Language of document : ECLI:EU:T:2014:87

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

26 ta’ Frar 2014 (*)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja li tikkonsisti fir-rappreżentazzjoni ta’ ark ta’ ċirku isfar fil-parti t’isfel ta’ screen — Raġuni assoluta għal rifjut — Assenza ta’ karattru distintiv — Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑331/12,

Sartorius Lab Instruments GmbH & Co. KG, stabbilita f’Göttingen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn K. Welkerling, avukat, ammessa li tissostitwixxi lil Sartorius Weighing Technology GmbH,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Awla tal-Bord tal-Appell tal-UASI tat-3 ta’ Mejju 2012 (Każ R 1783/2011-1), li tikkonċerna applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal ikkostitwiet minn ark ta’ ċirku isfar fil-parti t’isfel ta’ screen bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, F. Dehousse u A. Collins (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Lulju 2012,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Ottubru 2012,

wara d-digriet tas-6 ta’ Jannar 2014 li jawtorizza s-sostituzzjoni tal-partijiet,

wara li rat li l-partijiet ma ressqu l-ebda talba għal seduta fi żmien xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub, u wara li għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċeduri,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-7 ta’ Frar 2011, Sartorius Weighing Technology GmbH, li lilha r-rikorrenti, Sartorius Lab Instruments GmbH & Co. KG, ġiet ammessa li tissostitwixxi, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li ġiet identifikata minn Sartorius Weighing Technology GmbH bħala trade mark “oħra” intiża għar-rappreżentazzjoni ta’ ark ta’ ċirku isfar fil-parti t’isfel ta’ screen, hija riprodotta iktar ’il quddiem:

Image not found

3        Fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni huwa deskritt b’dan il-mod:

“It-trade mark ta’ pożizzjoni hija kkostitwita minn ark ta’ ċirku isfar, miftuħ ’il fuq u mqiegħed fil-parti t’isfel ta’ screen elettroniku u li jestendi fuq il-wiesa’ kollha ta’ dan tal-aħħar. Il-kurvaturi bit-tikek iddisinjati jservu biss sabiex juru li l-ark huwa mqiegħed fuq l-iscreen elettroniku u ma jifformawx parti mis-suġġett tat-trade mark”.

4        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il‑klassijiet 7 u 9 sa 11 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        Klassi 7 : “Magni għall-industrija tal-kimika; magni għall-industrija tal-ikel u għall-industrija tax-xorb; magni li jħalltu; mixers; joggers għall-użu industrijali; għodda msaħħna għall-istannjar, bl-elettriku; apparat ċentrifugu; kmamar għal ċentrifuġju; il-prodotti kollha ċċitati iktar ’il fuq mgħammra bi screen elettroniku”;

–        Klassi 9: “Apparat u strumenti xjentifiċi, inkluż apparat tal-laboratorju; apparat u strumenti tal-użin u partijiet tagħhom; apparat għall-ittestjar elettroniku għall-filtri tal-arja u tal-likwidi; appararat ta’ kejl u ta’ kontroll u l-partijiet tagħhom, apparat u strumenti ottiċi għall-użin, għal sinjali u għal kontroll (ispezzjoni), b’mod partikolari mikroskopji, tagħmir għall-analiżi tal-gass, spettrometri, fosthom spettri ta’ fluworexxenza u apparat ta’ nefelometriku; sondi għall-użu xjentifiku, b’mod partikolari senseurs, apparat għall-ġbir u li jiffiltraw ġermi li jinsabu fl-arja u partijiet tagħhom; apparat, ilbies ta’ apparat u partijiet tagħhom għall-analiżi fiżika jew kimika; termostati; tagħmir għall-ipproċessar tad-data, b’mod partikolari tagħmir għad-dħul tad-data, għall-memorja, għar-riproduzzjoni u/jew għall-ordni ta’ data, fosthom tal-proċess għall-konversjoni ta’ materja; għall-fermentazzjoni u tal-bijoreatturi; apparat gaħll-kontroll tat-temperatura għall-ekwilibru tat-temperatura fil-fond ta’ materjal biofarmaċewtiku f’kontenituri li jintremew wara l-użu; tagħmir għall-welding u għas-separazzjoni tal-plastiks, tagħmir għall-ġonot sterili ta’ kontenituri tal-plastik, bħal pajpijiet, tubi, boroż u kontenituri tal-plastik, tagħmir għall-welding bl-elettriku, b’mod partikolari għall-flessibbli tal-plastik; apparat għat-tkabbir ta’ kulturi taċ-ċelloli (mhux għall-użu mediku); apparat għall-laboratorju għall-kultura, l-inkubazzjoni, il-kulur u l-analiżi ta’ materjali bijoloġiċi bħal mikro-organiżmi, ċelluli u tessuti; shakers tal-laboratorju; pjattaformi għal shakers tal-laboratorju, b’mod partikolari mal-punti ta’ data fiżika u/jew ma’ interfaces ta’ data li jippermettu skambju ta’ data ma’ apparat estern; ċentrifugi tal-laboratorju; pjattaformi għal shakers tal-laboratorju, b’mod partikolari mal-punti ta’ kejl ta’ data fiżika u/jew ma’ interfaces ta’ data li jippermettu skambju ta’ data ma’ apparat estern; ċentrifugi tal-laboratorju; kmamar ta’ ċentrifigurazzjoni tal-laboratorju, mixers għal sostenn bijofarmaċewtiku, b’mod partikolari permezz ta’ vibrazzjoni , rotazzjoni jew moviment ondulari; ditekters tal-metall elettriku; il-prodotti kollha ċċitati iktar ’il fuq mgħamra bi screen elettroniku”;

–        Klassi 10: “Apparat u strumenti mediċi; il-prodotti kollha ċċitatai iktar ’il fuq mgħammra minn screen elettroniku”;

–        Klassi 11: “Apparat u installazzjonijiet għat-trattament tal-ilmu u għat-trattament ta’ soluzzjonjiet fil-qasam farmaċewtiku, mediku u tal-laboratorji, apparat għad-denonizzazzjoni tal-ilma u għall-purifikazzjoni tal-ilma, kif ukoll ta’ dawn l-apparat; appart għad-depyrogenation ta’ soluzzjonijiet u għas-separazzjoni ta’ sustanzi noċivi ta’ fluwidi; installazzjonijiet filtranti għat-tekniċi ambjentali; l-industrija tal-ikel u l-industrija tax-xorb; il-prodotti kollha ċċitati iktar ’il fuq mgħammra bi screen elettroniku”.

5        Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2011, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għall-prodotti kollha msemmijin fil-punt 4 iktar ’il fuq, abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, għar-raġuni li t-trade mark mitluba kienet nieqsa minn karattru distintiv fil-rigward tagħhom.

6        Fis-26 ta’ Awwissu 2011, Sartorius Weighing Technology ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Mejju 2012 (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal‑Appell tal‑UASI ċaħad l‑appell għar‑raġuni li t‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni ma hijiex ta’ karattru distintiv fis‑sens tal‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 207/2009. Essenzjalment, huwa kkunsidra li s-suġġett tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kien ikkostitwit minn ark ta’ ċirku isfel miftuħ ’il fuq u mqiegħed fil-parti t’isfel ta’ screen elettroniku. Huwa rrileva li l-prodotti kollha kkonċernati mill-applikazzjoni għal trade mark kienu mgħammra minn screen elettroniku u li l-pubbliku rilevanti, jiġiefieri, il-professsjonisti fl-oqsma industrijali u tekniċi speċjalizzati, ipperċipixxa s-sinjal bħala dekorazzjoni tal-iscreen. Huwa jqis li l-forma rrappreżentata ma tikkomunika ebda informazzjoni li tikkonċerna l-manifattur tal-produttur. Għalhekk, huwa kkonkluda li l-imsemmi sinjal ma kellux il-karattru distintiv minimu meħtieġ sabiex iservi bħala trade mark Komunitarja.

 It-talbiet tal-partijiet

8        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż inkorsi fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri kif ukoll dawk inkorsi fil-kuntest tal-proċeduri ta’ appell quddiemu

9        L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

10      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

11      Ir-rikorrenti tqis, kuntrarjament għall-Bord tal-Appell, li s-sinjal li għaliha saret l-applikazzjoni ma huwiex ser jiġi pperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala element esklużivament dekorattiv, iżda bħala sinjal oriġinali li għandu karattru distintiv minimu li huwa suffiċjenti sabiex jissodisfa l-funzjoni ta’ trade mark.

12      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

13      Ir-rikorrenti tikkwalifika s-sinjal li għaliha saret l-applikazzjoni bħala “trade mark ta’ pożizzjoni”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li la r-Regolament Nru 207/2868 u lanqas ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), ma jsemmu t-“trade marks ta’ pożizzjoni” bħala kategorija partikolari ta’ trade marks. Madankollu, sa fejn l-Artikolu 4 tar‑Regolament Nru 207/2009 ma jinkludix lista eżawrjenti tas-sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade marks Komunitarji, dan il-fatt huwa irrilevanti għall-karattru reġistrabbli ta’ “trade marks ta’ pożizzjoni”.

14      Barra minn hekk, jidher li t-“trade marks ta’ pożizzjoni” huma simili għal kategoriji ta’ trade marks figurattivi u tridimensjonali, peress li dawn ikopru l‑applikazzjoni ta’ elementi figurattivi jew tridimensjonali fuq is-superfiċje ta’ prodott. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tinsistix fuq il-kwalifika tal-imsemmi sinjal figurattiv, tridimensjonali jew ieħor.

15      Madankollu, il-kwalifika ta’ “trade mark ta’ pożizzjoni” bħala trade mark figurattiva jew tridimensjonali jew bħala kategorija speċifika ta’ trade marks hija irrilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tagħha [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2010, X Technology Swiss vs UASI (Għoti tal-kulur oranġjo lill-ponta ta’ kalzetta), T‑547/08, Ġabra p. II‑2409, punti 19 sa 21].

16      Fil-fatt, skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv ma jistgħux jiġu rreġistrati.

17      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-karattru distintiv ta’ trade mark, fis-sens ta’ dan l-artikolu, ifisser li din it-trade mark tippermetti li l-prodott li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġi identifikat bħala li jkun provenjenti minn impriża partikolari u b’hekk li ssir distinzjoni bejn dan il-prodott u dawk ta’ impriżi oħra (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Procter & Gamble vs L-UASI, C‑473/01 P u C‑474/01 P, Ġabra p. I‑5173, punt 32, u tal-21 ta’ Ottubru 2004, UASI vs Erpo Möbelwerk, C‑64/02 P, Ġabra p. I‑10031, punt 42).

18      Dan il‑karattru distintiv għandu jiġi evalwat, minn naħa, b’riferiment għall‑prodotti jew għas‑servizzi li għalihom saret l‑applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min‑naħa l‑oħra, b’riferiment għall‑mod kif il‑pubbliku rilevanti jipperċepixxih (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Procter & Gamble vs UASI, punt 17 iktar ’il fuq, punt 33, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑25/05 P, Ġabra p. I‑5719, punt 25).

19      Madankollu, karattru distintiv minimu huwa biżżejjed sabiex ir-raġuni assoluta ta’ rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 07/2009 ma tapplikax [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Settembru 2011, Henkel vs UASI (Tablet tonda ħamra u bajda), T‑337/99, Ġabra p. II‑2597, punt 44, u tad-29 ta’ Settembru 2009, The Smiley Company vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ nofs ta’ tbissima ta’ smiley), T‑139/08, Ġabra p. II‑3535, punt 16].

20      Issa, il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti tista’ tkun influwenzata min-natura tas‑sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Għalhekk, sa fejn il-konsumaturi medji ma għandhomx l-abitudni jassumu l-oriġini kummerċjali tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq sinjali li huma konfużi mad-dehra ta’ dawn l-istess prodotti, tali sinjali huma distintivi fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 biss jekk dawn jitbiegħdu b’mod sinjifikattiv, mill-abitudni jew mill-użanzi tal-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs UASI, C‑136/02 P, Ġabra p. I‑9165, punti 30 u 31; tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi Werke vs UASI, C‑173/04 P, Ġabra p. I‑551, punti 28 u 31; u tal-4 ta’ Ottubru 2007, Henkel vs UASI, C‑144/06 P, Ġabra p. I‑8109, punti 36 u 37).

21      L-element determinanti għall-applikabbiltà tal-ġurisprudenza ċċitata fil‑punt 20 iktar ’il fuq ma huwiex il-kwalifika tas-sinjal inkwistjoni bħala sinjal figurattiv, tridimensjonali jew ieħor, iżda l-fatt li dan ikun konfuż mad-dehra tal-prodott indikat. Għalhekk, dan il-kriterju ġie applikat, minbarra għat-trade marks tridimensjonali (sentenzi Procter & Gamble vs UASI, punt 17 iktar ’il fuq; Mag Instrument vs UASI, punt 20 iktar ’il fuq), għal trade marks figurattivi li jikkonsistu f’rappreżentazzjoni bidimensjonali tal-prodott indikat (sentenzi Storck vs UASI, punt 18 iktar ’il fuq, u Henkel vs UASI, punt 20 iktar ’il fuq) jew ukoll għal sinjal li huwa kkostitwit minn element applikat fuq is-superfiċje tal-prodott (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2004, Glaverbel vs UASI, C‑445/02 P, Ġabra p. I‑6267). Bl-istess mod, il-ġurisprudenza tikkunsidra li l-kuluri u l-abbinamenti astratti tagħhom jistgħu jkollhom karattru intrinsikament distintiv biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, peress li dawn jiġu konfużi mad-dehra tal-prodotti indikati, u li dawn ma humiex, fil-prinċipju, użati bħala mezzi ta’ identifikazzjoni tal-oriġini kummerċjali (ara b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel, C‑104/01, Ġabra p. I‑3793, punti 65 u 66, u tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie, C‑49/02, Ġabra p. I‑6129, punt 39).

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk it-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni tiġix konfuża mad-dehra tal-prodott indikat jew jekk, għall‑kuntrarju, hijiex differenti, b’mod sinjifikattiv, mill-abitudni u mill-użanzi tas-settur ikkonċernat.

23      Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti, b’mod partikolari skont il-punti 3.2.1 u 3.2.2 tar-rikors, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija intiża għall-protezzjoni ta’ sinjal speċifiku mqiegħed f’parti speċifika tal-parti t’isfel tal-istrumenti ta’ kejl indikati, fil-parti ta’ fuq tal-iscreens elettroniċi tagħhom. B’hekk, għalkemm huwa ċar li l-kurvaturi tal-iscreen irrappreżentati fid-disinn riprodott fil-punt 2 iktar ’il fuq ma jifformawx parti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ikkostitwita minn ark ta’ ċirku isfar, dan tal-aħħar ma jistax jiġi sseparat mill-forma ta’ parti ta’ prodotti msemmija mill-applikazzjoni għal trade. Kif ġustament irrileva l-UASI, l-ark ta’ ċirku isfar msemmi mill-applikazzjoni għal trade mark jadatta għall-forma ta’ kull prodott indikat billi jenfasizza l-kurvatura tiegħu. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li t-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni hija konfuża mad-dehra tal-prodotti indikati u li, konsegwentement, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 20 iktar ’il fuq hija applikabbli [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2009, Lange Uhren vs UASI (Arranġamenti ġeomteriċi fuq il-wiċċ ta’ arloġġ tal‑idejn), T‑152/07, Ġabra p. II‑144, punti 79 sa 83]. Għaldaqstant ir-rikorrenti ma tistax tikkritika l-Bord tal-Appell li bbaża ruħu fid-deċiżjoni kkontestata, fuq din l-istess ġurisprudenza.

24      F’din il-kawża, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tipprovdi li l-prodotti inkwistjoni huma prodotti ta’ natura teknika speċjali u li tipprovdi li huma indirizzati għal professjonisti.

25      Min-naħa l-oħra, hija tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tipprovdi li dan il-pubbliku rilevanti jagħti “attenzjoni medja sa għolja” lill-prodotti indikati mill-applikazzjoni tat-trade mark. Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-grad ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti huwa għoli ħafna. Hija tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma segwiex il-konstatazzjoni tal-eżaminatur f’dan ir-rigward, li ma kinitx ikkontestata mill-partijiet.

26      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009, wara l-eżami tal-mertu tal-appell, il-Bord tal-Appell jiddeċiedi fuq l-appell u jista’, meta jagħmel dan, jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, bħala effett tal-appell kontra deċiżjoni ta’ rifjut mill-eżaminatur għar-reġistrazzjoni, il-Bord tal-Appell jista’ jagħmel eżami ġdid u komplet fil-mertu tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt, jiġifieri, f’dan il-każ, jagħti deċiżjoni huwa stess fuq l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni billi jiċħadha jew billi jiddikjaraha fondata u b’hekk jikkonferma jew jannulla d-deċiżjoni kkontestata quddiemu(ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul C-29/05 P, Ġabra p. I-2213, punti 56 u 57).

27      Il-Bord tal-Appell seta’ għalhekk jeżerċita l-kompetenzi tal-eżaminatur u jiddeċiedi fuq l-appell billi jiddeċiedi kif għamel fil-punti 12 sa 14 tad-deċiżjoni appellata, fuq id-determinazzjoni tal-pubbliku rilevanti u tal-livell ta’ attenzjoni tiegħu fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni. Dan japplika wkoll għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tiegħu tan-natura distintiva tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

28      Fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-applikazzjoni tat-trade mark kienet tikkonċerna magni għal xogħlijiet industrijali inklużi fil-klassi 7, apparat, b’mod partikolari għal finijiet xjentifiċi, inklużi fil-klassi 9, apparat u strumenti mediċi inklużi fil-klassi 10 kif ukoll apparat u installazzjonijiet għat-trattament tal-ilma tax-xorb u għat-trattament ta’ soluzzjonijiet fil-qasam farmaċewtiku, mediku u ta’ laboratorji u tal-installazzjonijiet ta’ filtri għat-tekniki ambjentali, għall-industrija tal-ikel u għall-industrija tax-xorb inklużi fil-klassi 11. Sussegwentement huwa jqis li dawn il-prodotti kienu prodotti tekniċi speċjali li huma indirizzati għal professjonisti li lilhom jingħataw attenzjoni medja sa għolja.

29      Kien mingħajr ma wettaq żball li l-Bord tal-Appell ikkonstata, fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li, għat-trade marks li, bħas-sinjal ikkontestat, ma humiex indipendenti mid-dehra tal-prodotti li huma jindikaw, hija biss trade mark li, b’mod sinjifikattiv, tkun differenti mill-abitudni jew mill-użanzi tal-qasam ma tkunx nieqsa minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell applika l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 20 u 21 iktar ’il fuq għall-konsumaturi tal-qasam speċifiku li tirreferi għalih it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u, mhux, kif tallega r-rikorrenti, għall-konsumaturi medja in ġenerali.

30      Ir-rikorrenti ma tikkontestax barra minn hekk l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tinsab fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-prodotti kollha kkonċernati mill-applikazzjoni għal trade mark huma mgħammra bi screen elettroniku. Għalhekk, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu, ġustament, fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq fatti li jirriżultaw mill-“esperjenza ġenerali prattika mal-iscreens elettroniċi ta’ apparat tekniku, li jistgħu jkunu magħrufa minn kull persuna u li huma barra minn hekk magħrufa, b’mod partikolari, mill-konsumaturi ta’ dawn il-prodotti”. Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni la “aspettattivi jew għarfien minn qabel” u lanqas “użanzi” tal-pubbliku rilevanti.

31      Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell kien intitolat, għaldaqstant, li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatti li jistgħu jkunu magħrufa minn kull persuna jew li jistgħu jkunu magħrufa permezz ta’ sorsi ġeneralment aċċessibbli [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ġunju 2004, Ruiz‑Picasso et vs UASI – DaimlerChrysler (PICARO), T‑185/02, Ġabra p. II‑1739, punti 28 u 29, u tat-13 ta’ Ġunju 2012, XXXLutz Marken vs UASI – Meyer Manufacturing (CIRCON), T‑542/10, punt 38].

32      Ir-rikorrenti naqset milli tipproduċi kwalunkwe prova ta’ natura li tikkontesta l-evalwazzjoni li tipprovdi li l-professjonisti li jifformaw il-pubbliku rilevanti jagħtu attenzjoni medja sa għolja lill-prodotti inkwistjoni. Fil-fatt, hija tirreferi sempliċement, minn naħa, għall-argumenti li jinsabu fin-noti tagħha stess ippreżentati quddiem l-istanzi tal-UASI u, min-naħa l-oħra, għall-Annessi A.6 sa A.14 tar-rikors. L-imsemmija annessi jinkludu fuljetti għal prodotti allegatament komparabbli mal-prodotti inkwistjoni iżda r-rikorrenti ma tindikax kif dawn il-fuljetti jistgħu jipprovaw li “l-pubbliku rilevanti huwa għalhekk ikkostitwit minn speċjalisti interessati u informati ħafna aħjar mill-medja, li l-attenzjoni tagħhom tinġibed mid-dettalji żgħar tal-preżentazzjoni tal-prodotti kkonċernati”. Għaldaqstant, l-ewwel parti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-motiv uniku tagħha għandha tiġi miċħuda.

33      Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi rrilevat li dawn il-fuljetti, inkluż dak tar-rikorrenti li jinsab fl-Anness A.14, jippreżentaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-prodotti inkwisjtoni, ġeneralment taħt il-forma ta’ tabella, li jimplika li l-konsumaturi — jekk jiġi preżunt li l-livell ta’ attenzjoni tagħhom ikun għoli ħafna, kif ukoll tallega r-rikorrenti — jibbażaw ruħhom fuq dawn id-dettalji tekniċi pjuttost milli fuq l-aspett fiżiku tal-imsemmija prodotti waqt ix-xiri tagħhom.

34      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

35      Għandu jitfakkar li, sa fejn ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, minkejja l-analiżi tal-Bord tal-Appell, huwa obbligu tagħha li tipprovdi indikazzjonijiet konkreti u sostanzjati li jistgħu jistabbilixxu li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha jew karattru distintiv intrinsiku (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI, C‑238/06 P, Ġabra p. I‑9375, punt 50).

36      Mid-deskrizzjoni tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni, li tinsab fil-punt 3 iktar ’il fuq, jirriżulta li dan jikkonsisti f’ark ta’ ċirku isfar miftuħ il-ftuħ u mqiegħed fuq screen elettroniku f’post speċifiku. Għaldaqstant il-Bord tal-Appell qies ġustament, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti, li dan is-sinjal ma kienx indipendenti mid-dehra tal-prodotti li huwa jindika.

37      Il-Bord tal-Appell qies li l-fatt li ark ta’ ċirku jitqiegħed fil-part ta’ barra tal-muntatura ta’ screen elettroniku kien jikkostitwixxi, mill-perspettiva tal-konsumatur tal-prodotti inkwistjoni, sempliċi dekorazzjoni tal-iscreen. Il-konsumatur ma pperċepixxiex din id-dekorazzjoni partikolarment sempliċi bħala l-indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti. Il-Bord tal-Appell irrileva li, minkejja l-fatt li l-konsumatur ġeneralment ma jagħti ebda attenzjoni, jew jagħti biss ftit attenzjoni, lid-dehra estetika tal-iscreens, xejn ma kien jindika li prodotti intiżi għall-finijiet industrijali ġeneralment ma jippreżentaw ebda element estetiku.

38      Din l-analiżi tal-Bord tal-Appell għandha tintlaqa’. Hemm lok li jiġi rrilevat li, għalkemm l-apparat imsemmi fl-applikazzjoni għal trade mark huma ġeneralment ta’ dehra serja, huma ma humiex kompletament nieqsa mid-dehra estetika. Fil-fatt, mill-Anness A.6 sa A.14 tar-rikors jirriżulta li huwa komuni li jiġi inkluż element ta’ kulur fid-display, madwar l-iscreen ta’ dan l-apparat, jew fuq il-buttuni ħdejn l-iscreen, jew f’kulur jgħajjat fuq il-muntatura tal-iscreen stess. B’mod partikolari, wieħed mill-produtturi, li l-fuljett tiegħu jinsab fl-Anness A.12, iwaħħal erba’ linji kkurvati bil-kulur isfar jgħajjat madwar l-iscreen. Bid-differenza tar-rikorrenti, il-produtturi l-oħra li l-fuljetti tagħhom ġew annessi mar-rikors jinkludu isimhom fuq l-iscreen fuq il-prodotti tagħhom. Għaldaqstant il-konsumatur huwa mdorri jara elementi ta’ kulur fuq l-apparat imsemmija mill-applikazzjoni għat-trade mark. Huwa jipperċepixxihom bħala element dekorattiv u mhux bħala l-indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali ta’ dawn il-prodotti, speċjalment li, b’mod ġenerali, il-produtturi tagħhom iwaħħlu hemmhekk isimha sabiex jindikaw il-provenjenza tagħhom.

39      Is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni jirrappreżenta element sempliċi. Minkejja l-kulur jgħajjat tiegħu, huwa ma jinkludi ebda element impressjonanti li jiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku rilevanti, għalkemm dan tal-aħħar għandu jitqies li għandu attenzjoni għolja. Kif jirriżulta mill-punt 38 iktar ’il fuq u kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, huwa komuni, fis-settur inkwistjoni, li tiġi inkluża tali “indikazzjoni viżwali” ta’ kulur madwar l-iscreen tal-apparat. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma sostniex li grad ta’ lewn isfar speċifiku ġie inkluż mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tippreżenta ebda karattru uniku, oriġinali jew mhux tas-soltu.

40      In-nuqqas ta’ effett tekniku jew funzjonali tal-pożizzjonament tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni, imqajjem mir-rikorrenti, ma jqiegħedx inkwistjoni din l-evalwazzjoni. Sabiex ikollu grad minimu ta’ element distintiv kif meħtieġ fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għandu jidher biss a priori kapaċi, fih innifsu, li jippermetti lill-pubbliku rilevanti li jidentifika l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u sabiex jiddistingwihom minn dawk ta’ impriżi oħra, mingħajr konfużjoni possibbli, minn dawk li ġejjin minn provenjenza oħra [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Ġunju 2007, IVG Immobilien vs UASI (I), T‑441/05, Ġabra p. II‑1937, point 55]. Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Is-sinjal li għaliha saret l-applikazzjoni ma jinkludi ebda element karatteristiku, la ta’ natura importanti jew attraenti, li jista’ jikkonferixxilu grad minimu ta’ karattru distintiv u li jippermetti lill-konsumatur li jipperċepixxih bħala xi ħaġa oħra minn dekorazzjoni tipika tad-display tal-prodotti fil-klassijiet 7 u 9 sa 11.

41      Għalhekk, is‑sempliċi fatt li trade marks oħra, anki meta huma stess kienu wkoll sempliċi, tqiesu li għandhom il‑kapaċità li jindikaw l-oriġini tal-prodotti indikati u, għaldaqstant, li ma għandhomx karattru distintiv, ma huwiex deċiż sabiex jiġi ddeterminat jekk it‑trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandhiex ukoll il‑karattru distintiv minimu meħtieġ sabiex tkun tista’ tiġi rreġistrata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rappreżentazzjoni ta’ nofs ta’ tbissima ta’ smiley, punt 19 iktar ’il fuq, punt 34). Madankollu, huwa possibbli għal trade mark li takkwista karattru distintiv permezz tal-użu tagħha ratione temporis, iżda r-rikorrenti ma ressqet ebda argument abbażi tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 f’dan il-każ.

42      Konsegwentement, hemm lok li jiġi konkluż li l-Bord tal‑Appell ma wettaqx żball meta kkonstata li, minħabba n‑nuqqas ta’ diverġenza sinjifikattiva mill-abitudni jew mill-użanzi tal-qasam inkwistjoni, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tiġi pperċepita mill‑pubbliku rilevanti bħala element dekorattiv u, konsegwentement, ma kinitx ta’ karattru distintiv skont l‑Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Għalhekk, it-tieni parti ta’ dan l-uniku motiv għandha tiġi miċħuda.

43      Peress li ż-żewġ partijiet tal-motiv huma miċħuda, dan tal-aħħar għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

44      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill‑UASI, kif mitlub minn dan tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Sartorius Lab Instruments GmbH & Co. KG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Frar 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.