Language of document : ECLI:EU:T:2021:92

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

17 ta’ Frar 2021 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Suq Franċiż tat-trasport bl-ajru – Moratorju fuq il-ħlas tat-taxxa tal-avjazzjoni ċivili u tat-taxxa ta’ solidarjetà fuq il-biljetti tal-ajru dovuti fuq bażi mensili matul il-perijodu bejn Marzu u Diċembru 2020 fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Għajnuna intiża biex tirrimedja għad-danni kkawżati minn avveniment straordinarju – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Ugwaljanza fit-trattament – Kriterju taż-żamma ta’ liċenzja maħruġa mill-awtoritajiet Franċiżi – Proporzjonalità – Artikolu 107(2)(b) TFUE – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑259/20,

Ryanair DAC, stabbilita fi Swords (L-Irlanda), irrappreżentata minn E. Vahida, F.-C. Laprévote, S. Rating u I.-G. Metaxas-Maranghidis, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, S. Noë u C. Georgieva-Kecsmar, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn E. de Moustier, C. Mosser, A. Daniel u P. Dodeller, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2097 finali, tal‑31 ta’ Marzu 2020, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56765 (2020/N) – Franza – COVID-19 – Moratorju fuq il-ħlas ta’ taxxi ajrunawtiċi favur impriżi tat-trasport pubbliku bl-ajru,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, A. Kornezov, E. Buttigieg (Relatur), K. Kowalik-Bańczyk u G. Hesse, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑23 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl‑24 ta’ Marzu 2020, ir-Repubblika Franċiża nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 108(3) TFUE dwar miżura ta’ għajnuna fil-forma ta’ moratorju fuq il-ħlas tat-taxxa tal-avjazzjoni ċivili u tat-taxxa ta’ solidarjetà fuq il-biljetti tal-ajru dovuti fuq bażi mensili matul il-perijodu bejn Marzu u Diċembru 2020 (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna inkwistjoni”).

2        L-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, li hija intiża sabiex il-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja ta’ operat maħruġa fi Franza skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3) (iktar ’il quddiem il-“liċenzja Franċiża”), ikunu jistgħu jżommu biżżejjed likwidità sat-tneħħija tar-restrizzjonijiet jew tal-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u r-ritorn għal attività kummerċjali normali, tipposponi għalhekk il-ħlas ta’ dawn it-taxxi għall‑1 ta’ Jannar 2021 u tqassam imbagħad il-pagamenti fuq perijodu ta’ 24 xahar, jiġifieri sal‑31 ta’ Diċembru 2022. L-ammont eżatt tat-taxxi huwa ddeterminat skont in-numru ta’ passiġġieri ttrasportati u n-numru ta’ titjiriet operati minn ajruport Franċiż. Barra minn hekk, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tibbenefika lill-impriżi tat-trasport pubbliku bl-ajru li għandhom liċenzja Franċiża, u dan jimplika li huma għandhom l-“post prinċipali tan-negozju” tagħhom fi Franza (ara l-punt 29 iktar ’il quddiem).

3        Fil‑31 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2020) 2097 finali dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56765 (2020/N) – Franza – COVID-19 – Moratorju fuq il-ħlas ta’ taxxi ajrunawtiċi favur impriżi tat-trasport pubbliku bl-ajru (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li permezz tagħha hija, wara li kkonkludiet li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, evalwat il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern u b’mod iktar partikolari fid-dawl tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

4        F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni qieset b’mod partikolari li l-epidemija tal-COVID-19 kienet tikkostitwixxi avveniment straordinarju fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE u li kienet teżisti rabta kawżali bejn id-danni kkawżati minn dan l-avveniment u d-dannu kkumpensat mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, sa fejn din tal-aħħar kienet intiża sabiex tnaqqas il-kriżi ta’ likwidità tal-kumpanniji tal-ajru minħabba l-pandemija tal-COVID-19, billi tipprovdi rispons għall-bżonnijiet ta’ likwidità tal-impriżi tat-trasport pubbliku bl-ajru li għandhom liċenzja Franċiża.

5        Fit-tieni lok, wara li fakkret li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kien jirriżulta li setgħu jiġu kkumpensati biss l-iżvantaġġi ekonomiċi kkawżati direttament minn avveniment straordinarju u li l-kumpens ma setax jeċċedi l-ammont ta’ dawn l-iżvantaġġi, l-ewwel nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet proporzjonata fir-rigward tal-ammont tad-danni mistennija, sa fejn l-ammont ta’ għajnuna previżjonali kien jidher inqas mid-danni kummerċjali mistennija minħabba l-kriżi li tirriżulta mill-pandemija tal-COVID-19.

6        It-tieni nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet stabbilita ċarament b’mod nondiskriminatorju peress li l-benefiċjarji tal-iskema kienu jinkludu l-kumpanniji tal-ajru kollha li għandhom liċenzji Franċiżi. F’dan ir-rigward, hija enfasizzat li l-fatt li, f’dan il-każ, l-għajnuna ngħatat permezz ta’ moratorju fuq ċerti taxxi imposti wkoll fuq il-baġit tal-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzji ta’ operat maħruġa minn Stati Membri oħra ma kellux impatt fuq in-natura nondiskriminatorja tagħha, peress li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet intiża b’mod ċar sabiex tikkumpensa d-danni mġarrba mill-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzji Franċiżi. Il-kopertura tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tibqa’ għalhekk proporzjonata mal-għan tagħha li jiġu kkumpensati d-danni kkawżata mill-pandemija COVID-19. B’mod partikolari, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tikkontribwixxi għall-preżervazzjoni tal-istruttura tas-settur tal-ajru għall-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzji Franċiżi. Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset li l-awtoritajiet Franċiżi kienu wrew f’dan l-istadju li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma kinitx ser teċċedi d-danni kkawżati direttament mill-kriżi li tirriżulta mill-pandemija tal-COVID-19.

7        Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet, fid-dawl tal-impenji meħuda mir-Repubblika Franċiża u, b’mod partikolari, l-impenn li tibgħatilha u li tikseb validazzjoni minnha tal-metodoloġija ddettaljata tal-mod li bih dan l-Istat Membru kellu l-intenzjoni li jikkwantifika, a posteriori u għal kull benefiċjarju, l-ammont tad-danni marbuta mal-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

8        B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Mejju 2020, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

9        Permezz ta’ att, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti talbet li dan ir-rikors jiġi deċiż bi proċedura mħaffa, b’mod konformi mal-Artikoli 151 u 152 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Mejju 2020, il-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) laqgħet it-talba għal proċedura mħaffa.

10      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Ġunju 2020.

11      Skont l-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura, fit‑30 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrenti ppreżentat talba motivata għal seduta għas-sottomissjonijiet orali.

12      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Lulju 2020, ir-Repubblika Franċiża talbet sabiex tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Lulju 2020, ir-rikorrenti talbet, skont l-Artikolu 144(7) tar-Regoli tal-Proċedura, li ċerta informazzjoni dwar in-numru ta’ riżervazzjonijiet u n-numru mistenni ta’ passiġġieri, li tinsab fir-rikors, fil-verżjoni mqassra tar-rikors u fl-annessi tagħhom ma tiġix ikkomunikata lir-Repubblika Franċiża. Konsegwentement, hija hemżet verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rikors, tal-verżjoni mqassra tar-rikors u tal-annessi tagħhom.

13      Fuq proposta tal-Għaxar Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tirreferi l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż

14      Permezz ta’ digriet tal‑5 ta’ Awwissu 2020, il-President tal-Għaxar Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali aċċetta l-intervent tar-Repubblika Franċiża u llimita provviżorjament il-komunikazzjoni tar-rikors, tal-verżjoni mqassra tar-rikors u tal-annessi tagħhom għall-verżjonijiet mhux kunfidenzjali prodotti mir-rikorrenti, fl-istennija tal-eventwali osservazzjonijiet tar-Repubblika Franċiża fuq it-talba għal trattament kunfidenzjali.

15      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas‑6 ta’ Awwissu 2020, ir-Repubblika Franċiża ġiet awtorizzata, skont l-Artikolu 154(3) tar-Regoli tal-Proċedura, tippreżenta nota ta’ intervent.

16      Fil‑21 ta’ Awwissu 2020, ir-Repubblika Franċiża ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, mingħajr ma oġġezzjonat dwar it-talba għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti.

17      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

19      Ir-Repubblika Franċiża titlob l-inammissibbiltà tar-rikors sa fejn dan huwa intiż sabiex jikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali u ċ-ċaħda tiegħu fuq il-mertu fir-rigward tal-kumplament. Sussidjarjament, hija titlob li r-rikors jiġi miċħud fl-intier tiegħu fil-mertu.

 Fid-dritt

20      Għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni Ewropea għandha d-dritt tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li rikors jiġi miċħud fil-mertu, mingħajr ma tiddeċiedi minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punti 51 u 52, u tal‑14 ta’ Settembru 2016, Trajektna luka Split vs Il-Kummissjoni, T‑57/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:470, punt 84). Għaldaqstant, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kunsiderazzjonijiet li wasslu għall-proċedura mħaffa ta’ din il-kawża u tal-importanza li tingħata, kemm għar-rikorrenti kif ukoll għall-Kummissjoni u għar-Repubblika Franċiża, tweġiba rapida fil-mertu, għandha tiġi eżaminata qabelxejn il-fondatezza tar-rikors, mingħajr ma tingħata deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

21      Ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, it-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-eżami tal-proporzjonalità tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fir-rigward tad-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, it-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali dderivati mill-Artikolu 108(2) TFUE u r-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi

22      L-ewwel motiv jinkludi, essenzjalment, erba’ partijiet, jiġifieri l-ksur tal-Artikolu 18 TFUE, il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u l-ksur tal-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi, li nkiser b’mod mhux iġġustifikat. Qabel ma jsir l-eżami tagħhom, huwa neċessarju li tiġi vverifikata l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

23      Skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, “[i]kunu kompatibbli mas-suq intern […] b) kull għajnuna mogħtija sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew avvenimenti oħra straordinarji”. F’dan ir-rigward mill-ġurisprudenza jirriżulta li din id-dispożizzjoni tkopri għajnuna li hija kompatibbli fid-dritt mas-suq intern bil-kundizzjoni li tissodisfa ċerti kriterji oġġettivi. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata tiddikjara tali għajnuna kompatibbli mas-suq intern, peress li dawn il-kriterji jkunu ssodisfatti, mingħajr setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2008, Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il-Kummissjoni, T‑268/06, EU:T:2008:222, punt 51; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris vs Il-Kummissjoni, 730/79, EU:C:1980:209, punt 17).

24      Għalhekk, huma biss, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-iżvantaġġi ekonomiċi kkawżati direttament minn diżastri naturali jew minn avvenimenti oħra straordinarji, li jistgħu jiġu kkumpensati. Għaldaqstant, għandu jkun hemm rabta diretta bejn id-danni kkawżati mill-avveniment straordinarju u l-għajnuna mill-Istat u huwa neċessarju li ssir evalwazzjoni preċiża kemm jista’ jkun tad-danni mġarrba (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Atzeni et C‑346/03 u C‑529/03, EU:C:2006:130, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Il-Kummissjoni għandha, konsegwentement, tivverifika jekk il-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni jistgħux jintużaw jew le sabiex jirrimedjaw għad-danni kkawżati minn avvenimenti straordinarji u tipprojbixxi miżuri ta’ natura ġenerali u indipendenti mid-danni allegatament ikkawżati minn tali avvenimenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2018, Larko vs Il-Kummissjoni, T‑423/14, EU:T:2018:57, punt 38). Jeħtieġ ukoll li l-Istat Membru kkonċernat jillimita l-ammont tal-kumpens għal dak li huwa neċessarju sabiex jirrimedja d-danni mġarrba mill-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni.

26      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-pandemija tal-COVID-19 tikkostitwixxi avveniment straordinarju fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Id-deċiżjoni kkontestata tesponi l-kriterji tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward fil-punt 29 u sussegwentement tindika kif il-pandemija tal-COVID-19 tikkorrispondi għalihom. Ir-rikorrenti, mingħajr ma tindika nuqqas ta’ qbil, madankollu ssostni, waqt is-seduta, li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża kienu jikkunsidraw il-miżuri restrittivi ta’ trasport u ta’ konfinament adottati minn dan l-Istat Membru bħala li jikkostitwixxu l-imsemmi avveniment, u mhux il-pandemija nnifisha. Fil-fatt, kif tistabbilixxi l-Kummissjoni fil-punt 35 tar-risposta, iċċarata permezz tan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 18, l-imsemmija pandemija u l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Franċiżi sabiex jindirizzawha huma kkunsidrati fit-totalità tagħhom bħala l-avveniment straordinarju inkwistjoni, kif jirriżulta mill-formulazzjoni espliċita tal-punti 15 u 50 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-imsemmija miżuri, eċċezzjonalment restrittivi, b’mod partikolari fir-rigward tal-libertà ta’ moviment, fi Franza kif ukoll fi ħdan l-Unjoni Ewropea, isibu l-ġustifikazzjoni tagħhom biss fir-rieda li tiġi llimitata l-firxa tal-pandemija. Din tal-aħħar iddettat il-miżuri inkwistjoni, peress li dawn ipproduċew huma stess l-effetti tagħhom fuq il-kumpanniji tal-ajru li joperaw fis-suq Franċiż. Ir-rabta kawżali bejn l-avveniment straordinarju u d-dannu hija għalhekk mhux interrotta. Barra minn hekk, approċċ simili jirriżulta mill-ġurisprudenza. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fis-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2008, Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il-Kummissjoni (T‑268/06, EU:T:2008:222, punt 49), li l-Kummissjoni kienet ġustament fakkret in-natura ta’ avveniment straordinarju tal-għeluq tal-ispazju tal-ajru tal-Istati Uniti mill‑11 sal‑14 ta’ Settembru 2001 u kkonkludiet li ma kinux biss l-attentati, iżda wkoll l-għeluq tal-ispazju tal-ajru li kienu kklassifikati bħala avvenimenti straordinarji.

27      Ir-rabta kawżali meħtieġa mill-Artikolu 107(2)(b) TFUE hija għalhekk stabbilita bejn il-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll il-miżuri restrittivi u ta’ konfinament adottati mill-awtoritajiet Franċiżi u d-danni ekonomiċi mġarrba mill-kumpanniji tal-ajru li joperaw fi Franza, fejn it-trasport bl-ajru, b’mod partikolari tal-passiġġieri (ara l-punti 35 sa 37 tad-deċiżjoni kkontestata), waqa’ għal prattikament żero fit-territorju Franċiż.

 Fuq l-ewwel tliet partijiet tal-ewwel motiv, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 18 TFUE, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni

28      F’dan il-każ, l-ewwel nett, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tikkonsisti fl-għoti ta’ moratorju fir-rigward tal-ħlas ta’ taxxi ajrunawtiċi favur kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Franċiża, li jinvolvi l-eżistenza tal-“post prinċipali tan-negozju” tagħhom fi Franza (ara l-punt 29 iktar ’il quddiem). Din l-iskema hija limitata fiż-żmien, peress li tirrigwarda l-ammont ta’ taxxi normalment dovuti fuq bażi mensili għall-perijodu bejn Marzu u Diċembru 2020. Kif jirriżulta mill-punt 2 iktar ’il fuq, il-kliem “liċenzja Franċiża” jirreferu għal liċenzja maħruġa, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1008/2008, mill-awtoritajiet Franċiżi.

29      It-tieni nett, skont il-punt 26 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1008/2008 il-“post prinċipali tan-negozju” huwa ddefinit bħala l-amministrazzjoni ċentrali jew is-sede rreġistrat ta’ trasportatur bl-ajru tal-Unjoni li jinsab fl-Istat Membru li fih dan it-trasportatur bl-ajru jeżerċita l-funzjonijiet finanzjarji prinċipali u l-kontroll operattiv, inkluża l-ġestjoni kontinwa ta’ airworthiness. Il-kunċett ta’ post prinċipali tan-negozju jikkorrispondi, fil-prattika, għas-sede tal-imsemmi trasportatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014, International Jet Management, C‑628/11, EU:C:2014:171, punt 66). Għalhekk huwa minnu, kif issostni r-rikorrenti, li, għal persuna ġuridika partikolari, l-imsemmi regolament jippermetti l-kostituzzjoni ta’ post prinċipali tan-negozju wieħed biss u, konsegwentement, il-ħruġ ta’ liċenzja waħda biss, mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab dan il-post prinċipali tan-negozju. Xorta jibqa’ l-fatt li kumpannija tal-ajru tista’ tikseb, bl-istabbiliment ta’ diversi persuni ġuridiċi distinti, pereżempju permezz tal-ħolqien ta’ sussidjarji, diversi liċenzji.

30      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-istruttura ġenerali tat-Trattat jirriżulta li l-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE ma għandha qatt twassal għal riżultat li jmur kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat. Għalhekk, għajnuna mill-Istat li, minħabba ċerti modalitajiet tagħha, tikser dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat ma tistax tiġi ddikjarata mill-Kummissjoni li hija kompatibbli mas-suq intern. Bl-istess mod, għajnuna mill-Istat li, minħabba ċerti modalitajiet tagħha, tikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ma tistax tiġi ddikjarata mill-Kummissjoni bħala kompatibbli mas-suq intern (sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punti 50 u 51).

31      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kriterju ta’ eliġibbiltà taż-żamma ta’ liċenzja Franċiża għandu bħala konsegwenza trattament differenti tal-kumpanniji tal-ajru li għandhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fi Franza, li jistgħu jibbenefikaw mill-moratorju mogħti mill-Istat, u minn dawk li għandhom tali post tan-negozju prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor u li joperaw fi Franza, lejn Franza u minn Franza abbażi tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment, li ma jistgħux jibbenefikaw minnu.

32      Jekk jitqies li, kif issostni r-rikorrenti, din id-differenza fit-trattament tista’ tiġi assimilata ma’ diskriminazzjoni fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, għandu jiġi enfasizzat li, skont din id-dispożizzjoni, hija pprojbita kull diskriminazzjoni eżerċitata minħabba n-nazzjonalità fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattati “u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm”. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk din id-differenza fit-trattament hijiex permessa fir-rigward tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata. Dan l-eżami jinvolvi, minn naħa, li l-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, li l-modalitajiet tal-għoti tal-għajnuna ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

33      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li dan, konformement mal-formulazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE huwa, b’mod ġenerali, li jirrimedja, fis-settur tat-trasport bl-ajru, għad-danni li jirriżultaw mill-avveniment straordinarju inkwistjoni. Għaldaqstant, l-għan speċifiku tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma huwiex iż-żamma tal-istruttura tas-suq tal-ajru fi Franza bħala tali, kif issostni r-rikorrenti (punt 66 in limine tar-rikors), iżda, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, li jtaffi, permezz tal-għoti ta’ moratorju, l-ispejjeż tal-kumpanniji tal-ajru li ntlaqtu b’mod qawwi mill-miżuri restrittivi ta’ trasport u ta’ konfinament adottati mir-Repubblika Franċiża sabiex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19 (ara f’dan ir-rigward il-punti 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt it-titolu “Għan tal-miżura”) u, b’mod iktar speċifiku, permezz tal-inċentivi fiskali, ta’ posponiment tal-ħlas taż-żewġ taxxi ajrunawtiċi inkwistjoni, dovuti għall-perijodu bejn Marzu u Diċembru 2020, u dan favur kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Franċiża, jiġifieri mhux liċenzja nazzjonali, kif tagħti x’tifhem ir-rikorrenti, iżda liċenzja ta’ operat tal-Unjoni maħruġa mill-awtoritajiet Franċiżi b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 1008/2008. Sa fejn, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, dawn il-miżuri restrittivi ta’ trasport u ta’ konfinament kienu diġà wasslu sabiex jiġi immobilizzat numru kbir ta’ ajruplani u sa fejn din is-sitwazzjoni mbagħad baqgħet sejra biss għall-agħar, bil-konsegwenza tal-għeluq tal-ajruporti fit-territorju Franċiż u tal-annullament ta’ kważi t-titjiriet kollha previsti matul il-quċċata tal-perijodu ta’ konfinament, jidher li miżura bħall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni hija intiża effettivament sabiex tnaqqas id-danni mġarrba mill-kumpanniji tal-ajru li joperaw fit-territorju kkonċernat bħala riżultat tar-restrizzjoni ta’ trasport u ta’ konfinament deċiżi mir-Repubblika Franċiża.

34      Għandu jiġi kkunsidrat li, sa fejn hija stabbilita l-eżistenza ta’ avveniment straordinarju relatat mad-danni li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni hija intiża li tikkumpensa u sa fejn, b’mod iktar speċifiku, l-imsemmija skema hija intiża sabiex ittaffi l-ispejjeż tal-kumpanniji tal-ajru milquta b’mod qawwi mill-miżuri restrittivi ta’ trasport u ta’ konfinament adottati mir-Repubblika Franċiża sabiex tindirizza l-pandemija tal-COVID-19, l-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

35      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eżami li l-modalitajiet tal-għoti tal-għajnuna ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u sabiex jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 107(2)(b) TFUE, għandhom isiru l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

36      L-ewwel nett, fir-rigward tan-natura xierqa tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li l-modalitajiet tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni jikkonsistu fl-assenza temporanja ta’ ġbir ta’ taxxi permezz tal-għoti ta’ moratorju lill-impriżi eliġibbli, jiġifieri dawk li għandhom liċenzja Franċiża.

37      Konsegwentement, minn naħa, il-kumpens għad-danni ma jseħħx billi jittieħed bħala kriterju ta’ tqassim, bħala tali, in-nazzjonalità tal-vittmi ta’ dawn id-danni, iżda fil-fatt jeħtieġ rabta istituzzjonali mal-post fejn seħħew id-danni kkawżati mill-miżuri restrittivi ta’ trasport u ta’ konfinament, jiġifieri l-post prinċipali tan-negozju, sa fejn il-kriterju ta’ eliġibbiltà għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni huwa l-ħruġ ta’ liċenzja Franċiża, li tippreżupponi li l-post prinċipali tan-negozju tal-kumpannija tal-ajru jinsab fi Franza. Min-naħa l-oħra, din ir-rabta hija wkoll, fir-realtà, temporali, għaliex, kif tindika r-rikorrenti fil-punt 59 tar-rikors, ma huwiex faċli li tinkiseb liċenzja minn Stat Membru ieħor, peress li kumpannija tal-ajru għandha għalhekk mhux biss tittrasferixxi l-post prinċipali tan-negozju tagħha, iżda wkoll tagħmel applikazzjoni ġdida għal liċenzja ta’ operat, filwaqt li provvista ta’ servizzi tista’ tieqaf minn ġurnata għal oħra. Huwa għalhekk normali li l-Istat Membru kkonċernat ifittex li jiżgura preżenza stabbli tal-kumpanniji tal-ajru eliġibbli għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, sabiex ikunu jistgħu jkunu preżenti fit-territorju Franċiż sabiex jonoraw il-posponiment tal-ħlas ta’ taxxi mogħti, b’tali mod li l-assenza ta’ dħul mit-taxxa tkun, fuq medda ta’ żmien medju, l-iktar baxxa possibbli. Issa, il-kriterju taż-żamma ta’ liċenzja Franċiża, sa fejn jimplika l-preżenza tal-post prinċipali tan-negozju tal-kumpanniji tal-ajru fit-territorju Franċiż, jippermetti li tiġi żgurata ċerta stabbiltà tal-preżenza, tal-inqas amministrattiva u finanzjarja, ta’ dawn tal-aħħar, b’tali mod li l-awtoritajiet tal-Istat Membru li jagħtu l-għajnuna jkunu jistgħu jikkontrollaw il-mod kif din l-għajnuna tintuża mill-benefiċjarji, li ma kienx ikun il-każ kieku r-Repubblika Franċiża kienet adottat kriterju ieħor li jippermetti l-eliġibbiltà ta’ kumpanniji tal-ajru li joperaw fit-territorju Franċiż taħt liċenzja maħruġa minn Stat Membru ieħor, bħar-rikorrenti, peress li provvista ta’ servizzi hija, mid-definizzjoni tagħha stess, ta’ natura inqas ċerta fir-rigward tat-tul ta’ żmien tagħha, minħabba li tista’ tieqaf fi żmien qasir ħafna, jekk mhux saħansitra immedjatament.

38      It-tieni nett, il-modalitajiet għall-għoti tal-għajnuna, li huma ta’ natura fiskali, jirriflettu l-possibbiltà u l-obbligu, għall-awtoritajiet Franċiżi, li jwettqu kontroll finanzjarju tal-benefiċjarji. Issa, tali possibbiltà u tali obbligu jeżistu biss għall-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Franċiża, peress li l-awtoritajiet Franċiżi biss huma kompetenti sabiex jissorveljaw is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dawn tal-aħħar, skont l-obbligi li jirriżultaw b’mod partikolari mill-Artikolu 5 mill-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1008/2008, kif ġie espost fil-punt 46 tad-deċiżjoni kkontestata. Dan il-punt fil-fatt jipprovdi li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni “tipprevedi wkoll li t-telf kummerċjali tal-impriża benefiċjarja tkun evalwata u kkalkolata a posteriori mid-[d]irettorat [ġ]enerali tal-[a]vjazzjoni [ċ]ivili fuq il-bażi tal-kontijiet operattivi ċċertifikati u awditjati għas-sena 2020 ipprovduti minn kull waħda mill-kumpanniji tal-ajru benefiċjarji tal-għajnuna” u li “[l]-għoti tal-għajnuna jkun suġġett għall-provvista mill-impriżi ta’ trasport pubbliku bl-ajru tad-dokumenti ta’ sostenn neċessarji għall-kalkolu tad-danni”. Għall-kuntrarju, l-awtoritajiet Franċiżi ma għandhom l-ebda kompetenza, skont l-imsemmi regolament, sabiex jissorveljaw is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanniji tal-ajru li ma għandhomx liċenzja Franċiża.

39      It-tielet nett, għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fil-prattika, il-kunċett ta’ post prinċipali tan-negozju jikkorrispondi għal dak tas-sede (ara l-punt 29 iktar ’il fuq) u li bidla tas-sede setgħet issir relattivament bil-ħeffa, għandu jitfakkar li l-punt 26 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1008/2008 jagħmel speċifikazzjonijiet oħra, b’mod partikolari dik li l-ġestjoni kontinwa ta’ airworthiness għandha ssir mill-post prinċipali tan-negozju, jiġifieri, f’dan il-każ, fi Franza. Din il-kunsiderazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 5 (dwar il-kundizzjonijiet finanzjarji għall-għoti tal-liċenzji tal-operat), mill-Artikolu 7 (dwar il-prova ta’ rispettabbiltà) jew mill-Artikolu 8 (dwar il-validità tal-liċenzji tal-operat) tar-Regolament Nru 1008/2008. Dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu obbligi regolatorji reċiproċi bejn il-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Franċiża u l-awtoritajiet Franċiżi u, għalhekk, rabta speċifika u stabbli bejniethom li tissodisfa b’mod xieraq il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(2)(b) TFUE, li jeżiġu li l-għajnuna tirrimedja għad-danni kkawżati minn avvenimenti straordinarji. Barra minn hekk, it-telf ta’ din ir-rabta mal-Istat Membru kkonċernat li huwa kkostitwit mit-trasferiment tal-post prinċipali tan-negozju lejn Stat Membru ieħor ma jistax jiġi llimitat għal sempliċi bidla fis-sede sa fejn, kif ir-rikorrenti stess tosserva fil-punt 59 tar-rikors, il-kumpannija tal-ajru għandha, barra minn hekk, twettaq il-passi amministrattivi kollha ma’ dan l-aħħar Stat sabiex tikseb liċenzja ġdida għall-operat u tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha neċessarji għal dan il-għan, filwaqt li r-rikonoxximent tal-post prinċipali tan-negozju l-ġdid tagħha jikkostitwixxi element wieħed biss.

40      Għalhekk huwa ċert li, bl-adozzjoni ta’ dan il-kriterju, ir-Repubblika Franċiża għamlet ħilitha sabiex, essenzjalment, tiżgura l-eżistenza ta’ rabta perenni bejnha u l-kumpanniji tal-ajru li jibbenefikaw mill-moratorju, rifless fl-eżistenza ta’ entità ġuridika importanti, jiġifieri l-post prinċipali tan-negozju ta’ dawn tal-aħħar, fit-territorju tagħha, li ma kinitx tkun teżisti f’dan ir-rigward ma’ kumpanniji li joperaw taħt liċenzja maħruġa minn Stat Membru ieħor, sa fejn dawn tal-aħħar ma jkunux suġġetti għas-sorveljanza finanzjarja u l-rispettabbiltà tal-awtoritajiet Franċiżi fis-sens tar-Regolament Nru 1008/2008 u fejn tkun nieqsa, fis-sitwazzjoni tagħhom, din ir-rabta reċiproka stabbli u speċifika bejnha u l-kumpanniji li għandhom liċenzja ta’ operat maħruġa minnha.

41      Għalhekk, billi tillimita l-benefiċċju tal-għajnuna biss għall-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Franċiża, minħabba rabtiet stabbli u reċiproċi li jorbtuhom mal-ekonomija Franċiża, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan li jiġu rrimedjati d-danni kkawżati minn avveniment straordinarju fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

42      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti tiżbalja meta ssostni li, peress li l-post prinċipali tan-negozju tagħha jinsab fl-Irlanda, li hija għandha sehem sinjifikattiv mis-suq tat-trasport tal-passiġġieri minn Franza u lejn Franza ta’ madwar 7 %, li hija t-tielet kumpannija tal-ajru u li tagħmel parti mill-istruttura tas-suq tal-ajru Franċiż sa mill-1997 (punt 66 tar-rikors), il-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni billi eskludiet kumpanniji tal-ajru bħalha, sa fejn l-Istat Membru kkonċernat ma għandux mal-kumpanniji li joperaw taħt liċenzja maħruġa minn Stat Membru ieħor mezzi li jippermettu t-twettiq tal-verifiki deskritti fil-punt 46 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, dan is-sehem tas-suq jikkonċerna biss it-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, bl-esklużjoni tat-trasport tal-merkanzija, u huwa marbut, mid-definizzjoni tiegħu stess, ma’ perijodu preċedenti għall-avveniment straordinarju, filwaqt li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 iktar ’il fuq, dan jirrigwarda l-evalwazzjoni bl-iktar mod preċiż tad-danni mġarrba.

43      Ir-raba’ nett, fir-rigward tan-natura proporzjonata tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, għandu jiġi kkunsidrat li, bl-adozzjoni tal-kriterju tal-liċenzja Franċiża, l-Istat Membru kkonċernat, fid-dawl, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, tal-fatt li l-Istati Membri ma għandhomx riżorsi illimitati, irriżerva l-benefiċċju tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni għall-kumpanniji tal-ajru l-iktar milquta mill-miżuri restrittivi ta’ trasport u ta’ konfinament adottati minn dan l-istess Stat u li, mid-definizzjoni tagħhom, għandhom effett fuq it-territorju tiegħu. Kif issostni l-Kummissjoni fir-risposta tagħha, fl‑2019, Air France wettqet 98.83 % tat-titjiriet tagħha fi Franza, minn Franza u lejn Franza, Transavia.com 97.05 % u din il-perċentwali hija ta’ 100 % għal Hop!, Aigle Azur, Air Corsica, Corsair, XL Airways France, eċċ. Għall-kuntrarju, it-titjiriet fi Franza, lejn Franza u minn Franza rrappreżentaw biss parti ħafna iżgħar mill-attivitajiet tal-kumpanniji l-oħra, jiġifieri, pereżempju, 22.99 % għal easyJet, 8.3 % għar-rikorrenti, 18.93 % għal Vueling airlines, eċċ.

44      Din id-data tistabbilixxi li l-kumpanniji tal-ajru eliġibbli huma proporzjonalment ħafna iktar milquta mir-rikorrenti, li, fid-dawl tal-aħħar data pprovduta, wettqet biss 8.3 % tal-attività tagħha fi Franza, lejn Franza u minn Franza, fil-konfront ta’ 100 % għal ċerti kumpanniji eliġibbli.

45      Il-ħames nett, ir-rikorrenti tipproponi l-ipoteżi ta’ skema ta’ għajnuna alternattiva bbażata fuq l-ishma tas-suq rispettivi tal-kumpanniji tal-ajru. Waqt is-seduta, hija semmiet kriterji oħra possibbli, bħan-numru ta’ passiġġieri ttrasportati jew l-itinerarji.

46      Madankollu, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma għandhiex tiddeċiedi b’mod astratt fuq il-miżuri alternattivi kollha li jistgħu jiġu kkunsidrati, peress li, għalkemm l-Istat Membru kkonċernat għandu jesponi b’mod iddettaljat ir-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà adottati, huwa ma huwiex obbligat juri, b’mod pożittiv, li ebda miżura immaġinabbli oħra, mid-definizzjoni tagħha stess ipotetika, ma tista’ tippermetti li jiġi żgurat l-għan segwit b’mod aħjar. Meta l-imsemmi Stat Membru ma huwiex suġġett għal tali obbligu, ir-rikorrenti ma tistax titlob lill-Qorti Ġenerali timponi fuq il-Kummissjoni tissostitwixxi ruħha għall-awtoritajiet nazzjonali f’dan il-kompitu ta’ prospettar normattiv sabiex teżamina kull miżura alternattiva possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2019, Scor vs Il-Kummissjoni, T‑135/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:287, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, għar-raġunijiet li ġew indikati fil-punti 37 sa 41 iktar ’il fuq, l-estensjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni għal kumpanniji mhux stabbiliti fi Franza ma kinitx tippermetti li jintlaħaq b’mod daqstant preċiż u mingħajr riskju ta’ kumpens żejjed l-għan tal-imsemmija skema sa fejn, kif ġie enfasizzat fil-punt 42 iktar ’il fuq, ir-rekwiżit ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-trasport bl-ajru relatat ma’ Franza fit-totalità tagħha, fid-diversità tagħha u fit-tul tagħha ma kienx żgurat bl-adozzjoni tal-kriterji proposti mir-rikorrenti, b’tali mod li huwa ġustament li l-Kummissjoni ma tatx l-approvazzjoni tagħha għalihom.

48      Konsegwentement, billi ffoka l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fuq wieħed mis-setturi ekonomiċi l-iktar milquta mill-konsegwenzi tal-miżuri restrittivi ta’ trasport u ta’ konfinament, jiġifieri s-settur tat-trasport bl-ajru, u billi ffoka, fi ħdan dan is-settur, fuq il-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Franċiża, l-Istat Membru kkonċernat issodisfa r-rekwiżit ġurisprudenzjali mfakkar fil-punt 32 iktar ’il fuq u l-Kummissjoni ma kellhiex tissanzjona din id-delimitazzjoni, sakemm l-għażla ta’ dan il-kriterju ta’ eliġibbiltà tiżgura l-proporzjonalità tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

49      Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, għalhekk approvat skema ta’ għajnuna intiża effettivament sabiex tirrimedja għad-danni kkawżati mill-avveniment straordinarju kkostitwit mit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri restrittivi u ta’ konfinament adottati mir-Repubblika Franċiża b’reazzjoni għaliha u li ma jaqbżux, fil-modalitajiet tagħha ta’ għoti tal-għajnuna, dak li kien neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-imsemmija skema. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punt 32 iktar ’il fuq, li l-konsegwenzi li l-imsemmija skema għandha sa fejn l-awtoritajiet Franċiżi llimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għall-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Franċiża ma jiksrux l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE minħabba s-sempliċi fatt li tiffavorixxi lill-kumpanniji tal-ajru li għandhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fit-territorju Franċiż.

50      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni jissodisfa r-rekwiżiti tad-deroga prevista mill-Artikolu 107(2)(b) TFUE u li l-modalitajiet tal-għoti tal-għajnuna ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

51      Konsegwentement, l-ewwel tliet partijiet tal-ewwel motiv għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-Annessi A.3.1 u A.3.2 tar-rikors, li jinkludu rapporti mħejjija mill-esperti tar-rikorrenti, ikkontestata mill-Kummissjoni.

 Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li nkiser b’mod mhux iġġustifikat

52      Ir-rikorrenti tfakkar, minn naħa, li restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija legali jekk tkun iġġustifikata minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, nondiskriminatorja, neċessarja u proporzjonata għall-għan ta’ interess ġenerali mfittex u, min-naħa l-oħra, li dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi u li restrizzjoni ssir inġustifikata jekk anki waħda minnhom biss ma tkunx issodisfatta. Issa, dan huwa l-każ hawnhekk. Fil-fatt, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni hija qabel kollox diskriminatorja, peress li tittratta lill-kumpanniji tal-ajru b’mod differenti skont l-Istat Membru li ħareġ il-liċenzja ta’ operat tagħhom tal-Unjoni, filwaqt li l-kumpanniji tal-ajru kollha tal-Unjoni li joperaw fi Franza ġarrbu danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni hija intiża li tirrimedja, u jagħmlu parti mill-istruttura tas-settur tal-ajru, li l-imsemmija skema hija intiża li tippreżerva. Sussegwentement, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma hijiex proporzjonata, peress li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tagħha, peress li dan tal-aħħar, li huwa li jirrimedja għad-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 u li tiġi ppreżervata l-istruttura tas-settur tal-ajru, jista’ jintlaħaq mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-libertà li jiġu pprovduti servizzi kieku kien jibbenefika lill-kumpanniji tal-ajru kollha li joperaw fi Franza indipendentement mill-Istat Membru li jkun ħareġ il-liċenzja ta’ operat tagħhom tal-Unjoni, sempliċement billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-kontribuzzjoni globali tagħhom fit-taxxi indikati fl-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

53      Fl-aħħar nett, l-għan ta’ interess ġenerali ta’ kumpens tas-settur tal-ajru għat-telf dovut għall-pandemija tal-COVID-19, sabiex tiġi ppreżervata l-istruttura tiegħu, ma jirrendix neċessarju li jiġu megħjuna biss il-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Franċiża peress li l-kumpanniji tal-ajru li joperaw fi Franza taħt liċenzja maħruġa minn Stat Membru ieħor huma daqstant importanti għall-istruttura tas-settur tal-ajru fi Franza u fl-Unjoni kollha. Għall-kuntrarju, il-fatt li l-kumpanniji tal-ajru nazzjonali jiġu megħjuna jwassal għall-frammentazzjoni tas-suq intern u l-eliminazzjoni tal-kompetituri tal-Istati Membri l-oħra, idgħajjef il-kompetizzjoni, jaggrava d-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, iwassal sabiex tiġi ppreġudikata l-istruttura tas-settur tal-ajru li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni hija intiża li tipproteġi u jirrestrinġi d-drittijiet tat-trasportaturi tal-Unjoni li jipprovdu liberament servizzi ta’ trasport bl-ajru fi ħdan is-suq intern irrispettivament mill-Istat Membru li jkun ħareġ il-liċenzja tagħhom.

54      Preliminarjament, għandu jsir riferiment, sa fejn ir-rikorrenti tibbaża l-argument tagħha fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni li tirriżulta mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u ta’ assenza ta’ proporzjonalità li tikkaratterizza lil din tal-aħħar, għall-eżami tal-ewwel tliet partijiet tal-ewwel motiv.

55      Skont l-Artikolu 56 TFUE, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 58(1) TFUE, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fil-qasam tat-trasport, hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tat-titolu dwar it-trasport, jiġifieri t-Titolu VI tat-Trattat FUE. Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport hija għalhekk suġġetta, fi ħdan id-dritt primarju, għal sistema legali partikolari (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014, International Jet Management, C‑628/11, EU:C:2014:171, punt 36). Konsegwentement, l-Artikolu 56 TFUE ma japplikax bħala tali għall-qasam tat-trasport bl-ajru (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2011, Neukirchinger, C‑382/08, EU:C:2011:27, punt 22).

56      Huwa għalhekk biss abbażi tal-Artikolu 100(2) TFUE li jistgħu jiġu adottati miżuri ta’ liberalizzazzjoni tas-servizzi tat-trasport bl-ajru (sentenza tat 18 ta’ Marzu 2014, International Jet Management, C‑628/11, EU:C:2014:171, punt 38). Issa, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta r-Regolament Nru 1008/2008 abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, li għandha preċiżament l-għan li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni, fis-settur tat-trasport bl-ajru, tal-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2003, Stylianakis, C‑92/01, EU:C:2003:72, punti 23 u 24). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tallega ebda ksur ta’ dan ir-regolament.

57      Fi kwalunkwe każ, għalkemm huwa minnu li, minħabba d-definizzjoni tal-kopertura tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, ir-rikorrenti hija mċaħħda mill-aċċess għall-moratorju fuq il-ġbir tat-taxxi inkwistjoni mogħti mir-Repubblika Franċiża, hija ma tistabbilixxix kif din l-esklużjoni hija ta’ natura li tiddiswadiha milli tipprovdi servizzi minn Franza u lejn Franza. Ir-rikorrenti b’mod partikolari baqgħet ma identifikatx il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi li jagħmlu li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tipproduċi effetti restrittivi li jmorru lil hinn minn dawk li jagħtu lok għall-projbizzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, iżda li, kif ġie deċiż fil-kuntest tal-ewwel tliet partijiet tal-ewwel motiv, huma madankollu neċessarji u proporzjonati sabiex jiġu rrimedjati id-danni kkawżati mill-avveniment straordinarju tal-pandemija tal-COVID-19, konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE

58      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżultali l-ebda parti tal-ewwel motiv ma tista’ tintlaqa’ u, għaldaqstant, li l-imsemmi motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-eżami mill-Kummissjoni tal-proporzjonalità tal-għajnuna fir-rigward tad-danni kkawżati mill-kriżi tal-COVID-19

59      Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma wettqitx evalwazzjoni adegwata tal-valur tal-vantaġġ mogħti lill-benefiċjarji tal-għajnuna u li għaldaqstant hija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

60      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tfakkar b’mod partikolari li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni evalwat il-proporzjonalità tal-volum tal-għajnuna fir-rigward tad-danni kkawżati mill-kriżi tal-COVID-19 u kkonkludiet li l-ammont tal-volum tal-għajnuna kien ta’ EUR 29.9 miljun. Dan l-ammont ġie kkalkolat sabiex jirrifletti l-ammont tal-interessi li kellhom iħallsu l-benefiċjarji tal-għajnuna sabiex jiksbu ammont fi flus ugwali għall-ammont tat-taxxi li l-ħlas tagħhom huwa ddifferit mill-għajnuna. Issa, tali raġunament huwa manifestament żbaljat minn żewġ aspetti.

61      Fil-fatt, l-ewwel nett, mill-punt 47 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-kalkolu tal-volum tal-għajnuna mill-Kummissjoni huwa bbażat fuq l-applikazzjoni ta’ rata ta’ referenza Euribor (Euro interbank offered rate) miżjuda b’1 000 punti bażi li, skont il-Komunikazzjoni tagħha dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (ĠU 2008, C 14, p. 6), tikkorrispondi għall-każ ta’ rata tas-suq għal self lil persuna li tissellef li taqa’ fil-kategorija ta’ klassifikazzjoni finanzjarja “Ħażina/Diffikultajiet finanzjarji (CCC u anqas)”, b’kapital ta’ garanzija ta’ livell baxx. Issa, ir-rikorrenti tosserva, minn naħa, li dan il-kalkolu huwa bbażat fuq l-ipoteżi mhux ipprovata li jkun għad hemm persuni li jisilfu fis-suq li jkunu lesti, fiċ-ċirkustanzi attwali, jipprovdu likwidità b’tali rati lill-kumpanniji tal-ajru eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma tispjegax għalfejn din l-ipoteżi hija raġonevoli. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, ipoteżi kredibbli oħra hija li l-ebda persuna li ssellef fis-suq ma kienet ipprovdiet likwidità lill-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, li jimplika, skont il-prassi deċiżjonali stabbilita tal-Kummissjoni, li l-ammont tal-għajnuna li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kumpens ikun għoli daqs l-ammont nominali tal-likwidità pprovduta. Fuq din il-bażi, l-ammont reali tal-kumpens li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa ħafna ogħla u jilħaq EUR 200.1 miljun.

62      It-tieni nett, il-kalkolu tal-kumpens imwettaq mill-Kummissjoni jieħu inkunsiderazzjoni l-vantaġġ ta’ likwidità, iżda ma jikkunsidrax vantaġġ ieħor mogħti lill-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, jiġifieri l-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta min-natura diskriminatorja tagħha, minħabba l-fatt li l-benefiċċju tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni huwa rriżervat għall-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja ta’ operat tal-Unjoni maħruġa mir-Repubblika Franċiża. Fil-fatt, dan joffri tisħiħ ta’ likwidità lil dawn tal-aħħar preċiżament fil-mument meta t-traffiku jerġa’ jibda, jiġifieri fit-tmiem mistenni tal-kriżi li tirriżulta mill-pandemija tal-COVID-19, għad-detriment tal-kompetituri tagħhom li xorta jkollhom iħallsu l-istess taxxi. Għalhekk, dan il-vantaġġ kompetittiv ikollu wkoll valur u jwassal, għall-benefiċjarji tal-għajnuna, għall-akkwist ta’ ishma tas-suq ikbar minn dawk li kienu jkunu kisbu b’mod ieħor.

63      Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti, l-eżami mill-Kummissjoni tal-adegwatezza tal-kumpens għad-danni huwa vvizzjat, peress li wieħed mill-elementi ta’ paragun bejn id-danni u l-kumpens tagħhom huwa ssottovalutat. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet ta’ rkupru imposti fil-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux jirrimedjaw din il-lakuna, peress li dawn ma jagħmlux riferiment għall-valur tal-vantaġġ kompetittiv mogħti lill-benefiċjarji tal-għajnuna.

64      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, tikkontesta dawn l-argumenti.

65      Qabelxejn, għandu jsir riferiment għall-osservazzjonijiet preċedentement żviluppati b’risposta għall-ewwel motiv fir-rigward tal-proporzjonalità tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni (ara l-punti 35 sa 49 iktar ’il fuq).

66      Sussegwentement, fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni motiv, dwar l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni biss, sabiex tiddetermina l-ammont tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, l-ammont nominali li jirriżulta mill-posponiment tat-taxxi fiskali li jirriżultaw mill-moratorju, li jwassal sabiex l-ammont tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni jikkumpensa d-danni li jirriżultaw mill-avveniment straordinarju, għandu jsir riferiment għall-elementi segwenti.

67      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tonqos milli tfakkar li l-posponiment ta’ spejjeż fiskali li jirriżultaw mill-moratorju jirrigwarda biss it-taxxi ajrunawtiċi, u mhux it-taxxi kollha li għandhom iħallsu l-kumpanniji tal-ajru eliġibbli. Issa, peress li taxxi, bħat-taxxa fuq il-kumpanniji, huma mħallsa fl-2020 abbażi tar-riżultati tas-sena finanzjarja 2019, il-kumpanniji eliġibbli għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, taxxabbli fi Franza minħabba li huma għandhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom hemmhekk, għandhom ikomplu jħallsu ċerti spejjeż fiskali li ma humiex imposti fuq ir-rikorrenti, peress li din tal-aħħar taġixxi bħala fornitur ta’ servizzi minn Stat Membru ieħor jew permezz tal-libertà ta’ stabbiliment.

68      Fit-tieni lok, kif issostni l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, l-ammont tad-danni mġarrba mill-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni minħabba l-avveniment straordinarju huwa, probabbilment, ogħla, f’termini nominali, mill-ammont totali, f’termini nominali, tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni (madwar EUR 680 miljun kontra EUR 200.1 miljun), b’tali mod li l-possibbiltà ta’ kumpens żejjed għandu b’mod ċar jiġi miċħud.

69      Fit-tielet lok, anki jekk ir-rikorrenti ġustament tinvoka l-kawtela possibbli jew, fi kwalunkwe każ, il-prudenza kbira tal-istabbilimenti bankarji fil-kuntest tal-pandemija, din ma hijiex iġġustifikata tippreżumi assenza totali ta’ self min-naħa ta’ dawn tal-aħħar. Minbarra l-fatt li, kif ġustament tfakkar il-Kummissjoni, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq ir-rikorrenti, li għandha għalhekk tipprova n-natura mhux plawżibbli tal-evalwazzjoni li hija wettqet, għandha tiġi kkonstatata n-natura purament ipotetika tad-dikjarazzjoni li l-kumpanniji tal-ajru eliġibbli ma jkunu jistgħu jingħataw ebda self. Jista’ jkun li din id-dikjarazzjoni hija eżatta fir-rigward ta’ waħda jew oħra mill-kumpanniji tal-ajru li jibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, iżda hija ma tistax tapplika b’mod ġenerali u, fi kwalunkwe każ, tiġi aċċettata mingħajr l-iċken prima facie prova insostenn tagħha. Huwa iktar probabbli li l-istabbilimenti bankarji jkunu lesti jagħtu appoġġ lil dawn tal-aħħar, filwaqt li s-self li jingħata jkun abbażi ta’ rati attraenti għalihom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ipoteżi adottata mill-Kummissjoni ta’ self miżjuda skont l-ogħla marġni li jirriżulta mill-Komunikazzjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu ta’ kalkolu tar-rati ta’ referenza u ta’ skont (1 000 punt bażi), li tikkorrispondi għas-sitwazzjoni li fiha l-persuna li tissellef għandha klassifikazzjoni ħażina u garanzija dgħajfa, tidher prudenti u adegwata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni.

70      Fi kwalunkwe każ, ma jistax jintlaqa’ l-argument, anki abbażi biss tar-raġunijiet imsemmija fil-punt 68 iktar ’il fuq, li l-ammont tad-danni li jirriżultaw, għall-kumpanniji tal-ajru li għandhom l-post prinċipali tan-negozju tagħhom fi Franza, minħabba l-avveniment straordinarju tal-pandemija tal-COVID-19 jista’ jiġi ssopravvalutat bl-għoti ta’ moratorju li jirrigwarda t-taxxi ajrunawtiċi, kemm jekk l-ammont tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni jiġi evalwat abbażi tal-kalkolu tal-interessi miżjuda fuq l-ammont ta’ dawn it-taxxi skont it-tul ta’ żmien tal-posponiment tal-ħlas, jiġifieri EUR 29.9 miljun biss, kif ukoll jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur nominali totali, jiġifieri EUR 200.1. Barra minn hekk, il-miżuri ta’ kontroll adottati u mfakkra fil-punt 46 tad-deċiżjoni kkontestata huma intiżi preċiżament sabiex jipprevjenu kull riskju ta’ kumpens żejjed u ma kinux possibbli għal fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, bħar-rikorrenti.

71      Minbarra dan, għandu jingħad ukoll li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, sabiex tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kompatibbli mas-suq intern, l-impenji tar-Repubblika Franċiża li tipprovdilha metodoloġija, li tikkostitwixxi garanzija addizzjonali li jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ kumpens żejjed.

72      Għalhekk, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

73      Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni motiv, huwa biżżejjed li jiġi indikat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li din ma tistax tintlaqa’, peress li tmur kontra l-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni dwar id-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna kemm mill-perspettiva tal-evalwazzjoni tal-vantaġġ kif ukoll minn dik tal-irkupru tal-ammont ta’ għajnuna illegali u kuntrarja għas-suq intern. Il-vantaġġi tat-“tieni livell”, fir-realtà għaliex huma wisq ipotetiċi u wisq kumplessi sabiex jiġu identifikati b’mod ċert, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni, fatt li r-rikorrenti ma setgħetx tinjora, fid-dawl tat-termini tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity (C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990, punti 90 sa 92).

74      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

75      Insostenn tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti tfakkar li l-Kummissjoni hija marbuta b’obbligu ta’ motivazzjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u li ksur ta’ dan l-obbligu jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, skont id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha tiżvela “b’mod ċar u inekwivoku” r-raġunament segwit sabiex tiġi adottata l-miżura inkwistjoni, b’tali mod li kemm il-partijiet ikkonċernati kif ukoll il-qorti kompetenti tal-Unjoni jinkludu r-raġunijiet li għalihom l-att ikkontestat ġie adottat. Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa iktar u iktar importanti f’dan il-każ peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mingħajr il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li tagħti lill-persuni kkonċernati l-possibbiltà li jippreżentaw l-argumenti tagħhom.

76      Issa, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, l-ewwel nett, billi ma evalwatx jekk l-għajnuna kinitx nondiskriminatorja u kinitx tosserva l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi; it-tieni nett, billi ma evalwatx, lanqas fil-qosor, il-valur tal-vantaġġ kompetittiv mogħti lill-kumpanniji tal-ajru li setgħu jibbenefikaw mill-għajnuna u, it-tielet nett, billi naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tagħha.

77      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni naqset ukoll mill-obbligu tagħha li tipprovdi motivazzjoni adegwata. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata tirrikonoxxi li t-taxxi li għalihom l-għajnuna tagħti moratorju huma dovuti wkoll mill-kumpanniji tal-ajru li l-liċenzja ta’ operat tagħhom tal-Unjoni tingħata minn Stat Membru ieħor, iżda tindika li dan il-fatt ma għandux effett fuq in-natura nondiskriminatorja tagħha peress li l-miżura hija intiża b’mod ċar sabiex tikkumpensa d-danni mġarrba minn kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzji ta’ operat maħruġa mir-Repubblika Franċiża. Issa, dan huwa kontradittorju, peress li dan iwassal għall-affermazzjoni li l-għajnuna ma hijiex diskriminatorja, għaliex l-għan prinċipali tagħha huwa li jiddiskrimina. Barra minn hekk, ir-riferiment magħmul, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 23 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-preċedent li jirriżulta mid-deċiżjoni tagħha tat‑12 ta’ Marzu 2002 fil-Każ N 854/2001 – Ir-Renju Unit – Għajnuna lill-kumpanniji tal-ajru minħabba l-għeluq tal-ispazju tal-ajru, huwa biss tentattiv bla suċċess li tinstab apparenza ta’ bażi legali għal dak li kien mill-bidu raġunament fundamentalment żbaljat. Għalhekk, ir-raġunament tal-Kummissjoni huwa kemm assenti, kemm tawtoloġiku, kif ukoll kontradittorju. Fil-fatt, il-kontradizzjoni bejn l-għanijiet iddikjarati, jiġifieri li jiġu rrimedjati d-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 u li tiġi ppreżervata l-istruttura tas-settur tal-ajru għall-kumpanniji tal-ajru li l-liċenzja ta’ operat tagħhom tal-Unjoni nħarġet fi Franza, u l-mezzi sproporzjonati u kontraproduttivi użati sabiex jilħquhom, jiġifieri l-għoti ta’ għajnuna diskriminatorja, la tippermetti lill-persuni kkonċernati u lanqas lill-Qorti Ġenerali li jifhmu liema kien l-għan tal-miżura ta’ għajnuna mill-Istat inkwistjoni, minbarra dak li jiġu esklużi mill-iskema ta’ għajnuna kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja ta’ operat tal-Unjoni maħruġa minn Stati Membri minbarra r-Repubblika Franċiża.

78      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Ir-Repubblika Franċiża tirreferi għar-risposta f’dan ir-rigward.

79      L-ewwel nett, għalkemm il-motivazzjoni ta’ att tal-Unjoni meħtiega mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att inkwistjoni b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha, ma huwiex madankollu meħtieġ li hija tispeċifika l-punti ta’ liġi u ta’ fatt kollha rilevanti. L-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha, barra minn hekk, tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tal-att, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tas‑7 ta’ Frar 2018, American Express, C‑304/16, EU:C:2018:66, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, il-kuntest huwa f’dan il-każ dak ta’ pandemija u ta’ emerġenza estrema li fiha l-Kummissjoni eżaminat il-miżuri li kienu ġew innotifikati lilha mill-Istati Membri u adottat id-deċiżjonijiet relatati ma’ dawn tal-aħħar, fosthom id-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, mill-punti 1 u 3 iktar ’il fuq jirriżulta li għaddew sebat ijiem biss bejn in-notifika tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

80      Issa, minkejja tali ċirkustanzi eċċezzjonali, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi 53 punt u tippermetti, b’mod ċar u artikolat, li jinftiehmu l-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li abbażi tagħhom il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet dwar l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

81      It-tieni nett, iċ-ċifri li jservu bħala bażi għad-determinazzjoni tal-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u sabiex jintlaħaq dan l-għan (moratorju fuq it-taxxi ajrunawtiċi tal-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Franċiża) huma esposti b’mod preċiż. B’mod partikolari, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma setax ikollha dubji dwar l-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Fir-rigward tal-allegazzjoni dwar l-impossibbiltà li jiġi ddeterminat l-ammont tal-imsemmija skema, din hija infondata fil-fatti, għar-raġunijiet esposti mill-Kummissjoni, jiġifieri li l-punt 47 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 22 tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija fid-dawl tal-punti 7 u 8 ta’ din tal-aħħar, jagħtu raġunijiet ċari li jippermettu li jintlaħaq l-ammont ta’ EUR 29.9 miljun.

82      It-tielet nett, fir-rigward tal-motivazzjoni dwar il-vantaġġi tat-“tieni livell”, il-Kummissjoni assolutament ma kellha ebda obbligu f’dan ir-rigward, peress li dawn il-vantaġġi ma kellhomx jiġu eżaminati fil-perspettiva tal-identifikazzjoni tal-ammont tal-għajnuna.

83      Ir-raba’ nett, peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, huwa fid-dawl tal-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni li għandha tiġi eżaminata l-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Issa, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata turi osservanza skrupluża tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet tal-ġurisprudenza kemm fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-avveniment bħala “straordinarju” kif ukoll tal-eżami tar-rabta kawżali bejn dan l-avveniment u d-danni mġarrba mill-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

84      Għalhekk, peress li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, esponiet ir-raġunijiet li għalihom l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 107(2)(b) TFUE u, b’mod partikolari, kif il-kriterju ta’ eliġibbiltà taż-żamma ta’ liċenzja Franċiża kien neċessarju, xieraq u proporzjonat, hija ssodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni.

85      Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali dderivati mill-Artikolu 108(2) TFUE

86      It-tielet motiv, dwar il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti minħabba l-assenza ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali mill-Kummissjoni minkejja l-eżistenza allegata ta’ dubji serji, għandu, fir-realtà, natura sussidjarja, fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali ma tkunx eżaminat l-evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li tali motiv huwa intiż li jippermetti lil parti kkonċernata li tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli, f’din il-kwalità, li tippreżenta rikors skont l-Artikolu 263 TFUE, li nkella kien ikun rifjutat lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 48, u tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L-Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 44). Issa, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ewwel żewġ motivi tar-rikors, relatati mal-evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali, b’tali mod li tali motiv huwa mċaħħad mill-għan indikat tiegħu.

87      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv huwa nieqes minn kontenut awtonomu. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ tali motiv, ir-rikorrenti tista’ tinvoka, għall-finijiet taż-żamma tad-drittijiet proċedurali li hija tibbenefika minnhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, biss motivi ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha jew seta’ jkollha, waqt il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-miżura nnotifikata, kellha tqajjem dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ din tal-aħħar mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 81; tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il-Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 35, u tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 59), bħan-natura insuffiċjenti jew mhux kompluta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni formali jew l-eżistenza ta’ lmenti minn partijiet terzi. Issa, għandu jiġi rrilevat li t-tielet motiv jirriproduċi b’mod konċiż l-argumenti mqajma fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni motiv mingħajr ma juri elementi speċifiċi dwar eventwali diffikultajiet serji.

88      Għal dawn il-motivi, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-mertu tal-imsemmija motivi, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

89      Għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud fil-mertu kollu kemm hu, filwaqt li, barra minn hekk, ir-rikorrenti tingħata l-benefiċċju tat-trattament kunfidenzjali mitlub, peress li r-Repubblika Franċiża ma qajmet l-ebda oġġezzjoni f’dan ir-rigward.

 Fuq l-ispejjeż

90      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet ir-rikors tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar, inklużi dawk sostnuti fil-kuntest tat-talba għal trattament kunfidenzjali.

91      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ryanair DAC hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha stess kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, inklużi dawk sostnuti fil-kuntest tat-talba għal trattament kunfidenzjali.

3)      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Van der Woude

Kornezov

Buttigieg

Kowalik-Bańczyk

 

      Hesse

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Frar 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.