Language of document : ECLI:EU:C:2012:475

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

19 ta’ Lulju 2012 (*)

“Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Regolament (KE) Nru 987/2009 — Artikolu 44(2) — Eżami tad-dritt għall-pensjoni tax-xjuħija — Teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal mwettqa fi Stat Membru ieħor — Applikabbiltà — Artikolu 21 TFUE — Moviment liberu taċ-ċittadini”

Fil-Kawża C‑522/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sozialgericht Würzburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Novembru 2010, fil-proċedura

Doris Reichel-Albert

vs

Deutsche Rentenversicherung Nordbayern,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Jannar 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Reichel-Albert, minn J. Schwach, avukat,

–        għal Deutsche Rentenversicherung Nordbayern, minn W. Willeke, direttur,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u M. van Hoof, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-1 ta’ Marzu 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 284, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Reichel-Albert u d-Deutsche Rentenversicherung Nordbayern (iktar ’il quddiem id-“DRN”) fuq ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tieħu inkunsiderazzjoni u li tikkredita, għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjoni tax-xjuħija futura ta’ Reichel-Albert, il-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” u l-“perijodi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni” li hija wettqet fil-Belġju.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

 Ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71

3        L-Artikolu 13(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35), jipprevedi numru ta’ regoli bil-għan li tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli f’dan il-qasam. Huwa indikat li dawn ir-regoli japplikaw bla ħsara għall-Artikoli 14 sa 17 ta’ dan ir-regolament li jinkludu diversi regoli partikolari.

4        L-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“a)      ħaddiem impjegat fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri għandu jkun soġġett għal-leġislazzjoni ta’ dan l-Istat saħansitra jekk ikun jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew l-uffiċċju reġistrat jew tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegawh jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor”.

5        L-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, li ġie inserit fih bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2195/91, tal-25 ta’ Ġunju 1991, li jemenda r-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 (ĠU L 206, p. 2) b’effett mid-29 ta’ Lulju 1991, jipprovdi:

“f)      persuna li għaliha tispiċċa li tkun valida il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, mingħajr ma ssir applikabbli għaliha leġislazzjoni ta’ Stat ieħor skond waħda mir-regoli stipulata fis-sottoparagrafi li għaddew jew skond waħda mill-eċċezzjonijiet jew dispożizzjonijiet speċjali stipulati fl-Artikoli 14 u 17 tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tabita skond id-dispożizzjonijiet ta’ dik il-leġislazzjoni biss.”

 Ir-Regolament Nru 883/2004

6        Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), li daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Mejju 2004, għandu l-għan li jikkoordina s-sistemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali. B’mod konformi mal-Artikolu 91 tiegħu, dan huwa applikabbli mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolament ta’ implementazzjoni tiegħu, ir-Regolament Nru 987/2009, jiġifieri l-1 ta’ Mejju 2010, u jissostitwixxi l-liġi preċedenti billi jimmodernizzaha u jissimplifikaha.

7        L-Artikolu 87 ta’ dan ir-regolament, li jistabbilixxi “Disposizzjonijiet transitorji”, jipprovdi:

“1.      L-ebda dritt ma jista’ jinkiseb taħt dan ir-Regolament għall-perjodu ta’ qabel il-jum ta’ l-applikazzjoni tiegħu.

2.      Kull perjodu ta’ assigurazzjoni u, fejn jixraq, kull perjodu ta’ impjieg, impjieg għal rashom jew residenza magħmula taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru qabel il-jum ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fl-Istat Membru konċernat għandhom jitqiesu għad-determinazzjoni tad-drittijiet miksuba taħt dan ir-Regolament.

3.      Mingħajr ħsara għall-paragrafu 1, dritt għandu jinkiseb taħt dan ir-Regolament anki jekk dan jitratta kontinġenza li tqum qabel id-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fl-Istat Membru konċernat.

[…]”

 Ir-Regolament Nru 987/2009

8        Ir-Regolament Nru 987/2009 jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku Nru 883/2004, b’mod konfromi mal-Artikolu 89 ta’ dan tal-aħħar.

9        L-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 987/2009, intitolat “Kunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal”, jipprovdi:

“1.      Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “perijodu għat-trobbija tat-tfal” għandha tirriferi għal kwalunkwe perijodu li huwa kreditat taħt il-leġislazzjoni tal-pensjonijiet ta’ Stat Membru jew li jipprovdi suppliment għal pensjoni espliċitament għal raġuni li persuna tkun rabbiet tifel/tifla, irrispettivament mill-metodu użat biex tikkalkula dawk il-perijodi u jekk jakkumulawx matul iż-żmien tat-trobbija tat-tfal jew jiġux rikonoxxuti retroattivament.

2.      Fejn, taħt il-leġislazzjoni tal-Istat Membru li huwa kompetenti taħt it-Titolu II tar-Regolament bażiku, ma jittieħed kont ta’ ebda perijodu għat-trobbija tat-tfal, l-istituzzjoni tal-Istat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu, taħt it-Titolu II tar-Regolament bażiku, kienet applikabbli għall-persuna kkonċernata abbażi li hu jew hi kienu qed iwettqu attività bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha fid-data meta, taħt dik il-leġislazzjoni, beda jittieħed kont tal-perijodu għat-trobbija tat-tfal għat-tfal konċernati, għandha tibqa’ responsabbli sabiex jittieħed kont ta’ dak il-perijodu bħala perijodu għat-trobbija tat-tfal taħt il-leġislazzjoni tagħha, daqslikieku t-trobbija tat-tfal seħħet fit-territorju proprju tagħha.

[…]”

10      L-Artikolu 93 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet transitorji”, huwa redatt kif ġej:

“L-Artikolu 87 tar-Regolament bażiku għandu japplika għas-sitwazzjonijiet koperti minn dan ir-Regolament.”

 Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża

11      Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tipprovdi għal żewġ mekkaniżmi ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijiodu għat-trobbija tat-tfal fil-kuntest tas-sistema legali tal-pensjonijiet tax-xjuħija. L-ewwel wieħed jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal (“Kindererziehungszeiten”) bħala perijodi ta’ kontribuzzjoni obbligatorja fl-iskema statutorja tal-assigurazzjoni għax-xjuħija, li għalhekk jippermetti l-għadd flimkien tal-imsemmija perijodi għall-kalkolu tal-perijodu ta’ kwalifika meħtieġ sabiex wieħed jibbenefika minn pensjoni tax-xjuħija. It-tieni wieħed jikkonsisti f’perijodi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (“Berücksichtigungszeiten”), liema perijodi ma jistabbilixxu ebda dritt għall-pensjoni iżda jiġu inklużi fil-kalkolu ta’ ċerti termini ta’ kwalifika, jippreservaw il-protezzjoni rikonoxxuta lil persuni b’kapaċità limitata sabiex imantnu lilhom infushom, u għandhom effett pożittiv fuq il-valur attribwit lill-perijodi meta ma tkunx tħallset kontribuzzjoni.

12      L-Artikolu 56 tal-Volum VI tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali (Sozialgesetzbuch, iktar ’il quddiem is-“SGB VI”), intitolat “Perijodi għat-trobbija ta’ wild”, jistabbilixxi:

“1)      Il-perijodi għat-trobbija ta’ wild huma l-perijodi ddedikati għat-trobbija ta’ wild fl-ewwel tliet snin ta’ ħajtu. Perijodu għat-trobbija jiġi kkreditat lil wieħed mill-ġenituri tal-wild [l-ewwel sentenza tal-Artikolu 56(1)(3) u l-Artikolu 56(3)(2) u (3) tal-Volum I] jekk

1.      il-perijodu għat-trobbija għandu jiġi attribwit lil dan il-ġenitur,

2.      it-trobbija tkun saret fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew tkun tista’ tiġi assimilata ma’ tali trobbija u

3.      ma jiġix eskluż l-ikkreditar lil dan il-ġenitur.

[…]

3) Trobbija tkun saret fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jekk il-ġenitur responsabbli għal din it-trobbija kien jirrisjedi abitwalment mal-wild. Ikun hemm assimilazzjoni ma’ trobbija fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja meta l-ġenitur responsabbli għal din it-trobbija kien jirrisjedi abitwalment mal-wild tiegħu barra mill-pajjiż u, ikun kiseb perijodi ta’ kontribuzzjoni obbligatorja matul il-perijodu għat-trobbija jew immedjatament qabel it-twelid tal-wild minħabba l-attività bħala impjegat jew bħala persuna li taħdem għal rasha mwettqa hemmhekk. Fil-każ ta’ residenza komuni ta’ konjuġi jew sħab barra mill-pajjiż, dan japplika wkoll fil-każ meta dan il-konjuġi jew sieħeb tal-ġenitur responsabbli għat-trobbija kien kiseb tali perijodi ta’ kontribuzzjoni obbligatorja jew inkella ma kisibhomx għar-raġuni li kien jaqa’ taħt il-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 5(1) u (4), jew kien eżenti mill-assigurazzjoni obbligatorja.

[…]”

13      L-Artikolu 57 tas-SGB VI, intitolat “Perijodi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni”, huwa redatt kif ġej:

“Il-perijodu għat-trobbija ta’ wild sakemm dan jagħlaq għaxar snin jikkostitwixxi għal wieħed mill-ġenituri perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jekk matul dan il-perijodu jiġu sodisfatti wkoll il-kundizzjonijiet tal-ikkreditar ta’ perijodu għat-trobbija ta’ wild.[…]”

14      Għat-tfal li twieldu qabel l-1 ta’ Jannar 1992, l-Artikolu 249 tas-SGB VI naqqas il-perijodi ta’ kontribuzzjoni għat-trobbija ta’ wild minn tliet snin għal tnax-il xahar.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Reichel-Albert, ċittadina Ġermaniża, eżerċitat attività bħala impjegata fil-Ġermanja u għexet hemmhekk sat-30 ta’ Ġunju 1980. Sussegwentement hija rċeviet allowance tal-qgħad mogħtija minn dan l-Istat Membru, li baqgħet titħallas sal-10 ta’ Ottubru 1980.

16      Mill-1 ta’ Lulju 1980 sat-30 ta’ Ġunju 1986, hija kienet tirrisjedi fil-Belġju mal-konjuġi tagħha, li kien iwettaq attività bħala impjegat hemmhekk. Il-koppja għandha żewġt itfal imwielda fil-Belġju fil-25 ta’ Mejju 1981 u fid-29 ta’ Ottubru 1984 rispettivament.

17      Mill-1 ta’ Jannar 1984, hija ħallset il-kontribuzzjonijiet b’mod volontarju fl-iskema legali ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija fil-Ġermanja.

18      Fl-1 ta’ Lulju 1986, Reichel‑Albert, il-konjuġi tagħha u wliedhom ġew iddikjarati uffiċjalment bħala residenti fil-Ġermanja.

19      Permezz tad-deċiżjonijiet tat-12 ta’ Awwissu u tat-28 ta’ Ottubru 2008, id-DRN ċaħdet it-talba ta’ Reichel-Albert sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni u jiġu kkreditati l-perijodi għat-trobbija tat-tfal u l-“perijodi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni” imwettqa matul ir-residenza tagħha fil-Belġju, minħabba li matul dan il-perijodu t-tfal trabbew barra mill-pajjiż. Kienu biss il-perijodi mill-1 ta’ Lulju 1986, id-data li fiha l-familja kkonċernata reġgħet kienet iddomiċiljata l-Ġermanja, li ġew ikkreditati bħala perijodi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala trobbija tat-tfal. Fl-1 ta’ Diċembru 2008, D. Reichel‑Albert ressqet ilment, li d-DRN ċaħdet permezz ta’ deċiżjoni mogħtija fid-29 ta’ Jannar 2009.

20      Id-deċiżjonijiet tad-DRN jirrilevaw li, matul il-perijodu tar-residenza tagħha fil-Belġju, ir-rabta meħtieġa mal-ħajja professjonali fil-Ġermanja ma nżammet la permezz ta’ impjieg ta’ Reichel‑Albert stess u lanqas permezz tal-konjuġi tagħha, inkwantu għadda iktar minn xahar sħiħ bejn it-tmiem tal-attività bħala impjegata ta’ Reichel‑Albert, inkluż il-perijodu tal-qgħad, u l-bidu tal-perijodu għat-trobbija tat-tfal.

21      Permezz ta’ att tat-13 ta’ Frar 2009, D. Reichel‑Albert ressqet rikors quddiem is-Sozialgericht Würzburg għall-annullament tad-deċiżjoni dwar l-ilment mogħtija fid-29 ta’ Jannar 2009, u talbet li d-DRN tiġi obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi mill-25 ta’ Mejju 1981 sat-30 ta’ Ġunju 1986 f’dak li jirrigwarda l-ewwel wild tagħha, u mid-29 ta’ Ottubru 1984 sat-30 ta’ Ġunju 1986 f’dak li jirrigwarda t-tieni wieħed. Insostenn tar-rikors tagħha, hija għamlet riferiment għas-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2000, Elsen (C‑135/99, Ġabra p. I‑10409), kif ukoll tas-7 ta’ Frar 2002, Kauer (C‑28/00, Ġabra p. I‑1343), u argumentat li dak iż-żmien hija kienet għadha ma telqitx għalkollox mill-Ġermanja sabiex tmur tgħix fil-Belġju.

22      Is-Sozialgericht Würzburg qieset li l-qari flimkien tal-Artikolu 56(3) tas-SGB VI u tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 ma jippermettix l-ikkreditar tal-perijodi inkwistjoni għat-trobbija tat-tfal lil Reichel‑Albert, la fil-Ġermanja u lanqas fil-Belġju, inkwantu hija ma kienet twettaq l-ebda attività — la bħala impjegata u lanqas bħala persuna li taħdem għal rasha — fid-data li fiha dawn il-perijodi kienu bdew, u wkoll li l-persuna kkonċernata tkun ippenalizzata minħabba l-eżerċizzju tad-dritt tagħha li joriġina mill-Artikolu 21 TFUE li tittrasferixxi ruħha minn post għal ieħor u li toqgħod liberament fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

23      F’dawk il-kundizzjonijiet, is-Sozialgericht Würzburg iddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1. Id-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament [Nru 987/2009], għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-perijodi għat-trobbija tat-tfal, magħmula fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għal perijodi magħmula fit-territorju nazzjonali biss meta l-ġenitur li rabba lit-tfal kien jirrisjedi abitwalment mat-tifel tiegħu barra mit-territorju nazzjonali u, matul il-perijodu għat-trobbija jew immedjatament qabel it-twelid tat-tifel tiegħu, kien suġġett għal perijodi ta’ kontribuzzjoni obbligatorja minħabba attività bħala impjegat jew minħabba attività bħala persuna li taħdem għal rasha mwettqa hemmhekk jew meta, fil-każ ta’ residenza komuni ma’ konjuġi jew sieħeb barra mill-pajjiż, dan il-konjuġi jew sieħeb tal-ġenitur li rabba lit-tfal kien suġġett għal tali perijodi ta’ kontribuzzjoni obbligatorja jew inkella ma ħallasx tali kontribuzzjoni għar-raġuni li kien jaqa’ taħt il-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 5(1) u (4) tal-SGB VI [Kapitolu VI tas-Sozialgesetzbuch] jew kien eżenti mill-obbligu li jħallas kontribuzzjoni soċjali taħt l-Artikolu 6 tal-SGB VI (inċiżi 2 u 3 tal-Artikolu 56(3), l-Artikoli 57 u 249 SGB VI)?

2. Id-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament [Nru 987/2009] għandha tiġi interpretata b’mod li jmur lil hinn mill-kontenut letterali tagħha u fis-sens li, b’mod eċċezzjonali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, anki meta ma jkunx hemm attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, il-perijodi għat-trobbija tat-tfal meta, jekk ma jsirx hekk, skont is-sistemi legali rispettivi, tali perijodi la jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-Istat Membru kompetenti u lanqas fi Stat Membru ieħor fejn il-persuna kkonċernata tkun irrisjediet abitwalment matul il-perijodu għat-trobbija tat-tfal?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari dwar l-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 987/2009

24      Fid-dawl tal-kronoloġija tal-fatti fil-kawża prinċipali, kif jirriżultaw mill-punti 15 sa 21 ta’ din is-sentenza, kif ukoll tad-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 987/2009, qabel xejn għandu jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 44 tal-imsemmi regolament li l-qorti tar-rinviju qiegħda titlob l-interpretazzjoni tiegħu huwiex effettivament applikabbli ratione temporis għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

25      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, bħala regola ġenerali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li l-applikazzjoni ratione temporis ta’ att tal-Unjoni tibda tiddekorri minn data li tkun preċedenti għal dik tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-att, ħlief, eċċezzjonalment, meta għan ta’ interess ġenerali jeżiġi dan jew meta l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet interessati jiġu debitament osservati u, sakemm ikun jirriżulta kjarament mill-kliem, mill-għan jew mill-istruttura tar-regoli kkonċernati, li dan l-effett għandu jiġi attribwit lilhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009, Mitsui & Co. Deutschland, C‑256/07, Ġabra p. I‑1951, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Permezz tal-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 987/2009, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament għall-1 ta’ Mejju 2010 b’tali mod li l-ebda premessa jew dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma tista’tinftiehem bħala li hija intiża li tistabbilixxi l-punt tat-tluq tal-applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 44 tal-imsemmi regolament għal data preċedenti għal dik tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-att. Għall-kuntrarju, mill-Artikolu 87(1) tar-Regolament Nru 883/2004, li japplika għas-sitwazzjonijiet regolati mir-Regolament Nru 987/2009 b’mod konformi mal-Artikolu 93 ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li dan tal-aħħar ma jagħti lok għall-ebda dritt fir-rigward tal-perijodu preċedenti għad-data ta’ applikazzjoni tiegħu, jiġifieri l-1 ta’ Mejju 2010.

27      Issa, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, meta d-DNR adottat id-deċiżjonijiet tagħha li ġew ikkontestati fil-kawża prinċipali, li jirrifjutaw lil Reichel-Albert it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi kontenzjużi għat-trobbija tat-tfal, ir-Regolament Nru 987/2009 kien għadu ma sarx applikabbli.

28      Konsegwentement, l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 987/2009 ma huwiex applikabbli ratione temporis għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-prinċipju, huma r-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali kif jirriżultaw mir-Regolament Nru 1408/71, interpretati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat FUE u b’mod partikolari dawk relatati mal-moviment liberu tal-persuni li ssemmi l-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tagħha, li għandhom japplikaw għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

30      Peress li r-Regolament Nru 1408/71 madankollu ma jistabbilixxi l-ebda regola speċifika applikabbli għall-ikkreditar, fil-kuntest tal-assigurazzjoni għax-xjuħija, tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal u mwettqa fi Stat Membru ieħor, id-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju għandhom jinftiehmu bħala li huma intiżi, essenzjalment, sabiex jiġi stabbilit jekk, f’sitwazzjoni bħal dik eżistenti fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 21 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-istituzzjoni kompetenti tal-ewwel Stat Membru li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni tax-xjuħija, il-perijodi għat-trobbija ta’ wild, imwettqa fit-tieni Stat Membru, bħallikieku dawk il-perijodi kienu twettqu fit-territorju nazzjonali tagħha, minn persuna li, fil-mument tat-twelid ta’ wliedha, kienet waqfet taħdem f’dak l-ewwel Stat Membru u kienet temporanjament stabbilixxiet ir-residenza tagħha fit-territorju tat-tieni Stat Memrbu mingħajr madankollu ma tkun eżerċitat fih attività bħala impjegata jew attività bħala persuna li taħdem għal rasha.

 Fuq iż-żewġ domandi

31      Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi ddeterminat skont liema waħda mill-leġiżlazzjonijiet taż-żewġ Stati Membri inkwistjoni hemm lok li jiġu definiti jew ammessi bħala perijodi assimilati għal perijodi ta’ assigurazzjoni proprjament imsejħa l-perijodi ddedikati mill-attriċi fil-kawża prinċipali għat-trobblija ta’ wliedha, fil-Belġju, bejn l-1981 u l-1986, u, fit-tieni lok, f’każ li tiġi magħżula l-leġiżlazzjoni Ġermaniża, li jiġi evalwat jekk il-modalitajiet tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal previsti minn tali leġiżlazzjoni humiex konformi mal-Artikolu 21 TFUE.

32      Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli, kif sostna ġustament il-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta, id-dritt għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal jista’ jkun ibbażat biss fuq id-dispożizzjonijiet legali tal-Istat Membru li kienet suġġetta għal-liġi tiegħu l-persuna kkonċernata fil-mument tat-twelid tal-wild.

33      Fil-kawża prinċipali, mill-proċess jirriżulta li Reichel-Albert wara li għexet, ħadmet u kkontribwiet lejn is-sistema ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija fil-Ġermanja sat-30 ta’ Ġunju 1980, ittrasferiet ir-residenza tagħha lejn il-Belġju fejn hija kompliet tirċievi allowance tal-qgħad sat-30 ta’ Ottubru 1980 u weldet żewġ ulied u sussegwentement, fl-1 ta’ Lulju 1986, reġgħet stabbilixxiet ruħha uffiċjalment, flimkien mal-familja tagħha, fil-Ġermanja fejn reġgħet bdiet attività professjonali regolari.

34      F’dawn il-kundizzjoniijet, anki jekk jiġi preżunt li għandu jittieħed kont tal-eżistenza tal-imsemmi Artikolu 13(2)(f), inserit fir-Regolament Nru 1408/71 bir-Regolament Nru 2195/91, jiġifieri wara t-twettiq tal-perijodi ddedikati minn Reichel-Albert għat-trobbija ta’ wliedha fil-Belġju, din id-dispożizzjoni xorta ma tkunx rilevanti, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija fil-kuntest tal-assigurazzjoni għax-xjuħija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kauer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

35      Fil-fatt, meta persuna tkun, bħal Reichel-Albert, ħadmet esklużivament u kkontribwiet f’wieħed u fl-istess Stat Membru, kemm qabel kif ukoll wara t-trasferiment temporanju tar-residenza tagħha, għal raġunijiet strettament familjari, fi Stat Membru ieħor fejn hija qatt ma tkun ħadmet u lanqas ikkontribwiet, jeħtieġ li tiġi ammessa l-eżistenza ta’ rabta bejn dawk il-perijodi għat-trobbija tat-tfal u l-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa minħabba l-eżerċizzju ta’ attività professjonali fl-ewwel Stat Membru kkunsidrat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Elsen, punti 25 sa 28, u Kauer, punt 32). Barra minn hekk, huwa minħabba t-twettiq ta’ dawn il-perijodi tal-aħħar li Reichel-Albert talbet lid-DRN li tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi għat-trobbija ta’ wliedha matul l-interruzzjoni tal-karriera professjonali tagħha.

36      Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża hija applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik ta’ Reichel-Albert u li, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni u l-ikkreditar tal-perijodi għat-trobblija tat-tfal tal-persuna kkonċernata fil-kuntest tal-assigurazzjoni għax-xjuħija, Reichel-Albert ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ taħt l-Istat Membru tar-residenza tagħha matul il-perijodi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Elsen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

37      Fir-rigward tal-modalitajiet ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobblija tat-tfal, jeħtieġ li tiġi evalwata l-kompatibbiltà, fid-dawl tal-Artikolu 21 TFUE, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk inklużi fl-Artikoli 56 u 57 tas-SGB VI u li b’applikazzjoni tagħhom, għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni tax-xjuħija mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru, il-perijodi għat-trobbija ta’ wild mwettqa barra t-territorju ta’ dak l-Istat Membru, għall-kuntrarju ta’ dawk imwettqa fit-territorju nazzjonali, ma jittiħdux inkunsiderazzjoni, ħlief, partikolarment, f’każ li l-ġenitur responsabbli għat-trobbija jkun għex abitwalment mal-wild tiegħu f’pajjiż barrani u jkun kiseb perijodi ta’ kontribuzzjoni matul it-trobbija jew immedjatament qabel it-twelid tal-wild abbażi ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha li hija eżerċitat hemmhekk.

38      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom fir-rigward tat-tmexxija tas-sistemi tagħhom tas-sigurtà soċjali, madankollu huma għandhom, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, jirrispettaw id-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini żgurat mill-Artikolu 21 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Elsen, iċċitata iktar ’il fuq kif ukoll tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française et Gouvernement wallon, C‑212/06, Ġabra p. I‑1683, punt 43).

39      B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 34 tas-sentenza Elsen, iċċitata iktar ’il fuq, diġà kellha l-okkażjoni li tikkonstata, fir-rigward ta’ verżjoni preċedenti tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tali dispożizzjonijiet jissfavorixxu liċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu u għal residenza fl-Istati Membri, żgurat mill-Artikolu 21 TFUE.

40      F’sitwazzjoni bħal dik ta’ Reichel‑Albert, id-dispożizzjonijiet ikkonċernati jwasslu għal sitwazzjoni fejn persuna li tkun qiegħda trabbi t-tfal, sakemm ma tkunx kisbet, abbażi ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, perijodi ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji matul it-trobbija ta’ wliedha jew immedjatament qabel it-twelid ta’ dawn tal-aħħar, tkun imċaħħda, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-pensjoni tagħha, mid-dritt għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi tagħha ta’ trobbija tat-tfal sempliċement minħabba l-fatt li hija tkun stabbilixxiet ir-residenza tagħha b’mod temporanju fi Stat Membru ieħor, anki jekk hija ma tkun eżerċitat l-ebda attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha f’dan it-tieni Stat Membru.

41      Minħabba dan, tali persuna tingħata, fl-Istat Membru li hija tkun ċittadina tiegħu, trattament inqas favorevoli minn dak li kienet tibbenefika minnu li kieku ma għamiltx użu mill-opportunitajiet mogħtija mit-Trattat fil-qasam tal-moviment liberu (ara, s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Stewart, C‑503/09, Ġabra p. I-6497, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Issa, liġi nazzjonali li tiżvantaġġa xi ċittadini nazzjonali sempliċement minħabba l-fatt biss li eżerċitaw il-moviment liberu tagħhom u d-dritt li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, għalhekk toħloq inugwaljanza fit-trattament li tmur kontra l-prinċipji li jiggwidaw l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, jiġifieri l-garanzija tal-istess trattament ġuridiku fl-eżerċizzju tal-moviment liberu tiegħu (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Turpeinen, C‑520/04, Ġabra p. I‑10685, punt 22).

43      Barra minn hekk, la huwa stabbilit u lanqas sostnut mill-Istat Membru kkonċernat li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi ġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi u proporzjonati għall-għan leġittimament segwit mid-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn, C‑391/09, Ġabra p. I-3787, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, f’kuntest bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-esklużjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija ta’ tfal imwettqa barra t-territorju nazzjonali, kif tirriżulta mill-Artikoli 56 u 57 tas-SGB VI, tikser l-Artikolu 21 TFUE.

45      F’dawk il-kundizzjonijiet, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi magħmula li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 21 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jobbliga lill-istituzzjoni kompetenti tal-ewwel Stat Membru li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni tax-xjuħija, il-perijodi għat-trobbija ta’ wild, imwettqa fit-tieni Stat Membru, bħallikieku dawn il-perijodi kienu twettqu fit-territorju nazzjonali tagħha, minn persuna li eżerċitat attivitajiet professjonali biss f’dan l-ewwel Stat Membru u li, fil-mument tat-twelid ta’ wliedha, kienet temporanjament waqfet taħdem u kienet stabbiliet ir-residenza tagħha, għal raġunijiet strettament familjari, fit-territorju tat-tieni Stat Membru.

 Fuq l-ispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 21 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jobbliga lill-istituzzjoni kompetenti tal-ewwel Stat Membru li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni tax-xjuħija, il-perijodi għat-trobbija ta’ wild, imwettqa fit-tieni Stat Membru, bħallikieku dawk il-perijodi kienu twettqu fit-territorju nazzjonali tagħha, minn persuna li eżerċitat attivitajiet professjonali biss f’dak l-ewwel Stat Membru u li, fil-mument tat-twelid ta’ wliedha, kienet waqfet temporanjament mix-xogħol u kienet stabbilixxiet ir-residenza tagħha, għal raġunijiet strettament familjari, fit-territorju tat-tieni Stat Membru.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.