Language of document : ECLI:EU:T:2009:6

DIGRIET TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)

15 ta’ Jannar 2009

Kawża T-306/08 P

Kurt-Wolfgang Braun-Neumann

vs

Il-Parlament Ewropew

“Appell – Servizz pubbliku – Pensjonijiet – Pensjoni tas-superstiti – Ħlas ta’ 50 % minħabba li jeżisti konjuġi superstiti ieħor – Att li jikkawża preġudizzju – Ilment tardiv”

Suġġett: Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta’ Mejju 2008, Braun-Neumann vs Il-Parlament (F‑79/07, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra), intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż li sostniet fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikorsi – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Rekwiżiti proċedurali – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Rikorsi – Ilment amministrattiv imressaq qabel – Termini

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali – Rikorsi – Ilment amministrattiv imressaq qabel – Termini

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      In-natura informali ta’ miżura amministrattiva ma tipprekludix li hija tiġi kklassifikata bħala att li jikkawża preġudizzju, klassifikazzjoni li ma tiddependix mill-forma jew mill-isem tagħha, iżda hija stabbilita mis-sustanza tagħha u partikolarment mill-kwistjoni ta’ jekk tipproduċix effetti legali vinkolanti ta’ tali natura li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent, billi tibdel, b’mod kunsiderevoli, il-pożizzjoni legali tiegħu.

(ara l-punt 32)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 1 ta’ Frar 1979, Deshormes vs Il-Kummissjoni, 17/78, Ġabra p. 189, punt 10; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 19 ta’ Ottubru 1995, Obst vs Il-Kummissjoni, T‑562/93, ĠabraSP p. I‑A‑247 u II‑737, punt 23; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 9 ta’ Settembru 2008, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑144/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 25

2.      L-ebda dispożizzjoni espressa tad-dritt Komunitarju ma timponi fuq l-istituzzjonijiet obbligu ġenerali li jinformaw lid-destinatarji tal-atti bir-rimedji legali disponibbli u lanqas bit-termini li fihom jistgħu jintużaw. Il-fatt li r-risposta għall-ilment amministrattiv imressaq qabel ma indikatx ir-rimedji disponibbli għall-parti kkonċernata ma jobbligax lill-Qorti Komunitarja tilqa’ l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat wara t-terminu, skont il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità.

(ara l-punti 34, 35)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 5 ta’ Marzu 1999, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, C‑153/98 P, Ġabra p. 1441, punti 13 u 15; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 24 ta’ Frar 2000, ADT Projekt vs Il-Kummissjoni, T‑145/98, Ġabra p. II‑387, punt 210; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 22 ta’ Diċembru 2005, Gorostiaga Atxalandabaso vs Il-Parlament, T‑146/04, Ġabra p. II‑5989, punt 131

3.      It-terminu ta’ tliet xhur sabiex jiġi ppreżentat ilment kontra att li jikkawża preġudizzju, stipulat fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa ta’ ordni pubblika u mhuwiex għad-dispożizzjoni tal-partijiet jew tal-qorti, inkwantu ġie stabbilit sabiex jiżgura l-kjarezza u ċ-ċertezza ta’ sitwazzjonijiet legali, kif ukoll iċ-ċertezza tad-dritt. Għalhekk hija l-Qorti Komunitarja li għandha tivverifika, ex officio, jekk ġiex rispettat. Il-fatt li l-istituzzjoni ma rrilevatx, fl-istadju tar-risposta għall-ilment amministrattiv, li dan kien tardiv u, għalhekk, inammissibli, jew li hija stess espressament indikat li r-rikorrent kien għadu jista’ jippreżenta rikors ġudizzjarju, ma jaffettwax l-ammissibbiltà tar-rikors fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, tali ċirkustanzi ma jistax ikollhom bħala effett li jidderogaw mis-sistema tat-termini mandatorji stabbiliti bl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal u inqas u inqas li jeżentaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza mill-obbligu li tivverifika li t-termini statutorji jiġu rispettati.

(ara l-punti 36, 37)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 17 ta’ Ottubru 1991, Offermann vs Il-Parlament, T‑129/89, Ġabra p. II‑855, punt 34; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 18 ta’ Marzu 1997, Rasmussen vs Il-Kummissjoni, T‑35/96, ĠabraSP p. I‑A‑61 u II‑187, punt 30; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 7 ta’ Settembru 2005, Krahl vs Il-Kummissjoni, T‑358/03, ĠabraSP p. I‑A‑215 u II‑993, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata, u punt 36