każ, tkun iddefinita b’mod preċiż (49). Ma hemmx għalfejn jiġi ċċarat, b’mod partikolari, f’liema kundizzjonijiet ir-riskju għall-proċess tan-negozjati fir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (50). Fil-fatt, dan lanqas ma hu rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi, li huwa possibbli anki fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Il-kawża tikkonċerna l-ħarsien tal-investigazzjonijiet fil-kuntest tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat bħala tali.

114. Il-Kummissjoni ssostni, u bir-raġun, li l-eżami tal-għajnuna jixbah ferm lir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi. Dan japplika b’mod partikolari għall-fażi prekontenzjuża tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq u għall-preparazzjoni tad-deċiżjoni dwar l-għajnuna. Huwa naturali li l-Kummissjoni u l-Istat Membru jikkonsultaw lil xulxin dwar il-forma possibbli tal-għajnuna, sabiex din tkun kompatibbli mad-dritt Komunitarju. Barra minn hekk, huwa minnu li l-Kummissjoni ma tistax tiddeċiedi jekk tiħux passi fir-rigward tal-għajnuna illegali (51), minkejja dan hemm marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ biex ikun ivverifikat jekk għajnuna tkunx iġġustifikata (52). Għaldaqstant, jibqa’ spazju għal diskussjonijiet sensibbli rigward konsultazzjoni pubblika permanenti.

115. L-eċċezzjoni marbuta mal-ħarsien tal-iskop ta’ investigazzjonijiet però tapplika biss meta r-riskju li jiġu ppreġudikati dawn in-negozjati jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (53).

116. Dan mhux problematiku f’dan il-każ: l-eżami formali ta’ għajnuna mill-Istat jippreżumi kunflitt bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. L-Istat Membru jixtieq jagħti l-għajnuna, filwaqt li l-Kummissjoni tqis li “tqajjmu dubji” [l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999]. TGI hija wkoll konxja mill-fatt li l-Ġermanja u l-Kummissjoni kienu għaddejjin b’negozjati dwar l-għajnuna. B’hekk, ir-riskju għal dawn in-negozjati kien raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku.

c)      Fuq ir-rinunzja għall-eżami individwali tad-dokumenti

117. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni, mingħajr ma għamlet eżami individwali, setgħetx titlaq mill-premessa li t-tqassim tad-dokumenti kollha mitluba kienx se jagħti lok għal dan ir-riskju. Huwa minnu li, fil-prinċipju, kull dokument individwali għandu jkun ivverifikat sabiex tkun aċċertata l-eżistenza ta’ raġunijiet eventwali li jiġġustifikaw ir-rifjut tal-aċċess (54). Il-Kummissjoni, però, tista’ tibbaża ruħha għall-inqas fuq suppożizzjonijiet ġenerali li japplikaw għal kategoriji partikolari ta’ dokumenti, peress li fir-rigward tal-applikazzjonijiet sabiex jiġu żvelati dokumenti tal-istess natura japplikaw kunsiderazzjonijiet ġenerali simili (55).

118. L-ewwel nett, fejn għandha x’taqsam il-korrispondenza mal-Istat Membru wieħed għandu jitlaq mill-premessa li din, fi proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, fil-prinċipju għandha tiġi protetta fl-intier tagħha. Ġeneralment, ikun diffiċli li ssir distinzjoni bejn dokumenti li jikkonċernaw negozjati u dokumenti oħrajn. Saħansitra informazzjoni pubblika, dwar pereżempju swieq, prezzijiet jew teknoloġiji, tista’ tiġi protetta, meta tiġi kkomunikata fil-kuntest tan-negozjati. Iċ-ċirkustanzi li din tiġi ppreżentata fil-fatt tippermetti spekulazzjonijiet dwar in-negozjati. Irrispettivament minn kemm ikunu eżatti, dawn l-ispekulazzjonijiet jistgħu jagħmlu n-negozjati iktar problematiċi.

119. It-tieni nett, għall-istess raġunijiet anki d-dokumenti interni tal-Kummissjoni, li jissemmew fil-punt 83 tas-sentenza appellata (korrispondenza bejn is-servizzi tal-Kummissjoni, memoranda indirizzati lill-membru responsabbli tal-Kummissjoni u noti interni tad-Direzzjoni Ġenerali “Kompetizzjoni”), fil-prinċipju, jaqgħu fil-kuntest tal-ħarsien tal-iskop ta’ investigazzjoni. Huma fil-fatt jinkludu informazzjoni dwar in-negozjati mal-Istat Membru kkonċernat.

120. Il-verifika tal-eżistenza ta’ interess pubbliku ogħla fl-iżvelar ma għandiex, f’dawn il-każijiet, issir għal kull dokument. Anzi, għandha tiġi kkunsidrata l-proċedura kollha fil-qasam tal-għajnuna u, fuq kollox, is-suġġett tal-għajnuna. Madankollu, tali interess mhux qed jiġi diskuss fil-kawża inkwistjoni.

121. Fil-prinċipju, għalhekk, il-Kummissjoni tista’ titlaq mill-premessa li, kemm il-korrispondenza mal-Istat Membru kif ukoll id-dokumenti interni tagħha rigward il-proċeduri fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u li jikkonċernaw miżuri favur TGI, huma koperti mill-eċċezzjoni tal-ħarsien tal-iskop ta’ investigazzjonijiet.

122. Madankollu, mhux ċert jekk it-trattament kunfidenzjali maħsub għall-investigazzjoni kienx għal kollox iġġustifikat, meta nċaħdet l-applikazzjoni għall-aċċess.

123. Fil-prinċipju, ir-raġunament li l-Kummissjoni għamlet fl-ewwel parti tal-ħames aggravju huwa korrett: fil-prinċipju, l-interess li jiġi protett l-iżvilupp mingħajr tfixkil tan-negozjati mal-Istat Membru kkonċernat jeżisti sakemm jiġu konklużi n-negozjati, jiġfieri sakemm iddum għaddejja l-investigazzjoni tal-għajnuna.

124. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ssostni li l-proċedura fil-qasam tal-għajnuna ddum għaddejja sakemm ma jkunx jista’ jiġi ppreżentat rikors fir-rigward tad-deċiżjoni finali. Fil-fatt, f’każ li d-deċiżjoni tiġi annullata, l-għajnuna jkollha terġa’ tiġi eżaminata. Dan ġie injorat mill-Qorti tal-Prim’Istanza meta, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, irreferiet għall-konklużjoni tal-proċedura C 19/2000.

125. Ma jistax jiġi eskluż li t-tkomplija eventwali ta’ investigazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat tiġi ppreġudikata mill-iżvelar tal-fajl tal-proċedura wara d-deċiżjoni rigward din l-għajnuna. L-ewwel nett, però, id-deċiżjoni ttemm in-negozjati eventwali mal-Istat Membru. Hija tiġi ppubblikata u għalhekk tista’ tkun suġġetta għal rikors. Jekk il-Kummissjoni, f’sitwazzjoni bħal din, tqis li l-bidu mill-ġdid tal-investigazzjoni tal-għajnuna, jiġifieri tan-negozjati li għandhom jiġu protetti, ikun prevedibbli, hija stess tkun qed tammetti li d-deċiżjoni tagħha hija vvizzjata minn żbalji ta’ liġi. Però fil-każ preżenti, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata f’dan ir-rigward. F’dan il-każ, ir-riskju li l-investigazzjoni tinbeda mill-ġdid, għaldaqstant, huwa wieħed ipotetiku. Ir-riskju li negozjati ipotetiċi dwar għajnuna jiġu ppreġudikati għalhekk, bir-raġun, mhux raġonevolment prevedibbli u ma jistax jiġġustifika rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti.

126. Sa fejn il-Kummissjoni, fir-replika, tirreferi għall-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri fil-qrati, stabbilita fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi kkonstatat li din l-eċċezzjoni – kif ukoll il-protezzjoni tad-dokumenti interni skont l-Artikolu 4(3) (56) – mhux is-suġġett tal-proċedura preżenti. Il-Kummissjoni ma tistax tibbaża, a posteriori, ir-rifjut tal-aċċess fuq eċċezzjoni oħra (57). Għaldaqstant ma hemmx għalfejn tittieħed deċiżjoni jekk hux meħtieġ – kif issostni l-Isvezja – li l-protezzjoni tal-proċeduri fil-qrati tiġi limitata għad-dokumenti speċifikament mħejjija għal dawn il-proċeduri (58).

127. Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għar-rapporti, fid-dawl tal-kontenut tagħhom, bejn il-proċedura C 19/2000 u l-proċedura C 44/2001, peress li din tal-aħħar tikkonċerna miżuri li kienu eżaminati anki fil-kuntest tal-ewwel waħda. Għaldaqstant, jista’ jingħata l-aċċess biss meta ż-żewġ proċeduri jkunu ġew konklużi.

128. Madankollu, dan jipprekludi l-fatt li l-Kummissjoni, bid-deċiżjoni fil-proċedura C 19/2000, iddefiniet u kkonkludiet fuq parti waħda minnhom. B’hekk, in-negozjati dwar din il-parti ġew konklużi u dan ifisser li mhux bilfors għandhom jiġu protetti kollha. Biss, fil-kuntest ta’ dawn in-negozjati, sa fejn ingħatat informazzjoni li tirreferi għall-proċedura C 44/2001, li għadha għaddejja, ikun possibbli li jiġi rrifjutat l-aċċess. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tqis, fin-nuqqas ta’ eżami individwali, li d-dokumenti mitluba rigward il-proċedura C 19/2000 huma koperti kollha mill-ħarsien tal-investigazzjonijiet fil-proċedura C 44/2001.

129. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrifjutat, u bir-raġun, li testendi l-ħarsien tal-iskop ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat għall-korrispondenza kollha mal-Istat Membru rigward il-proċedura C 19/2000 u għad-dokumenti interni relatati.

130. Għal finijiet ta’ kompletezza, għandu jitfakkar li anki d-dokumenti tal-proċedura C 44/2001, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, ma kienx hemm iktar ħtieġa li jiġu protetti kollha. Il-Kummissjoni, fil-fatt, kienet tat bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali permezz ta’ deċiżjoni li ġiet ippubblikata u li kienet tagħti informazzjoni dwar l-għajnuna.

131. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li din il-pubblikazzjoni u l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni, sakemm din tal-aħħar ssir finali, jiggarantixxu trasparenza suffiċjenti tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat.

132. Jekk l-informazzjoni dwar in-negozjati diġà saret legalment (59) pubblika (60), madankollu hija nieqsa mill-bażi li tilleġittima l-aspettattiva ta’ trattament kunfidenzjali maħsub għal din l-informazzjoni (61). It-tqassim ulterjuri ta’ din l-informazzjoni ma jistax ikun iktar ta’ preġudizzju għall-ħarsien tal-iskop ta’ investigazzjoni, peress li din u l-konnessjoni tagħha mal-investigazzjoni tal-għajnuna diġà huma pubbliċi. Min-naħa l-oħra huwa irrilevanti, f’dan il-kuntest, jekk il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali hijiex suffiċjentement trasparenti (62).

133. Id-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999, tinkludi, fit-tifsira tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1), spjegazzjoni qasira tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni rigward in-natura tal-għajnuna tal-miżura prevista u l-espressjoni tad-dubji rigward il-konformità tal-miżura mas-suq komuni. Skont l-Artikolu 26(2), il-Kummissjoni tippubblika din id-deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali.

134. B’dan il-mod, il-Kummissjoni għamlet pubbliku l-kontenut essenzjali tal-fajl. Lil hinn minn dan il-kontenut, id-dokumenti eżistenti s’issa jistgħu jinkludu biss, fil-prinċipju, informazzjoni mhux essenzjali. Għaldaqstant, tiddgħajjef il-bażi tas-suppożizzjoni ġenerali li l-iżvelar ta’ kull wieħed minn dawn id-dokumenti jqiegħed fil-periklu b’mod raġonevolment prevedibbli l-komunikazzjoni mal-Istat Membru. Jekk il-Kummissjoni biħsiebha tkompli tibbaża r-rifjut fuq il-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni, dan jista’ jirriżulta biss minn eżami individwali tad-dokumenti.

135. Dan l-eżami ma jistax ikun limitat għall-verifika dwar jekk id-dokumenti jinkludux informazzjoni li ma tidhirx fid-deċiżjoni ppubblikata. Anzi, hija meħtieġa motivazzjoni speċifika biex jiġi pprovat li l-iżvelar tal-informazzjoni li fadal, inqas importanti skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, huwa ta’ preġudizzju raġonevolment prevedibbli u mhux biss ipotetiku għall-ħarsien tal-iskop ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat.

d)      Fuq il-komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati l-oħra tal-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat

136. Barra minn hekk, lanqas ma għandha tiġi ttraskurata ċ-ċirkustanza li l-protezzjoni tan-negozjati ma tistax tiġi loġikament estiża, ġeneralment, għar-relazzjoni tal-Kummissjoni mal-partijiet l-oħra kkonċernati tal-investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat. Irrispettivament mill-kwistjoni jekk hux ikkonċernat il-benefiċjarju tal-għajnuna, il-kompetituri tiegħu jew partijiet oħra kkonċernati, huma biss sorsi ta’ informazzjoni, bil-kontra tal-Istat Membru. Skont l-Artikoli 6 u 20 tar-Regolament Nru 659/1999, dawn jistgħu jagħmlu osservazzjonijiet. B’hekk, din mhux kwistjoni li n-negozjati bejnhom u l-Kummissjoni jiġu protetti minn tfixkil.

137. Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li bejnha u dawn it-terzi kkonċernati hemm relazzjoni ta’ fiduċja. Dan huwa korrett sa fejn dawn, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 659/1999, jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex ma tiżvelax l-identità tagħhom, għaliex isostnu li jkun hemm dannu potenzjali f’każ ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura. F’dawn il-limiti, il-fiduċja fil-protezzjoni tas-sorsi hija waħda leġittima (63). Madankollu, xejn ma jixraqlu iktar protezzjoni, fuq din il-bażi, mill-identità ta’ sors u mill-informazzjoni li tista’ tikxef min hu (64).

138. F’dan il-każ, qatt ma kien hemm dubji rigward il-protezzjoni tal-identità, peress li l-Kummissjoni, bir-rifjut tagħha, saħansitra semmiet espressament lil Schott Glas bħala parti kkonċernata.

139. Madankollu, anki li kieku l-identità tas-sors tkun magħrufa, jista’ jkun hemm interess li l-informazzjoni pprovduta tkun ittrattata b’mod kunfidenzjali. Din l-informazzjoni tista’ tagħti lok għal inkonvenjenti. Il-partijiet ikkonċernati jistgħu jisfruttawha biex jiftħu kawża direttament kontra s-sors, pereżempju bl-akkuża li ngħatat informazzjoni falza. F’dan wieħed jara effett dissważiv (chilling effect) li jagħmilha iktar diffiċli biex il-Kummissjoni tirċievi informazzjoni mingħand terzi.

140. Din l-eventwalità, fil-prinċipju, għandha tiġi aċċettata. Ma jeżisti l-ebda dritt li xi ħadd jinfluwenza l-eżitu tal-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni, mingħajr ma jibża’ mill-konsegwenzi. Anzi, l-Isvezja ssostni korrettament li l-aċċessibbiltà għall-osservazzjonijiet magħmula minn terzi interessati tista’ ttejjeb il-bażi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Jekk l-osservazzjonijiet ikunu aċċessibbli, il-partijiet ikkonċernati jistgħu jikkontrollaw lil xulxin u jikkoreġu malajr l-informazzjoni żbaljata (65). B’hekk, titnaqqas anki t-tentazzjoni li tingħata informazzjoni falza jew qarrieqa lill-Kummissjoni.

141. Il-ħtieġa li jiġu protetti l-osservazzjonijiet ta’ sorsi magħrufa tista’ tkun evalwata b’mod differenti fil-każi fejn anki l-iżvelar ta’ informazzjoni korretta tista’ tagħti lok għal żvantaġġi mhux iġġustifikati. Pereżempju, wieħed jista’ jimmaġina li din l-informazzjoni, anki jekk ma tkunx protetta mill-Kummissjoni, tkun protetta minn Stati terzi bħala sigrieti kummerċjali (66). F’dan il-każ, però, ma hu qed jissemma l-ebda argument ta’ dan ix-xorta.

142. Konsegwentement, il-kontenut tal-osservazzjonijiet, skont ir-Regolament Nru 659/1999, mhux espressament protett. Saħansitra b’relazzjoni mal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali hija biss prevista konsultazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat (Artikolu 25). Huwa minnu li anki l-partijiet ikkonċernati l-oħra jistgħu, skont l-Artikoli 287 KE u 24 tar-Regolament Nru 659/1999, jeżiġu l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom u ta’ interessi simili biex is-sigriet jinżamm. Madankollu, il-pożizzjoni tagħhom fl-investigazzjoni tal-għajnuna ma tippermettix is-suppożizzjoni ġenerali li l-korrispondenza magħhom, fil-prinċipju, għandha tiġi protetta kollha. Anzi, għandu jiġi vverifikat, każ b’każ u b’mod konkret, sa fejn id-dokumenti għandhom jiġu rrifjutati sabiex tkun protetta l-identità tagħhom jew minħabba raġunijiet oħrajn.

143. Protezzjoni wiesgħa tal-komunikazzjoni ma’ terzi kkonċernati lanqas ma tirriżulta indirettament min-negozjati mal-Istat Membru kkonċernat. L-osservazzjonijiet sempliċi li jsiru minn parti oħra kkonċernata ma jwasslux għal konklużjonijiet dwar in-negozjati. Biss sakemm l-Kummissjoni teżiġi informazzjoni speċifika sabiex tużaha fil-kuntest tan-negozjati li jkun hemm relazzjoni suffiċjentement stretta mal-proċess tan-negozjati. Ir-rifjut tal-aċċess jista’ jkun iġġustifikat biss, f’dan il-każ, fuq il-bażi ta’ eżami individwali. Dan ma seħħx f’dan il-każ.

e)      Konklużjoni parzjali

144. Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-Kummissjoni ma setgħetx tiċħad in toto l-applikazzjoni ta’ TGI fuq il-bażi tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, bla ebda eżami tad-dokumenti individwali.

145. Wieħed jista’ jistaqsi jekk l-effetti tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni kellhomx jinżammu għall-inqas b’relazzjoni għall-korrispondenza mal-Istat Membru rigward il-proċedura fil-qasam tal-għajnuna C 44/2001, sa fejn din tkun waslet wara l-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kkontestatx is-sentenza appellata f’dan ir-rigward. Huwa wkoll dubjuż jekk id-deċiżjoni f’dan is-sens setgħetx tiġi sseparata, peress li ttieħdet bħala deċiżjoni waħda u sħiħa dwar l-applikazzjoni, mingħajr ma ġew identifikati d-dokumenti individwali.

146. Għaldaqstant, anki t-tieni parti tal-ewwel aggravju u l-ewwel parti tal-ħames aggravju għandhom jinċaħdu.

C –    Ir-riżultat tal-evalwazzjoni ġuridika

147. Peress li l-ebda aggravju dedott mill-Kummissjoni ma jista’ jintlaqa’, ir-rikors għandu jinċaħdu in toto.

V –    Fuq l-ispejjeż

148. Skont l-Artikolu 69(2), moqri flimkien mal-Artikoli 118 u 122(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub minn TGI.

149. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 69(4), moqri flimkien mal-Artikoli 118 u 122(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża fl-ewwel jew fit-tieni istanza, fil-prinċipju, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom (67).

VI – Konklużjoni

150. Skont il-kunsiderazzjonijiet li ssemmew iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom rigward il-kawża tal-appell.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE [Artikolu 88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).


3 – Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).


4 – ĠU C 364, p. 1. Issa, b’emendi, fit-test tal-proklamazzjoni solenni, tat-12 ta’ Diċembru 2007 (ĠU C 303, p. 1).


5 – Stedina biex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE dwar il-miżura C 19/2000 (ex NN 147/98) – Għajnuna favur Technische Glaswerke Ilmenau GmbH – Il-Ġermanja (ĠU C 217, p. 10).


6 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/185/KE, tat-12 ta’ Ġunju 2001, dwar għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lil Technische Glaswerke Ilmenau GmbH (il-Ġermanja), innotifikata bin-numru C(2001) 1549 (ĠU L 62, p. 30).


7 – Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni (T‑198/01, Ġabra p. II‑2717).


8 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 2007, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni (C‑404/04 P, Ġabra p. I-3539).


9 – Stedina biex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE dwar il-miżura C 44/2001 (ex NN 147/98) – Għajnuna favur Technische Glaswerke Ilmenau GmbH – Il-Ġermanja (ĠU C 272, p. 2).


10 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/383/KE, tat-2 ta’ Ottubru 2002, dwar l-għajnuna mill-Istat C 44/01 (ex NN 147/98), mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lil Technischen Glaswerke Ilmenau GmbH, innotifikata bin-numru C(2002) 2147 (ĠU L 140, p. 30).


11 – Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Mejju 2007, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni (T‑378/02, komunikazzjoni fil-ĠU C 183, p. 41).


12 – TGI talbet ukoll l-aċċess għad-dokumenti kollha li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat li ngħatat lill-kompetitriċi tagħha, Schott Glas. Din il-parti tat-talba però mhux is-suġġett tal-appell. Għaldaqstant, ma hemmx għalfejn jiġu eżaminati bir-reqqa l-interessi ta’ Schott li għandhom jiġu protetti fir-rigward ta’ dawn id-dokumenti.


13 – Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni (T‑237/02, Ġabra p. II‑5131).


14 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 165).


15 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 1993, Eppe vs Il-Kummissjoni (C‑354/92 P, Ġabra p. I‑7027, punt 13); u tat-2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il-Kummissjoni (C‑202/07 P, Ġabra p. I-2369).


16 – Sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Novembru 2004, Turco vs Il-Kunsill (T‑84/03, Ġabra p. II‑4061, punt 34); tal-11 ta’ Marzu 2009, Borax Europe vs Il-Kummissjoni (T‑121/05, Ġabra p. II-27, punt 35); u Borax Europe vs Il-Kummissjoni (T‑166/05, Ġabra p. II-28, punt 42). Diġà fuq il-bażi tas-sitwazzjoni ġuridika ta’ qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Marzu 1997, WWF UK vs Il-Kummissjoni (T‑105/95, Ġabra p. II‑313, punt 56); u tas-7 ta’ Diċembru 1999, Interporc vs Il-Kummissjoni (T‑92/98, Ġabra p. II‑3521, punt 40).


17 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill (C‑266/05 P, Ġabra p. I‑1233, punt 63); tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni (C‑64/05 P, Ġabra p. I‑11389, punt 66); u tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra p. I-4723, punt 36). Diġà fuq il-bażi tas-sitwazzjoni ġuridika ta’ qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 2000, L-Olanda u van der Wal vs Il-Kummissjoni (C‑174/98 P u C‑189/98 P, Ġabra p. I‑1, punt 27); u tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni (C‑41/00 P, Ġabra p. I‑2125, punt 48), li jirrigwardaw id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/90/KEFA, KE, Euratom; u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Diċembru 2001, Il-Kunsill vs Hautala (C‑353/99 P, Ġabra p. I‑9565, punt 25), rigward id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/731/KE.


18 – Sadanittant, anki mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżultaw indikazzjonijiet li jgħidu li l-libertà tal-espressjoni stabbilita fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, jinkludi dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni: sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (It-Tieni Awla) tal-14 ta’ April 2009, Társaság a Szabadságjogokért vs L-Ungerija (li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet, punt 28); u tas-26 ta’ Mejju 2009, Kenedi vs L-Ungerija (li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet, punt 43), jekk din l-informazzjoni tkun il-premessa għal-libertà ta’ espressjoni. Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 10 nċaħdet fis-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 1987, Leander vs L-Isvezja (Serje A Nru 116, p. 29, punt 74); tas-7 ta’ Lulju 1989, Gaskin vs Ir-Renju Unit (Serje A Nru 160, p. 21, punt 52); tad-19 ta’ Frar 1998, Guerra et vs L-Italja (Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 1998-I, p. 226, punt 53); u tad-19 ta’ Ottubru 2005, Roche vs Ir-Renju Unit (Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2005-X, punt 172).


19 – Ara l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/731/KE u d-dispożizzjonijiet rigward l-eċċezzjonijiet fil-Kodiċi ta’ Kondotta applikabbli għall-Kummissjoni.


20 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 43).


21 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 45).


22 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 46).


23 – B’hekk is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Settembru 2008, Williams vs Il‑Kummissjoni (T‑42/05, Ġabra p. II-156, punti 14 et seq) issemmi soluzzjoni possibbli, jiġifieri l-ftehim ta’ trattament gradwali ta’ applikazzjoni għal aċċess ta’ dokumenti voluminuża.


24 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Kunsill vs Hautala (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 27 et seq).


25 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Kunsill vs Hautala (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 30); u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni (T‑2/03, Ġabra p. II‑1121, punti 102 et seq.).


26 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il‑paġna 17, punt 35).


27 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Diċembru 1967, van der Vecht (19/67, Ġabra p. 462, 473); tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, Ġabra p. 1999, punti 13 u 14); tal-14 ta’ Ġunju 2007, Euro Tex (C‑56/06, Ġabra p. I‑4859, punt 27); u tal-21 ta’ Frar 2008, Tele2 Telecommunication (C‑426/05, Ġabra p. I‑685, punt 25).


28 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1969, Stauder (29/69, Ġabra p. 419, punt 3); tas-7 ta’ Lulju 1988, Moksel Import u Export (55/87, Ġabra p. 3845, punt 49); tal-20 ta’ Novembru 2001, Jany et (C‑268/99, Ġabra p. I‑8615, punt 47); u tas-27 ta’ Jannar 2005, Junk (C‑188/03, Ġabra p. I‑885, punt 33).


29 – Artikolu 2(6) tal-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, COM(2008) 229 finali. Madankollu, il-Parlament ċaħad din il-proposta ta’ emenda fil-11 ta’ Marzu 2009 fl-ewwel qari (dokument tal-Parlament P6_TA-PROV(2009)0114, ara anki d-dokument tal-Kunsill 7394/09).


30 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 50).


31 – Ara iktar ’il fuq, il-punti 38 et seq. Il-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament Nru 1049/2001, COM(2000) 30 finali/2, kienet tipprovdi, fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2) li r-regoli speċifiċi eventwali dwar l-aċċess għad-dokumenti kellhom jeskludu l-applikazzjoni tar-regolament. Minkejja li din id-dispożizzjoni ma kinitx inkluża fir-Regolament, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza tal-5 ta’ April 2005, Hendrickx vs Il-Kunsill (T‑376/03, Ġabra FP p. I‑A‑83 u II‑379, punti 55 et seq.), iddeċidiet li d-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità tal-għażla fis-settur tas-servizz pubbliku jipprekludu l-applikazzjoni tar-Regolament.


32 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 68).


33 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (234/84, Ġabra p. 2263, punt 29); u tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni (C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7869, punt 81).


34 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 45); u tas-6 ta’ Ottubru 2005, Scott vs Il‑Kummissjoni (C-276/03 P, Ġabra p. I-8437, punt 34).


35 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2008, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (C-49/05 P, Ġabra p. I-68, punt 69); u tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni (C‑521/06 P, Ġabra p. I-5829, punt 38).


36 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, Ġabra p. 461, punti 13 u 14); tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni (322/81, Ġabra p. 3461, punti 7 u 8); tat-8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni (C‑51/92 P, Ġabra p. I‑4235, punti 75 u 76); u tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punti 315 et seq.). Rigward id-drittijiet għall-informazzjoni tal-uffiċjali, ara l-Artikoli 26 u 27 tal-Istatut kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni (T‑48/05, Ġabra p. II-1585, punti 126 et seq).


37 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Falck (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 81).


38 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni (60/81, Ġabra p. 2639, punt 10).


39 – Rigward l-akkordji, ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 77); u Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 317).


40 – F’dan ir-rigward ara iktar ’il fuq il-punti 40 et seq.


41 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Sison vs Il-Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 45 sa 48).


42 – Bil-kontra, ikun hemm raġuni biex issir verifika tad-dritt proċedurali jekk id-dritt ta’ aċċess, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, ikun iktar estiż mid-drittijiet proċedurali tal-partijiet li jkollhom interessi ġuridikament protetti. Fil-prinċipju, id-dritt proċedurali fil-fatt għandu jikkunsidra dawn l-interessi u jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-individwi kkonċernati iktar informazzjoni minn dik li tingħata lill-pubbliku.


43 – F’dan is-sens, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni (T‑391/03 u T‑70/04, Ġabra p. II‑2023, punt 122).


44 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Novembru 1985, Adams vs Il-Kummissjoni (145/83, Ġabra p. 3539) dwar il-protezzjoni tal-informaturi.


45 – Rigward id-Deċiżjoni 94/90, ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza WWF UK vs Il‑Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 63); tal-14 ta’ Ottubru 1999, Bavarian Lager vs Il-Kummissjoni (T‑309/97, Ġabra p. II‑3217, punt 46); u tal-11 ta’ Diċembru 2001, Petrie et vs Il-Kummissjoni (T‑191/99, Ġabra p. II‑3677, punt 68); kif ukoll dwar ir-Regolament Nru 1049/2001, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Settembru 2007, API vs Il-Kummissjoni (T‑36/04, Ġabra p. II‑3201, punt 120). Dwar l-investigazzjonijiet l-oħra, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Settembru 2000, Denkavit Nederland vs Il‑Kummissjoni (T‑20/99, Ġabra p. II‑3011, punti 43 et seq.) fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 94/90.


46 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C-157/94, Ġabra p. I-5699, punt 60); tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-158/94, Ġabra p. I-5789, punt 56); u tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza (C-159/94, Ġabra p. I‑5815, punt 103) kif ukoll tad-29 ta’ Settembru 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑191/95, Ġabra p. I-5449, punt 44).


47 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1989, Star Fruit (247/87, Ġabra p. 291, punt 11).


48 – Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Bavarian Lager vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45, punt 46); u API vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45, punt 121).


49 – Din il-kwistjoni tista’ tinstab fil-Kawżi magħquda C‑514/07 P, L-Isvezja vs API, C‑528/07 P, API vs Il-Kummissjoni u C‑532/07 P, Il-Kummissjoni vs API, li kienu s-suġġett ta’ komunikazzjoni fil-ĠU 2008 C 22, p. 36, kif ukoll C 51, p. 32 u 37.


50 – B’hekk, is-sempliċi nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-direttivi jew negliġenza biex ir-rapporti jkunu ppreżentati fit-terminu, ta’ spiss ma jkunux tassew ikkontestati jew suġġetti ta’ “negozjati”.


51 – Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 47); u Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 40).


52 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et (C‑39/94, Ġabra p. I‑3547, punti 36 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata).


53 – Ara iktar ’il fuq il-punti 52 et seq.


54 – Ara iktar ’il fuq il-punti 72 et seq.


55 – Ara iktar ’il fuq il-punt 82.


56 – Ara iktar ’il fuq il-punt 42.


57 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Jannar 2004, Mattila vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑353/01 P, Ġabra p. I‑1073, punt 32).


58 – F’dan is-sens, ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Interporc vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 40); u API vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45, punt 60).


59 – Min-naħa l-oħra, tqassim mhux awtorizzat jista’ jaffetwa r-rekwiżit tal-kunfidenzjalità. Il-komunikazzjoni tikkonferma, fil-fatt, li dawn id-dokumenti kienu awtentiċi. Għaldaqstant, id-Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Diċembru 2006, Weber vs Il-Kummissjoni (T‑290/05, Ġabra p. II-96, punti 41 u 42) hija pjuttost problematika, sa fejn tirrikonoxxi, b’mod sussidjarju, l-ikklassifikar ta’ applikazzjoni ta’ aċċess permezz ta’ pubblikazzjoni mhux awtorizzata tad-dokument.


60 – F’dan ir-rigward, wieħed għandu jikkunsidra anki l-imġiba tal-Istat Membru kkonċernat. Meta l-Istat Membru jippubblika b’mod ġenerali informazzjoni dwar in-negozjati, huwa ma jistax jistenna li l-Kummissjoni tittrattaha b’mod kunfidenzjali. Dan japplika, b’mod partikolari, fil-każ ta’ tqassim ta’ informazzjoni qarrieqa. Minkejja l-interess personali tagħha (ara l-punt 111 iktar ’il fuq) l-Kummissjoni ma tistax tinsisti awtomatikament fuq il-kunfidenzjalità, jekk il-pożizzjonijiet tagħha fin-negozjati jkunu diġà magħrufa.


61 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Novembru 2007, Pitsiorlas vs Il-Kunsill u Il-Bank Ċentrali Ewropew (T‑3/00 u T‑337/04, Ġabra p. II‑4779, punt 86).


62 – Meta l-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza API vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45, punt 98) iddiskutiet it-trasparenza suffiċjenti b’referenza għal pubblikazzjoni, din kienet fażi oħra tal-eżami, jiġifieri deroga għall-eċċezzjoni minħabba interess pubbliku ogħla għall-iżvelar tad-dokumenti. Jekk però l-eċċezzjoni ma tapplikax, ma hemm l-ebda raġuni għaliex id-deroga għall-eċċezzjoni għandha tiġi eżaminata.


63 – Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Adams vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punt 34), li ngħatat qabel l-introduzzjoni tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti, tmur lil hinn: il-kundizzjoni ta’ trattament kunfidenzjali għandha tkun dejjem irrispettata. Ara, f’dan ir-rigward, anki r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, p. 57), fejn jingħad li l-identità tal-persuna li tilmenta ma għandhiex tkun mikxufa irrispettivament mill-preżenza ta’ perikli imminenti.


64 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Adams vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, b’mod partikolari l-punt 40).


65 – Fil-punt 6 tal-appell, TGI oġġezzjonat għall-fatt li Schott Glas kienet tat informazzjoni falza lill-Kummissjoni, li ma setgħetx tiġi korretta immedjatament.


66 – Huma sinjifikanti l-fatti wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Adams vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44).


67 – Ara d-deċiżjoni fuq l-ispejjeż tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja L-Isvezja vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 101 et seq.). Mill-Istati Membri intervenjenti fl-ewwel istanza, l-ispejjeż ġew rikonoxxuti biss lill-Isvezja, peress li dan l-Istat Membru kien ippropona r-rikors.