Language of document : ECLI:EU:T:2023:365

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

28 ta’ Ġunju 2023 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea tridimensjonali – Forma ta’ werqa ħaxixa fi flixkun – Trade marks nazzjonali preċedenti – Raġuni relattiva għal – Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Kunċett ta’ ‘aġent’ jew ta’ ‘rappreżentant’ – Rekwiżit ta’ ftehim kuntrattwali dirett”

Fil-Kawża T‑145/22,

CEDC International sp. z o.o., stabbilita f’Oborniki Wielkopolskie (il-Polonja), irrappreżentata minn M. Fijałkowski, avukat,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Stoyanova-Valchanova u V. Ruzek, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

Underberg AG, stabbilita f’Dietlikon (l-Isvizzera), irrappreżentata minn A. Renck u C. Stöber, avukati,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. J. Costeira, Presidenta, M. Kancheva (Relatriċi) u U. Öberg, Imħallfin,

Reġistratriċi: R. Ūkelytė, amministrattriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tad‑19 ta’ Jannar 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, CEDC International sp. z o.o., titlob l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat‑22 ta’ Diċembru 2021 (Każ R 1954/2020–5) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Fl‑1 ta’ April 1996, l-intervenjenti, Underberg AG, ippreżentat quddiem l-EUIPO applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat (issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat, issostitwit huwa stess bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

3        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa s-sinjal tridimensjonali rrappreżentat hawn taħt:

Image not found

4        Din ir-rappreżentazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet akkumpanjata mid-deskrizzjoni li ġejja: “L-oġġett tat-trade mark huwa werqa ħaxixa ħadra-kannella mqiegħda fi flixkun, li t-tul tagħha jikkorrispondi għal madwar tliet kwarti mill-għoli tal-flixkun”.

5        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tindika l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 33 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Spirti u likuri”.

6        Fil‑15 ta’ Settembru 2003, Przedsiębiorstwo Polmos Białystok (Spółka Akcyjna) (iktar ’il quddiem “Polmos”), il-predeċessur legali tar-rikorrenti, li ġiet issostitwita mir-rikorrenti wara amalgamazzjoni permezz ta’ akkwist li seħħet fis‑27 ta’ Lulju 2011, ressqet oppożizzjoni skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009, u sussegwentement l-Artikolu 46 tar-Regolament 2017/1001), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq.

7        L-oppożizzjoni kienet ibbażata, b’mod partikolari, fuq it-trade marks nazzjonali preċedenti segwenti:

–        it-trade mark Franċiża tridimensjonali rreġistrata bin-numru 95588457, ippreżentata fit‑18 ta’ Settembru 1995, irreġistrata fit‑18 ta’ April 1997 f’isem Przedsiębiorstwo Przemyslu Spirytusowego Polmos (iktar ’il quddiem “PPS Polmos”), ittrasferita lil Polmos fit‑28 ta’ Awwissu 2001, trażmessa lir-rikorrenti fit‑28 ta’ Ottubru 2011, imġedda sal‑20 ta’ Novembru 2025 għal “xorb alkoħoliku” li jaqa’ fil-klassi 33 u rrappreżentata kif ġej:

Image not found

–        it-trade mark Ġermaniża tridimensjonali rreġistrata bin-numru 39848553, ippreżentata fil‑25 ta’ Awwissu 1998, irreġistrata fit‑28 ta’ April 1999 għal “xorb alkoħoliku, b’mod partikolari vodkas” li jaqa’ fil-klassi 33 u rrappreżentata kif ġej:

Image not found

–        it-trade mark Pollakka rreġistrata bin-numru 62018, sostnuta minn ċertu numru ta’ dokumenti tal-Urząd Patentowy Rzeczypospolitej Polskiej (l-Uffiċċju tal-Privattivi tar-Repubblika tal-Polonja), li ma kinitx tinkludi rappreżentazzjoni;

–        it-trade mark Pollakka tridimensjonali rreġistrata bin-numru 62081, ippreżentata fit‑30 ta’ Awwissu 1985, irreġistrata fl‑20 ta’ Novembru 1987 u mġedda sat‑30 ta’ Awwissu 2025 għall-“vodka (prodotti alkoħoliċi)” li jaqgħu fil-klassi 33 – peress li din it-trade mark ġiet ittrasferita fl‑1987 lil PPS Polmos, li, fl‑1999, ittrasferixxietha lil Polmos, il-predeċessur tar-rikorrenti – u rrappreżentata kif ġej:

Image not found

–        it-trade mark Pollakka tridimensjonali rreġistrata bin-numru 85811, ippreżentata fit‑2 ta’ Awwissu 1993, irreġistrata fit‑3 ta’ Lulju 1995 f’isem Polmos, imġedda sat‑2 ta’ Awwissu 2023 għal “prodotti alkoħoliċi” li jaqgħu fil-klassi 33 u rrappreżentata kif ġej:

Image not found

–        it-trade mark Ġappuniża tridimensjonali rreġistrata bin-numru 2092826, ippreżentata fis‑17 ta’ Diċembru 1985, irreġistrata fit‑30 ta’ Novembru 1988, f’isem Przedsiębiorstwo Handlu Zagranicznego Agros (iktar ’il quddiem “PHZ Agros”), għall-“vodka” li taqa’ fil-klassi 33 u rrappreżentata kif ġej:

Image not found

–        it-trade mark Franċiża tridimensjonali rreġistrata bin-numru 98746752, ippreżentata fid‑19 ta’ Awwissu 1998, f’isem Agro-Holding S.A. (iktar ’il quddiem “Agros”), għall-“vodka” li taqa’ taħt il-klassi 33 u rrappreżentata kif ġej:

Image not found

–        it-trade mark Ġermaniża tridimensjonali mhux irreġistrata, allegatament użata fil-kummerċ fil-Ġermanja għal “xorb alkoħoliku, b’mod partikolari vodkas” li jaqa’ taħt il-klassi 33, fil-forma li ġejja:

Image not found

8        L-oppożizzjoni kienet ibbażata wkoll fuq sinjali oħra mhux irreġistrati mitluba f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.

9        Il-motivi invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija, l-ewwel, fl-Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009 u sussegwentement l-Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament 2017/1001) għal dak li kien jirrigwarda t-trade mark Franċiża tridimensjonali preċedenti Nru 95588457 riprodotta fil-punt 7 iktar ’il fuq, it-tieni, fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(3), tar-Regolament Nru 207/2009, u sussegwentement l-Artikolu 8(3) tar-Regolament 2017/1001) għal dak li kien jirrigwarda t-trade marks imsemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq u, it-tielet, fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, u sussegwentement l-Artikolu 8(4) tar-Regolament 2017/1001) għal dak li kien jirrigwarda s-sinjali mhux irreġistrati msemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq, in fine, u fil-punt 8 iktar ’il fuq.

10      Fit‑18 ta’ Ottubru 2010, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni kollha kemm hi.

11      Fis‑17 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti ressqet appell quddiem l-EUIPO, fuq il-bażi tal-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001), kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2012 (Każ R 2506/2010‑4) (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell.

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Mejju 2012 u rreġistrat bin-numru tal-kawża T‑690/12, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni.

14      Permezz tas-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, CEDC International vs UASI – Underberg (Forma ta’ werqa ħaxixa ġewwa flixkun) (T‑235/12, iktar ’il quddiem l-“ewwel sentenza ta’ annullament”, EU:T:2014:1058), il-Qorti Ġenerali annullat l-ewwel deċiżjoni. Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali rrilevat li r-rikorrenti kienet qiegħda tikkontesta l-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet tal-EUIPO dwar il-motivi #kollha tal-oppożizzjoni, jiġifieri dawk stabbiliti fl-Artikolu 8(1)(a), (3) u (4) tar-Regolament Nru 207/2009, iżda li, madankollu, hija indikat li hija kienet qiegħda tillimita l-argument tagħha biss għall-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar l-evalwazzjoni tal-provi tal-użu ppreżentati, peress li dawn il-konklużjonijiet kienu jikkonċernaw bl-istess mod il-motivi kollha tal-oppożizzjoni. Għal dak li jirrigwarda l-motiv ta’ oppożizzjoni stabbilit fl-Artikolu 8(1)(b) tal-istess regolament, hija kkonstatat li, billi naqas milli jeżerċita, b’mod oġġettiv u motivat, is-setgħa diskrezzjonali tiegħu fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-provi ta’ użu tat-trade mark Franċiża tridimensjonali preċedenti Nru 95588457 prodotti għall-ewwel darba quddiemu, il-Bord tal-Appell kien kiser l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 95(2) tar-Regolament 2017/1001) u, fid-dawl tan-nuqqas ta’ motivazzjoni hekk ikkonstatata, l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 94 tar-Regolament 2017/1001). Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors (punti 29, 69 u 103 tal-ewwel sentenza ta’ annullament).

15      Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Awwissu 2016 (Każ R 1248/2015‑4) (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell. Huwa qies li, anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu, ir-rikorrenti ma kinitx weriet in-natura tal-użu mit-trade mark Franċiża tridimensjonali preċedenti Nru 95588457 u minn dan iddeduċa li l-oppożizzjoni bbażata fuq din it-trade mark u fuq il-motivi stabbiliti fl-Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009 kellha tiġi miċħuda. Għal dak li jirrigwarda l-motivi l-oħra tal-oppożizzjoni u d-drittijiet preċedenti l-oħra invokati, il-Bord tal-Appell “irrefera espliċitament għar-raġunament li jinsab fid-deċiżjoni tiegħu tas‑26 ta’ Marzu 2012 fil-Każ R 2506/2010–4”. Huwa kkonkluda li l-oppożizzjoni kienet miċħuda għall-motivi u għad-drittijiet preċedenti kollha li fuqhom kienet ibbażata l-oppożizzjoni (punti 46 sa 49 tat-tieni deċiżjoni).

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Novembru 2016 u rreġistrat bin-numru tal-kawża T‑796/16, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għall-annullament tat-tieni deċiżjoni. Din il-proċedura ġiet sospiża, fuq talba tal-EUIPO, mid‑29 ta’ Mejju 2017 sat‑12 ta’ Awwissu 2019.

17      Permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, CEDC International vs EUIPO – Underberg (Forma ta’ werqa ħaxixa fi flixkun) (T‑796/16, iktar ’il quddiem it-“tieni sentenza ta’ annullament”, EU:T:2020:439), il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment it-tieni deċiżjoni. Minn naħa, huwa kkonferma l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li l-użu tat-trade mark Franċiża tridimensjonali preċedenti Nru 95588457, kif irrappreżentata u rreġistrata, ma kienx ġie pprovat, b’tali mod li l-motiv ta’ oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 40/94 kellha tiġi miċħuda. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, billi kien llimita ruħu li “jirreferi espliċitament”, għal dak li kien jikkonċerna l-motivi ta’ oppożizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 8(3) u (4) ta’ dan ir-regolament, għar-raġunament li jinsab fl-ewwel deċiżjoni, li kienet ġiet annullata fl-intier tagħha mill-Qorti Ġenerali, u billi sussegwentement kien ibbaża parzjalment id-dispożittiv ta’ ċaħda tal-appell quddiemu fuq tali riferiment, il-Bord tal-Appell ma kienx immotiva d-deċiżjoni kkontestata b’mod suffiċjenti fid-dritt, bi ksur tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009. Konsegwentement, hija annullat it-tieni deċiżjoni biss fir-rigward tal-motivi ta’ oppożizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 8(3) u (4) tar-Regolament Nru 40/94 u ċaħdet il-kumplament tar-rikors, jiġifieri għal dak kollu li kien jikkonċerna l-motiv ta’ oppożizzjoni stabbilit fl-Artikolu 8(1)(a) u (b) tal-istess regolament (punti 179, 204 u 209 tat-tieni sentenza ta’ annullament).

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Novembru 2020 u rreġistrat bin-numru tal-kawża C‑639/20 P, ir-rikorrenti ppreżentat appell intiż għall-annullament parzjali tat-tieni sentenza ta’ annullament.

19      Permezz tad-digriet tat‑23 ta’ Marzu 2021, CEDC International vs EUIPO (C‑639/20 P, mhux ippubblikat, EU:C:2021:227), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-appell ma kienx ammess.

20      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell ikkomunikata lill-partijiet fit‑8 ta’ Ottubru 2020, il-każ ġie assenjat mill-ġdid lill-Ħames Bord tal-Appell, bir-referenza R 1954/2020‑5, sabiex dan jiddeċiedi mill-ġdid.

21      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Ħames Bord tal-Appell ċaħad l-appell. Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-motiv ta’ oppożizzjoni stabbilit fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94, qabelxejn, huwa kkonstata li ċerti drittijiet preċedenti invokati ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala bażi għall-oppożizzjoni. Sussegwentement, il-Bord tal-Appell qies li r-rikorrenti, probabbilment minħabba s-sitwazzjoni speċifika tar-reġim Komunista tar-Repubblika tal-Polonja ta’ dak iż-żmien, ma rnexxilhiex tipprova l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejnha u bejn l-intervenjenti jew bejnha u bejn PHZ Agros jew Agros Trading Co. Ltd, kemm fil-mument tal-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jew qabel. Minn dan huwa kkonkluda li, fir-rigward tat-trade mark Franċiża tridimensjonali preċedenti Nru 95588457 u t-trade marks Pollakki preċedenti Nri 62081 u 85811, l-intervenjenti ma setgħetx titqies li aġixxiet bħala aġent jew rappreżentant tar-rikorrenti, b’tali mod li l-oppożizzjoni ma setgħetx tintlaqa’ fid-dawl tat-tieni kundizzjoni stabbilita fl-imsemmi artikolu. Fl-aħħar nett, “għall-finijiet ta’ kompletezza”, huwa kkonstata li ebda wieħed mill-ftehimiet kuntrattwali prodotti ma kien jagħmel riferiment espliċitu għat-trade marks preċedenti msemmija iktar ’il fuq. Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-motiv ta’ oppożizzjoni stabbilit fl-Artikolu 8(4) tal-istess regolament, il-Bord tal-Appell qies li r-rikorrenti ma kinitx tat prova tal-użu reali tat-trade mark Ġermaniża mhux irreġistrata invokata, u wisq inqas tal-użu tagħha fil-kummerċ li l-portata tiegħu ma kinitx biss lokali qabel il-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fil-Ġermanja, u li l-istess japplika għall-allegati drittijiet ta’ trade mark mhux irreġistrati fil-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni, b’tali mod li l-oppożizzjoni kellha wkoll tiġi miċħuda għal dan il-motiv.

 Ittalbiet talpartijiet

22      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata, għal dak li jirrigwarda l-motiv ta’ oppożizzjoni taħt l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94;

–        tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjenti għall-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Bord tal-Appell.

23      L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

24      Fid-dawl tad-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwistjoni, jiġifieri l‑1 ta’ April 1996, li hija determinanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tad-dritt sostantiv applikabbli, il-fatti tal-kawża huma rregolati mid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 40/94 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2014, Bimbo vs UASI, C‑591/12 P, EU:C:2014:305, punt 12, u tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Primart vs EUIPO, C‑702/18 P, EU:C:2020:489, punt 2 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, f’dan il-każ, għal dak li jirrigwarda r-regoli sostantivi, ir-riferimenti magħmula mill-partijiet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom għall-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009 għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għall-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94, ta’ kontenut identiku.

25      Barra minn hekk, sa fejn, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli proċedurali huma ġeneralment meqjusa applikabbli fid-data li fiha jidħlu fis-seħħ (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata), it-tilwima hija rregolata mid-dispożizzjonijiet proċedurali tar-Regolament 2017/1001.

26      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, b’mod partikolari tal-Artikolu 95(1) u tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament 2017/1001, moqrija flimkien mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94, u, it-tieni wieħed, fuq il-ksur ta’ din l-aħħar dispożizzjoni strictu sensu.

27      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti stess tippreċiża, fil-punt 35 tar-rikors, li dan ir-rikors jirrigwarda d-deċiżjoni kkontestata biss parzjalment, għal dak li jirrigwarda l-motiv ta’ oppożizzjoni stabbilit fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax iċ-ċaħda mill-istanzi tal-EUIPO tal-oppożizzjoni bbażata fuq il-motiv stabbilit fl-Artikolu 8(4) tal-istess regolament u li din iċ-ċaħda hija għalhekk definittiva.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, b’mod partikolari tal-Artikolu 95(1) u tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament 2017/1001, moqrija flimkien mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94

28      Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tinvoka ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, b’mod partikolari tal-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001, ibbażat fuq nuqqas ta’ eżami korrett tal-fatti, u tal-Artikolu 94(1) tal-istess regolament, minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94. Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel ilment huwa bbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell ma eżaminax il-motivi ta’ oppożizzjoni bbażati fuq l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 fid-dawl tad-dritt preċedenti invokat fl-att ta’ oppożizzjoni bħala “trade mark ippreżentata minn aġent”, jiġifieri t-trade mark Ġermaniża tridimensjonali mhux irreġistrata li għandha l-forma ta’ flixkun b’werqa ħaxixa. It-tieni lment huwa bbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell ma eżaminax jekk kinitx teżisti relazzjoni impliċita ta’ aġent jew ta’ rappreżentant bejn il-partijiet abbażi tal-provi prodotti, li kienu jistabbilixxu obbligu ta’ fiduċja u ta’ lealtà fil-konfront tal-intervenjenti u tal-predeċessur tagħha. It-tielet ilment huwa bbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell wettaq eżami żbaljat tal-fatti dwar il-portata tad-drittijiet ta’ proprjetà industrijali koperti mir-relazzjoni ta’ aġent jew ta’ rappreżentant bejn il-partijiet, b’mod partikolari billi ma rrikonoxxiex li d-drittijiet ta’ proprjetà industrijali fuq it-trade mark Ġermaniża tridimensjonali mhux irreġistrata li għandha l-forma ta’ flixkun b’werqa ħaxixa kienu koperti mill-obbligu ta’ fiduċja u ta’ lealtà impost fuq l-intervenjenti u fuq il-predeċessur tagħha.

29      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa opportun li qabelxejn jiġi eżaminat it-tieni lment.

30      Għal dan l-għan, ser jintużaw l-abbrevjazzjonijiet li ġejjin:

–        “PPS Polmos” tfisser Przedsiębiorstwo Przemyslu Spirytusowego Polmos, impriża pubblika Pollakka, produttriċi ta’ vodkas, predeċessur ta’ Przedsiębiorstwo Polmos Białystok (Spółka Akcyjna), li din stess hija l-predeċessur ta’ CEDC International sp. z o.o., ir-rikorrenti;

–        “Polmos” tfisser Przedsiębiorstwo Polmos Białystok (Spółka Akcyjna), suċċessur ta’ PPS Polmos u l-predeċessur tar-rikorrenti;

–        “PHZ Agros” tfisser Przedsiębiorstwo Handlu Zagranicznego Agros, kumpanija pubblika Pollakka li hija awtorizzata tesporta l-vodkas Pollakki barra mill-pajjiż;

–        “AGROS” tfisser Agros Holding S.A. u/jew is-sussidjarja miżmuma minnha 100%, Agro-Trading Sp. z o.o. (bl-Ingliż, Agro-Trading Co. Ltd), suċċessuri ta’ PHZ Agros;

–        “Diversa” tirreferi Diversa Spezialitäten GmbH, predeċessur ta’ Underberg AG, l-intervenjenti.

31      Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti ssemmi diversi ftehimiet kummerċjali, li fosthom dawk prinċipali huma:

–        il-ftehim ta’ importazzjoni tal‑10 ta’ Mejju 1983 konkluż bejn Agros u Diversa [K7‑K7a];

–        il-ftehim ta’ importazzjoni tat‑8 ta’ Mejju 1987 konkluż bejn Agros u Diversa [K8‑K8a];

–        il-ftehim tad‑29 ta’ Ottubru 1993 konkluż bejn Agros u l-intervenjenti, ikklassifikata bħala “importatriċi” [K9];

–        il-ftehim tal‑24 ta’ Mejju 1999 [K11] konkluż bejn Agros u l-intervenjenti, ikklassifikata bħala “importatriċi”.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq l-ommissjoni tal-eżami tal-eżistenza ta’ relazzjoni impliċita ta’ membru tal-persunal jew ta’ rappreżentant bejn ir-rikorrenti u l-intervenjenti

32      Permezz tat-tieni lment, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli ma eżaminax il-provi li, fil-fehma tagħha, jistabbilixxu l-eżistenza ta’ relazzjoni fiduċjarja impliċita bejn il-partijiet permezz ta’ PHZ Agros jew ta’ Agros li jaġixxu de facto bħala aġent jew rappreżentant ta’ PPS Polmos jew ta’ Polmos (proprjetarji tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, fosthom it-trade mark tridimensjonali li tirrappreżenta flixkun b’werqa ħaxixa). F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq diversi provi [Annessi K1‑K11], inklużi l-ftehimiet elenkati fil-punt 31 iktar ’il fuq, u tqis li dawn il-fatti kollha eżaminati flimkien juru li kien jeżisti dmir impliċitu ta’ fiduċja u ta’ lealtà impost fuq Diversa jew fuq l-intervenjenti fir-rigward ta’ PPS Polmos jew ta’ Polmos, irrappreżentati mill-aġent de facto PHZ Agros jew Agros. B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell ma rrikonoxxiex li n-natura fiduċjarja tar-relazzjoni bejn il-partijiet (jew il-predeċessuri tagħhom) kienet tirriżulta b’mod ċar mill-ftehimiet ta’ importazzjoni tal‑10 ta’ Mejju 1983 u tat‑8 ta’ Mejju 1987 kif ukoll mill-ftehim tad‑29 ta’ Ottubru 1993, iżda “fil-fatt illimita l-eżami tiegħu għall-verifika tal-eżistenza ta’ kuntratti”. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-protezzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark tkompli anki wara t-tmiem tar-relazzjoni kuntrattwali li minnha jirriżulta obbligu ta’ fiduċja. Fl-aħħar nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni r-reġim Komunista fil-Polonja fis-snin 1970 u ċ-“ċirkustanzi turbulenti” ta’ privatizzazzjoni ta’ impriżi pubbliċi fis-snin 1990. Hija tikkonkludi li l-Bord tal-Appell naqas milli jwettaq l-obbligi proċedurali tiegħu li jeżamina l-fatti u li jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu fir-rigward ta’ dawn il-provi kollha.

33      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

34      Konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001, matul il-proċedimenti, l-EUIPO għandu jwettaq l-eżami ex officio tal-fatti, bil-kundizzjoni li, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, l-eżami huwa limitat għar-raġunijiet invokati u għat-talbiet imressqa mill-partijiet.

35      Bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament 2017/1001, id-deċiżjonijiet tal-EUIPO għandhom ikunu motivati.

36      Issa, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, li tikkonċerna l-legalità fuq il-mertu tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom tkun ibbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi jkunu vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità fuq il-mertu tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li tesprimi raġunijiet żbaljati. Minn dan isegwi li l-ilmenti u l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza ta’ att huma irrilevanti fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti (ara t-tieni sentenza ta’ annullament, punt 187 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 (mhux emendat mir-Regolamenti Nru 207/2009 u 2017/1001), malli ssir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark, it-trade mark ma għandhiex tiġi rreġistrata jekk aġent jew rappreżentant tal-proprjetarju tat-trade mark japplika għar-reġistrazzjoni tagħha f’ismu mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju, sakemm l-aġent jew ir-rappreżentant ma jiġġustifikax l-azzjoni tiegħu.

38      L-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 għandu l-għan li jevita l-użu ħażin tat-trade mark preċedenti mill-aġent jew mir-rappreżentant tal-proprjetarju tagħha, peress li dawn tal-aħħar jistgħu jużaw l-għarfien u l-esperjenza miksuba matul ir-relazzjoni kummerċjali li torbothom ma’ dan il-proprjetarju u, għaldaqstant, jieħdu vantaġġ indebitu mill-isforzi u mill-investiment li huwa jkun ipprovda (sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 2020, EUIPO vs John Mills, C‑809/18 P, EU:C:2020:902, punti 72 u 83; tas‑6 ta’ Settembru 2006, DEF-TEC DehebTechnology vs UASI – DEFENSE Technology (FIRST DEFENSE AEROSOL PEPPER PROJECTOR), T‑6/05, EU:T:2006:241, punt 38, u tal‑14 ta’ Frar 2019, Mouldpro vs EUIPO – Wenz Kunststoff (MOULDPRO), T‑796/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:88, punt 24). Għalhekk, din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tipproteġi l-interessi leġittimi tal-proprjetarji ta’ trade marks u li tipproteġihom minn kull użu ħażin arbitrarju tat-trade marks tagħhom, billi tagħtihom id-dritt li jipprojbixxu r-reġistrazzjonijiet mitluba mill-aġenti jew mir-rappreżentanti tagħhom mingħajr il-kunsens tagħhom (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2021, Qx World vs EUIPO – Mandelay (EDUCTOR), T‑84/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:555, punt 61).

39      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li, sabiex oppożizzjoni tiġi milqugħa fuq tali bażi hemm bżonn, fl-ewwel lok, li l-opponent ikun il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti u, fit-tieni lok, li min qed jagħmel l-applikazzjoni huwa jew kien l-aġent jew ir-rappreżentant tal-proprjetarju tat-trade mark, fit-tielet lok li l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata skont il-liġi mill-aġent jew mir-rappreżentant mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju u mingħajr ma kien hemm raġunijiet leġittimi li jiġġustifikaw l-aġir tal-aġent jew tar-rappreżentant u, fir-raba’ lok, li l-preżentata tkun tikkonċerna essenzjalment sinjali u prodotti identiċi jew simili. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi (sentenza tat‑13 ta’ April 2011, Safariland vs UASI – DEF-TEC Defense Technology (FIRST DEFENSE AEROSOL PEPPER PROJECTOR), T‑262/09, EU:T:2011:171, punt 61).

40      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 humiex issodisfatti f’dan il-każ.

–       Fuq l-ewwel kundizzjoni, dwar is-sjieda tat-trade marks preċedenti

41      Kif irrileva l-Bord tal-Appell fil-punti 45 sa 48 tad-deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 jirreferi għall-“proprjetarju tat-trade mark”, mingħajr ma jispeċifika t-tip ta’ trade mark preċedenti msemmija, jiġifieri rreġistrata biss jew ukoll mhux irreġistrata, jew jekk jirreferix biss għal trade mark tal-Unjoni Ewropea jew ukoll għal trade mark ta’ Stat terz.

42      F’dan ir-rigward, minn naħa, għal dak li jirrigwarda t-tip ta’ trade mark preċedenti msemmi, għandu jitqies, bħalma għamel il-Bord tal-Appell, li l-kunċett ta’ “trade mark” fis-sens tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 ikopri wkoll, minbarra t-trade marks irreġistrati, it-trade marks mhux irreġistrati, iżda biss sa fejn il-liġi tal-pajjiż ta’ oriġini tirrikonoxxi drittijiet ta’ dan it-tip.

43      Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-oriġini tat-trade mark preċedenti, peress li l-formulazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 ma tinkludi ebda riferiment għal “territorju” kkonċernat, għall-kuntrarju tal-Artikolu 8(1)(b) tal-istess regolament, għandu jitqies li huwa irrilevanti jekk id-drittijiet relatati mat-trade mark preċedenti japplikawx jew le fl-Unjoni Ewropea.

44      Il-Qorti Ġenerali adottat prinċipju ekwivalenti f’sentenza dwar żewġ talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ żewġ trade marks tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 53(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 60(1)(b) tar-Regolament 2017/1001), moqri flimkien mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009, abbażi ta’ trade mark Pollakka preċedenti, fiż-żmien meta r-Repubblika tal-Polonja ma kinitx Stat Membru tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament ma kienx jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għat-trade marks irreġistrati fi Stat Membru jew għal dawk li jipproduċu effetti f’dan l-Istat u li, inkella, ikun hemm sovrappożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mal-Artikolu 8(1) u (5) tal-istess regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2012, Adamowski vs UASI – Fagumit (FAGUMIT), T‑537/10 u T‑538/10, EU:T:2012:634, punt 19].

45      Barra minn hekk, sabiex jiġi interpretat l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 6f tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, tal‑20 ta’ Marzu 1883, kif irriveduta u emendata (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2020, EUIPO vs John Mills, C‑809/18 P, EU:C:2020:902, punt 65), peress li l-ewwel wieħed huwa intiż li jimplimenta t-tieni. It-terminu “proprjetarju” għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ dan, li jippermetti wkoll lill-proprjetarju ta’ trade mark li tkun ġiet irreġistrata barra mill-Unjoni Ewropea, iżda f’wieħed mill-Istati partijiet għall-imsemmija konvenzjoni, li jinvoka l-protezzjoni tagħha.

46      Minn dan isegwi, fi kliem ieħor, li l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jista’, fi kwalunkwe Stat kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, jinvoka l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 jekk l-aġent tiegħu jew ir-rappreżentant tiegħu jitlob ir-reġistrazzjoni tat-trade mark fl-Unjoni Ewropea mingħajr il-kunsens tiegħu.

47      F’dan il-każ, fil-punti 49 sa 53 tad-deċiżjoni kkontestata, qabelxejn, il-Bord tal-Appell irrimarka li wħud mid-drittijiet preċedenti invokati, jiġifieri t-trade mark Ġermaniża Nru 39848553 u t-trade mark Franċiża Nru 98746752, ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, peress li dawn kienu ġew ippreżentati wara d-data tal-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, u għalhekk ma setgħux iservu bħala bażi għal oppożizzjoni skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94. Barra minn hekk, huwa osserva li r-rikorrenti ma kinitx il-proprjetarja tat-trade mark Ġappuniża Nru 2092826 fil-mument tal-preżentata tal-oppożizzjoni, peress li din kienet irreġistrata f’isem PHZ Agros f’din id-data, u, konsegwentement, li din it-trade mark Ġappuniża lanqas ma kienet tissodisfa r-rekwiżit ta’ sjieda fil-mument li fih saret l-oppożizzjoni skont dan l-artikolu [K15a u K15d]. Fl-aħħar nett, huwa kkonstata li t-trade mark Pollakka Nru 62018 ma kinitx ġiet imġedda fit-termini legali u għalhekk kienet skadiet. Peress li dritt preċedenti kellu jibbenefika minn protezzjoni fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni, din it-trade mark Pollakka ma setgħetx iktar tikkostitwixxi bażi valida f’dawn il-proċedimenti skont l-imsemmi artikolu.

48      Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ikkonstata li t-tliet trade marks preċedenti (ara l-punt 7 iktar ’il fuq) li għalihom ir-rikorrenti rnexxielha tistabbilixxi li hija kienet il-proprjetarja tagħhom fis-sens tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 u li għalhekk setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni kienu t-trade mark Franċiża preċedenti Nru 95588457, it-trade mark Pollakka preċedenti Nru 85811 u t-trade mark Pollakka preċedenti Nru 62081. Għal dak li jirrigwarda din tal-aħħar, il-Bord tal-Appell ħadha inkunsiderazzjoni “għall-finijiet ta’ kompletezza”, peress li dan kien ix-“xenarju l-iktar favorevoli” għar-rikorrenti, minkejja li din it-trade mark kienet ġiet issostanzjata minn traduzzjoni bl-Ingliż ta’ estratt mir-reġistru tat-trade marks tal-Uffiċċju tal-Privattivi tar-Repubblika tal-Polonja u li ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni u ta’ tiġdid oriġinali bil-Pollakk kien ġie pprovdut mir-rikorrenti fit‑3 ta’ Lulju 2008 [K31 u K32], jiġifieri tliet snin wara l-iskadenza tat-terminu mogħti sabiex tiġi ssostanzjata l-oppożizzjoni skont ir-Regola 19(1) u (2)(e) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat‑13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189) (li sar l-Artikolu 7(1) u (2)(c) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/625 tal‑5 ta’ Marzu 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1001 u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1430 (ĠU 2018, L 104, p. 1)), terminu li kien skada fis‑7 ta’ Lulju 2005.

49      Ir-rikorrenti ma tikkontestax dawn l-evalwazzjonijiet, bl-eċċezzjoni ta’ dik dwar it-trade mark Ġermaniża Nru 39848553. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din it-trade mark ġiet ippreżentata fil‑25 ta’ Awwissu 1998, iktar minn sentejn wara l-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, b’tali mod li bl-ebda mod ma tista’ tippreċediha.

50      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-Qorti Ġenerali tqis opportun, bħall-Bord tal-Appell, li teżamina fil-mertu t-tieni kundizzjoni, dwar l-eżistenza ta’ ftehim kuntrattwali ta’ aġenzija jew ta’ rappreżentanza, fid-dawl tat-trade mark Franċiża preċedenti Nru 95588457 u tat-trade marks Pollakki preċedenti Nri 62081 u 85811, mingħajr ma tiddeċiedi dwar il-fatt li dawn it-trade marks kienu invokati u sostnuti fl-att ta’ oppożizzjoni.

–       Fuq it-tieni kundizzjoni, dwar l-eżistenza ta’ ftehim kuntrattwali ta’ aġent jew ta’ rappreżentant

51      Għandu jitfakkar li t-twettiq tal-għan li jiġi evitat l-użu ħażin tat-trade mark preċedenti mill-aġent jew mir-rappreżentant tal-proprjetarju tagħha (ara l-punt 38 iktar ’il fuq) jeħtieġ interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċetti ta’ “aġent” u ta’ “rappreżentant”, fis-sens tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94. Dawn il-kunċetti għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’, b’mod li jkopru l-forom kollha ta’ relazzjonijiet ibbażati fuq ftehim kuntrattwali li jipprovdi li waħda mill-partijiet tirrappreżenta l-interessi tal-oħra, u dan indipendentement mill-klassifikazzjoni ġuridika tar-relazzjoni kuntrattwali stabbilita bejn il-proprjetarju jew il-mandant u l-applikant għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk huwa biżżejjed, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li jkun jeżisti bejn il-partijiet ftehim ta’ kooperazzjoni kummerċjali ta’ natura li joħloq relazzjoni ta’ fiduċja, imsejħa “fiduċjarja”, billi jimponi fuq l-applikant, espressament jew impliċitament, obbligu ġenerali ta’ fiduċja u ta’ lealtà fir-rigward tal-interessi tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti (sentenzi tat‑13 ta’ April 2011, FIRST DEFENSE AEROSOL PEPPER PROJECTOR, T‑262/09, EU:T:2011:171, punt 64, u tad‑9 ta’ Lulju 2014, Moonich Produktkonzepte & Realisierung vs UASI – Thermofilm Australia (HEATSTRIP), T‑184/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:621, punti 58 u 59; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2020, EUIPO vs John Mills, C‑809/18 P, EU:C:2020:902, punti 84 u 85).

52      Madankollu, jeħtieġ li jkun hemm ftehim kuntrattwali, kemm jekk bil-miktub kif ukoll jekk le, ta’ kooperazzjoni kummerċjali bejn il-partijiet. Jekk l-applikant jaġixxi b’mod kompletament awtonomu, mingħajr ma qatt tkun ġiet stabbilità relazzjoni mal-proprjetarju, ma jistax jitqies bħala aġent skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94. B’hekk, sempliċi xerrej jew klijent tal-proprjetarju ma jistax jitqies bħala “aġent” jew “rappreżentant” għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, peress li dawn il-persuni ma għandhom ebda obbligu partikolari ta’ fiduċja fir-rigward tal-proprjetarju tat-trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ April 2011, FIRST DEFENSE AEROSOL PEPPER PROJECTOR, T‑262/09, EU:T:2011:171, punt 64; tad‑9 ta’ Lulju 2014, HEATSTRIP, T‑184/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:621, punt 59, u tal‑14 ta’ Frar 2019, MOULDPRO, T‑796/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:88, punt 23). Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-ftehim kuntrattwali ta’ aġenzija jew ta’ rappreżentanza għandu jiġi stabbilit direttament bejn il-partijiet, u mhux permezz ta’ terzi.

53      Għaldaqstant, kif jirrileva ġustament l-EUIPO, il-fatt li relazzjoni “impliċita” tista’ tkun suffiċjenti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 ifisser biss li l-kriterju deċiżiv huwa l-eżistenza u n-natura ta’ ftehim kuntrattwali ta’ kooperazzjoni kummerċjali stabbilit fis-sustanza, u mhux il-klassifikazzjoni formali tiegħu. Għalhekk, relazzjoni kuntrattwali fiduċjarja u vinkolanti setgħet tiġi stabbilita permezz ta’ sempliċi korrispondenza kummerċjali bejn il-partijiet, inkluż permezz tal-posta elettronika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2014, HEATSTRIP, T‑184/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:621, punti 66 u 67). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-opponent huwa liberu, bħala prinċipju, li jagħżel il-forma tal-prova li huwa jqis utli li jippreżenta lill-EUIPO fil-kuntest ta’ oppożizzjoni bbażata fuq dritt preċedenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, EUIPO vs Puma, C‑564/16 P, EU:C:2018:509, punt 58). Madankollu, l-eżistenza ta’ tali relazzjoni kuntrattwali ma tistax tintwera permezz ta’ probabbiltajiet jew preżunzjonijiet, iżda għandha tkun ibbażata fuq elementi konkreti u oġġettivi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Kabushiki Kaisha Fernandes vs UASI – Harrison (HIWATT), T‑39/01, EU:T:2002:316, punt 47).

54      Fir-rigward tal-effett tat-tmiem tar-relazzjoni kuntrattwali fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark, ma huwiex neċessarju li l-ftehim konkluż bejn il-partijiet ikun għadu fis-seħħ waqt din il-preżentata. L-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 japplika wkoll għall-ftehimiet li jkunu skadew qabel id-data tal-imsemmija preżentata, bil-kundizzjoni li t-terminu li jkun għadda jkun tali li jista’ jiġi leġittimament preżunt li l-obbligu ta’ fiduċja u ta’ kunfidenzjalità kien għadu jeżisti waqt tali preżentata. Din l-interpretazzjoni estensiva ta’ din id-dispożizzjoni hija intiża li tipproteġi lill-proprjetarju tat-trade marks preċedenti, anki wara t-tmiem tar-relazzjoni kuntrattwali, li minnha jirriżulta obbligu ta’ fiduċja (sentenza tat‑13 ta’ April 2011, FIRST DEFENSE AEROSOL PEPPER PROJECTOR, T‑262/09, EU:T:2011:171, punt 65). Fi kliem ieħor, skont l-imsemmija interpretazzjoni, il-protezzjoni mogħtija mill-imsemmija dispożizzjoni tkompli anki wara t-tmiem tar-relazzjoni kuntrattwali li minnha jirriżulta obbligu ta’ fiduċja, bil-kundizzjoni msemmija iktar ’il fuq.

55      Mil-lat proċedurali, l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali ta’ aġenzija jew ta’ rappreżentanza jaqa’ fuq l-opponent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ April 2011, FIRST DEFENSE AEROSOL PEPPER PROJECTOR, T‑262/09, EU:T:2011:171, punt 67, u tal‑14 ta’ Frar 2019, MOULDPRO, T‑796/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:88, punt 30), jiġifieri l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti.

56      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, anki jekk it-termini “aġent” u “rappreżentant” imsemmija fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’, għandu madankollu jeżisti bejn il-partijiet ftehim kuntrattwali ta’ kooperazzjoni kummerċjali ta’ natura li joħloq relazzjoni ta’ fiduċja billi jimponi fuq l-applikant, espressament jew impliċitament, obbligu ġenerali ta’ fiduċja u ta’ lealtà fir-rigward tal-interessi tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti (sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, MOULDPRO, T‑796/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:88, punt 33).

57      F’dan il-każ, hija għalhekk ir-rikorrenti li kellha turi quddiem l-EUIPO li tali ftehim kuntrattwali ta’ kooperazzjoni kummerċjali kien jeżisti direttament bejn il-partijiet, jiġifieri l-intervenjenti u hija stess, fid-data tal-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

58      Qabelxejn, mill-punti 51 sa 56 iktar ’il fuq jirriżulta li ġustament, fil-punt 56 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li tali relazzjoni ta’ fiduċja setgħet tidher ukoll impliċitament, abbażi ta’ relazzjoni de facto, mingħajr ma jkun ġie ffirmat kuntratt ta’ distribuzzjoni jew kuntratt ta’ aġenzija formali mill-partijiet.

59      Fil-punti 63 sa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell osserva li, qabel ma jevalwa n-natura tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet, huwa kien obbligat jindika l-istorja tal-partijiet u r-relazzjonijiet tagħhom f’ordni kronoloġiku. Ir-rikorrenti kellha l-oriġini storika tagħha fl-ewwel unità ta’ produzzjoni pubblika stabbilita fl‑1973 għall-manifattura ta’ vodka, PPS Polmos. Din il-kumpannija u s-suċċessuri ulterjuri tagħha kienu responsabbli għall-manifattura tal-prodott mibjugħ barra mill-pajjiż minn kumpannija pubblika oħra, PHZ Agros, kif ukoll għall-bejgħ u għad-distribuzzjoni tiegħu fil-Polonja. Il-Bord tal-Appell irrileva li PHZ Agros kienet, dak iż-żmien, l-unika kumpannija awtorizzata li tesporta l-vodka tal-manifattur PPS Polmos. Mill‑1975, kienu jeżistu ftehimiet ta’ distribuzzjoni bejn PHZ Agros u Diversa, predeċessur tal-intervenjenti, mill‑1975 sal‑1992, imbagħad bejn Agros u l-intervenjenti. Bis-saħħa ta’ dawn il-ftehimiet, li kienu għadhom jeżistu waqt il-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, PHZ Agros u Agros kellhom id-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni tal-vodka Pollakka fil-Ġermanja, inizjalment għal diversi trade marks, kif ukoll tal-vodka bit-tikketta “Grasovka”.

60      Fil-punti 69 sa 75 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-Annessi K1 sa K11 prodotti mir-rikorrenti, huwa minnu li l-Bord tal-Appell irrileva li, qabel il-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (jiġifieri l‑1 ta’ April 1996), kien fis-seħħ il-ftehim tad‑29 ta’ Ottubru 1993 [K9] bejn Agros u l-intervenjenti, li fih din tal-aħħar kienet tissemma bħala l-importatriċi esklużiva fil-Ġermanja ta’ vodkas bid-denominazzjonijiet “Wyborowa” u “Grasovka”. Madankollu, huwa enfasizza li l-oppożizzjoni kienet saret minn kumpannija differenti, Polmos, li kienet il-proprjetarja tat-trade mark Franċiża preċedenti Nru 95588457 u tat-trade marks Pollakki preċedenti Nri 62081 u 85811 u li, skont il-provi prodotti, ir-rikorrenti jew PPS Polmos qatt ma kellhom kuntatt dirett mal-intervenjenti. Barra minn hekk, huwa kkonstata li r-rikorrenti bl-ebda mod ma kienet weriet li Agros kienet id-detentriċi ta’ liċenzja jew id-distributriċi esklużiva ta’ vodkas ta’ Polmos għall-Ġermanja, peress li mkien fil-ftehim imsemmi iktar ’il fuq Agros ma kienet espressament indikata bħala li kienet qed taġixxi f’din il-kwalità. Huwa kkonkluda li l-provi u l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti ma kinux juru u lanqas ma kienu jispjegaw l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet, jiġifieri l-intervenjenti li taġixxi bħala aġent jew rappreżentant ta’ Polmos, suċċessur ta’ PPS Polmos u l-predeċessur tar-rikorrenti.

61      Fil-punti 76 sa 81 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell osserva wkoll li, f’dan il-każ, ebda prova ma kienet turi li Polmos kellha relazzjoni kummerċjali ma’ PHZ Agros jew ma’ Agros. Huwa qies li s-sempliċi allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar sistema ta’ organizzazzjoni tal-esportazzjonijiet fl-“ex Polonja Komunista” kienu irrilevanti, peress li dawn ir-regoli ma kinux għadhom applikabbli fl‑1996, waqt il-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, u li ebda prova insostenn ta’ din l-allegazzjoni ma kienet ġiet prodotta fl-ebda mument tal-proċedimenti. Huwa kkonstata li, minkejja li l-intervenjenti kellha relazzjoni ma’ Agros, hija qatt ma kellha tali relazzjoni mal-allegat proprjetarju tat-trade mark, Polmos, u lanqas mal-predeċessur tagħha. Huwa rrileva li huwa minnu li, f’dak iż-żmien, iż-żewġ entitajiet (jiġifieri PHZ Agros u PPS Polmos) setgħu kienu entitajiet pubbliċi u li ma kienx possibbli li tiġi stabbilita xi sistema ta’ liċenzja bejniethom, peress li, skont il-liġi, entità pubblika (f’dan il-każ Agros) kienet inħatret sabiex tirrappreżenta l-interessi tal-entità pubblika l-oħra (f’dan il-każ Polmos) barra mill-pajjiż u li l-benefiċjarju finali kien ir-Repubblika Popolari tal-Polonja, li saret, wara l-bidla tas-sistema fl‑1989, ir-Repubblika tal-Polonja. Skont ir-rikorrenti, li rreferiet għal dan l-għan għall-Annessi K17 u K31 sa K36, wara l-privatizzazzjoni ta’ impriżi pubbliċi, il-predeċessur tagħha, Polmos, kienet akkwistat id-drittijiet kollha fuq it-trade mark Żubrówka (mibjugħa fil-Ġermanja taħt l-isem ta’ Grasovka), inklużi d-drittijiet preċedenti invokati f’dawn il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Madankollu, il-Bord tal-Appell fakkar li r-reġistrazzjoni tat-trade mark Ġermaniża preċedenti Nru 39848553 ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni, peress li d-data tal-preżentata tagħha kienet sussegwenti għal dik tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Barra minn hekk, huwa kkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li tgħid li l-uniku ftehim konkluż bejn Agros u Polmos li kien ġie prodott mir-rikorrenti, jiġifieri l-ftehim ta’ trasferiment ta’ trade mark tat‑28 ta’ Awwissu 2001 [K17], kien sussegwenti għall-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (jiġifieri l‑1 ta’ April 1996) u kellu natura ġuridika differenti minn dik ta’ ftehim ta’ distribuzzjoni. Huwa rrileva li l-Annessi K31 sa K36 kienu wkoll sussegwenti għall-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

62      Fil-punti 82 sa 86 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li, anki jekk ir-rikorrenti talbitu jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni kumplessa ħafna fl-“ex Polonja Komunista” u l-istorja tal-istruttura tal-impriżi u tat-trade marks dwar il-werqa ħaxixa, huwa kellu madankollu jillimita ruħu għall-provi prodotti mir-rikorrenti sabiex turi li l-intervenjenti kienet l-aġent jew ir-rappreżentant tal-proprjetarju tad-drittijiet preċedenti fis-sens tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94. Huwa qies li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti, probabbilment minħabba s-sitwazzjoni speċifika għall-“Polonja Komunista” ta’ dak iż-żmien, ma rnexxilhiex turi l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejnha u bejn l-intervenjenti, u lanqas bejnha u bejn PHZ Agros jew Agros, kemm fil-mument tal-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jew qabel. Fid-dawl ta’ ċirkustanzi oġġettivi, bħas-sistema politika u l-istruttura tas-sjieda qabel l‑1989 fil-Polonja, il-Bord tal-Appell iddikjara li evalwa l-provi kollha u li kellu jikkonkludi li, fir-rigward tat-trade mark Franċiża preċedenti Nru 95588457 u t-trade marks Pollakki preċedenti Nri 85811 u 62081, l-intervenjenti ma setgħetx titqies li aġixxiet bħala aġent jew rappreżentant tar-rikorrenti. Huwa kkonkluda wkoll li, għal dawn it-trade marks preċedenti, l-oppożizzjoni ma setgħetx tintlaqa’ fid-dawl tat-tieni kundizzjoni stabbilita fl-imsemmi artikolu.

63      F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, mill-punti 63 sa 86 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 59 sa 62 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-Bord tal-Appell eżamina flimkien il-provi prodotti mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva quddiem l-EUIPO u ma “llimitax l-eżami tiegħu għall-verifika tal-eżistenza ta’ kuntratti”. Barra minn hekk, fl-imsemmija punti tad-deċiżjoni tiegħu, il-Bord tal-Appell immotiva fit-tul l-evalwazzjoni tiegħu. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, li taqa’ taħt il-legalità fuq il-mertu tal-att kontenzjuż (ara l-punt 36 iktar ’il fuq).

64      Ladarba jsiru dawn il-konstatazzjonijiet, hemm lok li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell fid-dawl tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94.

65      Huwa paċifiku li ma kien jeżisti ebda ftehim kuntrattwali formalment konkluż bejn ir-rikorrenti (jew il-predeċessur tagħha) u l-intervenjenti (jew il-predeċessur tagħha).

66      Barra minn hekk, ftehim kuntrattwali ta’ aġenzija jew ta’ rappreżentanza għandu jiġi stabbilit direttament bejn il-partijiet, u mhux permezz ta’ partijiet terzi (ara l-punt 52 iktar ’il fuq). Għalhekk, l-eżistenza ta’ relazzjonijiet kummerċjali bejn l-intervenjenti u kumpannija terza ma tistax turi li l-intervenjenti kienet l-aġent jew ir-rappreżentant tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, MOULDPRO, T‑796/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:88, punt 32), peress li din il-kumpannija terza, f’dan il-każ PHZ Agros jew Agros, u r-rikorrenti kienu persuni ġuridiċi distinti.

67      Ir-rikorrenti tinvoka pjuttost l-eżistenza ta’ relazzjoni kummerċjali “impliċita” mal-intervenjenti (jew il-predeċessur tagħha) li fil-kuntest tagħha hija stess (jew il-predeċessur tagħha) kienet irrappreżentata mill-aġent jew mir-rappreżentant “de facto” PHZ Agros jew Agros.

68      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-eżistenza ta’ tali relazzjoni kummerċjali “impliċita” jew “de facto” bejn ir-rikorrenti (jew il-predeċessur tagħha) u l-intervenjenti (jew il-predeċessur tagħha), permezz ta’ PHZ Agros jew ta’ Agros, ma hijiex sostnuta mill-provi inklużi fil-proċess mir-rikorrenti, li fuqha jaqa’ l-oneru tal-prova (ara l-punt 55 iktar ’il fuq).

69      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ftehim tad‑29 ta’ Ottubru 1993 [K9], li kien jirregola r-relazzjonijiet bejn Agros u l-intervenjenti fil-mument tal-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (u għal kważi tliet snin qabel din id-data), għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-ftehim, ma jsir ebda riferiment, la espliċitament u lanqas impliċitament, għal Agros li taġixxi bħala aġent (jew detentriċi ta’ liċenzja, distributriċi jew rivenditriċi) jew rappreżentanta fi kwalunkwe kapaċità ta’ kwalunkwe terz, b’mod partikolari tar-rikorrenti jew tal-predeċessur tagħha.

70      Għalkemm huwa minnu li l-preambolu tal-ftehim tad‑29 ta’ Ottubru 1993 isemmi l-ftehim tat‑8 ta’ Mejju 1987 [K8] konkluż bejn Agros u Diversa, huwa jippreċiża wkoll li l-kooperazzjoni ser titkompla skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim il-ġdid u li, skont l-Artikolu 22(a) tiegħu, dan il-ftehim jirrappreżenta l-ftehimiet kollha tal-partijiet. Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, tali riferiment ġenerali għall-ftehim tal‑1987, li skada u ġie ssostitwit bil-ftehim tal‑1993, ma jistax iwassal għall-inkorporazzjoni ta’ obbligu impliċitu ta’ fiduċja u ta’ lealtà lejn terz mhux speċifikat, kif kienet ir-rikorrenti jew il-predeċessur tagħha fir-rigward tal-partijiet fil-ftehim tal‑1993.

71      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ftehim ta’ importazzjoni tal‑10 ta’ Mejju 1983 [K7] u tat‑8 ta’ Mejju 1987 konklużi bejn Agros u Diversa, ir-riferimenti tar-rikorrenti għal ċerti dispożizzjonijiet ta’ dawn il-ftehimiet, b’mod partikolari għaż-żieda miktuba bl-idejn ta’ “Polmos” fl-ewwel, fit-tielet u fis-seba’ paragrafu tal-Artikolu 7 tal-ftehim tat‑8 ta’ Mejju 1987 fir-rigward tas-sjieda tad-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, ma jistgħux jikkontestaw il-konklużjoni li ma ntwera ebda ftehim kuntrattwali dirett bejn ir-rikorrenti u l-intervenjenti.

72      Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-ftehim ta’ importazzjoni tal‑10 ta’ Mejju 1983 u tat‑8 ta’ Mejju 1987 ma kinux għadhom fis-seħħ fil-mument tal-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka l-ġurisprudenza li tgħid li l-protezzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark tkompli anki wara t-tmiem tar-relazzjoni kuntrattwali li minnha jirriżulta obbligu ta’ fiduċja, bil-kundizzjoni li t-terminu li jkun għadda jkun tali li jista’ jiġi leġittimament preżunt li l-obbligu ta’ fiduċja u ta’ kunfidenzjalità kien għadu jeżisti meta saret preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (ara l-punt 54 iktar ’il fuq).

73      Madankollu, anki jekk jitqies li l-ftehimiet ta’ importazzjoni tal‑10 ta’ Mejju 1983 u tat‑8 ta’ Mejju 1987 kienu stabbilixxew relazzjoni ta’ fiduċja bejn ir-rikorrenti u l-intervenjenti (quod non, ara l-punti 74 sa 78 iktar ’il quddiem), għandu jitqies li l-obbligi ta’ fiduċja u ta’ lealtà postkuntrattwali ma japplikawx matul perijodu indeterminat, iżda biss matul perijodu ta’ tranżizzjoni raġonevoli wara x-xoljiment tal-ftehim, li matulu l-partijiet jistgħu jiddefinixxu mill-ġdid l-istrateġiji kummerċjali tagħhom. Issa, f’dan il-każ, dawn il-ftehimiet li skadew ġew konklużi, rispettivament, madwar tlettax u disa’ snin qabel id-data tal-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Għalhekk, kull relazzjoni postkuntrattwali bejn il-partijiet li tirriżulta mill-imsemmija ftehimiet, jekk ikun il-każ, trid tkun tnaqqret bil-mod, u sussegwentement tiskadi qabel il-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Għaldaqstant, il-kundizzjoni msemmija fil-punt 72 iktar ’il fuq ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ.

74      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-ftehimiet ta’ importazzjoni tal‑10 ta’ Mejju 1983 u tat‑8 ta’ Mejju 1987 ma fihom ebda indikazzjoni insostenn tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ obbligu “impliċitu” ta’ fiduċja u ta’ lealtà tal-intervenjenti lejn ir-rikorrenti. Għall-kuntrarju, minn dawn il-ftehimiet jirriżulta li dawn ġew konklużi biss bejn l-intervenjenti (jew il-predeċessur tagħha Diversa) u Agros.

75      Minn naħa, għal dak li jirrigwarda l-ftehim ta’ importazzjoni tal‑10 ta’ Mejju 1983, minkejja li effettivament teżisti dispożizzjoni li tirreferi għal Diversa bħala “importatriċi/aġent” tal-vodkas u “rappreżentant tal-produttur li huwa l-proprjetarju tat-trade mark” (is-sitt paragrafu tal-Artikolu 6), għandu jiġi kkonstatat li xejn f’dan il-ftehim ma jiġġustifika li jiġi konkluż li l-proprjetarju tat-trade marks kien meqjus li huwa terz estern għall-kuntratt u parti mhux speċifikata (jiġifieri r-rikorrenti jew il-predeċessuri tagħha) minflok il-parti kontraenti Agros. Għall-kuntrarju, fid-dispożizzjoni immedjatament wara dan ir-riferiment (is-seba’ paragrafu tal-Artikolu 6), huwa ppreċiżat li “Agros għandha tipproteġi t-trade marks tagħha u/jew id-drittijiet ta’ preżentazzjoni tagħha”.

76      Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-ftehim ta’ importazzjoni tat‑8 ta’ Mejju 1987 u, b’mod partikolari, iż-żieda miktuba bl-idejn ta’ “Polmos” fil-kliem “Agros/Polmos” b’rabta mas-sjieda tad-drittijiet ta’ proprjetà industrijali fl-ewwel, fit-tielet u fis-seba’ paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ dan il-ftehim, l-interpretazzjoni tar-rikorrenti ma tistax tikkontesta l-analiżi tal-Bord tal-Appell.

77      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minkejja l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li, f’Jannar 1987, “[i]t-trade mark Pollakka” li tikkonsisti fi flixkun b’werqa ħaxixa ġiet ittrasferita minn Agros lil Polmos (ara l-kronoloġija prodotta mir-rikorrenti fl-Anness K20), il-ftehimiet ulterjuri konklużi bejn Agrossi u l-intervenjenti fid‑29 ta’ Ottubru 1993 u fl‑24 ta’ Mejju 1999 ma jagħmlu ebda riferiment għal Polmos. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li s-sempliċi riferiment għal Polmos fil-ftehim ta’ importazzjoni tat‑8 ta’ Mejju 1987, li għalih hija ma kinitx parti, permezz ta’ żieda miktuba bl-idejn – li, barra minn hekk, id-data tagħha tibqa’ inċerta u li la hija ffirmata u lanqas ikkontrafirmata minn ebda parti – ma jista’ la jkun suffiċjenti u lanqas jikkontribwixxi sabiex jintwera ftehim kuntrattwali ta’ aġent jew ta’ rappreżentant bejn ir-rikorrenti (jew, b’mod iktar preċiż, il-predeċessur tagħha Polmos) u l-intervenjenti (jew il-predeċessur tagħha Diversa).

78      Għandu jitfakkar ukoll, bħalma għamel l-EUIPO, li l-argumenti kollha tar-rikorrenti huma bbażati fuq il-premessa ipotetika li tgħid li hija l-proprjetarja tat-trade mark tridimensjonali li għandha l-forma ta’ flixkun b’werqa ħaxixa, użata flimkien mat-trade mark verbali Żubrówka fid-dinja kollha u mat-trade mark verbali Grasovka fil-Ġermanja. Madankollu, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tal-ftehim ta’ importazzjoni tat‑8 ta’ Mejju 1987, huwa ppreċiżat b’mod espliċitu li “[i]s-sjieda tat-trade mark verbali u figurattiva GRASOVKA hija rregolata minn ftehim distint bejn AGROS u DIVERSA ” u li “[l]-imsemmi ftehim għandu jifforma parti integrali minn dan il-ftehim”. Konsegwentement, anki jekk jista’ jirriżulta diffiċli li jiġi ddeterminat preċiżament għal liema drittijiet jew trade marks il-kliem miktub bl-idejn “Agros/Polmos” għandu jiġi applikat jew liema vodka ta’ Polmos hija kkonċernata, fi kwalunkwe każ, jibqa’ ċar li din il-frażi ma tistax tikkonċerna l-vodka mibjugħa taħt it-trade mark Grasovka. Dan huwa kkonfermat mill-ftehim tal‑24 ta’ Mejju 1999 [K11] konkluż bejn Agros u l-intervenjenti, li fih huwa espliċitament stabbilit fl-Artikolu 12 li d-denominazzjoni “Grasovka” hija trade mark irreġistrata tal-importatriċi, jiġifieri l-intervenjenti.

79      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-provi sussegwenti għad-data tal-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (fl‑1 ta’ April 1996), dawn tal-aħħar lanqas ma jinkludu indikazzjoni dwar ftehim kuntrattwali bejn il-partijiet fid-data ta’ din il-preżentata, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, iżda pjuttost jimmilitaw fis-sens kuntrarju.

80      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikorrenti stess indikat, matul il-proċedura amministrattiva u waqt is-seduta, li hija kienet kisbet id-drittijiet fuq it-trade marks preċedenti invokati fl‑1999 u li, qabel l‑1999, kienet qamet tilwima bejn Agros u entità ta’ Polmos (Warszawa) quddiem il-qrati u t-tribunali ta’ Varsavja (il-Polonja) fir-rigward tar-reġistrazzjoni u tal-użu tat-trade marks li jikkonsistu fi flixkun b’werqa ħaxixa (ara l-kronoloġija prodotta mir-rikorrenti fl-Anness K20). Mingħajr ma hemm lok li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq il-mertu ta’ din il-kawża rregolata mid-dritt nazzjonali, huwa biżżejjed, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, li jiġi rrilevat li l-fatt li, kif ammettiet ir-rikorrenti stess, kienet qamet tilwima bejn Agros u entità ta’ Polmos dwar dawn it-trade marks juri li Agros u Polmos kienu żewġ kumpanniji distinti, li l-interessi kummerċjali tagħhom setgħu jvarjaw ħafna, jew saħansitra jopponu direttament lil xulxin. Konsegwentement, ftit li xejn huwa plawżibbli li Agros setgħet taġixxi bħala aġent jew rappreżentant impliċitu jew de facto tar-rikorrenti (jew tal-predeċessur tagħha) fil-konfront tal-intervenjenti (jew tal-predeċessur tagħha).

81      Barra minn hekk, kif ikkonstata ġustament il-Bord tal-Appell, l-uniku ftehim konkluż bejn Agros u Polmos li ġie prodott mir-rikorrenti, jiġifieri l-ftehim ta’ trasferiment ta’ trade mark tat‑28 ta’ Awwissu 2001 [K17], huwa sussegwenti għall-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u għandu natura ġuridika differenti minn dik ta’ ftehim ta’ distribuzzjoni, peress li ma jimplikax relazzjonijiet kontinwi u lanqas obbligu ġenerali ta’ fiduċja u ta’ lealtà.

82      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-provi l-oħra, bħall-ittra ta’ intimazzjoni tat‑30 ta’ Jannar 2002 u dokumenti li juru li l-vodka msejħa “Żubrówka” ġiet ikkummerċjalizzata fil-Ġermanja taħt it-trade mark Grasovka, fosthom dikjarazzjoni ta’ impjegat u estratt tal-enċiklopedija online Wikipedia, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti baqgħet ma ppreċiżatx fiex jikkonsistu l-iżbalji ta’ evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell f’dan ir-rigward.

83      Fir-rigward tal-ittra ta’ intimazzjoni tat‑30 ta’ Jannar 2002, mibgħuta minn Polmos lill-intervenjenti [K19-19a], għalkemm huwa minnu li din kienet tirreferi għall-eżistenza ta’ ftehimiet ta’ kummerċjalizzazzjoni li skonthom Agros kienet il-medjatur esklużiv ta’ Polmos għall-esportazzjoni tax-xarbiet alkoħoliċi abbażi tal-vodka “Żubrówka” u “Grasovka”, għandu jiġi kkonstatat li din l-ittra hija ddatata kważi sitt snin wara l-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u, barra minn hekk, li sempliċi ittra unilaterali bl-ebda mod ma għandha l-istess valur probatorju bħal ftehim kuntrattwali bejn il-partijiet, li huwa nieqes f’dan il-każ.

84      Barra minn hekk, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tas‑16 ta’ Frar 2011, redatta bil-Pollakk u tradotta bl-Ingliż, li toriġina minn speċjalista fit-teknoloġija responsabbli mill-ittikkettjar fi ħdan Polmos u r-rikorrenti sa mill‑1992, li fiha huwa kkonferma, b’mod partikolari, li, sa mill-bidu tas-snin 1970, Polmos kienet tipproduċi l-vodka “Żubrówka”, li kull flixkun tagħha, indipendentement mill-modifiki tat-tikketti, kien jinkludi sistematikament werqa ħaxixa (punti 50 u 51 tal-ewwel sentenza ta’ annullament), għandu jitfakkar li, meta tkun tfasslet dikjarazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 78(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 97(1)(f) tar-Regolament 2017/1001), minn wieħed mill-persunal tal-parti kkonċernata, jista’ jingħata valur probatorju lill-imsemmija dikjarazzjoni biss jekk din tkun ikkorroborata minn provi oħra. Fil-fatt, dikjarazzjoni magħmula fl-interess tal-awtur tagħha għandha valur probatorju limitat u teħtieġ li tiġi ssostanzjata minn provi addizzjonali, li madankollu ma jawtorizzax lill-istanzi tal-EUIPO li jqisu bħala prinċipju li tali dikjarazzjoni hija minnha nfisha nieqsa minn kull kredibbiltà. Il-valur probatorju li għandu jingħata lil tali dikjarazzjoni, meħuda b’mod iżolat jew flimkien ma’ provi oħra, jiddependi, b’mod partikolari, miċ-ċirkustanzi tal-każ (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Puma vs EUIPO – V. Fraas (FRAAS), T‑329/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:379, punti 41 u 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, din id-dikjarazzjoni, li saret kważi ħmistax-il sena wara d-data tal-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ma tinkludi ebda indizju tal-eżistenza ta’ ftehim kuntrattwali bejn ir-rikorrenti (jew il-predeċessur tagħha Polmos) u l-intervenjenti (jew il-predeċessur tagħha Diversa) f’din id-data. L-istess japplika fir-rigward tal-estratt tal-enċiklopedija online Wikipedia, datata 9 ta’ April 2009 u tlettax-il sena wara l-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

85      Fil-ħames lok, fir-rigward tat-trasformazzjoni fundamentali tas-sistema politika u ekonomika fil-Polonja matul il-perijodu bejn l‑1970 u l‑1990, għandu jiġi rrilevat, kif għamel il-Bord tal-Appell fil-punti 76 u 83 tad-deċiżjoni kkontestata, li din is-sitwazzjoni ma kinitx għadha applikabbli fl‑1996, fil-mument tal-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u li, fi kwalunkwe każ, il-Bord tal-Appell kien obbligat jillimita ruħu għall-provi prodotti mir-rikorrenti, għaliex l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali fiduċjarja ta’ aġent jew ta’ rappreżentant ma tistax tintwera permezz ta’ probabbiltajiet jew preżunzjonijiet (ara l-punt 53 iktar ’il fuq).

86      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li ebda ftehim kuntrattwali dirett, anki impliċitu jew de facto, ta’ kooperazzjoni kummerċjali bejn ir-rikorrenti (jew il-predeċessur tagħha) u l-intervenjenti (jew il-predeċessur tagħha) ma ntwera, b’tali mod li ebda obbligu ta’ fiduċja u ta’ lealtà min-naħa tal-intervenjenti (jew tal-predeċessur tagħha) fil-konfront tar-rikorrenti (jew tal-predeċessur tagħha) ma ġie stabbilit.

87      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda, essenzjalment, li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tipprova l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali fiduċjarja bejnha u bejn l-intervenjenti, kemm fil-mument tal-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jew qabel, li hija ma kinitx issodisfat l-oneru tal-prova impost fuqha sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ftehim kuntrattwali dirett ta’ aġent jew ta’ rappreżentant u li għalhekk hija ma kinitx weriet li waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 kienet issodisfatta fir-rigward tat-trade mark Franċiża preċedenti Nru 95588457 u tat-trade marks Pollakki preċedenti Nri 62081 u 85811.

88      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li t-tieni kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ ftehim kuntrattwali ta’ aġent jew ta’ rappreżentant ma hijiex issodisfatta huwa biżżejjed sabiex tiġi miċħuda l-oppożizzjoni skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 fir-rigward tat-trade marks preċedenti eżaminati mill-Bord tal-Appell fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

89      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ma kisirx l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 u, b’mod partikolari, li huwa ma wettaq ebda żball ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

90      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta wkoll, b’mod partikolari mill-punt 63 iktar ’il fuq, li l-Bord tal-Appell eżamina b’mod korrett il-fatti u mmotiva fid-dettall l-evalwazzjoni tiegħu, b’tali mod li huwa ma wettaq ebda ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, b’mod partikolari tal-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001 u tal-Artikolu 94(1) tal-istess regolament.

91      Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

92      Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat l-argument tal-intervenjenti li jgħid li, essenzjalment u għal diversi raġunijiet, ebda wieħed mid-drittijiet preċedenti allegatament invokati mir-rikorrenti skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 fl-att ta’ oppożizzjoni ma ġie invokat u sostnut b’mod adegwat, b’tali mod li l-oppożizzjoni kellha tiġi miċħuda bħala inammissibbli u li r-rikors quddiem l-EUIPO kellu jiġi miċħud mill-ewwel bħala infondat.

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-ommissjoni ta’ eżami tat-trade mark Ġermaniża mhux irreġistrata

93      Permezz tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli naqas milli jeżamina t-trade mark Ġermaniża mhux irreġistrata li għandha l-forma ta’ flixkun b’werqa ħaxixa fil-kuntest tal-motiv ta’ oppożizzjoni previst fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 u talli ma mmotivax id-deċiżjoni tiegħu f’dan ir-rigward.

94      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

95      Fil-punt 46 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu tal-motiv ta’ oppożizzjoni stabbilit fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord tal-Appell enfasizza li anki t-trade marks mhux irreġistrati kienu koperti mill-kunċett ta’ “trade mark” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, huwa ma rrefera b’mod espliċitu għal ebda trade mark Ġermaniża mhux irreġistrata.

96      Fil-punti 101 u 105 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu tal-motiv ta’ oppożizzjoni stabbilit fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord tal-Appell irrileva li, fl-att ta’ oppożizzjoni, ir-rikorrenti kienet identifikat it-trade mark Ġermaniża li għandha l-forma ta’ flixkun b’werqa ħaxixa (ara l-punt 7, in fine, iktar ’il fuq) bħala trade mark mhux irreġistrata fis-sens ta’ dan l-artikolu u li, fil-motivi tal-oppożizzjoni, hija kienet sostniet ukoll li hija kellha drittijiet ta’ trade mark mhux irreġistrati għall-istess trade mark f’diversi pajjiżi Ewropej oħra. Madankollu, huwa osserva li, anki jekk jirriżulta li d-dokumenti prodotti kienu juru kummerċ importanti ta’ vodka fil-Ġermanja u fil-Polonja, ebda element ma kien jirreferi speċifikament għad-dritt preċedenti mhux irreġistrat, iżda biss għal vodkas indikati minn elementi verbali.

97      Fil-punti 112 sa 115 tad-deċiżjoni kkontestata, dejjem fil-kuntest tal-istess motiv, il-Bord tal-Appell osserva, bħad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li l-provi prodotti bl-ebda mod ma kienu juru li t-trade mark Ġermaniża mhux irreġistrata invokata kienet effettivament intużat bħala tali, u lanqas li kienet rikonoxxuta mill-pubbliku Ġermaniż bħala indikazzjoni ċara tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti. Huwa għalhekk ikkonkluda li l-opponent ma kienx wera l-użu reali ta’ din it-trade mark mhux irreġistrata, u wisq inqas l-użu ta’ din it-trade mark, li l-portata tagħha ma kinitx biss lokali, fil-kummerċ qabel il-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fil-Ġermanja. Huwa qies li l-istess japplika għall-allegati drittijiet ta’ trade mark mhux irreġistrati fil-pajjiżi Ewropej l-oħra, li fir-rigward tagħhom l-użu effettiv tat-trade mark mhux irreġistrata invokata ma kienx intwera u d-dritt nazzjonali applikabbli ma kienx issemma. Peress li l-kundizzjonijiet neċessarji msemmija fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ma kienu ssodisfatti għal ebda wieħed mid-drittijiet ta’ trade mark mhux irreġistrati li kienu invokati, huwa ċaħad ukoll l-oppożizzjoni għal dan il-motiv.

98      F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tispjegax kif l-allegata ommissjoni tal-Bord tal-Appell għandha effett fuq l-eżami tal-eżistenza ta’ ftehim kuntrattwali ta’ aġent jew ta’ rappreżentant. B’mod partikolari, ir-rikorrenti la affermat u lanqas stabbilixxiet li l-kuntest ġuridiku u fattwali applikabbli għal dan id-dritt preċedenti allegat huwa differenti minn dak relatat mad-drittijiet preċedenti l-oħra eżaminati fit-tieni lment ta’ dan il-motiv, b’tali mod li l-eżitu tal-kawża fir-rigward ta’ dan id-dritt ma jistax ikun differenti. Dan il-motiv huwa għalhekk ineffettiv.

99      Fi kwalunkwe każ, dan l-ilment huwa wkoll infondat.

100    Ċertament, għandu jitfakkar, bħalma għamlu l-Bord tal-Appell u r-rikorrenti, li t-trade marks mhux irreġistrati huma koperti wkoll mill-kunċett ta’ “trade mark” fis-sens tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94, sa fejn il-liġi tal-pajjiż ta’ oriġini tirrikonoxxi drittijiet ta’ dan it-tip (ara l-punt 42 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-protezzjoni tat-trade marks mhux irreġistrati fil-Ġermanja tirriżulta mill-użu ta’ sinjal fil-kummerċ sa fejn is-sinjal ikun kiseb rikonoxximent bħala trade mark fl-oqsma professjonali kkonċernati (Artikolu 4(2) tal-Gesetz über den Schutz von Marken und sonstigen Kennzeichen (Markengesetz) (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tat-Trade Marks u Sinjali Distintivi Oħra), tal‑25 ta’ Ottubru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 3082), mehmuż mar-rikors bħala Anness K21).

101    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell fil-punti 112 sa 115 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 97 iktar ’il fuq), imwettqa skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, li huma definittivi (ara l-punt 27 iktar ’il fuq).

102    Barra minn hekk, ebda element tal-proċess ma jikkontesta dawn l-evalwazzjonijiet, sa fejn ma ntweriex li l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dritt Ġermaniż għall-protezzjoni tat-trade mark mhux irreġistrata allegata mir-rikorrenti kienu ssodisfatti, b’tali mod li l-eżistenza ta’ din it-trade mark allegata ma ntwerietx.

103    Dawn l-evalwazzjonijiet, mhux ikkontestati u mhux imqiegħda fid-dubju, jimplikaw neċessarjament iċ-ċaħda tal-oppożizzjoni kemm skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll skont l-Artikolu 8(4) tal-istess regolament għal dak li jirrigwarda t-trade mark Ġermaniża mhux irreġistrata invokata.

104    Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ma kisirx l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 f’dan ir-rigward.

105    Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li kien ikun preferibbli li kieku l-Bord tal-Appell, fil-kuntest tal-eżami tiegħu tal-motiv ta’ oppożizzjoni stabbilit fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94, rrefera espliċitament għall-evalwazzjonijiet tiegħu dwar l-ineżistenza tat-trade mark Ġermaniża mhux irreġistrata allegata mir-rikorrenti, kif ifformulati fil-punti 112 sa 115 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-Artikolu 8(4) tal-istess regolament, xorta jibqa’ l-fatt li din l-ommissjoni redazzjonali ma għandha ebda effett fuq il-legalità tal-imsemmija deċiżjoni u lanqas fuq l-eżitu ta’ din il-kawża, peress li huwa stabbilit, u mhux ikkontestat mir-rikorrenti, li l-eżistenza tat-trade mark Ġermaniża mhux irreġistrata allegata mir-rikorrenti ma ġietx sostnuta u li tali allegazzjoni mhux sostnuta ta’ dritt ma tistax tifforma l-bażi ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament.

106    Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat talli naqas milli jeżamina l-motiv ta’ oppożizzjoni stabbilit fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 fir-rigward tat-trade mark Ġermaniża mhux irreġistrata li għandha l-forma ta’ flixkun b’werqa ħaxixa.

107    Barra minn hekk, il-motivazzjoni espliċitament ifformulata mill-Bord tal-Appell fil-punti 112 sa 115 tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-ineżistenza tat-trade mark Ġermaniża mhux irreġistrata allegata mir-rikorrenti ppermettiet lil din tal-aħħar tkun taf il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell eżamina debitament l-fatti ppreżentati f’dan ir-rigward mir-rikorrenti.

108    Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell eżamina b’mod korrett il-fatti u mmotiva suffiċjentement l-evalwazzjoni tiegħu, b’tali mod li huwa ma wettaq ebda ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, b’mod partikolari tal-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001 u tal-Artikolu 94(1) tal-istess regolament.

109    Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-portata tad-drittijiet ta’ proprjetà industrijali koperti mill-ftehimiet ta’ importazzjoni

110    Permezz tat-tielet ilment, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli eżamina l-fatti b’mod żbaljat fir-rigward tal-portata tad-drittijiet ta’ proprjetà industrijali koperti mir-relazzjoni ta’ aġent jew ta’ rappreżentant bejn il-partijiet, b’mod partikolari d-drittijiet relatati mat-trade mark tridimensjonali li għandha l-forma ta’ flixkun b’werqa ħaxixa, u talli ma mmotivax il-konklużjoni tiegħu li tgħid li l-formulazzjoni tal-ftehimiet ta’ importazzjoni (ara l-punt 31 iktar ’il fuq) kien esklużiv għat-trade mark inkwistjoni. B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-ftehim ta’ importazzjoni tat‑8 ta’ Mejju 1987 [K8-K8a], li fih l-użu tal-kelma “inkluż” għandu jinftiehem bħala indikattiv ta’ lista mhux eżawrjenti.

111    L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

112    Fil-punti 87 sa 91 tad-deċiżjoni kkontestata, “għal finijiet ta’ kompletezza”, il-Bord tal-Appell iddikjara li wettaq eżami fil-fond tal-provi u kkonkluda li ebda wieħed mill-ftehimiet kuntrattwali prodotti ma kien jagħmel riferiment espliċitu għat-trade marks preċedenti inkwistjoni, jiġifieri t-trade marks Pollakki preċedenti Nri 62081 u 85811 u t-trade mark Franċiża preċedenti Nru 95588457. Huwa rrileva li l-ewwel ftehim [K4] konkluż għall-perijodu ta’ bejn l‑1975 u l‑1979 kien jikkonsisti fi “ftehim ta’ importazzjoni” (Diversa kienet l-importatriċi) għat-trade marks ta’ vodka Wyborowa, Krakus u Żubrówka li jindika li “Agros [kienet] tipproteġi t-trade marks tagħha u/jew id-drittijiet ta’ preżentazzjoni tagħha”, iżda mingħajr ebda speċifikazzjoni ta’ dawn it-trade marks u ta’ dawn id-drittijiet. Il-ftehim ta’ importazzjoni sussegwenti tal‑10 ta’ Mejju 1983, tat‑8 ta’ Mejju 1987 u tad‑29 ta’ Ottubru 1993 [K5 sa K11], konklużi minn Diversa jew mill-intervenjenti, ma kinux jagħmlu iktar riferiment għat-trade mark Żubrówka, iżda għal trade marks oħra ta’ vodka bħal Wyborowa u Grasovka, imbagħad, mill‑1987, għal “elementi oħra ta’ proprjetà industrijali, fosthom tikketti, emblemi u elementi ta’ ppakkjar relatati ma’ dawn il-vodkas”, mingħajr, għal darba oħra, ma jippreċiżaw dawn l-“elementi oħra ta’ proprjetà industrijali”. Huwa qies li kien diffiċli li jiġi ddeterminat jekk din il-formulazzjoni kinitx intiża li tkun marbuta mat-trade marks tar-rikorrenti, iżda li, madankollu, il-kliem “disinni, emblemi, tikketti u ppakkjar”, bit-tifsira letterali tagħhom, kienu kollha jirreferu għall-elementi esterni ta’ prodott, u mhux għall-pożizzjoni ta’ werqa ħaxixa fi flixkun, b’tali mod li din is-sempliċi formulazzjoni ma kinitx tkopri diġà t-trade mark inkwistjoni. Huwa enfasizza li kien ikun preferibbli li kieku l-ftehimiet prodotti mir-rikorrenti jirreferu espliċitament għar-reġistrazzjonijiet tat-trade marks Pollakki jew Franċiżi msemmija iktar ’il fuq, jew, tal-inqas, għar-rappreżentazzjoni ta’ dawn it-trade marks (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), iżda li dan ma kienx il-każ f’din il-kawża.

113    F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li dan l-ilment huwa dirett kontra evalwazzjoni superfluwa esposta mill-Bord tal-Appell “għal finijiet ta’ kompletezza”. Konsegwentement, l-ilment li jikkontesta tali evalwazzjoni ma huwiex ta’ natura li jaffettwa d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata u għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ April 2013, Boehringer Ingelheim International vs UASI (RELY-ABLE), T‑640/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:225, punti 27 u 28, u tas‑7 ta’ Settembru 2022, Peace United vs EUIPO – 1906 Collins (MY BOYFRIEND IS OUT OF TOWN), T‑699/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:528, punti 46 u 47).

114    Barra minn hekk, dan l-ilment għandu wkoll jiġi miċħud bħala ineffettiv sa fejn iċ-ċaħda tat-tieni lment tal-ewwel motiv huwa biżżejjed sabiex tiġi miċħuda l-oppożizzjoni skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 fir-rigward tat-trade marks preċedenti eżaminati mill-Bord tal-Appell fil-kuntest ta’ dan il-motiv (ara l-punt 88 iktar ’il fuq).

115    Fi kwalunkwe każ, dan l-ilment huwa wkoll infondat, peress li huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata.

116    Għalkemm huwa minnu li l-Bord tal-Appell iddikjara li riferiment għal reġistrazzjonijiet ta’ trade marks kien ikun preferibbli, huwa madankollu ma llimitax ruħu li jistabbilixxi li ma kienx hemm riferiment espliċitu u speċifiku għat-trade marks fil-ftehimiet prodotti. Għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 87 sa 91 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 112 iktar ’il fuq), huwa bbaża wkoll il-konklużjonijiet tiegħu fuq evalwazzjoni fil-fond tal-ftehimiet kollha prodotti, billi spjega għaliex it-trade marks, drittijiet jew elementi ta’ drittijiet ta’ proprjetà industrijali rispettivi ma kinux speċifikati u għaliex il-formulazzjoni rispettiva tal-imsemmija ftehimiet ma kinitx tippermetti li jiġi identifikat b’mod ċar għal xiex kienu qegħdin jirreferu.

117    Barra minn hekk, ir-rikorrenti stess tesponi li, sabiex jiġu protetti, l-“interessi” tal-proprjetarji ta’ trade marks għandhom ikunu suffiċjentement identifikabbli, tal-inqas b’riferiment ġenerali, għall-partijiet ikkonċernati. Issa, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

118    Barra minn hekk, ftit huwa rilevanti li jiġi ddeterminat jekk il-kelma “indem”, fil-verżjoni oriġinali bil-Ġermaniż tal-Artikolu 7(1) tal-ftehim ta’ importazzjoni tat‑8 ta’ Mejju 1987, tfissirx “inklużi”, kif tallega r-rikorrenti, jew pjuttost “li jikkorrispondu għal” jew “fil-forma ta’”, kif tallega l-intervenjenti, u, għaldaqstant, jekk il-lista ta’ “elementi oħra ta’ proprjetà industrijali[,] inklużi [/fil-forma ta’] tikketti, emblemi u elementi ta’ ppakkjar marbuta ma’ dawn il-vodkas” hijiex indikattiva, u għalhekk mhux eżawrjenti, jew inkella esklużiva.

119    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li ebda trade mark li għandha l-forma ta’ flixkun b’werqa ħaxixa ma hija identifikabbli b’mod ċar fil-formulazzjoni ta’ din il-klawżola. Kif osserva ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 90 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kliem “tikketti, emblemi u elementi ta’ ppakkjar”, bit-tifsira letterali tagħhom, kollha jirreferu għall-elementi esterni ta’ prodott, u mhux għall-ippożizzjonar ta’ werqa ħaxixa fi flixkun, b’tali mod li tali formulazzjoni ma tistax tkopri tali trade mark.

120    Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li ebda wieħed mill-ftehimiet kuntrattwali prodotti ma kien jagħmel riferiment espliċitu għal trade marks preċedenti li għandhom il-forma ta’ flixkun b’werqa ħaxixa, b’mod partikolari għat-trade marks Pollakki preċedenti Nri 62081 u 85811 u għat-trade mark Franċiża preċedenti Nru 95588457.

121    Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ma kisirx l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 u, b’mod partikolari, li huwa ma wettaq ebda żball ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

122    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta wkoll, b’mod partikolari mill-punti 87 sa 91 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 112 u 116 iktar ’il fuq), li l-Bord tal-Appell eżamina b’mod korrett il-fatti u mmotiva l-evalwazzjoni tiegħu, konformement mal-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001 u mal-Artikolu 94(1) tal-istess regolament.

123    Għalhekk, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

124    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma kisirx ir-rekwiżiti formali essenzjali, b’mod partikolari l-Artikolu 95(1) u l-Artikolu 94(1) tar-Regolament 2017/1001, moqrija flimkien mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94.

125    Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Dwar it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94

126    Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tikkritika, essenzjalment, lill-Bord tal-Appell talli wettaq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tiegħu tal-kundizzjonijiet tar-relazzjoni ta’ aġent jew ta’ rappreżentant previsti fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94, billi llimita l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu biss għall-każijiet fejn id-drittijiet preċedenti ġew espliċitament u speċifikament identifikati f’kuntratt bil-miktub li jifforma din ir-relazzjoni. Fil-fehma tagħha, il-Bord tal-Appell għalhekk applika livell ta’ prova mhux xieraq, filwaqt li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod wiesa’, bħala li tkopri t-tipi kollha ta’ relazzjonijiet, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk obbligu ġenerali ta’ fiduċja u ta’ lealtà lejn l-interessi tal-proprjetarju tat-trade mark ġiex impost espressament jew impliċitament, u bħala li jkopri t-tipi kollha ta’ “interessi” ta’ dan il-proprjetarju relatati mar-relazzjoni bejn il-partijiet. L-obbligu ġenerali ta’ fiduċja u ta’ lealtà ma għandux għalhekk ikun limitat mir-rekwiżit ta’ speċifikazzjoni espliċita tal-elementi kollha koperti.

127    L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

128    Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-provi inklużi fil-proċess ma jurux li r-rikorrenti (jew il-predeċessuri tagħha) qatt kellha ftehim kuntrattwali dirett mal-intervenjenti (jew mal-predeċessur tagħha) (ara l-punti 63 sa 92 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ kull prova tal-eżistenza ta’ ftehim kuntrattwali dirett (espliċitu jew impliċitu, miktub jew orali) bejn ir-rikorrenti u l-intervenjenti, kuntrarjament għal dak li tallega l-ewwel waħda, ma teżisti ebda bażi skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 sabiex jiġi impost obbligu ġenerali ta’ fiduċja u ta’ lealtà bejniethom, bħala “produttriċi” u “importatriċi”, li fil-kuntest tagħha tista’ tqum il-kwistjoni tan-natura espliċita jew impliċita tad-determinazzjoni tal-elementi koperti. Għaldaqstant, dan il-motiv huwa ineffettiv.

129    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet l-intervenjenti, li dan il-motiv huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata u huwa fattwalment infondat.

130    Fil-fatt, il-Bord tal-Appell bl-ebda mod ma ddikjara li l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 teħtieġ li l-ftehim kuntrattwali bejn il-proprjetarju u l-aġent isemmi espliċitament u speċifikament it-trade marks kollha kkonċernati mir-relazzjoni kummerċjali tagħhom, li, barra minn hekk, kien ikollu r-riskju li jiġi ssanzjonat mill-Qorti Ġenerali.

131    Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li kull relazzjoni kuntrattwali bejn żewġ partijiet dwar id-distribuzzjoni ta’ prodotti tista’, bħala prinċipju, tkun suffiċjenti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94, jeħtieġ madankollu li dawn il-partijiet ikunu jafu b’mod ċar u preċiż liema huma t-trade marks li għalihom il-proprjetarju jsostni li huwa jibbenefika minn protezzjoni. Għalkemm dan il-punt huwa normalment ċar fil-każ ta’ trade marks verbali u figurattivi użati għall-prodott iddistribwit, dan huwa inqas ċar għal tipi oħra ta’ trade marks mhux tradizzjonali bħal trade marks tridimensjonali jew ta’ pożizzjoni, bħal dawk invokati mir-rikorrenti. Sabiex tali trade marks mhux tradizzjonali jkunu koperti mir-relazzjoni kuntrattwali, ikun preferibbli li kieku l-proprjetarju jindika b’mod ċar u preċiż lill-aġent il-fatt li huwa qiegħed jinvoka u għandu drittijiet fuq dawn it-trade marks sabiex dawn ikunu magħrufa mill-aġent. Dikjarazzjoni speċifika fi ftehim bil-miktub hija l-iktar mod xieraq sabiex dan jiġi żgurat.

132    Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li ebda element tal-proċess ma juri li r-rikorrenti (jew wieħed mill-predeċessuri tagħha) kienet informat lill-intervenjenti bil-protezzjoni speċjali li hija kienet qiegħda tinvoka għal trade mark tridimensjonali li tirrappreżenta flixkun b’werqa ħaxixa jew għal trade mark ta’ pożizzjoni li tikkonsisti f’werqa ħaxixa fi flixkun, kif koperta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

133    Għaldaqstant, anki jekk il-Bord tal-Appell kellu l-intenzjoni jiddikjara li l-ftehimiet li jistabbilixxu r-relazzjoni kuntrattwali ma jsemmux jew ma jirreferux b’mod ċar għat-trade marks li fuqhom il-proprjetarju invoka drittijiet, tali affermazzjoni kienet eżatta f’dan il-każ, peress li mill-proċess ma jirriżultax li r-rikorrenti (jew il-predeċessuri tagħha) kienet invokat b’mod ċar u preċiż drittijiet fuq trade mark li tirrappreżenta flixkun b’werqa ħaxixa fil-kuntest ta’ relazzjoni kuntrattwali mal-intervenjenti (jew mal-predeċessur tagħha), għalkemm dan kien ikun preferibbli għal tali trade mark mhux tradizzjonali.

134    Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ma kisirx l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 f’dan ir-rigward.

135    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, infondat.

136    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq lispejjeż

137    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

138    Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tal-EUIPO u tal-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      CEDC International sp. z o.o. hija kkundannata għall-ispejjeż.

Costeira

Kancheva

Öberg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑28 ta’ Ġunju 2023.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.