Language of document : ECLI:EU:T:2023:375

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

5 ta’ Lulju 2023 (*)

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Kuntratt ta’ reklutaġġ – Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Ċaħda ta’ kandidatura – Promozzjoni – Riklassifikazzjoni – Kuntratt ġdid – Skadenza tal-kuntratt – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 u l-Artikolu 10(3) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Żball ta’ liġi – Ugwaljanza fit-trattament – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑223/21,

SE, irrappreżentat minn L. Levi, avukata,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Bohr, L. Vernier u I. Melo Sampaio, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn R. da Silva Passos, President, S. Gervasoni, N. Półtorak (Relatriċi), I. Reine u T. Pynnä, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tad‑19 ta’ Jannar 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrent, SE, jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal‑4 ta’ Awwissu 2020 li tiċħad il-kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni vakanti ppubblikata bir-referenza COM/2020/1474 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura”) u tat-tweġiba tat‑28 ta’ Ottubru 2020 għat-talba tiegħu bbażata fuq l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u dwar l-eliġibbiltà tiegħu għal promozzjoni, klassifikazzjoni mill-ġdid u assenjazzjoni f’pożizzjoni oħra u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-dannu li huwa allegatament ġarrab minħabba dawn id-deċiżjonijiet.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Fis‑16 ta’ Mejju 2018, ir-rikorrent beda jaħdem mal-Kummissjoni bħala membru tal-persunal temporanju fil-grad AST 3 abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), għal perijodu ta’ tliet snin (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inizjali”). Fit‑18 ta’ Jannar 2021, il-kuntratt inizjali, permezz ta’ emenda, ġie estiż għal perijodu ta’ sentejn, li ntemm fil‑15 ta’ Mejju 2023.

3        Mid-data tar-reklutaġġ tiegħu u sat‑30 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrent ġie assenjat lid-diviżjoni “[kunfidenzjali]” bħala “[kunfidenzjali]” – Proċeduri ta’ akkwist, proċeduri ta’ sussidju u ġestjoni tal-kuntratti”. Fl‑1 ta’ Lulju 2018, minħabba riorganizzazzjoni tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “[kunfidenzjali]”, huwa ġie assenjat mill-ġdid fl-istess diviżjoni bħala “[kunfidenzjali]”.

4        Fl‑1 ta’ April 2020, sar disponibbli impjieg permanenti fil-grupp ta’ funzjonijiet tal-amministraturi (AD) fid-diviżjoni tar-rikorrent. Dan tal-aħħar applika għal din il-pożizzjoni miftuħa għall-kandidaturi permezz tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/2020/816.

5        Fil‑15 ta’ Mejju 2020, il-Kap ta’ Diviżjoni tar-rikorrent informa lil dan tal-aħħar li d-DĠ “Riżorsi Umani u Sigurtà” kien qajjem oġġezzjoni fir-rigward tal-kandidatura tiegħu minħabba li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, membru tal-persunal temporanju, bħalu, irreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, seta’ jkollu biss kuntratt wieħed ta’ dan it-tip matul il-karriera tiegħu.

6        Fid‑29 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrent ressaq talba, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem it-“talba tad‑29 ta’ Ġunju 2020”), sabiex jikseb pożizzjoni definittiva tal-amministrazzjoni dwar il-kwistjoni, b’mod partikolari, dwar jekk kienx eliġibbli għal promozzjoni, għal klassifikazzjoni mill-ġdid jew għal assenjazzjoni f’pożizzjoni ta’ grad ogħla u jekk setax japplika u jiġi assenjat għal impjiegi oħra bħala membru tal-persunal temporanju fi ħdan il-Kummissjoni.

7        Fl‑10 ta’ Lulju 2020, ir-rikorrent ippreżenta l-kandidatura tiegħu għal impjieg permanenti ieħor tal-grupp ta’ funzjonijiet AD li sar vakanti fid-diviżjoni tiegħu u li kien previst fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/2020/1474 (iktar ’il quddiem il-“pożizzjoni kontenzjuża”).

8        Fl‑24 ta’ Lulju 2020, tfasslet nota mill-Kap ta’ Diviżjoni tar-rikorrent li kienet tipproponi li, fid-dawl tal-fatt li ebda kandidat xieraq, intern jew estern, ma kien ippreżenta l-kandidatura tiegħu, ir-rikorrent jiġi rreklutat fil-pożizzjoni kontenzjuża.

9        Fid‑29 ta’ Lulju 2020, il-Kap ta’ Diviżjoni tar-rikorrent indika oralment lil dan tal-aħħar li d-DĠ “Riżorsi Umani u Sigurtà” kien qajjem oġġezzjonijiet fir-rigward tal-kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni kontenzjuża minħabba l-istatus tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

10      Fl‑4 ta’ Awwissu 2020, minħabba żball ta’ input ta’ isem ir-rikorrent, intbagħtet notifika ta’ ċaħda tal-kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni kontenzjuża, permezz tas-sistema informatika ta’ ġestjoni tal-persunal tal-Kummissjoni msejħa “SysPer 2”, lil indirizz elettroniku żbaljat. Kopja ta’ dik id-deċiżjoni ntbagħtet lir-rikorrent permezz ta’ messaġġ elettroniku fl‑4 ta’ Marzu 2021.

11      Fl‑10 ta’ Settembru 2020, wara li r-rikorrent talab informazzjoni dwar il-progress tal-kandidatura tiegħu, il-Kap ta’ Diviżjoni Deputat tad-DĠ “Riżorsi Umani u Sigurtà” informah, permezz ta’ messaġġ elettroniku ta’ tweġiba, li “ma [kienx] possibbli għal membru tal-persunal temporanju tal-Kummissjoni li jikseb it-tieni kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju tal-Kummissjoni matul il-karriera tiegħu” u stiednu jistenna l-konklużjonijiet tal-Awtorità li Għandha s-Setgħa Tikkonkludi Kuntratti ta’ Reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) fir-rigward tat-talba tad‑29 ta’ Ġunju 2020.

12      Fil‑15 ta’ Settembru 2020, ir-rikorrent sar jaf li persuna oħra kienet bdiet il-funzjonijiet tagħha fil-pożizzjoni kontenzjuża.

13      Fis‑16 ta’ Settembru 2020, ir-rikorrent ressaq ilment bis-saħħa tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jikkontesta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura (iktar ’il quddiem l-“ilment R/440/20”).

14      Fit‑28 ta’ Ottubru 2020, ir-rikorrent irċieva mingħand l-amministrazzjoni tweġiba għat-talba tad‑29 ta’ Ġunju 2020 (iktar ’il quddiem it-“tweġiba tat‑28 ta’ Ottubru 2020”).

15      Fit‑2 ta’ Novembru 2020, ir-rikorrent ressaq ilment, bis-saħħa tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra t-tweġiba tat‑28 ta’ Ottubru 2020 (iktar ’il quddiem l-“ilment R/507/20”).

16      Fit‑3 ta’ Novembru 2020, ir-rikorrent ifformula osservazzjonijiet u motivi addizzjonali fil-kuntest tal-ilment R/440/20.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Jannar 2021, l-amministrazzjoni ċaħdet l-ilment R/440/20 (iktar’ il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment R/440/20”).

18      Fid‑19 ta’ Jannar 2021, wara li sar jaf bid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment R/440/20, ir-rikorrent adixxa lis-servizz ta’ medjazzjoni tal-Kummissjoni sabiex dan jintervjeni fil-kuntest tal-ilment R/507/20 u jiżgura li l-Kummissjoni teżamina sew il-kwistjonijiet prinċipali mqajma.

19      Fit‑3 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta’ inammissibbiltà tal-ilment R/507/20, li madankollu teżamina sussidjarjament ċerti argumenti tar-rikorrent (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment R/507/20”).

 Ittalbiet talpartijiet

20      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura;

–        tannulla t-tweġiba tat‑28 ta’ Ottubru 2020;

–        tannulla, sa fejn neċessarju, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment R/440/20 u d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment R/507/20;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tikkumpensa d-dannu materjali mġarrab minnu minħabba t-telf tal-opportunità li jinħatar jew li jiġi assenjat għall-pożizzjoni kontenzjuża mill‑1 ta’ Settembru 2020;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tikkumpensa d-dannu materjali, stmat għal EUR 24 245, mġarrab minnu minħabba t-telf tal-opportunità ta’ promozzjoni mis‑16 ta’ Mejju 2020;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tikkumpensa d-dannu materjali mġarrab minnu minħabba t-telf tal-opportunità li jsir uffiċjal permanenti abbażi tal-parteċipazzjoni tiegħu f’kompetizzjonijiet interni li huma rriżervati għal membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-grad AD;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

21      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala manifestament inammissibbli;

–        fi kwalunkwe każ, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Iddritt

 Fuq issuġġett tattilwima

22      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali tannulla, minbarra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura u t-tweġiba tat‑28 ta’ Ottubru 2020, sa fejn huwa neċessarju, id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-ilmenti R/440/20 u R/507/20.

23      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet għal annullament imressqa formalment kontra d-deċiżjoni li tiċħad ilment għandhom l-effett, meta dik id-deċiżjoni tkun nieqsa minn kontenut awtonomu, li jressqu quddiem il-Qorti Ġenerali l-att li kontra tiegħu jkun imressaq l-ilment (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2019, Bernaldo de Quirós vs Il‑Kummissjoni, T‑273/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:371, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Fil-fatt, kull deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment, kemm jekk tkun impliċita kif ukoll jekk tkun espliċita, kulma tagħmel, jekk tkun pura u sempliċi, huwa li tikkonferma l-att jew l-astensjoni li l-lanjant jilmenta dwaru u ma tikkostitwixxix, waħedha, att li jista’ jiġi kkontestat, b’mod li t-talbiet intiżi kontra din id-deċiżjoni mingħajr kontenut awtonomu fid-dawl tad-deċiżjoni inizjali għandhom jiġu kkunsidrati bħala intiżi kontra l-att inizjali (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, XI vs Il‑Kummissjoni, T‑528/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:594, punt 20).

25      Madankollu, deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ lment tista’, fid-dawl tal-kontenut tagħha, ma jkollhiex natura konfermatorja tal-att ikkontestat mir-rikorrent. Dan ikun il-każ meta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment ikun fiha eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent fir-rigward tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda, jew meta timmodifika jew tikkompleta d-deċiżjoni inizjali. F’dawn il-każijiet, iċ-ċaħda tal-ilment tikkostitwixxi att suġġett għall-istħarriġ tal-qorti, li teħodha inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-att ikkontestat, jew tqisha att li jikkawża preġudizzju li jissostitwixxi lil dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, XI vs Il‑Kummissjoni, T‑528/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:594, punt 21).

26      Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment R/440/20 tikkonferma r-rifjut tal-Kummissjoni li tikkunsidra l-kandidatura tar-rikorrent għall-pożizzjoni kontenzjuża bħala eliġibbli, filwaqt li tippreċiża r-raġunijiet għal dan ir-rifjut. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dan ir-rikors għandu l-effett li jressaq quddiem il-Qorti Ġenerali talbiet għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura, li l-legalità tagħha għandha tiġi eżaminata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment R/440/20.

27      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-talbiet għall-annullament tat-tweġiba tat‑28 ta’ Ottubru 2020, għandu jiġi rrilevat li l-ASTK tiċħad bħala inammissibbli l-ilment R/507/20, iżda hija madankollu teżamina, sussidjarjament, l-argumenti tar-rikorrent imqajma kontra t-tweġiba tat‑28 ta’ Ottubru 2020. Għal dawn ir-raġunijiet, l-imsemmija motivi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tat-tweġiba tat‑28 ta’ Ottubru 2020 fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 iktar ’il fuq.

 Fuq ittalbiet għallannullament taddeċiżjoni ta’ ċaħda talkandidatura

 Fuq lammissibbiltà

28      Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni eċċepixxiet l-inammissibbiltà ta’ dawn it-talbiet bis-saħħa tal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, billi allegat, essenzjalment, li r-rikorrent ma kellux interess ġuridiku għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura.

29      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Kummissjoni indikat li hija kienet qiegħda tirrinunzja għat-talbiet tagħha dwar l-inammissibbiltà tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura, u ta’ dan ittieħdet nota fil-proċess verbali tas-seduta.

 Fuq ilmertu

30      Insostenn tat-talbiet tiegħu għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq nuqqas ta’ notifika tad-deċiżjoni u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, it-tieni wieħed, fuq interpretazzjoni żbaljata tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Artikolu 10(3) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u fuq il-ksur tal-imsemmija artikoli, it-tielet wieħed, fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ prattiki amministrattivi stabbiliti, fuq trattament inugwali u fuq diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u, ir-raba’ wieħed, fuq nuqqas ta’ trasparenza, fuq ksur tad-dritt għal smigħ u tad-dritt għal rimedju effettiv.

–       Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ notifika taddeċiżjoni ta’ ċaħda talkandidatura u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

31      Ir-rikorrent isostni li qatt ma rċieva notifika formali dwar l-eżitu tal-kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni kontenzjuża, bi ksur tal-obbligu previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Fil-fehma tiegħu, kien biss fil‑15 ta’ Settembru 2020 li huwa sar jaf li l-kandidatura tiegħu kienet ġiet miċħuda meta persuna oħra assumiet il-funzjonijiet tagħha fil-pożizzjoni kontenzjuża bħala membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Għalhekk, ma jistax jitqies li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment R/440/20 irrimedjat in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura.

32      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrent.

33      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent isostni, essenzjalment, li r-raġunijiet tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura ma kinux ġew ikkomunikati lilu minħabba n-notifika żbaljata tal-imsemmija deċiżjoni. Għaldaqstant, l-għan tiegħu huwa li juri li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

34      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkostitwixxi biss riproduzzjoni tal-obbligu ġenerali stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tevalwa l-fondatezza tal-att li jikkawżalha preġudizzju u l-opportunità li tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil dan tal-aħħar li tistħarreġ il-legalità tal-att (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2019, ZV vs Il‑Kummissjoni, T‑684/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:748, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      In-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarju jista’ jkollu li jirċievi spjegazzjonijiet (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2019, VY vs Il‑Kummissjoni, T‑253/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:488, punt 49). B’mod partikolari, deċiżjoni tkun suffiċjentement motivata meta hija tingħata f’kuntest magħruf mill-uffiċjal ikkonċernat, li jippermettilu jifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tiegħu (sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2005, Napoli Buzzanca vs Il‑Kummissjoni, T‑218/02, EU:T:2005:343, punt 64).

36      Għandu jitfakkar li l-ASTK ma hijiex obbligata timmotiva d-deċiżjonijiet li ma tagħżilx kandidat. Għall-kuntrarju, din hija obbligata tagħti motivi għad-deċiżjoni tagħha li tiċħad ilment imressaq bis-saħħa tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal minn kandidat, peress li l-motivazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni hija meqjusa li tikkoinċidi mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni li kontriha kien sar l-ilment (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2019, VY vs Il‑Kummissjoni, T‑253/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:488, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Ir-rikorrent jallega li huwa qatt ma rċieva, permezz ta’ SysPer 2, notifika mid-Diviżjoni 5 “Ċentru ta’ ġestjoni tal-kontijiet” tad-DĠ “Riżorsi Umani u Sigurtà” li tindikalu li huwa ma kienx eliġibbli għall-pożizzjoni kontenzjuża. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li huwa rċieva tali notifika, il-kontenut tagħha ma kienx biżżejjed sabiex informaha korrettament.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni ammettiet li wettqet żball ta’ input f’SysPer 2 tad-destinatarju tan-notifika tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura. Minkejja li l-imsemmija notifika ntbagħtet fl‑4 ta’ Awwissu 2020, din ma waslitx lir-rikorrent f’dik id-data, peress li ġiet ikkomunikata lilu biss fl‑4 ta’ Marzu 2021.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk, fil-preżenza ta’ komunikazzjoni tardiva tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura, ir-rikorrent kienx madankollu f’pożizzjoni li jifhem ir-raġunijiet li ġġustifikaw li l-Kummissjoni tikkunsidra l-kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni kontenzjuża bħala ineliġibbli.

40      L-ewwel, għandu jiġi nnotat li l-Kap ta’ Diviżjoni tar-rikorrent informa oralment lil dan tal-aħħar, fid‑29 ta’ Lulju 2020, li d-DĠ “Riżorsi Umani u Sigurtà” jew l-ASTK kienu joġġezzjonaw għall-ħatra tiegħu fil-pożizzjoni kontenzjuża, minħabba l-istatus tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

41      It-tieni, fl‑10 ta’ Settembru 2020, wara li talab informazzjoni dwar il-progress tal-kandidatura tiegħu, ir-rikorrent irċieva komunikazzjoni qasira mid-DĠ “Riżorsi Umani u Sigurtà” dwar il-kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni kontenzjuża (iktar ’il quddiem il-“messaġġ elettroniku tal‑10 ta’ Settembru 2020”). Dan indika b’mod partikolari lir-rikorrent li “ma [kienx] possibbli għal membru tal-persunal temporanju tal-Kummissjoni li jikseb it-tieni kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju tal-Kummissjoni matul il-karriera tiegħu”.

42      It-tielet, ir-rikorrent, kif jirrikonoxxi fir-rikors, sar jaf fil‑15 ta’ Settembru 2020, meta tgħallem li persuna oħra kienet assumiet il-funzjonijiet tagħha fil-pożizzjoni kontenzjuża, li l-kandidatura tiegħu kienet ġiet miċħuda.

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fil-mument li fih ir-rikorrent sar jaf bl-eżistenza tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura, jiġifieri, sa mhux iktar tard mill‑15 ta’ Settembru 2020, il-kuntest li fih ittieħdet l-imsemmija deċiżjoni kien magħruf minnu, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 iktar ’il fuq.

44      F’dan ir-rigward, b’mod partikolari, il-messaġġ elettroniku tal‑10 ta’ Settembru 2020 jinkludi motivazzjoni li madankollu hija preċiża u ddettaljata u tispjega r-raġuni li tostakola l-eliġibbiltà tar-rikorrent għall-pożizzjoni kontenzjuża, jiġifieri, li huwa ma jistax jikseb it-tieni kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg fi ħdan il-Kummissjoni.

45      Il-fatt li r-rikorrent kien f’pożizzjoni li jikkontesta, fl-ilment R/440/20, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg juri li huwa kien fehem li r-raġuni għaċ-ċaħda tal-kandidatura tiegħu kienet marbuta mal-istatus tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

46      Fl-aħħar nett, peress li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura ma kellhiex neċessarjament tkun motivata, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq, huwa biżżejjed, sabiex jiġi miċħud l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, li jiġi kkonstatat li, fit‑18 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda tal-ilment R/440/20 u li, f’dik id-deċiżjoni, l-ASTK tat indikazzjoni suffiċjenti lir-rikorrent sabiex tevalwa l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura u tippermettilu jikkontesta l-legalità tagħha. Bl-istess mod, il-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment R/440/20 tippermetti lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura.

47      Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrent li l-awtur tal-messaġġ elettroniku tal‑10 ta’ Settembru 2020 ma kienx kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura, għandu jiġi rrilevat li dan il-messaġġ elettroniku ma huwiex deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ kandidatura, iżda jikkonferma u jispjega r-raġunijiet tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura. Għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest magħruf mir-rikorrent, li ppermettielu, kif ġie kkonstatat fil-punt 43 iktar ’il fuq, jifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tiegħu. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-eżami tan-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni.

48      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

–       Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tattieni paragrafu talArtikolu 8 u talArtikolu 10(3) talKondizzjonijiet talimpjieg

49      Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg sa fejn hija qieset li ma setax jikkonkludi, bħala membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, it-tieni kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg fi ħdan il-Kummissjoni.

50      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, minn ebda dispożizzjoni tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jirriżulta li ma huwiex possibbli għal membru tal-persunal temporanju tal-Kummissjoni rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li jikseb it-tieni kuntratt f’din l-istess kwalità matul il-karriera tiegħu. B’mod partikolari, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jirriżultax li membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jista’ jikkonkludi biss kuntratt wieħed bħala membru tal-persunal temporanju fuq din il-bażi.

51      Ir-rikorrent iżid li, anki jekk jitqies li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jillimita b’mod jew ieħor in-numru ta’ kuntratti matul ir-reklutaġġ inizjali, dan l-artikolu ma japplikax peress li huwa dejjem jista’, skont l-Artikolu 10(3) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, jinħatar f’pożizzjoni ġdida, inkluż fi grad ogħla, permezz ta’ emenda tal-kuntratt tiegħu, u għalhekk mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi konkluż kuntratt ġdid.

52      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

53      Il-Kummissjoni ssostni li l-pożizzjoni kontenzjuża kienet pożizzjoni permanenti li, fir-rigward tal-membri tal-persunal temporanju, setgħet għalhekk tinfetaħ biss għal membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, bl-esklużjoni ta’ kategoriji oħra ta’ membri tal-persunal temporanju. Issa, peress li r-rikorrent kien diġà membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, huwa ma setax jikseb kuntratt ieħor bħala membru tal-persunal temporanju rreklutat fuq din l-istess bażi fi ħdan il-Kummissjoni, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Barra minn hekk, ir-reklutaġġ tar-rikorrent għall-imsemmija pożizzjoni kien ikun possibbli biss li kieku dan ma kienx jeħtieġ il-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid.

54      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, fil-mument li fih ir-rikorrent ippreżenta l-kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni kontenzjuża, huwa kien jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fil-kuntest ta’ kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg fil-grad AST 3 għal perijodu inizjali ta’ tliet snin, qabel ma dan ġie estiż għal perijodu ta’ sentejn, li t-terminu tiegħu kien previst li jiskadi f’Mejju 2023. Huwa għalhekk matul il-kuntratt inizjali li r-rikorrent ippreżenta l-kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni kontenzjuża, li tikkorrispondi għal impjieg permanenti vakanti bħala amministratur fi ħdan id-dipartiment li huwa kien jaħdem fih fil-mument tal-preżentazzjoni tal-kandidatura tiegħu.

55      Fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura, l-ASTK ikkunsidrat li l-kandidatura tar-rikorrent għall-pożizzjoni kontenzjuża kienet ineliġibbli minħabba li r-reklutaġġ tiegħu għall-imsemmija pożizzjoni kien jeħtieġ il-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid bħala membru tal-persunal temporanju abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, u dan, skont il-Kummissjoni, kien imur kontra t-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. B’hekk, il-Kummissjoni tibbaża esklużivament id-deċiżjoni tagħha fuq l-interpretazzjoni tagħha tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

56      Din l-interpretazzjoni hija kkontestata mir-rikorrent, li jsostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg kellu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li, bħar-rikorrent, il-kuntratt inizjali tiegħu kien għadu għaddej ikun jista’ jikseb kuntratt ieħor bħala membru tal-persunal temporanju abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

57      Għandu jitfakkar li minn qari flimkien tal-Artikolu 1a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikoli 2 sa 5 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jirriżulta li l-impjiegi permanenti mal-istituzzjonijiet għandhom, fil-prinċipju, ikunu intiżi li jimtlew minn uffiċjali u għalhekk huwa biss bħala eċċezzjoni li tali impjiegi jistgħu jkunu okkupati minn membri tal-persunal oħra (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2022, TL vs Il‑Kummissjoni, T‑438/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:455, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Għalhekk, għalkemm l-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprevedi espressament li l-membri tal-persunal temporanju jistgħu jiġu rreklutati bl-għan li jsiru impjegati permanenti, dan l-artikolu jippreċiża li dan ir-reklutaġġ jista’ jkun biss temporanju. Barra minn hekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għal din it-tilwima, ir-reklutaġġ ta’ membru tal-persunal imsemmi fl-Artikolu 2(b) jew (d) ma jistax jeċċedi erba’ snin, iżda jista’ jiġi limitat għal kull żmien iqsar u l-kuntratt tiegħu jista’ jiġġedded darba biss għal perijodu ta’ mhux iktar minn sentejn, bil-kundizzjoni li l-possibbiltà ta’ tiġdid tkun ġiet prevista fil-kuntratt inizjali, fil-limiti stabbiliti f’dak il-kuntratt. Fi tmiem dan il-perijodu, għandhom jiġu tterminati l-funzjonijiet tal-membru tal-persunal bħala membru tal-persunal temporanju fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Malli jiskadi l-kuntratt tiegħu, il-membru tal-persunal jista’ jimla pożizzjoni permanenti tal-istituzzjoni biss jekk ikun ġie maħtur bħala uffiċjal skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal.

59      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tiżvela elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, LR vs BEI, T‑529/20, EU:T:2022:523, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, riprodott fil-punt 58 iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li dan l-artikolu ma jipprevedi ebda limitazzjoni espliċita tan-numru ta’ kuntratti ta’ membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li membru tal-persunal temporanju jista’ jikkonkludi matul il-perijodu totali akkumulat ta’ provvista ta’ servizzi ta’ membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li huwa jiffissa għal sitt snin. Barra minn hekk, il-verżjoni Ingliża tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tirreferi għal diversi kuntratti ta’ reklutaġġ u mhux għal kuntratt wieħed fir-rigward tal-membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Għaldaqstant, dik il-verżjoni tuża espressament il-plural fir-rigward tal-espressjonijiet “[t]heir contrats may be renewed” u “[o]n the expiry of their contracts”.

61      Madankollu, skont il-Kummissjoni, mill-interpretazzjoni letterali tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u, b’mod partikolari, mill-użu tal-espressjonijiet “[f]l-aħħar ta’ dak iż-żmien” u “[m]eta jiskadu l-kuntratti tagħhom” jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jipprekludi li membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ikun jista’, peress li l-kuntratt tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju bbażat fuq l-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jintemm, jikkonkludi kuntratt ġdid bħala membru tal-persunal temporanju abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Dan ifisser, mingħajr dubju, li membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jistax jikseb kuntratt ieħor bħala membru tal-persunal temporanju fuq din l-istess bażi matul il-bqija tal-karriera tiegħu. Minn din il-perspettiva, meta membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li ma jkunx għadda minn kompetizzjoni li tippermetti ħatra bħala uffiċjal skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal, japplika għal impjieg permanenti, dan ikun neċessarjament ineliġibbli, ħlief jekk ikun jista’ jiġi stabbilit li l-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu ma teħtieġx il-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid bħala membru tal-persunal temporanju abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

62      Fil-fehma tar-rikorrent, għandha ssir distinzjoni bejn l-iskadenza tal-kuntratt u t-terminazzjoni prematura jew ix-xoljiment tal-kuntratt. F’dan ir-rigward, huwa jqis li l-kelma “skadenza” tal-kuntratt ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tinkludi t-terminazzjoni antiċipata jew ix-xoljiment tal-kuntratt, irrispettivament mill-metodu ta’ interpretazzjoni użat. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-formulazzjoni tal-Artikolu 47(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

63      L-ewwel, fir-rigward tal-espressjoni “dak iż-żmien”, imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, għandu jiġi nnotat li din tirreferi għall-perijodu tal-kuntratt inizjali kif imsemmi fit-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li ma jistax jeċċedi erba’ snin, possibbilment miżjud bil-perijodu ta’ tiġdid ta’ mhux iktar minn sentejn.

64      Konsegwentement, hemm lok li jinftiehem li l-parti tas-sentenza “[f]l-aħħar ta’ dak iż-żmien” tirreferi għat-tmiem tar-reklutaġġ tal-membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, mifhum jew, fil-każ tal-assenza ta’ tiġdid, bħala l-iskadenza tal-kuntratt inizjali, jew, fil-każ tal-għoti ta’ tiġdid, bħala l-iskadenza tal-estensjoni mogħtija.

65      Issa, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura, il-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju tar-rikorrent ibbażat fuq l-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li kien għadu ma ġiex imġedded, kien għadu għaddej u r-rikorrent għalhekk ma kienx jinsab “[f]l-aħħar ta’ dak iż-żmien” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

66      It-tieni, fir-rigward tal-espressjoni “[m]eta jiskadu l-kuntratti tagħhom” li tinsab fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, fl-assenza ta’ definizzjoni, fir-Regolamenti tal-Persunal, tal-kunċett ta’ “skadenza”, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat konformement mat-tifsira normali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, LR vs BEI, T‑529/20, EU:T:2022:523, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Issa, għandu jiġi osservat li, skont it-tifsira normali tagħha, il-kelma “skadenza” tirreferi għat-“terminu ta’ żmien”, jiġifieri, f’dan il-każ, it-tmiem tat-terminu li għalih ġie konkluż il-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju.

68      Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni kuntestwali tar-raba’ sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tikkorrobora l-interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni.

69      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 47(b)(ii) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jiddisponi li, “[j]ekk l-istituzzjoni tittermina l-kuntratt, il-ħaddiem għandu jkun intitolat għal kumpens daqs terz tas-salarju bażiku tiegħu għall-perjodu bejn id-data meta jintemmu dmirijietu u d-data meta jiskadilu l-kuntratt”. Dawn il-Kondizzjonijiet tal-impjieg b’hekk jagħmlu distinzjoni bejn ix-xoljiment u l-iskadenza tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju.

70      Issa, peress li, fl-istess att, espressjonijiet identiċi għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, Peters, C‑700/17, EU:C:2019:753, punt 18), ma hemmx lok li jiġi kkontestat l-istabbiliment, mil-leġiżlatur, ta’ distinzjoni bejn ix-xoljiment u l-iskadenza tal-kuntratt mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal.

71      Għalhekk, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, il-kunċett ta’ “skadenza tal-kuntratt” imsemmi fir-raba’ sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma huwiex ekwivalenti għall-kunċett ta’ “xoljiment tal-kuntratt”.

72      Għaldaqstant, fil-każ fejn, kif issostni l-Kummissjoni, ir-reklutaġġ tar-rikorrent fil-pożizzjoni kontenzjuża kien neċessarjament iwassal għax-xoljiment tal-kuntratt tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju konkluż abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ir-raba’ sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma tkunx applikabbli għas-sitwazzjoni tar-rikorrent.

73      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li mill-formulazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jirriżultax li ma huwiex possibbli, għal membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li jikkonkludi kuntratt ġdid bħala membru tal-persunal temporanju abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg matul il-perijodu tal-kuntratt inizjali tiegħu.

74      Fit-tielet lok, interpretazzjoni teleoloġika tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tikkonferma l-interpretazzjoni letterali u kuntestwali ta’ din id-dispożizzjoni.

75      Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 59 iktar ’il fuq, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg għandu jiġi interpretat fid-dawl, b’mod partikolari, tal-iskopijiet tiegħu u ta’ dawk li fuqhom huma bbażati b’mod iktar ġenerali l-Kondizzjonijiet tal-impjieg (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2014, Drakeford vs EMA, F‑29/13, EU:F:2014:10, punt 45).

76      L-ewwel, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 57 iktar ’il fuq, l-impjiegi permanenti tal-istituzzjonijiet huma, bħala prinċipju, intiżi li jimtlew minn uffiċjali u li għalhekk huwa biss bħala eċċezzjoni li tali impjiegi jistgħu jimtlew minn membri tal-persunal oħra, bħall-membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

77      Skont din il-loġika, l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 9049 tas‑16 ta’ Diċembru 2013 dwar il-politika ta’ reklutaġġ u ta’ impjieg ta’ membri tal-persunal temporanju jiddisponi b’mod partikolari li “[l]-impjiegi permanenti intiżi għall-ħatra ta’ uffiċjali, it-total tal-membri tal-persunal temporanju kollha skont l-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma għandux jaqbeż it‑3 % tan-numru totali ta’ impjiegi permanenti awtorizzati mal-Kummissjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(2) tal-imsemmija deċiżjoni jiddisponi li “[l]-użu ta’ tali reklutaġġ jista’ jiġi awtorizzat biss wara li pubblikazzjoni mingħajr suċċess skont l-Artikoli 4 u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

78      Minn dan jirriżulta li l-għan prinċipali tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg huwa li jiġi limitat l-użu ta’ membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li jokkupaw temporanjament impjiegi permanenti intiżi li jiġu okkupati minn uffiċjali, u li t-tul massimu totali ta’ sitt snin tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ membru tal-persunal temporanju rreklutat f’din il-kwalità abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg għandu l-għan li jservi dan l-għan.

79      It-tieni, fl-assenza ta’ dispożizzjoni speċifika li tipprekludi tali approċċ, għandha tittieħed ispirazzjoni, għall-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, mill-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368) (sentenza tal‑5 ta’ Frar 2014, Drakeford vs EMA, F‑29/13, EU:F:2014:10, punt 44).

80      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-fatt li direttiva ma torbotx, bħala tali, lill-istituzzjonijiet jew lill-aġenziji ma jistax jeskludi li dawn tal-aħħar għandhom jiħduha inkunsiderazzjoni b’mod indirett fir-relazzjonijiet tagħhom mal-uffiċjali tagħhom jew mal-membri tal-persunal tagħhom (sentenza tat‑13 ta’ April 2011, Scheefer vs Il‑Parlament, F‑105/09, EU:F:2011:41, punt 54).

81      Barra minn hekk, id-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim qafas li hija intiża li timplimenta jistgħu, fil-limiti stabbiliti mill-ġurisprudenza, jiġu invokati mill-individwi kontra l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-finijiet, sa fejn huwa possibbli, ta’ interpretazzjoni tar-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li tkun konformi mar-rekwiżiti previsti mill-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punt 57).

82      Minn dan isegwi li l-leġiżlatur, fl-eżerċizzju tas-setgħa leġiżlattiva li huwa jislet mill-Artikolu 336 TFUE sabiex jistabbilixxi l-Kondizzjonijiet tal-impjieg, u l-ASTK, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija għandha, fil-kuntest stabbilit mid‑dispożizzjonijiet tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, huma obbligati, waqt l-adozzjoni jew l‑implimentazzjoni ta’ regoli li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha, li jipprevjenu l-abbuż ta’ dritt li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ reklutaġġ għal żmien determinat, ikunu konformi mal-għanijiet ta’ titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema kif ukoll ta’ protezzjoni soċjali adegwata ta’ dawn tal-aħħar, intiżi fl-Artikolu 151 TFUE (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punt 61).

83      Issa, il-Ftehim qafas jagħmel l-istabbiltà tal-impjieg element sinjifikattiv fil-qasam tal-protezzjoni tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2012, Huet, C‑251/11, EU:C:2012:133, punti 35 u 44). B’mod iktar preċiż, il-klawżola 5(1) tiegħu hija intiża speċifikament sabiex tirregola l-użu suċċessiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, meqjusa bħala sors potenzjali ta’ abbuż għad-detriment tal-ħaddiema, billi tipprevedi ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet protettivi minimi intiżi sabiex tiġi evitata l-prekarjetà tas-sitwazzjoni tal-impjegati. B’mod partikolari, il-klawżola 5(1)(ċ) tal-Ftehim qafas tistabbilixxi li għandu jiġi ffissat numru massimu ta’ tiġdidiet ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2014, Drakeford vs EMA, F‑29/13, EU:F:2014:10, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg diġà tqies li huwa konformi mal-Ftehim qafas, sa fejn ma jippreġudikax l-iskopijiet u r-rekwiżiti minimi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2012, AI vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, F‑85/10, EU:F:2012:97, punt 140).

85      Għandu jiġi osservat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprevedi, minn naħa, tul massimu ta’ reklutaġġ tal-membru tal-persunal temporanju msemmi fl-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u, min-naħa l-oħra, limitu fir-rigward tan-numru ta’ tiġdidiet li jistgħu jingħataw lill-istess membru tal-persunal, jiġifieri, f’dan il-każ, tiġdid wieħed biss.

86      L-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-istabbiliment ta’ dawn iż-żewġ limiti għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni teleoloġika tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

87      Fir-rigward tat-tul massimu tar-reklutaġġ, skont il-ġurisprudenza, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, billi jistabbilixxi t-tul massimu totali tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ membru tal-persunal temporanju rreklutat skont l-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, jinkludi waħda mill-miżuri elenkati fil-klawżola 5 tal-Ftehim qafas intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, f’dan il-każ dak li huwa previst fil-paragrafu 1(b) tal-imsemmija klawżola (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2012, AI vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, F‑85/10, EU:F:2012:97, punt 138).

88      F’dan ir-rigward, waqt is-seduta l-partijiet ikkonfermaw li t-tul totali tar-reklutaġġ tar-rikorrent bħala membru tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, kemm jekk ġie rreklutat jew le fil-pożizzjoni kontenzjuża, ma setax jeċċedi l-perijodu massimu ta’ sitt snin previst mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

89      Fir-rigward tal-limitu fir-rigward tan-numru ta’ tiġdidiet possibbli, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni waqt is-seduta, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, billi jillimita n-numru ta’ tiġdidiet tal-kuntratt tal-membru tal-persunal temporanju rreklutat skont l-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, jinkludi wkoll waħda mill-miżuri elenkati fil-klawżola 5 tal-Ftehim qafas intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat, f’dan il-każ dik prevista fil-paragrafu 1(ċ) tal-imsemmija klawżola, b’tali mod li l-possibbiltà ta’ tiġdid uniku tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg hija intiża li tiggarantixxi l-osservanza, mill-istituzzjoni li tirreklutah, tal-protezzjoni tal-membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg kontra l-abbużi li jistgħu jirriżultaw mill-użu ta’ ħafna kuntratti qosra suċċessivi għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punt 66).

90      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-possibbiltà għall-membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li jikkonkludi kuntratt ġdid bħala membru tal-persunal temporanju fuq l-istess bażi għal perijodu li ma jeċċedix il-perijodu massimu ta’ sitt snin previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma tiksirx, bħala tali, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni li tillimita ratione temporis l-okkupazzjoni tal-impjiegi permanenti mill-membri tal-persunal temporanju.

91      Barra minn hekk, xejn ma jindika li l-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid kienet twassal għal riskju ta’ abbuż ta’ dritt għad-detriment tar-rikorrent li seta’ jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ reklutaġġ għal żmien determinat.

92      Għaldaqstant, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jipprekludix il-possibbiltà għal membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li jikkonkludi kuntratt ġdid bħala membru tal-persunal temporanju abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, peress li l-limitazzjoni ratione temporis ta’ sitt snin prevista mill-imsemmija dispożizzjoni tkun osservata.

93      Din l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg hija wkoll konformi mal-prattika ta’ istituzzjonijiet u ta’ aġenziji oħra tal-Unjoni. Fil-fatt, bħala tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni pprovdiet ir-riżultati ta’ konsultazzjoni li hija kienet bdiet f’Ġunju 2022 ma’ istituzzjonijiet u ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni dwar il-possibbiltà għal membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li jikkonkludi kuntratt ġdid f’din il-kwalità fit-terminu massimu previst mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. L-imsemmija riżultati juru li l-maġġoranza tal-istituzzjonijiet u tal-aġenziji mitluba jikkunsidraw jew jipprevedu tali possibbiltà.

94      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura, li tirrigwarda l-kandidatura tar-rikorrent bħala ineliġibbli, hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

95      Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura għandha tiġi annullata mingħajr ma hemm lok li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra ta’ dan il-motiv kif ukoll il-motivi l-oħra ppreżentati insostenn tat-talbiet għal annullament kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura.

 Fuq ittalbiet għallannullament tattweġiba tat28 ta’ Ottubru 2020

 Fuq lammissibbiltà

96      Il-Kummissjoni ppreżentat eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ dawn il-konklużjonijiet bis-saħħa tal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura, minħabba li t-tweġiba tat‑28 ta’ Ottubru 2020 ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrent.

97      L-ewwel, il-Kummissjoni ssostni li t-tweġiba tat‑28 ta’ Ottubru 2020 hija biss sempliċi risposta għall-mistoqsijiet magħmula mir-rikorrent fit-talba tad‑29 ta’ Ġunju 2020 u hija intiża biss sabiex tagħti interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal imsemmija. Għalhekk, it-tweġibiet mogħtija ma jbiddlux l-istatus ġuridiku tar-rikorrent.

98      It-tieni, il-Kummissjoni ssostni li hija ma naqsitx milli taġixxi billi ma organizzatx proċedura ta’ promozzjoni għall-membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u li, fil-każ li r-rikorrent xtaq jikkontesta l-assenza ta’ promozzjoni, huwa kellu jikkontesta d-deċiżjoni ta’ promozzjoni li ma kinitx tinkludi ismu.

99      Ir-rikorrent isostni li r-rikors tiegħu huwa ammissibbli.

100    Għandu jiġi rrilevat li, fit-tweġiba tat‑28 ta’ Ottubru 2020, l-ASTK tesprimi ruħha, fuq talba tar-rikorrent, dwar l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet legali fir-rigward tiegħu u dwar erba’ kwistjonijiet, li jirrigwardaw, prinċipalment, l-applikazzjoni tal-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikoli 10 u 15 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas għas-sitwazzjoni individwali tiegħu.

101    F’dan ir-rigward, l-ewwel, l-ASTK tindika li l-Artikoli 10 u 15 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jagħtux lill-membri tal-persunal “dritt dirett” għall-promozzjoni, u lanqas ma jnisslu min-naħa tal-amministrazzjoni xi obbligu li jipproċedu għal proċeduri ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju. It-tieni, l-ASTK tippreċiża li l-konklużjoni tat-tieni kuntratt abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma hijiex possibbli fil-każ tar-rikorrent u li, bħala prinċipju u ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, ma hijiex possibbli l-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent f’pożizzjoni permanenti differenti minn dik li kien jokkupa. It-tielet, hija tesponi li l-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal ma japplikax direttament għas-sitwazzjoni tiegħu u, ir-raba’, li l-Ftehim qafas ma huwiex applikabbli fil-każ tar-rikorrent peress li s-sitwazzjoni fattwali tiegħu, bħala membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, hija differenti minn dik tal-membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi ta’ dispożizzjonijiet legali oħra.

102    Għalhekk, it-tweġiba tat‑28 ta’ Ottubru 2020 tqajjem essenzjalment żewġ suġġetti li jirrigwardaw, l-ewwel, il-possibbiltà ta’ “promozzjoni” jew ta’ “klassifikazzjoni mill-ġdid” tal-membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u, it-tieni, il-possibbiltà għall-membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li jikseb kuntratt ġdid, meta l-kuntratt tiegħu jkun għadu għaddej.

103    Skont ġurisprudenza stabbilita, att li jikkawża preġudizzju huwa dak li jipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu, peress li tali att għandu jinħareġ mill-awtorità kompetenti u għandu jinkludi teħid ta’ pożizzjoni definittiva mill-amministrazzjoni (ara d-digriet tal‑10 ta’ Settembru 2021, Kühne vs Il‑Parlament, T‑691/20, mhux ippubblikat, EU:T:2021:600, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    Fir-rigward tat-talbiet għall-annullament tat-tweġiba tat‑28 ta’ Ottubru 2020 dwar il-motivi li jesponu lir-rikorrent li huwa ma jistax, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, jibbenefika minn kuntratt ieħor bħala membru tal-persunal temporanju abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, għandu jiġi rrilevat li l-motivazzjoni tal-ASTK f’dan ir-rigward sempliċement tirrepeti l-pożizzjoni tagħha, ifformulata fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura. Minn dan isegwi li din il-parti tat-tweġiba tat‑28 ta’ Ottubru 2020, diġà ppreċeduta mill-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura, ma tibdilx b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 103 iktar ’il fuq.

105    Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli t-talbiet għall-annullament tat-tweġiba tat‑28 ta’ Ottubru 2020 li tirrigwarda l-motivi li jesponu lir-rikorrent li huwa ma jistax, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, jibbenefika minn kuntratt ieħor bħala membru tal-persunal temporanju abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

106    Għall-kumplament tat-talbiet għall-annullament tat-tweġiba tat‑28 ta’ Ottubru 2020, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni tista’ tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li rikors jiġi miċħud fuq il-mertu mingħajr ma tiddeċiedi minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punt 52).

107    Issa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ kif ukoll tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, hemm lok li jiġu eżaminati t-talbiet għall-annullament tat-tweġiba tat‑28 ta’ Ottubru 2020 f’dak li jikkonċerna l-parti dwar il-possibbiltà li tippromwovi jew li tikklassifika mill-ġdid, fi ħdan il-Kummissjoni, membru tal-persunal temporanju abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg mingħajr ma tiddeċiedi minn qabel dwar l-ammissibbiltà ta’ dawn it-talbiet, sa fejn dawn huma, fi kwalunkwe każ u għar-raġunijiet esposti iktar’ il quddiem, infondati.

 Fuq ilmertu

108    Insostenn tat-talbiet tiegħu għall-annullament tat-tweġiba tat‑28 ta’ Ottubru 2020, ir-rikorrent jinvoka, essenzjalment, żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq interpretazzjoni żbaljata u fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Artikolu 10(3) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u, it-tieni, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

–       Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata u fuq ksur tattieni paragrafu talArtikolu 8 u talArtikolu 10(3) talKondizzjonijiet talimpjieg

109    Ir-rikorrent iqis li t-tweġiba tal-amministrazzjoni, li fil-fehma tiegħu għandha tiġi interpretata bħala rifjut ta’ promozzjoni, ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid jew ta’ ħatra għal impjieg ieħor, hija manifestament żbaljata u tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Artikolu 10(3) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

110    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrent.

111    L-ewwel, fir-rigward tal-possibbiltà għar-rikorrent li jibbenefika minn promozzjoni fis-sens tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi kkonstatat, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, li l-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jagħmlux riferiment għall-promozzjoni. Skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-promozzjoni “għandha tkun esklussivament bl-għażla fost l-uffiċjali li għamlu perjodu minimu [li jkollhom anzjanità] ta’ sentejn fil-grad tagħhom”.

112    Għaldaqstant, il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jipprovdux possibbiltà ta’ promozzjoni għall-membri tal-persunal temporanju, iżda pjuttost, skont l-Artikoli 15 u 16 tagħhom, li jiġu kklassifikati fi grad li jikkorrispondi għall-funzjonijiet li huma mitluba jeżerċitaw matul il-perijodu tal-kuntratt tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2016, Todorova Androva vs Il‑Kunsill et, T‑366/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:729, punt 48).

113    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kellha raġun tikkunsidra, fit-tweġiba tat‑28 ta’ Ottubru 2020, li l-proċedura ta’ promozzjoni prevista mill-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal kienet tikkonċerna biss lill-uffiċjali.

114    It-tieni, fir-rigward tal-possibbiltà ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid, fis-sens tal-Artikolu 10(3) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, għandu jiġi rrilevat li, fit-tweġiba tat‑28 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni ma ssostnix, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrent, li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprojbixxi l-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Hija sempliċement tafferma li, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li hija għandha f’dan ir-rigward, huwa possibbli għaliha li ma tipprevedix li torganizza proċedura ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju taħt kuntratti għal żmien determinat, fosthom il-membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

115    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 10(3) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li jirrigwarda l-possibbiltà ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid, bl-ebda mod ma jistabbilixxi dritt għal kull membru tal-persunal temporanju li jibbenefika, fuq talba tiegħu, minn klassifikazzjoni mill-ġdid.

116    Għandu jitfakkar li, għalkemm, skont il-prinċipju ta’ uniċità tas-servizz pubbliku, l-uffiċjali kollha tal-Unjoni huma suġġetti għal qafas ġuridiku uniku, jiġifieri r-Regolamenti tal-Persunal, tali prinċipju ma jimplikax li l-istituzzjonijiet għandhom jużaw b’mod identiku s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilhom mir-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li, għall-kuntrarju, fil-ġestjoni tal-persunal tagħhom, dawn tal-aħħar igawdu minn “prinċipju ta’ awtonomija” (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2021, KZ vs Il‑Kummissjoni, T‑453/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:339, punt 52). Hemm lok li jsir raġunament analogu f’dak li jirrigwarda l-membri tal-persunal temporanju suġġetti għall-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

117    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, sa fejn il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jipprevedux obbligu tal-amministrazzjoni li twettaq proċedura ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju, il-Kummissjoni ma kisritx it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 l-Artikolu 10(3) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, billi ma pprevedietx, fil-kuntest tal-awtonomija amministrattiva li hija kellha, li torganizza proċedura ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

118    Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrent li, fil-punti 60 sa 63 tas-sentenza tat‑28 ta’ April 2021, Correia vs KESE (T‑843/19, EU:T:2021:221), il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, essenzjalment, li l-assenza ta’ regoli bil-miktub u l-prattika ta’ deċiżjonijiet ad hoc, mingħajr pubblikazzjoni, jirrappreżentaw nuqqas ta’ trasparenza li jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

119    Fil-fatt, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 118 iktar ’il fuq tirrigwarda l-każ fejn istituzzjoni tipprevedi l-possibbiltà li tikklassifika mill-ġdid il-membri tal-persunal temporanju tagħha, iżda ma tipprevedix kriterji espliċiti għal tali proċeduri. Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Barra minn hekk, dan l-argument ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-awtonomija tal-Kummissjoni fir-rigward tad-deċiżjoni li ma tipprevedix il-possibbiltà għall-membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li jiġu kklassifikati mill-ġdid.

120    Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni, fir-rigward tar-ritratt tal-iskrin ta’ SysPer 2, li l-Kummissjoni nediet, probabbilment sal‑2017, proċeduri ta’ promozzjoni distinti għall-uffiċjali, għall-membri tal-persunal bil-kuntratt u għall-membri tal-persunal temporanju.

121    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza stess ta’ prattika ta’ tali proċeduri ta’ promozzjoni distinti għall-membri tal-persunal temporanju hija miċħuda mill-Kummissjoni, li tispjega li d-data ppreżentata mir-rikorrent tirriżulta minn żball tekniku fis-SysPer 2, li ġie solvut. Madankollu, anki jekk jitqies li tali prattika kienet teżisti, il-Kummissjoni setgħet validament tibdel din il-prattika, konformement mal-prinċipju ta’ awtonomija amministrattiva, imsemmi fil-punt 116 iktar ’il fuq.

122    Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

–       Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

123    Permezz tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li billi adottat it-tweġiba tat‑28 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni f’diversi aspetti.

124    Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq trattament inugwali u diskriminazzjoni bejn il-parteċipanti fil-programm Pilot Junior Professionals (iktar ’il quddiem il-“programm JPP”) u l-membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg fi ħdan il-Kummissjoni, it-tieni parti hija bbażata fuq trattament inugwali bejn il-membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u l-membri tal-persunal temporanju l-oħra tal-Kummissjoni u t-tielet hija bbażata fuq trattament inugwali bejn il-membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ istituzzjonijiet, korpi jew organi differenti tal-Unjoni.

125    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

126    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta huwa espressjoni partikolari tiegħu. Dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2018, Hebberecht vs SEAE, T‑315/17, EU:T:2018:842, punti 58 u 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

127    F’dak li jirrigwarda r-rekwiżit dwar in-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet, din tal-aħħar għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. Dawn l-elementi għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jagħmel parti minnu l-att inkwistjoni (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni, C‑460/18 P, EU:C:2019:1119, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrent jallega li l-prattiki tal-Kummissjoni jikkostitwixxu diskriminazzjoni fil-konfront tiegħu fir-rigward tal-parteċipanti fil-programm JPP li huma, bħalu, membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Fil-fatt, sa fejn il-parteċipanti fil-programm JPP huma membri tal-persunal temporanju li jistgħu jiġu assenjati mill-ġdid f’impjiegi oħra fid-dipartimenti tal-Kummissjoni, li huma sostanzjalment differenti bejniethom fir-rigward tan-natura tal-funzjonijiet, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi konkluż kuntratt ġdid, dawn il-kandidati jiġu ttrattati b’mod iktar favorevoli minn membri tal-persunal temporanju oħra rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li għalihom l-amministrazzjoni tikkunsidra li kuntratt ġdid huwa neċessarju u konsegwentement ipprojbit.

129    Qabelxejn, kif spjegat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment R/507/20, jekk membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li jagħmel parti mill-grupp ta’ funzjonijiet AST kellu jintgħażel sabiex jipparteċipa fil-programm JPP, huwa jiġi offrut kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju abbażi tal-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, u mhux kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

130    Sussegwentement, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrent li huwa ddiskriminat minħabba l-fatt li l-assenjazzjonijiet mill-ġdid regolari tal-parteċipanti fil-programm JPP ma jeħtiġux il-konklużjoni ta’ kuntratti ġodda, huwa biżżejjed li jitfakkar li r-rikorrent diġà ġie assenjat mill-ġdid, kif tfakkar fil-punt 3 iktar ’il fuq, permezz ta’ emenda għall-kuntratt tiegħu, u għalhekk mingħajr ma ġie konkluż kuntratt ġdid. Għaldaqstant, ma huwiex fondat li jiġi sostnut li kien impossibbli għalih li jibbenefika minn assenjazzjoni mill-ġdid mingħajr ma dan jimplika neċessarjament il-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid.

131    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegazzjoni li r-rikorrent huwa vittma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età sa fejn il-kandidati għall-programm JPP huma esklużivament professjonisti żgħażagħ li għandhom esperjenza professjonali ta’ mhux iktar minn tliet snin, din għandha tiġi miċħuda, fid-dawl tal-fatt li, kif jirriżulta mill-punti 129 u 130 iktar ’il fuq, ma ġiet stabbilita l-ebda differenza fit-trattament bejn il-parteċipanti fil-programm JPP u l-membri tal-persunal temporanju l-oħra rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg fir-rigward ta’ assenjazzjoni mill-ġdid mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi konkluż kuntratt ġdid.

132    Konsegwentement, ir-rikorrent ma huwiex fondat li jsostni li l-membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u rreklutati fil-kuntest tal-programm JPP jibbenefikaw minn trattament iktar favorevoli minn dak applikat għalih, billi jistgħu jiġu assenjati mill-ġdid mingħajr ma jiġu konklużi kuntratti ġodda ta’ membru tal-persunal temporanju abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

133    Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrent isostni li l-fatt li l-amministrazzjoni ma tistabbilixxix proċeduri ta’ promozzjoni jew ma tawtorizzax promozzjonijiet individwali tal-membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg iwassal għal trattament inugwali bejnu, bħala membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, u kategoriji oħra ta’ membri tal-persunal temporanju, b’mod partikolari l-membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u tal-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

134    Ir-rikorrent isostni li l-membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jeżerċitaw direttament funzjonijiet ma’ persuna li twettaq mandat, filwaqt li l-membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma għandhomx missjoni speċjalizzata ta’ dan it-tip. Madankollu, l-Artikolu 2 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jistabbilixxi l-ebda differenza sinjifikattiva bejn in-natura tal-funzjonijiet u din id-distinzjoni ftit hija rilevanti fil-qasam tat-trattament ugwali.

135    Dwar dan il-punt, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni tipprova tiġġustifika t-trattament inugwali billi tispjega li l-membri tal-persunal temporanju rreklutati għal żmien indeterminat jirrappreżentaw numru limitat ħafna ta’ membri tal-persunal. Barra minn hekk, ir-rikorrent jallega li d-distinzjoni sinjifikattiva bejn il-membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u dawk irreklutati abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tinsab fil-klassifikazzjoni tal-impjieg għall-finijiet baġitarji. Issa, dawn il-kriterji huma irrilevanti għall-finijiet ta’ analiżi dwar it-trattament inugwali.

136    Kif tfakkar fil-punt 126 iktar ’il fuq, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

137    Fir-rigward tal-kwistjoni tal-paragun tas-sitwazzjonijiet tat-tipi differenti ta’ membri tal-persunal temporanju, l-ewwel, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, l-impjiegi tagħhom huma inklużi fit-tabella tal-persunal, u jikkorrispondu għal kompiti permanenti ddefiniti tas-servizz pubbliku, li madankollu ma jikkorrispondux, bl-għażla tal-awtorità baġitarja, għal “impjieg permanenti” (sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, Sipos vs UASI, F‑59/11, EU:F:2012:164, punt 39).

138    It-tieni, fir-rigward tal-membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, dawn il-membru tal-persunal ikkonkludew kuntratt ta’ xogħol intuitu personae li kellu l-fiduċja reċiproka bħala element essenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2006, Bonnet vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑406/04, EU:T:2006:322, punti 47 u 101).

139    It-tielet, fir-rigward tal-membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, minkejja li l-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprevedu espressament li l-membri tal-persunal temporanju jistgħu jiġu rreklutati bl-għan li jokkupaw impjieg permanenti, dawn jippreċiżaw ukoll li dan jista’ jkun biss temporanjament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punt 79).

140    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni ġustament li l-leġiżlatur ħoloq kategoriji differenti ta’ membri tal-persunal temporanju, li jgawdu minn kundizzjonijiet tax-xogħol differenti, u dan ipoġġihom f’sitwazzjonijiet li ma humiex komparabbli, b’tali mod li ma huwiex possibbli li tiġi stabbilita differenza fit-trattament bejn il-membri tal-persunal temporanju li tikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 21(1) tal-Karta.

141    Madankollu, ir-rikorrent isostni li din il-prattika tmur kontra l-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, li tipprojbixxi li l-ħaddiema għal żmien determinat jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli għas-sempliċi raġuni li tal-ewwel jaħdmu għal żmien determinat, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

142    Issa, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li l-membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma kinux jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ kategoriji oħra ta’ membri tal-persunal temporanju. Id-differenza fundamentali bejn il-kategoriji differenti ta’ membri tal-persunal temporanju tinsab fit-“tip ta’ impjieg” okkupat minn kull waħda mill-kategoriji kkonċernati, u mhux direttament fit-tul tal-kuntratt. Fil-fatt, dawn it-tliet kategoriji ta’ membri tal-persunal temporanju huma intiżi sabiex jissodisfaw bżonnijiet differenti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi. Għaldaqstant, it-tul tal-kuntratti li jistgħu jikkonkludu l-kategoriji differenti ta’ membri tal-persunal temporanju jirriżulta direttament mit-tipi ta’ impjiegi distinti li huma jistgħu jokkupaw u għalhekk min-natura differenti tagħhom.

143    Permezz tat-tielet parti, ir-rikorrent jallega li istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni rrikonoxxew espressament il-possibbiltà għall-membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li jibbenefikaw minn klassifikazzjoni mill-ġdid.

144    Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tat-tielet parti minħabba li din tressqet għall-ewwel darba fir-rikors.

145    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment u r-rikors sussegwenti jeżiġi, taħt piena ta’ inammissibbiltà, li motiv imqajjem quddiem il-qorti tal-Unjoni jkun diġà tqajjem fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, sabiex l-ASTK setgħet tkun taf il-kritika li l-persuna kkonċernata tressaq kontra d-deċiżjoni kkontestata (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs Moschonaki, T‑476/11 P, EU:T:2013:557, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

146    F’dan il-każ, fit-talba tad‑29 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrent semma l-prattika tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni insostenn tal-argument tiegħu bbażat fuq id-dritt tiegħu li jiġi kklassifikat mill-ġdid. Barra minn hekk, fl-ilment, huwa jinvoka wkoll in-nuqqas ta’ osservanza ta’ prattiki amministrattivi stabbiliti. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment jinkludi argumenti dwar l-allegata diskriminazzjoni, b’mod partikolari bbażata fuq l-età tad-diversi membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, u dwar it-trattament inugwali bejn il-membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u kategoriji oħra ta’ membri tal-persunal temporanju. Fir-rikors tiegħu, ir-rikorrent iqajjem, lil hinn minn dawn l-allegazzjonijiet, it-tielet parti, ibbażata fuq allegata diskriminazzjoni bbażata fuq prattiki differenti li jeżistu f’istituzzjonijiet oħra, fil-kuntest iktar wiesa’ tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

147    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li r-rikorrent, għall-ewwel darba, irrefera espliċitament fir-rikors tiegħu għal differenza fit-trattament bejn il-membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg fi ħdan il-Kummissjoni u fi ħdan istituzzjonijiet, korpi u organi oħra ma jibdel la l-kawża u lanqas is-suġġett tal-ilment.

148    Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà tat-tielet parti.

149    Ir-rikorrent isostni li, peress li ma organizzatx proċeduri ta’ promozzjoni u ma tagħtix l-istess dritt għall-promozzjoni lill-membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, il-Kummissjoni tittratta lil dawn il-membri tal-persunal temporanju b’mod inqas favorevoli minn istituzzjonijiet u korpi oħra bħas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jew bħall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust). Barra minn hekk, għalkemm id-diversi istituzzjonijiet u aġenziji tal-Unjoni jgawdu ċertu livell ta’ awtonomija amministrattiva fil-mod kif jorganizzaw l-eżerċizzji ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid, ir-rikorrent isostni li huma ma jistgħux jagħtu interpretazzjoni diverġenti tad-dispożizzjonijiet tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg b’mod li jingħataw inqas drittijiet lill-membri tal-persunal temporanju.

150    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma jistax validament jinvoka r-regoli interni applikabbli għall-persunal ta’ istituzzjonijiet oħra. Fil-fatt, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom skont il-missjonijiet fdati lilhom u fl-assenjazzjoni, fid-dawl ta’ dawn il-missjonijiet, tal-persunal li jinsab għad-dispożizzjoni tagħhom (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2004, Pflugradt vs BĊE, C‑409/02 P, EU:C:2004:625, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

151    Għaldaqstant, kif indikat fil-punt 117 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet tiddeċiedi, fil-kuntest tal-awtonomija amministrattiva li hija kienet tgawdi, li ma torganizzax proċedura ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid għall-membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Tali deċiżjoni bl-ebda mod ma tmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, iktar u iktar peress li hija tapplika għall-istess kategoriji ta’ membri tal-persunal temporanju fi ħdan l-istess istituzzjoni.

152    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, it-talbiet għall-annullament tat-tweġiba tat‑28 ta’ Ottubru 2020 għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma.

 Fuq ittalbiet għaddanni

153    Ir-rikorrent jitlob l-għoti ta’ danni bħala kumpens għad-danni materjali li huwa jqis li ġarrab minħabba l-allegata illegalità tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura u t-tweġiba tat‑28 ta’ Ottubru 2020. It-talbiet għad-danni tar-rikorrent essenzjalment jinqasmu f’żewġ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, marbuta mad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura, ir-rikorrent isostni li dik id-deċiżjoni kkawżatlu dannu materjali li jikkonsisti fit-telf tal-opportunità, minn naħa, li jiġi rreklutat fil-pożizzjoni kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, li jsir uffiċjal permanenti billi jipparteċipa fil-kompetizzjonijiet interni rriżervati għall-membri tal-persunal temporanju li jagħmlu parti mill-grupp ta’ funzjonijiet AD. Fil-kuntest tat-tieni parti, marbuta mat-tweġiba tat‑28 ta’ Ottubru 2020, ir-rikorrent isostni li din it-tweġiba kkawżatlu dannu materjali li jikkonsisti fit-telf tal-opportunità li jibbenefika minn klassifikazzjoni mill-ġdid fil-grad AST 4 mis‑16 ta’ Mejju 2020.

154    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrent.

 Fuq iddannu materjali marbut maddeċiżjoni ta’ ċaħda talkandidatura

155    Minħabba d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura, ir-rikorrent isostni li tilef l-opportunità li jiġi rreklutat fil-pożizzjoni kontenzjuża. Huwa jsostni f’dan ir-rigward li, peress li l-Kumitat ta’ Selezzjoni ħareġ, fl‑24 ta’ Lulju 2020, talba għall-finijiet tar-reklutaġġ tiegħu u tal-ħatra tiegħu għall-pożizzjoni kontenzjuża, it-telf tal-opportunità li jiġi rreklutat minħabba d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura għandu jiġi evalwat għal 100 %. F’dan ir-rigward, huwa jitlob kumpens fl-ammont ta’ EUR 24 245, li jikkorrispondi għad-differenza bejn is-salarju attwali tiegħu u s-salarju li kien ikollu dritt għalih li kieku ġie rreklutat fil-pożizzjoni kontenzjuża, fil-grad AD 5, mill‑1 ta’ Settembru 2020 sal-iskadenza tal-kuntratt tiegħu.

156    Barra minn hekk, ir-rikorrent tilef l-opportunità li jsir uffiċjal permanenti billi jipparteċipa fil-kompetizzjonijiet interni rriżervati għall-membri tal-persunal temporanju li jagħmlu parti mill-grupp ta’ funzjonijiet AD. Fil-fatt, li kieku ġie rreklutat fil-pożizzjoni kontenzjuża u għalhekk ġie kklassifikat mill-ġdid fil-grad AD 5 mill‑1 ta’ Settembru 2020, ir-rikorrent isostni li kien ikun f’pożizzjoni li jipparteċipa fl-imsemmija kompetizzjonijiet interni organizzati fl‑2021 u fl‑2022. Issa, fil-kuntest tal-kompetizzjoni li seħħet fil-mument tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrent isostni li, għal 20 pożizzjoni ta’ uffiċjali fil-qasam ġuridiku, madwar 90 kandidat għaddew mill-eżamijiet bil-kompjuter, li jippermetti li jiġi evalwat li huwa kellu probabbiltà ta’ 44 % li jsir uffiċjal. Fir-rigward tat-telf tal-opportunità li jsir uffiċjal, ir-rikorrent jitlob li jiġi kkumpensat fl-ammont ta’ EUR 600 000, li jikkorrispondi għal telf ta’ remunerazzjoni li jinkludi l-ammont tas-salarju u tal-allowances marbuta mal-persuni dipendenti li kienu jitħallsulu kull xahar għal 20 sena, li għalih għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ probabbiltà ta’ 0.44.

157    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni tippreżumi li jiġu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-illegalità tal-aġir ikkritikat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu invokat (sentenza tal‑21 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, EU:C:2008:107, punt 52). Peress li dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti kumulattivament, huwa biżżejjed li waħda minnhom tkun nieqsa sabiex jiġi miċħud rikors għad-danni (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punt 14).

158    Fir-rigward taż-żewġ kapijiet ta’ dannu msemmija fil-punti 155 u 156 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li dawn joriġinaw mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura.

159    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura, peress li t-tieni motiv li jirrigwarda l-imsemmija deċiżjoni ntlaqa’, l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni, jiġifieri l-illegalità tal-aġir ikkritikat, ġiet issodisfatta.

160    Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Kummissjoni, jiġifieri r-realtà tad-dannu u r-rabta kawżali.

161    Fir-rigward tar-realtà tad-dannu materjali, hija ġurisprudenza stabbilita li dan għandu jiġi debitament stabbilit u ċert (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, EU:C:2008:107, punt 54). B’mod partikolari, meta d-dannu allegat jikkonsisti, bħal f’dan il-każ, f’telf ta’ opportunità, minn naħa, l-opportunità mitlufa għandha tkun reali u, min-naħa l-oħra, dan it-telf għandu jkun definittiv (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Fernández González vs Il‑Kummissjoni, T‑162/17 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2018:711, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

162    Fir-rigward tal-livell ta’ ċertezza tar-rabta kawżali, dan jintlaħaq meta l-illegalità mwettqa minn istituzzjoni tal-Unjoni tkun, b’mod ċert, ċaħdet lil persuna mhux neċessarjament minn reklutaġġ, li għalih il-persuna kkonċernata ma tista’ qatt tipprova li dan seħħ, iżda minn opportunità serja li tiġi rreklutata bħala uffiċjal jew bħala membru tal-persunal, bil-konsegwenza għall-persuna kkonċernata ta’ dannu materjali li jikkonsisti fit-telf ta’ dħul (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Fernández González vs Il‑Kummissjoni, T‑162/17 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2018:711, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

163    L-ewwel, għandha tiġi eżaminata l-kundizzjoni dwar in-natura reali tat-telf ta’ opportunità allegat.

164    Skont il-ġurisprudenza, sabiex tiġi evalwata n-natura reali tat-telf ta’ opportunità, għandu jsir riferiment għad-data li fiha ttieħdet id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2022, SU vs EIOPA, T‑296/21, EU:T:2022:808, punt 85).

165    F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li, fl-assenza tal-illegalità li biha hija vvizzjata d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura, ir-rikorrent seta’ jiġi rreklutat fil-pożizzjoni kontenzjuża.

166    Qabel kollox, kif isostni r-rikorrent, huwa kien issodisfa b’mod sħiħ il-pożizzjoni li huwa kien jokkupa fil-mument tal-preżentata tal-kandidatura tiegħu, li kienet tixbah il-pożizzjoni kontenzjuża. Fil-fatt, mir-rapporti ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent għas-snin 2019 u 2020 jirriżulta li huwa kien wettaq il-funzjonijiet tiegħu b’mod sodisfaċenti ħafna, peress li l-livell ta’ prestazzjoni tiegħu kien tqies eċċezzjonali, b’tali mod li, fi tmiem il-perijodu inizjali ta’ tliet snin li għalih kien ġie rreklutat, huwa ġie mġedded fil-funzjonijiet tiegħu. Issa, huwa stabbilit li l-pussess ta’ esperjenza professjonali sodisfaċenti tikkostitwixxi indizju importanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jintgħażel il-kandidat li għandu jiġi rreklutat (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2011, AA vs Il‑Kummissjoni, F‑101/09, EU:F:2011:133, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

167    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kap ta’ Diviżjoni tar-rikorrent kien ħareġ, fl‑24 ta’ Lulju 2020, nota li tindika li, sa fejn il-pożizzjoni kontenzjuża ma setgħetx timtela minn kandidat intern jew estern xieraq, inkluż fost il-kandidati li għaddew minn kompetizzjoni ġenerali organizzata mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), u abbażi tal-merti tar-rikorrent, huwa talab li r-rikorrent jiġi rreklutat fil-pożizzjoni kontenzjuża.

168    Dawn il-kunsiderazzjonijiet jikkostitwixxu sensiela ta’ elementi suffiċjentement preċiżi u plawżibbli sabiex jintwera li r-rikorrent kellu, fl‑2020, fil-kuntest tal-proċedura ta’ selezzjoni għall-pożizzjoni kontenzjuża, possibbiltà reali li jiġi rreklutat fl-imsemmija pożizzjoni, minkejja s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-amministrazzjoni fil-qasam tar-reklutaġġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2022, TM vs BĊE, T‑440/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:800, punt 113).

169    It-tieni, fir-rigward tan-natura definittiva tal-allegat telf ta’ opportunità, għandu jitfakkar li din għandha tiġi evalwata fil-mument meta l-qorti tal-Unjoni tiddeċiedi, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, inklużi l-elementi sussegwenti għall-adozzjoni tal-att illegali li wassal għad-dannu (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2022, SU vs EIOPA, T‑296/21, EU:T:2022:808, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

170    Sabiex tiġi evalwata din in-natura definittiva, għandu jiġi eżaminat jekk, fil-jum tal-għoti ta’ din is-sentenza u fid-dawl tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tagħha li l-Kummissjoni għandha tadotta, ir-rikorrent tilifx definittivament l-opportunità li huwa kellu li jiġi rreklutat fil-pożizzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2022, SU vs EIOPA, T‑296/21, EU:T:2022:808, punt 91).

171    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, fit‑18 ta’ Jannar 2021, il-kuntratt inizjali tar-rikorrent, konkluż fis‑16 ta’ Mejju 2018 għal perijodu ta’ tliet snin, ġie mġedded għal perijodu ta’ sentejn, li ntemm fil‑15 ta’ Mejju 2023. Issa, sa fejn, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, fl-iskadenza tal-kuntratt tiegħu, membru tal-persunal irreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jista’ jokkupa impjieg permanenti tal-istituzzjoni biss jekk ikun inħatar bħala uffiċjal taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi kkonstatat li, fil-jum tal-għoti ta’ din is-sentenza, ir-rikorrent ma jistax jiġi rreklutat iktar għall-pożizzjonijiet inkwistjoni abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

172    Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, f’tilwim dwar deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-kandidaturi, bħal dik li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li n-natura definittiva tat-telf ta’ opportunità ta’ reklutaġġ kienet tirriżulta mill-protezzjoni tad-drittijiet ta’ terzi, li l-kandidaturi tagħhom kienu ġew aċċettati għall-pożizzjonijiet inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2006:148, punt 49, u tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Fernández González vs Il‑Kummissjoni, T‑162/17 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2018:711, punt 91), u mhux mill-fatt li huwa impossibbli għall-amministrazzjoni li tikkoreġi ġuridikament l-illegalità mwettqa (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2022, SU vs EIOPA, T‑296/21, EU:T:2022:808, punt 95).

173    Għalhekk, fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-rikorrent huwa fondat li jsostni li huwa tilef definittivament l-opportunità li jiġi rreklutat fil-pożizzjoni kontenzjuża.

174    Konsegwentement, abbażi ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkunsidrat li l-illegalità mwettqa mill-Kummissjoni ċaħħdet lir-rikorrent minn opportunità reali li jiġi rreklutat fil-pożizzjoni kontenzjuża b’tali mod li teżisti rabta kawżali bejn l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura u t-telf ta’ opportunità allegat.

175    It-tieni u t-tielet kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni huma għalhekk issodisfatti.

176    Skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-kumpens li għandu jitħallas abbażi tat-telf ta’ tali opportunità, wara li tiġi identifikata n-natura tal-opportunità li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal ikun ġie mċaħħad minnha, għandha tiġi ddeterminata d-data li minnha l-uffiċjal seta’ jibbenefika minn din l-opportunità, imbagħad għandha tiġi kkwantifikata l-imsemmija opportunità u, finalment, għandhom jiġu ppreċiżati liema kienu l-konsegwenzi finanzjarji ta’ dan it-telf ta’ opportunità għall-uffiċjal jew għall-membru tal-persunal (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2022, SU vs EIOPA, T‑296/21, EU:T:2022:808, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

177    F’dak li jirrigwarda l-mod u l-portata tal-kumpens għat-telf ta’ opportunità, meta dan ikun possibbli, l-opportunità li jkun ġie mċaħħad minnha uffiċjal jew membru tal-persunal għandha tiġi ddeterminata oġġettivament, fil-forma ta’ koeffiċjent matematiku li jirriżulta minn analiżi preċiża (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2022, SU vs EIOPA, T‑296/21, EU:T:2022:808, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata), filwaqt li jitqies li huwa diffiċli ħafna, jekk mhux impossibbli, li jiġi ddefinit metodu li kapaċi jikkwantifika b’eżattezza l-opportunità ta’ reklutaġġ f’impjieg fi ħdan istituzzjoni u, konsegwentement, li jiġi evalwat id-dannu li jirriżulta mit-telf ta’ din l-opportunità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, EU:C:2008:107, punti 59 u 60).

178    Barra minn hekk, diġà ġie deċiż li l-kriterju tat-telf ta’ remunerazzjoni ma jistax ikun l-uniku wieħed li jiddetermina l-portata tal-kumpens għad-dannu kkawżat wara t-telf ta’ opportunità ta’ reklutaġġ. Fil-fatt, f’ tali każ, id-dannu mġarrab ma jistax jiġi assimilat mal-ammont tar-remunerazzjoni li l-persuna kienet tirċievi li kieku din l-opportunità seħħet, peress li, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali li tgawdi l-Kummissjoni f’dan il-qasam, il-persuna kkonċernata ma kellha l-ebda dritt li tiġi rreklutata. Għalhekk, id-dannu li tali persuna kkonċernata għandha dritt li tiġi kkumpensata għalih ma jistax jikkorrispondi għal telf ta’ remunerazzjoni li jirriżulta mit-telf ta’ dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, EU:C:2008:107, punt 65).

179    F’dan il-każ, ir-rikorrent ta evalwazzjoni numerika tal-ammont li kellu jservi bħala bażi għall-kalkolu tal-ammont tal-kumpens marbut mat-telf ta’ opportunità. Madankollu, din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, ma huwiex possibbli li din l-opportunità tiġi kkwantifikata u li jiġu ppreċiżati l-konsegwenzi finanzjarji tat-telf ta’ opportunità, minħabba li kalkolu korrett tad-dannu materjali tar-rikorrent jiddependi minn diversi ipoteżijiet, b’mod partikolari l-impatt tal-interess tas-servizz fuq il-probabbiltà tar-reklutaġġ tar-rikorrent u fuq it-tul totali ta’ dan ir-reklutaġġ peress li t-tul massimu totali tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg huwa ta’ sitt snin, u li, f’dan il-każ, il-kuntratt inizjali tar-rikorrent, konkluż għal perijodu ta’ tliet snin, kien ilu għaddej mis‑16 ta’ Mejju 2018.

180    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi evalwat, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, id-dannu sostnut ex æquo et bono (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, VP vs CEDEFOP, T‑187/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:613, punt 200 u l-ġurisprudenza ċċitata).

181    F’dan il-kuntest, issir evalwazzjoni ġusta tad-dannu materjali kollu mġarrab mir-rikorrent minħabba t-telf tal-opportunità li jiġi rreklutat fil-pożizzjoni kontenzjuża jekk il-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallsu, ex æquo et bono, is-somma f’daqqa ta’ EUR 10 000.

182    Fir-rigward tal-kap tad-dannu li jikkonsisti fit-telf tal-opportunità li jsir uffiċjal billi jipparteċipa fil-kompetizzjonijiet interni organizzati mill-Kummissjoni fl‑2021 u fl‑2022 u rriżervati għall-membri tal-persunal temporanju tal-grupp ta’ funzjonijiet AD, għandu jiġi rrilevat li ma ġietx issodisfatta l-kundizzjoni dwar il-prova tal-eżistenza ta’ dannu reali u ċert, kif ukoll ir-rabta kawżali, fir-rigward tat-telf tal-opportunità ta’ suċċess fl-imsemmija kompetizzjonijiet interni organizzati mill-Kummissjoni fl‑2021 u fl‑2022 u, sussegwentement, li jiġi rreklutat bħala uffiċjal tal-Unjoni. Fil-fatt, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura ma għandhiex il-konsegwenza li tipprekludi lir-rikorrent milli jsir amministratur fi ħdan il-Kummissjoni. Id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura ma kinitx tipprekludi lir-rikorrent milli jippreżenta l-kandidatura tiegħu għal pożizzjonijiet oħra tal-grupp ta’ funzjonijiet AD li kienu vakanti mal-Kummissjoni wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, l-istess bħalma ma tipprekludihx milli jiġi rreklutat, fil-futur, f’pożizzjoni tal-grad AD, pereżempju, abbażi tal-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

183    Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda t-talba għal kumpens għad-dannu materjali li jirriżulta mill-allegat telf tal-opportunità li jsir uffiċjal billi jipparteċipa fil-kompetizzjonijiet interni organizzati mill-Kummissjoni fl‑2021 u fl‑2022 u rriżervati għall-membri tal-persunal temporanju tal-grupp ta’ funzjonijiet AD.

 Fuq iddannu materjali marbut mattweġiba tat28 ta’ Ottubru 2020

184    Ir-rikorrent isostni li huwa tilef l-opportunità li jibbenefika minn promozzjoni għall-grad AST 4 mis‑16 ta’ Mejju 2020. Peress li din l-opportunità ta’ promozzjoni għandha tiġi evalwata għal 100 %, minħabba l-livell ta’ benefiċċji eċċezzjonali tagħha, l-ammont tal-kumpens mitlub huwa ta’ EUR 13 152.

185    Skont ġurisprudenza stabbilita, it-talbiet intiżi għall-kumpens ta’ dannu materjali jew morali għandhom jiġu miċħuda meta jkunu marbuta mill-qrib mat-talbiet għal annullament li, huma stess, ikunu ġew miċħuda bħala inammissibbli jew infondati (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2022, MW vs Il‑Parlament, T‑630/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:3, punt 137 u l-ġurisprudenza ċċitata).

186    F’dan il-każ, teżisti rabta mill-qrib bejn il-kap tad-dannu bbażat fuq it-telf tal-opportunità li jibbenefika minn promozzjoni għall-grad AST 4 b’effett mis‑16 ta’ Mejju 2020 u t-talbiet għall-annullament tat-tweġiba tat‑28 ta’ Ottubru 2020.

187    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-eżami tal-motivi ppreżentati insostenn tat-talbiet għall-annullament tat-tweġiba tat‑28 ta’ Ottubru 2020 ma rrivela l-ebda illegalità mwettqa mill-Kummissjoni, għandu wkoll jiġi miċħud il-kap tad-dannu bbażat fuq it-telf tal-opportunità li jibbenefika minn promozzjoni għall-grad AST 4 b’effett mis‑16 ta’ Mejju 2020.

188    Minn dan jirriżulta li għandha tiġi miċħuda it-talba għal kumpens għad-dannu materjali bbażat fuq l-allegat telf tal-opportunità li jibbenefika minn promozzjoni għall-grad AST 4 b’effett mis‑16 ta’ Mejju 2020.

 Fuq lispejjeż

189    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. Skont l-Artikolu 135(1) ta’ dawn ir-regoli, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li l-parti li titlef għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma jkollhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

190    F’dan il-każ, il-Kummissjoni tilfet parti essenzjali mill-kapijiet tat-talbiet tar-rikorrent. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreżentat eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir-rigward tat-talbiet kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura, li hija sussegwentement irtirat, u dan kellu effett fuq l-ispejjeż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża billi l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż kollha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal4 ta’ Awwissu 2020 li tiċħad il-kandidatura ta’ SE għall-pożizzjoni vakanti ppubblikata bir-referenza COM/2020/1474 hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lil SE s-somma ta’ EUR 10 000 bħala kumpens għad-dannu materjali mġarrab.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

da Silva Passos

Gervasoni

Półtorak

Reine

 

      Pynnä

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑5 ta’ Lulju 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.