Language of document : ECLI:EU:T:2010:202

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

19 ta’ Mejju 2010 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Settur tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Ksur kontinwu u f’diversi forom – Interruzzjoni tal-parteċipazzjoni – Multi – Parteċipazzjoni limitata fl-akkordju”

Fil-kawża T‑18/05,

IMI plc, stabbilita f’Birmingham, Warwickshire (Ir-Renju Unit),

IMI Kynoch Ltd, stabbilita f’Birmingham,

Yorkshire Copper Tube, stabbilita f’Liverpool, Merseyside (Ir-Renju Unit),

irrappreżentati minn M. Struys u D. Arts, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn É. Gippini Fournier u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, l-ewwel nett, talba għall-annullament tal-Artikoli 1(h) sa (j) u 2(f) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 2826, tat-3 ta’ Settembru 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/38.069 – Pajpijiet tar-ram għall-plumbing) u, it-tieni nett, sussidjarjament, talba għal tnaqqis mill-ammont tal-multa imposta b’din id-deċiżjoni fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President, S. Papasavvas u N. Wahl (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Novembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        IMI plc, IMI Kynoch Ltd u Yorkshire Copper Tube (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“grupp IMI” jew ir-“rikorrenti”) huma parti minn grupp ta’ impriżi internazzjonali ta’ inġinerija, li l-kumpannija parent tagħhom, IMI, hija kumpannija rreġistrata taħt id-dritt Ingliż u kkwotata fil-Borża ta’ Londra (London Stock Exchange).

1.     Il-proċedura amministrattiva

2        Wara l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni minn Meuller Industries Inc. (iktar ’il quddiem “Mueller”) f’Jannar 2001, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għamlet żjarat ta’ verifika mhux mistennija, f’Marzu 2001, fil-bini ta’ diversi impriżi li jaħdmu fis-settur tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3).

3        Fid-9 u fl-10 ta’ April 2001, saru żjarat ta’ verifika addizzjonali fil-bini ta’ KME Germany AG (li kienet KM Europa Metal AG) u ta’ Outokumpu Oyj u Luvata Oy (li kienet Outokumpu Copper Products Oy) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“grupp Outokumpu”). Fid-9 ta’ April 2001, Outokumpu offriet li tikkoopera mal-Kummissjoni skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4) (iktar ’il quddiem l-“Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni”), kemm għall-pajpijiet industrijali kif ukoll għall-pajpijiet għall-plumbing. Wara ż-żjarat ta’ verifika addizzjonali, il-Kummissjoni qasmet l-investigazzjoni tagħha dwar il-pajpijiet tar-ram għall-plumbing fi tliet proċeduri separati, jiġifieri l-Każ COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing), il-Każ COMP/E‑1/38.121 (Attrezzaturi) u l-Każ COMP/E‑1/38.240 (Pajpijiet industrijali).

4        Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Mejju 2001, il-grupp Outokumpu bagħat memorandum lill-Kummissjoni, akkumpanjat minn ċertu numru ta’ annessi, li kien jiddeskrivi s-settur tal-pajpijiet tar-ram u l-ftehim kollużivi relatati miegħu.

5        Fil-5 ta’ Ġunju 2002, fil-kuntest tal-Każ COMP/E‑1/38.240 (Pajpijiet industrijali), fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, saru intervisti relatati mal-offerta ta’ kooperazzjoni magħmula mill-grupp Outokumpu, ma’ rappreżentanti ta’ din l-impriża. Din l-impriża indikat ukoll illi kienet lesta li tħalli lill-Kummissjoni tinterroga l-membri tal-persunal tagħha involuti fil-ftehim imsemmija fil-Każ COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing).

6        F’Lulju 2002, fil-kuntest tal-Każ COMP/E‑1/38.240 (Pajpijiet industrijali), il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, minn naħa waħda, bagħtet talbiet għal informazzjoni lil Wieland-Werke AG (iktar ’il quddiem “Wieland”) u lill-grupp KME [kompost minn KME Germany, KME France SAS (li kienet Tréfimétaux SA) u KME Italy SpA (li kienet Europa Metalli SpA)] u, min-naħa l-oħra, stiednet lill-grupp Outokumpu sabiex jibgħatilha informazzjoni addizzjonali. Fil-15 ta’ Ottubru 2002, il-grupp KME wieġeb għall-imsemmija talba għal informazzjoni. It-tweġiba tiegħu kienet tinkludi dikjarazzjoni u talba sabiex jibbenefika mill-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni fil-kuntest tal-Każ COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing). Barra minn hekk, il-grupp KME ppermetta lill-Kummissjoni li tuża l-informazzjoni kollha pprovduta fil-kuntest tal-Każ COMP/E‑1/38.240 (Pajpijiet industrijali) u f’dak tal-kawża COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing).

7        Fit-23 ta’ Jannar 2003, Wieland bagħtet dikjarazzjoni, lill-Kummissjoni, li kienet tinkludi talba sabiex, fil-kuntest tal-Każ COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing), tibbenefika mill-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni.

8        Fil-kuntest tal-Każ COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing), fit-3 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lill-grupp Boliden [kompost minn Boliden AB, Outokumpu Copper Fabrication AB (li kienet Boliden Fabrication AB) u Outokumpu Copper BCZ SA (li kienet Boliden Cuivre & Zinc SA)], lil HME Nederland BV (iktar ’il quddiem “HME”) u lil Chalkor AE Epexergasias Metallon (iktar ’il quddiem “Chalkor”), u fl-20 ta’ Marzu 2003, bagħtet ukoll lill-grupp IMI.

9        Fid-9 ta’ April 2003, ir-rappreżentanti ta’ Chalkor iltaqgħu mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni u talbu, fil-kuntest tal-Każ COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing), l-applikazzjoni tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni.

10      Fid-29 ta’ Awwissu 2003, il-Kummissjoni, fil-Każ COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing), adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lill-kumpanniji kkonċernati. Wara li l-imsemmija kumpanniji kellhom aċċess għall-fajl elettroniku, u wara li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, huma, bl-eċċezzjoni ta’ HME, ħadu sehem fis-seduta tat-28 ta’ Novembru 2003.

11      Fis-16 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2003) 4820 finali, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/38.240 – Pajpijiet industrijali), li sommarju tagħha huwa ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ April 2004 (ĠU L 125, p. 50).

2.     Id-deċiżjoni kkontestata

12      Fit-3 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2004) 2826 dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/38.069 – Pajpijiet tar-ram għall-plumbing) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li sommarju tagħha huwa ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Lulju 2006 (ĠU L 192, p. 21).

13      Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“Artikolu 1

Is-segwenti impriżi kisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) [KE] u, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994, tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, fil-perijodi msemmija, f’numru ta’ ftehim u prattiki miftehma li jikkonsistu fl-iffissar tal-prezzijiet u fit-tqassim bejniethom tas-swieq fis-settur tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing:

a)      Boliden […], in solidum ma’ [Outokumpu Copper Fabrication] u [Outokumpu Copper BCZ], mit-3 ta’ Ġunju 1988 sat-22 ta’ Marzu 2001;

b)      [Outokumpu Copper Fabrication], in solidum ma’ Boliden […] u [Outokumpu Copper BCZ], mit-3 ta’ Ġunju 1988 sat-22 ta’ Marzu 2001;

c)      [Outokumpu Copper BCZ], in solidum ma’ Boliden […] u [Outokumpu Copper Fabrication], mit-3 ta’ Ġunju 1988 sat-22 ta’ Marzu 2001;

d)      Austria Buntmetall AG:

i)      in solidum ma’ Buntmetall Amstetten [GmbH], mid-29 ta’ Awwissu 1998 sat-8 ta’ Lulju 1999 mill-inqas, u

ii)      in solidum ma’ [Wieland] u Buntmetall Amstetten […], mid-9 ta’ Lulju 1999 sat-22 ta’ Marzu 2001;

e)      Buntmetall Amstetten […]:

i)      in solidum ma’ Austria Buntmetall […], mid-29 ta’ Awwissu 1998 sat-8 ta’ Lulju 1999 mill-inqas, u

ii)      in solidum ma’ [Wieland] u Austria Buntmetall […], mid-9 ta’ Lulju 1999 sat-22 ta’ Marzu 2001;

f)      [Chalkor], mid-29 ta’ Awwissu 1998 sal-bidu ta’ Settembru 1999 mill-inqas;

g)      [HME] mid-29 ta’ Awwissu 1998 sat-22 ta’ Marzu 2001 mill-inqas;

h)      IMI […], in solidum ma’ IMI Kynoch […] u Yorkshire Copper Tube […], mid-29 ta’ Settembru 1989 sat-22 ta’ Marzu 2001;

i)      IMI Kynoch […], in solidum ma’ IMI […] u Yorkshire Copper Tube […], mid-29 ta’ Settembru 1989 sat-22 ta’ Marzu 2001;

j)      Yorkshire Copper Tube […], in solidum ma’ IMI […] u IMI Kynoch […], mid-29 ta’ Settembru 1989 sat-22 ta’ Marzu 2001;

k)      [KME Germany]:

i)      individwalment, mit-3 ta’ Ġunju 1988 sad-19 ta’ Ġunju 1995, u

ii)      in solidum ma’ [KME France] u [KME Italy], mill-20 ta’ Ġunju 1995 sat-22 ta’ Marzu 2001;

l)      [KME Italy]:

i)      in solidum ma’ [KME France], mid-29 ta’ Settembru 1989 sad-19 ta’ Ġunju 1995, u

ii)      in solidum ma’ [KME Germany] u [KME France], mill-20 ta’ Ġunju 1995 sat-22 ta’ Marzu 2001;

m)      [KME France]:

i)      in solidum ma’ [KME Italy], mid-29 ta’ Settembru 1989 sad-19 ta’ Ġunju 1995, u

ii)      in solidum ma’ [KME Germany] u [KME Italy], mill-20 ta’ Ġunju 1995 sat-22 ta’ Marzu 2001;

[…]

s)      Outokumpu […], in solidum ma’ [Luvata], mid-29 ta’ Settembru 1989 sat-22 ta’ Marzu 2001;

t)      [Luvata], in solidum ma’ Outokumpu […], mid-29 ta’ Settembru 1989 sat-22 ta’ Marzu 2001;

u)      [Wieland]:

i)      individwalment mid-29 ta’ Settembru 1989 sat-8 ta’ Lulju 1999, u

ii)      in solidum ma’ Austria Buntmetall […] u Buntmetall Amstetten […], mid-9 ta’ Lulju 1999 sat-22 ta’ Marzu 2001.

Artikolu 2

Is-segwenti multi huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

a)      Boliden […], [Outokumpu Copper Fabrication] u [Outokumpu Copper BCZ], in solidum: EUR 32.6 miljun;

b)      Austria Buntmetall […] u Buntmetall Amstetten […], in solidum: EUR 0.6695 miljun;

c)      Austria Buntmetall […], Buntmetall Amstetten […] u [Wieland], in solidum: EUR 2.43 miljun;

d)      [Chalkor]: EUR 9.16 miljun;

e)      [HME]: EUR 4.49 miljun;

f)      IMI […], IMI Kynoch […] u Yorkshire Copper Tube […], in solidum: EUR 44.98 miljun;

g)      [KME Germany]: EUR 17.96 miljun;

h)      [KME Germany], [KME France] u [KME Italy], in solidum: EUR 32.75 miljun;

i)      [KME Italy] u [KME France], in solidum: EUR 16.37 miljun;

j)      Outokumpu […] u [Luvata], in solidum: EUR 36.14 miljun;

k)      [Wieland], individwalment: EUR 24.7416 miljun.

[…] [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

14      Il-Kummissjoni kkunsidrat illi l-impriżi inkwistjoni kienu pparteċipaw fi ksur (iktar ’il quddiem il-“kartell” jew il-“ksur inkwistjoni” wieħed, kontinwu, kumpless u fil-każ tal-grupp Boliden, tal-grupp KME u ta’ Wieland, f’diversi forom. Il-Kummissjoni spjegat li l-ftehim nazzjonali, bħala tali, ma kinux koperti mid-deċiżjoni kkontestata (premessi 2 u 106 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Prodotti u swieq inkwistjoni

15      Is-settur ikkonċernat, dak tal-fabbrikazzjoni tal-pajpijiet tar-ram, jinkludi żewġ gruppi ta’ prodotti, jiġifieri, minn naħa waħda, il-pajpijiet industrijali, li jinqasmu f’sottogruppi differenti skont l-użu finali tagħhom (kondizzjonar tal-arja u tkessiħ, attrezzaturi, tisħin tal-ilma u tisħin bil-gass, filter dryers u telekomunikazzjonijiet), u min-naħa l-oħra, il-pajpijiet għall-plumbing, imsejħa wkoll “pajpijiet tal-plumbing”, li huma użati fil-bini għall-installazzjonijiet tal-ilma, taż-żejt, tal-gass u tas-sħana (premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Il-Kummissjoni kkunsidrat illi l-Każijiet COMP/E-1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing) u COMP/E-1/38.240 (Pajpijiet industrijali) kienu jikkonċernaw żewġt iksur distinti. F’dan ir-rigward, hija bbażat ruħha prinċiparjament fuq il-fatt li “huma impriżi differenti (u membri differenti tal-persunal ta’ dawn l-impriżi) li kienu involuti fil-ftehim dwar il-pajpijiet għall-plumbing, minn naħa waħda, u f’dawk dwar il-pajpijiet industrijali, min-naħa l-oħra, ftehim li l-organizzazzjoni tagħhom ukoll kienet differenti”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-settur tal-pajpijiet għall-plumbing kien differenti minn dak tal-pajpijiet industrijali f’dak li jirrigwarda l-klijentela koperta, l-użu finali u l-karatteristiċi tekniċi tal-prodotti (premessi 4 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Fir-rigward tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbilixxiet illi dan il-grupp ta’ prodotti kien jinkludi żewġ “sottofamilji” ta’ prodotti: il-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji, minn naħa waħda, u l-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik. Hija osservat illi “il-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji u l-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik mhux bilfors huma interkambjabbli u li jistgħu jikkostitwixxu swieq ta’ prodotti distinti fid-dawl tal-Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità” (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 155). Madankollu, għall-finijiet tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset illi dawn iż-żewġ “sottofamilji” ta’ prodotti kellhom jiġu kkunsidrati bħala “l-istess grupp wieħed ta’ prodotti […] għaliex essenzjalment huma l-istess impriżi (u l-istess membri tal-persunal ta’ dawn l-impriżi) li huma involuti fil-ftehim dwar dawn iż-żewġ sottofamilji ta’ prodotti u li l-ftehim kienu organizzati b’mod simili” (premessi 13 u 459 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat ukoll illi s-suq ġeografiku rilevanti kien iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Hija kkalkolat illi, fl-2000, fiż-ŻEE, il-valur tas-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji kien ta’ madwar EUR 970.1 miljun u dak tas-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik kien ta’ EUR 180.9 miljun. Konsegwentement, il-valur ta’ dawn iż-żewġt iswieq flimkien ġie stmat fl-ammont ta’ EUR 1 151 miljun fl-2000 fiż-ŻEE (premessi 17 u 23 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Komponenti tal-ksur inkwistjoni

19      Il-Kummissjoni spjegat illi l-ksur inkwistjoni kien jidher fi tliet forom distinti, iżda konnessi (premessi 458 u 459 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ewwel parti tal-kartell kienet tikkonsisti fil-ftehim konklużi bejn il-“produtturi SANCO”. It-tieni parti tal-ksur inkwistjoni kienet tinkludi l-ftehim konklużi bejn il-“produtturi WICU u Cuprotherm”. Fl-aħħar nett, it-tielet parti tal-kartell kienet tkopri l-ftehim konklużi fi ħdan l-ikbar grupp ta’ prodotturi ta’ pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji, imsejħa “ftehim Ewropej imsaħħa”.

 Ftehim bejn il-“produtturi SANCO”

20      SANCO hija t-trade mark kif ukoll l-isem ta’ proċess tekniku speċifiku għall-manifattura tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing kontra l-korrużjoni ta’ kwalità superjuri. It-teknika ġiet brevettata fl-1980 mill-impriża Usines à cuivre et à zinc. Il-grupp Boliden kien id-detentur tal-privattiva inizjali tal-proċess tal-manifattura sakemm skada fl-2000, iżda ma kienx il-proprjetarju tat-trade mark SANCO fil-pajjiżi kollha Ewropej. Il-kompetitur tiegħu, il-grupp KME, talab u kiseb ir-reġistrazzjoni tat-trade mark SANCO taħt ismu stess f’diversi pajjiżi Ewropej. Sussegwentement, il-grupp KME bbrevetta ċertu numru ta’ titjib fuq il-brevett oriġinali u ż-żewġ kompetituri taw lil xulxin liċenzji reċiproċi fuq il-brevetti u t-trade marks rispettivi tagħhom. Mill-1981 ’l hawn, il-grupp KME u l-grupp Boliden taw liċenzja ta’ trade mark u ta’ brevett lil Wieland (premessi 115 sa 118 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkunsidrat illi, mill-1998, il-ftehim bejn il-“produtturi SANCO” kienu jmorru lil hinn minn sempliċi relazzjoni bejn “konċedenti” u “detenturi” ta’ liċenzji. Fl-opinjoni tagħha, bejn il-produtturi, jiġifieri l-grupp KME, il-grupp Boliden u Wieland, minn Ġunju 1988 sal-aħħar tal-ewwel semestru tal-1994, kien hemm ftehim dwar l-għanijiet tal-prezzijiet u r-rati ta’ skont kif ukoll dwar it-tqassim tal-bejgħ u tal-ishma tas-suq (iktar ’il quddiem il-“ftehim SANCO”). Is-sorveljanza tal-implementazzjoni ta’ dawn il-ftehim kienet ibbażata prinċiparjament fuq il-komunikazzjoni, bejn il-“produtturi SANCO”, ta’ ċifri dwar il-produzzjoni u l-bejgħ tagħhom (premessi 125 sa 146 u 456 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Ftehim bejn il-“produtturi WICU u Cuprotherm”

22      WICU u Cuprotherm huma trade marks ta’ pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik li kienu s-suġġett ta’ brevetti.

23      It-trade mark WICU u l-brevetti relatati huma tal-grupp KME, li b’mod partikolari kkonċeda liċenzja ta’ trade mark u ta’ brevett lil Wieland. Min-naħa l-oħra, it-trade mark Cuprotherm u l-brevett relatat huma ta’ Wieland, li kkonċediet liċenzja ta’ trade mark u ta’ brevett lill-grupp KME (premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-ftehim konklużi bejn il-grupp KME u Wieland dwar il-pajpijiet WICU u Cuprotherm kienu jmorru lil hinn minn sempliċi relazzjoni bejn “konċedenti” u “detenturi” ta’ liċenzji. Il-grupp KME u Wieland kellhom kuntatti antikompetittivi taħt il-forma ta’ skambju ta’ informazzjoni sensittiva u ta’ koordinazzjoni ta’ volumi u ta’ prezzijiet fir-rigward tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik (iktar ’il quddiem il-“ftehim WICU u Cuprotherm”) (premessa 149 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Ftehim Ewropej imsaħħa

25      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat illi, parallelament mal-ftehim SANCO u mal-ftehim WICU u Cuprotherm, il-ksur inkwistjoni kellu tielet parti, li kienet tinkludi ftehim bejn membri ta’ grupp ikbar ta’ produtturi ta’ pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji (premessi 102, 104, 105, 108 sa 111, 147, 148, 461 u 462 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Fil-bidu, il-parteċipanti f’dan il-grupp ikbar kienu ħamsa, jiġifieri l-grupp KME, Wieland, il-grupp Outokumpu, il-grupp IMI u Mueller (iktar ’il quddiem il-“Grupp ta’ ħamsa”). Wara l-wasla ta’ Chalkor, ta’ HME, tal-grupp Boliden u tal-grupp Buntmetall (kompost minn Austria Buntmetall u minn Buntmetall Amstetten), in-numru ta’ parteċipanti f’dan il-grupp tela’ għal disgħa (iktar ’il quddiem il-“Grupp ta’ disgħa” (premessa 216 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      Skont il-Kummissjoni, dawn id-disa’ parteċipanti ppruvaw jistabilizzaw is-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji billi bbażaw ruħhom fuq l-ishma tas-suq ta’ sena ta’ referenza sabiex jipprevedu objettiv għal-ishma futuri tas-suq. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata hija kkunsidrat illi l-imsemmija parteċipanti kienu ftehmu fuq skambji ta’ informazzjoni sensittiva, fuq it-tqassim tal-ishma tas-suq, fuq is-sorveljanza tal-volumi ta’ bejgħ, fuq mekkaniżmu ta’ “mexxejja” għas-suq kif ukoll fuq koordinazzjoni tal-prezzijiet, li tinkludi lista ta’ prezzijiet, l-applikazzjoni ta’ “linji ta’ prezzijiet” u ta’ skontijiet (premessa 192 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Tul u natura kontinwa tal-ksur inkwistjoni

28      Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni rrilevat li l-ksur inkwistjoni kien beda fit-3 ta’ Ġunju 1988 f’dak li jirrigwarda lill-grupp KME u lill-grupp Boliden, fid-29 ta’ Settembru 1989 f’dak li jirrigwarda lill-grupp IMI, lill-grupp Outokumpu u lil Wieland, fil-21 ta’ Ottubru 1997 f’dak li jirrigwarda lil Mueller u, mhux iktar tard mid-29 ta’ Awwissu 1998 f’dak li jirrigwarda lil Chalkor, lill-grupp Buntmetall u lil HME. Għal dak li jikkonċerna d-data li fiha l-ksur intemm, il-Kummissjoni ddikjarat li din kienet it-22 ta’ Marzu 2001, ħlief fil-każ ta’ Mueller u Chalkor, li, skont il-Kummissjoni, waqfu jipparteċipaw fil-kartell fit-8 ta’ Jannar 2001 u f’Settembru 1999 rispettivament (premessa 597 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      F’dak li jikkonċerna n-natura kontinwa tal-ksur inkwistjoni, fir-rigward tal-grupp Boliden, tal-grupp IMI, tal-grupp KME, tal-grupp Outokumpu u ta’ Wieland, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat illi, minkejja li l-kartell kellu perijodi ta’ attività inqas intensa bejn l-1990 u Diċembru 1992, minn naħa waħda, u bejn Lulju 1994 u Lulju 1997, min-naħa l-oħra, madankollu l-ksur qatt ma waqaf totalment, b’tali mod li l-ksur inkwistjoni kien effettivament jikkostitwixxi ksur wieħed mhux preskritt (premessi 466, 471, 476, 477 u 592 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      Fir-rigward ta’ HME, tal-grupp Buntmetall u ta’ Chalkor, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma setgħetx tipprova l-parteċipazzjoni tagħhom fil-kartell fil-perijodu ta’ qabel id-29 ta’ Awwissu 1998 (premessi 592 u 597 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Determinazzjoni tal-ammont tal-multi

31      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet multi, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), kif ukoll skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, fuq il-grupp Boliden, fuq il-grupp Buntmetall, fuq Chalkor, fuq HME, fuq il-grupp IMI, fuq il-grupp KME, fuq il-grupp Outokumpu u fuq Wieland (premessa 842 u Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      L-ammonti tal-multi ġew stabbiliti mill-Kummissjoni skont il-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni, jiġifieri ż-żewġ kriterji espliċitement imsemmija fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, li skont id-deċiżjoni kkontestata, kienu applikabbli fil-mument tal-ksur inkwistjoni (premessi 601 sa 603 tad-deċiżjoni kkontestata).

33      Sabiex tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq kull impriża, il-Kummissjoni applikat il-metodu stabbilit fil-linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat [FA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171), iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), minkejja illi ma rreferietx għalihom b’mod sistematiku. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll jekk, u sa fejn, l-impriżi kkonċernati kienu ssodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti bl-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni.

 Ammont inizjali tal-multi

–       Gravità

34      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat in-natura proprja tal-ksur, l-effett reali tiegħu fuq is-suq, il-portata tas-suq ġeografiku inkwistjoni u d-daqs tal-imsemmi suq (premessi 605 u 678 tad-deċiżjoni kkontestata).

35      Hija sostniet illi l-prattiki tat-tqassim tas-swieq u l-iffissar tal-prezzijiet, bħal dawk msemmija f’din il-kawża, kienu jikkostitwixxu, fihom infushom, ksur serju ħafna u kkunsidrat illi s-suq ġeografiku affettwat mill-kartell kien jikkorrispondi għat-territorju taż-ŻEE. Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll il-fatt li s-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing kien settur industrijali importanti ħafna, li l-valur tiegħu kien stmat fl-ammont ta’ EUR 1 151 miljun fiż-ŻEE fl-2000, l-aħħar sena sħiħa tal-kartell (premessi 606 u 674 sa 678 tad-deċiżjoni kkontestata).

36      F’dak li jirrigwarda l-effett reali fuq is-suq, il-Kummissjoni rrilevat illi kien hemm provi biżżejjed illi juru li l-kartell kien ipproduċa effetti fuq is-suq ikkonċernat b’mod totali, partikolarment fuq il-prezzijiet, anki jekk kien impossibbli li dawn jiġu kkwantifikati b’mod preċiż (premessi 670 u 673 tad-deċiżjoni kkontestata). Għall-finijiet ta’ din il-konstatazzjoni, hija bbażat ruħha b’mod partikolari fuq diversi fatturi. L-ewwel nett, hija bbażat ruħha fuq l-implementazzjoni tal-akkordju filwaqt li rreferiet għall-fatt illi l-parteċipanti kienu skambjaw informazzjoni dwar il-volum tal-bejgħ u l-livelli tal-prezz (premessi 629 u 630 tad-deċiżjoni kkontestata).

37      It-tieni nett, hija kkunsidrat il-fatt li l-membri tal-kartell kellhom sehem sinjifikattiv, jiġifieri 84.6 %, tas-suq fiż-ŻEE (premessa 635 tad-deċiżjoni kkontestata).

38      It-tielet nett, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq tabelli, memoranda u noti miktuba, fil-kuntest tal-laqgħat tal-kartell, mill-membri ta’ dan il-kartell. Dawn id-dokumenti kienu juru illi l-prezzijiet kienu għolew matul ċerti perijodi tal-kartell u li l-membri tal-kartell kellhom dħul addizzjonali meta mqabbel mal-perijodu preċedenti. Uħud minn dawn id-dokumenti kienu juru illi l-persuni involuti fil-kartell kkunsidraw illi dan kien ippermetta lill-impriżi kkonċernati jilħqu l-objettivi tal-prezz tagħhom. Il-Kummissjoni bbażat ruħha wkoll fuq id-dikjarazzjonijiet magħmula mis-Sur M, direttur preċedenti ta’ waħda mill-kumpanniji tal-grupp Boliden, kif ukoll minn Wieland, mill-grupp Boliden u minn Mueller fil-kuntest tal-kooperazzjoni rispettiva tagħhom (premessi 637 sa 654 tad-deċiżjoni kkontestata).

39      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkonstatat illi l-ishma tas-suq rispettivi tal-parteċipanti fl-akkordju kienu baqgħu relattivament stabbli matul il-kartell kollu, anki jekk xi drabi l-klijenti tal-parteċipanti nbidlu (premessa 671 tad-deċiżjoni kkontestata).

40      Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet illi l-impriżi kkonċernati kienu kkommettew ksur serju ħafna (premessa 680 tad-deċiżjoni kkontestata).

–       Trattament differenzjat

41      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat erba’ gruppi li hija kkunsidrat bħala rappreżentattivi tal-importanza relattiva tal-impriżi fil-ksur inkwistjoni. It-tqassim, mill-Kummissjoni, tal-membri tal-kartell f’diversi kategoriji, kien ibbażat fuq l-ishma tas-suq rispettivi tal-parteċipanti fil-kartell għall-bejgħ tal-prodotti kkonċernati fiż-ŻEE matul is-sena 2000. Konsegwentement, il-grupp KME ġie kkunsidrat bħala l-attur prinċipali fis-suq ikkonċernat u ġie kklassifikat fl-ewwel kategorija. Il-gruppi Wieland (kompost minn Wieland u mill-grupp Buntmetall, li tiegħu Wieland kisbet il-kontroll f’Lulju 1999), IMI u Outokumpu ġew ikkunsidrati bħala operaturi ta’ daqs medju fuq dan is-suq u ġew ikklassifikati fit-tieni kategorija. Il-grupp Boliden tqiegħed fit-tielet kategorija. Fir-raba’ kategorija kien hemm HME u Chalkor (premessi 681 sa 692 tad-deċiżjoni kkontestata).

42      L-ishma tas-suq ġew stabbiliti abbażi tad-dħul mill-bejgħ, magħmul minn kull persuna li wettqet ksur, li kien ġej mill-bejgħ tal-pajpijiet għall-plumbing fuq is-suq konġunt tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji u tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik. Għaldaqstant l-ishma tas-suq ta’ impriżi li ma kinux ibiegħu pajpijiet WICU u Cuprotherm ġew ikkalkolati billi d-dħul mill-bejgħ tagħhom mill-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji ġie diviż bid-daqs totali tas-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji u dawk miksijin bil-plastik (premessi 683 u 692 tad-deċiżjoni kkontestata).

43      Konsegwentement, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont inizjali tal-multi bħala EUR 70 miljun għall-grupp KME, EUR 23.8 miljun għall-gruppi Wieland, IMI u Outokumpu, EUR 16.1 miljun għall-grupp Boliden u EUR 9.8 miljun għal Chalkor u għal HME (premessa 693 tad-deċiżjoni kkontestata).

44      Fid-dawl tal-fatt illi Wieland u l-grupp Buntmetall kienu impriża waħda wara Lulju 1999, u li, sa Ġunju 1995, KME France u KME Italy flimkien kienu impriża distinta minn KME Germany, l-ammont inizjali tal-multi li ġie impost fuqhom rispettivament ġie stabbilit bil-mod segwenti: EUR 35 miljun għall-grupp KME (KME Germany, KME France u KME Italy in solidum); EUR 17.5 miljun għal KME Germany; EUR 17.5 miljun għal KME Italy u KME France in solidum; EUR 3.25 miljun għall-grupp Wieland; EUR 19.52 miljun għal Wieland u EUR 1.03 miljun għall-grupp Buntmetall (premessi 694 sa 696 tad-deċiżjoni kkontestata).

45      Sabiex tiġi kkunsidrata n-neċessità li l-multa tkun stabbilita f’livell li jiġi żgurat l-effett dissważiv tagħha, il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq il-grupp Outokumpu b’50 %, u ġabitu għalhekk għal EUR 35.7 miljun, billi ikkunsidrat li d-dħul mill-bejgħ mondjali tiegħu, iktar minn EUR 5 biljuni, kien jindika li huwa kellu daqs u saħħa ekonomika li jiġġustifikaw l-imsemmija żieda (premessa 703 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Ammont inizjali tal-multi

46      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta illi l-Kummissjoni żiedet l-ammonti inizjali tal-multi b’10 % għal kull sena sħiħa tal-ksur u b’5 % għall-perijodi l-oħra addizzjonali ta’ sitt xhur jew iktar, imma ta’ inqas minn sena. Għaldaqstant, ġie deċiż illi:

–        peress li l-grupp IMI pparteċipa fil-kartell għal ħdax-il sena u ħames xhur, fil-konfront tiegħu kellha tiġi applikata żieda ta’ 110 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 23.8 miljun;

–        peress li l-grupp Outokumpu pparteċipa fil-kartell għal ħdax-il sena u ħames xhur, fil-konfront tiegħu kellha tiġi applikata żieda ta’ 110 % tal-ammont inizjali tal-multa, stabbilita fl-ammont ta’ EUR 35.7 miljun wara ż-żieda tagħha għal raġunijiet dissważivi;

–        peress li l-grupp Boliden ipparteċipa fil-kartell għal tnax-il sena u disa’ xhur, fil-konfront tiegħu kellha tiġi applikata żieda ta’ 125 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 16.1 miljun;

–        peress li Chalkor ipparteċipat fil-kartell għal tnax-il xahar, fil-konfront tagħha kellha tiġi applikata żieda ta’ 10 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 9.8;

–        peress li HME pparteċipat fil-kartell għal sentejn u sitt xhur, fil-konfront tagħha kellha tiġi applikata żieda ta’ 25 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 9.8 miljun;

–        peress li l-grupp KME pparteċipa fil-kartell għal ħames snin u seba’ xhur, fil-konfront tiegħu kellha tiġi applikata żieda ta’ 55 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 35 miljun;

–        peress li KME Germany ipparteċipat fil-kartell għal seba’ snin u xahrejn, fil-konfront tagħha kellha tiġi applikata żieda ta’ 70 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 17.5 miljun;

–        peress li KME France u KME Italy ipparteċipaw fil-kartell għal ħames snin u għaxar xhur, fil-konfront tagħhom kellha tiġi applikata żieda ta’ 55 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 17.5 miljun;

–        peress illi Wieland kienet ikkunsidrata, minn naħa waħda, responsabbli individwalment għal perijodu ta’ disa’ snin u disa’ xhur u, min-naħa l-oħra, responsabbli in solidum mal-grupp Buntmetall għal perijodu addizzjonali ta’ sena u tmien xhur, fil-konfront tagħha ġew applikati, żieda ta’ 95 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 19.52 miljun, li għaliha kienet responsabbli Wieland waħidha, u żieda ta’ 15 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 3.25 miljun, li għaliha Wieland u l-grupp Buntmetall kienu responsabbli in solidum (premessi 706 sa 714 tad-deċiżjoni kkontestata).

47      Għaldaqstant, l-ammonti bażiċi tal-multi imposti fuq l-impriżi inkwistjoni huma s-segwenti:

–        il-grupp KME: EUR 54.25 miljun;

–        KME Germany: EUR 29.75 miljun;

–        KME France u KME Italy (in solidum): EUR 27.13 miljun;

–        il-grupp Buntmetall: EUR 1.03 miljun;

–        il-grupp Wieland: EUR 3.74 miljun;

–        Wieland: EUR 38.06 miljun;

–        il-grupp IMI: EUR 49.98 miljun;

–        il-grupp Outokumpu: EUR 74.97 miljun;

–        Chalkor: EUR 10.78 miljun;

–        HME: EUR 12.25 miljun;

–        il-grupp Boliden: EUR 36.225 miljun (premessa 719 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Ċirkustanzi aggravanti u attenwanti

48      L-ammont bażiku tal-multa imposta fuq il-grupp Outokumpu ġie miżjud b’50 % minħabba li dan kien reċidiv, peress illi kien id-destinatarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/417/KEFA, tat-18 ta’ Lulju 1990, dwar proċedura skont l-Artikolu 65 [FA] dwar il-ftehim u l-prattiki miftehma tal-produtturi Ewropej ta’ prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli laminati bil-kesħa (ĠU L 220, p. 28) (premessi 720 sa 726 tad-deċiżjoni kkontestata).

49      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti, il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt illi l-gruppi KME u Outokumpu kienu tawha informazzjoni, fil-kuntest tal-kooperazzjoni rispettiva tagħhom, li ma hijiex koperta bl-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni.

50      Għaldaqstant, il-Kummissjoni naqqset l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq il-grupp Outokumpu b’EUR 40.17 miljun, ammont li kien jikkorrispondi mal-multa li kienet tiġi imposta fuqu għall-perijodu ta’ ksur minn Settembru 1989 sa Lulju 1997, id-determinazzjoni ta’ liema kienet possibbli minħabba l-informazzjoni li huwa kien ta lill-Kummissjoni (premessi 758 sa 759 tad-deċiżjoni kkontestata).

51      Fir-rigward tal-grupp KME, l-ammont bażiku tal-multa li kienet imposta fuqu tnaqqas b’EUR 7.93 miljun minħabba l-kooperazzjoni tiegħu, li ppermettiet lill-Kummissjoni tistabbilixxi li l-ksur inkwistjoni kien jinkludi l-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik (premessi 760 u 761 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Applikazzjoni tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni

52      Bis-saħħa tal-punt D tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni tat tnaqqis tal-ammont tal-multi ta’ 50 % lill-grupp Outokumpu, ta’ 35 % lill-grupp Wieland, ta’ 15 % lil Chalkor, ta’ 10 % lill-grupp Boliden u lill-grupp IMI u ta’ 35 % lill-grupp KME. HME ma bbenefikat minn l-ebda tnaqqis bis-saħħa ta’ dan l-Avviż (premessa 815 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Ammont finali tal-multi

53      Bis-saħħa tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammonti tal-multi sabiex jiġu imposti fuq l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kif ġej:

–        il-grupp Boliden: EUR 32.6 miljun;

–        il-grupp Buntmetall: EUR 0.6695 miljun;

–        Chalkor: EUR 9.16 miljun;

–        HME: EUR 4.49 miljun;

–        il-grupp IMI: EUR 44.98 miljun;

–        il-grupp KME: EUR 32.75 miljun;

–        KME Germany: EUR 17.96 miljun;

–        KME France u KME Italy (in solidum): EUR 16.37 miljun;

–        il-grupp Outokumpu: EUR 36.14 miljun;

–        il-grupp Wieland: EUR 2.43 miljun;

–        Wieland: EUR 24.7416 miljun (premessa 842 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

54      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il‑“Qorti Ġenerali”), fid-19 ta’ Jannar 2005, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors.

55      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, li lilha, għaldaqstant, ġiet assenjata din il-kawża.

56      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-impriżi elenkati taħt (h) sa (j), u l-Artikolu 2(f) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqhom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

57      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

58      Permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu kemm l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll it-tnaqqis tal-multa imposta fuqhom.

1.     Fuq it-talba għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

59      Insostenn ta’ din it-talba, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi, ibbażati rispettivament fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u żball manifest ta’ evalwazzjoni, kif ukoll fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

60      Ir-rikorrenti jallegaw illi huma ma jikkontestaw l-ebda wieħed mill-fatti li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-kontinwità tal-ksur fil-konfront tagħhom. Għall-kuntrarju, huma jsostnu illi l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali u kkommettiet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat illi huma kienu pparteċipaw fil-kartell bejn is-16 ta’ Ġunju 1994 u l-11 ta’ April 1996 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kkontestat”). F’dan ir-rigward, huma jsostnu illi s-sitwazzjoni tagħhom kienet komparabbli ma’ dik ta’ HME, tal-grupp Buntmetall, ta’ Chalkor u ta’ Mueller, li fil-konfront tagħhom il-Kummissjoni ddeċidiet illi kienet tapplika l-preskrizzjoni fir-rigward tal-involviment tagħhom fil-kartell sal-1994.

61      Skont ir-rikorrenti, mid-deċiżjoni kkontestata (premessi 476 u 490) jirriżulta illi l-Kummissjoni kkunsidrat illi l-kriterju rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk impriża komplietx tipparteċipa f’akkordju kien il-fatt li l-impriża kienet żammet kuntatti jew attendiet laqgħat matul il-perijodu li matulu hija allegat li kienet waqqfet il-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi akkordju. Il-Kummissjoni applikat dan il-kriterju meta kkonkludiet illi ma setgħetx tistabbilixxi l-kontinwità tal-parteċipazzjoni ta’ HME, tal-grupp Buntmetall, ta’ Chalkor u ta’ Mueller fil-ksur inkwistjoni.

62      Ir-rikorrenti jallegaw illi ma jistax jiġi kkontestat illi huma ma pparteċipaw f’ebda laqgħa tal-kartell u lanqas żammew xi kuntatti fil-kuntest tal-ftehim Ewropej imsaħħa matul il-perijodu kkontestat. Konsegwentement, il-Kummissjoni kellha bl-istess mod tikkonstata illi hija lanqas ma setgħet tistabbilixxi l-kontinwità tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kartell.

63      Skont ir-rikorrenti, il-fatt illi HME, il-grupp Buntmetall, Chalkor u Mueller astjenew milli jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-kartell għal tliet snin u li l-grupp IMI astjena milli jagħmel dan għal madwar sentejn, ma ġiex meqjus bħala fattur rilevanti mill-Kummissjoni sabiex tiġi stabbilita l-kontinwità jew il-waqfien tal-parteċipazzjoni rispettiva tagħhom fil-kartell.

64      Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti josservaw illi, anki kieku l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat it-tul tal-interruzzjoni tal-kuntatti kkontestati fil-kuntest tal-konklużjoni tagħha dwar il-kwistjoni tal-kontinwità tal-aġir li jikkostitwixxi ksur, hija kellha tispjega għaliex in-nuqqas ta’ kull kuntatt antikompetittiv matul perijodu ta’ kważi sentejn ma kienx biżżejjed sabiex jipprova l-waqfien tal-ksur, filwaqt illi tali nuqqas ta’ kuntatt antikompetittiv matul perijodu ta’ tliet snin kien.

65      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jallegaw illi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li titrattahom b’mod differenti minn HME, mill-grupp Buntmetall, minn Chalkor u minn Mueller hija bbażata fuq fatturi mhux rilevanti għall-finijiet sabiex tiġi stabbilita l-kontinwità tal-ksur.

66      Matul is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżaw illi huma ma kinux qed jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni illi kienu żiedu l-prezzijiet fir-Renju Unit f’Novembru 1994, iżda li kienu qed jikkontestaw li l-imsemmija żieda kienet ir-riżultat tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat kollużivi fl-1994.

67      Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li kien ġie pprovat b’mod suffiċjenti skont il-liġi illi r-rikorrenti kienu wettqu ksur kontinwu mid-29 ta’ Settembru 1989 sat-22 ta’ Marzu 2001. F’dan il-kuntest, hija tindika illi mid-deċiżjoni kkontestata (premessi 479 sa 481, 483, 489, 639 u 664) u mill-fajl amministrattiv jirriżulta illi l-intenzjoni tar-rikorrenti li jkomplu bil-koordinazzjoni tal-prezzijiet u bit-tqassim tas-swieq kienet preżenti matul il-perijodu kollu minn Ġunju 1994 sa April 1996.

68      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ma kinux qalu pubblikament lill-parteċipanti l-oħra fil-kartell li huma kienu qed jirtiraw minnu. Sussegwentement, il-parteċipanti fil-kartell ikkoordinaw u implementaw żidiet fil-prezz fir-Renju Unit sa Novembru 1994. Barra minn hekk, kien jidher illi l-effetti ta’ din il-koordinazzjoni tal-prezz dehru sew wara din id-data. Ovvjament, impriża ma tistax tallega li rtirat minn akkordju, meta hija tapplika żidiet fil-prezz li dwarhom preċedentement kien intlaħaq qbil mal-kompetituri. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti komplew jipparteċipaw fil-laqgħat dwar is-swieq nazzjonali speċifiċi matul il-perijodu bejn Ġunju 1994 u April 1996.

69      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni illi hija ma kisritx il-prinċipju ta’ trattament ugwali peress illi s-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma kinitx paragunabbli ma’ dik ta’ Chalkor, ta’ HME, tal-grupp Buntmetall u ta’ Mueller.

70      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni targumenta illi t-tul tal-perijodu li matulu hija ma setgħetx tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tal-grupp IMI fil-laqgħat fil-kuntest tal-ftehim Ewropej imsaħħa huwa differenti ħafna minn dak inkwistjoni fir-rigward ta’ HME, tal-grupp Buntmetall, ta’ Chalkor u ta’ Mueller. Fid-deċiżjoni kkontestata kien ġie kkonstatat illi dawn l-erba’ impriżi ma kinux ipparteċipaw f’dawn il-laqgħat għal iktar minn tliet snin. B’mod konkret, il-perijodu ta’ nuqqas ta’ parteċipazzjoni kien ta’ tliet snin u erba’ xhur, jiġifieri mis-16 ta’ Ġunju 1994 sa Ottubru 1997, għal Mueller u HME, u ta’ erba’ snin u xahrejn, jiġifieri mis-16 ta’ Ġunju 1994 sad-29 ta’ Awwissu 1998, fir-rigward tal-grupp Buntmetall u ta’ Chalkor (premessi 282, 305, 306 u 325 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-laqgħat li saru fil-kuntest tal-ftehim Ewropej imsaħħa kien ġie stabbilit biss bejn is-16 ta’ Ġunju 1994 u l-11 ta’ April 1996, jiġifieri matul perijodu ta’ sena u għaxar xhur biss.

71      Il-Kummissjoni tiċħad l-argument tar-rikorrenti illi fid-deċiżjoni kkontestata hija ma kkunsidratx bħala rilevanti l-perijodu li matulu hija ma setgħetx tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tal-persuni li wettqu ksur fil-laqgħat kollużivi. Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis illi mill-premessa 490 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta illi hija kkunsidrat dan il-fattur bħala partikolarment rilevanti sabiex tiġi evalwata l-kontinwità tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur. Fid-deċiżjoni kkontestata hija ma kellhiex tindika perijodu speċifiku jew “terminu” li lil hinn minnu l-kontinwità tal-parteċipazzjoni fil-kartell ma setgħetx tiġi stabbilita. Il-kwistjoni essenzjali kienet jekk din il-kontinwità tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tistax tiġi stabbilita fir-rigward ta’ persuna speċifika li wettqet ksur, u mhux li jkun magħruf fejn jinsab il-limitu teoretiku.

72      Insostenn tal-argument tagħha li s-sitwazzjoni ta’ Chalkor, ta’ HME, tal-grupp Buntmetall u ta’ Mueller ma hijiex paragunabbli ma’ dik tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni wkoll illi mid-deċiżjoni kkontestata (premessi 277, 282, 305, 306, 325, 497, 589 u 592) jirriżulta illi dawn tal-aħħar kellhom rwol determinanti fil-ksur u fil-bidu mill-ġdid tal-kartell matul il-perijodu mill-1994 sal-1997. Ir-rwol tar-rikorrenti matul dan il-perijodu ma kienx paragunabbli ma’ dak tal-“parteċipanti l-ġodda” ta’ daqs iżgħar bħal HME, il-grupp Buntmetall, Chalkor u Mueller. Fil-fatt, il-fatt li dawn l-erba’ impriżi bdew jipparteċipaw fil-ksur f’Ottubru 1997 u f’Awwissu 1998 kien jindika li l-kwistjoni tal-kontinwità tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kartell bejn Lulju 1994 u Lulju 1997 ma kellhiex tqum.

73      Bl-istess mod, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kkunsidrat illi l-erba’ impriżi kienu interrompew il-parteċipazzjoni tagħhom inkwistjoni, kien żbaljat, peress illi l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, kienet sempliċement stabbilixxiet illi l-bidu tal-parteċipazzjoni ta’ dawn l-erba’ impriżi fil-kartell kien seħħ wara dak tar-rikorrenti.

74      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni illi, anki jekk ir-rikorrenti kienu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ HME, tal-grupp Buntmetall, ta’ Chalkor u ta’ Mueller, huma ma setgħux jinvokaw il-prinċipju ta’ trattament ugwali sabiex isostnu illi huma ma pparteċipawx fi ksur kontinwu matul il-perijodu bejn id‑29 ta’ Settembru 1989 u t-22 ta’ Marzu 2001. Fil-fatt, peress illi l-ebda persuna ma tista’ tiddependi, insostenn tat-talba tagħha, fuq att illegali kommess favur xi ħaddieħor, huwa irrilevanti, sabiex jiġi stabbilit jekk ir-rikorrenti pparteċipawx fi ksur kontinwu, jekk il-konklużjonijiet dwar il-kontinwità tal-ksur kommess minn parteċipanti oħra kinux żbaljati jew le.

75      Il-Kummissjoni tqis illi mill-ġurisprudenza jirriżulta illi n-nuqqas ta’ proċeduri ġudizzjarji kontra impriża waħda jew iktar ma jipprekluduhiex milli tibda proċedura jew tissanzjona impriżi oħra, anki jekk kollha pparteċipaw fl-istess ksur.

76      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni illi l-motiv tar-rikorrenti jammonta għal talba sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonstata li HME, il-grupp Buntmetall, Chalkor u Mueller ipparteċipaw ukoll fil-ksur kontinwu matul il-perijodu minn Lulju 1994 sa Lulju 1997. Tali konstatazzjoni ma taqax fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali.

77      Għaldaqstant, peress li fid-deċiżjoni kkontestata ġie stabbilit b’mod suffiċjenti skont il-liġi li r-rikorrenti kienu pparteċipaw fi ksur kontinwu, huma ma jistgħux jinvokaw it-trattament iktar favorevoli jew illegali eventwalment mogħti lil impriżi oħra sabiex jinvalidaw din il-konstatazzjoni.

78      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tosserva illi, fit-talba tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata “f’dak li jirrigwarda l-impriżi elenkati taħt il-punti (h) sa (j)”. Dan jimplika illi r-rikorrenti jikkontestaw l-konstatazzjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata li huma kisru l-Artikolu 81(1) KE u, mill-1 ta’ Jannar 1994, l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE billi, mid-29 ta’ Settembru 1989 sat-22 ta’ Marzu 2001, ipparteċipaw f’numru ta’ ftehim u prattiki miftehma li jirrigwardaw l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-swieq fis-settur tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing. Skont il-Kummissjoni, fir-rikors ma hemm xejn li jsostni l-konstatazzjoni tar-rikorrenti dwar l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-perijodu bejn id-29 ta’ Settembru 1989 u Lulju 1994 u l-perijodu minn Lulju 1996 sa Marzu 2001. Hija għalhekk tqis illi t-talba għall-annullament tal-Artikolu 1 għandha tiġi miċħuda fit-totalità tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

79      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat illi, minkejja li r-rikorrenti ressqu l-argumenti tagħhom mil-lat ta’ allegat ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, fir-realtà huma jikkontestaw il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tirreferi għall-parteċipazzjoni mhux interrotta tagħhom fil-kartell bejn Settembru 1989 u Marzu 2001. Għandu jiġi kkonstatat ukoll illi, insostenn tal-motiv tagħhom, ir-rikorrenti jippreżentaw l-argumenti tagħhom biss fir-rigward tal-perijodu kkontestat.

80      Minn dan jirriżulta illi l-eżami tal-Qorti Ġenerali għandu jkun fuq il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, urietx b’mod suffiċjenti skont il-liġi li r-rikorrenti pparteċipaw b’mod mhux interrott fil-kartell matul il-perijodu kkontestat.

81      F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar illi mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta illi r-rikorrenti huma responsabbli biss għall-parteċipazzjoni tagħhom fit-tielet parti tal-kartell, jiġifieri l-ftehim Ewropej imsaħħa (premessi 458 u 461 tad-deċiżjoni kkontestata). Mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta wkoll illi, fil-kuntest tal-kartell “li prattikament l-ebda ftehim dwar il-volumi jew il-prezzijiet ma ġie konkluż bejn Mejju 1994 u Lulju 1997” u li fir-rigward tal-ftehim Ewropej imsaħħa, ma ġiex stabbilit illi kien hemm kuntatti kollużivi fl-1995 (premessi 285 u 485). Barra minn hekk, il-partijiet jaqblu illi ma ġiex stabbilit illi r-rikorrenti kellhom kuntatti kollużivi fil-kuntest tal-ftehim Ewropej imsaħħa matul il-perijodu kkontestat.

82      Madankollu, il-Kummissjoni kkonkludiet illi l-ksur inkwistjoni kien wieħed mhux interrott minn Settembru 1989 sa Marzu 2001, anki f’dak li jirrigwarda lir-rikorrenti (premessa 463 tad-deċiżjoni kkontestata). Meta wasslet għal din il-konklużjoni, hija bbażat ruħha prinċiparjament fuq il-fatturi li ġejjin.

83      L-ewwel nett, kien hemm kontinwità manifesta fil-metodi u fil-prattiki tal-kartell matul il-perijodu kollu bejn Settembru 1989 u Marzu 2001 (premessa 486 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat illi din il-konstatazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex tipprova b’mod suffiċjenti skont il-liġi l-parteċipazzjoni kontinwa tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni matul il-perijodu kkontestat. Fil-fatt, il-fatt illi l-kartell, bħala tali, kien baqa’ mhux interrott ma jippermettix illi jiġi eskluż illi wieħed jew iktar mill-parteċipanti kienu interrompew il-parteċipazzjoni tagħhom matul xi żmien.

84      It-tieni nett, minkejja illi r-rikorrenti ma pparteċipaw fl-ebda laqgħa u ma żammew l-ebda kuntatt fil-kuntest tal-ftehim Ewropej imsaħħa matul il-perijodu kkontestat, il-parteċipazzjoni tagħhom fil-kartell kienet mhux interrotta matul dan il-perijodu kollu, peress illi huma implementaw żidiet fil-prezz tar-Renju Unit sa Novembru 1994, ikkontribwew b’mod attiv fin-negozjati sabiex il-kartell jerġa’ jibda mill-ġdid fl-1996, kellhom rwol attiv fiż-żieda tan-numru ta’ parteċipanti fil-kartell fl-1997 u fl-1998 u kellhom rwol kruċjali bħala mexxejja tas-suq tar-Renju Unit (premessa 490 tad-deċiżjoni kkontestata).

85      L-ebda wieħed mill-fatturi hawn fuq imsemmija, ħlief il-konstatazzjoni taż-żieda tal-prezzijiet f’Novembru 1994, (f’dan ir-rigward, ara l-punti 90 sa 92 iktar ’il quddiem), ma huwa rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni mhux interrotta tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni, peress illi dawn jirrigwardaw biss l-aġir tagħhom wara l-perijodu kkontestat mingħajr ma jitfgħu dawl fuq il-fatti preżenti matul l-imsemmi perijodu.

86      It-tielet nett, ir-rikorrenti ma pprovawx illi, matul il-perijodu kkontestat, huma kienu urew apertament l-intenzjoni tagħhom li ma jipparteċipawx iktar fil-kartell (premessi 479 sa 481 u 490 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat illi din il-konstatazzjoni ma tistax issir rilevanti qabel mal-Kummissjoni tissodisfa l-oneru tal-prova li hija għandha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Jannar 2004, BAI u Il-Kummissjoni vs Bayer, C‑2/01 P u C‑3/01 P, Ġabra p. I‑23, punti 62 u 63), jiġifieri li tipproduċi provi ta’ fatti li ġraw fi żmien qrib biżżejjed, b’tali mod li jkun jista’ raġonevolment jiġi aċċettat illi l-ksur kompla b’mod mhux interrott bejn dawn iż-żewġ dati speċifiċi (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2003, Adriatica di Navigazione vs Il-Kummissjoni, T‑61/99, Ġabra p. II‑5349, punt 125, u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Ir-raba’ nett, mill-premessa 490 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod impliċitu illi l-perijodu kkontestat ta’ nuqqas ta’ kuntatti kollużivi, jiġifieri madwar 22 xahar, ma ġiex kkunsidrat mill-Kummissjoni bħala twil biżżejjed sabiex jikkostitwixxi interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-kartell.

88      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar illi l-Artikolu 81(1) KE ma japplikax jekk ma jkunx hemm tal-inqas intenzjoni komuni bejn mill-inqas żewġ partijiet, tkun xi tkun il-forma, sakemm tkun l-espressjoni fidila tal-intenzjoni tagħhom (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ottubru 2000, Bayer vs Il-Kummissjoni, T‑41/96, Ġabra p. II‑3383, punti 66 sa 69). Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu b’mod dirett it-tul tal-ksur, il-Kummssjoni hija obbligata, kif spjegat fil-punt 86 hawn fuq, li tipproduċi provi ta’ fatti li ġraw fi żmien qrib biżżejjed, b’tali mod li jkun jista’ raġonevolment jiġi aċċettat illi l-ksur kompla b’mod mhux interrott bejn żewġ dati speċifiċi.

89      Għaldaqstant, għalkemm il-perijodu bejn żewġ manifestazzjonijiet ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur huwa kriterju rilevanti sabiex tiġi stabbilita n-natura kontinwa ta’ ksur, xorta jibqa’ l-fatt illi l-kwistjoni jekk l-imsemmi perijodu huwiex twil biżżejjed jew le sabiex jikkostitwixxi interruzzjoni tal-ksur ma tistax tiġi eżaminata fl-estratt. Għall-kuntrarju, din għandha tiġi evalwata fil-kuntest tat-tħaddim tal-akkordju inkwistjoni.

90      F’din il-kawża, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta illi l-impriżi membri tat-tielet parti tal-kartell kienu normalment f’kuntatt diversi drabi fis-sena mill-1989 sal-1994, b’mod partikolari permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni sensittiva dwar il-bejgħ tagħhom, l-ishma tas-suq tagħhom u l-prezzijiet miftiehma (premessi 199 sa 202 u 236 sa 284 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, għall-perijodu kkontestat, l-uniku kuntatt jew l-unika manifestazzjoni kollużiva min-naħa tar-rikorrenti li l-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi kienet iż-żieda fil-prezzijiet fir-Renju Unit f’Novembru 1994.

91      F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti illi l-Kummissjoni ma pprovatx li l-imsemmija żieda kienet ġejja mill-kartell. Fil-fatt, mill-premessa 277 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta illi, fir-rebbiegħa 1994, ġiet diskussa żieda tal-prezz fir-Renju Unit matul laqgħa li fiha kienu preżenti r-rikorrenti, ħaġa li huma ma jikkontestawx. Peress illi wara din il-laqgħa huma malajr żiedu l-prezz tagħhom fir-Renju Unit, kellhom ikunu r-rikorrenti li jipprovaw illi l-imsemmija żieda ma kinitx manifestazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kartell.

92      Għandu jiġi kkonstatat illi r-rikorrenti ma għamlux dan. Fil-fatt, ir-rapport li huma annettew mar-rikors tagħhom jirreferi biss għall-fatt illi l-imsemmija żieda kienet “essenzjalment” dovuta għaż-żieda parallela tal-prezz tar-ram. Barra minn hekk, mill-imsemmi rapport jirriżulta illi apparti l-evoluzzjoni tal-prezz tar-ram, il-prezzijiet tar-rikorrenti fir-Renju Unit żdiedu b’5 sa 6 % minn April sa Novembru 1994.

93      Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni illi r-rikorrenti komplew jipparteċipaw fil-laqgħat kollużivi li jirrigwardaw is-swieq nazzjonali speċifiċi matul il-perijodu bejn Ġunju 1994 u April 1996, dan għandu jiġi miċħud. L-ewwel nett, tali argument ma jirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata. Sussegwentement, il-fatturi li għalihom rreferiet il-Kummissjoni fir-risposta tagħha insostenn tal-argument tagħha huma, fl-aħjar ipoteżi, inkonklużivi.

94      Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda s-suq tar-Renju Unit, il-Qorti Ġenerali tikkonstata illi l-Kummissjoni użat metodu preġudikat ta’ ċitazzjoni li wassal sabiex ir-riproduzzjoni taċ-ċitazzjoni mill-Kummissjoni kienet tikkontradixxi s-sustanza tat-test iċċitat. Iċ-ċitazzjoni li l-Kummissjoni inkludiet fir-risposta tagħha ġiet maqtugħa b’tali mod li t-test li kien jirreferi għal sospensjoni tal-laqgħat fir-Renju Unit bejn Lulju 1994 u Ġunju 1996 tneħħa. Matul is-seduta, wara li fil-bidu kienet ibbażat ruħha fuq iċ-ċitazzjoni tagħha, il-Kummissjoni, wara domanda tal-Qorti Ġenerali, skużat ruħha u ammettiet li din iċ-ċitazzjoni ma kinitx korretta.

95      Fir-rigward tas-suq Olandiż, għandu jiġi kkonstatat illi d-dokument li għalih tirreferi l-Kummissjoni jagħmel riferiment biss għal-laqgħat kollużivi organizzati bejn wieħed u ieħor kull tliet xhur bejn l-1989 u l-2001. Madankollu, l-ebda prova prodotta mill-Kummissjoni ma tista’ turi li r-rikorrenti effettivament ipparteċipaw f’laqgħat kollużivi li jikkonċernaw is-suq Olandiż matul il-perijodu kkontestat.

96      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta illi l-perijodu ta’ nuqqas ta’ kuntatti jew ta’ manifestazzjonijiet kollużivi min-naħa tar-rikorrenti huwa ta’ ftit iktar minn sittax-il xahar, mill-1 ta’ Diċembru 1994 sal-11 ta’ April 1996. Peress illi dan il-perijodu jeċċedi b’iktar minn sena l-intervalli li fihom l-impriżi membri tat-tielet parti tal-kartell kienu normalment juru l-intenzjonijiet rispettivi tagħhom li jillimitaw il-kompetizzjoni (ara l-punt 90 iktar ’il fuq), għandu jiġi konkluż illi l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn hija tiddikjara lir-rikorrenti responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-kartell bejn l-1 ta’ Diċembru 1994 u l-11 ta’ April 1996.

97      Madankollu, fid-dawl tal-fatt illi r-rikorrenti reġgħu bdew u rrepetew, wara perijodu ta’ ftit iktar minn sittax-il xahar, il-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur li huma ma jikkontestawx li jirrigwarda l-istess akkordju bħal dak li fih huma kienu pparteċipaw qabel l-interruzzjoni, il-preskrizzjoni skont l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2988/74, tas-26 ta’ Novembru 1974, li jikkonċerna l-perijodi ta’ limitazzjoni fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 61), ma tapplikax f’din il-kawża. Madankollu, l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għandu jinbidel sabiex tiġi kkunsidrata l-parteċipazzjoni sekwenzjali tagħhom fil-kartell. Il-konsegwenzi konkreti ta’ din ir-riforma ser jiġu spjegati fil-punti 187 sa 190 iktar ’il quddiem.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

 L-argumenti tal-partijiet

98      Ir-rikorrenti jallegaw illi l-Kummissjoni ppreġudikat id-drittijiet tad-difiża tagħhom billi fid-deċiżjoni kkontestata semmiet fatturi illi, minkejja li ssemmew fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzzjonijiet ma sarx riferiment għalihom sabiex jiġġustifikaw id-differenza ta’ trattament bejnhom u Chalkor, HME, il-grupp Buntmetall u Mueller f’dak li jirrigwarda l-kontinwità tal-ksur inkwistjoni. Skont ir-rikorrenti, l-ebda punt imsemmi fil-premessa 490 tad-deċiżjoni kkontestata ma jidher fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex issir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni tagħhom u dik ta’ Chalkor, tal-grupp Buntmetall, ta’ HME u ta’ Mueller.

99      Ir-rikorrenti jallegaw illi kieku l-Kummissjoni baqgħet tistrieħ fuq il-fatturi li hija ħasset li kienu rilevanti fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija ma kinitx tkun f’pożizzjoni illi tikkonkludi, fid-deċiżjoni kkontestata, li s-sitwazzjoni tagħhom kienet differenti minn dik ta’ Chalkor, ta’ HME, tal-grupp Buntmetall u ta’ Mueller.

100    B’risposta għall-argument tal-Kummissjoni illi d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ivvizzjata bi ksur tad-drittijiet tad-difiża, peress illi ma kien fiha l-ebda oġġezzjoni ġdida u kienet ibbażata biss fuq fatti diġà msemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti jsostnu illi l-fatt li fid-deċiżjoni kkontestata qed jerġgħu jintużaw fatturi li fuqhom il-Kummissjoni qabel ma kinitx ibbażat ruħha fuqhom sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ trattament differenti minn dak ta’ impriżi oħra kkonċernati jikser b’mod serju d-drittijiet tad-difiża tagħhom.

101    Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata la tissupplimenta u lanqas tibdel ir-raġunament segwit mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha sabiex tirrispondi għall-argumenti mressqa mir-rikorrenti fir-risposta tagħhom għal din id-dikjarazzjoni. Il-Kummissjoni biddlet radikalment ir-raġunament tagħha u semmiet fatturi li fil-konfront tagħhom ir-rikorrenti ma kellhomx il-possibbiltà li jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom u lanqas li jiddefendu ruħhom. Din l-attitudni tmur bl-iktar mod ċar kontra l-ġurisprudenza.

102    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

103    Għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kisritx id-drittijiet tad-difiża tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-fatti li hija kkunsidrat fil-premessa 490 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tikkonkludi illi l-parteċipazzjoni tagħhom fil-kartell kienet waħda mhux interrotta.

104    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat illi mill-punti 84 u 85 iktar ’il fuq, jirriżulta illi, bl-eċċezzjoni tal-konstatazzjoni taż-żieda tal-prezzijiet f’Novembru 1994 fir-Renju Unit, l-ebda wieħed mill-fatturi msemmija fil-premessa 490 tad-deċiżjoni kkontestata ma ġie kkunsidrat rilevanti, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, sabiex jistabbilixxi l-parteċipazzjoni kontinwa tar-rikorrenti fil-kartell. Barra minn hekk, mill-punt 96 iktar ’il fuq, jirriżulta illi d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata inkwantu tiddikjara lir-rikorrenti responsabbli għall-parteċipazzjoni fil-kartell bejn l-1 ta’ Diċembru 1994 u l-11 ta’ April 1996.

105    Għaldaqstant, dan il-motiv huwa effettiv biss inkwantu jirrigwarda l-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni taż-żieda tal-prezzijiet f’Novembru 1994 fir-Renju Unit.

106    F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat illi d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu effettivament jidentifikaw l-aġir li huma qegħdin jiġu akkużati bih mill-Kummissjoni. Dan ir-rekwiżit huwa sodisfatt meta d-deċiżjoni finali ma tallegax illi l-persuni kkonċernati wettqu ksur differenti minn dak imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tieħu inkunsiderazzjoni biss il-fatti li fuqhom il-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jagħtu spjegazzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punt 109).

107     Għaldaqstant, il-Kummissjoni fid-deċiżjoni finali tagħha tieħu inkunsiderazzjoni biss l-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom l-impriżi kkonċernati kellhom l-opportunità jagħtu l-opinjoni tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 86).

108    Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta illi d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li d-drittijiet tad-difiża ma humiex miksura minħabba nuqqas ta’ qbil bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni finali, ħlief jekk oġġezzjoni msemmija fid-deċiżjoni finali ma ġietx spjegata b’mod suffiċjenti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex id-destinatarji jkunu jistgħu jiddefendu ruħhom (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Corus UK vs Il‑Kummissjoni, T‑48/00, Ġabra p. II‑2325, punt 100, u tal-15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il-Kummissjoni, T‑325/01, Ġabra p. II‑3319, punt 189).

109    Fil-fatt, id-dritt għal smigħ jestendi għall-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jikkostitwixxu l-bażi tal-att deċiżjonali, iżda mhux għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tadotta (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punt 94, u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    F’din il-kawża, ir-rikorrenti ma jsostnux illi fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni invokat oġġezzjonijiet ġodda jew li bbażat ruħha fuq fattur ġdid, li ma jidhirx fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Huma jindikaw biss illi l-Kummissjoni, b’reazzjoni għar-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, adottat raġunament ġdid sabiex tiġġustifika l-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kartell bejn l-1994 u l-1996.

111    L-argument tar-rikorrenti jfisser illi huma qed jallegaw illi l-Kummissjoni kellha, qabel tadotta d-deċiżjoni kkontestata, tisma’ s-sottomissjonijiet tagħhom dwar ir-raġunament li permezz tiegħu hija kienet qed taħsibha illi tirrifjuta l-argumenti mressqa fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Dan ir-rekwiżit ma jissemmiex fil-ġurisprudenza u ma għandux jiġi impost fuq il-Kummissjoni.

112    Għall-kuntrarju, mill-ġurisprudenza jirriżulta illi d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara l-punt 108 iktar ’il fuq). Il-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti li ġew ikkunsidrati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija, minnha nnifisha, provviżorja, u deċiżjoni sussegwenti tal-Kummissjoni ma tistax tiġi annullata għar-raġuni biss li l-konklużjonijiet definittivi bbażati fuq dawn il-fatti ma jikkorrispondux b’mod preċiż ma’ din il-klassifikazzjoni intermedjarja (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il‑Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punt 100).

113    Jekk il-Kummissjoni għandha effettivament tisma’ lid-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, jekk ikun il-każ, tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tagħhom magħmulin b’risposta għall-oġġezzjonijiet ikkunsidrati billi tbiddel l-analiżi tagħha, sabiex tirrispetta d-drittijiet tad-difiża tagħhom (sentenza Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, punt 112 iktar ’il fuq, punt 100), għandu jiġi kkonstatat li hija għamlet dan f’din il-kawża.

114    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan il-motiv ma għandux jintlaqa’.

2.     Fuq it-talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

115    Insostenn ta’ din it-talba, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi, ibbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità rispettivament.

116    Qabel ma jiġu eżaminati l-motivi mqajma mir-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar illi mill-premessi 601 u 842 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta illi l-multi imposti mill-Kummissjoni ġew imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l‑Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont tal-multi billi applikat il-metodu stipulat fil-linji gwida u fl-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni (ara l-punt 33 iktar ’il fuq).

117    Il-linji gwida, għalkemm ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala dispożizzjoni legali, jistipulaw regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita li l-Kummissjoni ma tistax tinjora, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 91, u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    Il-Qorti Ġenerali għandha għalhekk tivverifika, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-multi imposti permezz tad-deċiżjoni kkontestata, jekk il-Kummissjoni eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha skont il-metodu stipulat fil-linji gwida u, jekk tali qorti tikkonstata li l-Kummissjoni tbiegħdet minnu, hija għandha tivverifika jekk tali tbegħid huwiex iġġustifikat u mmotivat b’mod suffiċjenti skont il-liġi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-validità, minn naħa, tal-prinċipju nnifsu tal-linji gwida u, min-naħa l-oħra, tal-metodu ġenerali indikat fihom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I-5425, punti 252 sa 255, 266 sa 267, 312 u 313).

119    L-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tal-linji gwida fil-fatt ma hijiex inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali għall-Kummissjoni. Il-linji gwida fihom elementi ta’ flessibbiltà differenti li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha inkonformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 17 u Nru 1/2003, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 118 iktar ’il fuq, punt 267).

120    Għaldaqstant, fl-oqsma fejn il-Kummissjoni żammet marġni ta’ diskrezzjoni, l-istħarriġ tal-legalità mwettaq fuq dawn l-evalwazzjonijiet huwa limitat għal dak tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il‑Kummissjoni, T‑241/01, Ġabra p. II-2917, punti 64 u 79).

121    Il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-limiti li hija imponiet f’dan ir-rigward, bħala regola, ma jippreġudikawx l-eżerċizzju, mill-qorti, tal-kompetenza tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 538), li jippermettilha tannulla, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punti 60 sa 62, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 2003, General Motors Nederland u Opel Nederland vs Il‑Kummissjoni, T‑368/00, Ġabra p. II‑4491, punt 181).

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

122    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jressqu żewġ ilmenti, li jirrigwardaw rispettivament il-mod li bih il-Kummissjoni mexxiet l-investigazzjoni tagħha u l-allegat trattament diskriminatorju tagħhom meta mqabbel mal-parteċipanti fil-ftehim SANCO u fil-ftehim WICU u Cuprotherm.

 Fuq in-natura diskriminatorja li biha l-Kummissjoni mexxiet l-investigazzjoni tagħha

–       L-argumenti tal-partijiet

123    Ir-rikorrenti jqisu illi l-mod kif il-Kummissjoni mexxiet l-investigazzjoni tagħha ppermetta lill-gruppi Outokumpu u KME, lil Wieland, lill-grupp Boliden, lil HME u lil Chalkor sabiex jevalwaw aħjar l-ambitu tagħha u tathom il-possibbiltà li jkunu l-ewwel impriżi illi jippreżentaw offerti ta’ kooperazzjoni skont l-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni. Konsegwentement, dawn l-impriżi kollha, bl-eċċezzjoni tal-grupp Boliden, kisbu rati ta’ tnaqqis tal-multa ikbar minn dik mogħtija lir-rikorrenti, li josservaw li huma kienu l-aħħar li rċevew talba għal informazzjoni u, għalhekk, l-aħħar li talbu l-applikazzjoni tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni.

124    Għaldaqstant, ir-rikorrenti kisbu biss tnaqqis ta’ 10 % mill-ammont tal-multa tagħhom, peress illi huma kkooperaw mal-Kummissjoni fi żmien meta l-ksur inkwistjoni kien diġà ġie stabbilit. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi naqset milli tpoġġi lill-impriżi li pparteċipaw fil-kartell fuq l-istess livell.

125    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jfakkru illi l-Kummissjoni, l-ewwel nett, f’April 2001, għamlet verifiki addizzjonali fil-bini tal-gruppi Outokumpu u KME mingħajr ma ħabbrithom pubblikament wara, it-tieni nett, f’Lulju 2002, bagħtet lill-grupp KME u lil Wieland, li pparteċipaw kemm fl-akkordju li jirrigwarda l-pajpijiet industrijali kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-pajpijiet tar-ram għall-plumbing, talbiet bil-miktub għal informazzjoni dwar il-Każ COMP/E‑1/38.240 (Pajpijiet industrijali) u, it-tielet nett, fil-kuntest tal-Każ COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing), bagħtet talbiet għal informazzjoni lill-grupp Boliden, lil HME u lil Chalkor fit-3 ta’ Marzu 2003 u lill-grupp IMI fl-20 ta’ Marzu 2003.

126    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

127    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jitilqu mill-premessa illi l-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni jirrikjedi lill-Kummissjoni li tinforma f’kull ħin lill-impriżi li huma s-suġġett ta’ proċedura ta’ ksur dwar il-progress tal-investigazzjoni sabiex dawn ikunu jistgħu jevalwaw jekk, u sa fejn, huwa opportun li jikkooperaw mal-Kummissjoni.

128    Mill-kliem u mill-istruttura ta’ dan l-avviż jirriżulta illi, minn naħa waħda, hija l-impriża li qed titlob l-applikazzjoni tiegħu li għandha tikkuntattja lill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, li strateġija ta’ kooperazzjoni tardiva jew minimali tista’ twasssal għal tnaqqis żgħir tal-ammont tal-multa, jew saħansitra għal ebda tnaqqis (ara l-punti B sa D u l-punt E1 tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni ).

129    Jekk l-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni ħoloq aspettattivi leġittimi li fuqhom jistgħu jistrieħu l-impriżi li jixtiequ jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ akkordju (ara s-sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punti 487 u 488, u l-ġurisprudenza ċċitata), dawn l-aspettattivi jistgħu jirrigwardaw biss il-mod kif il-kontribuzzjonijiet tagħhom ser jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni meta huma juru l-volontà tagħhom li jikkooperaw. La mill-kliem tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni u lanqas mill-loġika inerenti fil-mekkaniżmu li ġie stabbilit ma jirriżulta b’xi mod illi l-Kummissjoni hija marbuta, matul il-proċedura amministrattiva, li tinforma lill-impriżi li ma wrewx il-volontà li jikkooperaw bil-miżuri illi hija ħadet fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha jew dwar il-progress tagħha.

130    Il-parteċipanti kollha f’akkordju għandhom il-possibbiltà li f’kull ħin matul il-proċedura amministrattiva jitolbu li jibbenefikaw mill-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni, ikunu xi jkunu l-miżuri ta’ investigazzjoni meħuda mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, kull parteċipant f’akkordju jista’ jiddeċiedi jekk, u meta, jixtieq jagħmel użu mill-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni.

131    F’din il-kawża, ir-rikorrenti setgħu juru l-volontà tagħhom li jikkooperaw mal-Kummissjoni f’kull ħin wara l-pubblikazzjoni tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni, jiġifieri wara l-verifika li għaliha huma ġew suġġetti fit-22 ta’ Marzu 2001.

132    Għaldaqstant il-Kummissjoni ma għandhiex tiġi kkritikata illi għamlet verifiki addizzjonali fil-bini ta’ impriżi oħra u lanqas, fil-kuntest tal-Każ COMP/E‑1/38.240 (Pajpijiet industrijali), li bagħtet talbiet għal informazzjoni mingħajr ma informat lir-rikorrenti.

133    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq it-talbiet għal informazzjoni fil-kuntest tal-Każ COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing), għandu jiġi mfakkar li, minkejja l-evalwazzjoni tal-livell ta’ kooperazzjoni mogħtija mill-impriżi m għandhiex tiddependi fuq fatturi purament każwali, bħall-ordni li fiha jiġu interrogati mill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2001, Acerinox vs Il-Kummissjoni, T‑48/98, Ġabra p. II‑3859, punt 140), il-livelli tal-kooperazzjoni mogħtija minn impriżi differenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala komparabbli ħlief jekk dawn l-impriżi jipprovdu lill-Kummissjoni, fl-istess stadju tal-proċedura amministrattiva u f’ċirkustanzi simili, informazzjoni simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, T‑45/98 u T‑47/98, Ġabra p. II‑3757, punt 245).

134    F’din il-kawża, huwa stabbilit illi l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Każ COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing), bagħtet talbiet għal informazzjoni lill-grupp Boliden, lil HME u lil Chalkor fit-3 ta’ Marzu u lir-rikorrenti fl-20 ta’ Marzu 2003. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat illi, fost l-erba’ impriżi, hija biss Chalkor li bdiet tikkoopera mal-Kummissjoni qabel ma din tal-aħħar bagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-fatt, minkejja illi Chalkor bdiet tikkoopera mal-Kummissjoni f’April 2003, ir-rikorrenti ma għamlux l-offerta ta’ kooperazzjoni tagħhom ħlief fi stadju tal-proċeduri iktar wara, jiġifieri f’Novembru 2003, wara li rċevew id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fid-29 ta’ Awwissu 2003. Peress illi r-rikorrenti ma pprovawx illi l-kooperazzjoni tardiva tagħhom kienet dovuta għall-fatt li huma rċevew it-talbiet għal informazzjoni 17-il ġurnata wara l-grupp Boliden, HME u Chalkor, l-argument tagħhom ibbażat fuq il-komunikazzjoni tardiva tal-imsemmija talbiet għal informazzjoni għandu jiġi miċħud.

135    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal preċedentement, il-motiv ibbażat fuq il-mod allegatament diskriminatorju li bih il-Kummissjoni mexxiet l-investigazzjoni tagħha, għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-allegat trattament diskriminatorju tar-rikorrenti meta mqabbel mal-parteċipanti fil-ftehim SANCO u fil-ftehim WICU u Cuprotherm

–       L-argumenti tal-partijiet

136    Ir-rikorrenti prinċiparjament isostnu illi l-Kummissjoni, meta stabbilixxiet l-ammont tal-multi, kellha tagħmel distinzjoni bejnhom, li kienu pparteċipaw f’parti waħda biss tal-kartell, u l-impriżi illi kienu pparteċipaw f’żewġ jew tliet partijiet.

137    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 689 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma setax jiġi pprovat illi l-konsultazzjoni bejn il-parteċipanti fil-ftehim SANCO kienet ferm iktar mill-qrib bejn l-1988 u l-1995 minn dik eżistenti bejn il-parteċipanti fil-ftehim Ewropej imsaħħa. Skont ir-rikorrenti, il-ftehim SANCO, kuntrarjament għal dak li kkonkludiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, kienu jikkostitwixxu kooperazzjoni ħafna iktar mill-qrib u konsiderevolment iktar antikompetittiva mill-ftehim Ewropej imsaħħa.

138    Fir-rigward tas-soluzzjoni proposta mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, jiġifieri ż-żieda tal-ammont tal-multi imposti fuq il-“produtturi SANCO” sabiex jiġi rimedjat l-eventwali nuqqas ta’ trattament ugwali, ir-rikorrenti jallegaw illi din hija rikonoxximent impliċitu imma ċar illi n-nuqqas ta’ differenza bejn l-ammont tal-multi imposti fuq l-impriżi inkwistjoni ma huwiex ġustifikat.

139    Fir-rigward tal-ftehim WICU u Cuprotherm, ir-rikorrenti jenfasizzaw illi l-fatt illi, sabiex jiġu stabbiliti l-ishma tas-suq, il-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ trattament differenzjat, akkumulat flimkien id-dħul mill-bejgħ tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji ma’ dak tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik, ma għandux jiġi kkunsidrat bħala mod ta’ kif tippenalizza iktar lill-“produtturi WICU u Cuprotherm”. Skont ir-rikorrenti, din il-kumulazzjoni kienet meħtieġa peress illi, fil-premessa 459 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet stabbilixxiet illi l-ftehim li jirrigwardaw il-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji kellhom ukoll, neċessarjament, effett fuq il-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik.

140    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jqisu illi l-immunità de facto mogħtija lill-grupp KME fir-rigward tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-ftehim WICU u Cuprotherm (premessi 760 u 761 tad-deċiżjoni kkontestata) setgħet kienet ammissibbli biss jekk il-“produtturi WICU u Cuprotherm” kienu, sa mill-bidu, tpoġġew f’kategorija differenti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi.

141    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jallegaw illi l-Kummissjoni ma timmotivax id-deċiżjoni tagħha li, għall-finijiet ta’ ffissar tal-ammont tal-multi, ma tagħmilx distinzjoni bejn l-impriżi illi, bħalha, kienu biss involuti fi ftehim Ewropej imsaħħa, u l-grupp KME u Wieland, li ma kinux involuti biss fil-ftehim Ewropej imsaħħa, iżda wkoll fil-ftehim WICU u Cuprotherm. Din l-omissjoni hija ksur tal-Artikolu 253 KE.

142    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud. Insostenn tad-difiża tagħha, hija ssostni, filwaqt li tirreferi għall-premessi 459, 461 u 462 tad-deċiżjoni kkontestata, illi hija kkonstatat illi l-impriżi involuti f’żewġ (il-grupp Boliden) jew tliet (il-grupp KME u Wieland) partijiet tal-ksur ikkommettew ksur f’diversi forom, u l-manifestazzjonijiet ta’ dan il-ksur kienu distinti, iżda konnessi bejniethom. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tenfasizza illi l-impriżi li pparteċipaw biss fit-tielet parti tal-ksur, jiġifieri l-gruppi IMI u Outokumpu, Mueller, il-grupp Buntmetall, HME u Chalkor, ma ġewx ikkunsidrati bħala li pparteċipaw fil-ftehim WICU u Cuprotherm.

143    Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset illi, billi kkunsidrat lir-rikorrenti bħala responsabbli ta’ ksur li huma kkommettew, hija ma kisritx il-prinċipju tan-natura individwali tal-pieni u tas-sanzjonijiet.

144    F’dak li jirrigwarda l-ftehim SANCO, il-Kummissjoni tqis illi l-gravità tal-ksur kommess mill-“produtturi SANCO” hija paragunabbli ma’ dak kommess mir-rikorrenti. Filwaqt li rreferiet għall-premessi 130, 131, 137, 138, 199 sa 213, 236, 265, 277 u 310 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni illi l-ftehim Ewropej imsaħħa kienu intiżi għat-tqassim tal-klijenti, għal sistema ta’ sorveljanza regolari u sistematika kif ukoll għal ftehim fuq il-prezz.

145    Fir-rigward tal-koeżistenza tal-ftehim SANCO u tal-ftehim Ewropej imsaħħa, il-Kummissjoni tfakkar illi l-“produtturi SANCO” kienu kkunsidrati bħala grupp distint fi ħdan il-ftehim Ewropej imsaħħa u li dawn kienu jiftehmu bejniethom qabel il-laqgħat tal-grupp ikbar. Fil-fatt, il-membri tal-ftehim Ewropej imsaħħa bbenefikaw mir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni implementata mill-“produtturi SANCO” billi inkorporawha fil-ftehim illegali tagħhom. Madankollu, il-koordinazzjoni bejn il-“produtturi SANCO” u dik osservata fi ħdan il-ftehim Ewropej imsaħħa essenzjalment kienu dwar l-istess kwistjonijiet.

146    Il-Kummissjoni ssostni illi, anki jekk il-Qorti Ġenerali kellha taċċetta l-argument tar-rikorrenti illi l-ftehim SANCO kienu ta’ natura iktar antikompetittiva mill-ftehim Ewropej imsaħħa, ma kien hemm l-ebda raġuni għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqhom. Il-Kummissjoni tqis li l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti jirrifletti eżattament il-gravità tal-ksur li kkommettew manifestament. F’dan il-kuntest, hija tirreferi għall-premessa 490 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tenfasizza illi r-rikorrenti kellhom rwol importanti ħafna fil-kartell.

147    Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkunsidra illi l-iktar mod xieraq sabiex tirrimedja għan-nuqqas allegat f’din il-kawża huwa li żżid l-ammont tal-multi imposti fuq il-“produtturi SANCO”, jiġifieri l-grupp KME, Wieland u l-grupp Boliden, iktar milli li tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

148    F’dak li jirrigwarda l-ftehim WICU u Cuprotherm, il-Kummissjoni ssostni illi hija effettivament tat trattament differenzjat lir-rikorrenti, minn naħa waħda, u lill-grupp KME u lil Wieland, min-naħa l-oħra.

149    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni illi, li kieku fid-deċiżjoni kkontestata kienu ġew ikkonstatati ksur distinti, wieħed li jirrigwarda lill-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji u l-ieħor lill-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik, il-klassifikazzjoni tal-impriżi, għall-finijiet tat-trattament differenzjat fir-rigward tal-ksur li jirrigwarda l-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji, kienet tkun ibbażata biss fuq il-bejgħ ta’ dan il-prodott. F’din l-ipoteżi, is-sehem tas-suq tar-rikorrenti kien ikun ikbar u l-ammont tal-multa imposta fuqhom kien ikun ogħla. Fil-fatt, id-dħul mill-bejgħ rilevanti għar-rikorrenti, jiġifieri dak mill-bejgħ ta’ pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji, ikun identiku għad-dħul mill-bejgħ użat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, iżda d-daqs tas-suq globali, jiġifieri l-bejgħ totali ta’ pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji, ikun inqas minn dak li għalih tirreferri l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-bejgħ totali ta’ pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji u miksijin bil-plastik.

150    Il-Kummissjoni tiċħad ukoll l-argument tar-rikorrenti illi l-kumulu tad-dħul mill-bejgħ tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji u ta’ dak mill-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik kien neċessarju anki fl-ipoteżi fejn il-ftehim WICU u Cuprotherm ma kinux eżistenti. Il-Kummissjoni tqis li dan l-argument huwa “intrinsikament illoġiku”. Fil-fatt, hija timplika illi, fin-nuqqas ta’ ftehim illegali li jirrigwardaw il-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik, l-impriżi li jipproduċu kemm pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji u pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik għandhom jingħataw multi ogħla minn dawk li jipproduċu biss pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji. Impriżi li għandhom l-istess importanza relattiva fl-akkordju, għaldaqstant, jiġu ppenalizzati b’multi li l-ammont tagħhom huwa differenti, skont jekk kinux jipproduċu pajpijiet mhux koperti mill-akkordju.

151    Il-Kummissjoni ssostni illi kieku l-Qorti Ġenerali kellha taċċetta l-argument tar-rikorrenti, hija tipproponilha, fl-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, żieda fil-multa imposta fuqhom b’tali mod li tirrifletti is-sehem ikbar tagħhom fis-suq u, għaldaqstant, l-importanza relattiva ikbar tagħhom fl-akkordju dwar il-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

152    F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-ksur allegat tal-obbligu ta’ motivazzjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta illi, fil-kuntest tal-iffissar tal-multi minħabba l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, dan l-obbligu huwa sodisfatt meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tiddetermina l-gravità u t-tul tal-ksur (ara s-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 107 iktar ’il fuq, punt 463, u l-ġurisprudenza ċċitata).

153    F’din il-kawża, ir-rikorrenti ma jsostnux illi d-deċiżjoni kkontestata ma tindikax il-fatturi li fuqhom il-Kummissjoni evalwat il-gravità u t-tul tal-ksur li huma kkommettew. L-ilment tagħhom, li jsemmi biss il-fatt illi l-Kummissjoni ma spjegatx għaliex huma ma ġewx ittrattati b’mod differenti mill-produtturi “WICU u Cuprotherm”, għandu, għalhekk, jiġi miċħud. Fil-fatt, l-Artikolu 253 KE, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 152 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li fid-deċiżjonijiet tagħha tispjega r-raġunijiet li għalihom, f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont tal-multa, hija ma użatx approċċi alternattivi għal dak effettivament użat fid-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Fiskeby Board vs Il-Kummissjoni, T‑319/94, Ġabra p. II‑1331, punt 127).

154    F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-fondatezza ta’ dan il-motiv, għandhom jiġu mfakkra, preliminarjament, il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprduenza fir-rigward tar-responsabbiltà individwali illi tirriżulta minn ksur fl-Artikolu 81(1) KE tat-tip kartell.

155    Fir-rigward tar-responsabbiltà għall-ksur bħala tali, mill-ġurisprudenza jirriżulta illi l-fatt illi impriża ma pparteċipatx direttament fl-elementi kollha kostituttivi ta’ akkordju globali ma jeħlishiex mir-responsabbiltà tagħha tal-ksur tal-Artikolu 81(1) KE, jekk huwa stabbilit illi hija bilfors kienet taf illi, minn naħa waħda, il-ftehim li fih kienet qed tipparteċipa kien parti minn pjan globali u, min-naħa l-oħra, li dan il-pjan globali kien ikopri l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 87; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Buchmann vs Il‑Kummissjoni, T‑295/94, Ġabra p. II‑813, punt 121, u tat-8 ta’ Lulju 2008, AC‑Treuhand vs Il-Kummissjoni, T‑99/04, Ġabra p. II‑1501, punti 130 u 131).

156    Wara li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ kartell u wara li tidentifika l-parteċipanti fih, il-Kummissjoni hija obbligata, sabiex timponi multi, illi teżamina l-gravità relatata mal-parteċipazzjoni ta’ kull wieħed minnhom. Dan jirriżulta kemm mill-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 155 iktar ’il fuq, punti 90 u 150, u Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 118 iktar ’il fuq, punt 145; is-sentenza AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, punt 155 iktar ’il fuq, punt 133) kif ukoll mil-linji gwida, li jistipulaw trattament differenzjat, li jwassal għal kalkolu tal-ammont inizjali speċifiku, kif ukoll li jiġu kkunsidrati ċirkustanzi aggravanti u attenwanti li jippermettu illi jinbidel l-ammont tal-multa, partikolarment skont ir-rwol attiv jew passiv tal-impriżi kkonċernati fl-implementazzjoni tal-ksur.

157    Madankollu, impriża ma tista’ qatt tingħata multa li l-ammont tagħha huwa kkalkolat skont parteċipazzjoni fi ftehim li tiegħu hija ma tinstabx responsabbli (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, Sigma Tecnologie vs Il‑Kummissjoni, T‑28/99, Ġabra p. II‑1845, punti 79 sa 82).

158    Huwa fid-dawl tal-prinċipji hawn fuq imsemmija illi l-ilment tar-rikorrenti, illi l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-parteċipazzjoni limitata tagħhom fil-kartell, għandu jiġi eżaminat.

159    Huwa stabbilit illi r-rikorrenti pparteċipaw biss fi ftehim Ewropej imsaħħa u li huma kienu unikament responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħhom f’din il-parti tal-kartell (premessa 461 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, il-Kummissjoni ma eżaminatx il-kwistjoni dwar jekk persuna li wettqet ksur li tipparteċipa biss f’parti waħda minn akkordju tikkommettiex ksur inqas gravi, fis-sens tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, minn persuna li wettqet ksur li, fil-kuntest tal-istess akkordju, tipparteċipa fil-partijiet kollha tiegħu. Din il-kwistjoni kienet partikolarment importanti f’din il-kawża, peress illi r-rikorrenti ma ġewx ddikjarati responsabbli għaż-żewġ partijiet l-oħra tal-kartell, jiġifieri l-ftehim SANCO u l-ftehim WICU u Cuprotherm.

160    Il-Kummissjoni fil-fatt, fil-premessa 689 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonkludiet illi ma kienx hemm lok li jingħata trattament differenzjat bejn il-persuni li wettqu ksur li pparteċipaw biss fil-ftehim Ewropej imsaħħa u dawk li pparteċipaw ukoll fil-ftehim SANCO, peress illi l-kooperazzjoni fi ħdan il-ftehim SANCO ma kinitx konsiderevolment ħafna iktar minn dik eżistenti fi ħdan il-ftehim Ewropej imsaħħa.

161    Għandu jiġi kkonstatat illi r-raġunament tal-Kummissjoni huwa żbaljat, peress illi l-paragun bejn l-intensità tal-partijiet differenti tal-kartell kienet tkun rilevanti eventwalment kieku r-rikorrenti kienu involuti f’diversi partijiet tiegħu, li ma kienx il-każ f’din il-kawża.

162    Fil-fatt, impriża li r-responsabbiltà tagħha ġiet stabbilita fir-rigward ta’ diversi partijiet ta’ akkordju tikkontribwixxi iktar għall-effiċjenza u għall-gravità ta’ dan l-akkordju minn persuna li wettqet ksur involuta biss f’parti waħda ta’ dan l-istess akkordju. Għaldaqstant, l-ewwel impriża tikkommetti ksur iktar gravi minn dak kommess mit-tieni waħda.

163    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat illi, skont il-prinċipju tan-natura individwali tal-pieni u tar-responsabbiltà personali, il-Kummissjoni hija obbligata li tikkunsidra, meta tevalwa l-gravità tal-parteċipazzjoni ta’ kull persuna li wettqet ksur f’akkordju, il-fatt li ċerti persuni li wettqu ksur ma jistgħux jiġu ddikjarati responsabbli, fis-sens tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 155 iktar ’il fuq (punt 87), għall-partijiet kollha ta’ dak l-akkordju.

164    Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-linji gwida, din l-evalwazzjoni għandha neċessarjament issir fl-istadju meta jiġi ffissat l-ammont inizjali speċifiku, peress illi l-kunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti tippermetti biss li jinbidel l-ammont inizjali tal-multa skont il-mod kif il-persuna li wettqet ksur implementat l-akkordju. Persuna li wettqet ksur li ma hijiex ddikjarata responsabbli ta’ ċerti partijiet minn dan l-akkordju ma setax kellha rwol fl-implementazzjoni ta’ dawn il-partijiet. Il-ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni huwa, minħabba l-portata limitata tal-ksur ikkonstatat fil-konfront ta’ din il-persuna, inqas gravi minn dak imputat lill-persuni li wettqu ksur li pparteċipaw fil-partijiet kollha tal-ksur.

165    L-argument tal-Kummissjoni illi l-membri tal-ftehim Ewropej imsaħħa bbenefikaw mir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni implementata mill-“produtturi SANCO” ma jistax jiġi aċċettat, peress illi hija ma ddikjaratx lir-rikorrenti responsabbli tal-parti tal-ksur inkwistjoni relatat mal-ftehim SANCO. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll illi l-effett antikompetittiv ta’ akkordju fuq il-prezzijiet huwa tali li jista’ jibbenenfika lill-fornituri kollha fis-suq rilevanti u mhux biss lill-impriżi membri tal-imsemmi akkordju.

166    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal preċedentement, għandu jiġi konkluż illi l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi ma kkunsidratx, matul il-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-fatt illi, b’mod differenti mill-grupp KME, minn Wieland u mill-grupp Boliden, ir-rikorrenti pparteċipaw biss f’parti waħda tal-kartell, u għalhekk, hija ttrattat sitwazzjoni differenti bl-istess mod, mingħajr ma ġġustifikat b’mod oġġettiv tali trattament.

167    F’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi li għandhom jiġu misluta minn din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi, fir-rigward tal-ftehim SANCO, li l-Qorti Ġenerali żżid l-ammont tal-multi imposti fuq il-“produtturi SANCO” minflok tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis, fl-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ ġursidizzjoni sħiħa tagħha, li l-ammont inizjali adottat mill-Kummissjoni huwa xieraq meta mqabbel mal-gravità tat-tliet partijiet kollha tal-kartell u li hemm lok li jitnaqqas l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti sabiex jiġi kkunsidrat il-fatt illi l-Kummissjoni ddikjarathom responsabbli biss għall-parteċipazzjoni tagħhom fit-tielet parti tal-kartell.

168    L-argument tal-Kummissjoni illi r-rikorrenti kellhom rwol importanti fi ħdan il-kartell ma jikkontestax din il-konklużjoni. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata ma qisitx illi r-rwol tal-grupp IMI fi ħdan il-ftehim Ewropej imsaħħa kien jikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti fis-sens tal-linji gwida. It-tieni nett, il-Kummissjoni, matul dawn il-proċeduri, ma esponietx ir-raġunijiet li għalihom l-evalwazzjoni tagħha f’dan ir-rigward kienet żbaljata. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa, ma hemmx lok illi l-Qorti Ġenerali tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha b’dik tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rwol tar-rikorrenti fi ħdan il-ftehim Ewropej imsaħħa.

169    Barra minn hekk, inkwantu jista’ jiġi allegat li n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ftehim SANCO ġie rifless b’mod sodisfaċenti fl-ammont inizjali speċifiku tagħhom, peress illi s-sehem tas-suq tar-rikorrenti, li ma kinux jikkummerċjalizzaw “pajpijiet SANCO”, kien ikkalkolat skont id-dħul mill-bejgħ tal-produtturi kollha tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji, inkluż dak li jikkorrispondi mal-bejgħ tal-“pajpijiet SANCO”, għandu jiġi kkonstatat dan li ġej.

170    Il-ftehim SANCO u l-ftehim Ewropej imsaħħa kienu jirrigwardaw l-istess suq rilevanti, jiġifieri dak tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet obbligata, anki fin-nuqqas tal-ftehim SANCO, li tikkunsidra d-dħul iġġenerat mill-bejgħ tal-pajpijiet SANCO sabiex tikkalkola s-sehem tas-suq tar-rikorrenti fuq is-suq rilevanti.

171    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ftehim WICU u Cuprotherm, is-sitwazzjoni hija differenti. Dawn l-akkordji kienu jirrigwardaw prodotti li ma setgħux jiġu ssostitwiti bil-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji. Fil-fatt mill-premessa 459 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta illi l-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji u l-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik kienu jikkostitwixxu swieq rilevanti distinti.

172    Għaldaqstant, bil-kalkolu tas-sehem tas-suq tar-rikorrenti, li kienu attivi fis-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji, b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ magħmul fis-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji u għal dak magħmul fis-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik, ir-rikorrenti ngħataw sehem tas-suq iżgħar u, għaldaqstant, ammont inizjali speċifiku iżgħar minn dak li kien jiġi ffissat li kieku s-sehem tagħhom tas-suq kien ġie kkalkolat biss b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ magħmul fis-suq li fih huma effettivament kienu pparteċipaw fil-kartell.

173    L-argument tar-rikorrenti li l-kumulu tad-dħul mill-bejgħ tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji u dak magħmul mill-bejgħ tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik kien ikun meħtieġ anki jekk l-ftehim WICU u Cuprotherm ma kinux eżistenti, huwa manifestament infondat. La mill-ġurisprudenza u lanqas mil-linji gwida ma jirriżulta b’xi mod li l-Kummissjoni hija obbligata, fil-kalkolu tal-ishma tas-suq tal-membri ta’ akkordju għall-finijiet ta’ trattament differenzjat, li tikkunsidra d-dħul mill-bejgħ magħmul minn prodotti oħra minbarra dawk li huma s-suġġett tal-ksur inkwistjoni.

174    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, għandu jiġi mibdul biss l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti sabiex tirrifletti n-nuqqas tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ftehim SANCO. Il-konsegwenzi konkreti ta’ din il-bidla ser jiġu spjegati fil-punti 187 sa 190 iktar ’il quddiem.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

 L-argumenti tal-partijiet

175    Ir-rikorrenti jqisu illi hemm sproporzjon bejn l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom u l-valur ekonomiku tal-attivitajiet tagħhom fil-qasam tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing. Dan l-isproporzjon huwa dovut għall-fatt li d-daqs tas-suq u d-dħul mill-bejgħ magħmul mir-rikorrenti, li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tiffissa l-ammont tal-multi, kienu għoljin b’mod artifiċjali u kienu qed jagħtu impressjoni żbaljata għal kollox tal-valur reali tas-suq u tad-dħul magħmul mill-bejgħ.

176    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jallegaw illi huma, bħala produtturi tal-pajpijiet, ma għandhom l-ebda influwenza fuq il-prezz tal-materja prima prinċipali tagħhom, jiġifieri r-ram, li kien qed jirrapreżenta bejn 50 u 65 % tal-prezz finali mħallas mill-klijenti tagħhom. Ir-rikorrenti jfakkru illi l-attivitajiet tal-kartell ma kinux jirrigwardaw il-provvista tar-ram u assolutament ma setgħux jaffettwaw il-prezz tar-ram, peress illi l-prezz tal-metall huwa ffissat mill-kwotazzjonijiet ta’ kuljum fil-London Metal Exchange (Borża tal-metall ta’ Londra). Il-prezz tal-metall kien biss fattur li kellu jgħaddi fuq il-klijenti fuq l-istess livell bħal dak imħallas mir-rikorrenti.

177    Ir-rikorrenti jenfasizzaw illi l-argument tagħhom ma jirrigwardax il-gravità tal-ksur u r-relazzjoni tiegħu mad-daqs tas-suq, iżda kien jirrigwarda l-prinċipju ta’ proporzjonalità kif imsemmi fil-punt 5(b) tal-linji gwida. Ir-rikorrenti jinvokaw ukoll, insostenn ta’ dan l-argument, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni.

178    Ir-rikorrenti jżidu illi huma biegħu l-attività tagħhom fil-qasam tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing, li l-valur nett tal-kontabbiltà tagħha kien ta’ madwar EUR 34 miljun, għal prezz ta’ EUR 18.1 miljun. Dan il-prezz juri li l-multa imposta, jiġifieri EUR 44.98 miljun, hija sproporzjonata.

179    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

180    Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat illi, sabiex ikun iddeterminat l-ammont inizjali tal-multa, il-Kummissjoni tista’, mingħajr madankollu ma hija obbligata tagħmel dan, tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tas-suq affettwat (sentenzi BASF vs Il-Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 134, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il-Kummissjoni, T‑322/01, Ġabra p. II-3137, punti 149 u 150), ħaġa li hija għamlet f’dan il-każ.

181    Il-motiv tar-rikorrenti huwa bbażat fuq il-premessa li l-Kummissjoni żbaljat meta kkunsidrat il-prezz tar-ram fl-evalwazzjoni tagħha tal-valur tas-settur ikkonċernat.

182    Madankollu, din il-premessa hija żbaljata. Fil-fatt, l-ebda raġuni valida ma timponi li d-dħul mill-bejgħ ta’ suq rilevanti jkun ikkalkolat billi jkunu esklużi ċerti spejjeż ta’ manifattura. Kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, fis-setturi industrijali kollha jeżistu spejjeż inerenti għall-prodott finali li l-produttur ma jistax jikkontrolla, imma li jikkostitwixxu xorta waħda element essenzjali tal-attivitajiet kollha tiegħu u li, għaldaqstant, ma jistgħux ikunu esklużi mid-dħul mill-bejgħ tiegħu meta jkun iffissat l-ammont inizjali tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II-491 punti 5030 u 5031).

183    Il-fatt li l-prezz tar-ram jikkostitwixxi parti sinjifikattiva mill-prezz finali tal-pajpijiet għall-plumbing jew li r-riskju ta’ varjazzjonijiet fil-prezzijiet tar-ram huwa ħafna iżjed għoli milli għal materji prima oħra ma jannullax din il-konklużjoni u ma jobbligax lill-Kummissjoni tapplika l-punt 5(b) tal-linji gwida.

184    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat illi d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni msemmija mir-rikorrenti ma humiex rilevanti, peress illi l-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha ma sservix ta’ qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni.

185    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat illi ċ-ċifri li r-rikorrenti ppreżentaw, filwaqt li allegaw li l-ammont tal-multa imposta fuqhom kienet teċċedi l-attività tagħhom fil-qasam tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing, ma humiex biżżejjed biex jiġi konkluż illi l-ammont tal-multa tagħhom kien sproporzjonat. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma indikawx il-fatturi li fuqhom dawn iċ-ċifri huma bbażati.

186    Għaldaqstant hemm lok illi dan il-motiv jiġi miċħud bħala infondat fit-totalità tiegħu.

3.     Fuq id-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa

187    Kif jirriżulta mill-punti 79 sa 97 u 154 sa 174 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi mibdula, inkwantu l-Kummissjoni, meta ffissat l-ammont tal-multa, ma kkunsidratx, minn naħa waħda, l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-kartell bejn l-1 ta’ Diċembru 1994 u l-11 ta’ April 1996 u, min-naħa l-oħra, il-fatt li huma ma pparteċipawx fil-ftehim SANCO.

188    Mill-bqija, il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-kalkolu tal-multi applikati f’din il-kawża, jibqgħu l-istess. L-ammont finali tal-multa huwa għalhekk ikkalkolat kif ġej.

189    L-ammont inizjali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti huwa mnaqqas b’10 % sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità inqas serja tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kartell meta mqabbla ma’ dik tal-“produtturi SANCO”. L-ammont inizjali l-ġdid tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti huwa għalhekk iffissat bħala EUR 21.42 miljun.

190    Peress illi r-rikorrenti pparteċipaw f’żewġ partijiet tal-kartell matul perijodu effettiv ta’ għaxar snin u xahar, għandha tiġi applikata żieda ta’ 100 % skont dan il-perijodu, li twassal għal ammont bażiku ta’ EUR 42.84 miljun. Filwaqt li jiġi kkunsidrat it-tnaqqis ta’ 10 % mogħti lir-rikorrenti mill-Kummissjoni bis-saħħa tal-punt D tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni, l-ammont finali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti ġie stabbilit għalhekk bħala EUR 38.556 miljun.

 Fuq l-ispejjeż

191    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali.

192    Fid-dawl tal-fatt li kull parti tilfet parzjalment u tal-konstatazzjoni magħmula fil-punt 94 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tqis illi ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll 40 % tal-ispejjeż tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(h) sa (j) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 2 2826, tat‑3 ta’ Settembru 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l‑Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/38.069 – Pajpijiet tar-ram għall-plumbing), huwa annullat sa fejn jirrigwarda l-perijodu mill‑1 ta’ Diċembru 1994 sal-11 ta’ April 1996.

2)      L-ammont tal-multa imposta in solidum fuq IMI plc, fuq IMI Kynoch Ltd u fuq Yorkshire Copper Tube fl-Artikolu 2(f) tad-Deċiżjoni C (2004) 2826 huwa ffissat bħala EUR 38.556 miljun.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u 40 % tal-ispejjeż sostnuti minn IMI, IMI Kynoch u Yorkshire Copper Tube.

5)      IMI, IMI Kynoch u Yorkshire Copper Tube għandhom ibatu 60 % tal-ispejjeż tagħhom.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Wahl

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fid-19 ta’ Mejju 2010.

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.  Il-proċedura amministrattiva

2.  Id-deċiżjoni kkontestata

Prodotti u swieq inkwistjoni

Komponenti tal-ksur inkwistjoni

Ftehim bejn il-“produtturi SANCO”

Ftehim bejn il-“produtturi WICU u Cuprotherm”

Ftehim Ewropej imsaħħa

Tul u natura kontinwa tal-ksur inkwistjoni

Determinazzjoni tal-ammont tal-multi

Ammont inizjali tal-multi

–  Gravità

–  Trattament differenzjat

Ammont inizjali tal-multi

Ċirkustanzi aggravanti u attenwanti

Applikazzjoni tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni

Ammont finali tal-multi

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq it-talba għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq it-talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

Fuq in-natura diskriminatorja li biha l-Kummissjoni mexxiet l-investigazzjoni tagħha

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-allegat trattament diskriminatorju tar-rikorrenti meta mqabbel mal-parteċipanti fil-ftehim SANCO u fil-ftehim WICU u Cuprotherm

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq id-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.