Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Marzu 2014 – Hüpeden vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni

(Kawża T-206/14)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Hüpeden & Co. (GmbH & Co.) KG (Hamburg, il-Ġermanja) (rappreżentant: K. Landry, avukat)

Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tikkundanna lill-konvenuti jħallsu lir-rikorrenti danni fl-ammont ta’ EUR 118 762.57, miżjuda bl-interessi bir-rata ta’ 8 % fis-sena mid-data tan-notifika tas-sentenza jew tikkonstata li hemm dritt ta’ kumpens għad-danni kontra l-konvenuti;

tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż tal-kawża

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob danni minħabba l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1355/2008 1 , iddikjarat invalidu permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 2012 fil-kawża Grünwald Logistik Service GmbH (GLS) vs Hauptzollamt Hamburg-Stadt (C-338/10).

Ir-rikorrenti ssostni li huwa minnu li d-dazji antidumping miġbura indebitament fuq il-bażi ta’ dan ir-regolament ġew irrimborsati mill-awtoritajiet doganali nazzjonali, iżda hija sostniet dannu finanzjarju minħabba li kienet obbligata, minħabba t-telf ta’ likwidità, tirrikorri għal self bankarju supplimentari u tħallas interessi skont ir-rata tas-suq, kif ukoll tirrikorri għal self għal żmien qasir b’rata fissa. Għaldaqstant, hija titlob ir-rimbors tad-differenza bejn l-interessi mħallsa minnha fuq self bankarju u l-interessi iktar baxxi li kien ikollha tħallas fl-assenza ta’ dazji antidumping. Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li, billi adottat illegalment ir-Regolament Nru 1355/2008, il-konvenuta kisret id-dmir tagħha ta’ diliġenza u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba b’mod suffiċjentement serju, li wassal lir-rikorrenti ġġarrab dannu li ma jistax jiġi kkumpensat mod ieħor peress li l-ħlas ta’ interessi fuq id-differenzi favur il-persuni taxxabbli mid-data tal-ħlas ma huwiex previst mid-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti għad-dazji fuq l-importazzjoni.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1355/2008, tat-18 ta’ Diċembru 2008, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 350, p. 35).