Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' April 2010 - Vesteda Groep vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-206/10)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Vesteda Groep BV (Maastricht, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: G. van der Wal u T. Boesman, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembnru 2009;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010)26 finali, tal-15 ta' Diċembru 2009, dwar sistema ta' għajnuna E 2/2005 u N 642/2009 (il-Pajjiżi l-Baxxi) - għajnuna eżistenti u għajnuna favur proġett speċjali maħsub għal kumpanniji ta' akkomodazzjoni soċjali. Ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi insostenn tat-talba tagħha.

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tiddikajara li fil-punti 25 sa 37 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi meta kkunsidrat b'mod żbaljat li s-sistema Olandiża ta' finanzjament għall-akkomodazzjoni soċjali u l-emendi relattivi li saru f'din is-sistema wara l-introduzzjoni tat-Trattat KE jikkostitwixxu għajnuna eżistenti u li, abbażi ta' dan, l-analiżi tal-Kummissjoni sar fil-kuntest tal-Artikolu 108(1) TFUE u tal-Kapitolu 5 tar-Regolament Nru 659/1999 1. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żbalji fl-analiżi, ma għamlitx analiżi xierqa biżżejjed dwar l-emendi tas-sistema u ma tatx biżżejjed raġunijet għad-deċiżjoni kkontestata.

Fit-tieni lok, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha taċċetta b'mod żbaljat, u b'hekk wettqet żball ta' liġi fid-deċiżjoni kkontestata, il-miżuri mressqa mill-Pajjiżi l-Baxxi fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 659/1999, abbażi tal-Artikolu 19 ta' dan ir-regolament. Il-miżuri utli aċċettati mill-Kummissjoni huma insuffiċjenti u/jew inadegwati biex jiżguraw il-kompatibbiltà tal-għajnuna eżistenti mal-Artikoli 107 u 106 TFUE, moqrija flimkien. Barra minn hekk, il-Kummmissjoni applikat b'mod żbaljat il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 106(2) TFUE u ma tatx biżżejjed raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tiddikjara li l-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi meta naqset milli tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE u fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol.1, p. 339).