Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta' Lulju 2012 - Soltau vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-333/12)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Christoff Soltau (Adendorf, il-Ġermanja) (rappreżentant: T. Rosenkranz, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-14 ta' Mejju 2012;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent isostni li t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 2 ma jipprekludix it-talba tiegħu ta' aċċess għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, li din tal-aħħar ittrażmettiet lill-Oberster Gerichtshof Awstrijaka (Qorti Suprema Awstrijaka) skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003  fil-kuntest ta' kawża dwar kartelli. Skont ir-rikorrent, din id-dispożizzjoni ma tapplikax għad-dokument mitlub peress li l-proċeduri quddiem il-qorti Awstrijaka essenzjalment ma humiex koperti mill-protezzjoni pprovduta mid-dispożizzjoni. Anki kieku dan kien il-każ, id-dokument inkwistjoni xorta ma jkunx jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjoni, peress li ma ġiex ippreżentat mill-Kummissjoni bħala parti fil-proċeduri. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni lanqas ma tista' tiġi mmotivata b'riferiment għall-protezzjoni fil-Kawża Schenker et, C-681/11, li tinsab pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea. Filwaqt li huwa minnu li d-domandi preliminari ġew ippreżentati mill-Qorti Suprema Awstrijaka fil-kuntest ta' proċeduri fil-qasam tal-kartelli, madankollu d-dokument inkwistjoni la tfassal mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' proċeduri għal deċiżjoni preliminari u lanqas ma hemm riferiment fil-kontenut tiegħu għad-domandi preliminari.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331)

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102] [TFUE] (ĠU L 1, p. 1)