Language of document : ECLI:EU:T:2006:219

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)

14 ta' Lulju 2006 (*)

"Kompetizzjoni – Konċentrazzjoni – Regolament (KE) Nru 139/2004 – Suq ta' enerġija elettrika – Deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta' dimensjoni Komunitarja ta' konċentrazzjoni – Kalkolu tad-dħul mill-bejgħ – Standards ta' kontabbiltà – Aġġustamenti – Oneru tal-prova – Drittijiet tad-difiża"

Fil-kawża T‑417/05,

Endesa, SA, stabbilita f'Madrid (Spanja), irrappreżentata minn J. Flynn, QC, S. Baxter, solicitor, M. Odriozola Alén, M. Muñoz de Juan, M. Merola, J. García de Enterría Lorenzo-Velázquez u J. Varcárcel Martínez, Avukati,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentata minn F. Castillo de la Torre, É. Gippini Fournier, A. Whelan u M. Schneider, bħala aġenti,

konvenuta

sostnuta minn

ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, abogado del Estado,

u minn

Gas Natural SDG, SA, stabbilita f'Barċellona (Spanja), irrapreżentata minn F. González Díaz, J. Jiménez de la Iglesia u A. Leis García, Avukati,

partijiet intervenjenti

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2005 li tikkonstata n-nuqqas ta' dimensjoni Komunitarja ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.3986 – Gas Natural vs Endesa),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili u O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta' Marzu 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Regolamenti dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet

1        L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ta' l- 20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, p. 1) (iktar ' il quddiem ir-"Regolament") jiddisponi:

"1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 22, dan ir-Regolament għandu japplika għall-konċentrazzjonijiet kollha li għandhom dimensjoni Komunitarja, kif definiti f'dan l-Artikolu.

2. Konċentrazzjoni jkollha dimensjoni Komunitarja meta:

a) il-valur tal-bejgħ [id-dħul mill-bejgħ] dinji totali ta' l-impriżi kollha konċernati huwa ta' aktar minn EUR 5,000 miljun, u

b) il-valur tal-bejgħ [id-dħul mill-bejgħ] totali mill-Komunità kollha ta' mill-anqas tnejn mill-impriżi konċernati huwa ta' aktar minn EUR 250 miljun kull waħda,

sakemm kull waħda mill-impriżi konċernati ma tilħaqx aktar minn żewġ terzi mill-valur tal-bejgħ [mid-dħul mill-bejgħ] totali tagħha mill-Komunità fl-istess Stat Membru

[…]"

2        L-Artikolu 5 tar-Regolament intitolat "Kalkulazzjoni tal-valur tal-bejgħ[tad-dħul mill-bejgħ] "jipprovdi:

"1. Valur tal-bejgħ [id-dħul mill-bejgħ] totali fis-sens ta’ dan ir-Regolament għandu jinkludi l-ammonti li l-impriżi konċernati jkunu akkwistaw fis-sena finanzjarja preċedenti mill-bejgħ ta’ prodotti u mill-provvista ta’ servizzi li jagħmlu parti mill-attività ordinarja ta’ l-impriżi wara li jitnaqqsu l-iskontijiet fuq il-bejgħ, t-taxxa fuq il-valur miżjud u taxxi oħra marbuta b’mod dirett mal-valur tal-bejgħ [mad-dħul mill-bejgħ]. Il-valur tal-bejgħ [Id-dħul mill-bejgħ] totali ta’ impriża konċernata ma għandux jinkludi l-bejgħ ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi bejn uħud mill-impriżi msemmija fil-paragrafu 4.

Valur tal-bejgħ [Id-dħul mill-bejgħ miksub], fil-Komunità jew fi Stat Membru, għandu jinkludi prodotti mibjugħa u servizzi provvduti lil impriżi u konsumaturi, fil-Komunità jew f’dak l-Istat Membru, skond il-każ.

[…]"

3        Skond l-Artikolu 19 tar-Regolament:

"1. Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri kopji ta’ notifiki fi żmien tlett ijiem u, malajr kemm jista’ jkun, kopji tad-dokument l-aktar importanti li jkunu tħallew mal-Kum[m]issjoni jew li jkunu nħarġu mill-Kummissjoni skond dan ir-Regolament..[…]

2. Il-Kummissjoni għandha twettaq il-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament b’kooperazzjoni fil-qrib u kostanti ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, li min-naħa tagħhom jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom fuq dawn il-proċeduri […]"

4        Skond l-Artikolu 21 tar-Regolament:

2. Il-Kummissjoni biss għandha jkollha ġurisdizzjoni biex tieħu d-deċiżjonijiet imsemmija f’dan ir-Regolament. Dan iżda bla ħsara għal reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

3. L-ebda Stat Membru ma għandu japplika l-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ konċentrazzjoni li għandha dimensjoni Komunitarja."

5        L-Artikolu 22 tar-Regolament jiddisponi:

1. Stat Membru, jew aktar minn Stat Membru wieħed, jista’ jitlob jew jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex teżamina xi konċentrazzjoni kif definita fl-Artikolu 3 li ma għandhiex dimensjoni Komunitarja fis-sens ta’ l-Artikolu 1 iżda taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u thedded li tolqot b’mod sinjifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju ta’ l-Istat Membru jew l-Istati Membri li għamel jew li għamlu t-talba.

Talba bħal din għandha ssir mhux aktar tard minn 15-il jum utli [tax-xogħol] mill-jum li fih l-konċentrazzjoni kienet notifikata, jew f’każ li notifika mhix meħtieġa, mill-jum li fih il-konċentrazzjoni kienet mgħarrfa lill-Istat Membru konċernat.

2. Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri u lill-impriżi konċernati dwar kull talba li tirċievi skond il-paragrafu 1.

Kull Stat Membru ieħor għandu jkollu d-dritt li jingħaqad mat-talba oriġinali fi żmien 15-il jum utli [tax-xogħol] minn meta l-Kummissjoni tinfurmah dwar it-talba.

It-termini perentorji nazzjonali kollha relatati mal-konċentrazzjoni għandhom ikunu sospiżi sakemm, skond il-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu, ikun deċiż fejn ħa tkun eżaminata l-konċentrazzjoni. Is-sospensjoni tat-termini perentorji nazzjonali tieqaf malli l-Istat Membru jinforma lill-Kummissjoni u lill-impriżi konċernati li ma jixtieqx jingħaqad mat-talba.

3. Il-Kummissjoni tista’, mhux aktar tard minn għaxart ijiem utli [tax-xogħol] minn tmiem il-perijodu stabbilit fil-paragrafu 2, tiddeċiedi li teżamina l-konċentrazzjoni meta jidhrilha li din tolqot il-kummerċ bejn Stati Membri u thedded li tolqot b’mod sinjifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju ta’ l-Istat Membru jew l-Istati Membri li għamel jew għamlu t-talba. Jekk il-Kummissjoni ma tieħux deċiżjoni f’dan il-perijodu, hija għandha titqies bħallikieku adottat Deċiżjoni biex teżamina l-konċentrazzjoni skond it-talba.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kollha u lill-impriżi konċernati dwar id-deċiżjoni tagħha. Hija tista’ titlob is-sottomissjoni ta’ notifika skond l-Artikou 4.

L-Istat Membru jew Stati Membri li għamel jew għamlu t-talba ma għandhomx jibqgħu japplikaw l-liġi nazzjonali tagħhom dwar il-kompetizzjoni fir-rigward tal-konċentrazzjoni.

[…]"

6        Skond l-Artikolu 17(3), tar-Regolament (KE) Nru 802/2004 tal-Kummissjoni tas-7 ta' April 2004, li jimplementa r-Regolament (ĠU L 133, p. 1):

"3. Id-dritt ta’ l-aċċess lejn fajl m’għandux jestendi għall-informazzjoni konfidenz[j]ali, jew għal dokumenti nterni tal-Kummissjoni jew ta’ l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Id-dritt ta’ l-aċċess lejn fajl għandhu egwalment ma jkunx estiż għall-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompteneti tal-Istati Membri jew bejn dawn ta’ l-aħħar."

7        L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1606/2002 tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, p. 1) jiddisponi:

"Dan ir-Regolament għandu bħala l-objettiv tiegħu l-adozzjoni u l-użu ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità fil-Komunità bil-għan li jarmonizza l-informazzjoni finanzjarja ppreżentata mill-kumpanniji riferiti fl-Artikolu 4 sabiex jassiguraw livell għoli tat-trasparenza u l-komparabblità ta’ prospetti finanzjarji u b’hekk għall-funzjonament effiċjenti tas-suq tal-kapital tal-Komunità u tas-Suq Internazzjonali [intern]"

 Leġiżlazzjoni dwar il-kontabbiltà tal-kumpanniji

8        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1606/2002 (intitolat "Kontijiet ikkonsolidati ta’ kumpanniji nnegozjati pubblikament [kumpanniji pubbliċi]") jiddisponi:

"Għall-kull sena finanzjarja li tibda fil, jew wara l-1 ta’ Jannar 2005, kumpanniji rregolati bil-liġi ta’ Stat Membru għandhom jippreparaw il-kontijiet ikkonsolidati tagħhom b’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6(2) jekk, fid-data tal-balance sheet tagħhom, it-titoli tagħhom ikunu aċċettati għall-kummerċ f’suq irregolat ta’ xi Stat Membru fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(13) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE tad-19 ta’ Mejju 1993 dwar is-servizzi ta’ l-investiment fil-qasam tat-titoli."

9        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1725/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jadotta ċerti standards internazzjonali […] tal-kontabilità bi qbil mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 (ĠU L 261, p. 1) jiddisponi:

"Artikolu 1

L-istandards internazzjonali tal-kontabilità stabbiliti fl-Anness huma adottati.

[…]"

10      L-istandard internazzjonali ta' kontabbiltà IAS 18 intitolata "Dħul" Anness mar-Regolament Nru 1725/2003 jiddisponi:

"Definizzjonijiet

7. F’dan l-istandard, it-termini li ġejjin għandhom it-tifsira indikata kif ġej:

Dħul huwa d-dħul gross ta' benefiċċji ekonomiċi matul is-sena finanzjarja li jirriżulta mill-attivitajiet ordinarji ta' impriża meta dan id-dħul iwassal għal żieda fil-kapital nett, minbarra ż-żidiet relattivi għall-kontribuzzjonijiet mill-azzjonisti.

Il-valur ġust huwa l-ammont li bih attiv jista' jiġi mibdul, jew passiv jista' jiġi mifdi, bejn partijiet informati sew, li jaqblu bejniethom, u li jaġixxu f’kundizzjonijiet ta' kompettizzjoni normali.

8. Id-dħul jinkludi biss id-dħul gross ta' benefiċċji ekonomiċi li l-impriża tkun irċeviet jew li se tirċievi f’isimha u għall-benefiċċju tagħha stess. L-ammonti miġbura f'isem terzi bħat-taxxi fuq il-bejgħ, it-taxxi fuq l-oġġetti u s-servizzi u t-taxxi tal-valur miżjud mhumiex benefiċċji ekonomiċi għall-impriża u ma jwasslux għal żieda tal-kapital nett. Bħala konsegwenza, huma esklużi mid-dħul. Bl-istess mod, f’relazzjoni ta' aġenzija, id-dħul gross ta’ benefiċċji ekonomiċi jinkludi l-ammonti miġbura f’isem il-mandatarju u ma jwasslux għal żieda fil-kapital nett ta' l-impriżi. L-ammonti miġbura f'isem il-mandatarju mhumiex dħul. F'dan il-każ, id-dħul jikkorrispondi għall-ammont tal-kummissjonijiet". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 707/2004 tas-6 ta' April 2004, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1725/2003 (ĠU L 111, p. 3) jiddisponi:

"L-Ewwel Artikolu

Fl-Anness tar-Regolament […] Nru 1725/2003, is-SIC-8 Applikazzjoni għall-Ewwel Darba tal-IASs bħala l-bażi primarja tal-kontabilità qiegħed hawn ikun sostitwit bit-test preżenti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]"

12      L-Anness tar-Regolament Nru 707/2004, intitolat "IFRS 1- Adozzjoni għall-Ewwel Darba ta’ l-Istandards Internazzjonali ta' Rappurtaġġ Finanzjarju" jispeċifika:

"36. Biex jitħares l-IAS 1 Preżentazzjoni ta’ Prospetti finanzjarji, l-ewwel prospetti finanzjarji ta’ entità mħejjija skond l-IFRS għandhom jinkludu informazzjoni komparattiva għal ta’ l-inqas sena skond l-IFRSs. 

[…]

47. Entità għandha tapplika dan l-IFRS jekk l-ewwel prospetti finanzjarji tagħha mħejjija skond l-IFRS huma għal perijodu li jibda dakinhar ta’ jew wara l-1 ta’ Jannar 2004. Applikazzjoni aktar bikrija hija mħeġġa. […]"

 Notifika dwar il-kalkolazzjoni tad-dħul mill-bejgħ

13      Skond il-punt 26 tan-Notifika tal-Kummissjoni fuq il-kalkolazzjoni ta' valur tal-bejgħ [tad-dħul mill-bejgħ] skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 fuq il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU 1998, K 66, p. 25) (iktar 'il quddiem in-"Notifika").

"Il-Kummissjoni tara li tibbaża ruhħa fuq il-figuri disponibbli li huma l-aktar preċiżi u affidabbli. Għalhekk bħala regola ġenerali, il-Kummissjoni tirreferi għall-kontijiet reveduti u vverifikati u oħrajn definittivi. Madankollu, f'każijiet fejn huma osservati l-akbar differenzi bejn l-istandards tal-kontijiet tal-Kommunità u dawk ta' pajjiżi li mhumiex membri, il-Kummissjoni tista' tqis li jkun neċċessarju biex dawk il-kontijiet jerġgħu jsiru skond l-istandards tal-valur tal-bejgħ [tad-dħul mill-bejgħ] tal-Kommunità. Il-Kummissjoni hija, f'kwalunkwe każ, riluttanti biex tistrieħ fuq kontijiet ta' l-immaneġjar jew forom oħra ta' kontijiet proviżjonali ħlief f'ċirkustanzi straordinarji (ara l-paragrafu li ġej). Billi [Meta] konċentrazzjoni sseħħ fl-ewwel xhur tas-sena u l-kontijiet reveduti u vverifikati għadhom m'humiex disponibbli għas-sena finanzjarja l-aktar reċenti, il-figuri li jrid jitt[ie]ħed akkont tagħhom huma dawk li jirrelataw mas-sena preċedenti. Billi [Meta] hemm diverġenza kbira bejn iż-żewġ settijiet ta' kontijiet, u partikolarment, meta l-figuri abbozzati finali għas-snin l-aktar reċenti huma disponibbli, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tikkonsidra dawk il-figuri abbozzati."

14      Skond il-punt 27 tan-Notifika:

"Minkejja l-paragrafu 26, dejjem għandu jsir aġġustament sabiex jinżam[m] kont ta' l-akkwisti u d-divestimenti [ċ-ċessjonijiet] sussegwenti għad-data tal-kontijiet reveduti u vverifiċati. Dan huwa neċċessarju biex jiġu identifikati l-proprja riżorsi li qegħdin jiġu kkonċentrati. Għalhekk jekk kumpanija tiddisponi minn parti minn negozju tagħha qabel ma jiġi ffirmat il-ftehim finali, jew tiġi mħabbra l-offerta pubblika jew l'akwist ta' interess ta' kontroll li jwassal għal konċentrazzjoni, u billi [jew jekk] tali divestiment [ċessjoni jew għeluq ta’ kumpannija] huwa pre-kondizzjoni għall-operazzjoni, il-parti tal-valur tal-bejgħ [tad-dħul mill-bejgħ] li għandha tiġi attribwita għal dik il-parti tan-negozju għandha tiġi mnaqqsa mill-valur tal-bejgħ [mid-dħul mill-bejgħ] tal-parti notifikanti kif muri fil-kontijiet li ġew riveduti u vverrifikati l-aħħar. Kuntrarjament, il-valur tal-bejgħ [id-dħul mill-bejgħ] li għandu jiġi attribwit lill-assi [li] kontroll [tagħhom ġie akkwistat] sussegwentement għall-preparazzjoni tal-kontijiet li kienu reveduti u vverifikati reċentement, għandu jiġi miżjud mal-valur tal-bejgħ [mad-dħul mill-bejgħ] ta' kumpanija għal skopijiet ta' notifika."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

15      Ir-rikorrenti, Endesa, SA hija kumpannija kkwotata, b'mod partikolari fil-Borża ta' Madrid. Hija tikkontrolla l-grupp Endesa, l-ikbar grupp ta' enerġija elettrikà fi Spanja, li huwa preżenti wkoll fl-Italja, fi Franza, fil-Portugall, fil-Polonja u fl-Amerika t'Isfel.

16      Gas Natural SDG, SA (iktar 'il quddiem "Gas Natural") hija kumpannija kkwotata fil-Borża ta' Madrid. Hija tikkontrolla l-grupp Gas Natural, grupp ta' impriżi li jipprovdu servizzi fis-settur ta' l-enerġija, li joperaw essenzjalment fil-provvista, distribuzzjoni u kummerċjalizzazzjoni tal-gass naturali fi Spanja, fl-Italja u fl-Amerika t'Isfel. Hija twettaq ukoll xi attivitajiet fis-settur ta' l-enerġija elettrika prinċipalment fil-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' l-enerġija elettrika, settur li fih hija parteċipanta ġdida.

17      Fil0-Fil-5 ta' Settembru 2005, Gas Natural ħabbret l-intenzjoni tagħha li tibda proċedura għal offerta pubblika ta' xiri (iktar 'il quddiem l-"OPX") ta' l-ishma kollha ta' Endesa u li tagħti lok għal konċentrazzjoni skond l-Artikolu 3 tar-Regolament. L-organi amministrattivi ta' Endesa ddikjaraw ruħhom kuntrarji għall-OPX.

18      Fit-12 ta' Settembru 2005, Ġas Natural innotifikat il-konċentrazzjoni lill-awtoritajiet Spanjoli tal-kompetizzjoni.

19      fiti Ftit wara li ħabbret l-OPX ta' Gas Natural, Endesa kitbet lill-Kummissjoni sabiex tispjegalha li, fil-fehma tagħha, l-konċentrazzjoni hija ta' dimensjoni Komunitarja fis-sens ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament. Minn dan jirriżulta, skond Endesa, li, minn naħa, il-konċentrazzjoni kellha tiġi notifikata lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 4 tar-Regolament u, min-naħa l-oħra, l-awtorità Spanjola tal-kompetizzjoni kienet inkompetenti sabiex tiddeċiedi dwar din il-konċentrazzjoni.

20      Fid-19 ta' Settembru 2005, Endesa talbet lill-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kompetenza tagħha sabiex tanalizza l-konċentrazzjoni minħabba d-dimensjoni Komunitarja tagħha.

21      Fil-komunikazzjonijiet tagħha, Endesa indikat b'mod partikolari, l-ewwel li l-figuri li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni għad-dħul mill-bejgħ ta' l-2004 huma dawk ikkalkulati fuq il-bażi ta' l-Istandards Internazzjonali ġodda tar-Rappurtaġġ Finanzjarju ("IFRS") minflok dawk li jirriżultaw mill-verifiki tal-kontijiet u t-tieni nett li għandhom isiru numru ta' aġġustamenti oħra lil dawn il-figuri sabiex jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet tan-Notifika tal-Kummissjoni fuq il-kalkolazzjoni tad-dħul mill-bejgħ. Fuq il-bażi tal-figuri miksuba b'dan il-mod, Endesa ssostni li m'għamlitx, fi Spanja, fl-2004, iktar minn żewġ terzi tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha fil-Komunità.

22      Fl-20 ta' Settembru 2005, l-awtorità Portugiża tal-kompetizzjoni talbet lill-Kummissjoni sabiex taċċetta r-referenza tal-konċentrazzjoni fuq il-bażi ta' l-Artikolu 22 tar-Regolament. Fit-22 ta' Settembru 2005, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri dwar din it-talba ta' referenza u tathom il-possibbiltà li jinagħqdu magħha. Fit-28 ta' Settembru 2005, l-awtorità Spanjola tal-kompetizzjoni għarrfet lill-Kummissjoni li hija ma xtaqitx tingħaqad mat-talba Portugiża. Fis-7 ta' Ottubru 2005, l-awtorità Taljana informat lill-Kummissjoni li hija xtaqet tingħaqad mat-talba Portugiża. Il-Kummissjoni ċaħdet dawn it-talbiet għar-referenza fis-27 ta' Ottubru 2005, għar-raġuni li l-awtoritajiet nazzjonali ma wrewx b’liema mod il-konċentrazzjoni taffettwa l-kummerċ intrakomunitarju u l-kompetizzjoni ħielsa, u kkonkludiet li ma kinitx l-awtorità fl-aħjar pożizzjoni sabiex tieħu konjiżżjoni tal-każ.

23      Fis-26 ta' Settembru 2005, il-Kummissjoni kitbet lil Gas Natural sabiex titlobha tippreċiża fuq liema bażi hija nnotifikat il-konċentrazzjoni lill-awtorità Spanjola tal-kompetizzjoni u sabiex tgħarrafha dwar l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward ta' l-argumenti ta' Endesa. Gas Natural wieġbet din l-ittra fit-3 ta' Ottubru 2005. Fit-tweġiba tagħha, hija indikat li sabiex tiġi identifikata l-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti, hija użat il-figuri ppubblikati fil-kontijiet verifikati ta' Endesa għall-2004. Skond Gas Natural, dawn il-kontijiet juru li fl-2004 Endesa (bħal Gas Natural) għamlet fi Spanja iktar minn żewġ terzi tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha fil-Komunità.

24      Fis-26 ta' Settembru 2005 wkoll, il-Kummissjoni kitbet lil Endesa sabiex titloba iktar preċiżazzjonijiet dwar il-komunikazzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, fl-4 ta' Ottubru 2005, hija bagħtet lil Endesa kopja ta' l-osservazzjonijiet tagħha ta' Gas Natural fuq l-ewwel komunikazzjonijiet tagħha, u talbitha biex tagħti l-kummenti tagħha. Endesa wieġbet dawn it-talbiet fil-5 u 7 ta' Ottubru 2005, rispettivament.

25      Fis-6 ta' Ottubru 2005, l-awtorità Spanjola tal-kompetizzjoni informat lill-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' qbil tagħha ma' l-argumenti mressqa minn Endesa u indikat li hija kienet tikkunsidra ruħha bħala kompetenti sabiex tevalwa l-konċentrazzjoni in kwistjoni.

26      Fil-25 ta' Ottubru 2005, il-Kummissjoni bagħtet lil Gas Natural kopja tal-komunikazzjonijiet ta' Endesa tal-5 u 7 ta' Ottubru 2005, u tatha l-possibbiltà sabiex twieġeb. Fis-26 ta' Ottubru 2005, il-Kummissjoni stiednet lil Gas Natural, Endesa u l-awtorità Spanjola tal-kompetizzjoni sabiex jikkomunikaw l-opinjoni tagħhom dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet fid-dawl tal-punt 40 tan-Notifika tal-Kummissjoni msemmija iktar 'il fuq. Fl-istess ħin hija bagħtet lill-awtorità Spanjola tal-kompetizzjoni kopja tal-komunikazzjonijiet ta' Endesa tal-5 u s-7 ta' Ottubru 2005, u tatha l-possibbiltà tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-kwistjonijiet kollha in kwistjoni.

27      Fis-27 ta' Ottubru 2005, l-awtorità Spanjola tal-kompetizzjoni informat lill-Kummissjoni li ma kellha ebda osservazzjoni addizzjonali x’iżżid fir-rigward ta' l-aġġustamenti, u kkomunikatilha l-opinjoni tagħha dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet fid-dawl tal-punt 40 tan-Notifika tal-Kummissjoni rilevanti. Fit-2 ta' Novembru 2005, Gas Natural u Endesa għarrfu l-opinjoni tagħhom f'dan ir-rigward. Barra minn hekk, Gas Natural ipprovdiet kummenti ġodda dwar l-aġġustamenti proposti minn Endesa, fuq il-bażi tal-komunikazzjonijiet ta' Endesa tal-5 u 7 ta' Ottubru 2005. Fil-kummenti tagħha, Gas Natural ipproponiet xi aġġustamenti ġodda li hija qieset bħala minsija minn Endesa. Fl-4 ta' Novembru 2005, kopja ta' dawn il-proposti ta' aġġustamenti ntbagħtet lil Endesa, li għarrfet l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward fid-9 ta' Novembru 2005.

28      Fil-15 ta' Novembru 2005, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta' dimensjoni Komunitarja ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.3986 – Gas Natural/Endesa) li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors (iktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni").

29      F'dak li jirrigwarda l-proċedura nazzjonali dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, il-Ministru Spanjol ta' l-Ekonomija ddeċieda, fis-7 ta' Novembru 2005, li jimplimenta t-"tieni stadju" ta' l-imsemmija proċedura, billi rrefera l-fajl tas-Servicio de Defensa de la Competencia ( Dipartiment tal-Ħarsien tal-Kompetizzjoni), iktar 'il quddiem id-"DĦK" lit-Tribunal de Defensa de la Competencia (Tribunal tal-Ħarsien tal-Kompetizzjoni, iktar il-quddiem it-"TĦK").

30      Fl-20 ta' Diċembru 2005, il-Comisión Nacional de la Energía (Kummissjoni Nazzjonali ta' l-Enerġija, iktar 'il quddiem, il-"KNE") tat l-opinjoni tagħha dwar il-konċentrazzjoni, fejn irrakkomandat l-awtorizzazzjoni għall-konċentrazzjoni taħt ċerti kundizzjonijiet.

31      Fil-5 ta' Jannar 2006, it-TĦK ta l-opinjoni tiegħu fejn irrakkomanda l-projbizzjoni tal-konċentrazzjoni.

32      Fit-3 ta' Frar 2006, il-Kunsill tal-Ministri Spanjol awtorizza l-konċentrazzjoni taħt ċerti kundizzjonijiet.

33      Fil-21 ta' Marzu 2006, it-Tribunal tal-Kummerċ Nru 3 ta’ Madrid issospenda l-konċentrazzjoni.

 Proċedura

34      B'rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-29 ta' Novembru 2005, Endesa ressqet dan ir-rikors. B'rikors separat ippreżentat fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti resqet talba intiża biex ir-rikors tagħha jiġi ttrattat bil-benefiċċju tal-proċedura mħaffa skond l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

35      B'att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-29 ta' Novembru 2005, ir-rikorrenti ppreżentat talba intiża sabiex, minn naħa, tiġi ordnata s-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra l-Kummissjoni tiġi ordnata tordna lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Spanjoli biex jissospendu l-proċeduri nazzjonali kollha.

36      B'ittri ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-2 u 9 ta' Diċembru 2005 rispettivament, Gas Natural u r-Renju ta' Spanja talbu sabiex jintervjenu in sostenn tal-konvenuta, skond l-Artikolu 115(1) u (2) bis tar-Regoli tal-Proċedura.

37      iż-Iż-żewġ talbiet għal intervent ġew innotifkiati lill-partijiet, skond l-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

38      B'ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-15 ta' Diċembru 2005, ir-rikorrenti talbet li ċerti elementi tad-dokumenti ma jiġux ikkomunikati lill-partijiet intervjenenti eventwali, skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 116(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

39      Fil-15 ta' Diċembru 2005, it-tielet Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza li lilha ġiet assenjata l-kawża, iddeċidiet li tikkonċedi l-benefiċċju tal-proċedura mħaffa f’din il-kawża.

40      Permezz ta' digriet tas-16 ta' Diċembru 2005, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza laqà t-talbiet għal intervent ta' Gas Natural u tar-Renju ta' Spanja u rriżerva d-deċiżjoni fuq il-mertu tat-talba għat-trattament kunfidenzjali.

41      B'ittri ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-3 u fl-4 ta' Jannar 2006 rispettivament, Gas Natural u r-Renju ta' Spanja qajmu oġġezzjonijiet fir-rigward tat-trattament kunfidenzjali ta' ċerti elementi tad-dokumenti li ġew ikkomunikati lilhom.

42      B'ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-11 ta' Jannar 2006, ir-rikorrenti rtirat it-talba għal kunfidenzjalità fir-riward ta' Gas Natural f'dak li jirrigwarda r-rapport imħejji minn Deloitte, SL, mehmuż ma’ l-anness tar-rikors.

43      Fit-12 u 13 ta' Jannar 2006, Gas Natural u r-Renju ta' Spanja rispettivament ippreżentaw in-nota ta' intervent tagħhom.

44      Fid-19 ta' Jannar 2006, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha.

45      B'digriet ta' l-24 ta' Jannar 2006, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza, laqa' parzjalment it-talba għal trattament kunfidenzjali magħmula mir-rikorrenti, ordna t-trażmissjoni lill-partijiet intervenjenti ta' verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti kollha, u stedinhom biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet addizzjonali u relattivi tagħhom waqt is-seduta. Barra minn hekk, huwa rriżerva l-ispejjeż.

46      B'digriet ta' l-1 ta' Frar 2006, Endesa vs Il-Kummissjoni (T-417/05 R, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra), il-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħad it-talba għal proċedura sommarja, billi kkunsidra li r-rikorrenti ma wrietx li hija tista’ ssofri dannu serju u irreparabbli fin-nuqqas ta' miżuri provviżorji, u rriżerva l-ispejjeż.

47      Fuq ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet sabiex sabiex jirrispondu sensiela ta’ domandi bil-miktub. Il-partijiet irrispondew dawn id-domandi fit-terminu mogħti.

48      Instemgħu t-trattazzjoni orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet orali waqt is-seduta tad-9 ta' Marzu 2006.

 It-talbiet tal-partijiet

49      Endesa titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors tagħha bħala ammissibbli;

–        tannulla d-Deċiżjoni:

–        tordna li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

50      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż, inklużi dawk relattivi għall-proċedura sommarja.

51      Ir-Renju ta' Spanja jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż

52      Gas Natural jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

53      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq ħames motivi bbażati, fl-ewwel lok, fuq vizzji fil-proċedura, fit-tieni lok, fuq inverżjoni ta’ l-oneru tal-prova u fuq nuqqas ta' motivazzjoni, fit-tielet lok fuq in-nuqqas ta' l-użu tal-kontijiet imħejjija skond l-istandards tal-kontabbiltà (IAS/IFRS), fir-raba' lok, fuq ir-rifjut ta' l-aġġustamenti proposti u fil-ħames lok, fuq vjolazzjoni tal-kriterji msemmija fin-Notifika, fuq nuqqas ta' analiżi u motivazzjoni u fuq abbuż ta' poter.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq vizzji fil-proċedura

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet fuq it-talbiet biex issir referenza qabel id-deċiżjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

54      Endesa ssostni li jirriżulta b'mod ċar mir-Regolament li kull deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 22 tiegħu għandha tirrigwarda konċentrazzjoni li tirrispetta l-limiti ta' regola nazzjonali waħda jew ta’ diversi regoli nazzjonali u li m'għandhiex dimensjoni Komunitarja. B’hekk, il-mekkaniżmu ta' l-Artikolu 22 jippermetti li l-Kummissjoni jkollha kompetenza f'dak li jirrigwarda operazzjonijiet li, a priori, ma jmisshomx ikunu ta’ kompetenza tagħha.

55      Minn dan jirriżulta li, skond l-Artikolu 22 tar-Regolament, in-nuqqas ta' dimensjoni Komunitarja jikkostitwixxi prerekwiżit essenzjali għad-deċiżjoni li ssir referenza. Bħala konsegwenza, skond Endesa, peress illi hija talbet formalment lill-Kummissjoni sabiex tieħu pożizzjoni dwar id-dimensjoni Komunitarja tal-konċentrazzjoni, din ta' l-aħħar kellha l-għażla bejn li tiċħad it-talba mingħajr ma tiftaħ il-proċedura, billi tikkunsidraha manifestament infondata, jew tiftaħ proċedura u tiddeċiedi b'mod formali l-kwistjoni dwar liema hija l-awtorità kompetenti qabel ma tiddeċiedi dwar it-talbiet biex issir referenza. Hija żżid li l-fatt li t-terminu sabiex tittieħed deċiżjoni dwar it-talbiet biex issir referenza huwa previst fir-Regolament (għaxart'ijiem tax-xogħol mid-data ta’ l-iskadenza tat-terminu previst sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jinagħqdu ma' waħda jew iktar mit-talbiet) ma jistax jiġġustifika inverżjoni ta' l-ordni loġiku li huwa suġġett għalih l-eżami tal-Kummissjoni. Peress li r-Regolament ma jsemmix il-kwistjonijiet proċedurali relattivi għad-determinazzjoni ta' l-awtorità, iżda l-kwistjonijiet relattivi għall-kompetenza materjali (permezz tar-regoli fuq ir-referenzi ta' l-Artikolu 22), it-terminu previst għat-tieni tip ta’ kwistjonijiet għandu japplika, b'analoġija, għall-ewwel tip ta’ kwistjonijiet. Jekk il-Kummissjoni ma ddisponietx mill-elementi kollha neċessarji sabiex tieħu deċiżjoni u kellha titlob informazzjoni addizzjonali, it-talba tagħha għall-informazzjoni kien imissja sospendiet b'mod awtomatiku t-terminu li hija kienet tiddisponi minnu sabiex tiddeċiedi, kif ukoll, neċessarjament, it-termini relattivi għall-adozzjoni ta’ l-atti kollha li jirriżultaw minnu, fosthom id-Deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 22.

56      Endesa ssostni li, f'dan il-każ, għaddew 38 ġurnata bejn l-ewwel talba biex issir referenza u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talbiet tar-Repubblika Taljana u tar-Repubblika Portugiża. Billi adottat id-deċiżjonijiet dwar ir-referenza qabel ma ddeterminat id-dimensjoni nazzjonali jew Komunitarja tal-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni antiċipat l-eżitu tad-deċiżjoni, anki jekk hija inkludiet riżerva purament formali fuq dan il-punt. Dan jirriżulta b'mod ċar mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni dwar it-talbiet biex issir referenza, li tindika, b'mod partikolari, li l-Kummissjoni mhijiex l-awtorità fl-aħjar pożizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-konċentrazzjoni in kwistjoni. Indipendentement mill-kwistjoni dwar kemm hija fondata din l-affermazzjoni, huwa ċar li ttieħdet deċiżjoni prematura fuq mill-inqas waħda mill-evalwazzjonijiet li l-Kummissjoni għandha tagħmel fil-kuntest ta' l-eżami ta' konċentrazzjoni ta' dimensjoni Komunitarja, jiġifieri evalwazzjoni tat-talbiet eventwali biex issir referenza bbażati fuq l-Artikolu 9 tar-Regolament.

57      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-partijiet intervenjenti, ssostni li l-motiv huwa sempliċiment irrilevanti, u li m'hemmx analoġija bejn is-sitwazzjoni ta' Stat Membru li jippreżenta talba skond l-Artikolu 22 u li dik li fiha impriża titlob lill-Kummissjoni sabiex tieħu pożizzjoni dwar il-kompetenza tagħha stess u li d-deċiżjonijiet meħuda dwar it-talbiet ippreżentati skond l-Artikolu 22 ma kkompromettewx il-kwistjonijiet dwar il-kompentenza Komunitarja, peress li hija ddeċidiet espressament fuq dawn it-talbiet mingħajr ma antiċipat l-eżitu tad-deċiżjoni dwar dan l-aspett.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

58      Endesa ssostni li d-Deċiżjoni kellha tiġi adottata qabel id-deċiżjoni dwar it-talbiet biex issir referenza skond l-Artikolu 22 tar-Regolament, peress li n-nuqqas ta' dimensjoni Komunitarja tikkostitwixxi kundizzjoni li hija prerekwiżit essenzjali għal deċiżjoni li ssir referenza.

59      L-Artikolu 22(1), tar-Regolament jiddisponi li "Stat Membru, jew aktar minn Stat Membru wieħed, jista' jitlob jew jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex teżamina xi konċentrazzjoni […] li ma għandhiex dimensjoni Komunitarja fis-sens ta' l-Artikolu 1 iżda taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u thedded li tolqot b'mod sinjifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju ta' l-Istat Membru jew l-Istati Membri li għamel jew li għamlu t-talba […]".

60      GħanGħandu jiġi mfakkar li, fid-19 ta' Settembru 2005, Endesa talbet lill-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-kompetenza tagħha sabiex tanalizza konċentrazzjoni. B'talba ta' l-20 ta' Settembru 2005, l-awtorità Portugiża tal-kompetizzjoni talbet lill-Kummissjoni taċċetta l-eżami tal-konċentrazzjoni fuq il-bażi ta' l-artikolu 22 tar-Regolament. Wara l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istati Membri l-oħra ta' din it-talba biex issir referenza, l-awtorità Taljana tal-kompetizzjoni, fis-7 ta' Ottubru 2005, informat lill-Kummissjoni li hija xtaqet tingħaqad ma' l-awtorità Portugiża tal-kompetizzjoni fit-talba tagħha. Il-Kummissjoni ċaħdet dawn it-talbiet biex issir referenza fis-27 ta' Otubru 2005, billi sostniet li ma ntweriex li kien hemm riskju li l-konċentrazzjoni taffettwa l-kompetizzjoni fil-Portugall u fl-Italja u li l-Kummissjoni kienet fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa dawn l-effetti.

61      F'dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat, minn naħa, li l-vizzju allegat mir-rikorrenti ma jirrigwardax id-deċiżjoni, iżda biss id-deċiżjonijiet tas-27 ta' Otturbu 2005 dwar id-domandi biex issir referenza, li mhumiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors. Għaldaqstant, l-ilment huwa, fi kwalunkwe każ, irrelevanti.

62      Għandu jiġi osservat ukoll li, kif sostniet il-Kummissjoni, il-konsegwenza ġuridika ta' l-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma tidhirx b'mod ċar. Fil-fatt, jekk dawn l-argumenti jiġu aċċettati, kull deċiżjoni, inkluża deċiżjoni li tiddikjara d-dimensjoni Komunitarja tal-konċentrazzjoni, adottata wara d-deċiżjonijiet tas-27 ta' Ottubru 2005, dwar id-domandi biex issir referenza, tiġi affettwata mill-irregolarità allegata u tista' għalhekk tiġi annullata minħabba l-istess motivi invokati mir-rikorrenti. B’hekk, kull deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni dwar it-talba ta' Endesa wara din id-data, anki jekk tilqa’ din it-talba, jkollha tiġi annullata.

63      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx kif id-deċiżjonijiet tas-27 ta' Ottubru 2005 dwar it-talbiet biex issir referenza antiċipaw l-eżitu tad-deċiżjoni fir-rigward tat-talba dwar il-kompetenza Komunitarja, peress li d-deċiżjonijiet dwar it-talbiet biex issir referenza juru, għall-kuntrarju, espressament, li huma ġew adottati bla ħsara għall-evalwazzjoni dwar id-dimensjoni Komunitarja tal-konċentrazzjoni prevista.

64      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ddeċidiet dwar it-talbiet biex issir referenza qabel ma ddeċidiet dwar id-dimensjoni Komunitarja. Fil-fatt, l-Artikolu 22(3) tar-Regolament jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tiddeċiedi fi żmien għaxart ijiem dwar it-talbiet biex issir referenza u jipprovdi li, fin-nuqqas, tirriżulta minn dan deċiżjoni ta' aċċettajoni impliċita tar-referenza. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija marbuta tiddeċiedi malajr fuq id-deċiżjoni dwar ir-referenza. F'dawn iċ-ċirkustanzi, jekk hija kellha tiddeċiedi minn qabel dwar dwar id-dimensjoni Komunitarja, hija kien ikollha tagħmel dan f'terminu ta' inqas minn għaxart ijiem, b'mod li hija ma setgħetx tagħmel eżami bl-attenzjoni dovuta tal-kwistjoni dwar id-dimensjoni Komunitarja tal-konċentrazzjoni prevista.

65      Għaldaqstant, altru milli kien ta’ ħsara għall-interessi ta' Endesa, il-fatt li l-Kummissjoni kompliet bl-eżami tad-dimensjoni Komunitarja u adottat id-deċiżjoni biss wara d-deċiżjonijiet tas-27 ta' Ottubru 2005 dwar it-talbiet biex issir referenza, f'dan il-każ, għall-kuntrarju ppermetta li d-deċiżjoni dwar id-dimensjoni Komunitarja tkun ibbażata fuq eżami bir-reqqa ta' l-elementi relevanti kollha.

66      Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti, li t-terminu previst sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet ippreżentati skond l-Artikolu 22 jiġi sospiż, b'analoġija, sakemm tiġi deċiża l-kwistjoni relattiva għad-determinazzjoni tad-dimensjoni Komunitarja tal-konċentrazzjoni, għandu jiġi respint. Fil-fatt, xejn fir-Regolament ma jindika li t-terminu sabiex tingħata deċiżjoni dwar talba ppreżentata skond l-Artikolu 22 jiġi sospiż f'dawn iċ-ċirkustanzi. Issa, fir-rigward tat-termini li jipproduċu xi effetti ġuridiċi, kull raġuni ta' sospensjoni għandha tiġi stipulata b'mod ċar. F'dan ir-rigward, għandha tiġi mfakkra l-importanza li jiġi assigurat kontroll tal-konċentrazzjonijiet skond termini li huma kompattibbli kemm mar-rekwiżiti ta' amministrazzjoni tajba kif ukoll ma' dawk tal-kummerċ (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Settembru 2003, Schlüsselverlag J.S. Moser et vs Il-Kummissjoni C-170/02 P, Ġabra p. I-9889, punt 34).

67      Għaldaqstant l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta' trasparenza u l-ksur tad-drittijiet tad-difiża

–       L-argumenti tal-partijiet

68      Endesa tosserva li r-Regolament ma jipprovdix proċedura speċjali sabiex tiġi stabbilta d-dimensjoni Komunitarja ta' konċentrazzjoni. Bħala konsegwenza ta’ dan, bħala risposta għat-talba formali ta' Endesa sabiex tingħata deċiżjoni dwar id-determinazzjoni ta' l-awtorità kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-konċentrazzjoni, il- Kummissjoni kien imissha indikat b'mod ċar liema kienet il-proċedura li kienet se timxi magħha, ħaġa li kienet tippermetti li jiġi ggarantit livell minimu ta' ċertezza legali. Endesa talbet espressament lill-Kummissjoni, sa mill-bidu tal-proċedura, sabiex tinforma lill-partijiet dwar ir-regoli tagħha, iżda din it-talba ma ġietx ikkunsidrata.

69      Il-proċedura segwita mill-Kummissjoni kellha wkoll nuqqas ta' trasparenza, peress li l-Kummissjoni ma speċifikatx lil Endesa eżattament liema kienu d-dokumenti li ġew mgħarrfa lil Gas Natural, u peress li ma saritx notifikazzjoni kompleta ta' l-argumenti mressqa minn din ta' l-aħħar lill-Kummissjoni. Fuq kollox, għalkemm id-DĦK intervjena bħala parti fil-proċedura, Endesa ma rċivietx notifika ta’, u lanqas ma ġiet avżata bl-osservazzjonijiet ippreżentati minnu, minkejja t-talbiet espressi u ripetuti li hija għamlet fl-ittri tagħha tat-23 ta' Settembru u ta' l-10 u 12 ta' Ottubru 2005.

70      Il-konfużjoni u nuqqas ta' trasparenza tar-regoli tal-proċedura applikati kkositwixxew ksur ċar tad-drittijiet tad-difiża. L-istess jgħodd għan-notifika lid-DĦK tad-dokumenti ta' Endesa, mingħajr ma ġiet mitluba l-awtorizzazzjoni tagħha, bl-eċċezzjoni tan-notifika tan-nota inizjali mogħtija direttament lid-DĦK mir-rikorrenti fuq talba tal-Kummissjoni.

71      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-partijiet intervenjenti, ssostni l-parteċipazzjoni ta' Endesa fil-proċedura kienet ċertament biżżejjed sabiex tissalvagwardja l-interessi tagħha.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

72      Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta' l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma nformatx lir-rikorrenti dwar il-proċedura applikabbli, għandu jiġi osservat li r-Regolament ma jipprovdix proċedura speċjali sabiex tiġi stabbilita dimensjoni Komunitarja ta' konċentrazzjoni. Għandu wkoll jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx b’liema mod dan in-nuqqas ta' informazzjoni huwa tali li jaffettwa l-legalita tad-Deċiżjoni.

73      Fi kwalunkwe każ, il-fatt li l-Kummissjoni ma indikatx lir-rikorrenti l-proċedura li hija kienet bi ħsiebha ssegwi sabiex teżamina d-dimensjoni Komunitarja jew le tal-konċentrazzjoni jista’ jaffettwa l-legalità tad-Deċiżjoni adottata fi tmiem din il-proċedura, biss jekk minnu jirriżulta ksur tad-drittijiet tad-difiża. Issa, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li ġejjin, dan mhuwiex il-każ f'din il-kawża.

74      F'F'dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma speċifikatilhiex liema kienu eżattament id-dokumenti mgħarrfa lil Gas Natural, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ppreċiżatz b’liema mod din iċ-ċirkustanza setgħat taffettwa d-drittijiet tagħha, jew tinfluwenza l-kontenut tad-Deċiżjoni. Barra minn hekk, la d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, u lanqas id-dritt tagħha għal aċċess għall-fajl ma jimponu li hija għandha tkun ukoll informata dwar l-aċċess ta' persuni oħra għal ċerti elementi tal-fajl. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment għandu jiġi respint.

75      Fir-rigward, fit-tielet lok, ta' l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx ikkomunikatilha, b’mod komplet, l-argumenti ppreżentati minn Gas Natural, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-Kummissjoni tammetti li ċerta informazzjoni kunfidenzjali tħalliet barra. Għandu jiġi wkoll osservat li, kif issostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma ġabitx il-prova li hija talbet aċċess għall-informazzjoni li hija kkunsidrata bħala kunfidenzjali. Fl-aħħar lok, u, fuq kollox, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma turi li din l-informazzjoni kienet tkun utli għall-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura, jew għax din hija informazzjoni li ġiet iċċitata fid-Deċiżjoni, jew għax din hija informazzjoni idonea biex titstabilixxi d-dimensjoni Komunitarja ta' konċentrazzjoni. Barra minn hekk, peress li d-diverġenza bejn Endesa u l-Kummissjoni kienet tirrigwarda b'mod partikolari d-determinazzjoni tad-dħul mill-bejgħ ta' Endesa u mhux ta’ dak ta' Gas Natural, l-informazzjoni kunfidenzjali ta' Gas Natural tidher irrilevanti f'dan ir-rigward. Minn dan isegwi li l-ilment għandu jiġi respint.

76      F'dF'dak li jirrigwarda, fir-raba' lok, l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx ikkomunikatilha, b’mod komplet, l-argumenti ppreżentati mid-DĦK, jirriżulta mill-ġurisprudenza (ara, b'analoġija, s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-1 ta' April 1993, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, T-65/89, Ġabra p. II-389, punt 33), li l-korrispondenza ma' l-Istati Membri tikkostitwixxi, bħala regola, dokumenti interni li m'għandhomx jiġu kkomunikati lil persuni li qiegħdin jipparteċipaw fil-proċedura. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 802/2004, id-dritt ta' aċċess għall-fajl ma jestendix ruħu għall-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tindikax liema parti mill-informazzjoni kkomunikata mid-DĦK intużat mill-Kummissjoni jew setgħat taffettwa d-drittijiet tagħha jew tinfluwenza d-deċiżjoni. Minn dan isegwi li l-ilment mhuwiex fondat.

77      fl-Fl-aħħar, fir-rigward, fil-ħames lok, ta' l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet ikkomunikat xi dokumenti ta' Endesa lid-DĦK, mingħajr ma talbitha awtorizzazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-Artikolu 19(2) tar-Regolament jipprovdi li l-Kummissjoni twettaq il-proċeduri previsti fir-Regolament filwaqt li żżomm kuntatt mill-qrib u kostanti ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, u li l-paragrafu (1) ta' l-istess Artikolu jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tikkomunika f'terminu ta' tlett ijiem tax-xogħol lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri kopja tan-notifiki, kif ukoll, malajr kemm jista' jkun id-dokumenti l-iktar importanti li ntbagħtu lilha jew maħruġa minnha skond ir-Regolament. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma wrietx kif il-komunikazzjoni tad-dokumenti lid-DĦK seta’ kellha impatt fuq il-legalità tad-Deċiżjoni. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ma jistax jintlaqa'.

78      Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, it-tieni parti ta' l-ewwel motiv għanhda tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta' sospensjoni tal-proċedura nazzjonali.

–       L-argumenti tal-partijiet

79      Endesa ssostni li, matul l-iżvolġiment tal-proċedura relattiva għad-determinazzjoni ta' l-awtorità kompetenti, il-Kummissjoni kien imissha talbet is-sospensjoni tal-proċedura nazzjonali li żvolġiet fl-istess żmien quddiem l-awtoritajiet Spanjoli tal-kompetizzjoni u quddiem l-awtoritajiet regolatorji ta' dan il-pajjiż. Hija tikkunsidra li l-fatt li ma talbitx din is-sospensjoni jikkostitwixxi vizzju tal-proċedura gravi.

80      Endesa ssostni li s-sospensjoni kellha ssir minħabba l-Artikolu 21(3) tar-Regolament li jimponi l-obbligu ta' l-Istati Membri li ma japplikawx il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dwar il-kompetizzjoni għall-konċentrazzjonijiet ta' dimensjoni Komunitarja, u minħabba d-dmir ġenerali ta' kollaborazzjoni previst mill-Artikolu 10 KE. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li jekk, sabiex jiġu evitati proċedimenti paralleli, l-Artikolu 22 tar-Regolament jimponi s-sospensjoni ta' termini nazzjonali tat-termini nazzjonali sal-mument meta l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-kompetenza tagħha, l-istess loġika kellha tiġi applikata, wara l-konstatazzjoni ta' l-eżistenza ta' lakuna fir-Regolament, f'dak li jirrigwarda d-deċiżjoni dwar id-dimensjoni Komunitarja jew le ta' konċentrazzjoni. Il-Kummissjoni kien imissha, bħala konsegwenza, talbet is-sospensjoni tal-proċeduri nazzjonali.

81      Endesa ssostni li s-sospensjoni ta' l-eżami tat-talbiet biex issir referenza sakemm tingħata d-deċiżjoni relattiva għall-awtorità kompetenti kellha tkun awtomatika skond l-Artikolu 22 tar-Regolament. Il-fatt li d-deċiżjoni ġiet adottata mingħajr ma ġie rispettat wieħed mill-prinċipji ġenerali tas-sistema ta' kontroll tal-konċentrazzjonijiet, jiġifieri, il-prinċipju ta' one-stop shop li jippermetti li jiġu evitati proċedimenti paralleli Komunitarji u nazzjonali, jivvizzja din id-Deċiżjoni bin-nullità. Barra minn hekk, il-fatt li Endesa ġiet obbligata taġixxi fl-istess ħin ma' l-awtoritajiet Komunitarji u l-awtoritajiet nazzjonali kkostitwixxa ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Il-ksur ta' dawn id-drittijiet jikkostitwixxi raġuni għall-annullament skond ġurisprudenza kostanti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Settembru 1988, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, 89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, Ġabra p. 5193, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, T-310/01, Ġabra p. II-4071).

82      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-partijiet intervenjenti, issostni li, indipendentement mill-kwistjoni jekk hija għandhiex fir-realtà l-poteri li r-rikorrenti tirrikonoxxilha, din f'ebda mument ma stidnitha b'mod ċar sabiex tagħmel użu minnhom. Barra minn hekk, ma jeżistix obbligu ta' sospensjoni b’sempliċi analoġija. Minbarra dan, id-dritt ta' parteċipazzjoni fi proċedura amministrattiva ma jimplikax id-dritt ta' parteċipazzjoni f’proċedura amministrattiva waħda biss.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

83      F'dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma talbitx lill-awtoritajiet kompetenti Spanjoli sabiex jissospendu l-proċedura nazzjonali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li huwa nieqes minn kull rilevanza fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Ir-rikorrenti lanqas ma wriet kif in-nuqqas tas-sospensjoni tal-proċedura nazzjonali, anki li kieku jirriżulta f'aġir illegali tal-Kummissjoni, seta’ jaffettwa l-legalità tad-Deċiżjoni.

84      Fil-fatt, l-ewwel nett, safejn ir-rikorrenti tibbaża l-ilment tagħha fir-rigward tan-nuqqas ta' sospensjoni tal-proċeduri nazzjonali fuq l-Artikolu 21(3) tar-Regolament u fuq id-dmir ġenerali ta' kollaborazzjoni previst fl-Artikolu 10 KE, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat, kif tagħmel il-konvenuta, li f’każ li dan jiġi ppruvat, din hija sitwazzjoni ta' illegalità mwettqa mir-Renju ta' Spanja u mhux mill-Kummissjoni. B’hekk, ebda deċiżjoni ta' din ta' l-aħħar ma tat lok għal din l-illegalità, u fi kwalunkwe każ, din ma taffettwax il-legalità tad-deċiżjoni.

85      It-tieni nett, safejn l-ilment huwa bbażat fuq it-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 22(2) tar-Regolament, li jimponi s-sospensjoni tat-termini nazzjonali sal-mument meta l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-kompetenza tagħha, għandu jiġi mfakkar li ma teżistix analoġija bejn is-sitwazzjoni ta’ Stat Membru li jippreżenta talba biex issir referenza skond l-Artikolu 22 u dik li fiha impriża titlob lill-Kummissjoni tieħu pożizzjoni dwar il-kompetenza tagħha, u li ma jistax jeżisti obbligu ta' sospensjoni b’sempliċi analoġija.

86      It-tielet nett, fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li d-Deċiżjoni ġiet adottata mingħajr ma ġie rrispettat il-prinċipju ta' one-stop shop u ta' l-argument li l-fatt li Endesa ġiet obbligata taġixxi quddiem l-awtoritajiet Komunitarji u l-awtoritajiet nazzjonali fl-istess ħin ikkostitwixxa ksur tad-drittijiet tad-difiża, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrenti, li hija stess talbet l-intervent tal-Kummissjoni ma wrietx b’liema mod u lanqas għalfejn hija kellha xi diffikultajiet sabiex tiddefendi l-pożizzjoni tagħha simultanjament quddiem diversi awtoritajiet u lanqas b’liema mod din iċ-ċirkustanza seta' kellha effett fuq id-Deċiżjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fin-nuqqas ta' dimensjoni Komunitarja, l-impriżi jkollhom ta' spiss jinnotifikaw il-konċentrazzjonijiet lil diversi awtoritajiet nazzjonali.

87      Għaldaqstant, it-tielet parti ta' l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

88      Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li l-ewwel motiv tar-rikorrenti huwa infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-inverżjoni ta’ l-oneru tal-prova u n-nuqqas ta' motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

89      EndesEndesa ssostni li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni fiha nuqqasijiet, peress li l-Kummissjoni ma rrispettatx l-Artikoli 1, 5 u 21 tar-Regolament. Anki jekk ebda dispożizzjoni tar-Regolament ma tindika dan b'mod ċar, il-Kummissjoni hija marbuta tiddetermina l-awtorità kompetenti minħabba l-kompetenza esklużiva li hija għandha sabiex tieħu konjizzjoni tal-konċentrazzjonijiet li għandhom dimensjoni Komunitarja (sentenza Schlüsselverlag J.S. Moser et vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar 'il fuq). Din il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni teżiġi li hija tiddermina jekk l-Artikolu 1 tar-Regolament huwiex applikabbli. Sabiex tagħmel dan, hija trid tippreċiża u tistabilixxi d-dħul mill-bejgħ miksub mill-impriżi kkonċernati matul l-aħħar sena finanzjarja, skond ir-regoli elenkati fl-Artikolu 5 tar-Regolament. .

90      Endesa ssostni li l-Kummissjoni ma tistax taqleb l-oneru tal-prova fir-rigward tad-determinazzjoni ta' l-awtorità kompetenti. Peress li l-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva sabiex tiddermina liema hija l-awtorità kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ konċentrazzjoni, hija hi inkargata b'mod esklużiv sabiex tivverifika, u , fuq kollox tipprova d-dħul mill-bejgħ ta' l-impriżi kkonċernati.

91      B'mod kuntrarju għal dan, il-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq il-fatt li Endesa ma tatx provi biżżejjed sabiex tistabilixxi l-ħtieġa li jintużaw il-kontijiet stabbiliti skond l-istandards IAS/IFRS u tagħmel sensiela ta' aġġustamenti skond il-komunikazzjoni. Dan il-motiv mhuwiex aċċettabbli minħabba n-natura stess tar-regoli applikabbli li jirregolaw id-determinazzjoni ta' l-awtorità kompetenti, li huma ta' ordni pubbliku. Din hija motivazzjoni li tmur kontra kull loġika u kontra prinċipji elementarji ta’ l-ordinament ġuridiku Komunitarju, a fortiori meta l-Kummissjoni setgħat tistrieħ fuq il-kollaborazzjoni totali ta' Endesa u meta hija setgħat titlobha kull informazzjoni addizzjonali li hija setgħet tqis relevanti. Fir-realtà l-Kummissjoni kienet iddedikat kważi x-xahrejn sħaħ li matulhom damet għaddejja l-proċedura sabiex teżamina aspetti li finalment ma ġewx trattati fid-Deċiżjoni.

92      Meta jiġi kkunsidrat li huma l-individwi li għandhom jikkonvinċu lill-Kummissjoni li hija kompetenti b'mod esklużiv, id-deċiżjoni hija vvizzjata minn nuqqas gravi ta' motivazzjoni, peress li hija l-Kummissjoni li hija marbuta, fuq ilment jew ex officio, tistabbilixxi b'ċertezza l-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, fil-kuntest tar-responsabbiltajiet li t-Trattat jimponi fuqha bħala gwardjan tiegħu.

93      F'dan ir-rigward, Endesa tagħmel referenza għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Settembru 2005, EDP vs Il-Kummissjoni (T-87/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), li fiha l-Qorti tal-Prim'Istanza fakkret, fil-kuntest ta' l-applikazzjoni ta' Notifika oħra fuq il-konċentrazzjonijiet, fir-rigward ta’ l-impenji, li l-Kummissjoni ma tistax taqleb l-oneru tal-prova billi timponi fuq il-partijiet obbligu bbażat biss fuq in-Notifika u li ma jsib ebda bażi legali fir-Regolament. Hija l-parti kkonċernata li għandha tipprovdi lill-Kummissjoni l-elementi kollha neċessarji għall-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni u hija l-Kummissjoni li għandha twettaq din l-evalwazzjoni mingħajr inverżjoni ta' l-oneru tal-prova.

94      Sabiex twettaq sew din l-evalwazzjoni, l-Kummissjoni tiddisponi minn strumenti proċedurali importanti bħalma hija t-talba għal informazzjoni. Il-Kummissjoni setgħat b’hekk tqabbad xi esperti indipendenti għall-verifika tal-kontijiet ta' Endesa jekk hija kienet ta' l-opinjoni li dan kien neċessarju u kellha xahrejn żmien sabiex twettaq tajjeb analiżi ddettaljata u eżawrjenti ta' l-aħjar mod kif seta’ jiġi ddeterminat id-dħul mill-bejgħ ta' Endesa fl-2004.

95      Barra minn hekk, ebda element tal-fajl imressaq quddiem il-Kummissjoni ma jippermetti li jiġi affermat li l-informazzjoni mressqa minn Endesa ma kinitx biżżejjed. Fi tmiem proċedura, li matulha Endesa kkollabborat l-iktar mill-qrib kemm setgħet mal-Kummissjoni, ma jistax jingħad li l-informazzjoni mogħtija ma kinitx suffiċjenti.

96      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-parijiet intervenjenti, issostni li d-dibattitu li seħħ matul il-proċedura quddiemha kien essenzjalment legali u li, fid-deċiżjoni, hija rrispondiet għall-argumenti tar-rikorrenti mhux għax hija kienet ta’ l-opinjoni li r-rikorrenti kellha l-oneru tal-prova, iżda għax id-dmir li tagħti motiv għad-deċiżjonijiet tagħha jinkludi l-obbligu li tirrispondi għall-argumenti ppreżentati mill-partijiet meta jiġu respinti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

97      Endesa ssostni li l-Kummissjoni invertiet l-oneru tal-prova fir-rigward tad-determinazzjoni ta' l-awtorità kompetenti biex teżamina l-konċentrazzjoni billi bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-fatt li Endesa ma ressqitx provi biżżejjed sabiex tistabbilixxi l-ħtieġa li jintużaw il-kontijiet stabbiliti skond l-istandards IAS/IFRA u li jsiru sensiela ta' aġġustamenti.

98      Għandu jiGħandu jiġi mfakkar li konċentrazzjoni hija meqjusa bħala ta' dimensjoni Komunitarja meta d-dħul mill-bejgħ totali ta' l-impriża kkonċernata jaqbeż il-limiti previsti mir-Regolament. Skond il-premessa 17 tar-Regolament, il-Kummissjoni għandha, bla ħsara għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, kompetenza esklużiva sabiex tapplika r-Regolament. Skond l-Artikolo 1(1) tiegħu, ir-Regolament japplika għall kull konċentrazzjoni ta' dimensjoni Komunitarja. Minn dan isegwi li, meta konċentrazzjoni għandha dimensjoni Komunitarja, il-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva sabiex teżaminaha. Madankollu, minn dan ma jirriżultax b'mod awtomatiku li l-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva sabiex tiddetermina jekk konċentrazzjoni għandhiex dimensjoni Komunitarja.

99      F'dF'dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li, skond ir-Regolament, huma l-ewwel nett l-impriżi kkonċernati li għandhom jagħmlu l-ewwel evalwazzjoni tad-dimensjoni Komunitarja u li jiddeterminaw bħala konsegwenza lil liema awtoritajiet għandhom jinnotifikaw il-pjan ta’ konċentrazzjoni. It-tieni nett, meta, bħal f‘dan il-każ, konċentrazzjoni ma tkunx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni, iżda lill-awtoritajiet ta’ wieħed jew iktar mill-Istati Membri, huma dawn li għandhom, fid-dawl, b'mod partikolari, ta' l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 10 KE u l-Artikolu 21 tar-Regolament li jipprevedi l-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni sabiex teżamina l-kompatibbiltà tal-konċentrazzjonijiet ta' dimensjoni Komunitarja u l-projbizzjoni korrelattiva għall-Istati Membri milli japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dwar il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ l-imsemmija konċentrazzjonijiet, jivverifikaw li l-konċentrazzjoni li tiġi quddiemhom m'għandhiex dimensjoni Komunitarja. Huwa minnu, f'każ bħal dan, li l-Kummissjoni dejjem għandha l-possibbiltà li tiddeċiedi li l-konċentrazzjoni, għall-kuntrarju ta’ l-opinjoni ta' l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri, għandha dimensjoni Komunitarja u taqa' taħt il-kompetenza esklużiva tagħha.

100    Barra minn hekk, ir-Regolament fuq il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet m'għandux dispożizzjoni speċifika li tipprovdi b'mod espress dwar obbligu tal-Kummissjoni sabiex tassigura, ex officio, li kull konċentrazzjoni li ma tiġix innotifikata lilha effettivament m'għandhiex dimensjoni Komunitarja. Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, meta impriża tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni li fih issostni li konċentrazzjoni mhux notifikata lill-Kummissjoni għandha dimensjoni Komunitarja, il-Kummissjoni hija marbuta li tiddeċiedi dwar il-prinċipju tal-kompetenza tagħha bħala awtorità ta' kontroll (sentenza Schlüsselverla vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar 'il fuq, punti 27 u 28). F'dan il-każ, huwa, bħala regola, min jagħmel l-ilment li għandu juri li l-ilment tiegħu huwa fondat, filwaqt li hija l-Kummissjoni li għandha tipproċedi, fl-interess ta' amministrazzjoni tajba, għal eżami diliġenti u imparzjali ta' l-ilmenti mressqa quddiemha u li tirrispondi b'mod motivat għall-argumenti mressqa mill-persuna li tagħmel l-ilment sabiex jiġi stabbilit li l-konċentrazzjoni taqa' taħt l-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni.

101    Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni mhijiex, bħala regola, marbuta tressaq provi li juru li hija m'għandhiex kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar konċentrazzjoni li ma ġietx innotifikata lilha u li turi li din il-konċentrazzjoni mhijiex ta' dimensjoni Komunitarja, u dan ukoll meta jitressaq ilment quddiemha.

102    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha għal konstatazzjoni li Endesa ma ressqitx provi li l-konċentrazzjoni għandha dimensjoni Komunitarja, iżda effettivament eżaminat fid-dettall l-elementi relattivi għad-dimensjoni tal-konċentrazzjoni u kkonkludiet li l-konċentrazzjoni m'għandhiex dimensjoni Komunitarji, billi kkonfutat l-argumenti tar-rikorrenti.

103    Fil-fatt, jirriżulta minn qari tad-Deċiżjoni li l-Kummissjoni spjegat tajjeb ir-ragunijiet tagħha għalfejn ma kkunsidratx opportun li la tuża l-kontijiet IAS/IFRS u lanqas li twettaq l-aġġustamenti proposti.

104    L-ewwel nett, f'dak li jirrigwarda l-ħtieġa allegata li jintużaw il-kontijiet stabbiliti skond l-istandards IAS/IFRS, il-Kummissjoni indikat, qabel kollox, fil-punt 20 tad-Deċiżjoni, li jirriżulta mill-Artikolu 1 tar-Regolament u min-Notifika li l-prinċipju ġenerali huwa li d-dħul mill-bejgħ għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-kontijiet ivverifikati u huwa biss f'ċirkustanzi straordinarji li l-Kummissjoni tista' ma tapplikax dan il-prinċipju. Sussegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li, peress illi ġie stabbilit fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ indikat fil-kontijiet ivverifikati ta' Endesa ta' l-2004, li l-kumpannija għamlet iktar minn żewġ terzi tad-dħul mill-bejgħ tagħha fil-Komunità fi Spanja, huwa għaldaqstant f’idejn Endesa li tressaq provi suffiċjenti li jindikaw l-eżistenza ta' ċirkustanzi straordinarji li jiġġustifikaw ir-referenza għal dħul mill-bejgħ differenti minn dak li jidher fil-kontijiet ivverifikati (punt 21 tad-Deċiżjoni).

105    Huwa minnu li, il-Kummissjoni mbagħad affermat li Endesa ma ressqitx tali provi suffiċjenti (punt 23 tad-Deċiżjoni). Madankollu, il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet għalfejn ma jeżistux tali ċirkustanzi straordinarji f‘dan il-każ u esponiet il-motivi għalfejn kellha tingħata preferenza lill-kontijiet stabbiliti skond il-prinċipji ġenerali tal-kontabbiltà (iktar 'il quddiem il-"PĠK"), billi kkonfutat l-argumenti invokati mir-rikorrenti.

106    B’hekk, l-ewwel nett, il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni, minn naħa li Endesa kienet legalment marbuta tistabbilixxi l-kontijiet uffiċjali konsolidati tagħha għall-2004 fuq il-bażi tal-PĠK u, min-naħa l-oħra, li din l-eżiġenza kienet konformi mar-regoli ta’ kontabbiltà tal-Komunità li kienu dak iż-żmien applikabbli. Barra minn hekk, hija tindika li, Endesa ma kinitx marbuta tistabilixxi l-kontijiet konsolidati vverifikati b'konformità ma' l-istandards IAS/IFRS qabel is-sena li bdiet fl-1 ta' Jannar 2005. Hija żżid li Endesa kienet marbuta tistabilixxi kontijiet IAS/IFRS għall-2004 biss għal finijiet ta' paragun tal-kontijiet il-ġodda IAS/IFRS tas-sena finanzjarja 2005 ma' dawk stabbiliti għas-sena ta' qabel, ħaġa li tispjega wkoll li Endesa ma kinitx marbuta tivverifika l-kontijiet IAS/IFRS tagħha għall-2004. Hija tirrileva wkoll li dawn il-kontijiet mhumiex definittivi u jistgħu jiġu mmodifikati sakemm l-istandards IAS/IFRS skond liema l-kontijiet 2005 għandhom jiġu stabbiliti għadhom ma ġewx finalizzati għal kollox.

107    It-tieni nett, il-Kummissjoni spjegat, fid-deċiżjoni, li għan li tiġi mkejla s-saħħa ekonomika ta' l-impriżi ma jimponix, u lanqas ma jippermetti, f‘każ partikolari ta' applikazzjoni ta' l-Artikoli 1 u 5 tar-Regolament, li ssir evalwazzjoni ġenerali tal-merti tad-diversi metodi ta’ kontabbiltà previsti mid-dritt Komunitarju jew mil-liġi ta' l-Istati Membri, b'mod partikolari meta jeżistu biss kontijiet verifikati skond standard ta’ kontabbiltà wieħed biss u li dan kien meħtieġ kemm mid-dritt nazzjonali kif ukoll mid-dritt Komunitarju fiż-żmien ikkonċernat. Il-Kummissjoni indikat li dan imur kontra l-għanijiet, li wkoll huma validi, li jikkonsistu fl-applikazzjoni ta' kriterji sempliċi u oġġettivi sabiex tiġi ddeterminata l-kompetenza tal-Kummissjoni fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet u fir-rispett tal-prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali. Hija affermat li r-rwol tagħha huwa limitat għall-eżami ta' ċerti aġġustamenti meħtieġa mill-Artikolu 5 tar-Regolament (punt 25 tad-Deċiżjoni).

108    Id-Deċiżjoni tispeċifika, barra dan, li l-fatt li l-leġiżlatur Komunitarju kien tal-fehma li l-istandards IAS/IFRS adottati mir-Regolament Nru 1606/2002 għandhom jippermettu li tinkiseb stampa eżatta tas-sitwazzjoni finanzjarja ta' impriża ma jimplikax, ipso facto, is-superjorità teknika ta' dawn l-istandards tal-kontabbiltà, peress li din il-ħtieġa ta' stampa eżatta hija wkoll preżenti fil-leġislażżjoni Komunitarja li tirregola l-istandards preċedenti tal-kontabbiltà nazzjonali (punt 26 tad-Deċiżjoni).

109    Fl-aħħar, il-Kummissjoni esponiet fid-Deċiżjoni, li hija mhijiex ta' l-opinjoni, f’dan il-każ, li l-użu ta' l-istandards IAS/IFRS ikun preferibbli sabiex tiġi assigurata applikazzjoni uniformi tar-regoli dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Hija tindika li l-użu tal-kontijiet IAS/IFRS mhux verifikati f’dan il-każ joħloq disparità fit-trattament mal-każijiet kollha li fihom il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-kontijiet ivverifikati tas-sena finanzjarja 2004 stabbiliti skond standards nazzjonali.

110    Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tefgħatx fuq ir-rikorrenti l-piż ta' l-oneru tal-prova tad-dimensjoni Komunitarja jew nazzjonali tal-konċentrazzjoni, iżda hija, minn naħa, eżaminat id-dimensjoni ta' l-imsemmija konċentrazzjoni u esponiet il-motivi għalfejn dan il-każ għandu jiġi bbażat fuq il-kontijiet stabbiliti skond il-PĠK (ara, b'analoġija, is-sentenza EDP vs Il-Kummissjoni, punt 93 iktar 'il fuq, punt 73) u, min-naħa l-oħra kkonstatat li r-rikorrenti ma ressqitx argumenti tat-tip li jqajmu dubji dwar din l-analiżi.

111    It-tieni nett, dan jgħodd ukoll f'dak li jirrigwarda, l-allegata ħtieġa li jsiru sensiela ta' aġġustamenti. Huwa minnu li f'dak li jirrigwarda kemm l-aġġustament "pass through" kif ukoll dak li jirrigwarda l-kummerċ tal-gass, il-Kummissjoni affermat mill-ġdid fid-Deċiżjoni (punti 32 u 38) li Endesa ma pprovditx biżżejjed provi biex tikkonvinċiha li tali aġġustamenti tal-kontijiet ivverifikati tagħha kienu ġġustifikati skond l-Artikolu 5 tar-Regolament u tan-Notifika. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, filwaqt li kkonfutat l-argumenti kollha tar-rikorrenti, spjegat ir-raġunijiet għalfejn hija ma kkunsidratx li kien opportun li twettaq l-aġġustamenti proposti, mingħajr ma taqleb l-oneru tal-prova.

112    B’hekk, fl-ewwel lok, f'dak li jirrigwarda l-aġġustament "pass through", il-Kummissjoni rrilevat, fid-Deċiżjoni (punti 30 sa 36), li n-Notifika ma tirreferix għall-kunċett ta' dħul trasferit (in parti) li ġej mill-bejgħ tal-prodotti u l-provvista ta' servizzi. Hija żiedet li l-impriżi Spanjoli tad-distibuzzjoni ta' l-elettriku ma jistgħux jiġu assimilati ma' impriżi li jillimitaw ruħhom għal funzjoni intermedjarja u li d-dħul mill-bejgħ tagħhom ikun kostitwit biss minn ammont ta' kummisjonijiet li huma jirċievu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat li r-riskju ta' nuqqas ta' ħlas mill-konsumaturi finali tal-prezz regolat tal-provvista ta' l-elettriku huwa sostnut mill-kumpanniji ta' distribuzzjonu u mhux minn min imexxi n-netwerks ta' trasport, mill-produtturi ta' l-elettriku, jew mill-konsorzju.

113    Fit-tieni lok, f'dak li jirrigwarda l-aġġustament relattiv għall-kummerċ tal-gass, il-Kummissjoni kkunsidrat, fid-Deċiżjoni (punti 37 sa 40), li dan il-kummerċ għandu jiġi kkunsidrat bħala operazzjoni li biha Endesa tbiegħ u tixtri kwantità korrispondenti ta' gass, li jintwera mill-fatt li dawn l-operazzjonijiet huma ffatturati separatament. Hija indikat ukoll li l-fatt li l-prezz ta' bejgħ u xiri huwa l-istess mhuwiex rilevanti f'dan ir-rigward u jfisser biss li Endesa ma kisbet ebda marġni tal-profitt fuq l-operazzjonijiet tagħha meta jitqiesu b’mod kumplessiv.

114    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni lanqas ma ggravat fuq ir-rikorrenti l-oneru tal-prova fir-rigward ta' l-aġġustamenti. Għall-kuntrarju, hija eżaminat l-aġġustamenti proposti u esponiet ir-raġunijiet għalfejn hija ssostni li m'għandhomx isiru.

115    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni m'għandhiex tkun obbligata tassigura ex officio f'kull każ fejn il-kontijiet ivverifikati li ġew ippreżentati lilha jirriflettu eżattament ir-realtà u teżamina l-aġġustamenti kollha prevedibbli. Huwa biss meta l-attenzjoni tagħha tinġibed għal problemi speċifiċi li l-Kummissjoni għandha teżaminhom, bħalma għamlet f’dan il-każ.

116    Fl-aħħar, ir-rikorrenti ssostni, fit-tielet lok, li ebda element tal-fajl imressaq quddiem il-Kummissjoni ma jippermetti li jiġi affermat li l-informazzjoni li hija ressqet kienet insuffiċjenti. Barra minn hekk, hija ssostni li, fi tmiem proċedura li damet kważi xahrejn, li matulha hija kkollaborat l-iktar mill-qrib kemm setgħet mal-Kummissjoni u li matulha din ta' l-aħħar setgħat titlobha kull informazzjoni addizzjonali li hija qieset relevanti, ma jistax jingħad li l-informazzjoni mogħtija ma kinitx suffiċjenti.

117    F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-Kummissjoni ma llimitatx ruħha, fid-Deċiżjoni, għal affermazzjoni li l-informazzjoni mogħtija minn Endesa kienet insuffiċjenti. Barra minn hekk, kif tosserva l-Kummissjoni, id-dibattitu li seħħ matul il-proċedura quddiemha kien essenzjalemnt legali u kkonċerna l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli. Jirriżulta mill-motivi mogħtija fid-Deċiżjoni sabiex jiġi rrifjutat it-teħid in kunsiderazzjoni tal-kontijiet stabbiliti skond l-istandards IAS/IFRS u l-aġġustamenti proposti li l-Kummissjoni ma kkritikatx lir-rikorrenti talli ma pprovditilhiex l-informazzjoni fattwali neċessarja, iżda kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti ma kinux konvinċenti.

118    Fi kwalunkwe każ, safejn Endesa sostniet li l-kontijiet ivverifikati tagħha ma kellhomx jintużaw u li kellhom isiru xi aġġustamenti li ma kinux jikkorispondu għal prattika abitwali u ma kienu previsti minn ebda test applikabbli, hija kienet fis-sitwazzjoni ta' persuna li tagħmel ilment fis-sens tas-sentenza Schlüsselverlag J.S. Moser et vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar 'il fuq. F'dawn iċ-ċirkustanzi, hija kien imissha ppreċiżat l-argumenti tagħha u wriet li kienu fondati, fid-dawl b'mod partikolari ta’ l-obbligu ta' ħeffa li jikkaratterizza l-proċeduri ta' kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Ir-rikorrenti lanqas ma tista' tallega li kien hemm inversjoni ta' l-oneru tal-prova peress li hija kellha l-intenzjoni tikkontesta l-kontabbiltà tagħha stess u għaldaqstant ried ikollha konoxxenza preċiża ta' l-elementi relevanti kollha.

119    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li t-tieni motiv mhuwiex fondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta' użu tal-kontijiet stabbiliti skond l-istandards tal-kontabbiltà IAS/IFRS.

120    Ir-rikorrenti taqsam il-motiv tagħha fi tliet partijiet, ibbażati, rispettivament, fuq nuqqas ta' użu ta' l-istandards IAS/IFRS bħala l-uniċi standards tal-kontabbiltà fis-seħħ, fuq il-prevalenza ta' l-istandards tal-kontabbiltà IAS/IFRS u, fl-aħħar fuq żbalji ta' dritt u żbalji manifesti ta' evalwazzjoni li jaffettwaw ir-rifjut tal-kontijiet stabbiliti skond l-istandards tal-kontabbiltà IAS/IFRS.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta' użu ta' l-istandards IAS/IFRS bħala l-uniċi standards tal-kontabbiltà fis-seħħ.

–       L-argumenti tal-partijiet

121    Endesa ssostni li l-Kummissjoni ma qalet xejn fuq il-fatt li, l-ġurnata li tħabbret l-OPX, il-5 ta' Settembru 2005, l-uniċi standards tal-kontabbiltà fis-seħħ kienu l-istandards IAS/IFRS. Wara s-sostituzzjoni tar-referenzi tal-kontabbiltà nazzjonali kollha bl-istandards IAS/IFRS, l-uniċi kontijiet konsolidati li setgħu jiġu kkunsidrati sabiex tiġi ddeterminata d-dimensjoni Komunitarja tal-konċentrazzjoni kienu dawk stabbilti skond l-istandards tal-kontabbiltà fis-seħħ.

122    Endesa tosserva li d-dimensjoni Komunitarja ta' konċentrazzjoni trid tiġi ddeterminata fid-data meta nħoloq l-obbligu ta' notifika. F’dan il-każ, l-obbligu ta' notifika nħoloq fid-data ta' li tħabbret l-OPX. Skond l-Artikolu 5 tar-Regolament, id-dħul mill-bejgħ jinkludi l-ammonti li jirriżultaw mill-bejgħ ta' prodotti u l-provvista ta' servizzi li jikkorispondu għall-attività ordinarja ta' l-aħħar sena finanzjarja. Din ir-referenza għall-attivitajiet ta' l-aħħar sena finanzjarja m'hi xejn ħlief konvenzjoni formali li għaliha jirreferi l-leġiżlatur meta jkun impossibbli li jiġi kkunsidrat id-dħul mill-bejgħ tas-sena finanzjarja li għaddejja fi żmien in-notifika tal-konċentrazzjoni. Il-fatt li hemm obbligu li ssir referenza, għal raġunijiet prattiċi, għas-sena finanzjarja preċedenti, ma jfissirx li n-normi ġuridiċi rrevokati jew standards tal-kontabbiltà preċedenti għandhom jew jistgħu jiġu applikati.

123    Sabiex jiġi ddeterminat id-dħul mill-bejgħ biex tiġi stabbilita d-dimensjoni Komunitarja tal-konċentrazzjoni, huwa għalhekk indispensabbli li jiġi kkunsidrat li l-uniċi standards tal-kontabbiltà validi kienu dawk li kienu fis-seħħ fid-data li fiha tħabbret l-OPX ta' Gas Natural. Peress li l-kontijiet reżi konformi kienu jeżistu f'din id-data, u, barra minn hekk, kienu pubbliċi u definittivi, il-Kummissjoni kien imissha użat b'mod esklużiv l-imsemmija kontijiet fl-evalwazzjoni tagħha tad-dimensjoni Komunitarja tal-konċentrazzjoni.

124    Id-deċiżjoni ma kkunsidratx il-fatt li d-determinazzjoni tad-dħul mill-bejgħ fuq livell Ewropew issegwi prinċipji differenti ħafna minn dawk li jeżistu f'sistemi legali oħra, bħal dik ta' l-Istati Uniti. F'din ta' l-aħħar, il-kompetenza fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet hija ddeterminata wkoll fuq il-bażi tar-riżultati miksuba matul is-sena finanzjarja preċedenti, iżda mingħajr ma jiġi kkunsidrat dak li ġara wara l-għeluq ta' din is-sena finanzjarja. Il-leġiżlatur Komunitarju, għall-kuntrarju, ipprefera juża l-kriterju tas-saħħa ekonomika reali ta' l-impriżi kkonċernati fil-mument tan-notifika.

125    Il-Kummissjoni sostnuta mill-partijiet intervenjenti, issostni li l-indikazzjoni tal-fatt li l-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-kontabbiltà daħlet fis-seħħ f'Settembru 2005 hija intiża biss biex taħbi li l-kontijiet ta' l-2004 kellhom bil-fors jiġu stabbiliti skond il- PĠK.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

126    Endesa ssostni li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-fatt li, l-ġurnata tat-tħabbir tal-OPX, l-uniċi standards tal-kontabbiltà fis-seħħ kienu l-istandards IAS/IFRS, ħaġa li tivvizzja d-Deċizjoni bin-nullità.

127    Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 5 tar-Regolament "il-valur tal-bejgħ [id-dħul mill-bejgħ] totali […] għandu jinkludi l-ammonti li l-impriżi konċernati jkunu akkwistaw fis-sena finanzjarja preċedenti mill-bejgħ ta' prodotti u mill-provvista ta' servizzi li jagħmlu parti mill-attività ordinarja ta' l-impriżi ".

128    Kif tammetti r-rikorrenti, ir-Regolament jagħmel referenza meħtieġa għal raġunijiet prattiċi, għad-dħul mill-bejgħ tas-sena finanzjarja preċedenti. Ir-raġuni għal dan hija li normalment jeżistu kontijiet ivverifikati biss għall-aħħar sena finanzjarja sħiħa, peress li l-kontijiet tal-perijodi l-iktar reċenti huma nieqsa mill-garanziji offerti mill-kontijiet ivverifikati.

129    Fil-kawzżF’dan il-każ, huwa paċifiku li l-kontijiet ta' l-aħħar sena finanzjarja, skond l-Artikolu 5 tar-Regolament, huma dawk relattivi għas-sena finanzjarja 2004. Għandu wkoll jiġi mfakkar li impriża li għandha l-obbligu li tħejji kontijiet annwali suġġetti għall-verifika tiddisponi biss minn tip wieħed ta' kont uffiċjali, jiġifieri dawk stabbiliti u vverifikati skond il-leġiżlazzjoni applikabbli. Issa, mhuwiex qiegħed jiġi kkontestat li l-kontijiet annwali tar-rikorrenti għas-sena finanzjarja 2004, li kienu suġġetti għall-obbligu ta' verifika, kellhom bil-fors jiġu stabbiliti skond il-PĠK Spanjoli. Kieku r-rikorrenti ppreżentat għas-sena finanzjarja 2004 kontijiet stabbiliti skond l-istandards IFRS, hija għaldaqstant ma kinitx tissodisfa l-obbligi legali tagħha fi Spanja. Skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1606/2002, l-istandards IFRS huma applikabbli u obbligatorji biss mis-sena finanzjarja 2005. Ir-"rendiment in konformità" tal-kontijiet tas-sena finanzjarja 2004 mal-prinċipji IFRS hija prevista mir-Regolament Nru 707/2004 biss sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni bejn l-istandards preċedenti u dawk ġodda billi tipprovdi lill-azzjonisti u investituri referenza li magħha jistgħu jqabblu l-kontijiet tas-sena finanzjarja 2005, li huma l-ewwel kontijiet stabbiliti skond l-istandards il-ġodda. Barra min hekk, il-kontijiet reżi "konformi" tas-sena finanzjarja 2004, stabbiliti biss għal finijiet ta' paragun, ma joffrux l-istess garanziji li joffru l-kontijiet uffiċjali stabbiliti skond il-PĠK u suġġetti għall-verifika. Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-liġi tal-kontabbilta l-ġdida IFRS kienet fis-seħħ fid-data tat-tħabbir tal-OPX fil-5 ta' Settembru 2005 huwa irrilevanti.

130    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-argument tar-rikorrenti jwassal biex, kull darba li jsiru xi bidliet fil-leġiżlazzjoni dwar il-kontabbiltà, jitwarrbu l-kontijiet uffiċjali vverifikati u jintalab li dawn il-kontijiet jitħejjew mill-ġdid skond prinċipji li saru applikabbli fil-mument meta nħoloq l-obbligu tan-notifika, ħaġa li la hi raġjonevoli u lanqas prudenti inkwantu dawn il-kontijiet ġodda mhux ivverifikati ma jippreżentawx l-istess garanziji li joffru l-kontijiet uffiċjali suġġetti għall-verifika.

131    HuwaHuwa Huwa wkoll żbaljat li r-rikorrenti ssotni li l-Kummissjoni applikat regoli ġuridiċi li tħassru. Fir-realtà, il-Kummissjoni m'applikat ebda standard tal-kontabbiltà, iżda rreferiet, kif jimponi fuqha r-Regolament, għall-kontijiet ta' l-impriżi relattivi għall-aħħar sena finanzjarja, li jikkostitwixxu fatt fil-passat u li għandu jiġi evalwat skond l-istandards li huma applikabbli għalihom. F’dan il-każ, peress li l-kontijiet tar-rikorrenti għas-sena finanzjarja 2004 għandhom, kif ikkonstatat ir-rikorrenti iktar 'il fuq, jiġu stabbiliti skond il- PĠK, ir-rikorrenti ma tistax tallega li l-Kummissjoni ma tatx kaz tal-kamp ta' applikazzjoni temporali ta' l-istandards in kwistjoni. Peress li r-Regolament Nru 1606/2002 irrenda l-applikazzjoni ta' l-istandards IFRS obbligatorja biss għall-kontijiet li jibdew mis-sena finanzjarja 2005, huwa għall-kuntrarju l-argument tar-rikorrenti li jwassal biex jagħtih effett retroattiv, billi japplikah lill-kontijiet tas-sena finanzjarja 2004. Barra minn hekk, la r-Regolament Nru 1606/2002 u lanqas ir-Regolament Nru 707/2004 ma jippermettu li jitqies li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni jwarrab il-kontijiet uffiċjali stabbiliti skond l-istandards tal-kontabbiltà nazzjonali fis-seħħ u jissostitwihom, b'mod ġenerali, jew għall-finijiet tar-Regolament fuq il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, bil-kontijiet tas-sena finanzjarja 2004 reżi konformi ma’ l-IFRS stabbiliti biss bħala paragun.

132    Fl-aħħar, fir-rigwFl-aħħar, fir-rigward ta’ l-argument li d-Deċiżjoni ma kkunsidratx il-fatt li d-determinazzjoni tad-dħul mill-bejgħ totali fuq livell Ewropew issegwi prinċipji differenti minn dawk li jeżistu f'sistemi legali oħra, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li s-sistema Amerikana tikkonferma biss il-bżonn li jkun jista’ jiġi ddeterminat malajr u b'mod prevedibbli jekk konċentrazzjoni għandhiex tiġi nnotifikata u, jekk dan huwa l-każ, quddiem liema awtorità. Għandu jiġi osservat li għalkemm, b'differenza għal dik ta' l-Istati Uniti, is-sistema Komunitarja tippermetti li jiġu kkunsidrati l-avvenimenti li jkunu ġraw waqt il-ħajja ta' l-impriża wara li tkun ingħalqet l-aħħar sena finanzjarja tal-kontabbiltà, bħaċ-ċessjonijiet jew akkwisti ta' impriżi matul is-sena finanzjarja li tkun għaddejja, din l-ipoteżi hija intiża, bħala regola, kif jirriżulta min-Notifika, biex jiġu kkunsidrati l-bidliet li jsiru fis-sitwazzjoni ekonomika ta' l-impriża u mhux biex issir reviżjoni sħiħa tat-trattament ta' kontabbiltà ta' realtà ekonomika li baqgħet stabbli. Li kieku f'kull każ l-applikabbiltà tar-Regolament Komunitarju fuq il-konċentrazzjonijiet tkun tiddependi minn eżami sħiħ mill-ġdid mill-Kummissjoni tal-kontabbiltà ta' l-impriżi kkonċernati, dan imur kontra l-prinċipji mandatorji taċ-ċertezza legali u l-ħeffa segwiti mill-leġiżlatur Komunitarju.

133    Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-prevalenza ta' l-istandards tal-kontabbiltà IAS/IFRS

–       L-argumenti tal-partijiet

134    Endesa ssostni li l-Kummissjoni kien imissha, għall-inqas, stabbiliet liema kienu l-istandards tal-kontabbiltà, IAS/IFRS jew PĠK, li jippermettu li jiġi ddeterminat bl-iktar mod preċiż possibbli d-dħul mill-bejgħ reali li jikkorrispondi għas-sena finanzjarja 2004. Hija żżid li, għal dan il-għan, il-Kummissjoni kellha sempliċiment tanalizza l-karatteristiċi tad-diversi standards tal-kontabbiltà u taż-żewġ dikjarazzjonijiet tal-kontijiet li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, li t-tnejn li huma kienu validi, legali u definittivi.

135    Skond Endesa, jekk din l-analiżi twettqet, hija kienet neċessarjament twassal sabiex tingħata preferenza lill-kontijiet IAS/IFRS, inkwantu dawn il-kontijiet jagħtu prijorità lis-sustanza iktar milli lill-forma, għall-kuntrarju ta’ l-istandards tal-PĠK li jagħmlu preċiżament l-oppost: ċerti tranżazzjonijiet, għalkemm nieqsa minn kontenut ekonomiku reali, huma rreġistrati fil-kontijiet fuq il-bażi ta' elementi li huma purament formali.

136    EndesEndesa tirrileva li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni (punt 20) għandha bħala bħala punt tat-tluq l-indikazzjoni li l-prinċipju ġenerali huwa li d-dħul mill-bejgħ totali għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-kontijiet ivverifikati ta' l-impriża, u l-Kummissjoni tista’ ma tatix kas ta’ dan il-prinċipju biss f'ċirkustanzi eċċezzjonali. Dan ir-raġunament huwa manifestament żbaljat. Mhux biss jidher li jissuġerixxi li l-obbligu tal-Kummissjoni li tiddetermina sewwa d-dimensjoni Komunitarja huwa limitat għal sempliċi verifika tal-kontijiet ivverifikati ta' l-impriżi kkonċernati, iżda minbarra dan jistrieħ fuq interpretazzjoni deliberatament mhux kompleta tal-prassi stess tal-Kummissjoni u tan-Notifika billi tagħti l-istess importanza lill-kontijiet ivverifikati u lil kontijiet definittivi oħra. Fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tfakkar il-punt 26 tan-Notifika iżda tinsa, fil-motivazzjoni tagħha, li dan jagħmel referenza għall-kontijiet ivverifikati iżda wkoll għall-"oħrajn definittivi", filwaqt li huwa ċar li huwa biss f'ċirkustanzi straordinarji li jistgħu jintużaw kontijiet mhux definittivi.

137    Endesa ssostni li d-Deċiżjoni tikkostitwixxi rinunzja inaċċettabbli min-naħa tal-Kummisskoni għall-obbligi li jimponi fuqha d-dritt Komunitarju, li jobbligaha teżerċita l-kompetenzi esklużivi tagħha mingħajr ma tinħeba wara preżunzjonijiet dwar il-konformità allegata tal-kontijiet ivverifikati. Din il-preżunzjoni, li hija ħolqien ad hoc tal-Kummissjoni, ma hija sostnuta minn ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament, li jevita mhux biss li jagħmel referenza għan-natura vverifikata jew mhux ivverifikata tal-kontijiet, iżda barra minn hekk jinkludi obbligu preċiż u inkundizzjonat tal-Kummissjoni li tiddetermina f'kull każ id-dħul mill-bejgħ reali ta’ l-impriżi kkonċernati. Ir-referenza għall-kontijiet ivverifikati tidher biss fin-Notifika tal-Kummissjoni, li f’ebda każ ma tista’ tbiddel il-kontenut jew il-portata tar-Regolament. L-iċken kunflitt bejn it-tnejn huwa suġġett għall-prinċipju tal-ġerarkija tar-regoli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Jannar 1992, Soba, C-266/90, Ġabra p. I-287; tas-16 ta' Ġunju 1994, Peugeot vs Il-Kummissjoni, C-322/93 P, Ġabra p. I-2727, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T-380/94, Ġabra p. II-2169). Iżda, f'dan il-każ, in-Notifika tqiegħed fuq l-istess livell il-kontijiet ivverifikati u kontijiet oħra definittivi, jiġifieri dawk relattivi għal sena finanzjarja fiskali kompleta u magħluqa.

138    Barr Barra minn hekk, Endesa tosserva li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar dan is-suġġett tmur kontra l-prattika tagħha stess. B’hekk, f'każ preċedenti (M.705 Deutsche Telekom/SAP), il-Kummissjoni aċċettat l-użu tal-kontijiet mhux ivverifikati l-iktar reċenti, għaliex kien fihom differenzi importanti mal-kontijiet ivverifikati u kienu l-uniċi li setgħu jistabbilixxi d-dimensjoni Komunitarja tal-konċentrazzjoni. Il-Kummissjoni kienet ukoll aċċettat l-użu ta' kontijiet mhux ivverifikati fil-każ M. 2340 EDP/Cajastur/Caser/Hidroelectrica del Cantabrico.

139    EneEndesa ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ieħor meta kkunsidrat li l-kontijiet ikkonsolidati ta' Endesa stabbiliti skond l-istandards IAS/IFRS, ikkomunikati lis-suq ħames xhur qabel it-tħabbir tal-OPX, ma kinux jikkostitwixxu kontijiet definittivi. Il-Kummissjoni ma kienet ikkunsidrat la l-fatt li l-kontijiet IAS/IFRS kienu jikkostitwixxu allinjament tal-kontijiet ivverifikati ta’ l-2004 ma' l-istandards tal-kontabbiltà l-ġodda, la l-fatt li l-impriżi kollha kkwotati fil-Borża ppreżentaw lill-Comisión Nacional del Mercado de Valores (kummissjoni nazzjonali tas-suq tat-titoli, iktar 'il quddiem il-"KNSV") il-kontijiet ikkonsolidati tagħhom ta’ l-2004 li kienu ġew allinjati ma' l-istandards tal-kontabbiltà IAS/IFRS (iktar 'il quddiem il-"kontijiet reżi konformi") kif ukoll l-informazzjoni perjodika kollha għas-sena finanzjarja 2004, u lanqas il-fatt li huma dawn il-kontijiet ta' l-aħħar li s-suq juża bħala referenza.

140    GħaldaqGħaldaqstant, il-Kummissjoni mhux biss kisret ir-regoli dwar il-kompetenza, billi introduċiet preżunzjoni li ma teżistix fir-Regolament, favur il-kontijiet ivverifikati, iżda wettqet ukoll żball manifest ta' evalwazzjoni peress illi kkunsidrat li l-istandards IAS/IFRS mhumiex definittivi. Barra minn hekk, il-motivazzjoni f’dan ir-rigward hija kontradittorja, peress li l-Kummissjoni tissuġġerixxi minn naħa, li l-kontijiet IAS/IFRS ma jittiħdux in kunsiderazzjoni għax mhumiex ivverifikat (filwaqt li nsiet ir-referenza għal kontijiet "oħrajn definittivi" fil-punt 26 tan-Notifika) u tafferma, min-naħa l-oħra, li r-raġuni taċ-ċaħda tagħhom hija li mhumiex definittivi. Id-Deċiżjoni għandha, bħala konsegwenza tiġi annullata minħabba dawn il-vizzji u għax ma tiddeterminax liema huma l-kontijiet ikkonsolidati ta' l-2004 li huma l-iktar viċini għall-eżiġenzi ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament.

141    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-partijiet intervenjenti, issostni li r-rikorrenti tibda mill-premessa żbaljata li l-PĠK u l-kontijiet IAS/IFRS għall-2004 għandhom l-istess status u żżid li l-kontijiet IAS/IFRS għall-2004 ippreżentati mir-rikorrenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala definittivi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

142    Fl-ewwel lok, fir-rigward ta' l-allegata natura ikar adattata tal-kontijiet reżi konformi tar-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li l-Kummissjoni esponiet, fil-punti 19 sa 27 tad-Deċiżjoni, ir-raġunijiet għalfejn id-dħul mill-bejgħ totali tar-rikorrenti kellu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-kontijiet uffiċjali stabbiliti skond il- PĠK iktar milli fuq il-bażi tal-kontijiet reżi konformi. Kif ġie kkonstatat iktar 'il fuq, kellha raġun tirrileva, f'dan ir-rigward, li Endesa kienet marbuta legalment tistabilixxi l-kontijiet ikkonsolidati uffiċjali tagħha għas-sena finanzjarja 2004 skond il- PĠK, li din il-ħtieġa kienet konformi mar-regoli tal-kontabbiltà Komunitarji ta' dak iż-żmien u li l-kontijiet reżi konformi kellhom jiġu stabbiliti biss bħala paragun.

143    Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, kif ġie espost fil-punti 25 u 26 tad-Deċiżjoni, l-argument tar-rikorrenti li l-prinċipji tal-kontabbiltà IFRS jirreflettu b'mod iktar preċiż is-saħħa ekonomika ta' l-imprizi ma jistax jiġi aċċettat.

144    Minn naħa, l-għan li tiġi mkejla s-saħħa ekonomika ta' l-impriżi ma jobbligax lill-Kummissjoni, f'każ individwali ta' applikazzjoni ta' l-Artikooli 1 u 5 tar-Regolament, tagħmel evalwazzjoni ġenerali tal-merti tas-sistemi differenti tal-kontabbiltà previsti mid-dritt Komanitarju, b'mod partikolari meta jeżistu kontijiet ivverifikati abbażi ta' wieħed biss minn dawn l-istandards u li dan l-istandard kien preċiżament dak meħtieġ kemm mid-dritt nazzjonali kif ukoll mid-dritt Komunitarju applikabbli f'dak iż-żmien.

145    Min-naħa l-oħra, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-istandards IFRS jirriflettu aħjar ir-realtà ekonomika minħabba l-fatt li jagħtu iktar importanza lis-sustanza milli lill-forma għall-kuntrarju ta’ l-istandards PĠK bl-ebda mod ma ġiet stabbilita. Kif ġie indikat fil-punt 26 tad-Deċiżjoni, il-fatt li l-leġiżlatur Komunitarju sostna li l-istandards tal-kontabbiltà internazzjonali adottati mir-Regolament Nru 1606/2002 għandhom jippermettu li tinkiseb stampa leali tas-sitwazzjoni finanzjarja ta' l-impriżi ma jimplikax ipso facto s-superjorità teknika ta' dawn l-istandards għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet għall-istandards tal-kontabbiltà applikabbli skond il-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri sal-1 ta' Jannar 2005. Ir-Regolament Nru 1606/2002, adottat fuq il-bażi ta' l-Artikolu 95(1) KE jikkostitwixxi miżura ta' armonizzazzjoni u ma fih ebda evalwazzjoni tal-valur ta' l-istandards nazzjonali differenti. Barra minn hekk, kif enfassiza Gas Natural, diversi standards tal-kontabbiltà Spanjoli li japplikaw il-PĠK jipprovdu li s-sustanza għandha dejjem tipprevali fuq il-forma u l-pjan ġenerali ta' kontabbiltà jagħmel enfażi fuq l-idea ta' "stampa leali" korollarja ta' "mekkaniżmu li jista' jesprimi r-realtà ekonomika tat-tranżazzjonijiet mwettqa".

146    FFit-tieni lok, fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li l-kontijiet reżi konformi tagħha għandhom jiġi kkonsidrati bħala kontijiet "oħrajn definittivi" skond il-punt 26 tan-Notifika, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-komunikazzjoni, id-dħul mill-bejgħ ta' l-impriżi kkonċernati għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi ta' figuri eżatti, oġġettivi u identifikabbli b'mod faċli. Għalkemm il-punt 26 tan-Notifika jippreċiża li "bħala regola ġenerali, il-Kummissjoni tirreferi għall-kontijiet riveduti u vverifikati u oħrajn definittivi […]" u li hija "f'kwalunkwe każ, riluttanti biex tistrieħ fuq kontijiet ta' l-immaneġjar jew forom oħra ta' kontijiet proviżjonali ħlief f'ċirkustanzi straordinarji", dan ma jfissirx li n-Notifika tqis bħala indaqs il-kontijiet ivverifikati u l-kontijiet “oħrajn definittivi". Il-punt 26 tan-Notifika ma jistax jiġi interpretat bħala li jippreżenta diversi għażliet li fosthom wieħed jista' jagħżel b'mod liberu, iżda bħala li huwa intiż sabiex ikopri sitwazzjonijiet speċifiċi li fihom ma jeżistux kontijiet ivverifikati għall-aħħar sena finanzjarja. Barra minn hekk, il-punt 27 tan-Notifika jagħmel referenza biss għall-kontijiet ivverifikati tas-sena finanzjarja l-iktar reċenti u mhux għall-kontijiet l-"oħrajn definittivi". Issa, f'dan il-każ, mhuwiex ikkontestat li jeżistu kontijiet ivverifikati għas-sena finanzjarja 2004, u għalhekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati kontijiet definittivi oħra.

147    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma rnexxilhiex turi li l-kontijiet reżi konformi li hija ppreżentat lill-Kummissjoni huma kontijiet definittivi jew approvati.

148    F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar il-kontenut tal-kummentarji ta' Endesa li ġew mehmuża mal-kontijiet reżi konformi ta' Endesa meta ġew ikkomunikati lill-KNSV fil-5 ta' April 2005. Fil-parti "Kunsiderazzjonijiet ġenerali", Endesa tafferma li "il-bilanċ u kontijiet ta’ riżultati kkonsolidati tas-sena finanzjarja 2004, stabbiliti skond il-kriterji ta' evalwazzjoni u ta' klassifikazzjoni ta’ l-IAS/IFRS, huma attestazzjonijiet pro forma li jservu biss bħala paragun ma' dawk ta' l-2005, l-ewwel sena finanzjarja li għaliha l-kontijiet ġew stabbiliti skond l-IFRS" (p. 3 punt 1). Barra minn hekk, Endesa ssemmi li jeżistu diversi eċċezzjonijiet fl-ewwel applikazzjoni ta' l-istandards IAS/IFRS (p. 13). Fl-aħħar fin-nota ġuridika II (p. 34) Endesa tispjega li l-Kunsill ta' l-istandards tal-kontabbiltà internazzjonali (IASB) jista' jippubblika standards ġodda applikabbli mill-1 ta' Jannar 2005, li ma teżistix s'issa awtorità kompetenti sabiex tassigura l-applikazzjoni tajba ta' l-istandards u li tista' tiġi kkonsultata f'dan ir-rigward, li l-kambjamenti li jistgħu jirriżultaw minn dak li ntqal qabel kif ukoll mill-evoluzzjoni tal-prassi tas-settur jistgħu jinfluwenzaw ukoll il-mod kif tinterpreta l-istandards u li, bħala konsegwenza, xi jistgħu jsiru modifiki lill-informazzjoni pprovduta qabel il-pubblikazzjoni tagħhom (fl-2006) bħala paragun fil-kontijiet annwali tas-sena finanzjarja 2005.

149    F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-kontijiet reżi konformi pprovduti minn Endesa ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala kontijiet "definittivi" skond il-komunikazzjoni.

150    Fir-rigward taż-żewġ kawżi invokati mir-rikorrenti li fihom il-Kummissjoni aċċettat l-użu tal-kontijiet mhux ivverifikati l-iktar reċenti, huwa biżżejjed li jiġi indikat li, f’dawn iż-żewġ kawżi, il-konċentrazzjoni ġiet innotifikata fil-bidu tas-sena (l-ewwel waħda fi Frar 1996 u t-tieni waħda fi Frar 2001) u li l-impriżi in kwistjoni ma kinux għadhom jiddisponu minn kontijiet ivverifikati għall-aħħar sena finanzjarja. Bħala konsegwenza, kellha tittieħed deċiżjoni jew li jintużaw il-kontijiet ivverifikati ta’ sena finanzjarja preċedenti (1994 u 1999, rispettivament), jew il-kontijiet ta' l-aħħar sena finanzjarja, diġa magħluqa, anki jekk kienu għadhom mhux ivverifikati. Barra minn hekk, fiż-żewġ każijiet, il-kontijiet l-iktar antiki ma jirriflettux bidla kunsiderevoli fl-attività ekonomika ta' l-impriżi matul l-aħħar sena finanzjarja u l-użu tagħhom jikser l-Artikolu 5 tar-Regolament. Għaldaqstant, il-fatti ta’ dawn iż-żewġ kawżi jiddistingwu ruħhom b'mod determinanti miċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża.

151    Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li l-kontijiet ippreżentati minn Endesa stabbiliti skond l-istandards IAS/IFRS ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala definittivi, b’mod li l-argumenti li l-Kummissjoni kellha tagħtihom preferenza ma jista’, fi kwalunkwe każ, jiġi aċċettat.

152    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li t-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żbalji ta' dritt u zbalji manifesti ta' evalwazzjoni li jaffettwaw ir-rifjut tal-kontijiet reżi konformi.

–       L-argumenti tal-partijiet

153    Endesa tinvoka, fl-ewwel lok, in-natura manifestament żbaljata tal-motivi li l-Kummissjoni laqgħat sabiex tirrespinġi l-argumenti relattivi għall-possibbiltà li jintużaw il-kontijiet reżi konformi, fit-tieni lok, l-eżistenza ta' ċirkustanzi straordinarji, f’dan il-każ, li jiġġustifikaw, fi kwalunkwe każ, l-użu tal-kontijiet reżi konformi u fit-tielet lok, in-natura manifestament żbaljata tal-motivi tad-Deċiżjoni relattivi għall-allegat nuqqas ta' kompattibbiltà ta' l-użu tal-kontijiet reżi konformi ma’ l-objettiv tas-sempiċità, mal-prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali u mal-ħtieġa ta' applikazzjoni uniformi tar-Regolament.

154    Endesa ssostni qabel kollox li r-raġunament segwit fil-punt 24 tad-Deċiżjoni mhuwiex komplet, għax ma jikkunsidrax il-fatt li, skond l-IFRS-1 adottati mir-Regolament Nru 707/2004, id-data meta bdew jintużaw l-istandards IAS/IFRS hija l-1 ta' Jannar 2004. Iktar preċiżament, il-leġiżlatur Komunitarju kien impona l-obbligu, għall-impriżi kkwotati fil-Borża, li jippreparaw il-kontijiet ikkonsolidati u reżi konformi għall-inqas għas-sena 2004. Fi Spanja, il-KNSV kien stabbilixxa l-31 ta' Awwissu 2005 bħala d-data tal-limitu għall-preżentazzjoni tal-kontijiet reżi konformi għas-sena finanzjarja 2004. Endesa kienet ikkonformat magħhom fil-5 ta' April 2005. Konsegwentement, għall-kuntrarju tal-qari parzjali li għamlet il-Kummissjoni, l-interpretazzjoni koerenti u kompluta tal-leġiżlatur Komunitarju tippermetti li jiġi konkluż li s-sena finanzjarja 2004 kienet perijodu tranżitorju li matulu koeżistew żewġ standards tal-kontabbiltà minħabba bżonn legali.

155    Endesa tirrileva wkoll li l-Kummissjoni ssemmi, ukoll fil-punt 24 tad-Deċiżjoni, li l-kontijiet IAS/IFRS tas-sena finanzjarja 2004 setgħu jiġu modifikati u kellhom valur purament komparattiv, u n-nuqqas ta' obbligu legali li jiġu vverifikati l-imsemmija kontijiet jsostni din it-teżi. Issa, il-Kummissjoni qisha qed tinjora li l-kontijiet kollha ta' impriża għandhom għan komparattiv u li l-istandards IAS/IFRS tas-sena finanzjarja 2004 kienu ġew stabbiliti skond obbligu previst mid-dritt Komunitarju. In-nuqqas ta' obbligu li dawn il-kontijiet jiġu vverifikati huwa marbut mal-partikolaritajiet ta’ perijodu tranżitorju. Fil-fatt huwa assurd li l-leġiżlatur Komunitarju jew nazzjonali jżid ma' l-ispejjeż tat-tranżizzjoni tal-kontabbiltà dawk tat-twettiq ta' verifika doppja għall-istess sena finanzjarja, peress li l-kontijiet IAS/IFRS ta' l-2004 jikkostitwixxu allinjament mal-kontijiet ivverifikati ta' l-istess sena finanzjarja, li għandhom valur fuq il-livell tal-kontabbiltà u dak legali identiku.

156    Fir-rigward ta' l-affermazzjoni li l-istandards IAS/IFRS jistgħu jinbidlu sa l-aħħar tas-sena 2005, ħaġa li, skond id-Deċiżjoni, tipprekludihom milli jiġu kkunsidrati bħala definittivi, din turi nuqqas ta' konoxxenza ta' l-istandards tal-kontabbiltà stabbiliti mil-leġiżlatur Komunitarju kif ukoll tar-regoli ta' applikazzjoni li l-Kummissjoni stess adottat matul l-aħħar xhur. Minn naħa, is-sistema l-ġdida tal-kontabbiltà hija applikabbli mill-1 ta' Jannar 2005 u l-fatt li ċerti regoli ta' kontabbiltà tas-sistema l-ġdida ġew adottati mill-Kummissjoni wara t-tħabbir ta' l-OPX ma għandu ebda effett fuq il-karattru definittiv tal-kontijiet, peress li l-kontijiet reżi konformi ta' Endesa ġew stabbiliti fuq il-bażi ta' data ċerta u definittiva skond ir-regoli ta' kontabbiltà użati sa dak iż-żmien fl-implimentazzjoni ta' l-istandards IAS/IFRS. Li jiġi kkunsidrat li l-imsemmija standards mhumiex definittivi peress li iktar ’il quddiem żdiedu regoli oħra ġodda fil-kuntest ġuridiku l-ġdid ikun assurd daqslikieku jiġi affermat li qatt ma jeżistu kontijiet definittivi, peress li l-adattament u l-iżvilupp ta' sistema ta' kontabbiltà huwa proċess permanenti.

157    Min-naħa l-oħra, ir-regoli adottati reċentement, b'effett retroattiv, ma jaffetwaw bl-ebda mod il-kontijiet ta' Endesa, peress li jikkonċernaw is-settur finanzjarju u dak ta' l-assigurazzjoni u mhux is-settur ta' l-elettriku. Barra minn hekk, il-modifiki li jirrigwardaw il-IAS 39 m'għandhom l-ebda effett fuq id-determinazzjoni tad-dħul mill-bejgħ totali, peress li dawn jirrigwardaw biss it-trattament kontabilistiku ta' strumenti finanzjarji. Ukoll wara d-data li fiha Gas Natural ħabbret il-OPX fuq Endesa, ebda modifikazzjoni ta' l-istandards IAS/IFRS ma jistgħu jaffettwaw il-kontabbiltà tad-dħul għas-sena finanzjarja 2004 jew 2005 la jistgħu jipproduċuhom u la ma jkunu jistgħu jintervjenu mil-lum il' quddiem.

158    Bħala konsegwenza, ebda wieħed mill-argumenti tal-Kummissjoni ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-kontijiet konsolidati tas-sena finanzjarja 2004 skond l-istandards IAS/IFRS m'humiex kontijiet definittivi. Li l-kontijiet Ias/IFRS ta' l-2004 ma jintużawx sa' għeluq is-sena finanzjarja 2005 jkun manifestament kuntrarju għall-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju, li kien impona l-applikazzjoni ta' l-istandards tal-kontabbiltà Komunitarji mill-1 ta' Jannar 2005 u mhux mill-1 ta' Jannar 2006. Għaldaqstant, l-informazzjoni kollha kontabbli li l-impriżi kkwotati fil-Borża għandhom jipprovdu lis-suq matul is-sena 2005, kemm jekk tagħmel referenza għas-sena finanzjarja 2005 jew 2004, tiġi kkomunikata esklużivament skond l-istandards IAS/IFRS.

159    EndesaEndesa tikkonkludi li anki jekk jiġu adottati modifiki, peress li l-perfezzjonament ta' sistema ta' kontabbiltà huwa proċess permanenti, huwa veru wkoll li, kif irrikonoxxiet diversi drabi l-Kummissjoni, "skond ir-Regolament […] Nru 1606/2002, il-Kummissjoni għandha bħala għan l-implimentazzjoni ta' pjattaforma stabbli ta' l-istandards tal-kontabbiltà internazzjonali mill-1 ta' Jannar 2005" [premessa 4 tar-Regolament (KE) Nru 2086/2004 tal-Kummissjoni, tad-19 ta' Novermbru 2004, li jemenda r-Regolament Nru 1725/2003 (ĠU L 363, p. 1), u l-premessa 2 tar-Regolament Nru 2238/2004 tal-Kummissjoni tad-29 ta' Diċembru 2004, li jemenda r-Regolament Nru 1725/2003 (ĠU L 394, p. 1)].

160    F'dak li F'dak li jirrigwarda l-punt 25 tad-Deċiżjoni, Endesa ssostni li d-Deċiżjoni ma tispjegax ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni ma tistax tevalwa l-metodi differenti tal-kontabbiltà disponibbli. Din il-pożizzjoni tal-Kummissjoni tikkontradixxi b'mod ċar il-punt 60 tan-Notifika, li fiha l-Kummissjoni stess indikat li huwa possibbli li "jittieħdu in kunsiderazzjoni regoli differenti tal-kontijiet, partikolarment dawk li għandhom x'jaqsmu mal-preparazzjoni tal-kontijiet konsolidati, li sa ċertu punt huma armonizzati imma mhux identiċi fil-Kommunità.[…]" u li "din il-kunsiderazzjoni tapplika għal kull tip ta' impriża kkonċernata mir-Regolament". Dan il-punt tan-Notifika, anki jekk prinċipalment jagħmel referenza għall-kumpanniji holding, jindika madankollu li l-possibbiltà li jiġu kkunsidrati standards tal-kontabbiltà differenti testendi għal kull impriża jkun xi jkun is-settur li topera fih.

161    Endesa tikkontesta l-affermazzjoni, li tidher ukoll fil-punt 25 tad-Deċiżjoni, skond liema "r-rwol tal-Kummissjoni, bħalma huwa deskritt iktar fid-dettal fin-Notifika fuq il-kalkolazzjoni ta' valur tal-bejgħ, huwa limitat għall-eżami ta' l-aġġustamneti speċifiċi rikjesti skond l-Artikolu 5 tar-Regolament […]" u ssostni għall-kuntrarju li l-obbligu li fih l-Artikolu tar-Regolament jinkludi eżami ta' l-adegwatezza tal-kontijiet ta' l-impriżi kkonċernati sabiex jiġi ddeterminat id-dħul mill-bejgħ totali reali tagħhom.

162    DinDin l-affermazzjoni, li tinsab fid-Deċiżjoni, għal darb’ oħra tikkontradixxi b'mod manifest in-Notifika li tindika, fil-punt 26, li "l-Kummissjoni tara li tibbaża ruħha fuq il-figuri disponibbli li huma l-aktar preċiżi u affidabbli". F’dan il-każ preżenti, wara x-xogħol ta' armonizzazzjoni mwettaq mill-istituzzjonijiet Komunitajri, kienu jeżistu żewġ kontijiet konsolidati li jikkorispondu għas-sena finanzjarja 2004 u kien neċessarju li jiġi ddeterminat liema wieħed minnhom kien l-iktar preċiż u affidabbli. Issa fid-dawl tar-rapporti ta' l-awdituri esterni ta' l-impriża, li l-Kummissjoni ma ssemmiet lanqas darba fid-Deċiżjoni, huwa evidenti li l-kontijiet konsolidati stabbiliti skond l-istandards tal-kontabbiltà Spanjoli jiżnaturaw b'mod sinjiffikattiv id-dħul operazzjonali ta' impriża attiva fis-settur ta' l-elettriku.

163    F‘dak li jikkonċerna s-superjorità teknika ta' l-istandards tal-kontabbiltà Komunitarji meta mqabbla ma’ l-istandards nazzjonali, li fuqha l-Kummissjoni wriet xi dubji fil-punt 26 tad-Deċiżjoni, Endesa ssostni li, fl-atti preparatorji tar-Regolament Nru 1606/2002, il-Kummissjoni tirreferi espressament għall-bżonn li tittejjeb, tiġi armonizzata u li ssir iktar affidabbli l-informazzjoni finanzjarja, billi tmur lill'hinn mill-previżjonijiet tar-Raba' Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE, tal-25 ta' Lulju 1978, ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpanniji (ĠU L 222, p. 11), u li, kieku din ta' l-aħħar kienet assigurat informazzjoni ċara u affidabbli daqs dik rikjesta mis-sistema tal-kontabbiltà l-ġdida, kien ikun inutli li tiddaħħal din ta' l-aħħar. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma kkunsidratx l-opinjoni ta' l-awdituri esterni ta' Endesa li spjegaw b'mod ċar id-differenzi li jeżistu bejn ir-riżultati indikati fil-kontijiet stabbiliti skond l-istandards tal-kontabbiltà differenti.

164    EndeEndesa żżid li l-motivi tad-Deċiżjoni li jistipulaw li kemm l-istandards tal-kontabbiltà Komunitarji attwali kif ukoll l-istandards preċedenti għandhom bħala għan rappreżentazzjoni leali tar-realtà ekonomika ta' l-impriżi, jinjoraw id-differenzi konkreti li jeżistu bejn armonizzazzjoni parzjali u armonizzazzjoni totali ta' l-istandards kif ukoll tal-prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju u tal-loġika l-iżjed elementari. Fuq kollox, il-Kummissjoni stess kienet ikkonstatat li d-direttivi tal-kontabbiltà preċedenti "ma jirrispondux għall-bżonnijiet tal-kumpannija li jixtiequ jiġbru kapital fuq livell pan-Ewropew jew internazzjonali" [ara l-punt 9 tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2000, COM (2000) 359 finali] u kienet ukoll irkonoxxiet li "l-istandards IAS jipprovdu […] grupp ta' regoli eżawrjenti u kunċettwalment solidu għall-informazzjoni finanzjarja li għandu jikkorrispondi għall-bżonnijiet internazzjonali tal-kummerċ".

165    Endesa ssostni li l-Kummissjoni tiżbalja wkoll meta tikkunsidra li l-użu tal-kontijiet mhux ivverifikati huwa possibbli biss f'ċirkustanzi straordinarji. Din l-interpretazzjoni ma tidher la b'mod espliċitu u lanqas b'mod impliċitu fir-Regolament, li huwa l-unika leġiżlazzjoni applikabbli b'mod obbligatorju, u lanqas ma hija konformi mal-kontenut tal-punt 26 tan-Notifika li jgħid li huwa neċessarju li tiġi pprovata l-eżistenza ta' ċirkustanzi straordinarji biss jekk hemm l-intenzjoni li jintużaw kontijiet ta’ l-immaneġjar jew kontijiet mhux definittivi.

166    Anki li kieku l-argument tal-Kummissjoni jiġi aċċettat, għandu jiġi kkunsidrat li jeżistu effettivament, f’dan il-każ, xi ċirkustanzi straordinarji. Minn naħa, il-kwistjoni ta' l-użu ta' standard tal-kontabbiltà pjuttost milli ieħor huwa fih innifsu straordinarju. Min-naħa l-oħra, l-użu ta’ sistemi ta’ kontabbiltà differenti jirriżulta f’differenza ta' 4 400 miljun EUR fir-rigward tad-dħul ta' Endesa, li huwa fatt rari li jirrigwarda ftit swieq biss, b’mod li l-bidla tas-sistema ta' kontabbiltà stess għandha tiġi kkunsidrata bħala element straordinarju u ta' importanza kbira għas-suq ta' l-elettriku Spanjol, li fih il-preżenza ta' konsorzju obbligatorju timmultiplika b'mod artifiċjali għal darbtejn it-tranżazzjonijiet mill-perspettiva finanzjarja, jekk l-ikkumpensar ta’ l-entrati fil-kontijiet ma jitwettaqx kif teħtieġ is-sistema l-ġdida tal-kontabbiltà.

167    Barra minn hekk, Endesa tikkontesta l-motivi li jidhru fil-punt 25 tad-Deċiżjoni li jistipulaw li l-użu tal-kontijiet IAS/IFRS kien imur kontra "objettiv, validu wkoll, li jikkonsisti fl-applikazzjoni ta' kriterji sempliċi u oġġettivi sabiex tiġi ddeterminata l-kompetenza tal-Kummissjoni fil-każijiet ta' konċentrazzjoni kif ukoll il-prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali".

168    Fir-rigward ta' l-oġġettività, Endesa ssostni li l-Kummissjoni ma tispjegax ir-raġunijiet għalfejn il-kontijiet IAS/IFRS huma inqas oġġettivi minn oħrajn u tinsa li l-awditur estern ta' Endesa ċċertifika li huma bbażati fuq figuri korretti u vverifikati u li l-metodu ta' allinjament kien korrett ukoll.

169    Fir-rigward tas-sempliċitàFir-rigward tas-sempliċità, l-impriżi Komunitarji kollha kkwotati fil-Borża kienu ilhom snin li ġew informati dwar l-introduzzjoni tal-kriterji ġodda u kienu jafu li s-sena 2004 kellha tkun sena ta' tranżizzjoni. Endesa żżid li l-kunsiderazzjoni li s-sempliċità tar-regoli ta' interpretazzjoni tikkostitwixxi għan li għandu l-istess valur legali ta' l-obbligu li tiġi stabbilita b'mod korrett il-kompetenza tal-Kummissjoni hija diffiċilment konċiljabbli man-Notifika li tenfassizza, fil-punti 60 u 61, il-bżonn li ssir analiżi dettaljata, stretta, jekk mhux ukoll oneruża tal-kontijiet meta d-dħul mill-bejgħ totali jkun qrib il-limiti stabbilit fir-Regolament (Każ IV/M.213 – Hong Kong and Sahangai Bank/Midland).

170    Fir-rigward tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li dan il-prinċipju jiggarantixxi leġiżlazzjoni "ċara u preċiża, sabiex l-individwi jkunu jistgħu jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jieħdu d-dispożizzjonijiet bħala konsegwenza" (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Lulju 1981, Gondrand Frères u Garancini, 169/80, Ġabra p. 1931 ; tat-13 ta' Frar 1996, van Es Douane Agenten, C-143/93, Ġabra p. I-431, punt 27 u ta' l-14 ta' April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-110/03, Ġabra p. I-2801). Dan ma jfissirx li d-determinazzjoni tad-dħul mill-bejgħ għandha tkun "faċli" f'kull każ u ma tiġġustifikax il-fatt li ma tiġix ikkunsidrata l-informazzjoni kollha disponibbli. Endesa tfakkar li l-allinjament tal-kontijiet huwa obbligu li jirriżulta mir-regoli Komunitarji li kull operatur prudenti huwa mistenni li ilu jaf bihom għal diversi snin u li l-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-operaturi ekonomiċi mhijiex iġġustifikata "meta operatur ekonomiku prudenti u avżat ikun f’pożizzjoni li jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta' miżura Komunitarja" (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Lulju 2004, Di Leonardo u Dilexport, C-37/02 u C-38/02, Ġabra p. I-6911, punt 70). F'dan il-każ, l-istandards IAS/IFRS kienu ċari, preċiżi u magħrufa mill-operaturi prudenti u avżati fil-mument tat-tħabbir ta' l-OPX, b’mod li seħħ ebda ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali.

171    Fir-r Fir-rigward ta' l-aħħar motiv, li jinsab fil-punt 27 tad-Deċiżjoni, li jgħid li "l-użu tal-figuri IFRS mhux ivverifikati f’dan il-każ, joħloq disparità fit-trattament meta mqabbel mal-kawżi l-oħra kollha li fihom il-Kummissjoni rreferiet għal figuri stabbiliti fuq il-bażi ta' l-istandards nazzjonali fil-kontijiet ivverifikati għall-2004", Endesa tenfassizza li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-ġurisprudenza li tgħid li jkun hemm nuqqas ta' ugwaljanza fit-trattament mhux biss meta żewġ sitwazzjonijiet simili jingħataw trattament differenti iżda wkoll meta żewġ sitwazzjonijiet differenti jingħataw trattament simili. Issa, hija kienet ipprovdiet diversi rapporti matul il-proċedura amministrattiva li spjegaw it-trattament kontabilistiku partikulari applikabbli għall-impriżi fis-settur ta' l-elettriku Spanjol, li ma jikkonċernax l-impriżi l-oħra Spanjoli u lanqas l-impriżi fl-istess settur jew f’setturi oħra stabbiliti fi Stati Membri oħra.

172    In-natura obbligatorja tal-konsorzju fi Spanja, flimkien man-natura ta' l-istandards tal-kontabbiltà preċedenti, li ma kinux jippermettu l-ikkumpensar ta’ l-entrati, għandhom bħala effett, b'mod partikolari, li t-tranżazzjonijiet imwettqa bejn impriżi ta' l-istess grupp jew, b'mod definittiv, li jikkorrispondu għal tranżazzjoni ekonomika waħda jiġu vverifikati darbtejn. Bħala konsegwenza, hija fil-verità d-Deċiżjoni li ħolqot trattament diskriminatorju, peress li f'każ ta' twettiq ta' l-istess operazzjoni bejn impriżi ta' l-istess daqs bħal ta’ Gas Natural u ta' Endesa, iżda f'setturi ekonomiċi oħra jew f'pajjiżi oħra tal-Komunità, id-dħul mill-bejgħ totali ta' l-impriżi kkonċernati kien ikun ġie kkalkulat billi jiġi evitat l-irduppjar ta’ l-entrati.

173    Endea tikkonkludi li, għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Kummissjoni għamlet żball fl-analiżi ta' l-informazzjoni pprovduta minnha, li jirriżulta f'diffett serju fil-motivazzjoni tad-Deċiżjoni u żball manifest li jirriżulta min-nuqqas ta' applikazzjoni tal-prinċipji li joħorġu mill-Artikolu 5 tar-Regolament u min-Notifika.

174    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-partijiet intervenjenti, issostni li ebda wieħed mill-argumenti invokati mir-rikorrenti m'huma fondati.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

175    Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta' l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta eskludiet il-possibbiltà li jintużaw il-kontijiet reżi konformi, huwa biżżejjed li ssir referenza għall-evalwazzjoni ta' l-ewwel żewġ partijiet tal-motiv. Fil-fatt, diġà ġie rrilevat li l-uniċi kontijiet validi ta' Endesa sabiex tiġi evalwata d-dimensjoni Komunitarja jew nazzjonali tal-konċentrazzjoni huma dawk tas-sena finanzjarja 2004 stabbiliti skond il-leġiżlazzjona Spanjoli fis-seħħ fi żmien l-OPX, ivverifikati mill-awdituri u approvati mill-azzjonisti u li, fi kwalunkwe każ, il-kontijiet reżi konformi, stabbiliti biss għal finijiet ta' paragun, li r-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala definittivi. In-natura mhux definittiva tal-kontijiet reżi konformi tar-rikorrenti hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-fatt li, fid-19 ta' Settembru 2005, hija mmodifikat dawn il-kontijiet sabiex tinkludi xi aġġustamenti li naqqsu d-dħul mill-bejgħ fi Spanja għal 111 miljun EUR meta mqabbla mal-kontijiet li ġew allinjati ma' l-istandards IFRS ippreżentati lill-KNSV fil-5 ta' April 2005. Fl-aħħar, il-fatt li l-bidliet ulterjuri magħmula lill-istandards IAS/IFRS ma kkonċernawx is-settur ta' l-elettriku ma jbiddilx il-fatt li l-istandards IAS/IFRS li kellhom japplikaw għas-sena finanzjarja 2005 kien għad m'għandhomx kontenut stabbli u definittiv f'Settembru 2005, u wisq inqas il-fatt li ma kinitx teżisti awtorità sabiex tinterpreta dawn l-istandards il-ġodda. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-awditur ta' Endesa stess ippreċiża li ma setax jiddeċiedi dwar il-validità tal-metodi ta' allinjament użati.

176    Fir-rigward, fit-tieni lok, taċ-ċirkustanzi straordinarji li jeżiġu l-użu tal-kontijiet reżi konformi, għandu jiġi rrilevat li ebda waħda miċ-ċirkustanzi invokati ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala straordinarja. Fil-fatt, f'dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-partikolaritajiet tas-settur ta' l-elettriku fi Spanja, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-konsorzju ilu jeżisti fi Spanja mill-1998 u li la Endesa u lanqas ebda impriża oħra fis-settur ma indikaw il-bżonn li jsir xi aġġustament tal-kontijiet tagħhom PĠK f'xi proċeduri ta' kontroll tal-konċentrazzjonijiet, nazzjonali jew Komunitarji, li huma kienu parti minnhom. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-ispeċifiċitajiet u d-distorzjonijiet serji tal-kontabbiltà ta’ l-impriżi li joperaw fis-settur ta' l-elettriku fi Spanja allegati mir-rikorrenti lanqas ma jikkostitwixxu ċirkustanzi straordinarji inkwantu l-possibbiltà li eventwalment isiru aġġustamenti sabiex dawn jiġu kkunsidrati tista’ tiġi eżaminata indipendentement mis-sistema ta’ kontabbiltà. Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni eżaminat xi aġġustamenti prinċipali proposti mir-rikorrenti f'dan ir-rigward.

177    Fit-tieni lok, il-fatt li l-istandards IAS/IFRS kienu intiżi sabiex jissostitwixxu l-PĠK mis-sena finanzjarja 2005 ‘il quddiem ma jistax jiġi kkunsidrat bħala straordinarju, u l-istess japplika għall-bżonn li jiġu stabbiliti kontijiet reżi konformi għall-2004 għal finijiet ta' paragun. Huwa minn li, tibdil fil-leġiżlazzjoni tal-kontabbiltà jikkostitwixxi avveniment importanti u mhux frekwenti fil-ħajja ta' imrpiża, iżda r-rikorrenti ma tinvoka ebda element ibbażat fuq il-kontenut u fuq l-għanijiet tar-Regolament li jrendi din il-bidla ċirkustanza straordinarja. Barra minn hekk, l-applikazzjoni obbligatorja ta' l-istandards tal-kontabbiltà l-ġodda ma tfissirx neċessarjament li r-regoli tal-kontabbiltà applikabbli preċedentement ma tantx kienu affidabbli jew preċiżi.

178    Fit-tielet lok, il-fatt li l-użu ta' sistemi differenti ta' kontabbiltà jwasslu għal differenza ta' 4 400 miljun EUR fir-rigward tad-dħul ta' Endesa lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat bħala straordinarju. Fil-fatt, din id-differenza toriġina mill-aġġustamenti li l-opportunità li jitwettqu tista’ tiġi eżaminata indipendentement mis-sistema tal-kontabbiltà.

179    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanzi straordinarji msemmija fil-punti 26 u 27 tan-Notifika jirreferu biss, ħlief għal dak li jirrigwarda d-differenzi li jeżistu ma' l-istandards tal-kontabbiltà ta’ Stati li mhumiex membri ta' l-Unjoni Ewropea, għall-bżonn li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-kambjamenti sinjifikattivi u permanenti li jaffettwaw ir-realtà ekonomika ta' l-impriżi kkonċernati (xiri u ċessjoni li jsiru wara l-verifika tal-kontijiet, għeluq tal-fabbrika). Issa, f'dan il-każ, ir-rikorrenti ma invokatx tali kambjamenti.

180    Fir-rigwaFir-rigward, fit-tielet lok, ta' l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-kontijiet ivverifikati joffru aktar garanziji oġġettivi, peress li jagħtu lok għar-responsabbiltà ta’ l-impriża u ta’ l-awditur. Għall-kuntrarju, huwa l-użu tal-kontijiet li la jkunu ġew approvati mill-azzjonisti u lanqas sostnuti minn verifika esterna li jmur kontra l-għan li jikkonsisti fl-applikazzjoni ta' kriterji sempliċi u oġġettivi għad-determinazzjoni tad-dimensjoni ta' konċentrazzjoni. Għandu jiġi mfakkar li l-bażi stess tas-sistema ta' limiti stabbilita mill-Artikolu 1 tar-Regolament hija li jiġi pprovdut metodu sempliċi u effikaċi sabiex tiġi ddeterminata l-awtorità kompetenti. Kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, l-użu tal-kontijiet uffiċjali u vverifikati u, bħala regola, il-limitu ta' l-aġġustamenti li għandhom isiru f’dawn il-kontijiet għal dak li huwa strettament indispensabbli fid-dawl ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament huma elementi essenzjali ta’ dan il-metodu sempliċi, prevedibbli u effikaċi.

181    Barra minn hekk, l-aċċettazzjoni ta’ l-argument ta' Endesa tkun tfisser li jiġi qed ammess li kull konċentrazzjoni għandha tkun is-suġġett ta' eżami ta' kontabbiltà minn qabel mill-Kumissjoni sabiex tiġi vverifikata l-konformità tal-kontijiet ta' l-impriżi kkonċernati mal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament.

182    Fir-rigward ta' l-argument ta' Endesa li l-użu tal-kontijiet reżi konformi mhuwiex ta’ preġudizzju għall-prinċipju taċ-ċertezza legali, peress li kwalunkwe operatur avżat seta’ jipprevedi d-dħul fis-seħħ ta' sistema ġdida tal-kontabbiltà, għandu jiġi indikat li operatur avżat u raġonevoli ma setax jipprevedi li l-Kummissjoni kienet se teskludi l-uniċi kontijiet uffiċjali li ġew ivverifikati. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-istandards tal-kontabbiltà IAS/IFRS, u iktar u iktar l-interpretazzjoni tagħhom, kienu għadhom mhux definittivi f'Settembru ta’ l-2005.

183    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi mfakkar mill-ġdid li l-kontijiet reżi konformi li r-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala definittivi.

184    Fl-aħħar, l-ilment ibbażat fuq allegata diskriminazzjoni fir-rigward ta‘ konċentrazzjonijiet f’setturi jew Stati Membri oħra għandu jiġi miċħud bħala nieqes minn kull bażi. Minn naħa, huwa bbażat fuq sempliċi allegazzjonijiet u fuq il-premessa mhux stabbilita li l-kontijiet uffiċjali u vverifikati tas-sena finanzjarja 2004 ta' Endesa ma jirreflettux ir-realtà ekonomika. Min-naħa l-oħra, peress li l-prattika tal-Kummissjoni hi li tibbaża ruħha fuq il-kontijiet uffiċjali vverifikati, huwa, għall-kuntrarju, l-abbandun ta' din il-prattika fin-nuqqas ta' ċirkustanzi straordinarji li seta’ jiġi pperċepit bħala diskriminazzjoni. Barra minn hekk, il-kontijiet ivverifikati li jintużaw sabiex tiġi evalwata d-dimensjoni tal-konċentrazzjoni jistgħu, sabiex jiġu kkunsidrati l-eventwali speċifiċitajiet tas-settur jew pajjiż in kwistjoni, jiġu aġġustati eventwalment. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni eżaminat l-aġġustamenti proposti mir-rikorrenti.

185    Minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li t-tielet parti tat-tielet motiv ma tistax tintlaqa’.

186    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba' motiv dwar ir-rifjut ta' l-aġġustament " pass through" u ta’ l-aġġustament relattiv għall-kummerċ fil-gass

187    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, Endesa tikkontesta r-rifjut mill-Kummissjoni ta’ żewġ aġġustamenti li hija kienet irreklamat, wieħed li jirrigwarda l-operazzjonijiet ta' distibuzzjoni (l-aġġustament "pass through" u l-ieħor li jikkonċerna s-settur tal-ġass. Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li l-kontijiet annwali tar-rikorrenti stabbiliti skond il-PĠK għall-2004 juru li d-dħul mill-bejgħ tagħha fi Spanja jirrappreżenta 80.07% tad-dħul mill-bejgħ Komunitarju tagħha. Jekk jiġi ammess li ż-żewġ aġġustamenti in kwistjoni, mitluba minn Endesa, huma fondati, il-perċentwali tad-dħul mill-bejgħ tagħha fi Spanja jitnaqqas għal 73.94% tad-dħul mill-bejgħ Komunitarju tagħha. Minn dan jirriżulta li, anke jekk dan il-motiv jintlaqa’, ma jfissirx ipso facto li l-konċentrazzjoni kkonċernata għandha dimensjoni Komunitarja, iżda li l-Kummissjoni jkollha teżamina l-aġġustamenti l-oħra proposti mir-rikorrenti, kif ukoll dawk proposti minn Gas Natural, li dwarhom hija ma qalet xejn fid-Deċiżjoni, peress li huwa biss abbinament ta' diversi aġġustamenti li jippermetti li jinqabeż il-limitu ta' żewġ terzi.

188    Peress li l-aġġustament "pass through" huwa fi kwalunkwe każ neċessarju sabiex id-dimensjoni Komunitarja ta' konċentrazzjoni tintlaħaq, għandha tiġi eżaminata qabel kollox l-ewwel parti tal-motiv, relattiva għal dan.

–       L-argumenti tal-partijiet

189    Endesa tirrileva li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament huwa litteralment kopja tal-paragrafu 23 tal-liġi Ġermaniża dwar il-kompetizzjoni (GWB) fejn il-paragrafu 29 jippreċiża li "dħul minn attivitajiet mhux ordinarji jiġi kkunsidrat biss f'każijiet straordinarji". Bħala konsegwenza ta’ dan, hija biss il-parti mid-dħul marbuta ma' l-attività ta' distribuzzjoni li għandha tiġi kkunsidrata biex jiġi stabbilit id-dħul mill-bejgħ ta' impriża ta' distribuzzjoni, jiġifieri l-kummissjoni li tikkorrispondi għal din l-attività biss.

190    Endesa tidEndesa tinvoka f'dan ir-rigward l-evalwazzjoni żbaljata tal-Kummissjoni dwar il-valur ġuridiku tan-Notifika u l-fatt li hija naqset milli teżamina l-aġġustamenti proposti skond ir-Regolament. Hija tirrileva li fil-punt 33 tad-Deċiżjoni l-Kummissjoni tafferma li "f'dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li n-Notifika […] ma tagħmel ebda referenza għall-kunċett ta' l-ammont 'trasferit' (in parti) li ġej mill-bejgħ ta' prodotti u l-provvistà ta' servizzi mill-impriża". Issa, l-unika bażi legali għall-kalkulu tad-dħul mill-bejgħ hija r-Regolament, peress li n-Notifika għandha biss il-valur ta' att interpretattiv tal-Kummissjoni. Kull interprettazzjoni kuntrarja tikser il-prinċipju tal-ġerarkija tan-normi. F’dan il-każ, peress li l-attività ta' l-impriża ta’ distribuzzjoni tinkludi spejjeż li jikkorisspondu għal sempliċi ammonti "trasferiti", hija biss il-kummissjoni li tikkorrispondi għal dawn l-attivitajiet li għandha tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ taħt il-kunċett ta' "attività ordinarja" imsemmi fl-Artikolu 5 tar-Regolament.

191    Endesa Endesa żżid li billi segwiet l-argument żbaljat li l-motivazzjoni tagħha għandha tkun ibbażata fuq in-Notifika, il-Kummissjoni għamlet referenza għall-kontenut tal-punti 7,11 u 13 tan-Notifika u affermat li, "fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ, l-impriżi Spanjoli ta’ distribuzzjoni ta' l-elettriku ma jistgħux jiġu assimilati ma’ impriżi li jaġixxu biss bħala intermedjarji u li d-dħul mill-bejgħ tagħhom jikkonsisti biss fl-ammont ta' kummissjonijiet li jirċievu". Il-Kummissjoni ddeskriviet hekk il-mod kif topera l-attività ta' l-impriżi ta' distribuzzjoni u tal-konsorzju fi Spanja mingħajr ma tat motivi għalfejn, f‘dan il-każ, l-impriżi ta' distribuzzjoni mhumiex sempliċi intermedjarji. Il-Kummissjoni ma eżaminatx il-kwistjoni jekk l-impriżi ta' distribuzzjoni effettivament jiksbux vantaġġi minn din l-attività, li jaqbżu s-sempliċi rimunerazzjoni għas-servizzi tagħhom iddeterminata mit-tariffi rregolati. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax il-fatt li d-Digriet Irjali li bih jiġu ddetermianti t-tariffi ta' l-elettriku ta' kull sena jiffissa l-ħlas li l-impriżi ta' distribuzzjoni jirċievu għall-eżerċizzju ta' l-attivitajiet tagħhom matul dan il-perijodu, liema ħlas huwa indipendenti mill-bejgħ ta' enerġija li jwettqu l-impriżi ta' distribuzzjoni u, bħala konsegwenza, mill-kwantità ta' enerġija pprovduta lilhom.

192    IsssIssa, peress li l-operazzjonijiet imwettqa mill-impriżi ta' distribuzzjoni ma jagħtu ebda valur lit-tranżazzjoni, ladarba r-rimunerazzjoni għall-attività ta' distribuzzjoni hija ddeterminata ex ante, qabel u indipendentement mill-operazzjonijiet ta' xiri u bejgħ ta' enerġija, dawn jikkostitwixxu operazzjonijiet newtrali għall-finijiet tal-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ. Ir-rwol ta’ intermedjarju ta' l-impriżi ta' distribuzzjoni jirriżulta b'mod ċar mill-Artikolu 4 tad-Digriet Irjali Nru 2017/1997, tas-26 ta' Diċembru 1997, li jorganizza u jirregola l-proċedrura ta' likwidazzjoni ta' l-ispejjeż tat-trasport, tad-distribuzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni skond tariffa, kif ukoll ta’ l-ispejjeż permanenti tas-sistema, tad-diversifikazzjoni u tas-sigurtà tal-provvista, b’mod li, kuntrarjament għal dak li jiġri fis-settur liberalizzat, id-distributur li jkun irċieva t-tariffa regolata jżomm biss il-ħlas għas-servizz tiegħu u jitrasferixxi l-kumplament imħallas mill-utent lill-bqija ta' l-operaturi. F’każ li jeżisti defiċit ta' rkupru, huwa l-produttur li jbatih.

193    F'dak li jirrigwarda l-motiv tad-Deċiżjoni li jgħid li l-impriżi ta‘ distribuzzjoni jassumu r-riskju finanzjarju ta' dak li ma jitħallasx b’mod li mhumiex intermedjarji, Endesa tosserva li l-Kummissjoni interpretat b'mod żbaljat l-informazzjoni mogħtija minnha fuq dan il-punt kif ukoll il-kunċett ta' "intermedjarju" li jidher fil-punt 13 tan-Notifika.

194    Hija tfakkar, minn naħa, li l-impriżi ta' distribuzzjoni ma jassumu l-ebda riskju finanzjarju ta' dak li ma jitħallasx li ma jiġix ikkumpensat minn element inkorporat fit-tariffi, peress li s-sistema regolata (u mhux l-operatur b’mod unilaterali) tipprovdi mekkaniżmu ta' garanziji li jippermetti li dawn ir-riskji jiġu evitati. Min-naħa l-oħra, hija tindika li l-eżistenza jew le ta' riskju finanzjarju tippermetti ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni ta' aġent u dik ta' mandatarju independenti. Il-Kummissjoni interpretat, bla bażi ġuridika, il-kunċett ta' "intermedjarju" bħala li jagħmel referenza biss għall-aġenti meta kien ikun aħjar li kieku jiġi marbut man-natura ta’ l-attivitajiet ta' l-aġent.

195    Il-kwalifika ta’ intermedjarja ta' l-impriżi ta' distribuzzjoni tikkorrispondi għall-prassi abitwali fis-settur ta' l-enerġija ta' Spanja. Huwa biżżejjed li jiġi osservat li Gas Natural għamlet l-aġġustament "pass through" mhux biss fil-kontijiet IAS/IFRS tagħha, iżda wkoll fil-kontijiet stabbiliti skond l-istandards tal-kontabbiltà Spanjoli. Għaldaqstant, billi rrifjutat lil Endesa l-aġġustament "pass through", il-Kummissjoni fixklitha milli tomoġenizza d-dħul mill-bejgħ ta' l-attività ta' distribuzzjoni tagħha ma dak ta' l-impriża xerrejja.

196    En Endesa tikkunsidra li r-rifjut li jiġi kkunsidrat l-aġġustament propost minnha huwa vvizzjat ukoll minn nuqqas serju fl-analiżi ta' element li finalment il-Kummissjoni kkunsidrat bħala determinanti, li jikkostitwixxi abbuż tal-poter u nuqqas ta' motivazzjoni. Endesa tikkonstata li l-Kummissjoni f'daqqa waħda lissnet xi dubji fuq dan is-suġġett fil-fażi finali tal-proċedura, meta hija qatt ma talbitha spjegazzjonijiet f'dan ir-rigward qabel. Iktar preċiżament, il-Kummissjoni ma wriet ebda dubju u lanqas ma talbet xi spjegazzjoni bejn id-19 ta' Settembru u t-8 ta' Novembru 2005, id-data li fiha akkordat lil Endesa terminu ta' 24 siegħa sabiex tirrispondi għal sensiela ta' domandi li kienu jkunu determinanti fil-motivazzjoni tad-Deċiżjoni.

197    Barra minn hekk, l-analiżi ta' dan l-aġġustament mhuwiex komplet fir-rigward ta' elementi oħra wkoll u l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni hija manifestament kontradittorja. Skond Endesa, jekk jiġi kkunsidrat li l-kumpanniji ta' distribuzzjoni mhumiex intermedjarji, għandu jiġi vverifikat jekk parti mill-operazzjonijiet ta' distribuzzjoni jikkostitwixxux operazzjonijiet fi ħdan il-grupp jew le u, b'mod partikolari, jekk teżistix kontabbiltà doppja ta' l-istess tranżazzjoni jew le, peress li l-enerġija distribwita minn Endesa Distribución hija akkwistata mingħand Endesa Generación permezz tal-konsorzju.

198    Endesa tindika f'dan ir-rigward li, fl-10 ta' Novembru 2005, il-Kummissjoni talbitha oralment l-ispjegazzjonijiet tagħha fuq dan l-aspett ta' l-aġġustament. B'żewġ ittri elettroniċi tal-11 u t-12 ta' Novembru 2005, Endesa insistiet fuq il-fatt li l-loġika ta' dan l-aġġustament tmur oltri s-sempliċi eliminazzjoni tal-parti li taffettwa biss lill-grupp filwaqt li pproponiet, madankollu li tipprovdi d-data relattiva għall-operazzjonijiet fi ħdan il-grupp. Il-Kummissjoni qatt ma wieġbet dawn l-ittri u fid-Deċiżjoni tagħha m’għamlitx referenza għal din il-kwistjoni.

199    L-analiżi magħmula mill-Kummissjoni hija kontradittorja inkwantu l-Kummissjoni tindika, fid-Deċiżjoni, li hija ma kinitx se tiddeċiedi fuq l-aġġustament propost fir-rigward tal-fatturazzjoni fi ħdan il-grupp, iżda madankollu tirrifjuta l-aġġustament "pass through" li fih parti importanti ħafna tal-bejgħ fi ħdan il-grupp. Barra minn jekk, id-Deċiżjoni tinsisti fuq in-nuqqas ta' importanza ta' l-eventwali tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp, filwaqt li tafferma li Endesa ma pprovdietx id-data dwar il-perċentwali tagħhom, u dan minkejja l-ittri elettronċi msemmija iktar 'il fuq li l-Kummissjoni ma weġbitx.

200    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-partijiet intervenjenti, issostni li l-impriżi ta' distribuzzjoni mhumiex sempliċi intermedjarji kew sempliċi mandatarji u li, għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu respinti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

201    Ir-rikorrenti tinvoka diversi argumenti, ta' motivazzjoni u fuq il-mertu, kontra r-rifjut tal-Kummissjoni li tagħmel aġġustamnet tad-dħul ta' l-inmpriżi ta' distribuzzjoni kkonċernati sabiex telimina d-dħul miksub f'isem terzi. Hija ssostni, essenzjalment, li fid-dritt Spanjol l-impriżi li jiddistribwixxu l-elettriku huma marbuta li jirċievu ċerti ammonti mill-klijenti tagħhom sabiex imbagħad iħallsuhom lill-produtturi ta' l-elettriku u l-operaturi tan-netwerk u li dawn l-ammonti għandhom għaldaqstant jiġu mnaqqsa mid-dħul li jidher fil-kontabbiltà ta' Endesa, peress li ma jirriżultawx mill-"bejgħ ta' prodotti u mill-provvista ta' servizzi [mwettqa mill-impriżi kkonċernati u] li jagħmlu parti mill-attività ordinarja" tagħhom, skond l-Artikolu 5(1) tar-Regolament.

202    Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta' l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni għamlet żball billi bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq il-fatt biss li n-Notifika ma tipprovdi għal ebda aġġustament għas-sitwazzjonijiet ta' ħlas lura, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li r-rikorrenti ma tikkontestax il-legalità ta' l-imsemmija Notifika, iżda ssostni li l-Kummissjoni tatha portata eċċessiva, meta għandha biss valur ta' att ta' interpretazzjoni u hija kellha teżamina l-aġġustamenti proposti skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament li jikkostitwixxi l-unika bażi legali għall-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ.

203    Għandu jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni hija marbuta li tapplika n-notifika sakemm din mhijiex kuntrarja għar-Regolament u li hija tippreċiża li, eċċezzjonalment, għandhom isiru ċerti aġġustamenti f'ċerti ċirkustanzi. Peress li r-rikorrenti fittxet, fil-proċedura amministrattiva, li torbot l-aġġustamenti proposti mal-kategoriji ta' aġġustamenti msemmija fin-Notifika, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li rreferiet, fid-Deċiżjoni, għall-punti 7, 11 u 13 tan-Notifika sabiex tirrespinġi l-argumenti żviluppati fir-rigward ta’ dawn l-istess punti mir-rikorrenti fil-proċedura amministrattiva.

204    Għandu jiġi osservat ukoll li, għalkemm id-Deċiżjoni tindika li n-Notifika mkien ma tirreferi għall-kunċett ta' ammont "trasferit" li ġej mill-bejgħ ta' prodotti u l-provvista ta' servizzi mill-impriża, il-fatt li n-Notifika ma tipprovdix għal aġġustament f’każ ta' ħlas lura ta' spejjeż mhuwiex madankollu l-unika raġuni għalfejn il-Kummissjoni m’għamlitx dan l-aġġustament. Il-Kummissjoni fil-fatt irrilevat ukoll fid-Deċiżjoni (punti 33 l-aħħar parti, 34 u 35) b'mod partikolari li l-impriżi Spanjoli ta’ distribuzzjoni ta' l-elettriku ma jistgħux jiġu mqabbla ma’ impriżi li jaġixxu sempliċiment bħala intermedjarji u li d-dħul mill-bejgħ tagħhom huwa kkostitwit biss mill-ammont ta' kummissjonijiet li jirċievu għar-raġunijiet li ġejjin: il-kumpanniji ta' distribuzzjoni ta' l-elettriku huma marbuta mhux biss li jittrasportaw l-elettriku fuq in-netwerks ta' distribuzzjoni tagħhom, iżda wkoll li jipprovdu l-elettriku lill-klijenti li ddeċidew jibqgħu fis-sistema regolata; id-distribuzzjoni ta' l-elettriku timplika l-bejgħ lil konsumaturi finali ta' prodotti akkwistati minn qabel mid-distributuri; l-ispejjeż marbuta max-xiri ta' l-elettriku għandu jiġi kkunsidrat bħala spejjeż mill-kumpanniji tad-distribuzzjoni; ir-riskju ta' nuqqas ta' pagament mill-klijenti finali tal-prezz ta' l-elettriku pprovdut jaqa' fuq il-kumpanniji ta' distribuzzjoni, u huwa d-distributur li għandu r-responabbiltà ta' kull nuqqas ta' osservanza ta’ l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt magħmul mal-konsumatur finali.

205    Minn dan isegwi li l-iment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni għamlet żball billi bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq il-fatt biss li n-Notifika ma tipprovdi għal ebda aġġustament "pass through" għandu jiġi miċħud.

206    Fir-rigward, fit-tieni lok, ta' l-ilment li ma ngħatatx biżżejjed motivazzjoni, huwa biżżejjed li ssir referenza għall-punti 30 sa 36 tad-Deċiżjoni li jesponu l-motivi kkunsidrati mill-Kummissjoni sabiex jiġi rrifjutat l-aġġustament "pass through", li saret referenza fil-qosor għalihom hawn fuq, sabiex jiġi deċiż li ma jistax jintlaqa'.

207    Imbagħad għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni qisitx ġustament, fid-Deċiżjoni, li ma kienx hemm lok li jsir aġġustament "pass through".

208    F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar qabel kollox, li, kif ġie indikat fil-punt 9 tan-Notifika, il-kunċett ta' dħul mill-bejgħ totali msemmi fl-Artikolu 5 tar-Regolament jirreferi b'mod espliċitu għall-ammonti li jirriżultaw “mill-bejgħ ta' prodotti u mill-provvista ta' servizzi". Il-bejgħ jirrifletti l-attivitajiet ta' l-impriża u huwa għaldaqstant il-kriterju essenzjali għad-determinazzjoni tad-dħul mill-bejgħ, kemm jekk qed issir referenza għal prodotti jew għall-provvista ta' servizzi.

209    Barra minn hekk, l-eżiġenzi taċ-ċertezza legali u tal-ħeffa li jipprevalu fil-kuntest tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet jimplikaw li kemm l-impriżi kif ukoll l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jistgħu jibbażaw ruħhom, bħala regola, fuq kriterju prevedibbli u aċċess immedjat. F'dawn iċ-ċirkustanzi, id-dħul mill-bejgħ li għandu jiġi kkunsidrat sabiex tiġi ddeterminata l-awtorità kompetenti sabiex tirregola operazzjoni ta' konċentrazzjoni għandu, bħala regola, jiġi ddefinit fuq il-bażi tal-kontijiet annwali ppubblikati. Huwa biss eċċezzjonalment, fejn iċ-ċirkustanzi partikolari jiġġustifikaw li jsir hekk, li għandhom isiru ċerti aġġustamenti intiżi sabiex jirreflettu bl-aħjar mod ir-realtà ekonomika ta' l-impriżi kkonċernati.

210    Għandu wkoll jiġi enfassizzat li l-Artikolu 5 tar-Regolament jirreferi għat-totalità tad-dħul mill-bejgħ u mhux biss għal parti minnu biss. B'mod eċċezzjonali, in-Notifika tipprevedi l-possibbiltà li, f’ċerti ċirkustanzi, id-dħul mill-bejgħ jiġi ddeterminat b’mod differenti mir-refenza għat-totalità tal-bejgħ ta' prodotti u provvista ta’ servizzi. Il-punt 13 tan-Notifika jippreċiża f'dan ir-rigward:

"Minħabba l-komplessità tas-settur tas-servizi, jista' jkun hemm il-bżonn li dan il-prinċipju ġenerali jkun addattat għall-kondizzjonijiet speċifiċi tas-servizz provdut. Għalhekk, f'ċerti setturi ta' attività (bħat-turiżmu u r-riklamar), is-servizz jista' jinbiegħ permezz ta' intermedjarju. Minħabba d-diversità ta' dawn is-setturi, jista' jkun hemm sitwazzjonijiet differenti. Per eżempju, il-valur ta' bejgħ [id-dħul mill-bejgħ] ta' impriża li toffri s-servizzi u li taġixxi bħala intermedjarju jista' jikkonsisti biss mill-ammont ta' kommissjonijiet li tirċievi".

211    Għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li dan il-punt tan-Notifika jirrigwarda kategorija partikolari ta' intermedjarji ġejjin biss mis-settur tas-servizz u fejn l-uniku ħlas huwa l-kummissjoni li huma jirċievu. Għaldaqstant, din hija eċċezzjoni għar-regola ġenerali li d-dħul mill-bejgħ totali relevanti għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi ta' l-ammont totali ta' bejgħ. Bħala konsegwenza, dan il-kunċett ta' intermedjarju għandu jiġi interpretat b'mod restrittiv.

212    għandu jiGħandu jiġi osservat ukoll li, ir-rikorrenti ma tippretendix li, skons id-dritt Spanjol, l-attività tagħha hija eżerċitata fil-kuntest ta' kuntratt ta' aġenzija jew ta' kummissjoni, jew taħt forma oħra ta' kuntratt simili. B‘hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tbigħx l-elettriku lill-konsumatur finali f'isem jew għall-prodotturi ta' l-elettriku jew operaturi tan-netwerk.

213    Barra minn hekk, fin-nuqqas ta' elementi ta' natura legali mressqa minn Endesa fis-sens kuntrarju, ir-rapport legali li jeżisti bejn Endesa u l-konsumaturi finali għandu jiġi analizzat bħala kuntratt ta' bejgħ ta' elettriku. Dan il-bejgħ huwa att kummerċjali li jimplika t-trasferiment ta' proprjetà.

214    Dan japplika wkoll għar-rapport legali li jeżisti bejn Endesa u l-produttur ta' l-elettriku li jforniha, kemm jekk permezz tal-borża ta' elettriku OMEL jew mod ieħor. L-Artikolu 41(2) tal-liġi Spanjola Nru 54/1997 dwar is-sistema ta' produzzjoni u distribuzzjoni ta' l-elettriku jipprovdi li d-distribututri ta’ l-elettriku għandhom b'mod partikolari d-dritt jixtru l-elettriku neċessarju sabiex tiġi assigurata l-provvista lill-klijenti tagħhom u jiġi assigurat li jirċievu l-ħlas li jikorrispondi għall-eżerċizzju ta' l-attività ta' distribuzzjoni. L-Artikolu 45(1)(h) ta' l-istess liġi jiddisponi li l-impriżi ta’ distribuzzjoni huma obbligati, għall-finijiet tal-kunsinna ta' l-enerġija elettrika, jakkwistaw l-enerġija neċessarja sabiex jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom u jħallsu għall-akkwisti tagħhom skond il-proċedura ta' likwidazzjoni stabbilita għal dan il-għan.

215    Fid-dawl ta' dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom jiġu respinti l-argumenti magħmula mir-rikorrenti waqt is-seduta, li jgħidu li d-distributur mhuwiex il-proprjetarju ta' l-enerġija, għax fil-mument fejn il-produttur jiċċirkola l-enerġija fis-sistema, din issir b’mod immedjat il-proprjetà tal-klijent. L-Artikolu 11(4) tal-liġi Nru 54/1997 jiddisponi wkoll li, ħlief jekk jiġi miftiehem mod ieħor, it-trasferiment tal-proprjetà ta' l-enerġija elettrika jeħħ fil-mument meta din tidħol fl-installazzjoni tax-xerrej.

216    Minn dan isegwi li l-attività tad-distributuri li tikkonsisti, b'mod partikolari, fix-xiri ta' l-elettriku jew gass mingħand il-fornituri tagħhom u li jassiguraw id-distribuzzjoni u l-bejgħ tagħhom lill-konsumatur finali ma tistax tiġi definita bħala provvista ta' servizzi limitata għall-provvista ta' prodott f'isem il-produtturi u l-operaturi l-oħra. Endesa, għaldaqstant, ma tistax, mill-perspettiva legali, tiġi kkunsidrata bħala sempliċi intermedjarja skond il-punt 13 tan-Notifika u ma tistax, bħala regola, tkun is-suġġett ta' eċċezzjoni li hija prevista fiha, peress li d-dħul li hija tikseb mid-distribuzzjoni jikkorrispondi għall-attivitajiet ordinarji tagħha fis-sens ta' l-Artikolu 5(1) tar-Regolament. Għalhekk, l-aġġustament in kwistjoni ma jistax jiġi ġġustifikat min-natura allegatament eċċezzjonali ta' l-attività ta' bejgħ ta' l-impriżi ta’ distribuzzjoni.

217    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 20 tal-liġi Nru 54/1997 ma jdaħħal ebda dispożizzjoni partikolari sabiex tiġi kkunsidrata partikolarità ta' impriżi bħal dik tar-rikorrenti. B’hekk, it-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tiegħu jinqara kif ġej: "F'dak li jirrigwarda l-kumpanniji li għandhom bħala għan it-twettiq ta' l-attivitajiet regolati, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11(2) ta’ din il-liġi, dawn il-kumpanniji għandhom iżommu fil-kontabbiltà tagħhom, kontijiet separati li jiddivrenzjaw bejn id-dħul u l-ispejjeż relattivi biss għall-attività tat-trasport, l-attività ta' distribuzjzoni u, jekk ikun il-każ, l-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni u ta' bejgħ lill-klijenti għal prezz fiss". Kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni ma tirreferix għall-PĠK Spanjoli applikabbli għas-sempliċi mandatarji.

218    Madankollu, Endesa tallega li l-Kummissjoni ma vverifikatx jekk l-impriżi ta' distribuzzjoni effettivament jeħdux xi benefiċċji ekonomiċi minn din l-attività, li jmorri oltri s-sempliċi ħlas għas-servizzi tagħhom iddeterminat mit-tariffi regolati.

219    F'dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li l-ħlas ta' l-attività ta' distribuzzjoni huwa, b'mod ftit jew wisq wiesa’, irregolat ma jistax ikun biżżejjed, waħdu, sabiex jiġi konkluż li l-ħlas tad-distributuri għandu jiġi definit bħala sempliċi kummissjoni għall-finijiet ta' l-applikazzjoni tar-Regolament.

220    Madankollu, Endesa ssostni li r-rwol ta' intermedjarju ta' l-impriżi ta’ distribuzzjoni jirriżulta b'mod ċar mill-Artikolu 4 tad-Digriet Irjali Nru 2017/1997, tas-26 ta' Diċembru 1997, li jorganizza u jirregola l-proċedura ta' likwidazzjoni ta' l-ispejjeż tat-trasport, tad-distribuzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni skond tariffa, kif ukoll l-ispejjeż permanenti tas-sistema, tad-diversifikazzjoni u tas-sigurtà tal-provvista.

221    Madankollu, ma jirriżultax minn dan l-Artikolu li l-attività ta' distribuzzjoni hija dik ta' sempliċi intermedjarja. B'mod partikolari, dan l-Artikolu ma jindikax li impriża ta' distribuzzjoni żżomm biss il-ħlas għas-servizz tagħha u tittrasferixxi l-bqija lill-operaturi l-oħra, iżda jistabbilixxi lista ta' dħul u ta' spejjeż likwidabbli għall-finijiet ta' l-applikazzjoni tad-Digriet Irjali.

222    Fir-rigward tFir-rigward tal-fatt, allegat mir-rikorrenti, li l-operazzjonijiet imwettqa mill-impriżi ta’ distribuzzjoni ma jżidu ebda valur lit-tranżazzjoni, għandu jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li d-distribuzzjoni fiha sensiela ta' attivitajiet li jmorru oltri s-sempliċi provvista ta' enerġija. B’hekk, id-distributur juża wkoll it-trade mark tiegħu, jipprovdi servizz integrali lill-klijent, li jinkludi s-servizz lill-klijent, ir-rakkomandazzjonijiet ta' sigurtà, l-ispezzjoni ta' l-installazzjonijiet, il-qari tal-miters, il-fatturazzjoni, u l-irkupru. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-fatt li settur ikun regolat b’ebda mod ma joħloq finzjoni ekonomika li d-distribuzzjoni ma tiġġenera ebda valur miżjud jew fluss ta’ proffitti.

223    Fir-rigward ta' l-argumenti tar-rikorrenti li, minn naħa, l-ħlas lill-impriżi ta' distribuzzjoni huwa stabbilit kull sena indipendentement mix-xiri u l-bejgħ ta' l-enerġija, u min-naħa l-oħra, dawn l-impriżi ma jassumu ebda riskju ta' nuqqas ta' ħlas, għandu jiġi osservat qabel kollox, li d-Digriet Irjali Nru 2819/1998 dwar ir-regolazzjoni ta' l-attivitajiet ta' trasport u ta’ distribuzzjoni ta’ l-enerġija elettrika jiffissa, fl-Artikolu 15, l-elementi għall-ħlas ta’ l-attività ta’ distribuzzjoni, jiġifieri: l-ispejjeż ta' l-investiment, l-użu u l-manutenzjoni ta' l-installazzjonijiet, l-ispejjeż ta' l-enerġija ttrasportata, l-ispejjeż ta' mudell li jikkaraterizza ż-żoni ta' distribuzzjoni, l-ispejjeż ta' l-inċentivi għall-kwalita tal-provvista u għat-tnaqqis tat-telf u spejjeż oħra neċessarji għall-eżerċizzju ta' l-attività ta' distribuzzjoni, li fosthom jidhru l-ispejjeż tal-ġestjoni kummerċjali.

224    Peress li wieħed mill-elementi tal-ħlas ta' attività ta' distribuzzjoni huwa l-ispejjeż ta' l-enerġija ttrasportata, isegwi li l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-ħlas ta' l-impriżi ta' distribuzzjoni huwa indipendenti b'mod assolut mill-bejgħ ta' enerġija li huma jwettqu u, bħala konsegwenza ta’ dan, tal-kwantità ta' enerġija pprovduta lilhom, mhijiex fondata.

225    Għandu jiġi osservat ukoll li għalkemm, skond l-Artikolu 20 tad-Digriet Irjali Nru 2819/1998, il-ħlas globali ta' l-attività ta' distribuzzjoni huwa kkalkulat b'mod annwali ex ante, id-distributuri għandhom madankollu jassumu r-riskji li jirriżultaw mill-ġestjoni proprja tagħhom, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-previżjonijiet tagħhom tad-domanda. Fil-fatt, id-distributur jixtri l-elettriku mill-konsorzju bil-prezz tas-suq, iżda, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(e), tad-Digriet Irjali Nru 2017/1997, jitħallas fuq il-bażi tal-prezz medju. B’hekk, waqt il-likwidazzjoni ta' l-ispejjeż ta' xiri ta' l-enerġija, skond l-Anness I.6 tad-Digriet Irjali Nru 2017/1997, l-ispejjeż imputati lid-distributur mhumiex fir-realtà l-prezz li huwa ħallas fis-suq, iżda l-prezz medju tax-xiri ta' l-enerġija mid-distributuri waqt il-perijodu ta' likwidazzjoni. Għalhekk, id-distributur li jħallas prezz ogħla mill-medja jitlef id-differenza, peress li jkun ħallas prezz reali ogħla minn dak li jiġi effettivament imħallas lilu. Għall-kuntrarju, id-distributur li jħallas prezz iktar baxx mill-medja jikseb benefiċċju addizzjonali. Minn dan isegwi li, kif tirkonoxxi r-rikorrenti fir-risposta tagħha għad-domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, is-sistema fis-seħħ tassigura biss ħlas teoretiku għall-attività ta' distribuzzjoni u l-ħlas reali jiddependi fuq il-livell ta' effikaċja tad-distributuri waqt ix-xiri ta' enerġija.

226    Barra minn hekk, fir-rigward tal-bejgħ ta' l-elettriku tad-distributuri lill-konsumaturi finali, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma wrietx l-ineżatezza ta' l-affermazzjoni li tidher fil-premessa 35 tad-Deċiżjoni li tgħid li r-riskju ta' nuqqas ta' pagament mill-klijenti finali tal-prezz (regolat) ta' l-elettriku pprovdut huwa sostnut mill-kumpanniji ta' distribuzzjoni. Jekk huwa veru li jeżisti mekkaniżmu li jippermetti li jiġi kkunsidrat, sa ċertu punt, ir-riskju ta' nuqqas ta' ħlas b'mod ġenerali, jibqa’ l-fatt li huwa d-distributur li jassumi r-riskju ta' nuqqas ta' ħlas, kif jirriżulta mill-aħħar frażi ta' l-Artikolu 4(a) tad-Digriet Irjali Nru 2017/1997, li tipprovdi li "fil-proċedura ta' likwidazzjoni huwa kkunsidrat id-dħul miksub b’dan il-mod, mid-data ta' fatturazzjoni, indipendentement mill-ġbir tiegħu". Peress li din id-dispożizzjoni tagħmel referenza għall-fatturazzjoni u mhux għall-ammonti effettivament miksuba, ir-riskju ta' nuqqas tal-ħlas tal-fattura mill-klijent għandu jiġi kkunsidrat bħala responsabbiltà ta' l-impriża ta' distribuzzjoni.

227    Il-fatt li l-Artikolu 79(7) tad-Digriet Irjali Nru 1955/200, dwar ir-regolamentazzjoni ta' l-attivitajiet ta' trasport, ta' distribuzzjoni, ta' kummerċjalizzazjoni, tal-provvista, kif ukoll tal-proċedura ta' awtorizzazzjoni ta' l-installazzjonijiet ta' l-enerġija elettrika, jipprovdi li l-impriżi ta' l-elettriku jistgħu jitolbu l-kostituzzjoni ta' garanzija ma jinvalidax din il-konklużjoni. Fil-fatt, minn naħa, l-ammont ta' din il-garanzija huwa limitat għall-fatturazzjoni mensili ta' 50 siegħa ta' użu għall-enerġija installata. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni tipprovdi wkoll li ċerti kategoriji ta' konsumaturi skond zoni ġeografiċi determinati jistgħu jiġu eżentati mill-ħlas ta' din il-garanzija. Fl-aħħar, skond is-sitt dispożizzjoni tranżitorja ta' dan id-Digriet Irjali, din il-garanzija ma tistax tintalab mingħand konsumaturi li diġà jirċievu provvista b'tariffa regolata fil-mument tad-dħul fis-seħħ tiegħu. Issa, kif tosserva l-Kummissjoni li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti dwar dan il-punt, il-maġġoranza l-kbira tal-konsumaturi ta' l-elettriku b’tariffa regolata kienu ffirmaw il-kuntratt ta' provvista elettrika tagħhom qabel is-sena 200. Minn dan isegwi li dawn il-garanziji jkopru biss parti limitata tar-riskju ta' nuqqas ta' ħlas.

228    Fir-rigward tal-fatt li l-kwalifika ta' l-impriżi ta' distribuzzjoni bħala intermedjarji, tikkorrispondi għall-prattika abitwali tas-settur ta' l-enerġija fi Spanja, għandu madankollu jiġi osservat li, għalkemm dan il-punt mhuwiex deċisiv, li, mid-domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza u l-osservazzjonijiet magħmula mill-partijiet waqt is-seduta, jirriżulta nuqqas ta' unanimità fir-rigward tal-prattika ta' l-aġġustament "pass through" fost l-impriżi tas-settur.

229    Fl-aħħar, fir-rigward ta' l-affermazzjoni tar-rikorrenti li r-rifjut li jiġi kkunsidrat l-aġġustament "pass through" huwa vvizzjat b'nuqqas gravi fl-analiżi, li jfisser abbuż tal-poter u nuqqas ta' motivazzjoni, fis-sens li l-Kummissjoni f'daqqa waħda lissnet xi dubji fir-rigward ta’ dan l-aġġustament fil-fażi finali tal-proċedura, filwaqt li hija qatt ma kienet talbet xi spjegazzjonijiet mingħand Endesa f'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-fatt li ċerta informazzjoni nġabret fi tmiem il-proċedura ma jistax bħala tali, jivvizzja d-Deċiżjoni b'illegalità. Barra minn hekk, il-kumplessità tal-kawża hija ta' tali natura li tiġġustifika li l-Kummissjoni ppruvat tikseb, anke jekk fi stadju avvanzat tal-proċedura u wara li kellha konoxxenza iktar dettaljata tal-kuntest, ċerta informazzjoni addizzjonali. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe kaz, it-talba għal informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni fit-28 ta' Settembru 2005 kien diġà fiha diversi domandi relattivi għall-eventwali eliminazzjoni ta' ċertu dħul irċevut fi Spanja (domandi 2 u 3) u li r-rikorrenti għamlet fir-risposta tagħha xi kjarifikazzjonijiet fir-rigward ta' l-aġġustament "pass through" (ittra tal-5 ta' Ottubru 2005).

230    Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li l-argumenti tar-rikorrenti mressqa in sostenn ta' l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta' aġġustament "pass through" għandhom jiġu miċħuda.

231    F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li mhuwiex neċessarju li jiġi eżaminat il-mertu ta’ l-argument ssusidjarju tar-rikorrenti li anki jekk jiġi kkunsidrat li l-kumpanniji ta' distribuzzjoni mhumiex intermedjarji, għandu xorta waħda jiġi vverifikat jekk parti mill-operazzjonijiet ta' distribuzzjoni jikkostitwixxux operazzjoni fi ħdan il-grupp. Fil-fatt, jirriżulta mir-risposta tar-rikorrenti għad-domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li dan l-aġġustament korrispondenti huwa ta’ 1510 miljun EUR. Issa, jirriżulta mill-fajl li anke jekk l-aġġustamenti kollha l-oħra proposti mir-rikorrenti jiġu aċċettati u jekk il-"kontra-aġġustamenti" kollha li tipproponi Gas Natural jiġu miċħuda, dan l-ammont ma jkunx biżżejjed biex l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni jista' jkolla dimensjoni Komunitarja.

232    Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-ewwel parti tar-raba' motiv għandha tiġi miċħuda.

233    Peress li l-aġġustament "pass through" huwa fi kwalunkwe każ neċessarju sabiex id-dimensjoni Komunitarja tal-konċentrazzjoni tkun tista' tintlaħaq, lanqas ma hemm bżonn li tiġi eżaminata t-tieni parti tal-motiv relattiva għall-kummerċ tal-gass.

234    Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li r-raba' motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv ibbażat fuq il-vjolazzjoni tal-kriterji elenkati fin-Notifika, fuq in-nuqqas ta' analiżi u ta' motivazzjoni u fuq l-abbuż ta' poter

 L-argumenti tal-partijiet

235    Endesa tikkunsidra li, minħabba r-raġunijiet imsemmija fit-tieni, fit-tielet u fir-raba' motivi ta' annullament, kif ukoll minħabba l-vizzji fil-proċedura li jivvizzjaw id-Deċiżjoni, din għandha tiġi annullata mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-evalwazzjoni manifestament żbaljata li l-Kummissjoni għamlet fuq l-aġġustamenti proposti l-oħra. Hija tindika li, fid-dawl tat-talba tagħha li r-rikors jiġi ttrattat skond il-proċedura mħaffa, hija tillimitha ruħha li ssostni n-nuqqas tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni f'dan ir-rigward.

236    Endesa tikkritika l-approċċ adottat mill-Kummissjoni li jikkonsisti fl-invokazzjoni ta' nuqqas ta' bażi legali speċifika fin-Notifika, sabiex tiċħad diversi aġġustamenti, u fl-eżaminazzjoni ta’ ċerti aġġustamenti u mhux ta’ oħrajn.

237    Fir-rigward ta' l-ewwel punt, il-Kummissjoni terġa’ ma tagħtix kas tal-fatt li l-bażi legali għall-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ ta' l-impriżi kkonċernati huwa l-Artikolu 5 tar-Regolament u mhux in-Notifika. Il-fatt li jiġu kkunsidrati bħala ammissibbli biss l-aġġustamenti previsti fiha jew fit-terminu fejn huma indikati hemmhekk, mingħajr ma jiġi mistoqsi jekk dawn l-aġġustamenti humiex konformi mar-Regolament jew le, jikkostitwixxi żball manifest.

238    Fir-rigward tat-tieni punt, Endesa ssostni li l-Kummissjoni kien imissha spjegat skond liema kriterji hija għażlet l-aġġusatamenti li kien jistħoqqilhom li jiġu analizzati u l-aġġustamenti li għalihom tali analiżi setgħat ma ssirx. Il-ġustifikazzjoni pprovduta fil-punt 70 tad-Deċiżjoni li "il-Kummissjoni tikkunsidra […] li mhuwiex neċessarju tikkonkludi fuq dan il-punt, peress li l-konċentrazzjoni mhijiex ta' dimensjoni Komunitarja, anke jekk dawn l-aġġustamenti jiġu aċċettati", hija inaċċettabbli peress li l-istess ġustifikazzjoni setgħat ingħatat għal diversi aġġustamenti oħra ħafna inqas importanti u li minkejja dan ġew eżaminati.

239    Endesa tinvoka elementi oħra li, kkunsidrati flimkien, jikkostitwixxu indizji ċari u mhux ekwivoċi ta' abbuż ta' poter. Hija ħaġa stramba, per eżempju, li l-Kummissjoni ma tevalwa ebda wieħed mill-argumenti ta' Gas Natural, bl-eċċezzjoni ta' wieħed biss, relattiv għall-"kumpannija mhux konsolidati" tal-grupp, li, anke jekk b'mod mhux sinifikattiv, huwa favur tagħha. Ikun iktar sinifikattiv li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni naqset milli ssemmi fid-Deċiżjoni l-każ ta' kumpannija oħra mhux konsolidata (Ergon Energía) li Endesa kienet semmit fir-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-4 ta' Novembru 2005. Issa, li kieku kellhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-kumpanniji mhux konsolidati kollha, l-argument favur id-dimensjoni Komunitarja tal-konċentrazzjoni jkun iktar konvinċenti mill-argument kuntrarju. Il-motivazzjoni tal-punt relattiv għad-dħul supplimentarju ta' Endesa fl-Italja (punti 60 sa 64 tad-Deċiżjoni) ukoll hija sorprendenti, peress li l-Kummissjoni talludi għal żewġ entrati iżda ma ddeċidietx fuq dik li ekonomikament kienet iktar importanti.

240    Endesa ssostni li qari b'attenzjoni tad-Deċiżjoni jippermetti li jinftiehem li l-uniku għan tal-Kummissjoni kien li jiġi limitat ir-riskju li d-Deċiżjoni tiġi annullatta mill-Qorti tal-Prim'Istanza, meta huwa l-kompitu tagħha li timplementa r-regoli dwar il-kompetenza, u b'mod partikolari li tesponi r-raġunijiet għalfejn ċaħdet l-aġġustamenti proposti.

241    Hija tafferma li l-fatt li l-Kummissjoni ma wettqitx ir-responsabbiltà tagħha fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kompetenza tagħha jikkostitwixxi abbuż ta' poter li, barra minn hekk, jikser id-drittijiet tad-difiża fin-nuqqas ta' motivazzjoni suffiċjenti, filwaqt li Endesa kkollaborat b'mod attiv matul il-proċedura kollha billi pprovdiet sensiela ta' data mitluba mill-Kummissjoni.

242    It-terminu ta' 24 siegħa mogħti lil Endesa sabiex tirrispondi għal talba għal informazzjoni mibgħuta 50 ġurnata wara l-bidu tal-proċedura u li kien se jkun determinanti fil-motivazzjoni tad-Deċiżjoni huwa indizju addizzjoanli ta' abbuż ta' poter u jikkostitwixxi, barra minn hekk, ksur tad-drittijiet tad-difiża.

243    Fid-dawl ta' l-elementi msemmija hawn fuq u b'mod partikolari tan-nuqqas ta' ġustifikazzjoniji għall-għażla ta' aġġustamenti eżaminati u ta' insuffiċjenza ta' motivazzjoni u meta jitqiesu l-argumenti relattivi għaż-żewġ ilmenti prinċipali (relattivi għall-istandards tal-kontabbiltà minn naħa, u għall-aġġustament "pass through" u għall-aġġustament dwar il-kummerċ tal-gass min-naħa l-oħra), Endesa tikkunsidra li huwa inutli li tiżviluppa l-argumenti tagħha li jikkontestaw l-evalwazzjoni tad-diversi aġġustamenti eżaminati fil-punti 37 sa 72 tad-Deċiżjoni.

244    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-partijiet intevenjenti, tafferma li dan il-motiv huwa kompost minn argumenti diversi, li jillimitaw ruħhom essenzjlament sabiex jesprimu s-sorpriża tar-rikorrenti quddiem ċerti aspetti tad-Deċiżjoni u li l-uniku għan tagħhom jidher li huwa li jagħmlu mezz li l-evalwazzjoni ta' l-aggustamenti li ma ġewx ikkontestati espressament tiġi kkunsidrata bħala kkontestata. Il-Kummissjoni ssostni li din il-kritika b’ebda mod ma hija sostnuta u ma tirreferi għal ebda silta preċiża mid-Decizjoni. Għalhekk, hija tikkunsidra li dan huwa motiv inammissibbli peress li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta' forma previsti fl-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura. Hija żżid li anki li kieku l-iżbalji allegati kienu reali, ma jikkonstitwixxux prova ta' abbuż ta' poter.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

245    Fil-kuntest ta' dan il-motiv, ir-rikorrenti tagħmel sensiela ta' argumenti eteroġenji, dwar l-aġġustamenti l-oħra rrifjutati fid-Deċiżjoni, dwar l-aġġustamenti li l-Kummissjoni ma ddeċidietx dwarhom fid-Deċiżjoni, jew dwar it-terminu għar-risposta ghat-talba għal informazzjoni. Fl-aħħar ir-rikorrenti tinvoka abbuż ta' poter.

246    Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta' l-eżami ta' l-aġġustamenti l-oħra proposti u li ġew analizzati fid-Deċiżjoni, ir-rikorrenti tillimita ruħha sabiex issostni li l-Kummissjoni rrifjutathom minħabba l-fatt biss li mhumiex previsti min-Notifika.

247    Huwa minnu li, kif tfakkar il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza diġà kellha l-okkażjoni tindika li proċedura mħaffa, li fiha ma ssirx it-tieni fażi ta' sottomissjonijiet bil-miktub, tippresupponi li l-argumenti tar-rikorrenti huma stabbiliti mill-bidunett fir-rikors b'mod ċar u definittiv (sentenza EDP vs Il-Kummissjoni, punt 93 iktar 'il fuq, punt 183). Madankollu, f’dan il-każ, l-ilment huwa ammissibbli inkwantu, minkejja li huwa espost verament fil-qosor u ma tantx huwa sostnut, jista' xorta waħda jinftiehem bħala li jirrigwarda żball imwettaq mill-Kummissjoni, li kkunsidrati bħala ammissibbli biss l-aġġustamenti previsti fin-Notifika, mingħajr ma vverifikat jekk dawn l-aġġustamenti kinux konformi jew le mal-previżjonijiet tar-Regolament.

248    Madankollu, dan l-ilment għandu jiġi miċħud fil-mertu. Jirriżulta fil-fatt minn eżami tad-Deċiżjoni li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma ċaħdet ebda wieħed mill-aġġustamenti in kwistjoni biss minħabba li ma kienx previst espliċitament fin-Notifika.

249    UkoBarra minn hekk, ir-rifjut ta' l-aġġustamenti msemmija fil-punti 41 sa 44 tad-Deċiżjoni mhuwiex ibbażat fuq in-Notifika, iżda fuq il-fatt li dawn huma aġġustamenti li ma ġewx ivverifikati jew li mhumiex fonadati (punt 44 tad-Deċiżjoni). Lanqas ma saret referenza għan-Notifika fir-rigward ta' l-aġġustament analizzat fil-punti 45 sa 50 tad-Deċiżjoni. Barra minn hekk, ir-rifjut ta' l-aġġustament eżaminat fil-punti 51 sa 55 tad-Deċiżjoni huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjoni li dawn huma spejjeż li l-impriżi ta' l-elettriku għandhom jagħmlu sabiex jibqgħu attivi fis-suq u l-konklużjoni tirreferi għall-Artikolu 5(1) tar-Regolament. L-aġġustament eżaminat fil-punti 56 u 57 tad-Deċiżjoni ġie rrifjutat minħabba li, mill-perspettiva tal-kontabbiltà, it-trasferiment ta' l-attivi in kwistjoni kellu jiġi kkunsidrat fih innifsu bħala dħul, kemm jekk l-attivi trasferiti jiġġeneraw dħul minnhom infushom jew le. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li dan it-tip ta' prattika kien komuni, jew, għall-inqas, mhux eċċezzjonali. Il-konklużjoni tirreferi wkoll għall-Artikolu 5(1) tar-Regolament. Il-kritika tar-rikorrenti lanqas ma hija fondata f'dak li jirrigwarda l-aġġustament ezaminat fil-punti 58 u 59, li fihom huwa indikat li Endesa ma wrietx b'mod biżżejjed ċar li d-dħul in kwistjoni jikkonċerna fir-realta' snin preċedenti, u lanqas f'dak li jirrigwarda l-aġġustament eżaminat fil-punti 60 sa 64 tad-Deċiżjoni, li ġie rrifjutat skond il-prinċipju ta' prudenza u r-Regolament stess. Fl-aħħar, fir-rigward ta' l-aġġustament eżaminat fil-punti 65 sa 68 tad-Deċiżjoni, il-konklużjoni wkoll tirreferi għall-Artikolu 5 tar-Regolament.

250    Minn dan isegwi li l-ilment tar-rikorrenti dwar l-aġġustamenti l-oħra rrifjutati fid-Deċiżjoni ma jistax jiġi milqugħ.

251    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tistax tirriżerva l-possibbiltà li tqajjem sussegwentement motivi jew argumenti ġodda. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li d-Deċiżjoni hija definittiva f'dak li jirrigwarda l-aġġustamenti l-oħra proposti minn Endesa li ġew analizzati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni.

252    Fir-rigward, fit-tieni lok, ta' l-ilment relattiv għall-aġġustamenti li fuqhom il-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kien imissha spjegat skond liema kriterju hija għażlet l-aġġustamenti li kien jistħoqqilhom jiġu analizzati u l-aġġustamenti li għalihom tali analiżi setgħat ma ssirx. Hija ssostni li din l-għażla hija kompletament nieqsa minn ġustifikazzjoni u għandha bħala konsegwenza li ċċaħħad id-Deċiżjoni mill-mertu jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza tilqa' wieħed miż-żewġ motivi prinċipali, jew it-tnejn li huma, relattivi, minn naħa, għall-istandards tal-kontabbiltà li għandhom jintużaw, u min-naħa l-oħra, għall-aġġustament "pass through" u l-aġġustament li jikkonċerna l-kummerċ tal-gass.

253    Dan l-ilment ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, huwa paċifiku li anke li kieku t-totalità ta' l-aġġustamenti li fuqhom il-Kummissjoni ma ddeċidietx ġew aċċettati, il-konċentrazzjoni ma kinitx tkun ta' dimensjoni Komunitarja, peress li dan jista’ jiġri biss jekk, barra minn hekk, jiġu aċċettati jew il-kontijiet IFRS prodotti mir-rikorrenti, jew iż-żewġ aġġustamenti li jikkonċernaw il-ħlas lura u l-kummerċ tal-gass. Peress li l-Kummissjoni kkonkludiet fid-Deċiżjoni tagħha li tirrifjuta kemm il-kontijiet IFRS kif ukoll iż-żewġ aġġustamenti, kien għaldaqstant inutli li hija teżamina l-bqija ta' l-aġġustamenti proposti minn Endesa.

254    Ir-rikorrenti lanqas ma tista' tallega nuqqas ta' motivazzjoni f'dan ir-rigward. Fil-fatt, id-dmir ta' motivazzjoni, b'mod partikolari fil-kuntest tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet li jitlob adozzjoni mgħaġġla tad-deċiżjonijiet, ma jeħtieġx li l-Kummissjoni tieħu pożizzjoni fuq aġġustamenti li, anke jekk jiġu aċċettati, ma jwasslu għal ebda konsegwenza, peress li diġà jirriżulta b'mod suffiċjenti skond il-liġi minħabba r-rifjut ta' l-aġġustamenti l-oħra li l-konċentrazzjoni m'għandhiex dimensjoni Komunitarja.

255    Għall-istess raġuni, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti bbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma evalwat ebda wieħed mill-aġġustamenti proposti minn Gas Natural (bl-eċċezzjoni ta' dak li huwa kontra Endesa) u lanqas dawk relattivi għall-kumpanniji mhux konsolidati, b'mod partikolari Ergon Energia. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li jekk madankollu l-Kummissjoni aċċettat waħda mill-aġġustamenti proposti minn Gas Natural, dan ġara minħabba l-fatt li anke r-rikorrenti stess kienet amettiet li dan kien fondat. Fl-aħħar l-allegazzjoni relattiva għal nuqqas ta' eżami ta' l-aġġustamenti proposti minn Gas Natural ma jagħmilx sens peress li l-"kontro-aġġustamenti" proposti minn Gas Natural kellhom bħala effett li jgħollu l-proporzjon tad-dħul mill-bejgħ li r-rikorrenti kisbet fi Spanja.

256    Fir-rigward, fit-tielet lok, ta' l-affermazzjoni tar-rikorrenti li qari b'attenzjoni tad-Deċiżjoni jippermetti li jinftiehem li l-uniku għan tal-Kummissjoni kien li tillimita r-riskju li d-Deċiżjoni tiġi annullata mill-Qorti tal-Prim'Istanza, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli tassigura l-legalità tad-Deċiżjonijiet tagħha sabiex dawn ma jiġux annullati mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

257    F'dak li jirrigwarda, fir-raba' lok, l-ilment ibbażat fuq il-fatt li ngħatalha terminu ta' 24 siegħa biss sabiex tirrispondi għal talba għal informazzjoni li ntbagħtet 50 ġurnata wara l-bidu tal-proċedura u li kienet determinanti fil-motivazzjoni tad-Deċiżjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma talbitx li jiġi estiż it-terminu, u setgħat tirrispondi fiż-żmien mogħti.

258    Fl-aħħar, fir-rigward, fil-ħames lok, ta' l-ilment, ta' l-ilment ibbażat fuq abbuż ta' poter, għandu jiġi mfakkar li att huwa vvizzjat b'abbuż ta' poter biss meta jidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li dan ġie adottat esklużivament jew almenu b'mod determinati, sabiex jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk iddikjarati jew sabiex tiġi evitata proċedura prevista speċifikament mit-Trattat sabiex jiġu evitati ċ-ċirkustanzi tal-każ (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ġunju 1984, Lux vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, 69/83, Ġabra p. 2447, punt 30; tat-13 ta' Novembru 1990, Fendesa et, C-331/88, Ġabra p. I-4023, punt 24; tat-13 ta' Lulju 1995, Il-Parlament vs Il-Kummissjoni, C-156/93, Ġabra p. I-2019, punt 31; ta' l-14 ta' Mejju 1998, Windpark Groothusen vs Il-Kummissjoni, C-48/96P, Ġabra p. I-2873, punt 52, u tat-22 ta' Novembru 2001, L-Olanda vs Il-Kunsill, C-110/97, Ġabra p. I-8763, punt 137). Peress li ebda wieħed mill-vizzji jew żbalji allegati mir-rikorrenti, kemm fil-kuntest ta’ dan il-motiv, kif ukoll tal-motivi l-oħra tar-rikors, sabiex tintwera l-eżistenza ta' abbuż ta' poter allegat, m'huwa fondat, l-ilment għandu jiġi miċħud. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi kkunsidrat li l-iżbalji allegati kienu reali, ma jistgħux jikkostitwixxu prova ta' abbuż ta' poter.

259    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

260    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal qabel li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

 Fuq l-ispejjeż

261    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet għandhu jiġi deċiż li r-rikorrenti tbati, barra l-ispejjeż tagħha, dawk tal-Kummissjoni u ta' Gas Natural, inklużi dawk relattivi għall-proċedura għal miżuri provviżorji, kif mitlub mill-Kummissjoni u mill-partijiet intervenjenti.

262    Skond l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, ir-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta' u tiddeċiedi :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni u ta' Gas Natural SDG, SA, inklużi dawk relattivi għall-proċeduri għal miżuri provviżorji.

3)      Ir-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Jaeger

Tiili

Czúcz

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta' Lulju 2006.

E. Coulon

 

      M. Jaeger

Reġistratur

 

      President



Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Regolamenti dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet

Leġiżlazzjoni dwar il-kontabbiltŕ tal-kumpanniji

Notifika dwar il-kalkolazzjoni tad-dħul mill-bejgħ

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq vizzji fil-proċedura

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet fuq it-talbiet biex issir referenza qabel id-deċiżjoni

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta' trasparenza u l-ksur tad-drittijiet tad-difiża

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta' sospensjoni tal-proċedura nazzjonali.

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-inverżjoni ta’ l-oneru tal-prova u n-nuqqas ta' motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta' użu tal-kontijiet stabbiliti skond l-istandards tal-kontabbiltŕ IAS/IFRS.

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta' użu ta' l-istandards IAS/IFRS bħala l-uniċi standards tal-kontabbiltŕ fis-seħħ.

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-prevalenza ta' l-istandards tal-kontabbiltŕ IAS/IFRS

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żbalji ta' dritt u zbalji manifesti ta' evalwazzjoni li jaffettwaw ir-rifjut tal-kontijiet reżi konformi.

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq ir-raba' motiv dwar ir-rifjut ta' l-aġġustament " pass through" u ta’ l-aġġustament relattiv għall-kummerċ fil-gass

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-ħames motiv ibbażat fuq il-vjolazzjoni tal-kriterji elenkati fin-Notifika, fuq in-nuqqas ta' analiżi u ta' motivazzjoni u fuq l-abbuż ta' poter

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

Fuq l-ispejjeż







* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.