Language of document : ECLI:EU:C:2022:537

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fis‑7 ta’ Lulju 2022 (1)

Kawża C42/21 P

Lietuvos geležinkeliai AB

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq tat-trasport ferrovjarju ta’ merkanzija – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal‑Artikolu 102 TFUE – Aċċess għall-infrastrutturi amministrati mill-kumpannija nazzjonali ferrovjarja tal-Litwanja – Żmantellament ta’ parti minn linja ferrovjarja – Kunċett ta’ ‘abbuż’ – Ġurisprudenza Bronner – Natura indispensabbli tal-aċċess – Intenzjoni antikompetittiva – Eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha – Tnaqqis tal-ammont tal-multa”






I.      Introduzzjoni

1.        Permezz tal-appell tagħha, Lietuvos geležinkeliai AB (iktar ’il quddiem “LG”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑18 ta’ Novembru 2020, Lietuvos geležinkeliai vs Il-Kummissjoni (T‑814/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2020:545), li permezz tagħha din tal-aħħar, minn naħa, ċaħdet ir-rikors tagħha sa fejn talbet, l-annullament tad-deċiżjoni C(2017) 6544 final tal-Kummissjoni tat‑2 ta’ Ottubru 2017 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE (Każ AT.39813 – Baltic Rail) (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kontenzjuża”), u, min-naħa l-oħra, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta b’din id-deċiżjoni fuq LG billi tistabbilixxiha għal EUR 20 068 650.

2.        F’dan il-każ, id-deċiżjoni kontenzjuża kienet stabbilixxiet abbuż ta’ pożizzjoni dominanti li kien jikkonsisti fit-tneħħija, minn LG, li hija l-impriża ferrovjarja nazzjonali tal-Litwanja u amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji tagħha, ta’ parti minn linja ferrovjarja ta’ 19-il km li tinsab fil-Litwanja u li testendi sal-fruntiera mal-Latvja (iktar ’il quddiem il-“linja ferrovjarja”). Skont il-Kummissjoni, din l-eliminazzjoni setgħet timpedixxi lil impriża ferrovjarja kompetitriċi stabbilita fil-Latvja milli tidħol fis-suq Litwan tal-provvista ta’ servizzi tat-trasport ferrovjarju ta’ prodotti taż-żejt jew, tal-inqas, irrendiet dan id-dħul iktar diffiċli.

3.        L-ewwel tliet aggravji ta’ dan l-appell huma diretti, essenzjalment, kontra l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-eżistenza ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Ir-raba’ aggravju jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-ammont tal-multa.

4.        Dan l-appell joffri, minn naħa, lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiċċara l-ġurisprudenza tagħha dwar il-kriterji applikabbli għall-konstatazzjoni ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti u, b’mod iktar speċifiku, li tkompli tiċċara l-portata tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bronner”, EU:C:1998:569), dwar il-kriterji biex jiġi kklassifikat bħala “prattika abbużiva” rifjut ta’ aċċess jew ta’ provvista minn impriża f’pożizzjoni dominanti. Min-naħa l-oħra, dan l-appell jippermetti wkoll li jsiru konstatazzjonijiet utli dwar l-eżerċizzju ta’ setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa mill-Qorti Ġenerali.

II.    Ilfatti li wasslu għallkawża

5.        Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża huma esposti fil-punti 1 sa 48 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ dan l-appell, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

A.      Ilkuntest fattwali

6.        LG hija l-kumpannija ferrovjarja nazzjonali tal-Litwanja, impriża pubblika stabbilita f’dan l-Istat Membru, li l-uniku azzjonist tagħha huwa l-Istat Litwan. Bħala impriża integrata vertikalment, LG hija kemm l-amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji, li madankollu jibqgħu proprjetà tal-Istat Litwan, kif ukoll fornitriċi ta’ servizzi tat-trasport ferrovjarju fil-Litwanja.

7.        Orlen Lietuva AB (iktar ’il quddiem “Orlen”) hija impriża stabbilita fil-Litwanja, speċjalizzata fir-raffinament taż-żejt mhux maħdum u fid-distribuzzjoni ta’ prodotti petroliferi raffinati. Orlen hija sussidjarja 100 % tal-impriża Pollakka PKN Orlen SA. Bħala parti mill-attivitajiet tagħha, Orlen topera diversi installazzjonijiet fil-Litwanja, fosthom raffinerija importanti (iktar ’il quddiem ir-“raffinerija”), li tinsab f’Bugeniai, fid-distrett ta’ Mažeikiai, fil-Majjistral tal-Litwanja, qrib il-fruntiera mal-Latvja. Din ir-raffinerija hija l-unika installazzjoni ta’ dan it-tip fit-tliet Stati Baltiċi. Fl-aħħar tas-snin 2000, 90 % tal-prodotti petroliferi raffinati minn dan ir-raffinerija kienu ttrasportata bil-ferrovija, u b’hekk kienet tagħmel lil Orlen waħda mill-ikbar klijenti ta’ LG.

8.        F’dak iż-żmien, Orlen kienet tipproduċi, fi ħdan ir-raffinerija, madwar 8 miljun tunnellata ta’ prodotti petroliferi raffinati fis-sena. Tliet kwarti minn din il-produzzjoni kienet intiża għall-esportazzjoni, prinċipalment bil-baħar lejn pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent. B’hekk, 4.5 sa 5.5 miljun tunnellata ta’ prodotti petroliferi raffinati kienu ttrasportati mil-Litwanja, bil-ferrovija, lejn it-terminal marittimu ta’ Klaipėda (il-Litwanja). Il-kumplament tal-produzzjoni esportata, jiġifieri madwar 1 sa 1.5 miljun tunnellata, kien ittrasportat, ukoll permezz tal-ferrovija, lejn jew permezz tal-Latvja u kien prinċipalment intiż għall-konsum fis-swieq interni Estonjani u Latvjani. Madwar 60 % ta’ din il-produzzjoni mibgħuta bil-ferrovija lejn jew minn ġewwa l-Latvja kienet tuża l-linja ferrovjarja “Bugeniai-Mažeikiai-Rengė”, itinerarju li jibda mir-raffinerija, li tinsab qrib il-konnessjoni ferrovjarja ta’ Mažeikiai, u jmur lejn il-belt ta’ Rengė (il-Latvja, li 34 km minnu kienu jinsabu fit-territorju Litwan (iktar ’il quddiem l-“itinerarju qasir lejn il-Latvja”). Il-kumplament ta’ din il-produzzjoni ttrasportata permezz tal-ferrovija lejn jew minn ġewwa l-Latvja kienet tuża l-linja ferrovjarja “Bugeniai-Kužiai-Joniškis-Meitene”, itinerarju itwal, li 152 km minnu kienu jinsabu fit-territorju Litwan (iktar ’il quddiem l-“itinerarju twil lejn il-Latvja”).

9.        Sabiex tittrasporta l-prodotti tagħha fuq l-itinerarju qasir lejn il-Latvja, Orlen kienet tuża s-servizzi ta’ LG għall-parti Litwana tal-itinerarju, jiġifieri mir-raffinerija sal-fruntiera Latvjana. LG kienet għalhekk ikkonkludiet kuntratt ta’ subappalt ma’ Latvijas dzelzceļš, il-kumpannija nazzjonali tal-linji ferrovjarji tal-Latvja (iktar ’il quddiem “LDZ”), għat-trasport fuq din il-parti Litwana tal-itinerarju. Peress li ma kellhiex l-awtorizzazzjonijiet leġiżlattivi neċessarji sabiex teżerċita l-attivitajiet tagħha b’mod indipendenti fit-territorju Litwan, LDZ kienet topera bħala subappaltatur ta’ LG. Ladarba tinqabeż il-fruntiera Litwana, LDZ kienet tkompli t-trasport tal-prodotti ta’ Orlen fit-territorju Latvjan bis-saħħa ta’ diversi kuntratti.

10.      Ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn Orlen u LG dwar is-servizzi ta’ trasport tagħha fuq in-netwerk ferrovjarju Litwan, inklużi s-servizzi ta’ trasport fuq l-itinerarju qasir lejn il-Latvja, kienu rregolati minn ftehim iffirmat matul is-sena 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim tal‑1999”). Minbarra li jirregola t-tariffi applikati minn LG għas-servizzi ta’ trasport, il-Ftehim tal‑1999 kien jinkludi b’mod partikolari impenn speċifiku min-naħa ta’ LG li tittrasporta l-merkanzija ta’ Orlen fuq l-itinerarju qasir lejn il-Latvja għat-tul kollu tal-ftehim, jiġifieri sal-2024.

11.      Fil-bidu tal-2008, qamet tilwima kummerċjali bejn LG u Orlen fir-rigward tat-tariffi mħallsa minn din tal-aħħar għat-trasport tal-prodotti petroliferi tagħha. Minħabba din it-tilwima kummerċjali, Orlen ipprevediet il-possibbiltà li tikkuntratta direttament ma’ LDZ għas-servizzi ta’ trasport ferrovjarju tal-merkanzija tagħha fuq l-itinerarju qasir lejn il-Latvja kif ukoll li terġa’ teżerċita l-attivitajiet tagħha ta’ esportazzjoni marittimi minn Klaipėda, fil-Litwanja, lejn it-terminals marittimi ta’ Riga u ta’ Ventspils, fil-Latvja.

12.      Fit‑12 ta’ Ġunju 2008, saret laqgħa bejn LG u Orlen, li matulha ssemma dan il-proġett ta’ riallokazzjoni tal-attivitajiet ta’ esportazzjoni ta’ Orlen. Barra minn hekk, peress li Orlen iddeċidiet unilateralment, li tapplika rata inferjuri għal dik mitluba minn LG, LG fis‑17 ta’ Lulju 2008, bdiet proċedura ta’ arbitraġġ kontra Orlen.

13.      Fit‑28 ta’ Lulju 2008, LG informat lil Orlen bix-xoljiment tal-ftehim tal‑1999 mill‑1 ta’ Settembru 2008. Orlen ippreċiżat, matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, li x-xoljiment tal-Ftehim tal‑1999 mill‑1 ta’ Settembru 2008 kien tħabbar minn LG tlett ijiem wara li hija kienet talbet formalment lil LDZ kwotazzjoni sabiex tissostitwixxi s-servizzi ta’ LG għat-trasport, mir-raffinerija u bl-użu tal-itinerarju qasir lejn il-Latvja, ta’ madwar 4.5 sa 5 miljun tunnellata ta’ prodotti petroliferi raffinati lejn it-terminals marittimi li jinsabu fit-territorju Latvjan. Orlen issuġġeriet ukoll li LG setgħet ġiet informata bit-talba għal kwotazzjonijiet direttament minn LDZ.

14.      Fit‑2 ta’ Settembru 2008, wara l-iskoperta ta’ deformazzjoni ta’ linja ferrovjarja ta’ xi għexieren ta’ metri (iktar ’il quddiem id-“deformazzjoni”), LG, filwaqt li invokat prinċipalment raġunijiet ta’ sigurtà, issospendiet it-traffiku il-linja ferrovjarja bejn Mažeikiai u l-fruntiera mal-Latvja.

15.      Fit‑3 ta’ Settembru 2008, LG ħatret kumitat ta’ spezzjoni kompost minn diriġenti tas-sussidjarja lokali tagħha sabiex jinvestiga r-raġunijiet għad-deformazzjoni. Il-kumitat ta’ spezzjoni ppreżenta żewġ rapporti, jiġifieri r-rapport ta’ investigazzjoni tal‑5 ta’ Settembru 2008 u r-rapport tekniku tal‑istess jum.

16.      Skont ir-rapport ta’ investigazzjoni tal‑5 ta’ Settembru 2008, id-deformazzjoni kienet ġiet ipprovokata mid-deterjorament fiżiku ta’ diversi elementi li jikkomponu l-istruttura tal-linja ferrovjarja. Dan ir-rapport ta’ investigazzjoni kkonferma wkoll li t-traffiku kellu jibqa’ sospiż “sakemm jintemmu x-xogħlijiet kollha ta’ ristorazzjoni [restawr] u ta’ tiswija”.

17.      L-osservazzjonijiet li jinsabu fir-rapport ta’ investigazzjoni tal‑5 ta’ Settembru 2008 ġew ikkonfermati mir-rapport tekniku tal‑istess jum li kien jirreferi biss għas-sit tad-deformazzjoni u jidentifika l-kawża tagħha f’diversi problemi relatati mal-istruttura tal-linja ferrovjarja. Dan ir-rapport tekniku kkonkluda li l-inċident tat-traffiku li seħħ fil-forma ta’ deformazzjoni tal-linja ferrovjarja kellu jiġi kklassifikat bħala “inċident” u li kien dovut għat-tkagħbir bl-użu fiżiku tal-elementi superjuri tal-istruttura tal-linja ferrovjarja.

18.      LDZ ippreżentat lil Orlen offerta għat-trasport tal-prodotti petroliferi tagħha fid‑29 ta’ Settembru 2008, wara laqgħa li saret fit‑22 ta’ Settembru 2008. Skont Orlen, din l-offerta kienet “konkreta u attraenti”. Mit‑3 ta’ Ottubru 2008, LG bdiet l-iżmantellament sħiħ tal-linja ferrovjarja. Fl-aħħar tax-xahar ta’ Ottubru 2008, il-linja ferrovjarja kienet żmantellata totalment.

19.      Fis‑17 ta’ Ottubru 2008, Orlen bagħtet ittra lil LDZ sabiex tikkonfermalha l-intenzjoni tagħha li tittrasporta madwar 4.5 miljun tunnellata ta’ prodotti petroliferi mir-raffinerija lejn it-terminals marittimi Latvjani, u wara saret laqgħa fl‑20 ta’ Frar 2009 u seħħew diskussjonijiet iktar avvanzati fir-rebbiegħa tas-sena 2009.

20.      F’Jannar 2009, ġie konkluż ftehim ġenerali ġdid ta’ trasport bejn LG u Orlen għal perijodu ta’ ħmistax‑il sena, sal‑1 ta’ Jannar 2024 (iktar ’il quddiem il-“ftehim tal-2009”). Dan il-ftehim issostitwixxa ftehim temporanju li kien ġie ffirmat fl‑1 ta’ Ottubru 2008.

21.      In-negozjati bejn Orlen u LDZ komplew sal-aħħar tax-xahar ta’ Ġunju 2009, meta LDZ ippreżentat applikazzjoni sabiex tikseb liċenzja biex topera fuq il-parti Litwana tal-itinerarju qasir lejn il-Latvja.

22.      Fl‑10 ta’ Novembru 2009, it-tribunal tal-arbitraġġ iddikjara li x-xoljiment unilaterali tal-ftehim tal-1999 minn LG kien illegali u li dan il-ftehim kellu jitqies bħala li kien fis-seħħ sal‑1 ta’ Ottubru 2008, data li fiha Orlen u LG kienu kkonkludew ftehim ta’ trasport temporanju ċċitat fil-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

23.      Skont Orlen, id-diskussjonijiet ma’ LDZ ġew interrotti f’nofs is-sena 2010, meta hija finalment qieset li LG ma kellhiex l-intenzjoni li ssewwi l-linja ferrovjarja fi żmien qasir. F’dan il-mument, LDZ irtirat l-applikazzjoni tagħha għal liċenzja sabiex topera fuq il-parti Litwana tal-itinerarju qasir lejn il-Latvja.

B.      Ilproċedura amministrattiva

24.      Fl‑14 ta’ Lulju 2010, Orlen ressqet ilment formali quddiem il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (2). Fl-ilment tagħha, Orlen essenzjalment esponiet li, wara nuqqas ta’ qbil kummerċjali bejnha u LG, din tal-aħħar kienet neħħiet il-linja ferrovjarja, fatt li kellu bħala konsegwenza li jirrendi mhux disponibbli l-itinerarju qasir lejn il-Latvja u ġiegħelha tuża l-uniku itinerarju disponibbli, jiġifieri l-itinerarju twil lejn il-Latvja, sabiex tittrasporta, bil-ferrovija, il-parti tal-produzzjoni tagħha intiża li tiġi ttrasportata lejn jew minn ġewwa l-Latvja.

25.      Wara li, minn naħa, bagħtet lil LG dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, imbagħad ittra dwar il-fatti, li dwarha l-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, organizzat seduta, il-Kummissjoni, fit‑2 ta’ Ottubru 2017, adottat id-deċiżjoni kontenzjuża.

C.      Iddeċiżjoni kontenzjuża

1.      Definizzjoni ta’ swieq rilevanti u pożizzjoni dominanti

26.      F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni identifikat żewġt iswieq ikkonċernati, jiġifieri, min naħa s-suq, upstream, tal-amministrazzjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji, u, min-naħa l-oħra s-suq, downstream, tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ prodotti petroliferi (iktar ’il quddiem is-“suq inkwistjoni”).

27.      Is-suq ġeografiku inkwistjoni għall-amministrazzjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji huwa kkunsidrat bħala s-suq nazzjonali Litwan. Fir-rigward tas-suq ġeografiku inkwistjoni għat-trasport ferrovjarju ta’ prodotti petroliferi, il-Kummissjoni qieset li dan kien is-suq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija mir-raffinerija u lejn it-tliet terminals marittimi ta’ Klaipėda, ta’ Riga u ta’ Ventspils.

28.      Il-Kummissjoni kkonstatat li, skont il-leġiżlazzjoni Litwana, LG kellha monopolju legali fis-suq, upstream, tal-amministrazzjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji fil-Litwanja. F’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tipprevedi li l-infrastrutturi ferrovjarji pubbliċi kienu jappartjenu lill-Istat Litwan u kienu fdati lil LG għall-amministrazzjoni tagħhom.

29.      Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li LG kienet essenzjalment l-unika impriża attiva fis-suq, downstream, tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ prodotti petroliferi, li, għaldaqstant, kien jagħtiha pożizzjoni dominanti f’dan is-suq.

2.      Aġir abbużiv

30.      Il-Kummissjoni qieset li LG kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha, bħala amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji fil-Litwanja, billi neħħiet il-linja ferrovjarja, ħaġa li setgħet tipproduċi effetti antikompetittivi ta’ esklużjoni tal-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni bejn ir-raffinerija u t-terminals marittimi ġirien, billi ħolqot ostakoli għad-dħul fis-suq mingħajr ma teżisti ġustifikazzjoni oġġettiva. B’mod partikolari, il-Kummissjoni qieset li, billi neħħiet il-linja ferrovjarja fl-intier tagħha, LG kienet użat metodi differenti minn dawk li kienu jirregolaw kompetizzjoni normali.

31.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat, fl-ewwel lok, li LG kienet taf bil-proġett ta’ Orlen sabiex iddur fuq it-terminals marittimi tal-Latvja billi tirrikorri għas-servizzi ta’ LDZ, fit-tieni lok, li LG kienet neħħiet il-linja bl-għaġla kollha, mingħajr ma żgurat il-finanzjament neċessarju u mingħajr ma ħadet ebda waħda mill-miżuri preparatorji normali għar-rikostruzzjoni tagħha, fit-tielet lok, li t-tneħħija tal-linja kienet tmur kontra l-prattiki kurrenti tas-settur, fir-raba’ lok, li LG kienet taf bir-riskju ta’ telf ta’ kull attività ta’ trasport tal-prodotti ta’ Orlen f’każ ta’ rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja u, fil-ħames lok, li LG ħadmet sabiex tikkonvinċi lill-Gvern Litwan sabiex ma jibnihiex mill-ġdid.

32.      Il-Kummissjoni osservat li l-linja ferrovjarja kienet tippermetti l-użu tal-itinerarju l-iktar qasir u l-inqas oneruż sabiex ir-raffinerija tkun konnessa ma’ terminal marittimu Latvjan. Skont il-Kummissjoni, minħabba l-prossimità tagħha mal-Latvja u bil-bażi loġistika ta’ LDZ, dan l-itinerarju kien joffri wkoll lil LDZ il-possibbiltà, favorevoli ħafna, li tidħol fis-suq Litwan.

33.      Fir-rigward tal-effetti antikompetittivi li jirriżultaw mill-aġir ta’ LG, il-Kummissjoni qieset li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja setgħet tipprekludi lil LDZ milli tidħol fis-suq jew, minn tal-inqas, kienet għamlet ħafna iktar diffiċli d-dħul tagħha fis-suq, u dan minkejja li, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, qabel it-tneħħija tal-linja ferrovjarja, LDZ kellha opportunità kredibbli li tittrasporta l-prodotti petroliferi ta’ Orlen maħsuba għall-esportazzjoni marittima, mir-raffinerija lejn it-terminals marittimi Latvjani permezz tal-itinerarju qasir lejn il-Latvja. Bit-tneħħija tal-linja ferrovjarja, kull trasport ferrovjarju mir-raffinerija lejn terminal marittimu Latvjan kellu jieħu itinerarju ħafna itwal fit-territorju tal-Litwanja. Wara t-tneħħija tal-linja ferrovjarja, l-unika għażla għal LDZ sabiex tikkompeti ma’ LG kienet li tipprova topera fuq l-itinerarju lejn Klaipėda jew fuq l-itinerarju twil lejn il-Latvja. Minħabba dan, LDZ kienet kostretta li twettaq l-attivitajiet tagħha ’l bogħod mill-bażi loġistika tagħha fil-Latvja u kienet dipendenti fuq is-servizzi ta’ amministrazzjoni tal-infrastrutturi tal-kompetitur tagħha LG. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni qieset li, minn perspettiva ex ante, LDZ kienet esposta għal riskji kummerċjali kbar, li kienet inqas suxxettibbli li ssostni.

34.      Il-Kummissjoni qieset ukoll li LG ma kienet ipprovdiet ebda ġustifikazzjoni oġġettiva dwar it-tneħħija tal-linja ferrovjarja, peress li l-ispjegazzjonijiet mogħtija ma kinux jaqblu bejniethom, xi drabi kienu jikkontradixxu lil xulxin u ftit kienu konvinċenti.

3.      Multa u ordni

35.      Il-Kummissjoni imponiet fuq LG multa ta’ EUR 27 873 000 u ordnatilha twaqqaf il-ksur u tinformaha, fi żmien tliet xhur min-notifika tad-deċiżjoni kontenzjuża, bi proposta għal miżuri f’dan is-sens.

III. Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

36.      LG ippreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u, sussidjarjament, għat-tnaqqis fl-ammont tal-multa imposta.

37.      Insostenn tat-talba tagħha għal annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, LG invokat ħames motivi. Dawn kienu bbażati, essenzjalment: l-ewwel, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE fir-rigward tan-natura abbużiva tal-aġir ta’ LG; it-tieni, fuq żbalji ta’ evalwazzjoni u ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-prattika inkwistjoni; it-tielet, fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 għal prova insuffiċjenti u nuqqas ta’ motivazzjoni; ir-raba’, fl-ewwel parti tiegħu biss, fuq żbalji fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa u; il-ħames, fuq żbalji relatati mal-impożizzjoni ta’ miżura korrettiva.

38.      Fil-kuntest tat-talba tagħha għal tnaqqis fl-ammont tal-multa, LG sostniet, permezz ta’ diversi ilmenti u t-tieni parti tar-raba’ motiv, li dan l-ammont kien sproporzjonat u kkontestat, essenzjalment, fl-ewwel lok, il-perċentwali tal-valur tal-bejgħ meħud mill-Kummissjoni bħala l-fattur ta’ gravità, fit-tieni lok, it-tul ta’ żmien tal-ksur u, fit-tielet lok, id-deċiżjoni li jiġi inkluż, fl-ammont bażiku, ammont addizzjonali bħala dissważjoni.

39.      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha mqajma minn LG kemm insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll insostenn tat-talba tagħha għat-tnaqqis fl-ammont tal-multa. Il-Qorti Ġenerali madankollu stabbilixxiet, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, l-ammont tal-multa għal EUR 20 068 650.

IV.    Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja u ttalbiet talpartijiet

40.      Bl-appell tagħha, LG titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza taħt appell, fl-intier tagħha jew parzjalment, sa fejn is-sentenza ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża;

–        tannulla fl-intier tagħha jew parzjalment id-deċiżjoni kontenzjuża;

–        sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas iktar l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha relatati ma’ din il-proċedura u ma’ dik tal-ewwel istanza.

41.      Il-Kummissjoni u Orlen jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lil LG tħallas l-ispejjeż.

V.      Analiżi

42.      Insostenn tal-appell tagħha, LG tqajjem erba’ aggravji. Permezz tal-ewwel tliet aggravji tagħha, hija tikkontesta, essenzjalment, l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-eżistenza ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Ir-raba’ aggravju tagħha jirrigwarda l-evalwazzjoni tagħha tal-multa imposta fuqha.

43.      Il-Kummissjoni tqis li dawn l-aggravji għandhom jiġu miċħuda. Min-naħa tagħha, Orlen titlob li jiġu miċħuda l-ewwel tliet aggravji, billi l-osservazzjonijiet tagħha ma jirrigwardawx ir-raba’ aggravju.

44.      Qabel ma nibda l-eżami ta’ kull wieħed minn dawn l-aggravji, hemm bżonn li jsiru xi rimarki preliminari ta’ natura proċedurali.

A.      Osservazzjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali

45.      Min-naħa, ta’ min jinnota li LG tippreċedi d-dikjarazzjoni tal-aggravji mqajma b’appoġġ għall-appell billi tfakkar, fil-fehma tagħha, il-fatti rilevanti. Issa, kemm il-Kummissjoni kif ukoll Orlen isostnu li din id-deskrizzjoni hija qarrieqa u żbaljata. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li wieħed jikkonstata li, fin-nuqqas ta’ allegazzjonijiet ta’ żnaturament tal-fatti u tal-provi min-naħa ta’ LG, din it-tfakkira tal-fatti ma tista’ tkun ta’ ebda rilevanza, peress li l-kwistjonijiet fattwali kollha diġà ġew deċiżi definittivament mill-Qorti Ġenerali. Għalhekk ma hemmx għalfejn tingħata deċiżjoni dwar in-natura qarrieqa jew żbaljata ta’ dan it-tfakkir tal-fatti.

46.      Min-naħa l-oħra, kemm il-Kummissjoni kif ukoll Orlen jirreferu, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, għal stqarrija għall-istampa tat‑30 ta’ Diċembru 2019, maħruġa mill-President Direttur Ġenerali attwali ta’ LG, fejn tħabbar tmiem ir-rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja u li fiha evalwazzjoni kritika tal-avvenimenti inkwistjoni. Għandu jiġi rrilevat, hekk kif il-Kummissjoni ammettiet waqt is-seduta, li, sa fejn dan id-dokument huwa sussegwenti għall-fatti tal-kawża inkwistjoni, ma għandu ebda impatt fuq il-legalità, il-portata jew l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u a fortiori tas-sentenza appellata.

B.      Fuq lewwel aggravju

47.      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, LG essenzjalment tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta naqset, fil-punti 90 sa 99 tas-sentenza appellata, milli tapplika l-kriterji stabbiliti fis-sentenza Bronner fir-rigward tar-rifjut ta’ aċċess għal infrastrutturi essenzjali sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tneħħija tal-linja ferrovjarja tistax tikkostitwixxi prattika abbużiva fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

48.      L-ewwel nett, LG tosserva li, fil-punt 226 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, bħall-Kummissjoni, li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja kienet tikkostitwixxi prattika abbużiva peress li seta’ jkollha effetti negattivi li teskludi LDZ mis-suq billi tagħmel l-aċċess tagħha għas-suq iktar diffiċli u billi ssuġġettat dan l-aċċess għal kundizzjonijiet inqas vantaġġużi minħabba li LDZ kienet obbligata tuża l-itinerarju twil lejn il-Latvja biex isservi lil Orlen, fejn dan l-itinerarju twil jappartjeni għall-istess suq bħall-itinerarju l-qasir. Għalhekk, skont LG, il-problema ġuridika mqajma f’dan il-każ tirriżulta fil-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 102 TFUE imponiex fuq LG l-obbligu legali li jingħata aċċess lil LDZ għal-linja ferrovjarja.

49.      Issa mis-sentenza Bronner jirriżulta li impriża f’sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti hija obbligata li tagħti tali aċċess biss jekk ir-rifjut tagħha jkun tali li jelimina kull kompetizzjoni fis-suq min-naħa tal-applikant għall-aċċess, jekk dan ir-rifjut ma jistax ikun oġġettivament iġġustifikat u jekk l-aċċess fih innifsu jkun indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività ta’ din il-persuna. Dawn it-tliet kriterji kumulattivi ma humiex issodisfatti f’din il-kawża, b’mod partikolari, peress li l-aċċess għal-linja ferrovjarja ma huwiex “indispensabbli” biex LDZ tkun tista’ tikkompeti ma’ LG fis-suq rilevanti. Fil-punti 90 sa 99 tas-sentenza appellata, madankollu, il-Qorti Ġenerali b’mod allegatament żbaljat iddeċidiet li din il-ġurisprudenza ma kinitx rilevanti f’dan il-każ. Meta għamlet dan, wettqet erba’ żbalji ta’ liġi.

50.      Fl-ewwel lok, kuntrarjament għal dak li osservat il-Qorti Ġenerali fil-punt 90 tas-sentenza appellata, ma teżisti, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ebda regola li l-kriterji msemmija fis-sentenza Bronner (iktar ’il quddiem il-“kriterji Bronner”) japplikaw biss jekk ikun hemm bżonn li jiġi protett inċentiv ta’ impriża f’sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti biex tinvesti fit-twettiq ta’ installazzjonijiet essenzjali. Il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs (3), iċċitati mill-Qorti Ġenerali, lanqas ma jippermettu li jitqies li tali regola teżisti.

51.      Fit-tieni lok, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 91 u 92 tas-sentenza appellata, ma teżisti ebda regola li l-kriterji Bronner ma humiex applikabbli meta l-qafas regolatorju fis-seħħ ikun diġà jimponi (ex ante) obbligu ta’ provvista. Fil-fatt, l-ewwel nett, in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dan it-test f’każ bħal dan ikun jimplika li d-dritt nazzjonali, jew id-dritt sekondarju tal-Unjoni, jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt primarju, li jkun inkompatibbli mas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni u mar-rekwiżit ta’ applikazzjoni koerenti tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni fit-territorju kollu tagħha. Imbagħad, il-kontroll ex post skont l-Artikolu 102 TFUE u l-leġiżlazzjoni ex ante jaqdu skopijiet differenti. Barra minn hekk, ikun kuntrarju għall-prinċipju ta’ ċertezza legali li l-impriżi fis-setturi regolati jiġu suġġetti għal kriterji legali differenti skont l-Artikolu 102 TFUE. Fl-aħħar nett, f’dan il-każ, fiż-żmien tat-tneħħija tal-linja ferrovjarja, LG ma kellha ebda obbligu li tagħti aċċess lil LDZ għal-linja ferrovjarja, peress li din tal-aħħar la kienet talbet u lanqas kisbet liċenzja biex topera fil-Litwanja. Din iċ-ċirkustanza tippermetti li ssir distinzjoni bejn il-kawża preżenti u dik li wasslet għas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni (T‑851/14, EU:T:2018:929), li biha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kriterji stabbiliti fis-sentenza Bronner ma kinux applikabbli fejn il-qafas regolatorju kien diġà jimponi obbligu ta’ provvista.

52.      Fit-tielet lok, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tal-qafas regolatorju ġenerali msemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punti 96 u 97 tas-sentenza appellata ma timponi fuq amministratur ta’ infrastruttura, bħal LG, obbligu legali assolut li jagħti aċċess f’kull parti tal-linja ferrovjarja tan-netwerk tagħha, b’mod partikolari meta jkunu disponibbli itinerarji alternattivi. Ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet lanqas ma timponi obbligu assolut ta’ restawr ta’ linja ferrovjarja dilapidata billi wieħed jirrikorri għal soluzzjoni li l-amministratur tal-infrastruttura jqis bħala ineffikaċi u ekonomikament irraġonevoli. Fil-fatt, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/14/KE (4), moqri fid-dawl tal-premessa 5 tagħha, jipprevedi biss aċċess ġust u mhux diskriminatorju għall-infrastrutturi ferrovjarji eżistenti u fis-servizz. Bl-istess mod, l-Artikolu 29(1) ta’ din id-direttiva sempliċement jistabbilixxi obbligu ġenerali li “l-amministratur ta’ l-infrastruttura għandu jieħu l-passi kollha neċessarji biex iraġġa’ lura s-sitwazzjoni normali” f’każ ta’ inċident tat-traffiku ferrovjarju.

53.      Fir-raba’ lok, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 91 u 93 tas-sentenza appellata, ebda regola tad-dritt ma tindika li l-kriterji Bronner ma humiex applikabbli meta l-pożizzjoni dominanti toriġina minn monopolju tal-Istat. Tali kunsiderazzjoni ma tistax tiġi dedotta mill-punt 23 tas-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, (C‑209/10, EU:C:2012:172), iċċitata mill-Qorti Ġenerali, li sempliċement tagħmel osservazzjoni ġenerali li l-fatt li tali pożizzjoni toriġina minn monopolju legali preċedenti għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. Il-kwistjoni, f’każ bħal ta’ din il-kawża, ma hijiex li jiġi ddeterminat jekk LG kinitx obbligata tipprovdi aċċess għal netwerk funzjonali mibni fil-passat b’fondi pubbliċi, iżda jekk kinitx obbligata, skont l-Artikolu 102 TFUE li tinvesti l-fondi proprji tagħha fit-tiswija u t-tibdil ta’ installazzjoni dilapidata sabiex id-dħul fis-suq ikun inqas diffiċli u iktar vantaġġuż għal kompetitur downstream partikolari. L-ibbilanċjar tal-interessi ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji jinsab fil-qalba tal-kriterji stabbiliti fis-sentenza Bronner. Fl-aħħar nett, din l-istess konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata b’riferiment għal limitu inqas strett iffissat mill-qrati tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li ma jinvolvux tali bilanċ ta’ interessi (5).

54.      Sabiex tiġi ffaċilitata l-analiżi ta’ dan l-aggravju (il-parti 3 iktar ’l isfel), jeħtieġ, l-ewwel nett, li s-sentenza Bronner titpoġġa fix-xenarju normattiv tal-Artikolu 102 TFUE (il-parti 1 iktar ’l isfel), u mbagħad titfakkar l-analiżi tal-Qorti Ġenerali li LG qiegħda tikkontesta (il-parti 2 iktar ’l isfel).

1.      Issentenza Bronner fixxenarju normattiv talArtikolu 102 TFUE

55.      Preliminarjament, infakkar li l-Artikolu 102 TFUE jiddikjara inkompatibbli mas-suq intern u jipprojbixxi, sa fejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi affettwat, il-fatt għal impriża waħda jew iktar li joperaw b’mod abbużiv pożizzjoni dominanti fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu. Hija għalhekk l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti li għandha responsabbiltà partikolari li ma tagħmilx ħsara, bl-aġir tagħha, lill-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern (6).

56.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “operat abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti”, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, huwa bbażat fuq evalwazzjoni oġġettiva tal-aġir inkwistjoni. Dan il-kunċett jirreferi għall-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li, f’suq fejn, preċiżament bħala riżultat tal-preżenza tal-impriża inkwistjoni, il-grad ta’ kompetizzjoni jkun diġà mdgħajjef, ikollu l-effett li jfixkel, permezz tal-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali ta’ prodotti jew ta’ servizzi fuq il-bażi tal-prestazzjonijiet ta’ operaturi ekonomiċi, iż-żamma tal-grad ta’ kompetizzjoni li għadu jeżisti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni(7).

57.      Għalhekk, fir-rigward tal-prattiki ta’ esklużjoni, kategorija li jaqa’ fiha l-aġir inkwistjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-natura abbużiva ta’ tali prattiki tippreżupponi, b’mod partikolari, li din għandha l-kapaċità li tirrestrinġi l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, biex tipproduċi l-effetti ta’ esklużjoni li dwarhom sar l-ilment, billi din l-evalwazzjoni għandha ssir fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha madwar l-aġir imsemmi (8).

58.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kjarifiki ġenerali li l-ġurisprudenza dwar l-infrastrutturi deskritti bħala “faċilitajiet essenzjali” (essential facilities), għandha tiġi analizzata fis-sens li huma essenzjali għat-twettiq ta’ attività f’suq, sa fejn ma hemmx sostitut reali jew potenzjali, u b’tali mod li r-rifjut ta’ aċċess għal dawn jista’ jwassal għall-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni kollha (9). Din il-ġurisprudenza tikkonċerna essenzjalment iċ-ċirkustanzi li fihom “rifjut ta’ provvista” (10) minn impriża f’pożizzjoni dominanti lill-kompetituri jista’ jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Din il-ġurisprudenza li għandha l-oriġini tagħha fid-duttrina tal-“faċilitajiet essenzjali” (11) tirrigwarda sitwazzjonijiet li fihom l-eżerċizzju ħieles ta’ dritt esklużiv jista’ jiġi limitat fl-interess ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq intern (12).

59.      L-ewwel nett, nenfasizza li l-qorti tal-Unjoni tradizzjonalment qieset li tali rifjut ta’ provvista ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti (13). Fil-fatt, huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li tali rifjut, permezz tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ proprjetà, jista’ jagħti lok għal tali abbuż. Jekk l-ewwel sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ppermettew li tiġi deskritta n-natura eċċezzjonali tal-obbligu tal-provvista (14), is-sentenza Bronner ikkonsolidat il-kriterji rilevanti f’dan il-qasam.

60.      Bħala tfakkira, is-sentenza Bronner kienet tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk kienx jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti l-fatt għal impriża tal-istampa, li kellha sehem kbir ħafna mis-suq tal-gazzetti ta’ kuljum fi Stat Membru u li kienet topera l-unika sistema ta’ kunsinna fid-djar ta’ gazzetti fil-livell nazzjonali eżistenti f’dak l-Istat Membru, li tirrifjuta l-aċċess għall-imsemmija sistema, b’remunerazzjoni xierqa, lill-editur ta’ gazzetta ta’ kuljum kompetitriċi li, minħabba ċ-ċirkolazzjoni baxxa tagħha, ma kinitx kapaċi toħloq u topera, taħt kundizzjonijiet ekonomikament raġonevoli, waħdu jew f’kollaborazzjoni ma’ edituri oħra, sistema tagħha stess ta’ kunsinna fid-djar.

61.      B’risposta għal din id-domanda, filwaqt li inspirat ruħha mill-ġurisprudenza preċedenti tagħha (15), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 41 tas-sentenza Bronner, li, sabiex ir-rifjut minn impriża f’pożizzjoni dominanti li tagħti aċċess għal servizz ikun jista’ jikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-[Artikolu 102 TFUE], kien meħtieġ, i) li dan ir-rifjut ikun tali li jelimina l-kompetizzjoni kollha fis-suq min-naħa tal-applikant għas-servizz, (ii) li dan ir-rifjut ma jistax jiġi ġġustifikat oġġettivament u, iii) li s-servizz innifsu huwa indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività tal-applikant fis-sens li fir-rigward ta’ dan tal-aħħar ma kien hemm ebda sostitut reali jew potenzjali għall-imsemmija sistema ta’ kunsinna fid-djar (kriterji Bronner).

62.      Fir-rigward b’mod partikolari tal-kriterju ta’ indispensabbiltà, mill-punti 43 u 44 tas-sentenza Bronner jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk prodott jew servizz huwiex essenzjali biex impriża kompetitriċi tkun tista’ teżerċita l-attività tagħha f’suq partikolari, għandu jiġi ddeterminat jekk hemmx prodotti jew servizzi li jikkostitwixxu soluzzjonijiet alternattivi, anki jekk huma inqas vantaġġużi, u jekk hemmx ostakli tekniċi, regolatorji jew ekonomiċi li jagħmluha impossibbli, jew għall-inqas diffiċli b’mod mhux raġonevoli għal kwalunkwe impriża konkorrenti li tkun trid topera fis-suq imsemmi biex jinħolqu, possibbilment b’kollaborazzjoni ma’ operaturi oħra, prodotti jew servizzi alternattivi. Skont il-punt 46 ta’ din is-sentenza, sabiex tkun tista’ tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ ostakoli ta’ natura ekonomika, għandu mill-inqas jiġi stabbilit li l-ħolqien ta’ dawn il-prodotti jew servizzi ma jkunux ekonomikament vijabbli għal produzzjoni fuq skala komparabbli ma’ dik tal-impriża li tikkontrolla l-prodott jew is-servizz eżistenti.

63.      Kif essenzjalment jispjega l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Bronner (16), l-għażla tal-kriterju ta’ indispensabbiltà, kif ukoll dak relatat mar-riskju li tiġi eliminata kull kompetizzjoni, tikkorrispondi ma’ żewġ għanijiet.

64.      Minn naħa, minn aspett ġuridiku, l-impożizzjoni ta’ tali kriterji impenjattivi, mill-aspett tal-evidenza, għandha l-għan li tipproteġi d-dritt ta’ impriża li tagħżel l-imsieħba kuntrattwali tagħha u li tiddisponi liberament mill-proprjetà tagħha, prinċipji sanċiti universalment fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri, u li xi drabi jkollhom karattru kostituzzjonali. Fil-fatt, kull analiżi ta’ rifjut ta’ provvista għandha tibda mill-prinċipju li impriża, sew jekk dominanti jew le, għandu jkollha d-dritt li tikkuntratta u tiddisponi liberament mill-assi tagħha. Għalhekk, kull intervent, skont l-Artikolu 102 TFUE, li jikkonsisti fl-impożizzjoni fuq impriża dominanti ta’ obbligu ta’ provvista (totali jew parzjali) lill-kompetituri tagħha b’mod ċar jista’ jikser dan id-dritt u għandu jiġi mkejjel u ġġustifikat bir-reqqa (17). Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Slovak Telekom, “il-konstatazzjoni li impriża dominanti abbużat mill-pożizzjoni tagħha minħabba rifjut li tikkuntratta ma’ kompetitur għandha l-konsegwenza li din l-impriża hija sfurzata li tikkuntratta ma’ dan il-kompetitur. Issa, tali obbligu huwa partikolarment ta’ preġudizzju għal-libertà li jiġi konkluż kuntratt u għad-dritt ta’ proprjetà tal-impriża dominanti peress li impriża tal-istess dominanti, bħala prinċipju, tibqa’ libera li tirrifjuta li tikkuntratta u li topera l-infrastruttura li hija żviluppat għall-bżonnijiet tagħha stess” (18). Minn dan isegwi li kull approċċ li jikkonsisti f’interpretazzjoni u applikazzjoni stretta ta’ din is-sentenza, fil-fehma tiegħi, jinjora dan l-għan sottostanti (19).

65.      Min-naħa l-oħra, mil-lat ekonomiku, il-kriterji Bronner għandhom l-għan li jiffavorixxu, fit-tul, il-kompetizzjoni, fl-interess tal-konsumaturi, billi jippermettu lil kumpannija li tirriżerva għall-użu tagħha stess l-installazzjonijiet li hija tkun żviluppat. L-għan tal-kriterji Bronner huwa għalhekk li jiġi żgurat li l-obbligu impost fuq impriża f’pożizzjoni dominanti li tipprovdi aċċess għall-infrastruttura tagħha fl-aħħar mill-aħħar ma jfixkilx il-kompetizzjoni billi jnaqqas, għal din l-impriża, l-inċentiv inizjali biex tibni tali infrastruttura. Fil-fatt, impriża dominanti tkun inqas imħeġġa biex tinvesti fl-infrastrutturi jekk il-kompetituri tagħha jkunu jistgħu, wara talba, jaqsmu l-benefiċċji. F’dan ir-rigward, wieħed ma għandux jinsa li l-għan primarju tal-Artikolu 102 TFUE huwa li jipprevjeni d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ‐ u, b’mod partikolari, li jissalvagwardja l-interessi tal-konsumaturi ‐ iktar milli li jipproteġi l-pożizzjoni tal-kompetituri (20). L-obbligu ta’ provvista bis-saħħa tal-Artikolu 102 TFUE jista’ għalhekk jiġi invokat biss meta r-rifjut ta’ provvista jkun tali li jagħmel ħsara suffiċjentement gravi lill-kompetizzjoni u, iktar speċifikament, lill-interessi tal-konsumaturi. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament irrikonoxxiet li, mill-perspettiva tal-kompetizzjoni, għalkemm il-kundanna ta’ impriża talli abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha minħabba rifjut li tikkuntratta ma’ kompetitur għandha l-konsegwenza, fuq medda qasira ta’ żmien, li tippromwovi l-kompetizzjoni, min-naħa l-oħra, fit-tul, tkun ġeneralment favorevoli għall-iżvilupp tal-kompetizzjoni u fl-interessi tal-konsumaturi li impriża titħalla tirriżerva għall-użu tagħha stess l-installazzjonijiet li hija tkun żviluppat għall-bżonnijiet tal-attività tagħha. L-eżistenza ta’ tali obbligu ta’ provvista lill-kompetituri tista’ hi stess tiskoraġġixxi lill-impriżi milli jinvestu u jinnovaw u, għalhekk, tagħmel ħsara lill-konsumaturi. B’mod iktar preċiż, il-fatt li jkunu jafu li obbligu ta’ provvista jista’ jiġi impost fuqhom kontra r-rieda tagħhom x’aktarx iwassal lill-impriżi (dominanti jew li jkunu qed jistennew li jsiru hekk) biex ma jinvestux jew jinvestu inqas fl-attività inkwistjoni. Bl-istess mod, il-kompetituri jistgħu jitħajru li japprofittaw faċilment u b’xejn (free-riding) mill-investimenti magħmula mill-impriża dominanti minflok jinvestu huma stess. L-ebda waħda minn dawn il-konsegwenzi ma tkun, fit-tul, fl-interess tal-konsumaturi. Għalhekk, meta impriża dominanti tirrifjuta li tagħti aċċess għal infrastruttura li hija tkun żviluppat għall-bżonnijiet tal-attività tagħha stess, id-deċiżjoni li tobbliga lil din l-impriża tagħti dan l-aċċess ma tistax tkun iġġustifikata, mill-aspett politiku tal-kompetizzjoni, ħlief meta l-impriża dominanti jkollha dominanza reali fis-suq kkonċernat (21).

66.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti ta’ LG li tilmenta li l-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ġustament astjeniet milli tevalwa jekk l-aġir ikkontestat kienx jissodisfa l-kriterji Bronner.

2.      Lanaliżi talQorti Ġenerali

67.      Infakkar li l-argument li l-Kummissjoni kellha tapplika l-kriterji Bronner fid-deċiżjoni kontenzjuża tressaq ukoll fl-ewwel istanza (22). F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li mingħajr ma wettqet żball il-Kummissjoni naqset milli tevalwa jekk l-aġir kontenzjuż kienx jissodisfa l-kriterji Bronner u li kien suffiċjenti, bla ħsara għal eventwali ġustifikazzjoni oġġettiva, li jintwera li kien aġir ta’ natura li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, li jikkostitwixxi ostakolu għad-dħul fis-suq (23).

68.      Il-Qorti Ġenerali mmotivat din il-konklużjoni fuq il-bażi tar-raġunament li ġej. L-ewwel nett, hija fakkret, essenzjalment, li l-għan imfittex mill-kriterji Bronner huwa li jiġi żgurat li l-obbligu impost fuq impriża f’sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti li tipprovdi aċċess għall-infrastruttura tagħha ma jostakolax, b’mod definittiv, il-kompetizzjoni billi naqqas, għal din l-impriża, l-inċentiv inizjali li tibni tali infrastruttura (24). Madankollu, skont il-Qorti Ġenerali, tali rekwiżit għall-protezzjoni tal-inċentiv tal-impriża dominanti sabiex tinvesti fil-kostruzzjoni ta’ faċilità essenzjali ma jkunx jeżisti meta l-qafas regolatorju applikabbli jkun impona diġà obbligu ta’ provvista lill-impriża f’sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti jew meta l-pożizzjoni dominanti li l-impriża tkun kisbet fis-suq tirriżulta minn monopolju tal-Istat preċedenti (25). Issa, dan il-każ hawnhekk.

69.      B’mod iktar speċifiku, minn naħa, il-kriterji Bronner japplikaw biss fin-nuqqas ta’ kwalunkwe obbligu legali li jiġi pprovdut aċċess għal servizz jew prodott, sa fejn tali obbligu jeżisti, il-bilanċ meħtieġ ta’ inċentivi ekonomiċi jkun diġà nkiseb mill-leġiżlatur fiż-żmien li ġie impost tali obbligu. Issa, f’dan il-każ, fil-kwalità tagħha ta’ amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji Litwani, LG hija responsabbli, kemm taħt id-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-dritt nazzjonali, b’mod partikolari li tagħti aċċess għall-infrastrutturi ferrovjarji pubbliċi (26).

70.      Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit ta’ protezzjoni tal-inċentiv għall-investiment ma jeżistix meta, bħal f’dan il-każ, il-pożizzjoni dominanti toriġina minn monopolju legali u l-impriża ma tkunx investiet fit-twettiq tal-infrastruttura, fejn din tal-aħħar tkun inbniet u ġiet żviluppata permezz ta’ fondi pubbliċi (27).

3.      Fuq il-fondatezza tal-ewwel aggravju

71.      Fl-ewwel lok, sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-analiżi tal-Qorti Ġenerali, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-premessa li fuqha huwa bbażat l-argument kollu ta’ LG, jiġifieri li din il-kawża tirriżulta fil-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 102 TFUE imponiex fuq LG obbligu legali li jingħata aċċess lil LDZ għall-ferrovija (28). Fi kliem ieħor, għandu jiġi deċiż jekk il-konfigurazzjoni fattwali preżenti tirrigwardax każ fejn l-aġir inkwistjoni jikkostitwixxi “rifjut ta’ aċċess”, b’tali mod li l-kriterji Bronner għandhom jiġu applikati.

72.      F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti Ġenerali kkonfermat il-klassifikazzjoni tal-aġir ikkontestat mid-deċiżjoni kontenzjuża (ara l-punt 84 tas-sentenza appellata) u qieset li dan l-aġir kien jikkonsisti fit-tneħħija tal-linja ferrovjarja bħala tali, irrispettivament mis-sospensjoni tat-traffiku fuq din il-linja fit‑2 ta’ Settembru 2008 u n-nuqqas ta’ tiswijiet tagħha. Meta għamlet dan, il-Qorti Ġenerali impliċitament ittrattat it-tneħħija tal-linja ferrovjarja bħala forma awtonoma u differenti ta’ abbuż, u mhux bħala “rifjut ta’ aċċess” (29). Minn din il-perspettiva, hija ġustament tfakkar, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, li l-lista ta’ prattiki abbużivi li tidher fl-Artikolu 102 TFUE ma hijiex restrittiva b’tali mod li l-elenkar tal-prattiki abbużivi li jinsabu f’din id-dispożizzjoni ma jeżawrixxux il-modi ta’ operat abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti ipprojbiti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea.

73.      Din il-karatterizzazzjoni tal-aġir inkwistjoni jidhirli li hija korretta. Fil-fatt, minn naħa waħda, LDZ, il-kompetitur potenzjali ta’ LG fis-suq rilevanti, teknikament, setgħet, anki wara t-tneħħija tal-linja ferrovjarja, taċċedi għan-netwerk ferrovjarju Litwan minn rotot oħra. Min-naħa l-oħra, mill-fatti li wasslu għall-kawża jirriżulta li LG bl-ebda mod ma rrifjutat l-aċċess għal servizzi ta’ provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ prodotti petroliferi għas-suq ġeografiku inkwistjoni (30).

74.      Issa, fin-nuqqas ta’ rifjut espliċitu ta’ aċċess, tqum il-mistoqsija dwar jekk dan l-aġir jippreżentax problema komuni għal dik ta’ kawżi ta’ “rifjut ta’ aċċess” fejn bit-tneħħija tal-linja ferrovjarja, kwalunkwe trasport bil-ferrovija mir-raffinerija sa terminal marittimu Latvjan kellu jieħu itinerarju ferm itwal fit-territorju tal-Litwanja u b’hekk jesponi lil LDZ għal tali riskji kummerċjali li kien inqas probabbli li tieħu. Minn dan il-lat, l-aġir inkwistjoni jista’ jiġi pperċepit bħala rifjut impliċitu ta’ provvista ta’ aċċess (constructive refusal to supply), jiġifieri aġir li jwassal de facto għall-istess riżultat ta’ rifjut ta’ aċċess (espliċitu).

75.      Jekk l-aġir inkwistjoni jippreżenta problema komuni għal dik ta’ kawżi ta’ “rifjut ta’ aċċess”, b’mod partikolari minħabba li jista’ jkollu l-istess effetti ta’ esklużjoni, għandu jiġi vverifikat jekk l-elementi li jikkostitwixxu r-rifjut fis-sens intiż mis-sentenza Bronner humiex ukoll preżenti, b’tali mod li dan l-aġir ikollu jiġi analizzat mill-angolu ta’ din is-sentenza. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi evalwat jekk tali aġir, li ma jikkostitwixxix, teknikament, “rifjut ta’ aċċess”, għandux madankollu jissodisfa l-kundizzjonijiet tas-sentenza Bronner sabiex jiġi kklassifikat bħala abbużiv, jew jekk, għal din il-klassifikazzjoni, huwiex biżżejjed, kif sostniet il-Qorti Ġenerali fil-punt 98 tas-sentenza appellata, li l-aġir inkwistjoni seta’ jkollu effetti antikompetittivi.

76.      F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi osservat li kwalunkwe problema ta’ aċċess, parzjali jew totali, ma timplikax neċessarjament l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Bronner, relatati mar-rifjut ta’ aċċess. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Slovak Telekom, li meta impriża dominanti tipprovdi aċċess għall-infrastruttura tagħha iżda tissuġġetta dan l-aċċess għall-provvista ta’ servizzi jew għall-bejgħ ta’ prodotti għal kundizzjonijiet inġusti, il-kriterji Bronner ma japplikawx. Ċertament, meta l-aċċess għal tali infrastruttura jkun essenzjali biex il-kompetituri tal-impriża dominanti jkunu jistgħu joperaw bi profitt f’suq downstream, huwa iktar u iktar probabbli li prattiki inġusti f’dan is-suq ikollhom effetti antikompetittivi, tal-inqas potenzjali, u jikkostitwixxu abbuż, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. Madankollu, fil-każ ta’ prattiki oħra għajr rifjut ta’ aċċess, in-nuqqas ta’ tali indispensabbiltà ma hijiex determinanti fiha nnifisha għall-finijiet tal-eżami ta’ aġir potenzjalment abbużiv min-naħa ta’ impriża dominanti (31). Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, mis-sentenza Bronner ma jistax jiġi dedott li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rifjut inġust ta’ provvista għandhom neċessarjament japplikaw fil-qafas tal-evalwazzjoni tan-natura abbużiva ta’ aġir li jikkonsisti fl-issuġġettar ta’ provvista ta’ servizzi jew il-bejgħ ta’ prodotti għal kundizzjonijiet żvantaġġużi jew li x-xerrej jista’ ma jkunx interessat, b’dan l-aġir, fih innifsu, jikkostitwixxi forma awtonoma ta’ abbuż, differenti mir-rifjut ta’ provvista (32).

77.      Dan huwa preċiżament il-każ inkwistjoni.

78.      Fl-ewwel lok, fuq il-bażi tad-deskrizzjoni tal-aġir inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-iżmantellament tal-linja ferrovjarja ikkostitwixxa qerda indipendenti ta’ infrastrutturi, li pprekluda l-użu mhux biss mill-kompetituri, bħal LDZ, iżda wkoll lil LG nnifisha. Għalhekk, dan il-każ huwa b’mod ċar differenti minn każijiet ta’ rifjut ta’ aċċess, fejn l-impriża dominanti ma ssofri l-ebda telf infrastrutturali. Għall-kuntrarju, jidher, hekk kif jirriżulta mill-proċess tal-kawża, li dan l-aġir ma jissodisfa ebda ġustifikazzjoni ħlief dik li ssir ħsara lill-kompetituri. Għaldaqstant, dan l-aġir ma jaqax taħt il-kompetizzjoni fir-rigward tal-merti u, fil-fehma tiegħi, jixbah l-eżempji magħrufa fid-duttrina tad-dritt tal-kompetizzjoni bħala “restrizzjonijiet mhux moħbija” (“naked restrictions”) (33).

79.      Fit-tieni lok, kif tirrileva ġustament Orlen, il-karatteristika essenzjali tal-aġir inkwistjoni hija li jsegwi l-loġika ta’ “predazzjoni”. Fil-fatt, bħal fil-kuntest tal-ipprezzar predatorju, LG għażlet li teqred, u għalhekk li tissagrifika assi ta’ valur, il-linja ferrovjarja, u b’hekk tipprekludi lilha nnifisha milli tużaha u billi għamlet mod li ma tkunx tista’ toperaha u tiġġenera dħul, filwaqt li ma tħallix lil kompetituri terzi jużawha ukoll. Issa, bħal fir-rigward ta’ prezzijiet predatorji (34), l-unika spjegazzjoni razzjonali għall-azzjoni ta’ LG kienet il-benefiċċju monopolistiku li din l-impriża kienet se tikseb mill-esklużjoni ta’ LDZ mis-suq. Minn dan isegwi li din il-kawża ma ssegwix l-istess loġika bħall-kawżi ta’ rifjut ta’ aċċess. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-effetti antikompetittivi tal-esklużjoni tal-kompetituri jimmanifestaw ruħhom fuq il-bażi ta’ loġika ta’ telf għal żmien qasir sabiex jinkiseb profitt fuq terminu medju jew twil, filwaqt li l-kawżi ta’ rifjut ta’ aċċess neċessarjament ikunu kkaratterizzati minn loġika ta’ profitt immedjat.

80.      Fit-tielet lok, nikkonstata li l-kriterji Bronner japplikaw, kif ġie kkonfermat reċentement fil-punt 47 tas-sentenza Slovak Telekom, sa fejn “ġeneralment tiffavorixxi l-iżvilupp tal-kompetizzjoni u fl-interess tal-konsumaturi li kumpannija tkun tista’ tirriżerva għall-użu tagħha l-installazzjonijiet li hija żviluppat għall-bżonnijiet tal-attività tagħha” (35). Minn dan isegwi li l-loġika stess tal-kriterji Bronner hija bbażata fuq il-manutenzjoni ta’ infrastruttura. Issa, f’dan il-każ, il-qerda volontarja ta’ infrastruttura mingħajr ma tiġi ssostitwita, min-natura tagħha, ma tistax tikkorrispondi mal-loġika inerenti għall-imsemmija kriterji, peress li LG ma tieħu ebda benefiċċju mill-investiment li kienet tagħmel fl-infrastrutturi tagħha stess.

81.      Fir-raba lok, nikkonstata wkoll li, f’dan il-każ, ma kienx meħtieġ li LG ttemm l-abbuż inkwistjoni, li tittrasferixxi element mill-assi jew li tidħol f’kuntratti ma’ persuni li ma għażlitx. Fil-fatt, infakkar li l-Kummissjoni, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, imponiet multa fuq LG u ordnatilha twaqqaf il-ksur. Madankollu, ma obbligatx lil LG tagħti aċċess lil LDZ għas-suq inkwistjoni (36). Għalhekk, il-konstatazzjoni tal-abbuż ma tirriżultax fil-konsegwenza li din l-impriża tiġi mġiegħla tagħmel kuntratt ma’ dan il-kompetitur, li jkun, fis-sens tas-sentenza Slovak Telekom, “partikolarment ta’ preġudizzju għal-libertà li jiġi konkluż kuntratt u għad-dritt ta’ proprjetà” (37).

82.      Minn dan isegwi li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja, minkejja l-fatt li tqajjem problema komuni ta’ rifjut li jkollha effett ta’ esklużjoni komparabbli, ma tistax tiġi analizzata bl-applikazzjoni tal-kriterji Bronner.

83.      Għaldaqstant, peress li l-ewwel aggravju huwa esklużivament ibbażat fuq premessa żbaljata fil-liġi, jiġifieri li l-aġir inkwistjoni jikkostitwixxi “rifjut ta’ provvista” fis-sens tas-sentenza Bronner, nipproponi li jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr ma jkun hemm bżonn analiżi tal-ilmenti kollha ta’ LG, li huma għaldaqstant ineffettivi.

84.      Fit-tieni lok, u b’mod superfluwu, nosserva li l-fatt li l-kriterji Bronner ma japplikawx huwa ġġustifikat f’dan il-każ ukoll fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minnu.

85.      Minn naħa, mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-dritt għall-propjetà tal-impriża dominanti, mill-kliem stess tas-sentenza Bronner u mill-ġurisprudenza sussegwenti, jirriżulta li l-kriterji li joħorġu minn din is-sentenza japplikaw għall-infrastrutturi li l-impriża f’pożizzjoni dominanti tkun il-proprjetarja tagħhom u li bħala prinċipju, jirriflettu l-investiment tagħha stess (38). Issa, f’dan il-każ, hekk kif tirrileva l-Qorti Ġenerali fil-punti 94 u 95 tas-sentenza appellata, huwa stabbilit, minn naħa, li l-infrastruttura kkonċernata ma hijiex faċilità li LG hija l-propjetarja tagħha (peress li din ma tgawdix minn eżerċizzju liberu ta’ dritt esklużiv ta’ propjetà u hija biss l-operatriċi tal-infrastrutturi ferrovjarji pubbliċi proprjetà tal-Istat Litwan) u min-naħa l-oħra, li LG ma investietx fin-netwerk ferrovjarju Litwan, sa fejn ġie mibni u żviluppat bis-saħħa ta’ fondi pubbliċi. Għaldaqstant, ma jeżistux raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti probatorji ogħla intiżi li jipproteġu d-dritt għall-proprjetà bħal dawk imposti mill-kriterji Bronner. Bl-istess mod, ebda preġudizzju għal-libertà li jiġi konkluż kuntratt ma huwa plawżibbli peress li LG taġixxi bħala operatur tal-infrastrutturi ferrovjarji b’tali mod li għandha, fost oħrajn, obbligi li tagħti l-aċċess għall-infrastrutturi ferrovjarji pubbliċi.

86.      Min-naħa l-oħra, mill-perspettiva ekonomika, hekk kif essenzjalment tindika b’mod ġust il-Qorti Ġenerali, fil-punt 91 u 92 tas-sentenza appellata, il-protezzjoni tal-inċentiv tal-impriża dominanti sabiex tinvesti fil-bini ta’ infrastrutturi essenzjali tkun ferm affettwata meta l-qafas regolatorju applikabbli jkun jimponi diġà obbligu ta’ provvista. B’mod iktar preċiż, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tippreżumi li jinżamm l-inċentiv għal impriża f’pożizzjoni dominanti li tinvesti fil-ħolqien ta’ prodotti u ta’ servizzi (39). F’dan is-sens, il-qafas regolatorju fis-seħħ ma jistax jillimita l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE (40) u jikkostitwixxi fattur rilevanti sabiex tiġi evalwata in-natura abbużiva tal-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti peress li jikkontribwixxi għad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni li fihom hija topera (41). Indipendentement mill-għanijiet li jridu jintlaħqu, il-kontrolli ex post abbażi tad-dritt tal-kompetizzjoni jikkompletaw il-qafas regolatorju ex ante (42).

87.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li ma ġewx kollha riflessi fis-sentenza espressament fis-sentenza appellata, inqis li huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 90 sa 99 tas-sentenza appellata, li l-kriterji Bronner ma kinux applikabbli f’dan il-każ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

C.      Fuq it-tieni aggravju

88.      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, LG ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat it-tneħħija tal-linja ferrovjarja bħala “prattika abbużiva” fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. B’mod iktar speċifiku, fil-punti 168, 170, 177, 197, 204 u 231 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali approvat il-konklużjoni tal-Kummissjoni li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja kienet abbużiva “biss” fuq żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri fuq iċ-ċirkustanza li din it-tneħħija saret “bl-għaġla kollha” (43) u mingħajr “[LG] ma kisbet il-fondi neċessarji minn qabel (44). Issa, l-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ elementi ma jippermetti tali klassifikazzjoni, speċjalment peress li, kif ammettiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 168 ta’ din is-sentenza, it-tneħħija tal-linja ferrovjarja kienet “l-unika għażla rilevanti u ekonomikament raġonevoli”.

1.      Fuq in-natura effettiva tat-tieni aggravju

89.      Sa fejn Orlen teċċepixxi li dan l-aggravju huwa ineffettiv, infakkar li n-natura effettiva ta’ aggravju tirreferi għall-kapaċità tiegħu, fil-każ li jkun fondat, li jwassal għall-konklużjoni li trid ir-rikorrenti b’dan l-aggravju (45).

90.      F’dan il-każ, permezz tat-tieni aggravju tagħha, LG tikkontesta l-klassifikazzjoni tat-tneħħija tal-linja ferrovjarja bħala prattika ta’ “abbuż” fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, billi tqiegħed inkwistjoni żewġ elementi li fuqhom il-Kummissjoni, u, imbagħad, il-Qorti Ġenerali, ibbażaw ruħhom esklużivament.

91.      Issa, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 42 u 194 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, qieset li, billi neħħiet il-linja ferrovjarja fl-intier tagħha, LG kienet użat metodi differenti minn dawk li jirregolaw il-kompetizzjoni normali. Din il-konklużjoni saret fuq il-bażi ta’ sett ta’ ċirkustanzi ġuridiċi u fattwali (dawn iċ-ċirkustanzi huma miġbura f’ħames kategoriji u jidhru fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet) (46).

92.      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni LG, in-natura allegatament abbużiva tal-aġir ma tirriżultax “biss minn żewġ elementi kumulattivi identifikati mill-Qorti Ġenerali, jiġifieri tneħħija imwettaq ‘bil-għaġla’ u ‘mingħajr ma kisbet il-fondi neċessarji minn qabel’”. Fil-fatt, dawn l-elementi jikkostitwixxu biss parti minn ġabra ta’ ċirkustanzi fattwali li għalihom il-Kummissjoni u, sussegwentement, il-Qorti Ġenerali, jirreferu biex jikklassifikaw l-aġir inkwistjoni bħala abbużiv. Din il-prattika hija effettivament konsistenti mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn l-evalwazzjoni tan-natura abbużiva tal-aġir għandha ssir fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha (47).

93.      Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk it-tieni aggravju jistax jiġi kkunsidrat effettiv, sa fejn LG tikkontesta biss parti miċ-ċirkustanzi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-klassifikazzjoni tal-aġir bħala abbużiv.

94.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 168, 170, 204 u 231 tas-sentenza appellata, li huma s-suġġett ta’ dan l-aggravju, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha biex tiċħad il-kontestazzjonijiet ta’ LG fir-rigward ta’ ċerti evalwazzjonijiet fattwali li ma humiex parti mir-raġunament applikat fid-deċiżjoni kontenzjuża (48). Issa, minn din il-konstatazzjoni biss ma jistax jiġi dedott li dan l-aggravju ma jistax jinvalida l-konklużjoni li l-aġir inkwistjoni kien abbużiv.

95.      Fil-fatt, sa fejn dawn iż-żewġ elementi jagħmlu parti minn sett ta’ elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni (fil-premessi 184 sa 193 tad-deċiżjoni kontenzjuża) u kkonfermati mill-Qorti Ġenerali (fil-punti 164 sa 177 tas-sentenza appellata), u peress li ma hemm l-ebda ponderazzjoni jew ġerarkija bejn l-importanza attribwita lil kull wieħed minn dawn l-elementi, nikkunsidra li wieħed ma jistax jikkonkludi b’ċertezza u qabel kollox li, kieku t-tneħħija tal-linja ferrovjarja ma kinitx saret b’għaġla jew saret wara li LG kisbet il-fondi meħtieġa, il-Kummissjoni xorta kienet tikklassifika l-aġir bħala abbużiv.

96.      Għaldaqstant, nikkunsidra li dan l-aggravju għandu jitqies bħala effettiv.

2.      Fuq in-natura ammissibbli u l-fondatezza tat-tieni aggravju

97.      Il-Kummissjoni u Orlen jsostnu, essenzjalment, li, sa fejn it-tieni aggravju huwa intiż biex jikkontesta evalwazzjonijiet tal-fatti, mingħajr ma juri żball ta’ liġi, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

98.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biss sabiex teżerċita, bis-saħħa tal-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom u l-konsegwenzi fid-dritt li jinstiltu minnhom. L-evalwazzjoni tal-fatti għalhekk ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali (49).

99.      Fil-kuntest tat-tieni aggravju, LG ma tallegax żnaturament tal-provi eżaminati mill-Qorti Ġenerali li juru li l-linja ferrovjarja tneħħiet “bil-għaġla” jew “mingħajr ma kisbet il-fondi neċessarji minn qabel” u ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina mill-ġdid il-valur probatorju ta’ dawn il-provi. Hija sempliċement issostni li l-Qorti Ġenerali qieset bi żball li l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq dawn iż-żewġ elementi sabiex tikkonkludi li kien hemm prattika abbużiva. B’hekk, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jidher li LG mhux qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti, iżda tivverifika l-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom. Madankollu, analiżi iktar mill-qrib tal-argumenti ta’ LG turi li, fir-realtà, hija trid tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġdida tal-fatti kif ikkonstatati mill-Qorti Ġenerali (50).

100. Fil-fatt, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argumenti ta’ LG dwar l-għaġla tagħha fid-deċiżjoni tagħha biex tneħħi l-linja ferrovjarja, minn naħa, kuntrarjament għal dak li ssostni, il-Qorti Ġenerali ma “rrikonoxxietx”, sal-punt 168 tas-sentenza appellata, li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja kienet “l-unika għażla rilevanti u ekonomikament raġonevoli”. Fil-punt 168, il-Qorti Ġenerali sempliċement qajmet argument ipotetiku – li jirriżulta b’mod evidenti mill-frażi introduttorja “anki jekk jitqies, kif tallega r-rikorrenti, li l-għażla 2 kienet l-unika għażla rilevanti u ekonomikament raġonevoli” (51)– biex tikkonferma li, anki taħt l-għażla 2, ma kienx ikun hemm bżonn li l-linja tal-ferrovija tiġi żmantellata minħabba tħassib dwar is-sikurezza tat-traffiku ferrovjarju (52). Għalhekk, jidhirli li LG qed tfittex li evalwazzjoni fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali tiġi kklassifikata mill-ġdid, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja kienet l-unika għażla rilevanti u ekonomikament raġonevoli.

101. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni LG, ma jirriżultax mis-sentenza appellata li “jista’ għalhekk jitqies bħala stabbilit, għall-finijiet ta’ dan l-appell, li LG kellha llum jew għada tneħħi l-linja ferrovjarja kollha”. Fil-fatt, din l-affermazzjoni, li fuqha huwa bbażat l-argument ta’ LG, hija kkontradetta mill-evalwazzjonijiet fattwali magħmula fil-punti 164 sa 166 tas-sentenza appellata (53). Għalhekk ma jistax jiġi stabbilit, kif tallega LG, li l-abbuż li hija akkużata bih “għalhekk pjuttost ikun fiż-żmien meta l-kumpannija neħħiet il-linja [ferrovjarja]”. Dan l-argument għalhekk jimmira, impliċitament, għal klassifikazzjoni mill-ġdid tal-fatti, sabiex ikun jista’ jikkontesta l-klassifikazzjoni legali.

102. Fit-tieni lok, fir-rigward tan-nuqqas ta’ akkwist ta’ fondi, jidhirli li l-affermazzjoni ta’ LG li hija “stenniet li tirċievi dawn il-fondi għar-rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja”, u li fuqha jistrieħ it-tieni argument tagħha, hija kkontradetta b’mod ċar mill-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, fil-punti 151, 173, 175, 176, 177 u 181 tas-sentenza appellata. Għalhekk, sa fejn LG ma tallegax l-iżnaturament tal-fatti, dawn l-evalwazzjonijiet għandhom jitqiesu bħala definittivament stabbiliti għall-finijiet ta’ dan l-appell.

103. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, nipproponi li t-tieni aggravju jiġi miċħud bħala inammissibbli, jew għall-inqas bħala manifestament infondat.

D.      Fuq ittielet aggravju

104. Permezz tat-tielet aggravju tagħha, LG tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat it-tneħħija tal-linja ferrovjarja bħala prattika li jista’ jkollha, sa mit-3 ta’ Ottubru 2008, effetti antikompetitivi filwaqt li t-traffiku ferrovjarju fuq din il-linja kien sospiż mit-2 ta’ Settembru 2008. Dan l-aggravju, li huwa maqsum f’erba’ partijiet (54), essenzjalment jikkontesta l-punti 219 sa 233 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti ta’ LG li l-Kummissjoni kienet qieset bi żball li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja, bħala tali u indipendentement mis-sospensjoni preċedenti tat-traffiku fuq din il-linja, seta’ jkollha effetti antikompetittivi fuq is-suq.

105. F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 226 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li, minkejja s-sospensjoni preċedenti tat-traffiku, it-tneħħija tal-linja ferrovjarja minn LG “setgħet tinvolvi effetti ta’ esklużjoni mis-suq, li jikkonsistu f’sitwazzjoni li tirrendi l-aċċess għal dan tal-aħħar iktar diffiċli, peress li huwa suġġett għal kundizzjonijiet inqas vantaġġużi”. B’mod iktar speċifiku, b’risposta għall-istess argument ippreżentat minn LG fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 227 tas-sentenza appellata, li LG żbaljat meta sostniet li, fil-kuntest tax-xenarju kontrofattwali, is-sitwazzjoni kompetittiva ma kinitx tkun differenti minn dak ta’ status quo. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din is-sitwazzjoni setgħet tkun differenti, peress li, t-tneħħija tal-linja ferrovjarja, b’ħafna għaġla u mingħajr ma ġew żgurati l-fondi meħtieġa għar-rikostruzzjoni tagħha, minn naħa, aggravat is-sitwazzjoni eżistenti fiż-żmien tas-sospensjoni tat-traffiku billi ttrasformat din is-sospensjoni, fin-natura tagħha temporanja, f’sitwazzjoni ta’ impossibbiltà totali tal-użu tal-ferrovija, u, min-naħa l-oħra, għamlet it-tiswija tal-ferrovija iktar diffiċli, peress li għamlet impossibbli l-għażla li kienet tikkonsisti f’tiswijiet inizjali mmirati għall-problema segwiti minn rikostruzzjoni kompleta tat-totalità tal-linja ferrovjarja f’terminu ta’ ħames snin (iktar ’il quddiem l-“għażla 1” u ma ppermettietx l-għażla li tikkonsisti f’rikostruzzjoni kompleta u immedjata tal-linja ferrovjarja (iktar ’il quddiem l-“għażla 2”) li titwettaq b’mod komplet.

106. Issa, ebda wieħed mill-argumenti mressqa minn LG fil-kuntest tat-tielet aggravju ma jidhirli li jista’ jistabbilixxi li din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi jew b’kontradizzjonijiet.

1.      Fuq l-ewwel parti

107. Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, LG issostni, permezz tal-ewwel ilment, li l-approċċ tal-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq premessa żbaljata, li tirriżulta mill-punti 223, 225 u 227 tas-sentenza appellata. Skont LG, l-għażla tikkostitwixxi alternattiva rilevanti u ekonomikament raġonevoli għall-għażla 2”). Issa, il-Qorti Ġenerali ma ċaħditx il-pożizzjoni ta’ LG, miġbura fil-qosor fil-punti 150, 151 u 167 ta’ din is-sentenza, fejn l-għażla 2 kienet l-unika għażla rilevanti u ekonomikament raġonevoli, iżda għoġobha tħalli din id-domanda mingħajr risposta, fil-punt 168 ta’ din is-sentenza. LG tiddeduċi minn dan li l-punti 223, 225 u 227 tal-istess sentenza huma kontradittorji u inkompatibbli max-xelta tal-għażla 2. Permezz tat-tieni lment, il-punti 223, 225 u 227 tas-sentenza kkontestata huma bbażati fuq is-suppożizzjoni żbaljata li l-linja ferrovjarja setgħet terġa’ tiddaħħal fis-servizz “fi żmien qasir” bis-saħħa tat-tiswijiet inizjali tal-għażla 1. Issa, dan ma huwiex il-każ peress li tali tiswijiet kienu jeħtieġu li jsegwu l-istess proċedura, b’mod partikolari għall-iskop li jinkisbu fondi mir-Repubblika tal-Litwanja jew mill-Unjoni, milli għall-għażla 2. Il-Qorti Ġenerali allegatament naqset milli tqis dan u għalhekk ikkontradixxiet lilha nnifisha.

108. Fir-rigward tal-ewwel ilment, nikkonstata, minn naħa, li, fil-punti 223, 225 u 227 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma tikkritikax lil LG talli għamlet l-għażla 2, iżda sempliċement tikkonstata, fil-punt 225 ta’ din is-sentenza, li t-“tneħħija tal-linja ferrovjarja rrendiet de facto impossibbli t-twettiq tal-għażla 1, peress li l-ewwel stadju tagħha, jiġifieri t-tiswijiet lokali fil-postijiet tal-linja ferrovjarja li ma kinux jippermettu traffiku ferrovjarju sigur, issa ma setax jiġi previst iktar”. Fil-fatt, kif spjegat il-Qorti Ġenerali, fil-punt 229 tas-sentenza appellata, “il-Kummissjoni ma tikkritikax li [LG] għażlet l-għażla 2 minflok minflok l-għażla 1, iżda pjuttost il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-għażla 2”. Min-naħa l-oħra, fil-punt 168 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali sempliċement indikat għaliex l-allegazzjoni ta’ LG li l-għażla 2 kienet l-unika għażla rilevanti u ekonomikament raġonevoli ma kinitx ta’ natura li tistabbilixxi li l-linja ferrovjarja kellha tiġi rtirata bl-għaġla kollha. Għalhekk, sa fejn ma teżisti ebda kontradizzjoni jew żball ta’ evalwazzjoni, fis-sens indikat minn LG, nipproponi li dan l-ewwel ilment jiġi miċħud bħala infondat.

109. Fir-rigward tat-tieni ilment, li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni li t-twettiq tal-għażla 1 kienet teħtieġ l-istess proċedura għall-kisba ta’ fondi bħall-għażla 2, jiena nikkunsidra li, permezz ta’ dan l-argument, li jikkonsisti fir-repetizzjoni tal-argument ippreżentat fl-ewwel istanza (55), LG essenzjalment trid tikkontesta konstatazzjonijiet fattwali, li ma hijiex kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja (56). Barra minn hekk, f’dan il-każ, LG ma tinvoka l-ebda żnaturament ta’ fatt u ma tindikax kif għandha tidher manifestament evalwazzjoni ġdida tal-fatti. Fl-aħħar nett, fi kwalunkwe każ, anki fil-każ ta’ ommissjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali, din ma tistabbilixxix kontradizzjoni bl-istabbiliment mill-ġdid ta’ traffiku sigur fuq terminu qasir, billi l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 176 tas-sentenza appellata, li LG setgħet kisbet fondi tal-Unjoni għar-rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja li kieku stabbilixxiet, fi żmien xieraq, il-proċedura amministrattiva meħtieġa għal dan il-għan.

110. Għalhekk nipproponi li din l-ewwel parti tiġi miċħuda bħala parzjalment infondata u parzjalment inammissibbli.

2.      Fuq ittieni parti

111. Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, LG issostni li l-Qorti Ġenerali kkontradixxiet lilha nnifisha billi ddikjarat, fil-punt 225 tas-sentenza appellata, li l-implementazzjoni tal-għażla 1 kienet tinvolvi “t-tiswijiet lokali fil-postijiet tal-linja ferrovjarja li ma kinux jippermettu traffiku ferrovjarju sigur”, filwaqt li, fil-punt 164 ta’ din is-sentenza, hija rrikonoxxiet il-ħtieġa ta’ tiswijiet “fuq it-tul kollu tal-linja [ferrovjarja]”.

112. Issa, insibha diffiċli li nara kontradizzjoni bejn dawn iż-żewġ punti. Fil-fatt, fil-punt 164 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement irrilevat il-kontenut tal-ittra interna ta’ LG (57), fejn, b’mod partikolari, it-tiswija tal-linja ferrovjarja, fil-qafas tal-għażla 1, “[kellha tinkludi] t-tneħħija kompleta u immedjata tal-linja ferrovjarja” minkejja l-fatt li l-“linja ferrovjarja kellha tiġi kompletament imsewwija f’terminu ta’ ħames snin”, filwaqt li, fil-punt 225 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat li l-ewwel stadju tal-implementazzjoni tal-għażla 1, ikkonsista fit-twettiq ta’ “tiswijiet lokali fil-postijiet tal-linja ferrovjarja li ma kinux jippermettu traffiku ferrovjarju sigur”.

113. Għaldaqstant, nipproponi li din it-tieni parti tiġi miċħuda bħala infondata.

3.      Fuq ittielet parti

114. Permezz tat-tielet parti tat-tielet aggravju tagħha, LG ssostni li, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-Qorti Ġenerali fil-punti 221 sa 223 tas-sentenza appellata, hija ma kinitx suġġetta għal obbligu ġuridiku assolut li terġa’ tistabbilixxi s-sitwazzjoni normali tal-linja ferrovjarja billi jwettaq it-tiswijiet inizjali taħt l-għażla 1 u setgħet tagħżel leġittimament l-għażla 2. Dan kien jippermetti li l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni normali, filwaqt li jiġi speċifikat li l-mument tat-tneħħija tal-linja, inevitabbli fl-implimentazzjoni tal-għażla 2, ikun irrilevanti.

115. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, nixtieq ninnota, kif ġie nnotat fil-kuntest tal-ewwel parti, li l-argument huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li LG kienet suġġetta, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, għal obbligu ġuridiku assolut biex terġa’ tistabbilixxi n-normalità billi twettaq it-tiswijiet inizjali taħt l-għażla 1 u li ma setgħetx tagħżel l-għażla 2.

116. Sussegwentement, nirrileva li l-evalwazzjonijiet relatati mal-qafas regolatorju applikabbli, u b’mod partikolari l-obbligi li dan jimponi fuq l-amministraturi tal-infrastrutturi ferrovjarji, ġew invokati fil-punt 222 tas-sentenza appellata, b’mod partikolari, sabiex jiġi kkonstatat, fuq minn naħa, li l-amministratur tal-infrastrutturi m’għandux, taħt il-qafas regolatorju applikabbli, biss l-obbligu li jiggarantixxi s-sikurezza tat-traffiku, iżda wkoll “li jimminimizza t-tfixkil tan-netwerk ferrovjarju u li, wara li jkun hemm tfixkil fit-traffiku tal-ferroviji, jistabbilixxi mil-ġdid is-sitwazzjoni normali” u, min-naħa l-oħra, li t-“tneħħija tal-linja ferrovjarja kollha ma setgħetx tiġi ġġustifikata biss minn raġunijiet ta’ sigurtà, peress li s-sigurtà kienet diġà ġiet debitament żgurata permezz tas-sospensjoni tat-traffiku, fit-2 ta’ Settembru 2008”. Barra minn hekk, fil-punt 223 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li, minħabba li LG kellha pożizzjoni dominanti fis-suq rilevanti, hija kellha, skont l-Artikolu 102 TFUE “tevita li telimina kull possibbiltà li tibda topera mill-ġdid fi żmien qasir, permezz ta’ rikostruzzjoni gradwali, billi tikkonforma ruħha mal-obbligu tagħha li timminimizza t-tfixkil fuq in-netwerk ferrovjarju billi tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni normali wara tfixkil”.

117. Mill-konstatazzjonijiet f’dawn il-punti tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma kkonkludietx li LG kellha obbligu legali assolut li twettaq it-tiswijiet inizjali taħt l-għażla 1, u li, fi kwalunkwe każ, il-konstatazzjonijiet relatati mal-obbligi tal-amministraturi tal-infrastrutturi ferrovjarji kienu bbażati prinċipalment fuq ir-responsabbiltà speċjali ta’ LG skont l-Artikolu 102 TFUE.

118. Għaldaqstant, nipproponi li t-tielet parti tiġi miċħuda bħala infondata.

4.      Fuq irraba’ parti

119. Permezz tar-raba’ parti tat-tielet aggravju, LG issostni li l-affermazzjoni, fil-punt 225 tas-sentenza appellata, ta’ effett ta’ esklużjoni minħabba l-fatt li, meta Orlen qieset li LG ma kellhiex l-intenzjoni li ssewwi l-linja ferrovjarja fi żmien qasir, LDZ irtirat l-applikazzjoni tagħha għal liċenzja biex topera fuq il-parti Litwana tal-itinerarju qasir lejn il-Latvja, hija kontradittorja fir-rigward tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 24 u 25 ta’ din is-sentenza, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet li LDZ kienet ippreżentat applikazzjoni bil-għan li tikseb tali liċenzja “sal-aħħar tax-xahar ta’ Ġunju 2009”, jiġifieri wara t-tneħħija tal-linja ferrovjarja. Din tal-aħħar għalhekk ma kellha l-ebda influwenza fuq id-deċiżjoni li tiġi rtirata l-applikazzjoni għal-liċenzja, li fil-fatt ġiet spjegata mill-fatt li, f’nofs l-2010, Orlen kienet waslet għall-konklużjoni li LG ma kellhiex l-intenzjoni li ssewwi l-linja ferrovjarja fi żmien qasir, kif jirriżulta mill-punt 26 tas-sentenza appellata.

120. F’dan ir-rigward, nirrileva li, effettivament, jista’ jiġi argumentat, fuq il-bażi ta’ qari konġunt tal-punti 24 u 25 u 225 tas-sentenza appellata, li ma teżisti ebda rabta kawżali bejn it-tneħħija tal-linja ferrovjarja u l-irtirar tal-applikazzjoni għal-liċenzja minn LDZ.

121. Issa, ir-riferiment għall-irtirar tal-applikazzjoni ta’ LDZ imsemmi fil-punt 225 tas-sentenza appellata għandu jinftiehem fil-kuntest speċifiku ħafna tiegħu. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-irtirar tal-applikazzjoni ta’ LDZ biex turi l-konstatazzjoni li tidher fis-sentenza preċedenti, fejn il-“bidla ta’ sitwazzjoni temporanja f’sitwazzjoni permanenti jista’ jkollha effett fuq is-sitwazzjoni kompetittiva, sa fejn kompetituri potenzjali ma jaġixxux bl-istess mod skont jekk iqisux li l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni ‘normali’ tista’ sseħħ fi żmien qasir, medju jew qatt ma jintervjeni”. Il-fatt li, hekk kif kien ċar li ma kienx se jkun hemm tiswija tal-linja ferrovjarja fi żmien qasir, LDZ irtirat l-applikazzjoni tagħha biex topera fil-Litwanja, iservi perfettament biex tintwera din il-konklużjoni ġenerali fuq l-aġir tal-kompetituri, indipendentement mid-data li fiha seħħ l-irtirar inkwistjoni. Għaldaqstant, nipproponi li r-raba’ parti tiġi miċħuda bħala infondata.

122. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tasal biex tikkonstata kontradizzjoni interna fis-sentenza appellata li tivvizzja l-motivazzjoni tal-punt 225 tagħha, fil-fehma tiegħi, din il-kontradizzjoni ma tistax tinvalida l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali, fejn it-“tneħħija tal-linja ferrovjarja, bil-għaġla u mingħajr ma nkisbu, minn qabel, il-fondi neċessarji għar-rikostruzzjoni tagħha żiedet ir-riskju, li seħħ f’dan il-każ, li traffiku ferrovjarju sigur jiġi stabbilit mill-ġdid fuq l-itinerarju qasir mhux qabel għaxar snin wara”. F’dan is-sens, ir-raba’ parti tat-tielet aggravju hija ineffettiva.

123. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, nipproponi li tiġi miċħuda r-raba’ parti tat-tielet aggravju u, għalhekk, it-tielet aggravju kollu kemm hu.

E.      Fuq irraba’ aggravju

124. Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, li għandu żewġ partijiet, LG tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-legalità tal-multa imposta fuqha.

125. Fl-ewwel parti, LG taffirma li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’kontradizzjoni fir-raġunijiet billi l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod partikolari fil-punt 196 tas-sentenza appellata, li “l-Kummissjoni bl-ebda mod ma bbażat ruħha fuq l-intenzjoni, l-istrateġija antikompetittiva jew il-mala fide ta’ LG sabiex tiġġustifika l-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni” (58),, filwaqt li, fil-partijiet sussegwenti tas-sentenza li fiha l-Qorti Ġenerali tindirizza l-motivi relatati mal-iffissar tal-ammont tal-multa, hija rriferiet għal allegata intenzjoni antikompetittiva min-naħa ta’ LG. Peress li xejn ma jindika li l-Qorti Ġenerali kellha l-intenzjoni tbiddel il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 196 tas-sentenza appellata, din il-kontradizzjoni tikxef żball ta’ evalwazzjoni f’żewġ aspetti. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ evalwazzjoni fil-punt 339 tas-sentenza appellata, meta, waqt li analizzat il-kwistjoni tan-novità tat-teorija ġuridika li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kontenzjuża, hija ddeskriviet l-aġir inkwistjoni bħala “intiż sabiex iżomm il-kompetituri remoti mis-suq”. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat tenniet din id-deskrizzjoni tal-aġir inkwistjoni fil-kuntest tal-analiżi tan-natura allegatament sproporzjonata tal-koeffiċjent ta’ gravità adottat mill-Kummissjoni, b’mod partikolari fil-punt 368 tas-sentenza appellata (li tirreferi għall-punt 339 iċċitat iktar ’il fuq) u għall-punt 374 ta’ din is-sentenza, li jirreferi għat-“tneħħija tal-linja ferrovjarja, bil-għan li jinżammu l-kompetituri ’il bogħod mis-suq billi dawn jingħataw aċċess għas-suq taħt kundizzjonijiet inqas vantaġġużi”. Issa, tali żbalji ta’ evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali kellhom impatt kemm fuq l-evalwazzjoni tal-ħtieġa li tiġi imposta multa kif ukoll, skont il-każ, fuq l-ammont stess tagħha.

126. Permezz tat-tieni parti, LG ssostni, mingħajr ma tissostanzja l-affermazzjonijiet tagħha, li n-natura allegatament ġdida tal-aġir inkwistjoni u n-nuqqas ta’ intenzjoni antikompetittiva setgħu jinfluwenzaw l-analiżi tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Waqt is-seduta, LG ipprovdiet żewġ kjarifiki f’dan ir-rigward. Minn naħa, LG sostniet li n-nuqqas ta’ intenzjoni antikompetittiva kienet rilevanti sa fejn, fil-punti 398 u 404 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li, fil-qafas tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, l-ammont tal-multa ġie stabbilit, b’mod partikolari, fuq il-bażi ta’ “evalwazzjoni ġusta tal-gravità tal-ksur […] tiegħu”, fejn l-intenzjoni antikompetittiva hija element ewlieni fl-evalwazzjoni tal-gravità tar-reat. Min-naħa l-oħra, LG sostniet li l-Qorti Ġenerali eċċediet il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sa fejn, billi ppreżumiet l-intenzjoni antikompetittiva bħala element ta’ evalwazzjoni tal-gravità, hija mmodifikat l-elementi kostituttivi tal-ksur legalment ikkonstatat mill-Kummissjoni.

1.      Fuq innatura effettiva tarraba’ aggravju

127. Il-Kummissjoni tqis li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv (59), sa fejn il-Qorti Ġenerali, minn naħa, eżerċitat il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha tal-multa għal dik tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, ma rreferiet għal ebda intenzjoni antikompetittiva ta’ LG fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni.

128. F’dan il-każ, permezz tar-raba’ aggravju tagħha, LG trid tnaqqas iktar l-ammont tal-multa imposta fuqha billi tinvoka żball ta’ evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali meta tittratta l-motivi relatati mal-iffissar tal-ammont tal-multa. Issa, il-fatt li l-Qorti Ġenerali eżerċitat il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha stess tal-ammont tal-multa għal dik tal-Kummissjoni ma jistax iwassal biex dan l-aggravju jkun ineffettiv. Fil-fatt, dan il-fatt fih innifsu ma jeskludix, minn naħa, li, jekk ikun fondat, dan ir-raba’ aggravju jista’ jinvolvi tnaqqis ulterjuri fl-ammont tal-multa inizjalment imposta mill-Kummissjoni, żball ta’ evalwazzjoni relatat man-natura intenzjonali li jista’ effettivament jaffettwaw ċerti parametri tal-multa, u b’mod partikolari l-grad ta’ gravità, u, min-naħa l-oħra, li tali tnaqqis, min-naħa tiegħu, kien iwassal lill-Qorti Ġenerali biex tikkunsidra li ma kienx iktar opportun li teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Din l-ipoteżi hija iktar u iktar plawżibbli billi l-Qorti Ġenerali, minn naħa, tidher li impenjat ruħha, fuq inizjattiva tagħha stess u billi eżerċitat is-setgħat tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, f’evalwazzjoni mill-ġdid tal-ammont tal-multa li wasslitha biex tiffissaha għal ammont ferm inqas minn dak adottat mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, ma spjegatx ir-raġunijiet li għalihom hija bidlet l-ammont finali tal-multa imposta, filwaqt li kienet ċaħdet il-motivi kollha mqajma insostenn tal-konklużjonijiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u l-ilmenti kollha magħmula insostenn tat-talba ta’ LG għal tnaqqis fl-ammont tal-multa.

129. Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li dan l-aggravju ma jistax jiġi miċħud immedjatament bħala ineffettiv. Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi eżaminata l-fondatezza tiegħu.

2.      Fuq ilfondatezza tarraba’ aggravju

130. Preliminarjament, nirrileva li r-raba’ aggravju huwa neċessarjament ibbażat fuq il-premessa li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, kemm fil-kuntest tal-verifika tal-iffissar tal-multa, kif imwettqa mill-Kummissjoni, kif ukoll fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, l-allegata intenzjoni antikompetittiva ta’ LG. Fil-fatt, LG tistrieħ fuq din il-premessa biex targumenta li teżisti kontradizzjoni interna fis-sentenza, sa fejn il-Qorti Ġenerali affermat li l-intenzjoni antikompetittiva ta’ LG ma kinitx ittieħdet inkunsiderazzjoni meta kkwalifikat l-aġir bħala abbużiv.

131. F’dan ir-rigward, għandu, qabel kollox, jiġi osservat li, fil-punti 196 u 197 tas-sentenza appellata (60), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq l-intenzjoni, l-istrateġija antikompetittiva jew il-mala fide ta’ LG biex tiġġustifika l-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Meta għamlet dan, il-Qorti Ġenerali ċaħdet espressament l-argument ta’ LG li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata bi żball ta’ liġi peress li l-Kummissjoni wriet in-natura abbużiva tal-prattika inkwistjoni billi bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq l-intenzjoni antikompetittiva tagħha (61).

132. Sussegwentement, nikkonstata li l-ebda waħda mill-partijiet tas-sentenza msemmija fir-raba’ aggravju ma tirreferi espressament għal intenzjoni antikompetittiva allegata ta’ LG. L-uniċi elementi li għalhekk jistgħu jsostnu l-allegazzjoni ta’ LG li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-intenzjoni antikompetittiva allegata tagħha huma, skont LG, minn naħa, l-użu ta’ formulazzjonijiet li jalludu għal tali intenzjoni (fil-punti 339, 368 u 374 tas-sentenza appellata, fil-kuntest tal-ewwel parti) u, min-naħa l-oħra, b’mod iktar impliċitu, ir-riferiment għal evalwazzjoni ġusta tal-gravità tal-ksur, sa fejn l-intenzjoni antikompetittiva hija rilevanti f’dan ir-rigward (fil-punti 398 u 404 tas-sentenza appellata, fil-kuntest tat-tieni parti).

133. Għar-raġunijiet li ġejjin, inqis li l-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ elementi ma huwa biżżejjed biex juri li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-allegata intenzjoni antikompetittiva ta’ LG u li, għaldaqstant, iż-żewġ partijiet tar-raba’ aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

a)      Fuq lewwel parti

134. Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju, LG essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta eżaminat il-legalità tal-multa imposta mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, hija tressaq żewġ ilmenti, l-ewwel wieħed, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni, espost fil-punt 339 tas-sentenza appellata, fil-kuntest tal-analiżi tal-kwistjoni tan-natura ġdida tat-teorija ġuridika li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, u, it-tieni, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni, magħmul fil-punti 368 u 374 tas-sentenza appellata, fil-kuntest tal-analiżi tan-natura allegatament sproporzjonata tal-koeffiċjent ta’ gravità.

135. Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment relatat mal-punt 339 tas-sentenza appellata, nikkonstata li dan il-punt jifforma parti mill-analiżi tal-Qorti Ġenerali tal-ilment ta’ LG li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni meta imponitilha multa minħabba li l-aġir ilmentat fid-deċiżjoni kontenzjuża kien jikkostitwixxi kategorija ġdida ta’ abbuż li hija ma kinitx taf bin-natura illegali tiegħu. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-aġir inkwistjoni “jipproduċi effetti antikompetittivi potenzjali ta’ esklużjoni tal-kompetizzjoni fis-suq [inkwistjoni], billi joħloq ostakoli għad-dħul fis-suq mingħajr ma teżisti ġustifikazzjoni oġġettiva”. Huwa għalhekk, fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, u bi tweġiba għall-argument li n-natura abbużiva ta’ dan l-aġir għandha tiġi kklassifikata mill-ġdid, li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, li “n-natura abbużiva ta’ aġir bħal dak tar-rikorrenti, intiż sabiex iżomm lill-kompetituri remoti mis-suq, kienet, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 339 iktar ’il fuq, ġiet ikkundannata diversi drabi mill-qrati tal-Unjoni” (62).

136. Għalkemm, ċertament, il-formulazzjoni “[aġir] intiż sabiex iżomm lill-kompetituri remoti mis-suq” (fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża, jiġifieri l-lingwa tal-kawża, “conduct […] seeking to keep competitors away from the market”) hija ambigwa u tista’, meħuda barra mill-kuntest, tabilħaqq tinftiehem bħala li qed talludi għall-eżistenza ta’ intenzjoni antikompetittiva, għandha madankollu tiġi evalwata fil-kuntest partikolari tagħha (63).

137. Din il-formulazzjoni hija mnebbħa mill-punt 164 tas-sentenza AstraZeneca vs Il-Kummissjoni (64) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tan-natura mingħajr preċedent tal-ksur inkwistjoni u tal-effett tagħhom, li AstraZeneca “[kienet konxja] min-natura ferm antikompettiva tal-aġir [tagħha] u kell[ha t]istennieh li jkun inkompatibbli mar-regoli ta’ kompetizjoni tad-dritt tal-Unjoni” (65). Minn dan jirriżulta li n-natura intenzjonali, fil-kuntest ta’ din il-ġurisprudenza, tieħu sfumatura differenti meta mqabbla mal-kunċett ta’ intenzjoni mifhum bħala l-eżistenza “ta’ strateġija kummerċjali segwita minn kumpannija”. Fil-fatt, meta l-Qorti Ġenerali tirreferi għan-natura intenzjonali fil-punti 196 u 197 tas-sentenza appellata, hija tagħmel dan fuq il-bażi ta’ “fatturi ta’ natura suġġettiva, bħalma huma l-motivi li fuqhom hija bbażata l-istrateġija kummerċjali inkwistjoni” (ara l-punt 191 tas-sentenza appellata) (66). Billi, meta tirreferi għal aġir “intiż sabiex iżomm  lill-kompetituri remoti mis-suq”, din hija evalwazzjoni ta’ natura oġġettiva marbuta mal-kwistjoni li wieħed ikun jaf jekk, wara li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, aġir jistax jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

138. Għalhekk, inqis li hemm lok li jiġi miċħud l-ewwel ilment fl-ewwel parti bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fil-punt 339 tas-sentenza appellata, fil-kuntest tal-analiżi relatata mal-klassifikazzjoni tal-aġir inkwistjoni.

139. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment relatat mal-punti 368 u 374 tas-sentenza appellata, nikkonstata li dawn il-punti jiffurmaw parti mill-analiżi tal-Qorti Ġenerali dwar l-ilment ibbażat fuq in-natura allegatament sproporzjonata tal-koeffiċjent ta’ gravità adottat mill-Kummissjoni meta stabbilixxiet l-ammont tal-multa.

140. F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok nirrileva li, fil-punt 366 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li, sabiex tiddetermina l-grad ta’ gravità tal-ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni erba’ elementi – jiġifieri, in-natura tal-ksur, is-sitwazzjoni fis-swieq rilevanti ta’ LG, il-portata ġeografika tal-ksur, u l-modalitajiet ta’ implementazzjoni effettiva tal-ksur. Għandu jiġi rrilevat li l-ebda element suġġettiv, bħan-natura intenzjonali tal-aġir, ma huwa wieħed minn dawk l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell ta’ gravità (67).

141. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argument imressaq minn LG li jeżistu żewġ riferimenti, jiġifieri l-punti 368 u 374 tas-sentenza appellata, li, moqrija b’mod iżolat, jistgħu jissuġġerixxu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ element suġġettiv li jindika intenzjoni.

142. B’mod iktar speċifiku, minn naħa, fil-punt 368 tas-sentenza appellata, bħall-punt 339 iċċitat iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali sostniet li “n-natura abbużiva ta’ aġir bħal dak [ta’ LG], intiż sabiex iżomm lill-kompetituri remoti mis-suq, kienet […] ġiet ikkundannata diversi drabi mill-qrati tal-Unjoni”. Dan ir-riferiment għall-istess formulazzjoni użata fil-punt 339 tas-sentenza appellata eżaminata iktar ’il fuq hija dovuta għall-fatt li LG tirreferi għall-argumenti mressqa insostenn tal-aggravju dwar in-natura allegatament ġdida u bla preċedent tal-kawża, sabiex tikkontesta n-natura allegatament sproporzjonata tal-koeffiċjent tal-gravità adottat mill-Kummissjoni. Minn dan isegwi li l-analiżi mwettqa fil-punti 135 u 136 ta’ dawn il-konklużjonijiet tapplika mutatis mutandis.

143. Min-naħa l-oħra, fil-punt 374 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ppruvat tirrispondi għall-argument ta’ LG li l-koeffiċjent ta’ gravità huwa wkoll sproporzjonat fid-dawl tal-prattika tiegħu f’każijiet komparabbli ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE u għalhekk jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Kien f’dan il-kuntest li l-Qorti Ġenerali ddikjarat li “t-tneħħija tal-linja ferrovjarja, bil-għan li jinżammu l-kompetituri ’il bogħod mis-suq billi dawn jingħataw aċċess għas-suq taħt kundizzjonijiet inqas vantaġġużi, ma setgħetx tiġi analizzata bħala [rifjut ta’ aċċess għal infrastruttura essenzjali]” (68).

144. Issa, għalkemm il-formulazzjoni “bil-għan” hija tabilħaqq ambigwa, b’tali mod li tista’ tinftiehem li tirreferi għal intenzjoni antikompetittiva, inqis li din hija formulazzjoni mhux wisq feliċi min-naħa tal-Qorti Ġenerali, sa fejn, f’din il-parti tas-sentenza appellata, hija sempliċement tenniet l-analiżi tagħha dwar il-klassifikazzjoni tal-aġir bħala abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, fejn l-aġir inkwistjoni ma jistax jiġi kklassifikat bħala “rifjut ta’ aċċess”. Huwa proprju għal din ir-raġuni li din is-sentenza hija preċeduta mis-sentenza “ġie stabbilit, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv tar-rikors”.

145. Għaldaqstant, fil-punt 374 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx evalwazzjoni ġdida dwar in-natura intenzjonali tal-ksur, li setgħet tiġi pperċepita bħala kontradittorja, iżda sempliċement tenniet il-konklużjoni li hija diġà waslet għaliha fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel motiv, u b’mod partikolari fil-punt 98 tas-sentenza appellata, fejn jingħad “l-aġir inkwistjoni […], ma jistax jiġi analizzat fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tar-rifjut li jingħata l-aċċess għal infrastrutturi essenzjali”.

146. Fit-tielet lok, għall-kompletezza, għandu jitfakkar li, għall-finijiet ta’ dan l-appell, ma hemmx lok li tiġi eżaminata, il-kontradizzjoni allegata tal-motivi mill-perspettiva ta’ nuqqas allegat fl-obbligu ta’ motivazzjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali, sa fejn il-motivazzjoni tas-sentenza inkwistjoni turi b’mod ċar u inekwivoku li l-elementi suġġettivi, bħall-intenzjoni, l-istrateġija antikompetittiva jew il-mala fide tal-LG ma ttieħdux inkunsiderazzjoni biex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur. Għalhekk, ma teżisti ebda kontradizzjoni interna li tfixkel il-fehim xieraq tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-analiżi tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward (69).

147. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li jiġi miċħud it-tieni ilment tal-ewwel parti bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-analiżi relatata man-natura allegatament sproporzjonata tal-koeffiċjent ta’ gravità adottat mill-Kummissjoni, kif ukoll din l-ewwel parti fl-intier tagħha.

b)      Fuq ittieni parti

148. Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, LG essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ evalwazzjoni fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha billi assumiet l-eżistenza ta’ intenzjoni antikompetittiva fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.

1)      Fuq levalwazzjoni talintenzjoni antikompetittiva

149. L-ewwel nett, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, li għaliha l-Qorti Ġenerali tirreferi espressament fil-punt 390 tas-sentenza appellata, meta teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-qorti tal-Unjoni hija awtorizzata, lil hinn mill-kontroll sempliċi tal-legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi, għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ din is-sanzjoni, l-evalwazzjoni tagħha stess għal dik tal-Kummissjoni, awtur tal-att li fih dan l-ammont ikun ġie ffissat inizjalment, eskluża, madankollu, kull modifika tal-elementi kostituttivi tal-ksur ikkonstatat legalment mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni li biha tkun adita l-Qorti Ġenerali (70).

150. Minn dan isegwi li, sa fejn, fil-punti 196 u 197 tas-sentenza appellata (71), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ġustament ma kinitx ibbażat ruħha, fid-deċiżjoni kontenzjuża, b’mod partikolari, fuq l-intenzjoni antikompetittiva ta’ LG biex tiġġustifika l-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex is-setgħa li timmodifika tali “elementi li jikkostitwixxu l-ksur” billi tieħu inkunsiderazzjoni tali intenzjoni fil-qafas tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

151. Issa, kif diġà ġie rrilevat, b’mod partikolari fil-punt 132 ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-terminu “intenzjoni” ma jidher imkien fil-parti tas-sentenza ddedikata għall-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, jiġifieri l-punti 389 sa 406 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, LG ma speċifikatx, fir-rikors tagħha, liema parti mill-analiżi tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata minn kunsiderazzjonijiet marbuta man-natura intenzjonali tal-aġir inkwistjoni, iżda indikat, waqt is-seduta, li kunsiderazzjonijiet marbuta man-natura intenzjonali huma inerenti fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-aġir.

152. F’dan ir-rigward, infakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lil qorti tal-Unjoni fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 261 TFUE, tagħtiha s-setgħa, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżid il-multa jew is-sanzjoni imposta. Għalkemm l-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni sħiħa ma jammontax għal stħarriġ ex officio u l-proċedura hija kontradittorja, il-qorti tal-Unjoni hi marbuta, fl-eżerċizzju tas-setgħat previsti fl-Artikoli 261 u 263 TFUE, li teżamina kull ilment, ta’ dritt jew ta’ fatt, bil-għan sabiex jintwera li l-ammont tal-multa ma huwiex proporzjonat mal-gravità u t-tul tal-ksur (72). L-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa jippreżupponi għalhekk li titqies il-gravità tal-ksur imwettaq kif ukoll it-tul tiegħu, fl-osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, l-individwalizzazzjoni tas-sanzjonijiet u l-ugwaljanza fit-trattament (73). Huwa fuq il-bażi ta’ dawn iż-żewġ kriterji relatati mal-gravità u t-tul tal-ksur li l-Qorti Ġenerali eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali tagħha (74).

153. Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, li huwa l-kriterju rilevanti fil-kuntest ta’ din il-parti, kif jirriżulta mill-punt 399 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li kien xieraq li tieħu inkunsiderazzjoni tliet elementi, jiġifieri n-natura tal-ksur, is-sitwazzjoni ta’ LG fis-swieq rilevanti kif ukoll l-portata ġeografika ta’ dan il-ksur. Issa, in-natura intenzjonali tal-ksur, min-natura tiegħu, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ewwel element, jiġifieri n-natura tal-ksur.

154. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 400 tas-sentenza appellata, li huwa l-punt li fih il-Qorti Ġenerali żviluppat l-analiżi tagħha dwar in-natura tal-ksur, hija rreferiet għal kunsiderazzjonijiet oġġettivi, li ma għandhom ebda rabta, diretta jew indiretta, ma’ intenzjoni allegata antikompetittiva.

155. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li tallega LG, il-Qorti Ġenerali ma qagħditx fuq allegata intenzjoni antikompetittiva biex twettaq “evalwazzjoni ġusta tal-gravità tal-ksur”, u li, għalhekk, din it-tieni parti tar-raba’ aggravju għandha wkoll tiġi miċħuda bħala infondata.

156. Madankollu, b’mod superfluwu u għal raġunijiet ta’ kompletezza, nixtieq nagħmel żewġ kjarifiki dwar l-evalwazzjoni tal-ammont xieraq tal-multa u dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa.

2)      Fuq levalwazzjoni talammont xieraq talmulta

157. Minn naħa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ dritt fil-kuntest ta’ appell, ma għandhiex tissostitwixxi, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti Ġenerali billi tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, dwar l-ammont tal-multi imposti fuq l-impriżi minħabba l-ksur tagħhom tad-dritt tal-Unjoni. Huwa biss sal-punt li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-livell tas-sanzjoni mhux biss huwa mhux xieraq, iżda wkoll eċċessiv, sal-punt li jkun sproporzjonat, li hemm raġuni biex jiġi kkonstatat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, minħabba n-natura mhux xieraq tal-ammont ta’ multa (75).

158. Issa, f’dan il-każ, LG tikkontesta l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar l-ammont tal-multa imposta fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, mingħajr madankollu ma stabbilixxiet jew saħansitra allegat li dan l-ammont mhux biss huwa mhux xieraq, iżda wkoll eċċessiv, sal-punt li jkun sproporzjonat. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ wkoll tiċħad din il-parti bħala inammissibbli.

3)      Fuq iddmir ta’ motivazzjoni

159. Min-naħa l-oħra, infakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti Ġenerali hija marbuta, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, b’ċerti obbligi, inkluż l-obbligu ta’ motivazzjoni, li huwa impost fuqha taħt l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut (76).

160. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 400 sa 402 tas-sentenza appellata, ikkuntentat ruħha b’motivazzjoni partikolarment vaga li tagħmilha diffiċli li wieħed jifhem kif setgħet tasal għal tnaqqis kunsiderevoli fl-ammont tal-multa meqjus. Dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni huwa iktar sorprendenti peress li l-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċiżjoni kontenzjuża, u ċaħdet il-motivi kollha mqajma minn LG. Filwaqt li huwa minnu li l-Qorti Ġenerali tista’, fil-qafas tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tirriforma l-att ikkontestat, b’mod partikolari, billi tnaqqas l-ammont tal-multa imposta, anki fl-assenza ta’ annullament ta’ dan l-att, xorta jibqa’ l-fatt li tali modifika tal-multa għandha tkun mmotivata b’tali mod li tippermetti li jiġu identifikati r-raġunijiet li jiġġustifikaw tali modifika tal-multa, mingħajr ma jkun, madankollu, essenzjali li jsir eżerċizzju aritmetiku preċiż.

161. Issa, f’dan il-każ, LG ma eċċepietx nuqqas ta’ motivazzjoni, u l-Kummissjoni, li għandha wkoll interess leġittimu li ssostni ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ma ressqitx appell inċidentali limitat għal kontestazzjoni tal-multa.

162. F’din il-konfigurazzjoni partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja Ma għandiex, fil-fehma tiegħi, tirrileva ex officio, l-ksur tad-dmir ta’ motivazzjoni. Madankollu, jekk hija tqis opportun li tirrileva li l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa huwa vvizzjat minn motivazzjoni insuffiċjenti, sa fejn hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-gravità tal-aġir illegali, din il-kawża għandha tiġi rrinvijata lill-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar timmotiva b’mod iktar iddettaljat il-kalkolu magħmul (77). Ċertament, f’tali każ, sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ projbizzjoni tar-reformatio in pejus (78), kif ukoll il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kontestazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma tistax iżid l-ammont tal-multa lil hinn mill-ammont impost mis-sentenza appellata.

VI.    Fuq lispejjeż

163. Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dan ir-regolament, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmi regolament, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li fil-fehma tiegħi LG għandha titlef l-appell, nipproponi li tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati mal-appell.

VII. Konklużjoni

164. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

–        l-appell huwa miċħud, u

–        Lietuvos geležinkeliai AB hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Kunsill (KE) tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


3      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Bronner (C‑7/97, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Bronner”, EU:C:1998:264).


4      Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404).


5      F’dan ir-rigward, LG tirreferi għas-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni (T‑321/05, EU:T:2010:266).


6      Sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑165/19 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Slovak Telekom”, EU:C:2021:239, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


7      Sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 68 u ġurisprudenza ċċitata).


8      Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, (C‑52/09 EU:C:2011:83, punt 68), u tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 154).


9      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni (T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, EU:T:1998:198, punti 208 u 212 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u tal-10 ta’ Novembru 2021, Google u Alphabet vs Il-Kummissjoni (Google Shopping) (T‑612/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Google Shopping”, EU:T:2021:763, punt 215, bħalissa appellata).


10      Fil-prattika tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ “rifjut ta’ provvista” ikopri firxa wiesgħa ta’ prattiki, bħar-rifjut li jiġu pprovduti prodotti lil klijenti eżistenti jew ġodda, ir-rifjut ta’ għoti ta’ liċenzja ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, b’mod partikolari fejn il-liċenzja tkun meħtieġa għall-finijiet ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-interface, jew anki r-rifjut biex jiġi pprovdut aċċess għal installazzjonijiet jew netwerk essenzjali (punt 78 tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 [KE] għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti” (ĠU 2009, C 45, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida”).


11      Għal ħarsa ġenerali lejn it-teorija tal-faċilitajiet essenzjali, kif maħsuba inizjalment fil-leġiżlazzjoni antitrust tal-Istati Uniti, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Bronner (punti 45 sa 47).


12      Ara s-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni (T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 679).


13      Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 1988, Volvo (238/87, EU:C:1988:477, punt 8) u tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 331).


14      Fil-ġurisprudenza tagħha ta’ qabel is-sentenza Bronner, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet sabet li kien abbużiv ir-rifjut ta’ impriża dominanti li tforni materja prima lil impriża f’suq viċin (sentenza tas-6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni (6/73 u 7/73, EU:C:1974:18, punt 25)) jew is-servizzi (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 1985, CBEM (311/84, EU:C:1985:394, punt 26)) li kienu essenzjali għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħha, biss sa fejn l-aġir inkwistjoni kien tali li jelimina kull kompetizzjoni min-naħa ta’ din l-impriża. Dan l-istess approċċ, fejn l-eżerċizzju ta’ dritt esklużiv, bħar-rifjut ta’ liċenzja mill-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, jista’ jagħti lok biss għal aġir abbużiv f’“ċirkustanzi eċċezzjonali”, ġie kkonfermat fis-sentenza tas‑6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il-Kummissjoni (C‑241/91 P u C‑242/91 P, EU:C:1995:98, punti 49 u 50).


15      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.


16      Ara l-punti 56, 57 u 62 tal-imsemmija konklużjonijiet.


17      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Bronner (punt 56).


18      Sentenza Slovak Telekom (punt 46).


19      Għalkemm l-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni u Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑152/19 P u C‑165/19 P, EU:C:2020:678), jiddikjara li s-sentenza Bronner tirrappreżenta “każ partikolari fil-qafas ġuridiku tal-Artikolu 102 TFUE” fejn il-“portata […] għandha tiġi interpretata b’mod ristrett sabiex jitħares l-effett utli tal-Artikolu 102 TFUE” (ara l-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet li jirreferu għall-punt 58 tas-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, (C‑52/09, EU:C:2011:83), jiena tal-fehma li, għall-kuntrarju, is-sentenza Bronner tikkostitwixxi (u dejjem kienet tikkostitwixxi) il-punt ta’ tluq għal kwalunkwe analiżi tad-dritt tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ rifjut ta’ provvista lill-kompetituri. Għalhekk is-sentenza Bronner għandha tkun is-sentenza ewlenija, u r-regola pjuttost milli l-eċċezzjoni. Il-kriterji msemmija ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv.


20      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Bronner (punt 58) u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2021:998, punti 87 sa 108).


21      Sentenza Slovak Telekom (punt 48) kif ukoll il-punti 57 u 65 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Bronner.


22      Ara, il-punt 70 tas-sentenza appellata.


23      Ara l-punti 99 u 103 tas-sentenza appellata.


24      Ara l-punt 90 tas-sentenza appellata.


25      Ara l-punt 91 tas-sentenza appellata.


26      Ara l-punti 91, 92, 95, 96 tas-sentenza appellata.


27      Ara l-punti 91 u 94 tas-sentenza appellata).


28      Ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


29      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 96), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandstaard Øe f’Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni u Slovakk Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑152/19 P u C‑165/19 P, EU:C:2020:678, punt 106).


30      Nixtieq ninnota li jidher li s-sentenza Bronner tapplika għal sitwazzjonijiet fejn diġà kien hemm “rifjut” ta’ provvista ta’ aċċess, u dan jimplika l-eżistenza ta’ “talba” jew fi kwalunkwe każ ta’ manifestazzjoni ta’ xewqa li jingħata aċċess u ta’ “rifjut” korrelattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Google Shopping, punt 232, u l-ġurisprudenza ċċitata).


31      Sentenza Slovak Telekom (punt 50).


32      Dan huwa partikolarment il-każ ta’ abbuż ikkostitwit mill-kompressjoni tal-marġni ta’ operaturi kompetituri f’suq downstream (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83, point 58); tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punti 75 u 96), u Slovakk Telekom (punti 52 u 53).


33      Ara, f’dan is-sens, Orientations, punt 22.


34      Sentenza tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni (C‑62/86, EU:C:1991:286, punt 69).


35      Enfasi miżjud minni.


36      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni (T‑65/98, EU:T:2003:281, punt 161).


37      Ara l-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


38      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Bronner (punt 37,) kif ukoll Slovak Telekom (punti 43, 45, 46, 48 u 49). Nosserva li l-Avukat Ġenerali Jacobs, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:264, punt 66), seta’ jikkunsidra l-applikazzjoni tal-kriterji Bronner għal każ fejn il-faċilità kkonċernata kienet inħolqot f’kundizzjonijiet mhux ta’ kompetizzjoni, parzjalment permezz ta’ sussidji pubbliċi.


39      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Slovak Telekom (punti 47 u 48); konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawżi Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni u Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑152/19 P u C‑165/19 P, EU:C:2020:678, punti 75 sa 78).


40      Setenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni(C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 128).


41      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Slovak Telekom (punti 42 u 57).


42      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 92).


43      Filwaqt li rreferiet għall-punti 148, 164 u 168 tas-sentenza appellata, LG tenfasizza li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li setgħet tagħżel li tneħħi l-linja ferrovjarja, iktar milli twettaq tiswijiet parzjali li kienu jwasslu għas-sostituzzjoni sussegwenti tagħha. L-abbuż li qiegħed jiġi lmentat fil-konfront tagħha għalhekk qiegħed biss fil-mument ta’ din it-tneħħija, mit‑3 ta’ Ottubru 2008. Issa, peress li l-mument tat-tneħħija msemmija ma jkollux impatt fuq l-ispiża tiegħu, id-deċiżjoni li ssir it-tneħħija immedjata kienet deċiżjoni ta’ amministrazzjoni razzjonali. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 197, 204 u 209 ta’ din is-sentenza, li LG ma kellha l-ebda intenzjoni antikompetittiva. Konsegwentement, it-tneħħija tal-linja ferrovjarja, li fi kwalunkwe każ kienet tkun meħtieġa addizzjonalment mingħajr spejjeż ulterjuri, kienet deċiżjoni ta’ amministrazzjoni razzjonali li ma tistax tiġi kklassifikata bħala prattika abbużiva.


44      LG ssostni li l-fatt li neħħiet il-linja ferrovjarja “mingħajr ma kisbet il-fondi neċessarji minn qabel” lanqas ma jikkostitwixxi prattika abbużiva, inkwantu hi kienet mistennija li tirċievi l-fondi għar-rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja meta l-parti l-kbira tax-xogħol ikun twettaq. B’riferiment għall-punti 152, 153, 160, 171, 174 sa 176 u 196 ta’ din is-sentenza, LG issostni li hija kienet tabilħaqq talbet finanzjament fit‑2 ta’ Ottubru 2008, qabel ma bdiet ix-xogħlijiet għat-tneħħija tal-linja ferrovjarja, li l-fondi Ewropej kienu disponibbli f’dak il-mument u wara u li ma aġixxietx b’intenzjoni antikompetittiva. Hija tenfasizza li ċ-ċirkustanzi identifikati mill-Qorti Ġenerali biex tikkonstata l-abbuż dehru essenzjalment wara t‑3 ta’ Ottubru 2008. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball ta’ liġi meta imponitilha, fil-punti 164, 165, 170 u 178 tal-istess sentenza, tistabbilixxi jew tiġġustifika l-mument tat-tneħħija tal-linja ferrovjarja, meta kienet il-Kummissjoni li kellha tistabbilixxi l-abbuż. Barra minn hekk, fil-punti 152 u 170 tas-sentenza, il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq analiżi konkreta tal-argument ta’ LG dwar il-ħażna ta’ partijiet tal-linja ferrovjarja li jistgħu jerġgħu jintużaw u l-użu mill-ġdid tagħhom għal linji oħra qabel il-bidu tax-xitwa. Fi kwalunkwe każ, ma jkunx meħtieġ, sabiex ikunu jistgħu jibdew l-istadji preparatorji ta’ proġett, li qabel tkun “kisbet” il-fondi meħtieġa għall-proġett kollu.


45      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2000, EFMA vs Il-Kunsill (C‑46/98 P, EU:C:2000:474, punt 38).


46      Ara, f’dan is-sens, ukoll il-punti 83, 193, 196 u 224 tas-sentenza appellata.


47      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 72 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


48      B’mod iktar preċiż, (i) il-punt 168 jirrigwarda s-suppożizzjoni ta’ LG li l-għażla 2 kienet l-unika għażla rilevanti u ekonomikament raġonevoli; (ii) il-punt 170 jirrigwarda l-allegata ħtieġa li jiġu salvati materjali xierqa mil-linja tal-ferrovija biex ma ssirilhomx ħsara matul ix-xitwa; (iii) il-punt 204 jirrigwarda l-allegata influwenza tad-deċiżjoni arbitrarja tas‑17 ta’ Diċembru 2010 fid-deċiżjoni li l-ferrovija ma tinbeniex mill-ġdid, u (iv) il-punt 231 jirrigwarda l-argument ta’ LG li l-għażla 1 kienet inqas effettiva mill-għażla 2.


49      Sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punt 68 u ġurisprudenza ċċitata).


50      Dwar id-diffikultà li “ssir id-distinzjoni bejn kwistjonijiet ta’ fatt u kwistjonijiet ta’ dritt”, partikolarment f’kawżi ta’ kompetizzjoni, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Hilti vs Il-Kummissjoni (C‑53/92 P, mhux ippubblikati, EU:C:1993:875, punti 46 u 47).


51      Enfasi miżjud minni.


52      Ninnota li LG, fl-appell tagħha, tirrikonoxxi li “l-Qorti ma tiddeċidix din il-kwistjoni u ma tistabbilixxi ebda fatt kuntrarju”.


53      B’mod iktar speċifiku, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “ma stabbilixxietx li, wara s-sejbien tad-deformazzjoni u l-evalwazzjoni ddettaljata tal-istat tat-totalità tal-linja ferrovjarja, din kienet tinsab fi stat li kien jiġġustifika t-tneħħija sħiħa u immedjata tagħha” (punt 164) u li LG “ma ssostnix b’mod suffiċjenti l-allegazzjoni li n-nuqqasijiet […] kienu ġew ikkonstatati f’diversi postijiet oħra fuq il-linja ferrovjarja kollha” (punt 165). Enfasi miżjuda minni.


54      Minħabba n-natura teknika tagħhom, u għall-finijiet ta’ fehim aħjar, għat-tielet aggravju, kull waħda mill-erba’ partijiet ser tiġi evalwata individwalment fil-qafas tal-analiżi tiegħi.


55      Ara sommarju tal-argument ta’ LG fil-punt 216 tas-sentenza appellata.


56      Ara l-punti 98 sa 101 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara, wkoll, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il-Kummissjoni (C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punti 42 u 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


57      Ittra mibgħuta fit‑18 ta’ Settembru 2008 mill-amministrazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja ta’ LG lill-bord tal-ippjanar strateġiku tagħha u abbozzata fuq il-bażi tar-rapport ta’ spezzjoni tal-kummissjoni straordinarja tat‑12 ta’ Settembru 2008.


58      Enfasi miżjuda minni.


59      Kif imfakkar fil-punt 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet, in-natura effettiva ta’ aggravju tirreferi għall-kapaċità tiegħu, fil-każ li jkun fondat, li jwassal għall-konklużjoni mitluba mir-rikorrenti permezz ta’ dan l-aggravju


60      Ara, b’mod partikolari, il-punti 204 u 209 tagħha.


61      Ara, l-punt 185 tas-sentenza appellata.


62      Enfasi miżjuda minni.


63      Enfasi miżjuda minni.


64      Sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni (C‑457/10 P, EU:C:2012:770).


65      Enfasi miżjuda minni.


66      Ara, fl-istess sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni (C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punti 20 u 21) u tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 162).


67      Fir-rigward tan-“natura tal-ksur”, imsemmija fil-punt 366 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat il-“fatt li l-aġir li jikkonsisti fit-tneħħija ta’ linja ferrovjarja pubblika li tinsab bejn żewġ Stati Membri jippreġudika l-konsolidazzjoni tas-suq uniku, b’mod partikolari s-suq ferrovjarju uniku Ewropew”.


68      Enfasi miżjuda minni.


69      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Cargolux Airlines vs Il-Kummissjoni (T‑39/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:991, punt 31).


70      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni (C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punti 75 sa 77).


71      Ara wkoll il-punti 204 u 209 tas-sentenza appellata.


72      Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni (C‑606/18 P, EU:C:2020:571, punti 96 u 97 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


73      Sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni (C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 90).


74      Ara l-punti 395 u 397 tas-sentenza appellata.


75      Sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il-Kummissjoni (C‑591/16 P, EU:C:2021:243, punti 197 u 198 u l-ġurisprudenza ċċitata).


76      Sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, Pometon vs Il-Kummissjoni (C‑440/19 P, EU:C:2021:214, punt 138).


77      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni (C‑606/18 P, EU:C:2020:571, punt 95 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


78      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 273 tal-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawżi magħquda Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce (C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2014:2439).