Language of document : ECLI:EU:T:2015:376

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

12 ta’ Ġunju 2015 (*)

“Protezzjoni tal-konsumaturi — Indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel — Regolament (UE) Nru 432/2012 — Rikors għal annullament — Att regolatorju li ma jinkludix miżuri ta’ implementazzjoni — Interess dirett — Ammissibbiltà — Regolament (KE) Nru 1924/2006 — Eċċezzjoni ta’ illegalità — Reġistru tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa”

Fil-Kawża T‑334/12,

Plantavis GmbH, stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja),

NEM, Verband mittelständischer europäischer Hersteller und Distributoren von Nahrungsergänzungsmitteln & Gesundheitsprodukten eV, stabbilita f’Laudert (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn T. Büttner, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Pignataro-Nolin u S. Grünheid, bħala aġenti,

u

L-Aġenzija Ewropea tas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA), irrappreżentata minn D. Detken, bħala aġent, assistit minn R. Van der Hout u A. Köhler, avukati,

konvenuta,

sostnuti minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn J. Rodrigues u P. Schonard, bħala aġenti,

intervenjenti insostenn tal-Kummissjoni,

u minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Simm u I. Šulce, bħala aġenti,

intervenjenti insostenn tal-Kummissjoni u tal-EFSA,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament, minn naħa, tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, p. 9), u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 432/2012, tas-16 ta’ Mejju 2012, li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (ĠU L 136, p. 1), kif ukoll tar-Reġistru Komunitarju dwar l-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, ippubblikat fis-sit internet tal-Kummissjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn M. Kancheva (Relatur), li qed jaġixxi bħala President, C. Wetter u E. Bieliūnas, Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Ottubru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Plantavis GmbH u NEM, Verband mittelständischer europäischer Hersteller und Distributoren von Nahrungsergänzungsmitteln & Gesundheitsprodukten eV, huma stabbiliti fil-Ġermanja u huma, rispettivament, impriża li tipproduċi u tikkummerċjalizza supplimenti tal-ikel u ikel djetetiku fis-suq Ewropew u assoċjazzjoni professjonali li tirrappreżenta l-interessi ta’ impriżi li għandhom din it-tip ta’ attività. Dawn tal-aħħar kuljum jużaw indikazzjonijiet dwar is-saħħa fuq l-ittikkettjar tal-prodotti tagħhom u fir-reklamar tagħhom.

2        Wara l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, p. 9), ir-rikorrenti ppreżentaw indikazzjonijiet dwar is-saħħa lill-awtoritajiet tal-Istati Membri tagħhom għall-finijiet tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 13(1) u (3) ta’ dan ir-regolament. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew irċeviet sussegwentement listi b’iktar minn 44 000 indikazzjoni dwar is-saħħa mill-Istati Membri skont l-Artikolu 13(2) tal-imsemmi regolament. F’dan il-kuntest, lista kkonsolidata, intiża sabiex jiġu integrati l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa trażmessi mill-Istati Membri u li jiġu evitati duplikazzjonijiet u ripetizzjonijiet, kif ukoll sistema kkodifikata li tiggarantixxi, skont il-Kummissjoni, ipproċessar koerenti tal-listi nazzjonali u l-identifikazzjoni tal-imsemmija indikazzjonijiet mill-użu ta’ numri “ID” ġew ikkostitwiti.

3        Fl-24 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni ressqet b’mod formali lill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) talba għal opinjoni xjentifika skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006. F’din l-okkażjoni, il-Kummissjoni ressqet lill-EFSA l-ewwel parti tal-lista kkonsolidata. Il-kumplament tal-partijiet tal-lista kkonsolidata ġiet trażmessa f’Novembru u f’Diċembru 2008 wara konsultazzjoni mal-Istati Membri, u sussegwentement, permezz ta’ addendum, f’Marzu 2010, in-numru finali ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa li għandhom jiġu eżaminat tela’ għal 4 637.

4        Bejn Ottubru 2009 u Lulju 2011, l-EFSA wettqet l-evalwazzjoni xjentifika tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa trażmessi mill-Kummissjoni.

5        Fis-16 ta’ Mejju 2012, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 432/2012, li jistabbilixxi lista ta’ dikjarazzjonijiet sanitarji permessi dwar l-ikel, ħlief dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (ĠU L 136, p. 1). F’dan ir-regolament, hija awtorizzat lista parzjali ta’ 222 indikazzjoni dwar is-saħħa, li jikkorrispondu għal 497 entrata inklużi fil-lista kkonsolidata li għalihom l-EFSA kkonkludiet, essenzjalment, li d-data ppreżentata ġiet stabbilita relazzjoni ta’ kawża u effett bejn kategorija ta’ prodotti tal-ikel, tip ta’ prodotti ta’ ikel jew wieħed mill-kostitwenti tal-prodotti tal-ikel, u l-effett indikat (iktar ’il quddiem il-“lista ta’ indikazzjonijiet permessi”). L-imsemmija indikazzjonijiet, kif ukoll indikazzjonijiet oħrajn li kienu ġew miċħuda, ġew ukoll inklużi fir-Reġistru tal-Unjoni dwar l-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u dwar is-saħħa li jikkonċernaw prodotti tal-ikel, stabbilit mill-Kummissjoni konformement mal-Artikolu 20(2)(ċ) u (d) tar-Regolament Nru 1924/2006. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbilixxiet li r-Regolament Nru 432/2012 għandu japplika sa sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, jiġifieri mill-14 ta’ Diċembru 2012, sabiex jippermetti lill-operaturi tas-settur tal-ikel li jużaw indikazzjonijiet dwar is-saħħa jadattaw għad-dispożizzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari l-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni prevista mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

6        Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni stabbilixxiet lista’ ta’ iktar minn 2 000 indikazzjoni li l-EFSA għadha ma lestietx l-evalwazzjoni tagħhom jew li fuqhom hija għadha ma ddeċidietx fuqhom, u hija ppubblikat din il-lista fis-sit internet tagħha. Skont il-Kummissjoni, dawn l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa, li jirrigwardaw b’mod partikolari fuq l-effetti tal-pjanti jew sustanzi tal-ħxejjex, imsemmija “sostanzi botaniċi”, jibqgħu sospiżi u jistgħu għalhekk jibqgħu jintużaw skont is-sistema tranżitorja prevista fl-Artikoli 28(5) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

7        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Lulju 2012, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

8        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni u tal-EFSA.

9        B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Novembru 2012, il-Parlament Ewropew talab sabiex jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

10      B’digriet tad-15 ta’ Jannar 2013, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dawn l-interventi.

11      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

12      Peress li l-President tat-Tmien Awla ma setax jipparteċipa, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar, skont l-ordni previst fl-Artikolu 6 tar-Regoli tal-Proċedura, l-ewwel imħallef sabiex jissostitwixxih u, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura, it-tieni mħallef sabiex jikkompleta l-Awla.

13      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, minn naħa, stiednet lir-rikorrenti, l-ewwel nett, jipprovdulha l-lista ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jikkonċernawha u jindikaw b’mod preċiż l-istatus tal-imsemmija indikazzjonijiet, jiġifieri jekk dawn kinux ġew permessi, miċħuda jew sospiżi wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 432/2012, it-tieni nett, li jippreċiżaw b’mod konkret l-atti koperti mir-rikors tagħhom kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija atti li huma s-suġġett tat-talba tagħhom għal annullament u, it-tielet nett, li jippreċiżaw it-talbiet ifformulati fir-rikors tagħhom prinċipalment u sussidjarjament. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jispeċifikaw jekk ir-Regolament Nru 432/2012 jikkostitwixxix, fil-fehma tagħhom, att regolatorju li jikkonċerna r-rikorrenti direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tat-tielet każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ din l-istedina fit-terminu stabbilit.

14      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-23 ta’ Ottubru 2014.

15      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali tannulla l-projbizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1924/2006, moqrija flimkien mar-Regolament Nru 432/2012 u mar-Reġistru tal-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel ippubblikati fis-sit internet tal-Kummissjoni (iktar ʼil quddiem ir-“Reġistru tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi”), kif ukoll l-evalwazzjonijiet tal-indikazzjonijiet tal-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa magħmula mill-EFSA, li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha.

16      Il-Kummissjoni u l-EFSA jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

17      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, bħala tweġiba għal waħda mid-domandi li sarulhom fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, minn naħa, ir-rikorrenti ppreċiżaw lill-Qorti Ġenerali, li t-talba tagħhom għal annullament kienet diretta, prinċipalment u abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, kontra r-Regolament Nru 432/2012. Min-naħa l-oħra, huma indikaw li t-talba tagħhom hija intiża, inċidentalment u abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, li tiġi ddikjarata, insostenn tat-talbiet għal annullament, l-inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 1924/2006. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jitolbu, fil-kuntest tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, l-annullament tar-Reġistru tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi kif ukoll evalwazzjonijiet tal-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa magħmula mill-EFSA, li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha.

 Fuq it-talba għal annullament tar-Regolament Nru 432/2012

18      Mingħajr ma tqajjem b’mod formali eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni u l-EFSA, sostnuti mill-Kunsill u l-Parlament, isostnu li t-talba għall-annullament tar-Regolament Nru 432/2012 hija inammissibbli. B’mod partikolari, huma jsostnu li, anki jekk ir-Regolament Nru 432/2012 jitqies li huwa att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti ma urewx li huma kienu direttament ikkonċernati mill-imsemmi regolament. L-EFSA żżid, barra minn hekk li, fi kwalunkwe każ, l-imsemmija talba għal annullament għandha tiġi miċħuda sa fejn hija diretta kontriha, peress li r-Regolament Nru 432/2012 ġie adottat biss mill-Kummissjoni.

19      Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argumenti tal-Kummissjoni u tal-EFSA dwar l-inammissibbiltà tar-rikors. Qabel kollox, huma jsostnu li r-Regolament Nru 432/2012 huwa att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni. Sussegwentement, huma jsostnu li, konformement mal-ġurisprudenza, dan ir-regolament jikkonċernahom direttament, peress li, minn naħa, jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tagħhom u, min-naħa l-oħra, ma jħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji li huma responsabbli għall-implementazzjoni tiegħu.

20      Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, kif ġustament issostni l-EFSA, it-talba għal annullament tar-Regolament Nru 432/2012 għandha tiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn din it-talba tikkonċerna l-imsemmija awtorità, peress li ma hijiex l-awtur tal-att ikkontestat. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li hija l-Kummissjoni li adottat, wara li kkonsultat l-EFSA, il-lista ta’ indikazzjonijiet permessi skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, kif ukoll il-kundizzjonijiet neċessarji kollha għall-użu ta’ dawn l-indikazzjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din it-talba għal annullament għandha titqies li hija diretta biss kontra l-Kummissjoni.

21      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafi tal-istess artikolu, tippreżenta rikors kontra l-att indirizzati lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra l-atti regolatorji li jirrigwardawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni.

22      F’dan il-każ, huwa stabbilit li r-Regolament Nru 432/2012 ma kienx indirizzat lir-rikorrenti, li għalhekk ma humiex id-destinatarji ta’ dan l-att. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti ma jistgħux jippreżentaw rikors għal annullament kontra dan l-att ħlief jekk, jew jikkostitwixxi att regolatorju li jikkonċernahom direttament u li ma għandu l-ebda miżuri ta’ implementazzjoni, jew li jikkonċernahom direttament u individwalment.

23      Għalhekk, fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk ir-regolament ikkontestat jikkostitwixxix att regolatorju, fis-sens tat-tielet każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

24      Skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ “att regolatorju” għandu jinftiehem li jinvolvi atti ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni ta’ atti leġiżlattivi (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑583/11 P, Ġabra, EU:C:2013:625, punt 60).

25      Fil-każ ineżami, minn naħa, ir-Regolament Nru 432/2012 għandu bażi legali l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, li jikkonferixxi lill-Kummissjoni l-mandat li tadotta, konformement mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(3) tal-istess regolament, lista ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel differenti minn dawk li jirreferu għat-tnaqqis tar-riskju ta’ mard kif ukoll għall-iżvilupp u għas-saħħa tat-tfal. L-Artikolu 25(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1924/2006 jirreferi, min-naħa tiegħu, għall-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/486/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implementazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124), li huwa rriżervat għall-adozzjoni ta’ miżuri li kellhom bħala suġġett li jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ att bażiku adottat skont il-proċedura ta’ kodeċiżjoni. Minn dan jirriżulta li r-Regolament Nru 432/2012 kien adottat mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ implementazzjoni, fil-kuntest tal-proċedura regolatorja bi skrutinju u li, konsegwentement, ma jikkostitwixxix att leġiżlattiv fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (EU:C:2013:625, punt 24 iktar ’il fuq).

26      Min-naħa l-oħra, peress li r-Regolament Nru 432/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1924/2006, japplika għall-operaturi kollha tal-settur tal-ikel li jużaw indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel differenti minn dawn li jirreferu għat-tnaqqis tar-riskju ta’ mard kif ukoll għall-iżvilupp u għas-saħħa tat-tfal, għandu jiġi konkluż li l-imsemmi regolament għandu portata ġenerali, li japplika għal sitwazzjonijiet determinati b’mod oġġettiv u jkollu effetti legali vinkolanti fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Microban International u Microban (Europe) vs Il-Kummissjoni, T‑262/10, Ġabra, EU:T:2011:623, punt 23].

27      Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 432/2012 jikkostitwixxi att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu, fl-aħħar, tal-Artikolu 263 TFUE.

28      Fit-tieni lok, rigward il-kunċett ta’ interess dirett, ġie deċiż li din il-kundizzjoni teħtieġ, l-ewwel nett, li l-miżura kkontestata toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti u, it-tieni nett, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ din il-miżura li huma inkarigati mill-implementazzjoni tagħha, peress li din għandha natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni kkontestata mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji (sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il-Kummissjoni, C‑386/96 P, Ġabra, EU:C:1998:193, punt 43, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Ente per le Ville Vesuviane u Ente per le Ville Vesuviane vs Il-Kummissjoni, C‑445/07 P u C‑455/07 P, Ġabra, EU:C:2009:529, punt 45).

29      F’dan il-każ, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-effetti li jirriżultaw mir-Regolament Nru 432/2012 jikkonsistu, minn naħa, li jawtorizzaw, skont l-Artikolu 1 tiegħu, total ta’ 222 indikazzjoni dwar is-saħħa li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel differenti minn dawk li jirreferu għat-tnaqqis tar-riskju ta’ mard kif ukoll għall-iżvilupp u għas-saħħa tat-tfal. Barra minn hekk, kif espost fil-premessi 12 u 13 tar-Regolament Nru 432/2012, dan tal-aħħar għandu l-effett li jipprojbixxi, skont l-applikazzjoni tiegħu flimkien mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1924/2006, ċertu numru ta’ indikazzjonijiet tal-isem tip, li l-evalwazzjoni u l-verifika tagħhom skont l-Artikolu 13(3) tal-imsemmi regolament intemmu mill-EFSA u mill-Kummissjoni rispettivament, billi kkonkludew, essenzjalment, li huma ma kellhomx bażi xjentifika jew li huma ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ġenerali jew speċifiċi previsti mill-imsemmi regolament.

30      Minn dawn isegwi li, peress li r-rikorrenti, bħala operaturi tal-qasam tal-ikel, jikkontestaw il-legalità tar-Regolament Nru 432/2012, huma għandhom l-obbligu li jidentifikaw, għall-finijiet li juru li huma għandhom interess dirett fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-indikazzjonijiet ikkonċernati mill-imsemmi regolament li jippreġudikaw is-sitwazzjoni ġuridika tagħhom. B’mod iktar partikolari, sa fejn, kif jirriżulta essenzjalment mis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi ma humiex is-suġġett tar-rikors tagħhom, għar-raġuni li r-rikorrenti ma jistgħu joqgħodu fuq ebda interess ibbażat fuq l-evalwazzjoni eventwali tagħhom, dawn tal-aħħar għandhom l-obbligu li juru li, waqt il-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, huma jużaw, fil-komunikazzjonijiet kummerċjali li jirrigwardaw il-prodotti tagħhom, indikazzjonijiet ipprojbiti wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 432/2012.

31      Fil-każ ineżami, b’risposta għat-talba indirizzata lir-rikorrenti fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li skonthom il-Qorti Ġenerali stednithom li tipprovdilhom il-lista ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa tar-Regolament Nru 432/2012 li tikkonċernahom, billi jindikaw b’mod preċiż l-istatus tal-imsemmija indikazzjonijiet, ir-rikorrenti rrilevaw biss li l-indikazzjonijiet li għalihom huma kellhom rikors fil-kuntest tal-attività kummerċjali tagħhom kienu dawk li jirriżultaw mill-Anness A.1 tar-rikors tagħhom.

32      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi anness jirreferi biss għal-lista ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa li r-rikorrenti bagħtu lill-awtoritajiet Ġermaniżi għall-iżvilupp ta’ listi nazzjonali li għaliha jirreferi l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1924/2006, mingħajr ma tipprovdi tweġiba għall-mistoqsija dwar jekk kull waħda minn dawn l-indikazzjonijiet ġewx awtorizzati jew miċħuda mir-Regolament Nru 432/2012. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm huwa minnu li din l-informazzjoni tista’ tinkiseb billi jiġu kkonsultati, minn naħa, l-anness tal-imsemmi regolament, u, min-naħa l-oħra, ir-reġistru ppubblikat mill-Kummissjoni fis-sit internet tagħha, li l-konnessjoni saret magħrufa lill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-proċess, ma hijiex din il-qorti li għandha teżamina u tidentifika l-indikazzjonijiet li jistgħu, jekk ikun il-każ, jiffurmaw il-bażi tal-ammissibbiltà tar-rikors tar-rikorrenti, b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, huma kkonċernati madwar 2 000 indikazzjoni dwar is-saħħa, li minnhom 222 kienu awtorizzati, li jikkorrispondu għal 497 entrata fil-lista kkonsolidata, u 1 719‑il indikazzjoni kienu pprojbiti [ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-8 ta’ Lulju 2010, Strålfors vs UASI (ID SOLUTIONS), T‑211/10, EU:T:2010:301, punt 7 u l-ġurisprudenza ċċitata].

33      Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma rnexxilhomx jidentifikaw l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa kkonċernati mir-Regolament Nru 432/2012 li l-projbizzjoni tagħhom tippreġudika s-sitwazzjoni ġuridika tagħhom.

34      Il-konklużjoni ta’ hawn fuq ma hijiex ikkontestata mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, kemm fir-rigward ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura kif ukoll waqt is-seduta.

35      L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li huma jkunu direttament ikkonċernati mir-Regolament Nru 432/2012, minħabba li, wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li, bħal dawk tagħhom, ma ġewx permessi mill-Kummissjoni huma neċessarjament ipprojbiti skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1924/2006.

36      Madankollu, anki jekk wieħed jassumi li, kif jaffermaw ir-rikorrenti, l-indikazzjonijiet li jikkonċernawhom ma ġewx permessi mir-Regolament Nru 432/2012, tali affermazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex jiġu identifikati preċiżament l-indikazzjonijiet mhux permessi li jistgħu jkunu ta’ bażi għall-interess tar-rikorrenti. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessi 10 u 11 tar-Regolament Nru 432/2012, iktar minn 2 000 indikazzjoni dwar is-saħħa li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 13(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1924/2006 għadhom qed jistennew evalwazzjoni u għaldaqstant jistgħu jintużaw konformement mal-miżuri tranżitorji previsti fl-Artikolu 28(5) u (6) tal-istess regolament. F’dan il-kuntest, ma jistax jiġi eskluż li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jikkonċernaw lir-rikorrenti jagħmlu parti mil-lista ta’ indikazzjonijiet pendenti. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, f’dan ir-rigward li, sa fejn l-indikazzjonijiet pendenti għadhom qed jiġu evalwati u fejn il-Kummissjoni ma tkunx iddeċidiet b’mod definittiv kemm fuq l-approvazzjoni tagħhom kif ukoll fuq il-projbizzjoni tagħhom, huma ma jistgħux jagħtu lok għal rikors għal annullament. Fil-fatt, l-indikazzjonijiet li jibqgħu pendenti għandhom ikomplu jgawdu mis-sistema ġuridika applikabbli għalihom qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 432/2012. Konsegwentement, l-impriżi kkonċernati minn dawn l-indikazzjonijiet jistgħu jkomplu jużawhom fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-ikel konformement mal-Artikolu 28(5) u (6) tar-Regolament Nru 1924/2006.

37      It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-indikazzjonijiet miċħuda ma jistgħux jiġu identifikati faċilment mill-operaturi tas-suq, li ma jistgħux għaldaqstant ikunu jafu liema indikazzjonijiet ġew miċħuda u liema indikazzjonijiet jistgħu jibqgħu jintużaw konformement mal-Artikolu 28(5) u (6) tar-Regolament Nru 1924/2006.

38      Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-premessi 4 u 11 tar-Regolament Nru 432/2012 jinkludu riferiment għas-siti internet rispettivi tal-EFSA u tal-Kummissjoni, fejn huma disponibbli għall-pubbliku, minn naħa, il-lista kkonsolidata li telenka l-kodiċijiet ID kollha ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa ID trażmessi mill-Istati Membri taħt l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 u, min-naħa l-oħra, il-lista li tenumera l-kodiċijiet ID relatati mal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li qed jiġu evalwati kif ukoll il-lista tal-kodiċijiet ID relatati mal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li ġew miċħuda. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li l-identifikazzjoni ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa mhux permessi u indikazzjonijiet dwar is-saħħa li għadhom pendenti tirriżulta mill-konsultazzjoni tal-lista kkonsolidata fid-dawl ta’ kodiċijiet ID ipprovduti mill-Kummissjoni, b’tali mod li l-approċċ tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta’ ċarezza jew ta’ preċiżjoni f’dan is-suġġett għandu jiġi miċħud.

39      It-tielet nett, minkejja li r-rikorrenti jsostnu li għandu jiġu applikat għall-kawża preżenti t-tagħlimiet tas-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Hagenmeyer u Hahn vs Il-Kummissjoni (T‑17/12, Ġabra, EU:T:2014:234), li fiha l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet l-interess dirett ta’ żewġ rikorrenti għall-motiv biss tat-tressiq minnhom ta’ talba għal awtorizzazzjoni ta’ indikazzjoni dwar is-saħħa mal-awtoritajiet nazzjonali, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li din is-sentenza tikkonċerna l-proċedura ta’ permess taħt l-Artikoli 14 sa 18 tar-Regolament Nru 1924/2006, dwar l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa relatati mat-tnaqqis ta’ riskju ta’ mard u l-indikazzjonijiet relatati mal-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal, li hija differenti mill-proċedura ta’ permess rilevanti fil-każ preżenti, jiġifieri dik li tinsab fl-Artikolu 13(1) sa (3) tal-istess regolament, dwar l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa minbarra dawk li jirreferu għal tnaqqis tar-riskju ta’ mard kif ukoll għall-iżvilupp u għas-saħħa tat-tfal. Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, kif il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punt 42 tas-sentenza Hagenmeyer u Hahn vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq (EU:T:2014:234), il-proċedura taħt l-Artikoli 14 sa 18 tar-Regolament Nru 1924/2006 tinbeda mit-talba għal permess ta’ individwi, li jistgħu għaldaqstant jippreżentaw osservazzjonijiet fuq l-opinjonijiet tal-EFSA u jiksbu deċiżjoni individwali, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13(1) sa (3) tal-istess regolamenti hija bbażata fuq listi ta’ indikazzjonijiet imressqa mill-Istati Membri, peress li l-individwi ma jistgħux iressqu talba għal permess b’mod individwali. It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, b’mod differenti mill-każ preżenti, fil-kuntest tas-sentenza Hagenmeyer u Hahn vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq (EU:T:2014:234), il-Qorti Ġenerali kkonstatat l-eżistenza ta’ interess dirett tar-rikorrenti, sa fejn id-deċiżjoni finali dwar ir-rifjut relatata mat-talba tagħhom għal permess tinsab fir-regolament ikkontestat. Issa, f’din il-kawża, kif jirriżulta mill-konklużjoni milħuqa fil-punt 33 iktar ʼil fuq, ir-rikorrenti naqsu milli juru li deċiżjoni finali ta’ ċaħda, dwar l-indikazzjonijiet li jikkonċernawhom, titnissel mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 432/2012. Għaldaqstant, is-soluzzjoni adottata fil-qafas tas-sentenza Hagenmeyer u Hahn vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq (UE:T:2014:234), ma tistax tapplika f’dan il-każ.

40      Ir-raba’ nett, matul is-seduta, ir-rikorrenti sostnew ukoll li l-indikazzjonijiet li huma kienu indirizzaw lill-awtoritajiet Ġermaniżi qatt ma ġew trażmessi lill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 u li huma injoraw ir-raġunijiet għal din l-ommissjoni.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, huma l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri li għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-lista ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa li għandhom, sussegwentement, ikunu suġġetti għal evalwazzjoni xjentifika mill-EFSA u għall-verifika tal-kundizzjonijiet l-oħra previsti fir-Regolament Nru 1924/2006 mill-Kummissjoni. Minn dan isegwi li, fil-każ li, kif isostnu r-rikorrenti, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma ttrażmettewx il-lista ta’ indikazzjonijiet li r-rikorrenti bagħtulhom, kull ilment relatat ma’ din l-allegata ommissjoni tista’ tiġi eżaminata biss mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

42      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta, essenzjalment, mill-qari flimkien tal-premessi 13 u 15 tar-Regolament Nru 432/2012, l-indikazzjonijiet biss li ntbagħtu lill-Kummissjoni, mingħajr ma ġew irtirati iktar tard mill-Istati Membri, li sussegwentement ġew eżaminati mill-EFSA u li fuqhom il-Kummissjoni finalment ippronunzjat ruħha, billi ppermettiethom jew ċaħdithom, huma koperti mill-imsemmi regolament. Issa, jekk jirriżulta li l-indikazzjonijiet imressqa mir-rikorrenti lill-awtoritajiet Ġermaniżi ma ġewx trażmessi minnhom lill-Kummissjoni, jew jekk dawn ikunu ġew irtirati mill-awtoritajiet imsemmija, għandu għaldaqstant jiġi kkonstatat li dawn l-indikazzjonijiet ma setgħux jiġu eżaminati mill-EFSA u mill-Kummissjoni u li, għaldaqstant, ma jistgħux jiġu koperti mir-Regolament Nru 432/2012.

43      Barra minn hekk, kif irrilevat il-Kummissjoni waqt is-seduta, ma hemm xejn li jeskludi li dawn l-indikazzjonijiet jkunu ġew trażmessi mill-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra u dawn setgħu b’hekk ġew miċħuda jew ikunu pendenti. F’dan il-każ, l-interess dirett tar-rikorrenti f’din il-kawża jista’, konformement mal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 30 iktar ʼil fuq, jiġi kkonstatat biss wara d-determinazzjoni preċiża, minnhom, tal-istatus ta’ kull waħda mill-imsemmija indikazzjonijiet.

44      Fl-aħħar nett, għalkemm ir-rikorrenti jallegaw li, f’dan il-kuntest, huma mċaħħda minn kull possibbiltà li jiksbu l-permess tal-indikazzjonijiet li huma jużaw kuljum fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħhom, ir-rikors kontra r-Regolament Nru 432/2012 kien l-uniku mod ta’ azzjoni għal dan il-għan, tali argument ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, kieku ġara li l-awtoritajiet nazzjonali ma indirizzawx l-imsemmija indikazzjonijiet lill-Kummissjoni, b’tali mod li dawn ma jkunux parti mill-proċedura ta’ permess inkwistjoni, ir-rikorrenti xorta jistgħu jirreferu l-kwistjoni lil dawn l-awtoritajiet, li għandhom is-setgħa li jitolbu lill-Kummissjoni sabiex timmodifika, wara li tikkonsulta l-EFSA, il-lista ta’ indikazzjonijiet permessi konformement mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 1924/2006.

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti naqsu milli juru li huma kienu direttament ikkonċernati mir-Regolament Nru 432/2012

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba tagħhom għall-annullament tar-Regolament Nru 432/2012 għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263.

 Fuq it-talba sabiex tinkiseb l-inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 1924/2006

47      Il-Kummissjoni u l-EFSA, sostnuti mill-Kunsill u mill-Parlament, jallegaw li t-talba għall-annullament tar-Regolament Nru 1924/2006 hija inammissibbli, peress li ma tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 277 TFUE sabiex titqies li hija eċċezzjoni ta’ illegalità.

48      Ir-rikorrenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

49      Skont l-Artikolu 277 KE “[m]inkejja l-iskadenza tal-perijodu stabbilit fis-sitt subparagrafu ta’ l-Artikolu 263 [TFUE] kwalunkwe parti tista’, fi proċedimenti li fihom ikun hemm involut att ta’ applikazzjoni ġenerali adottat minn istituzzjoni, korp jew organu ta’ l-Unjoni, tinvoka l-eċċezzjonijiet tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 263 [TFUE] sabiex tinvoka l-inapplikabbiltà ta’ dak l-att quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea”.

50      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-possibbiltà offruta mill-Artikolu 277 TFUE li tiġi invokata l-illegalità ta’ att ta’ portata ġenerali ma tikkostitwixxix dritt awtonomu ta’ azzjoni u tista’ tiġi eżerċitata biss b’mod inċidentali, peress li l-inammissibbiltà tal-azzjoni prinċipali twassal għaldaqstant għal dik tal-eċċezzjoni ta’ illegalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 1981, Albini vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, 33/80, Ġabra, EU:C:1981:186, punt 17, u d-digriet tas-16 ta’ Novembru 2000, Schiocchet vs Il-Kummissjoni, C‑289/99 P, Ġabra, EU:C:2000:641, punti 11 u 25).

51      Barra minn hekk, eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma b’mod inċidentali skont l-Artikolu 277 TFUE, fl-okkażjoni tal-kontestazzjoni fil-kawża prinċipali tal-legalità ta’ att terz, hija ammissibbli biss meta teżisti rabta ta’ konnessjoni bejn dan l-att u n-norma li l-illegalità allegata hija eċċepita. Sa fejn l-Artikolu 277 TFUE ma għandux l-għan li jippermetti lil parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ kwalunkwe att ta’ natura ġenerali li jkun insostenn ta’ kwalunkwe rikors, il-portata ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tkun limitata għal dak li huwa indispensabbli għas-soluzzjoni tat-tilwima. Minn dan jirriżulta li l-att ġenerali li l-illegalità tiegħu hija mqajma għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-kawża li hija s-suġġett tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 1993, Reinarz vs Il-Kummissjoni, T‑6/92 u T‑52/92, Ġabra, EU:T:1993:89, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      F’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li l-ammissibbiltà tat-talba magħmula abbażi tal-Artikolu 277 TFUE tiddependi, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 iktar ʼil fuq, fuq l-ammissibbiltà tar-rikors intiż li jannulla r-Regolament Nru 432/2012.

53      Peress li, kif ġie kkonstatat fil-punt 46 hawn fuq, it-talba għal annullament tar-Regolament Nru 432/2012 ġiet iddikjarata inammissibbli, hemm lok li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tiġi ddikjarata wkoll bħala li hija inammissibbli.

 Fuq it-talba għal annullament tar-Reġistru tal-indikazzjonijiet, kif ukoll tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-EFSA

54      Il-Kummissjoni u l-EFSA jsostni li la r-Reġistru tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa u lanqas l-evalwazzjonijiet magħmula mill-EFSA fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 13(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1924/2006 ma jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn ma humiex atti li għandhom effetti vinkolanti li jistgħu jimmodifikaw is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti.

55      Ir-rikorrenti jsostnu li kemm il-pubblikazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fir-Reġistru tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi kif ukoll il-pubblikazzjonijiet tal-EFSA huma suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Unjoni skont l-Artikolu 263 TFUE. Dwar l-EFSA, huma jsostnu li din fil-fatt teżerċita funzjoni deċiżiva li tipproduċi effetti ġuridiċi diretti kontra terzi fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-Regolamenti Nru 1924/2006 u Nru 432/2012.

56      Skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-miżuri li għandhom effetti ġuridiċi vinkolanti, ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni ġuridika tiegħu, li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, skont l-Artikolu 263 TFUE (sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra, EU:C:1981:264, punt 9; tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C‑68/94 u C‑30/95, Ġabra, EU:C:1998:148, punt 62, u tal-4 ta’ Marzu 1999, Assicurazioni Generali u Unicredito vs Il-Kummissjoini, T‑87/96, Ġabra, EU:T:1999:37, punt 37). Sabiex jiġi stabbilit jekk att jew deċiżjoni jipproduċux tali effetti, għandu jsir riferiment għas-sustanza tagħhom (digriet tat-13 ta’ Ġunju 1991, Sunzest vs Il-Kummissjoni, C‑50/90, Ġabra, EU:C:1991:253, punt 12, u s-sentenza Franza et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq, EU:C:1998:148, punt 63).

57      Fil-kawża preżenti, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti jitolbu l-annullament “[t]al-pubblikazzjonijiet tal-Kummissjoni [...] li jinsabu fir-reġistru Komunitarju mizmum minnha, kif ukoll [t]al-evalwazzjonijiet tal-indikazzjonijiet dwar l-ikel u s-saħħa mwettqa mill-EFSA, li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha”.

58      Fir-rigward, l-ewwel nett, it-talba għal annullament tar-Reġistru tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi, għandu jiġi rrilevat, kif qalet il-Kummissjoni, li l-imsemmi reġistru nħoloq konformement mal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1924/2006 u li, bħala tali, ma jikkostitwixxix att ġuridiku fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 56 iktar ʼil fuq. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 31 tar-Regolament Nru 1924/2006, ir-Reġistru tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi huwa għodda ta’ komunikazzjoni għall-għanijiet ta’ trasparenza u ta’ informazzjoni sabiex jiġu evitati talbiet dwar indikazzjonijiet li diġà ġew evalwati. Għalkemm dan ir-reġistru jipprovdi informazzjoni dwar l-atti ġuridiċi adottati fil-qasam tal-indikazzjonijiet dwar l-ikel u dwar is-saħħa, jibqa’ l-fatt li ma huwiex maħsub sabiex jipproduċi effetti ġuridiċi fil-konfront ta’ terzi.

59      Għaldaqstant, ir-Reġistru tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi ma jistax ikun suġġett għal rikors skont l-Artikolu 263 TFUE.

60      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-opinjonijiet xjentifiċi tal-EFSA, ippubblikati wara evalwazzjonijiet magħmula konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif ġie indikat fil-punt 20 iktar ʼil fuq, l-EFSA taġixxi bħala awtorità li twettaq kompiti xjentifiċi u tekniċi, mingħajr ebda possibbiltà li jiġu adottati atti li jipproduċu effetti vinkolanti fuq is-sitwazzjoni ġuridika ta’ terzi.

61      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet, ta’ korpi u ta’ organi tal-Unjoni huma espliċitament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE u għalhekk ma jistgħux ikunu suġġetti għal rikors għal annullament [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Mejju 2012, Sepracor Pharmaceuticals (Ireland) vs Il-Kummissjoni, C‑477/11 P, EU:C:2012:292, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata].

62      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, għal dak li jikkonċerna atti jew deċiżjonijiet li l-elaborazzjoni tagħhom issir f’diversi fażijiet, fil-prinċipju, jikkostitwixxu biss atti li jistgħu jiġu kkontestati, il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fi tmiem il-proċedura, bl-esklużjoni ta’ miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1992, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑10/92 sa T‑12/92 u T‑15/92, Ġabra, EU:T:1992:123, punt 28).

63      F’din il-kawża, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, l-opinjonijiet xjentifiċi tal-EFSA jikkostitwixxu stadji intermedji tal-proċedura, li ma humiex tali li jistgħu jipproduċi effett fuq is-sitwazzjoni ġuridika ta’ terzi. Fil-fatt, kif ġie rrilevat mill-EFSA, din tal-aħħar tista’ tagħti opinjonijiet meta, bħal f’dan il-każ, il-kuntest ġuridiku rilevanti jipprovdih. Issa, f’tali każijiet, l-EFSA ma hijiex f’qagħda li tadotta atti li jipproduċu effetti ġuridiċi, peress li l-uniċi atti kontestabbli huma dawk li fihom id-deċiżjoni finali adottata mill-Kummissjoni dwar l-awtorizzazzjoni jew il-projbizzjoni tal-indikazzjonijiet eżaminati.

64      Konsegwentement, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-EFSA fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1924/2006 ma jistgħux ikunu suġġetti għal rikors skont l-Artikolu 263 TFUE.

65      Minn dan isegwi li, sa fejn la r-Reġistru tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi u lanqas l-opinjoni tal-EFSA ma jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu suġġetti għal rikors skont l-Artikolu 263 TFUE, it-tielet talba għal annullament tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud kollu kemm hu bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

67      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni u l-EFSA, skont kif mitlub minn dawn tal-aħħar.

68      Skont l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom u l-Qorti Ġenerali tista’ tordna lil intervenjenti biex tbati l-ispejjeż tagħha. F’din il-kawża, il-Kunsill u l-Parlament għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Plantavis GmbH u NEM, Verband mittelständischer europäischer Hersteller und Distributoren von Nahrungsergänzungsmitteln & Gesundheitsprodukten eV huma kkundannati li jbatu, barra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA).

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Kancheva

Wetter

Bieliūnas

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Ġunju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.