Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Marzu 2010 - Insula vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-110/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Conseil scientifique international pour le développement des îles (Insula) (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: J.-D. Simonet u P. Marsal, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tiddikjara li t-talba tal-Kummissjoni li tingħata lura s-somma ta' EUR 84 120 hija infondata u, għaldaqstant, tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex toħroġ nota ta' kreditu għall-ammont ta' EUR 84 120;

tiddikjara li għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, ir-rikors għandu jiġi magħqud, minħabba li din il-kawża hija relatata, mal-Kawża T-366/09;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Bir-rikors preżenti, ibbażat fuq klawżola ta' arbitraġġ, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonstata n-nuqqas ta' konformità tan-nota ta' debitu tat-28 ta' Jannar 2010, li biha l-Kummissjoni tordna, wara rapport ta' verifika tal-OLAF, l-irkupru tal-ħlasijiet bil-quddiem mogħtija lir-rikorrent, mal-klawżoli tal-kuntratt EL HIERRO (NNE5/2001/950) konkluż fil-kuntest ta' programm speċifiku ta' riċerka u żvilupp tekonoloġiku u ta' dimostrazzjoni fuq l-Enerġija, l-Ambjent u l-Iżvilupp sostenibbli.

Ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

Permezz tal-ewwel motiv, huwa jikkontesta l-eżiġibbiltà tal-kreditu invokat mill-Kummissjoni wara l-verifika li saret fl-2005.

Permezz tat-tieni motiv, huwa jsostni li l-Kummissjoni, bil-ħruġ tan-nota ta' debitu l-ġdida, tikser l-obbligi kuntrattwali tagħha li ma jippermettulhiex iktar li, sitt snin wara l-aħħar ħlas li sar lil Insula u fin-nuqqas ta' notifika minn naħa tagħha fit-terminu previst mill-kuntratt, titlob dokumenti ta' sostenn addizzjonali.

____________