Language of document : ECLI:EU:C:2012:744

Kawża C‑277/11

M. M.

vs

Minister for Justice, Equality and Law Reform et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sistema komuni Ewropea tal-ażil — Direttiva 2004/83/KE — Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — It-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) — Kooperazzjoni tal-Istat Membru mal-applikant sabiex jiġu evalwati l-punti rilevanti tal-applikazzjoni tiegħu — Portata — Regolarità tal-proċedura nazzjonali segwita fl-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat — Rispett tad-drittijiet fundamentali — Dritt li wieħed jinstema’”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-22 ta’ Novembru 2012

Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Politika tal-ażil — Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja — Direttiva 2004/83 — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi żewġ proċeduri distinti u suċċessivi għall-eżami tat-talba għal ażil u tat-talba għal protezzjoni sussidjarja — Obbligu li jiġi ggarantit id-dritt għal smigħ fil-kuntest ta’ kull waħda minn dawn il-proċeduri

(Direttiva tal-Kunsill 2004/83, Artikolu 4(1))

Ir-rekwiżit ta’ kooperazzjoni ta’ Istat Membru ma’ applikant għal ażil, kif imsemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li inkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li, fl-ipoteżi fejn barrani jitlob li jibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja wara li l-istatus ta’ refuġjat ikun ġie rrifjutat lilu u fejn l-awtorità nazzjonali kompetenti jkollha l-intenzjoni li tiċħad ukoll din it-tieni applikazzjoni, din l-awtorità għandha l-obbligu f’dan is-sens, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, li tinforma lill-persuna kkonċernata dwar l-eżitu negattiv li hija tkun ser tirriżerva għall-applikazzjoni tagħha kif ukoll li tikkomunikalha l-argumenti li fuqhom hija għandha l-intenzjoni li tibbaża ċ-ċaħda tagħha, b’tali mod li l-applikant ikun f’pożizzjoni li jsostni l-fehma tiegħu f’dan ir-rigward.

Madankollu, fir-rigward ta’ sistema nazzjonali kkaratterizzata bl-eżistenza ta’ żewġ proċeduri distinti u suċċessivi għall-finijiet tal-eżami, rispettivament, tal-applikazzjoni intiża sabiex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat u tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tħares li jiġu rrispettati, fil-kuntest ta’ kull waħda minn dawn il-proċeduri, id-drittijiet fundamentali tal-applikant u, b’mod iktar partikolari, id-dritt li jinstema’ fis-sens li għandu jkun jista’ jesponi utilment l-osservazzjonijiet tiegħu qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li ma tagħtix il-benefiċċju tal-protezzjoni mitluba. F’tali sistema, iċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata tkun diġà nstemgħet waqt l-istruttorja tal-applikazzjoni tagħha għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat ma jfissirx li din il-formalità tista’ tiġi injorata fil-kuntest tal-proċedura relatata mal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja.

Fil-fatt, id-dritt li wieħed jinstema’ f’kull proċedura, li huwa stabbilit mill-Artikoli 41, 47 u 48 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu japplika għal kull proċedura li tista’ tagħti lok għal att li jikkawża preġudizzju u huwa imperattiv anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipproċedix espressament għal tali formalità. Konsegwentement, dan id-dritt għandu japplika b’mod sħiħ għall-proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni ta’ għoti tal-protezzjoni internazzjonali magħmula mill-awtorità nazzjonali kompetenti skont ir-regoli adottati fil-kuntest tas-Sistema komuni Ewropea tal-ażil. Meta Stat Membru jkun għażel li jistabbilixxi żewġ proċeduri distinti u suċċessivi għall-eżami tal-applikazzjoni għal ażil u tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, jeħtieġ li, fid-dawl tan-natura fundamentali li għandha, id-dritt tal-persuna kkonċernata li tinstema’ jiġi ggarantit bis-sħiħ fil-kuntest ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ proċeduri.

(ara l-punti 74, 82, 85, 86, 89, 91, 95 u d-dispożittiv)