Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Lulju 2012 - ING Groep vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-332/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: ING Groep NV (Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) rappreżentanti: O. Brouwer, J. Blockx u N. Lorjé, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-11 ta' Mejju 2012 C(2012)3150 finali, Għajnuna mill-Istat SA.28855 (N 373/2009) (ex C 10/2009 u ex N 528/2008) - Il-Pajjiżi l-Baxxi vs ING - għajnuna għar-ristrutturazzjoni; u

tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv jallega li l-konvenuta kisret il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u d-dritt għal smigħ billi ma kkonsultatx mal-Istat Olandiż u ma' ING fir-rigward tal-fatti u fid-dawl tal-opinjonijiet u tal-preżunzjonijiet tagħha li kienu rilevanti għall-konklużjoni tagħha li l-emenda fit-termini tal-kontribuzzjoni ta' kapital Core Tier 1 kienet tikkostitwixxi għajnuna skont l-Artikolu 107(1) TFUE.

It-tieni motiv jallega li l-konvenuta wettqet żball ta' liġi u żball manifest ta' evalwazzjoni meta applikat l-eżami tal-prinċipju ta' investitur privat fl-ekonomija tas-suq ("MEIP") u naqset milli tipprovdi raġunament xieraq meta kkwalifikat l-emenda fil-kontribuzzjoni ta' kapital Core Tier 1 bħala għajnuna mill-Istat u fattur aggravanti fl-evalwazzjoni tagħha tal-miżuri ta' kumpens.

It-tielet motiv jallega li l-konvenuta kisret l-Artikolu 107(3)(b) TFUE u l-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba, ta' proporzjonalità, ta' ċertezza legali, ta' trattament ugwali u l-obbligu ta' motivazzjoni billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-ammont ta' għajnuna meta evalwat il-miżuri ta' kumpens, u billi kkalkolat b'mod żbaljat l-ammont relattiv ta' għajnuna u ċ-ċirkostanzi li fihom ingħatat l-għajnuna fl-evalwazzjoni tal-miżuri ta' kumpens.

Ir-raba' motiv jallega li l-konvenuta kisret l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, ta' proporzjonalità u ta' motivazzjoni meta għamlet il-projbizzjonijiet ta' leadership fuq il-prezzijiet legalment applikabbli fuq ING.

____________