Rikors ippreżentat fis- 6 ta' Jannar 2011 - Sina Bank vs Il-Kunsill
(Kawża T-15/11)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Sina Bank (Tehran, l-Iran) (rappreżentanti: B. Mettetal u C. Wucher-North, avukati)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
tannulla l-punt 8 tat-taqsima B tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010
1 sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti;
tannulla l-ittra dwar deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ottubru 2010;
tiddikjara bħala inapplikabbli l-punt 8 tat-taqsima B tal-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran
2 sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti;
tiddikjara l-Artikolu 16(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 961/2010 bħala inapplikabbli għar-rikorrenti;
tiddikjara l-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK bħala inapplikabbli għar-rikorrenti;
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tiegħu u għal dawk sostnuti mir-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi insostenn tar-rikors tagħha:
1. Permezz tal-ewwel motiv tagħha, hija tallega li l-kriterji sostanzjali tal-indikazzjoni skont ir-regolament u d-deċiżjoni kkontestati tal-2010 ma humiex sodisfatti fir-rigward tar-rikorrenti u/jew li l-Kunsill wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni meta ddeċieda jekk il-kriterji kinux sodisfatti jew le. Konsegwentement, l-indikazzjoni tar-rikorrenti ma hijiex ġustifikata.
2. Permezz tat-tieni motiv tagħha, hija tallega li l-indikazzjoni tagħha tikser il-prinċipju ta' trattament ugwali;
- ir-rikorrenti ġarrbet nuqqas ta' trattament ugwali fir-rigward tas-sitwazzjoni ta' banek Iranjani oħra;
- ir-rikorrenti ġarrbet nuqqas ta' trattament ugwali fir-rigward tas-sitwazzjoni ta' banek Iranjani oħra inklużi fil-lista, kif ukoll fir-regolament u fid-deċiżjoni tal-2010;
- ir-rikorrenti ġarrbet nuqqas ta' trattament ugwali fir-rigward tas-sitwazzjoni ta' "Daftar" u tal-Fondazzjoni Mostaz'afan.
3. Permezz tat-tielet motiv tagħha, hija tallega li ma ġewx irrispettati d-drittijiet tad-difiża u li ma ġiex sodisfatt ir-rekwiżit ta' motivazzjoni tas-sanzjonijiet peress illi:
- ir-rikorrenti ma rċeviet l-ebda informazzjoni mill-Kunsill sabiex issostni l-pożizzjoni tiegħu, ħlief motivazzjoni lakonika ta' żewġ linji, ġenerali u mhux eżatta;
- għalkemm ir-rikorrenti għamlet lill-Kunsill talbiet għall-informazzjoni preċiża fir-rigward tal-indikazzjoni tagħha, dan tal-aħħar la wieġeb lir-rikorrenti u lanqas għall-ittri tal-avukati tiegħu;
- dik is-sitwazzjoni tirrendi impossibbli li jiġi ddeterminat jekk il-miżura hijiex fondata jew ivvizzjata bi żball;
- kull prova prodotta kontra r-rikorrenti kellha tiġi kkomunikata lilu, sa fejn dan huwa possibbli, jew simultanjament mal-adozzjoni ta' deċiżjoni inizjali tal-iffriżar tal-fondi tagħha jew inkella kemm jista' jkun malajr wara li dan ikun sar.
4. Permezz tar-raba' motiv tagħha, hija tallega li l-miżuri restrittivi jiksru d-dritt ta' proprjetà tagħha u ma humiex propozjonati, u dan bi ksur tal-prinċipju Komunitarju ta' propozjonalità ta' deċiżjoni peress illi:
- ma teżisti l-ebda rabta bejn l-għan segwit mill-Kunsill u l-miżura restrittiva imposta fuq ir-rikorrenti;
- il-Kunsill ma identifika l-ebda tranżazzjoni li kienet involuta fiha r-rikorrenti;
- jeżistu miżuri possibbli oħra, iktar proporzjonati, kontra r-riskju marbut mal-allegati "attivitajiet nukleari" Iranjani u l-finanzjament ta' dawn tal-aħħar.
____________1 - Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 tal-25 ta' Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, 27.10.2010, p. 1)2 - Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, 27.7.2010, p. 39)