Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-28 ta’ Frar 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio – l-Italja) – MA.T.I. SUD SpA vs Centostazioni SpA (C-523/16), Duemme SGR SpA vs Associazione Cassa Nazionale di Previdenza e Assistenza in favore dei Ragionieri e Periti Commerciali (CNPR) (C‑536/16)

(Kawżi Magħquda C-523/16 u C-536/16) 1

Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE – Artikolu 51 – Regolarizzazzjoni – Direttiva 2004/17/KE – Kjarifika tal-offerti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta r-regolarizzazzjoni mill-offerenti tad-dokumentazzjoni li għandha tiġi pprovduta għal ħlas ta’ sanzjoni pekunjarja – Prinċipji relatati mal-għoti tal-kuntratti pubbliċi – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ proporzjonalità

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: MA.T.I. SUD SpA (C-523/16), Duemme SGR SpA (C-536/16)

Fil-preżenza ta’: China Taiping Insurance Co. Ltd (C-523/16)

Konvenuti: Centostazioni SpA (C-523/16), Associazione Cassa Nazionale di Previdenza e Assistenza in favore dei Ragionieri e Periti Commerciali (CNPR) (C-536/16)

Dispożittiv

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], il-prinċipji dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li fosthom jinsabu l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali u fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, bħala regola, leġiżlazzjoni nazzjonali milli tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ assistenza għall-preparazzjoni tal-fajl, li b’applikazzjoni tagħha l-awtorità kontraenti tista’, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, tistieden lil kull offerent li l-offerta tiegħu hija vvizzjata b’irregolaritajiet sostanzjali, fis-sens tal-imsemmija leġiżlazzjoni, jirregolarizza l-offerta tiegħu, taħt riżerva ta’ ħlas ta’ sanzjoni pekunjarja, sakemm l-ammont ta’ din is-sanzjoni jibqa’ konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina.

Min-naħa l-oħra, dawn l-istess dispożizzjonijiet u prinċipji għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ assistenza għall-preprazzjoni tal-fajl li b’applikazzjoni tiegħu l-awtorità kontraenti tista’ teżiġi minn offerent, permezz tal-ħlas minn dan tal-aħħar ta’ sanzjoni pekunjarja, li jirrimedja għall-assenza ta’ dokument li, skont id-dispożizzjonijiet espressi tad-dokumenti tal-kuntratt, għandhom iwasslu għall-esklużjoni tiegħu, jew li jelimina l-irregolaritajiet li jaffettwaw l-offerta tiegħu b’mod li l-korrezzjonijiet jew modifiki li jsiru jkunu jixbhu ħafna l-preżentazzjoni ta’ offerta ġdida.

____________

1     ĠU C 22, 23.1.2017