Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja) fil-25 ta’ Novembru 2020 – A vs Sosiaali- ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto

(Kawża C-634/20)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein hallinto-oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: A

Konvenut: Sosiaali- ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto

Domanda preliminari

Fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-Artikoli 45 jew 49 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ospitanti milli tagħti, fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, lil persuna d-dritt li teżerċita l-professjoni ta’ tabib għal perijodu limitat ta’ tliet snin u suġġetta għar-restrizzjoni li dik il-persuna tista’ tipprattika biss taħt id-direzzjoni u s-superviżjoni ta’ tabib awtorizzat u, fl-istess perijodu, għandha tikkompleta tliet snin ta’ taħriġ speċjali fi prattika medika ġenerali sabiex tikseb awtorizzazzjoni sabiex teżerċita l-professjoni ta’ tabib b’mod indipendenti fl-Istat Membru ospitanti, fid-dawl tal-fatt li:

(a)    il-persuna tkun kisbet kwalifika universitarja tal-ewwel grad fil-mediċina fl-Istat Membru ta’ oriġini iżda, meta applikat għar-rikonoxximent ta’ dik il-kwalifika professjonali fl-Istat Membru ospitanti, hija ma kinitx kapaċi tipprovdi ċertifikat li juri t-tlestija ta’ taħriġ professjonali ta’ sena, li hija meħtieġa bħala kundizzjoni addizzjonali sabiex tinkiseb il-kwalifika professjonali fl-Istat Membru ta’ oriġini;

(b)    il-persuna ġiet offruta, fl-Istat Membru ospitanti, għall-finijiet tal-Artikolu 55a tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali 1 , bħala alternattiva preferenzjali li hija rrifjutat, il-possibbiltà li twettaq fl-Istat Membru ospitanti, għal perijodu ta’ tliet snin, stage professjonali li jikkorrispondi mal-linji gwida tal-Istat Membru ta’ oriġini, sabiex tkun tista’ tapplika għal rikonoxximent quddiem l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini sabiex tkun tista’ tapplika mill-ġdid quddiem l-Istat Membru ospitanti għad-dritt li teżerċita l-professjoni ta’ tabib permezz tas-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku msemmija fid-direttiva;

(c)    l-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti huwa li jippromwovi s-sigurtà tal-pazjent u l-kwalità tas-servizzi tal-kura tas-saħħa billi jiżgura li l-professjonisti tal-kura tas-saħħa jkollhom it-taħriġ meħtieġ għall-attività professjonali tagħhom, kwalifiki professjonali suffiċjenti oħra u ħiliet oħra meħtieġa għall-attività professjonali tagħhom?

____________

1     ĠU 2005, L 255, p. 22.