Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Settembru 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju

(Kawża C-564/17)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Cattabriga, G. von Rintelen, R. Troosters, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju

Talbiet

tikkonstata li, billi ma adottax, sa mhux iktar tard mill-25 ta’ Diċembru 2013, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru 1 jew, fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikax dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva;

timponi fuq ir-Renju tal-Belġju, skont l-Artikolu 260(3) TFUE, il-pagamenti ta’ penalità tal-ammont ta’ EUR 70.828.80 kuljum sa mid-data li fiha tingħata s-sentenza fil-kawża preżenti għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jiġu kkomunikati l-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/98/UE;

tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-Istati Membri kienu obbligati, taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2011/98/UE, jadottaw il-miżuri nazzjonali meħtieġa sabiex jiġu trasposti l-obbligi tad-direttiva sa mhux iktar tard mill-25 ta’ Diċembru 2013. Peress li l-Belġju ma kkomunikax it-traspożizzjoni kompluta tad-direttiva, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tipproponi li pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 70 828.80 kuljum jiġu imposti fuq ir-Renju tal-Belġju. L-ammont tal-pagamenti ta’ penalità huwa kkalkolat b’teħid inkunsiderazzjoni tal-gravità, tat-tul tal-ksur, kif ukoll tal-effett dissważiv skont il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru.

____________

1 ĠU L 343, p. 1.