Language of document : ECLI:EU:T:2020:609

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Diċembru 2020 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Rimbors għall-ispejjeż mediċi – Limitu ta’ rimbors għall-apparati għall-apnea waqt l-irqad – Rikors għal annullament – Assenza ta’ att purament konfermattiv – Interess ġuridiku – Ammissibbiltà – Regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ mard tal-uffiċjali – Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni”

Fil-Kawża T‑736/19,

HA, irrappreżentata minn S. Kreicher, avukat,

rikorrenti,

kontra

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Bohr, A.-C. Simon u M. Brauhoff, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi limitu massimu għar-rimbors ta’ EUR 3 100 għall-kiri ta’ apparat mediku matul il-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2019 sad-29 ta’ Frar 2024,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni (Relatur), President, L. Madise u P. Nihoul, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea fil-verżjoni tagħhom applikabbli għat-tilwima (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprovdi:

“1.      Uffiċjal, il-konsorti tiegħu, fejn it-tali konsorti mhux eliġibbli għall-benefiċċji ta’ l-istess natura u fuq l-istess livell bis-saħħa ta’ xi dispożizzjoni jew regolament ieħor, it-tfal tiegħu u dipendenti oħra fis-sens ta’ l-Artikolu 2 ta’ l-Anness VII huma assigurati kontra l-mard sa 80 % tal-ispejjeż imħallsa, suġġetti għar-regoli mħejjija mill-ftehim bejn l-awtoritajiet tal-ħatra tal-istituzzjonjijiet tal-Unjoni wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. […]

2.      Uffiċjal li baqa’ fis-servizz tal-Unjoni sal-età pensjonabbli sena jew li jirċievi benefiċċju ta’ l-invalidità, għandu jkun intitolat għall-benefiċċji pprovduti fil-paragrafu 1 wara li jitlaq mis-servizz. […]”

2        Skont l-Artikolu 20 tar-Regoli Komuni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ mard tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regoli Komuni”), intitolat “Regoli ġenerali ta’ rimbors”:

“1.      Bil-għan li jiġi ssalvagwardjat l-ekwilibriju finanzjarju tas-[s]istema komuni ta’ assigurazzjoni għall-mard u fl-osservanza tal-prinċipju ta’ kopertura soċjali li jispira l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-limiti massimi għar-rimbors ta’ ċerti benefiċċji jistgħu jiġu stabbiliti fid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni.

[…]

2.      Għall-benefiċċji li għalihom ma jkun ġie ffissat ebda limitu massimu għar-rimbors, il-parti tal-ispejjeż ikkunsidrati bħala eċċessivi meta pparagunati man-nefqa normali fil-pajjiż fejn ikunu ġew sostnuti l-ispejjeż ma tiġix irrimborsata. Il-parti tal-ispejjeż meqjusa bħala eċċessivi għandha tiġi ddeterminata każ b’każ mill-Uffiċċju tal-ħlas wara l-opinjoni tal-uffiċjal mediku.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3        L-Artikolu 35(2) tar-Regoli Komuni jipprovdi:

“Qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar ilment imressaq abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Awtorità tal-Ħatra jew, skont il-każ, il-Bord tad-Diretturi għandu jitlob l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni.

[…]”

4        L-Artikolu 52 tar-Regoli Komuni, intitolat “L-iffissar u l-aġġornament tar-regoli dwar ir-rimbors tal-ispejjeż”, jipprovdi:

“1.      “Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-istituzzjonijiet għandhom jiddelegaw lill-Kummissjoni [Ewropea] il-kompetenza sabiex tistabbilixxi, permezz ta’ Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implimentazzjoni, ir-regoli li jirregolaw ir-rimbors tal-ispejjeż bil-għan li jiġi ssalvagwardjat l-ekwilibriju finanzjarju tas-sistema u filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju ta’ kopertura soċjali li jispira l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

2.      Id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu stabbiliti wara opinjoni tal-Kumitat ta’ ġestjoni u konsultazzjoni tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal.”

5        Fil-parti “Definizzjonijiet ġenerali” tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-2 ta’ Lulju 2007 li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni dwar ir-rimbors tal-ispejjeż mediċi (iktar ’il quddiem id-“DĠI”), huwa indikat dan li ġej:

“[…]

Sabiex jiġu rrimborsati, ċerti prestazzjonijiet iddeterminati minn dawn id-DĠI huma suġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel, jiġifieri għal proċedura neċessarja għar-rimbors. It-talba għal awtorizzazzjoni minn qabel għandha titressaq mill-persuna affiljata mal-Uffiċċju tal-ħlas qabel il-bidu tal-kura jew tas-servizzi ħlief fil-każ ta’ urġenza, fuq il-formola prevista għal dan il-għan, u akkumpanjata minn riċetta medika ddettaljata jew, skont is-servizzi, minn rapport mediku komplet. Id-deċiżjoni dwar it-talba għandha tittieħed wara l-opinjoni tal-uffiċjal mediku li jiddeċiedi dwar il-koerenza medika tas-servizz.

[…]

Skont l-Artikolu 20 tar-Regoli Komuni, meta ebda limitu ta’ rimbors ma jkun stabbilit inkluż fil-każ ta’ marda gravi, il-parti tal-ispejjeż li jaqbżu b’mod sinjifikattiv il-prezzijiet normali mħallsa fil-pajjiż fejn ikunu twettqu s-servizzi, tista’ tiġi eskluża mir-rimbors.

Il-parti tal-ispejjeż meqjusa bħala eċċessivi hija ddeterminata każ b’każ mill-Uffiċċju tal-ħlas wara l-opinjoni tal-uffiċjal mediku. L-uffiċjal mediku jiddeċiedi dwar in-natura eżatta tas-servizz mediku sabiex l-Uffiċċju tal-ħlas ikun jista’ jqabbel it-tariffi mitluba.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        It-Titolu II tad-DĠI, intitolat “Regoli ta’ rimbors”, jinkludi l-Kapitolu 11, intitolat “Proteżijiet, apparat ortopediku u materjal mediku ieħor”, li jinkludi fih innifsu punt 3, intitolat “Apparat ortopediċi, faxex u materjal mediku ieħor”. Fl-imsemmi punt 3, huwa previst dan li ġej:

“3.1.      L-ispejjeż ta’ akkwist, ta’ kiri jew ta’ tiswija ta’ oġġetti jew ta’ materjali mniżżla fit-tabella fl-Anness II għandhom jiġu rrimborsati għal 85 % jew sa 100 % fil-każ ta’ marda serja, fil-limiti tal-kundizzjonijiet stabbiliti għal kull wieħed minnhom u msemmija fit-tabella.

[…]

3.4.      Awtorizzazzjoni minn qabel hija meħtieġa għall-kiri ta’ apparat jew materjal ortopediku li jeċċedi perijodu ta’ użu itwal minn jew daqs tliet xhur konsekuttivi.

[…]”

7        L-Anness II tad-DĠI huwa intitolat “Apparat ortopediċi, faxex u materjal mediku ieħor irrimborsat sa 85 % jew sa 100 % fil-każ ta’ marda gravi rrikonoxxuta”. Din tikkonsisti f’tabella li hija riprodotta hawn taħt:

Prodotti

RM: Riċetta mediċinali

AQ: awtorizzazzjoni minn qabel (rapport mediku ddettaljat u kwotazzjoni meħtieġa)

Tul/terminu

Rata ta’ rimbors normali

Ammont massimu rimborsabbli għal 85 % (EUR)

Ammont massimu rimborsabbli għal 100 % (EUR)

Kummenti

Materjal marbut mal-istat ta’ dipendenza

1

Kompressi, strixxi elastiċi […]

RM:

LE


85 %






Par kalzetti varikużi

RM:

LE


85 %



3 pari kull sena


2

Xiri jew modifika ta’ suletti ortopediċi (għal kull suletta)

RM:

LE


85 %

65

65

4 pari fis-sena



Tiswija għas-suletta

Mhux rimborsabbli


0 %





3

Krozzi u bsaten










Xiri

RM:

LE


85 %






Kiri

RM:

LE


85 %






Tiswija

Mhux rimborsabbli






4

Proteżijiet tas-sider esterni

RM:

LE


85 %



2 biċċiet kull naħa kull sena



Riċipettijiet jew malji adattati għall-proteżijiet

Mhux rimborsabbli


0 %





5

Siġġijiet tar-roti singoli bi propulsjoni personali









Xiri

RM:

AQ

5 snin

85 %

650





Kiri < 3 xhur

RM:

LE


85 %






Kiri > = 3 xhur

RM:

AQ

5 snin

85 %

650





Tiswija

AQ


85 %






Manutenzjoni (tajers, eċċ.)

Mhux rimborsabbli


0 %





6

Qafas tal-mixi 2 roti u sedil









Xiri

RM:

AQ


85 %

140

140

Ftehim 1 li ma jiġġeddidx



Kiri < 3 xhur

RM:

LE


85 %






Kiri > = 3 xhur

RM:

AQ


85 %






Tiswijiet

Mhux rimborsabbli


0 %





7

Siġġu mtaqqab, siġġu tad-doċċa (id-dar)









Xiri

RM:

AQ


85 %

100

100

Ftehim 1 li ma jiġġeddidx



Kiri < 3 xhur

RM:

LE


85 %






Kiri > = 3 xhur

RM:

AQ


85 %






Tiswijiet

Mhux rimborsabbli


0 %





8

Sodda tat-tip tal-isptar (fid-dar)









Xiri

RM:

AQ


85 %

1,000

1,000

Ftehim 1 li ma jiġġeddidx



Kiri < 3 xhur

RM:

LE


85 %






Kiri > = 3 xhur

RM:

AQ


85 %






Tiswija jew użu f’istituzzjoni medika

Mhux rimborsabbli


0 %





9

Saqqu kontra d-decubitus, kompressur inkluż









Akkwist

RM:

AQ

3 snin

85 %

500

500




Kiri < 3 xhur

RM:

LE


85 %






Kiri > = 3 xhur

RM:

AQ


85 %





10

Apparat għall-apnea waqt l-irqad (CPAP), umidifikatur inkluż










Xiri

RM:

AQ

5 snin

85 %

1,700

1,700




Kiri < 3 xhur

RM:

LE


85 %






Kiri > = 3 xhur

RM:

AQ


85 %






Aċċessorji u manutenzjoni CPAP barra s-sena tax-xiri

RM:

AQ

Sena 1

85 %

350




11

Moniter tal-pressjoni tad-demm

RM:

AQ

5 snin

85 %

125

125




Tiswija

Mhux rimborsabbli


0 %





12

Erosol










Xiri

RM:

AQ

5 snin

85 %

125

125




Kiri

RM:

LE


85 %






Kiri > = 3 xhur

RM:

AQ


85 %






Tiswija

Mhux rimborsabbli


0 %





13

Tagħmir għall-monitoraġġ u t-trattament tad-dijabete ttrattata bl-insulina










Glukometru

RM:

AQ

3 snin

100 %


75




Strixxi tat-test, siringi tal-insulina, lanketti

RM:

AQ


100 %



RM għall-1 xiri biss


14

Materjal għal monitoraġġ u trattament tad-dijabete […]










Glukometru

RM:

AQ

3 snin

85 %

75





Strixxi tat-test

RM:

AQ


85 %

500


Ammont massimu rimborsabbli fis-sena


15

Tagħmir ta’ inkontinenza

RM:

AQ

Sena 1

85 %

600

600


16

Materjal għal ostomija

RM:

LE


85 %





17

Prosteżi kapillari — Parrokka

RM:

AQ

Sena 1

85 %

750

750



18

Par ta’ żraben ortopediċi korrettivi magħmula apposta










Xiri fil-każ ta’ patoloġija tas-saqajn barra mill-qafas 100 %

RM:

AQ


85 %

720

mhux applikabbli

2 pari kull sena



Xiri fil-każ ta’ patoloġija tas-saqajn fil-qafas 100 %

RM:

AQ


100 %

mhux applikabbli

1,440

2 pari kull sena



Xiri fil-każ ta’ mard serju tas-sieq

RM:

AQ


100 %

mhux applikabbli


2 pari kull sena



Tiswija fuq preżentazzjoni ta’ fattura

LE

LE


85 %





19

Riġlejn, segment tar-riġlejn, ortesi artikolati










Akkwist

RM:

AQ

Biex tkun definita individwalment, stima meħtieġa



Tiswija fuq preżentazzjoni ta’ fattura

RM:

AQ

Biex tkun definita individwalment


20

Apparat ieħor li l-ispiża stmata tiegħu hija ogħla minn EUR 2 000

RM:

AQ

Biex tkun definita individwalment, stima meħtieġa



jew tagħmir speċifiku, elettriku, elettroniku u/jew fuq miżura f’każ ta’ marda gravi (akkwist)

RM:

AQ

Biex tkun definita individwalment, stima meħtieġa

21

Irrigaturi u termometri

Mhux rimborsabbli


0 %





22

Sistemi ta’ vakwu għat-trattament tal-impotenza

RM:

AQ



200

200



23

Apparat tal-kejl tal-ħin ta’ koagulazzjoni

RM:

AQ





Kriterji: fil-każ ta’ antikoagulazzjoni tul il-ħajja


24

Siringi

RM:

AQ





Kriterji: f’każ ta’ dijabete (ara 13) […]


25

Spiża fissa għall-armar tad-dar jew ta’ vettura, aċċessorji ta’ awtomazzjoni tad-dar, […]

Mhux rimborsabbli


0 %




 Il-fatti li wasslu għall-kawża

8        Ir-rikorrenti, li qabel kienet uffiċjal tal-Kummissjoni, hija affiljata mas-Sistema ta’ assigurazzjoni għall-mard komuni għall-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej (RCAM).

9        Mis-sena 2012, hija tirrikorri għall-użu ta’ apparat ta’ assistenza respiratorja b’pressjoni pożittiva kontinwa intiż sabiex itaffi l-apnea waqt l-irqad (iktar ’il quddiem “apparat CPAP”).

10      Ir-rikorrenti kisbet mingħand l-Uffiċċju tal-ħlas ta’ Ispra (l-Italja) awtorizzazzjonijiet minn qabel għall-kiri ta’ apparat CPAP matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Marzu 2012 u t-28 ta’ Frar 2014.

11      Fl-10 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni ġdida għal awtorizzazzjoni minn qabel għall-kiri ta’ apparat CPAP.

12      B’risposta għal din it-talba, l-Uffiċċju tal-ħlas ħareġ, fl-24 ta’ Frar 2014, awtorizzazzjoni minn qabel għax-xiri ta’ apparat CPAP għall-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2014 sat-28 ta’ Frar 2019. F’din l-awtorizzazzjoni, ġie ppreċiżat dan li ġej:

“Fid-dawl tat-trattament fit-tul u tal-effikaċja tiegħu, medikament huwa biss ix-xiri ta’ [apparat] CPAP huwa ġġustifikat u lanqas kiri. It-tagħmir li jiġġedded kull 5 sena kif previst fid-DĠI b’manutenzjoni mit-tieni sena.”

13      Fit-8 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti ressqet talba għal rimbors relatata mal-ispejjeż tal-kiri tal-apparat CPAP tagħha sostnuti mill-1 ta’ Marzu 2014.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2014, l-Uffiċċju tal-ħlas ħareġ lir-rikorrenti awtorizzazzjoni dwar il-kiri ta’ apparat CPAP għall-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2014 sat-28 ta’ Frar 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2014”). F’din id-deċiżjoni, limitu massimu ta’ rimbors ta’ EUR 1 700, li jikkorrispondi għal dak previst mid-DĠI għax-xiri ta’ apparat CPAP (ara l-linja 10 tat-tabella li tinsab fil-punt 7 iktar ’il fuq) ġie stabbilit.

15      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Frar 2015, ir-rikorrenti ressqet ilment kontra d-deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2014.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Ġunju 2015, l-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) iddeċidiet li l-limitu massimu ta’ EUR 1 700 kellu jiżdied b’somma ta’ EUR 1 400, u b’hekk l-ammont totali tar-rimbors kien ta’ EUR 3 100. Din iż-żieda kienet tikkorrispondi għar-rimbors għal erba’ snin tal-ispejjeż ta’ manutenzjoni u ta’ xiri ta’ aċċessorji sostnuti wara l-ewwel sena wara x-xiri tal-apparat CPAP (ara l-linja 10 tat-tabella li tinsab fil-punt 7 iktar ’il fuq).

17      L-Uffiċċju tal-ħlas għalhekk adotta deċiżjoni ġdida, tal-5 ta’ Ottubru 2015, li permezz tagħha huwa ħareġ lir-rikorrenti awtorizzazzjoni dwar il-kiri ta’ apparat CPAP għall-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2014 sat-28 ta’ Frar 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-5 ta’ Ottubru 2015”). F’din id-deċiżjoni, ġie stabbilit limitu massimu ta’ rimbors ta’ EUR 3 100.

18      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Diċembru 2018, ir-rikorrenti talbet estensjoni ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-kiri ta’ apparat CPAP.

19      B’risposta għal din it-talba, l-Uffiċċju tal-ħlas, permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2019, awtorizza l-kiri ta’ apparat CPAP, għall-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2019 sad-29 ta’ Frar 2024, billi stabbilixxa limitu massimu ta’ rimbors ta’ EUR 3 100 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2019”).

20      Ir-rikorrenti kkontestat id-deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2019 permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Frar 2019 indirizzata lill-Uffiċċju tal-ħlas.

21      Id-deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2019 ġiet ikkonfermata mill-Uffiċċju tal-ħlas fit-12 ta’ April 2019.

22      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ April 2019, ir-rikorrenti ressqet ilment kontra d-deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2019. Fl-ilment tagħha, hija invokat, b’mod partikolari, il-fatt li din id-deċiżjoni ġiet adottata bi ksur tal-leġiżlazzjoni applikabbli. Barra minn hekk, hija invokat l-interess li kellha sabiex tfittex rimedju fi Franza, pajjiż li fih hija kienet tirrisjedi, għall-kiri ta’ apparat CPAP minflok ix-xiri tiegħu.

23      Il-Kumitat ta’ Ġestjoni, permezz ta’ opinjoni tat-12 ta’ Lulju 2019, indika li kien hemm lok li tiġi kkonfermata d-deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2019.

24      L-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Awwissu 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-13 ta’ Awwissu 2019”). Hija bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq il-fatt li, fil-fehma tagħha, l-elementi relatati mas-sistema ta’ assigurazzjoni għall-mard Franċiża kienu mingħajr effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2019.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

25      Permezz ta’ att ippreżentat quddiem Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

26      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla), fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, talbet lill-partijiet jirrispondu għal ċerti mistoqsijiet bil-miktub. Il-partijiet irrispondew għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-terminu stabbilit.

27      Peress li ebda parti ma talbet li tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Qorti Ġenerali, peress li qieset li kellha informazzjoni biżżejjed mid-dokumenti tal-proċess, iddeċidiet li taqta’ r-rikors mingħajr fażi orali tal-proċedura.

28      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tat-13 ta’ Awwissu 2019;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

30      Preliminarjament, għandu jiġi speċifikat is-suġġett ta’ din il-kawża.

 Fuq is-suġġett tal-kawża

31      Il-Kummissjoni tirrileva li dan ir-rikors huwa dirett kontra d-deċiżjoni tat-13 ta’ Awwissu 2019 li tiċħad l-ilment imressaq kontra d-deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2019 u mhux kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar. Madankollu, fil-fehma tagħha, ir-rikors huwa intiż sabiex jikseb l-annullament tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2019, kif ikkonfermat ir-rikorrenti fir-replika tagħha.

32      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-ilment amministrattiv, kif previst fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u ċ-ċaħda tiegħu, espliċita jew impliċita, jifformaw parti integrali minn proċedura kumplessa u jikkostitwixxu biss kundizzjoni preliminari għat-tressiq ta’ kawża quddiem il-qorti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, rikors, anki jekk formalment ippreżentat kontra ċ-ċaħda tal-ilment, għandu l-effett li jressaq quddiem il-qorti l-att li jikkawża preġudizzju li kontrih ikun tressaq l-ilment (sentenzi tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punt 8, u tat-13 ta’ Diċembru 2018, CH vs Il‑Parlament, T‑83/18, EU:T:2018:935, punt 56), ħlief fil-każ fejn iċ-ċaħda tal-ilment għandha portata differenti minn dik tal-att li kontrih ikun sar dan l-ilment (sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2006, Staboli vs Il‑Kummissjoni, T‑281/04, EU:T:2006:334, punt 26, u tat-28 ta’ Mejju 2020, Cerafogli vs BĊE, T‑483/16 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2020:225, punt 70).

33      F’dan il-każ, għalkemm id-deċiżjoni tat-13 ta’ Awwissu 2019 li tiċħad l-ilment tar-rikorrenti tinkludi motivazzjoni fid-dritt u fil-fatt iktar iddettaljata mill-indikazzjonijiet mogħtija fl-ittra li tinkludi d-deċiżjoni tal-17 ta’ Jannar 2019, hija xorta waħda għandha l-istess portata bħal din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2006, Staboli vs Il‑Kummissjoni, T‑281/04, EU:T:2006:334, punt 27).

34      Konsegwentement, dan ir-rikors għandu jitqies li huwa indirizzat kontra d-deċiżjoni inizjali li tikkawża preġudizzju, jiġifieri d-deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2019.

35      Barra minn hekk, peress li, fis-sistema tar-Regolamenti tal-Persunal, il-persuna kkonċernata għandha tressaq ilment kontra d-deċiżjoni li hija tikkontesta u tippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni li tiċħad dan l-ilment, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rikors huwa ammissibbli, kemm jekk ikun dirett biss kontra d-deċiżjoni li kontriha jkun sar l-ilment, kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment jew kontra dawn iż-żewġ deċiżjonijiet flimkien, sa fejn l-ilment u r-rikors ikunu ġew ippreżentati fit-termini previsti mid-dispożizzjonijiet applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il‑Kummissjoni 224/87, EU:C:1989:38, punt 7). Madankollu, skont il-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni speċifikament dwar it-talbiet imressqa kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment meta tikkonstata li dawn huma nieqsa minn kontenut awtonomu u jingħaqdu, fir-realtà, ma’ dawk imressqa kontra d-deċiżjoni li kontriha jkun tressaq l-ilment (ara s-sentenza tal-21 ta’ Frar 2018, LL vs Il‑Parlament, C‑326/16 P, EU:C:2018:83, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat-28 ta’ Mejju 2020, Cerafogli vs BĊE, T‑483/16 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2020:225, punt 72).

36      F’dan il-każ, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni speċifikament dwar il-legalità tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Awwissu 2019 li tiċħad l-ilment peress li t-talbiet magħmula fir-rigward tagħha ma għandhomx kontenut awtonomu u jingħaqdu, fir-realtà, ma’ dawk intiżi kontra d-deċiżjoni li kontriha tressaq l-ilment (ara l-punt 33 iktar ’il fuq).

 Dwar l-ammissibbiltà tar-rikors

37      Il-Kummissjoni tqajjem, fir-risposta tagħha, l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq in-natura konfermattiva tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2019. Barra minn hekk, fil-kontroreplika, hija tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà oħra, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti. Anki jekk eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà hija ta’ ordni pubbliku u tista’ tiġi eżaminata mill-qorti tal-Unjoni f’kull stadju tal-proċedura, għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni ma esponietx il-motivi li għalihom hija kienet stenniet il-kontroreplika sabiex tqajjem din it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, meta hija kellha elementi suffiċjenti sabiex tagħmel dan fir-risposta tagħha.

 Fuq l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq in-natura konfermattiva tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2019

38      Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2019 hija purament konfermattiva tad-deċiżjoni tal-5 ta’ Ottubru 2015, li, peress li ma kienet is-suġġett ta’ ebda kontestazzjoni min-naħa tar-rikorrenti fit-termini previsti, saret definittiva.

39      Il-Kummissjoni żżid li hija biss l-eżistenza ta’ fatti ġodda u sostanzjali li tista’ tiġġustifika eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni preċedenti li saret definittiva. Hija tippreċiża li fatt ikun sostanzjali meta jbiddel il-kundizzjonijiet li rregolaw l-att preċedenti. Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tista’ tinvoka ebda fatt sostanzjali, peress li ż-żewġ deċiżjonijiet imsemmija fil-punt 38 iktar ’il fuq għandhom l-istess għan, japplikaw l-istess regoli, jikkonċernaw l-istess persuna u jiffissaw l-istess limitu massimu ta’ rimbors. L-unika differenza bejn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet tirrigwarda l-perijodu ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni li huma jagħtu. Issa, din id-differenza ma għandha l-ebda effett fuq in-natura konfermattiva tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2019.

40      Il-Kummissjoni tindika, barra minn hekk, li r-rikorrenti sempliċement talbet estensjoni tal-awtorizzazzjoni minn qabel mogħtija preċedentement.

41      Ir-rikorrenti ssostni li r-rikors tagħha huwa ammissibbli u li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li d-deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2019 hija purament konfermattiva tad-deċiżjoni tal-5 ta’ Ottubru 2015 hija żbaljata. B’mod partikolari, skont ir-rikorrenti, peress li d-deċiżjoni tal-5 ta’ Ottubru 2015 kienet valida biss sat-28 ta’ Frar 2019, id-dekadenza tagħha kienet teħtieġ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida għall-perijodu segwenti.

42      Ir-rikorrenti żżid li d-deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2019 ma hijiex sempliċi estensjoni ta’ awtorizzazzjoni mogħtija minn qabel, iżda tikkostitwixxi deċiżjoni vera, peress li l-għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ma huwiex iddeterminat mid-deċiżjonijiet preċedenti ta’ awtorizzazzjoni.

43      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li att jitqies li huwa purament konfermattiv ta’ att preċedenti jekk l-att inkwistjoni ma jkun fih ebda element ġdid meta mqabbel mal-att preċedenti u ma jkunx ippreċedut minn eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tad-destinatarju ta’ dan l-aħħar att (sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑481/11, EU:T:2014:945, punt 28; ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Evidentement, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ att konfermattiv lanqas ma tirriżulta f’każijiet fejn il-kontenut tal-att sussegwenti huwa differenti minn dak tal-att preċedenti (sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T-481/11, EU:T:2014:945, punt 30).

45      Dan huwa l-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, id-deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2019 ma għandhiex l-istess suġġett bħal dik tal-5 ta’ Ottubru 2015: filwaqt li din tal-aħħar kienet tawtorizza lir-rikorrenti tikri apparat CPAP għall-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2014 sat-28 ta’ Frar 2019 (ara l-punt 17 iktar ’il fuq), id-deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2019 awtorizzatha tikri tali apparat għall-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2019 sad-29 ta’ Frar 2024 (ara l-punt 19 iktar ’il fuq).

46      Peress li l-effetti tad-deċiżjoni tal-5 ta’ Ottubru 2015 kienu limitati ratione temporis, ir-rikorrenti, fl-assenza ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida, ma setgħetx tibbenefika minn rimbors tal-ispejjeż tal-kiri ta’ apparat CPAP li hija kienet ser tbati mill-1 ta’ Marzu 2019. Id-deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2019 kellha preċiżament bħala effett, billi awtorizzat lir-rikorrenti tagħmel tali kiri, tagħtiha l-possibbiltà li tibbenefika minn rimbors ta’ dawn l-ispejjeż.

47      Id-deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2019 hija għalhekk deċiżjoni ġdida li ma tistax, għaldaqstant, titqies li hija purament konfermattiva tad-deċiżjoni tal-5 ta’ Ottubru 2015.

48      Għandu jingħad ukoll li l-fatt li d-deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2019 tapplika l-istess limitu massimu ta’ rimbors bħad-deċiżjoni tal-5 ta’ Ottubru 2015 ma jistax ikollu l-konsegwenza li jirrendiha purament konfermattiva ta’ din l-aħħar deċiżjoni. Fil-fatt, il-portata ratione temporis tad-deċiżjoni tal-5 ta’ Ottubru 2015, li kienet limitata fir-rigward tal-awtorizzazzjoni li hija kienet tagħti (ara l-punt 46 iktar ’il fuq), kien neċessarjament hekk ukoll fir-rigward tal-limitu massimu tar-rimbors li hija ffissat, peress li dan il-limitu massimu huwa ta’ natura anċillari meta mqabbel mal-awtorizzazzjoni ta’ kiri li għaliha japplika.

49      Barra minn hekk, huwa indifferenti l-fatt, minn naħa, li l-formola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tiddistingwi bejn it-talbiet għal “awtorizzazzjoni” mill-applikazzjonijiet għal “estensjoni tal-awtorizzazzjoni” u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti kkunsidrat li l-applikazzjoni tagħha taqa’ taħt din l-aħħar kategorija, peress li hija s-sustanza tal-att ikkontestat li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk dan huwiex att li jikkawża preġudizzju u mhux id-denominazzjoni li tagħtih l-amministrazzjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-15 ta’ Jannar 2009, Braun -Neumann vs Il‑Parlament, T‑306/08 P, EU:T:2009:6, punt 32) jew id-destinatarju tagħha.

50      Għaldaqstant, l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq l-allegat nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti

51      Il-Kummissjoni tindika li r-rikorrenti ma ssemmi ebda ċifri dwar l-ispiża tal-kiri tal-apparat CPAP li hija titlob ir-rimbors tiegħu. Minħabba f’hekk, hija tqis li ma hijiex f’pożizzjoni li tevalwa l-interess ġuridiku tar-rikorrenti.

52      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-ammissibbiltà ta’ rikors hija suġġetta għall-kundizzjoni li r-rikorrent ikollu interess li jara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 55, u tal-24 ta’ Settembru 2019, VF vs BĊE, T‑39/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:683, punt 139).

53      Barra minn hekk, meta deċiżjoni ma tagħtix sodisfazzjon sħiħ lill-applikant, għandu jiġi rrikonoxxut interess ġuridiku sabiex tiġi vverifikata, mill-qorti tal-Unjoni, il-legalità ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2009, TF1 vs Il‑Kummissjoni, T‑354/05, EU:T:2009:66, punti 85 u 86).

54      F’dan il-każ, permezz tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2019, adottata b’risposta għat-talba għal awtorizzazzjoni minn qabel tal-20 ta’ Diċembru 2018 (ara l-punt 18 iktar ’il fuq), l-Uffiċċju tal-ħlas impona fuq ir-rikorrenti limitu massimu għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ kiri ta’ apparat CPAP li hija kienet qed issostni.

55      Huwa ċar li t-tneħħija ta’ tali limitu massimu, li jista’ jirriżulta mill-eventwali annullament tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2019 u minn dik tat-13 ta’ Awwissu 2019, tagħti benefiċċju lir-rikorrenti.

56      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma hijiex ir-rikorrenti li għandha tipproduċi ċifri li jippermettu li jiġi evalwat dan il-benefiċċju, peress li tali evalwazzjoni taqa’, jekk ikun il-każ, taħt il-mertu u mhux taħt l-ammissibbiltà tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2009, TF1 vs Il‑Kummissjoni, T‑354/05, EU:T:2009:66, punt 86).

57      Għaldaqstant, it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda wkoll.

 Fuq il-mertu

58      Insostenn tat-talbiet tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-fatt li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet applikabbli ma tipprevedi limitu massimu għar-rimbors għall-kiri ta’ apparat CPAP. Id-deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2019, peress li tapplika tali limitu massimu, b’hekk tikser, fil-fehma tagħha, l-imsemmija dispożizzjonijiet u hija, konsegwentement, illegali.

59      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tindika li l-Kummissjoni ma pprovdiet ebda prova oġġettiva li tippermetti li jiġi kkonstatat li l-prezz tal-kiri ta’ apparati CPAP ipprattikat fi Franza huwa eċċessiv.

60      Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll li l-Kummissjoni ma wrietx li x-xiri ta’ apparat CPAP kien meħtieġ għal użu fit-tul.

61      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssemmi l-vantaġġi tal-użu tal-kiri ta’ apparat CPAP meta mqabbel max-xiri ta’ tali apparat.

62      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni bejn l-affiljati li jikru apparat CPAP u dawk li jixtru wieħed minnhom.

63      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

64      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, l-Uffiċċju tal-ħlas, meta adotta d-deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2019, applika limitu massimu ta’ rimbors (ara l-punt 19 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonfermatha, fir-risposta tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura deċiża mill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 26 iktar ’il fuq), billi ppreċiżat li l-limitazzjoni għal EUR 3 100 tar-rimbors mitlub mir-rikorrenti ma kinitx ibbażata fuq l-Artikolu 20(2) tar-Regoli Komuni li, skont il-Kummissjoni, ma kienx applikabbli f’dan il-każ.

65      Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 20 tar-Regoli Komuni, li jirreferi għall-għan ta’ salvagwardja tal-bilanċ finanzjarju tar-RCAM, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, l-introduzzjoni mid-DĠI ta’ limiti massimi ta’ rimbors għal ċerti servizzi. Dan jipprevedi wkoll, fil-paragrafu 2 tiegħu, meta l-ebda limitu massimu ma jiġi stabbilit, il-possibbiltà għall-Uffiċċju tal-ħlas li ma jirrimborsax il-parti tal-ispejjeż meqjusa bħala eċċessivi fir-rigward tal-ispejjeż normali fil-pajjiż fejn dawn l-ispejjeż ikunu ġew sostnuti (ara l-punt 2 iktar ’il fuq).

66      Il-possibbiltà għad-DĠI li ma jistabbilixxux limiti massimi ta’ rimbors hija għalhekk espressament prevista fir-Regoli Komuni. F’każ bħal dan, proċedura speċifika hija saħansitra prevista sabiex jiġi ssalvagwardjat il-bilanċ finanzjarju tar-RCAM.

67      Id-DĠI jispeċifikaw il-proċedura applikabbli meta ma jkun ġie stabbilit ebda limitu massimu għar-rimbors. Għalhekk, fil-parti “Definizzjonijiet ġenerali” tad-DĠI, huwa indikat li l-parti tal-ispejjeż meqjusa bħala eċċessivi hija ddeterminata każ b’każ mill-Uffiċċju tal-ħlas wara l-opinjoni tal-uffiċjal mediku li jiddeċiedi dwar in-natura eżatta tas-servizz mediku sabiex l-Uffiċċju tal-ħlas ikun jista’ jqabbel it-tariffi pprattikati (ara l-punt 5 iktar ’il fuq).

68      Għaldaqstant, mill-istruttura tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regoli Komuni u tad-DĠI, kif jirriżulta mill-punti 65 sa 67 iktar ’il fuq, jirriżulta li hija l-Kummissjoni, li hija l-awtorità kompetenti sabiex tadotta d-DĠI, jekk hija jkollha l-intenzjoni li tistabbilixxi limitu massimu għar-rimbors għal benefiċċju, li turi dan il-limitu massimu b’mod espliċitu fid-dispożizzjonijiet tagħha.

69      Konsegwentement, fil-każ fejn ebda limitu massimu ma jissemma espressament fid-DĠI għal benefiċċju, l-imsemmija DĠI ma jistgħux jiġu interpretati, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, bħala li jistabbilixxu b’mod impliċitu tali limitu massimu. Hija għalhekk il-proċedura speċifika msemmija fil-punt 66 iktar ’il fuq li hija intiża sabiex tiżgura l-bilanċ finanzjarju tar-RCAM.

70      Issa, għandu jiġi kkonstatat, kif jirriżulta mit-tabella riprodotta fil-punt 7 iktar ’il fuq, li d-DĠI ma jipprevedux limitu massimu ta’ rimbors għall-kiri ta’ apparat CPAP.

71      Fil-fatt, f’din it-tabella, kolonna hija speċifikament iddedikata għall-ammont massimu li għalih hija applikata r-rata ta’ rimbors u l-ebda ammont ma jidher għal-linji dwar il-kiri ta’ apparat CPAP, kemm jekk għal perijodu ta’ inqas minn tliet xhur jew iktar minn tliet xhur.

72      Għalhekk, l-eżami tal-kliem tad-dispożizzjonijiet applikabbli, li huwa nieqes minn kull ambigwità, jippermetti li jiġi konkluż li hemm assenza ta’ limitu massimu ta’ rimbors fir-rigward tal-kiri ta’ apparat CPAP.

73      Barra minn hekk, fl-opinjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2018, (ara l-punt 23 iktar ’il fuq), il-Kumitat ta’ Ġestjoni jirrileva li d-DĠI jipprevedu tali limitu biss għax-xiri ta’ apparat CPAP.

74      Barra minn hekk, it-tabella riprodotta fil-punt 7 iktar ’il fuq turi limitu massimu għar-rimbors tal-ispejjeż iġġenerati mill-kiri ta’ siġġijiet bir-roti, peress li dan il-limitu massimu japplika għal żmien determinat ta’ kiri msemmi wkoll fl-imsemmija tabella. Il-fatt li, fl-istess tabella, jidher limitu massimu ta’ rimbors għall-kiri ta’ tagħmir mediku filwaqt li tali limitu massimu ma jidhirx għal dak ta’ tagħmir ieħor jikkonferma li ebda limitu massimu, anki impliċitu, ma ġie stabbilit għall-kiri ta’ dan tal-aħħar.

75      Il-konklużjoni msemmija fil-punt 72 iktar ’il fuq ma tistax titqiegħed f’dubju permezz tal-argumenti l-oħra tal-Kummissjoni.

76      Fl-ewwel lok, skont il-Kummissjoni, id-DĠI jitilqu mill-premessa li, fil-każ ta’ użu ta’ apparat CPAP għal żmien twil, ix-xiri tal-apparat huwa meħtieġ, kemm għal raġunijiet mediċi kif ukoll baġitarji. Dan jispjega għaliex fid-DĠI ma ġiex ikkunsidrat bħala utli li jiġi stabbilit limitu massimu għar-rimbors ta’ kiri li jdum diversi snin, peress li dan il-każ ma għandux iseħħ.

77      Madankollu, l-interpretazzjoni tad-DĠI li tipproponi l-Kummissjoni ma tirriżultax mill-kliem tagħhom. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tagħhom sempliċement jiddistingwu l-kiri ta’ apparat CPAP ta’ inqas minn tliet xhur, li għalihom ma hija meħtieġa ebda awtorizzazzjoni minn qabel, u l-kiri ta’ tul ta’ żmien itwal, li għalihom tali awtorizzazzjoni hija obbligatorja, mingħajr ma juru l-iċken limitu temporali għal dawn tal-aħħar.

78      Barra minn hekk, fil-kolonna “Rimarki”, ma huwiex indikat għall-preċiżazzjonijiet neċessarji għall-interpretazzjoni tat-tabella riprodotta fil-punt 7 iktar ’il fuq, li x-xiri ta’ apparat CPAP ikun meħtieġ fl-ipoteżi ta’ użu fuq żmien twil. Il-possibbiltà ta’ kiri ta’ apparat CPAP għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur setgħet barra minn hekk ma tissemmiex fl-imsemmija tabella.

79      Fl-aħħar nett, il-fatt, jekk jitqies li huwa stabbilit, li motivi mediċi jistgħu jimponu x-xiri ta’ apparat CPAP, minflok kiri, fil-każ ta’ użu għal żmien twil ma jiġġustifikax madankollu l-assenza ta’ kwalunkwe riferiment f’dan ir-rigward fid-DĠI li għandhom jinqraw u jinftiehmu mill-affiljati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma indikatx ir-raġunijiet mediċi li għandhom iwasslu sabiex jiġi pprivileġġat ix-xiri ta’ apparat CPAP mal-kiri tiegħu.

80      Fit-tieni lok, il-fatt li l-kiri ta’ apparat CPAP għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur huwa suġġett, bħax-xiri ta’ tali apparat, għal awtorizzazzjoni minn qabel ma jimplikax, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, li l-limitu massimu ta’ rimbors previst mid-DĠI għax-xiri ta’ tali apparat japplika wkoll għall-kiri ta’ dan l-apparat għal żmien twil.

81      Fil-fatt, l-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ma timplikax neċessarjament l-applikazzjoni ta’ limitu massimu ta’ rimbors, kif jirriżulta mil-linji tat-tabella riprodotta fil-punt 7 iktar ’il fuq dwar il-kiri għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur tal-oqfsa tal-mixi, tas-siġġijiet imtaqqba, ta’ sodod tat-tip tal-isptar, tas-saqqijiet kontra d-decubitus u tal-erosolijiet.

82      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ssemmi ebda dispożizzjoni li tagħmel ir-rabta bejn l-obbligu li wieħed jirrikorri għal awtorizzazzjoni minn qabel u l-eżistenza ta’ limitu massimu għar-rimbors.

83      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li jgħid li d-DĠI għandhom jiġu interpretati, sabiex ikunu konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn affiljati, bħala li jistabbilixxu limitu massimu għall-kiri ta’ apparati CPAP għal perijodu twil, għandu jiġi rrilevat li differenza fit-trattament mhux iġġustifikata bejn l-affiljati li jixtru apparat CPAP u dawk li jikru l-istess apparat għal żmien twil, jekk jitqies li huwa stabbilit, ma tistax twassal, għall-finijiet tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għal interpretazzjoni tad-DĠI li tmur kontra l-formulazzjoni tagħhom kif ukoll l-istruttura ta’ dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regoli Komuni u tad-DĠI (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-17 ta’ Lulju 2015, EEB vs Il‑Kummissjoni, T‑685/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:560, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess japplika fir-rigward tal-eżistenza ta’ riskju ta’ evitar tal-limitu massimu previst għax-xiri ta’ apparat CPAP jew ta’ riskju ta’ preġudizzju għall-bilanċ finanzjarju tar-RCAM. Barra minn hekk, ir-Regoli Komuni jipprevedu, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 20(2) tiegħu, mekkaniżmi li jippermettu li tiġi evitata r-responsabbiltà għal ċerti spejjeż eċċessivi mir-RCAM.

84      Fi kwalunkwe każ, l-eżistenza ta’ differenza bejn l-ammonti tal-ispejjeż iġġenerati mill-kiri ta’ apparat CPAP u dawk iġġenerati mix-xiri ta’ tali apparati, suffiċjentement sistematika u sostanzjali sabiex jikkostitwixxu diskriminazzjoni, ma hija sostnuta minn ebda prova. Bl-istess mod, l-eżistenza ta’ prattika ta’ evitar tal-limitu massimu applikabbli għax-xiri ta’ apparat CPAP lanqas ma hija ssostanzjata. Fl-aħħar nett, l-eżistenza ta’ riskju ta’ preġudizzju għall-bilanċ finanzjarju tar-RCAM li jirriżulta mill-assenza ta’ limitu massimu ta’ rimbors għall-kiri tal-apparat CPAP ma hijiex stabbilita.

85      Għalhekk, anki jekk jitqies li interpretazzjoni kostruttiva tad-DĠI hija possibbli filwaqt li, kif ġustament tindika l-Kummissjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jagħtu dritt għal benefiċċji finanzjarji għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara s-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2003, Lebedef et vs Il‑Kummissjoni, T‑221/02, EU:T:2003:239, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), ebda wieħed mill-motivi li hija tressaq ma jista’ jiġġustifika tali interpretazzjoni (ara l-punt 84 iktar ’il fuq).

86      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tikkontesta diversi argumenti invokati, fil-fehma tagħha, mir-rikorrenti. Għalhekk, hija tindika li hija ma rrifjutatx li tieħu ħsieb il-kiri ta’ apparat CPAP. Hija ssostni li l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni invokat mir-rikorrenti huwa inammissibbli. Hija tfakkar li r-RCAM tikkostitwixxi sistema awtonoma u li l-Uffiċċju tal-ħlas huwa marbut li japplika r-Regoli Komuni u d-DĠI. Hija tirrileva li r-rikorrenti ma ssemmi ebda ċifri dwar l-ispiża tal-kiri ta’ apparat CPAP. Hija tikkontesta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni bejn l-affiljati skont il-post ta’ residenza tagħhom. Hija tindika li l-Uffiċċju tal-ħlas, li kien stieden lir-rikorrenti tittrażmetti ċertifikat mediku li juri l-impossibbiltà ta’ xiri ta’ apparat CPAP, wera ruħu dispost li jirċievi informazzjoni addizzjonali li r-rikorrenti ma bagħtitx. Fl-aħħar nett hija tenfasizza li r-rikorrenti ma ppreżentatx fir-rikors tagħha argument dwar il-fatt li s-sistema ta’ teħid ta’ responsabbiltà tal-apparat CPAP fi Franza tiffavorixxi l-kiri tagħhom u żżid li tali allegazzjoni ma hijiex, fi kwalunkwe każ, stabbilita.

87      Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti hekk ikkritikati mill-Kummissjoni ma humiex relatati mal-kwistjoni tal-eżistenza, fid-DĠI, ta’ limitu massimu ta’ rimbors. Konsegwentement, anki jekk jitqies li huma fondati, dawn l-argumenti ma għandhomx effett fuq il-konklużjoni msemmija fil-punt 72 iktar ’il fuq.

88      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 64 sa 87 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Uffiċċju tal-ħlas, billi stabbilixxa limitu massimu ta’ rimbors fir-risposta tiegħu għat-talba għal awtorizzazzjoni minn qabel imressqa mir-rikorrenti, kiser id-DĠI.

89      Issa, peress li huma fis-servizz ta’ Unjoni tad-dritt, l-istituzzjonijiet, ikunu liema jkunu, ma jistgħux jiksru r-regoli applikabbli għalihom (sentenza tal-10 ta’ April 2019, Gamaa Islamya Égypte vs Il‑Kunsill, T‑643/16, EU:T:2019:238, punt 228).

90      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-motiv invokat mir-rikorrenti għandu jintlaqa’ u konsegwentement għandha tiġi annullata d-deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2019 kif ukoll id-deċiżjoni tat-13 ta’ Awwissu 2019.

 Dwar l-ispejjeż

91      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-17 ta’ Jannar 2019 li tistabbilixxi limitu massimu għar-rimbors ta’ EUR 3 100 għall-kiri ta’ apparat mediku matul il-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2019 sad-29 ta’ Frar 2024 u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Awwissu 2019 li tiċħad l-ilment imressaq kontra din id-deċiżjoni huma annullati.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Gervasoni

Madise

Nihoul

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Diċembru 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.