Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Jannar 2010 - Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-9/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki - Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: N. Korogiannakis u M. Dermitzakis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-OPOCE li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti, ippreżentata b'risposta għas-sejħa għal offerti AO 10224 għall-"Provvista ta' pubblikazzjonijiet elettroniċi"1, Lott 2, ikkomunikata lir-rikorrenti permezz ta' ittra tad-29 ta' Ottubru 2009 u d-deċiżjonijiet ulterjuri relatati kollha tal-OPOCE inkluża dik li l-kuntratti rispettivi jingħataw lill-kuntratturi li l-offerta tagħhom irnexxiet;

tannulla d-deċiżjoni tal-OPOCE li tagħti l-kuntratti lil Siveco/Intrasoft u lil Engineering/Intrasofitn fil-kuntest tal-imsemmija sejħa għal offerti Lott 3, ikkomunikata lir-rikorrenti permezz ta' ittra tad-29 ta' Ottubru 2009 fil-każ li kumpannija hija direttament jew indirettament assoċjata maż-żewġ kuntratti qafas;

tikkundanna lill-konvenuta tħallas id-danni li ġarrbet ir-rikorrenti minħabba l-proċedura tas-sejħa għal offerti inkwistjoni fl-ammont ta' EUR 260 760;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż legali tar-rikorrenti u spejjeż oħra inkorsi fir-rigward ta' dan ir-rikors, anki jekk dan ir-rikors jiġi miċħud.

Motivi u argumenti prinċipali

F'dan ir-rikors, ir-rikorrenti qed titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-konvenuta li tiċħad l-offerta tagħha, ippreżentata b'risposta għas-sejħa għal offerti għal servizzi ta' pubblikazzjonijiet elettroniċi (AO 10224) (Lott 2) u li tagħti l-kuntratt lill-kuntratturi li l-offerta tagħhom irnexxiet (Lott 2 u 3). Ir-rikorrenti titlob ukoll għal kumpens għad-dannu allegat minħabba l-proċedura ta' sejħa għal offerti.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tressaq żewġ motivi.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti targumenta li l-konvenuta wettqet diversi żbalji manifesti ta' evalwazzjoni u li hija rrifjutat li tipprovdi ġustifikazzjoni jew spjegazzjoni sufficjenti lir-rikorrenti bi ksur tar-Regolament Finanzjarju 2 u r-regoli tal-implementazzjoni tiegħu kif ukoll bi ksur tad-Direttiva 2004/18/KE 3 u tal-Artikolu 253 KE.

It-tieni nett, hija ssostni li l-konvenuta wettqet żbalji manifesti ta' evalwazzjoni u naqset milli tagħti motivazzjoni fir-rigward tal-offerta tar-rikorrenti peress li l-kunsiderazzjonijiet negattivi mogħtija mill-kumitat tal-evalwazzjoni kienu vagi, bla bażi, żbaljati u infondati.

____________

1 - ĠU 2009/S 109-156511

2 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25[2002] tal-25 ta' Gunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74 - 121)

3 - Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta' Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132 - 262)