Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht München (il-Ġermanja) fil-11 ta’ Marzu 2022 – SO vs Scalable Capital GmbH
(Kawża C-189/22)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Amtsgericht München
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: SO
Konvenut: Scalable Capital GmbH
Domandi preliminari
1. L-Artikolu 82 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal kumpens ma għandux natura ta’ sanzjoni, lanqas fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tiegħu, u b’mod partikolari ma għandux funzjoni dissważiva ġenerali jew speċjali, sa fejn id-dritt għal kumpens għandu biss il-funzjoni li jinkiseb kumpens għad-danni mġarrba u jekk ikun il-każ funzjoni ta’ sodisfazzjoni?
2.a Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dritt għal kumpens għad-danni mhux materjali, wieħed għandu jitlaq mill-prinċipju li dan id-dritt għandu wkoll funzjoni ta’ sodisfazzjoni individwali – fis-sens hawnhekk ta’ interess privat tal-persuna li ġarrbet id-danni li tara li l-aġir li kkawża d-danni jiġi ssanzjonat – jew id-dritt għal kumpens għandu biss il-funzjoni li jinkiseb kumpens għad-danni mġarrba?
2.b.1. Jekk wieħed għandu jitlaq mill-prinċipju li d-dritt għal kumpens għad-danni mhux materjali għandu l-funzjoni kemm ta’ kumpens kif ukoll ta’ sodisfazzjoni: fl-evalwazzjoni tiegħu għandu jiġi aċċettat li l-funzjoni ta’ kumpens tirbaħ b’mod strutturali fuq il-funzjoni ta’ sodisfazzjoni jew hija minn tal-inqas marbuta magħha fil-forma ta’ regola u ta’ eċċezzjoni? Dan jista’ jwassal sabiex funzjoni ta’ sodisfazzjoni tittieħed inkunsiderazzjoni biss fil-każ ta’ ksur intenzjonat jew ta’ negliġenza gravi?
2.b.2. Jekk id-dritt għal kumpens għad-danni mhux materjali ma għandux funzjoni ta’ sodisfazzjoni: fil-kalkolu ta’ dawn id-danni, huwa biss il-ksur intenzjonat jew ta’ negliġenza gravi għall-protezzjoni tad-data li għandu jingħata piż addizzjonali fl-evalwazzjoni tal-fattur li kkontribwixxew għall-kawża?
3. Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-danni mhux materjali fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, għandu jitqies li hemm relazzjoni ta’ ġerarkija strutturali jew, minn tal-inqas, relazzjoni ta’ ġerarkija bejn regola u eċċezzjoni, fis-sens li l-impatt tad-danni li jirriżultaw minn vjolazzjoni tad-data għandu inqas piż mill-impatt tad-danni u tat-tbatija marbuta ma’ danni fuq il-persuna?
4. F’sitwazzjoni fejn l-eżistenza ta’ dannu hija preżunta, qorti nazzjonali tista’, fid-dawl tal-assenza ta’ gravità, tiddeċiedi li tordna biss l-għoti ta’ kumpens għad-danni li jkunu materjalment minimi u li jekk ikun il-każ jista’ jitqies biss li huwa kumpens simboliku mill-parti li ġarrbet id-danni jew mill-popolazzjoni b’mod ġenerali?
5. Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-danni mhux materjali fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tiegħu, wieħed għandu jitlaq mill-prinċipju li jkun hemm serq ta’ identità fis-sens tal-premessa 75 tar-Regolament 2016/679 fil-każ biss li kriminal ikun effettivament assuma l-identità tas-suġġett tad-data, jiġifieri jkun b’xi mod jew ieħor ippreżenta lilu nnifsu bħallikieku kien dan is-suġġett tad-data, jew ikun hemm diġà serq ta’ identità meta l-kriminal ikollu data li tippermettilu jidentifika lis-suġġett tad-data?
____________
1 ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.