Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Diċembru 2009 - Franza vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-485/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: E. Belliard, G. de Bergues, B. Cabouat, u R. Loosli-Surrans, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/726/KE, tal-24 ta' Settembru 2009 li tikkonċerna miżuri interim ta' ħarsien li ttieħdu minn Franza fir-rigward tal-introduzzjoni fit-territorju tagħha tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib li jiġu minn azjenda fejn il-każ ta' scrapie klassika hu kkonfermat;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tiegħu, il-Gvern Franċiż jitlob lill-Qorti Ġenerali sabiex, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 263 tat-TFUE, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/726/KE, tal-24 ta' Settembru 2009 li tikkonċerna miżuri interim ta' ħarsien li ttieħdu minn Franza fir-rigward tal-introduzzjoni fit-territorju tagħha tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib li jiġu minn azjenda fejn il-każ ta' scrapie klassika hu kkonfermat1.

Id-deċiżjoni kkontestata tordna lil Franza sabiex tissospendi l-miżuri kawtelatorji li hija adottat wara l-pubblikazzjoni ta' opinjonijiet xjentifiċi ġodda li jistabbilixxu r-riskju tal-epożizzjoni umana għal scrapie klassika minħabba konsum ta' ħalib u ta' prodotti tal-ħalib li joriġinaw mill-merħliet ta' ovini u kaprini infettatti sabiex tipprojbixxi l-introduzzjoni fuq it-territorju tagħha, għall-finijiet tal-konsum uman, ta' ħalib u prodotti tal-ħalib li joriġinaw minn post fejn każ ta' scrapie klassika ġie kkonfermat.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba ksur tal-prinċipju ta' kawtela, għal dak li jirrigwarda kemm l-evalwazzjoni kif ukoll il-ġestjoni tar-riskju.

Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' kawtela fil-fażi tal-evalwazzjoni tar-riskju, billi injorat l-inċertezzi xjentifiċi li baqgħu jeżistu fir-rigward tar-riskju ta' trażmissjoni lill-bniedem tal-EST barra mill-ESB.

Fl-opinjoni tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju ta' kawtela fil-fażi tal-ġestjoni tar-riskju billi m'addottat l-ebda miżura sabiex tillimita r-riskju ta' espożizzjoni lill-bniedem tal-aġenti tas-scrapie klassika.

____________

1 - ĠU L 258, p. 27