Language of document : ECLI:EU:C:2013:312

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-16 ta’ Mejju 2013 (1)

Kawża C‑120/12 P

Kawża C‑121/12 P

Kawża C‑122/12 P

Bernhard Rintisch

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern
(Trade marks u Disinni) (UASI)

“Appell — Trade mark Komunitarja — Oppożizzjoni — Prova tal-eżistenza u validità ta’ trade mark preċedenti — Provi u traduzzjonijiet ippreżentati wara l-iskadenza tat-terminu ffissat mill-UASI — Diskrezzjoni tal-Bord tal-Appell”





1.        F’dawn it-tliet każijiet l-appelli saru minn tliet sentenzi tal-Qorti Ġenerali li kienu mogħtija fl-istess ġurnata, ifformulati f’termini simili u bbażati fuq l-istess interpretazzjoni tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 (2) u tar-Regoli 20(1) u 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implementazzjoni” (3)). L-appelli huma bbażati fuq l-istess żewġ aggravji.

2.        F’kull każ, l-istess proprjetarju ta’ trade mark, B. Rintisch, oppona r-reġistrazzjoni ta’ tliet trade marks differenti bħala trade marks Komunitarji abbażi tal-probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ ċerti trade marks li tagħhom huwa jallega li huwa l-proprjetarju. Insostenn tal-oppożizzjoni tiegħu huwa bbaża fuq, inter alia, trade marks Ġermaniżi preċedenti. Sabiex jopponi r-reġistrazzjonijiet, huwa kellu juri wkoll l-eżistenza u l-validità ta’ dawk it-trade marks preċedenti. Madankollu, B. Rintisch ma ssottomettiex lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (iktar ’il quddiem l-“UASI” jew “l-Uffiċċju”), fit-termini stabbiliti minnha, il-provi kollha neċessarji għal dan il-għan flimkien mat-traduzzjonijiet tad-dokumenti rilevanti fil-lingwa tal-proċeduri li, f’kull każ, kienet l-Ingliż. Għalhekk id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjonijiet. Imbagħad fl-appell, B. Rintisch ippreżenta iktar dokumenti u traduzzjonijiet tal-provi dokumentarji. F’kull każ, il-Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad li jikkunsidrahom għar-raġuni li huwa ma kellux diskrezzjoni li jagħmel dan. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-azzjonijiet miġjuba kontra d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell.

3.        F’dawn l-appelli, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tikkunsidra jekk il-Qorti Ġenerali kinitx żbaljata meta sostniet li l-Bord tal-Appell ma kellux diskrezzjoni li jikkunsidra provi tal-eżistenza u validità ta’ trade marks preċedenti kif ukoll traduzzjonijiet ta’ provi dokumentarji wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

 Id-dritt tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea

4.        L-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Oppożizzjoni”, jipprovdi:

“1.      Fi żmien perjodu ta’ tliet xhur wara l-pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, notifika ta’ opposizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tista’ tingħata fuq il-bażi li ma tistax tiġi reġistrata taħt l-Artikolu 8: [(4)]

[...]

3.      L-opposizzjoni għandha tiġi espressa bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li fuqhom tkun qiegħda issir. [...] Fi żmien perjodu stabbilit mill-Uffiċċju, l-opponent jista’ jissottometti fatti, xiehda u argumenti sabiex isaħħaħ il-każ tiegħu.”

5.        L-Artikolu 74 dwar “L-eżaminazzjoni tal-fatti mill-Uffiċċju fuq inizzjattiva tiegħu stess” jipprovdi li:

“1.      Fi proċedimenti quddiemu l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba.

2.      L-Uffiċċju jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux preżentati fil-ħin preskritt mill-partijiet konċernati.”

6.        Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni jipprovdi regoli neċessarji għall-implementazzjoni tar-Regolament (5). Ir-regoli tiegħu “għandhom jiżguraw operat bla ntoppi u effiċjenti għall-proċedimenti tat-trade mark quddiem l-Uffiċċju” (6).

7.        Ir-Regola 18 tiddeskrivi l-bidu tal-proċedimenti li jirrigwardaw oppożizzjoni ammissibbli (7):

“(1)      Meta l-oppożizzjoni tinstab li hi ammissibbli skond ir-Regola [17], l-Uffiċċju għandu jibgħat komunikazzjoni lill-partijiet u jinfurmhom li l-proċedimenti ta’ l-oppożizzjoni għandhom jibdew xahrejn wara li tasal il-komunikazzjoni. [...]

[...]”

8.        Skont ir-Regola 19,

“(1)      L-Uffiċċju għandu jagħti lil-parti li qed topponi l-opportunità biex tippreżenta fatti, evidenza u argumenti b’appoġġ għall-oppożizzjoni tagħha jew biex ittemm il-fatt, evidenza jew argumenti li kienu ġa sottomessi skond Regola 15(3), fi żmien perijodu speċifikat minnha [mill-UASI] [...]

(2)      Fi żmien il-perjodu msemmi f’paragrafu 1, il-parti li qed topponi għandha wkoll tiffajlja prova ta’ eżistenza, validità u skop tal-protezzjoni tal-marka preċedenti jew dritt preċedenti, kif ukoll evidenza li turi d-dritt li għandha biex tiffajlja oppożizzjoni. B’mod partikolari, il-parti li qed topponi għandha tipprovdi l-evidenza li ġejja:

(a)      jekk l-oppożizzjoni hi bbażata fuq trejdmark li m’hijiex trejdmark tal-Komunità, trid tiġi sottomessa evidenza ta’ l-iffajljar jew reġistrazzjoni tagħha, billi tiġi sottomessa:

[...]

(ii)      jekk it-trejdmark hi rreġistrata, kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni relevanti u, jekk ikun il-każ, l-aħħar ċertifikat ta’ tiġdid, li juri li l-perjodu ta’ protezzjoni tat-trejdmark jestendi sa wara l-limitu ta’ żmien imsemmi f’paragrafu 1 u kull estensjoni ta’ dan, jew dokumenti ekwivalenti maħruġa mill-amministrazzjoni li magħha ġiet reġistrata t-trejdmark;

[...]

(3)      L-informazzjoni u evidenza msemmija f’paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu bil-lingwa tal-proċedimenti jew akkompanjati bi traduzzjoni. It-traduzzjoni għandha tkun sottomessa fil-perjodu ta’ żmien speċifikat għas-sottomissjoni tad-dokumenti oriġinali.

(4)      L-Uffiċċju ma jiħux in konsiderazzjoni sottomissjonijiet miktuba jew dokumenti, jew partijiet minnhom, li ma ġewx sottomessi, jew li ma ġewx tradotti bil-lingwa tal-proċedimenti, fil-perjodu taż-żmien stipulat mill-Uffiċċju.”

9.        Ir-Regola 20 bit-titolu “Eżaminazzjoni ta’ l-oppożizzjoni” tipprovdi li:

“(1)      Jekk sa l-iskadenza tal-perjodu msemmi f’Regola 19(1) [(8)] il-parti li qed topponi ma tkunx approvat l-eżistenza, il-validità u l-iskop tal-protezzjoni tal-marka preċedenti tagħha jew tad-dritt preċedenti, kif ukoll id-dritt li tiffajlja oppożizzjoni, l-oppożizzjoni tiġi rrifjutata bħala bla bażi.

(2)      Jekk l-oppożizzjoni ma tiġix irrifjutata skond paragrafu 1, l-Uffiċċju għandu jikkomunika s-sottomissjoni tal-parti li qed topponi lill-applikant u tistiednu biex jiffajlja l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien perjodu speċifikat mill-Uffiċċju.

(3)      Jekk l-applikant ma jissottomettix osservazzjonijiet, l-Uffiċċju għandu jibbaża l-verdett tiegħu dwar l-opożizzjoni fuq l-evidenza li hemm quddiemu.

(4)      L-osservazzjonijiet sottomessi mill-applikant għandhom jiġu kkomunikati lill-parti li qed topponi li għandha tiġi mistiedna mill-Uffiċċju, jekk dan jikkunsidra li jkun neċessarju li jagħmel hekk, sabiex twieġeb fi żmien perjodu speċifikat mill-Uffiċċju.

(5)      Ir-Regola 18(2) u (3) għandhom japplikaw mutatis mutandis wara d-data li fiha l-proċedimenti ta’ l-oppożizzjoni għandhom jibdew.

(6)      F’każijiet adatti, l-Uffiċċju jista’ jistieden lill-partijiet biex jillimitaw l-osservazzjonijiet tagħhom għal kwistjonijiet partikolari, u f’dan il-każ għandu jħalli lill-parti biex tqajjem kwistjonijiet oħra fi stadju aktar avvanzat tal-proċedimenti. L-Uffiċċju m’għandu fl-ebda każ ikun obbligat li jinforma lill-partijiet liema fatti jew evidenza setgħu jiġu jew ma ġewx sottomessi.

[...]”.

10.      L-ewwel u t-tielet subparagrafi tar-Regola 50(1) bit-titolu “Eżami ta’ appelli” jipprovdu li:

“Sakemm ma jkunx provdut xorta oħra, id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedimenti quddiem id-dipartiment li ħa d-deċiżjoni li kontra tagħha sar l-appell għand[hom] japplika[w] għal proċedimenti ta’ appell mutatis mutandis.

[...]

Fejn l-appell isir kontra deċiżjoni ta’ Divizjoni ta’ Oppożizzjoni, il-Bord għandu jillimita l-eżami ta’ l-appell għall-fatti u evidenza ppreżentata fi ħdan il-limiti ta’ żmien stipulati jew speċifikati mid-Divizjoni ta’ Oppożizzjoni skond ir-Regolament u dawn ir-Regoli, sakemm il-Bord ma jikkunsidrax li fatti u evidenza supplimentari jew addizzjonali għandu jittieħed kont tagħhom skond l-Artikolu 74(2) tar-Regolament.”

 Il-proċedimenti quddiem l-UASI

 Kawża C‑120/12 P

11.      Fis-17 ta’ Marzu 2006, Bariatrix Europe Inc. SAS (“Bariatrix”) applikat sabiex tirreġistra t-trade mark verbali “PROTI SNACK” bħala trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti fil-klassijiet 5, 29 u 32 tal-Ftehim ta’ Nice (9).

12.      Fid-9 ta’ Marzu 2007, B. Rintisch oppona r-reġistrazzjoni ta’ dik it-trade mark abbażi tar-raġuni prevista fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta). It-trade marks preċedenti li fuqhom kienet ibbażata l-oppożizzjoni tiegħu kienu jinkludu t-trade marks verbali Ġermaniżi “PROTIPLUS” u “PROTI” u t-trade mark figurattiva Ġermaniża “PROTIPOWER”.

13.      Flimkien man-notifika ta’ oppożizzjoni, B. Rintisch ippreżenta dokumenti sabiex jipprova l-eżistenza u l-validità ta’ kull waħda minn dawk it-trade marks preċedenti. B’mod partikolari, huwa ssottometta lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: (i) ċertifikati ta’ reġistrazzjoni maħruġa mid-Deutsches Patent- und Markenamt (Uffiċċju Ġermaniż għall-privattivi u t-trade marks jew “DPMA” (10)) u (ii) siltiet mir-reġistru online tad-DPMA. Kienu ppreżentati wkoll traduzzjonijiet għall-Ingliż taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni oriġinali, iżda mhux tas-siltiet mir-reġistru online.

14.      Fis-26 ta’ April 2007, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkomunikat lil B. Rintisch id-data tal-bidu tal-fażi kontradittorja tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Hija ddikjarat li kellu jkun ipprovdut ċertifikat ta’ tiġdid għat-trade marks li r-reġistrazzjoni tagħhom kellha iktar minn 10 snin u li l-eżistenza u l-validità tat-trade marks preċedenti kellhom ikunu pprovati permezz ta’ dokumenti uffiċjali tradotti fil-lingwa tal-proċeduri. Jekk dawk il-provi ma kinux ser jiġu ppreżentati sas-27 ta’ Awwissu 2007, l-oppożizzjoni kienet ser tkun miċħuda, skont ir-Regola 20(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, mingħajr ebda eżami tal-mertu tagħha.

15.      Kważi xahar wara l-iskadenza ta’ dak it-terminu, fil-25 ta’ Settembru 2007, B. Rintisch issottometta lill-UASI fir-rigward ta’ kull trade mark preċedenti: (i) silta mir-reġistru online tad-DPMA u (ii) dikjarazzjoni mid-DPMA li tikkonferma li t-trade marks kienu mġedda qabel id-data li fiha ġiet ippreżentata n-notifika ta’ oppożizzjoni. Huwa ppreżenta wkoll it-traduzzjoni għall-Ingliż ta’ dik id-dikjarazzjoni.

16.      Fil-31 ta’ Marzu 2008, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni għaliex B. Rintisch ma pprovax, fit-terminu stabbilit, l-eżistenza u l-validità tat-trade marks preċedenti li fuqhom kienet ibbażata l-oppożizzjoni. L-ewwel nett, iċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni oriġinali ppreżentati man-notifika ta’ oppożizzjoni ma kinux biżżejjed sabiex jistabbilixxu l-validità kontinwa tat-trade marks preċedenti fis-27 ta’ Awwissu 2007, li kien it-terminu stabbilit mill-UASI. Skont id-dritt Ġermaniż, il-protezzjoni ta’ trade marks Ġermaniżi tispiċċa mal-iskadenza ta’ 10 snin mid-data tal-applikazzjoni. It-tieni nett, skont ir-Regola 19(4) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, is-siltiet online tad-DPMA ma setgħux ikunu kkunsidrati bħala prova tat-tiġdid tad-dati tat-trade marks preċedenti għax ma kinux tradotti fil-lingwa tal-proċeduri. It-tielet nett, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet, abbażi tar-Regola 20(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni d-dokumenti ppreżentati fil-25 ta’ Settembru 2007 għax kienu ppreżentati tard.

17.      Fit-8 ta’ Mejju 2008, B. Rintisch appella minn din id-deċiżjoni. Huwa talab lill-Bord tal-Appell jirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ “PROTI SNACK” abbażi tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. Huwa argumenta li s-siltiet mid-DPMA li ma kinux tradotti kienu ċari u biżżejjed sabiex jipprovaw tal-inqas li t-trade marks preċedenti “PROTIPLUS” u “PROTI POWER” kienu ġew imġedda. Huwa ssottometta mill-ġdid id-dokumenti li kien ippreżenta lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fil-25 ta’ Settembru 2007, flimkien mat-traduzzjonijiet tagħhom u talab lill-Bord tal-Appell jeħodhom inkunsiderazzjoni.

18.      Fil-15 ta’ Diċembru 2008, il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell. Huwa sostna li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ġustament iddeċidiet, bl-applikazzjoni tar-Regoli 19(2), (3) u (4) u 20(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, li B. Rintisch ma pprovax debitament l-eżistenza u l-validità tat-trade marks preċedenti. Il-Bord qabel mar-raġunijiet mogħtija mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li għalihom iddeċidiet li ma tikkunsidrax iċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni (nuqqas ta’ prova tat-tiġdid tat-trade marks) u s-siltiet mir-reġistru online tad-DPMA (mhux tradotti) ippreżentati fid-9 ta’ Marzu 2007 u d-dokumenti ppreżentati fil-25 ta’ Settembru 2007 (ippreżentati tard). Huwa qal ukoll li la l-Bord tal-Appell u lanqas id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma kellhom diskrezzjoni, skont l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, biex jieħdu inkunsiderazzjoni dokumenti ppreżentati wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-UASI. Il-Bord tal-Appell sostna wkoll li, anki kieku kellu din id-diskrezzjoni, huwa ma kienx jeżerċitaha favur B. Rintisch. L-applikant la kien aġixxa b’mod żbaljat u lanqas ipparteċipa fil-produzzjoni tal-provi ta’ B. Rintisch wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit.

19.      Fit-13 ta’ Frar 2009, B. Rintisch appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Kawżi C‑121/12 P u C‑122/12 P

20.      Fis-6 ta’ Jannar 2006, Valfleuri Pâtes Alimentaires SA (iktar ’il quddiem “Valfleuri”) applikat għar-reġistrazzjoni tat-trade marks verbali “PROTIVITAL” u “PROTIACTIVE” bħala trade marks Komunitarji fir-rigward ta’ prodotti, inter alia, fil-klassijiet 5, 29 u 30 tal-Ftehim ta’ Nice.

21.      Fl-24 ta’ Ottubru 2006, B. Rintisch oppona ż-żewġ reġistrazzjonijiet abbażi tar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. L-oppożizzjoni tiegħu kienet diretta kontra prodotti li fir-rigward tagħhom kienu saru l-applikazzjonijiet. Insostenn, B. Rintisch ibbaża ruħu, inter alia, fuq trade marks preċedenti Ġermaniżi li jinkludu t-trade marks verbali “PROTI” u “PROTIPLUS” u t-trade mark figurattiva “PROTI POWER”.

22.      Sabiex jipprova l-eżistenza u l-validità ta’ dawk it-trade marks preċedenti, fis-16 ta’ Jannar 2007, B. Rintisch ippreżenta fil-kuntest taż-żewġ proċedimenti ta’ oppożizzjoni: (i) ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tad-DPMA u (ii) siltiet mir-reġistru online tad-DPMA. Huwa ssottometta biss traduzzjoni għall-Ingliż taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni għal kull trade mark.

23.      Fit-23 ta’ Jannar 2007, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkomunikat lil B. Rintisch id-data tal-bidu tal-fażi kontradittorja tal-proċedimenti tal-oppożizzjoni rigward ir-reġistrazzjoni tat-trade mark “PROVITAL”. Fit-13 ta’ Marzu 2007, hija għamlet komunikazzjoni simili fil-proċeduri rigward it-trade mark “PROTIACTIVE”. Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ddikjarat espressament li B. Rintisch kellu bżonn jipprova l-eżistenza u l-validità tat-trade marks preċedenti billi jippreżenta dokumenti uffiċjali tradotti fil-lingwa tal-proċeduri. Hija talbitu jippreżenta ċertifikati ta’ tiġdid ta’ dawk it-trade marks li r-reġistrazzjoni tagħhom kellha iktar minn 10 snin. It-terminu sabiex jippreżenta l-provi kien sal-4 ta’ Ġunju 2007 fil-proċeduri “PROVITAL” u sas-26 ta’ Mejju 2007 fil-proċeduri “PROTIACTIVE”. Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni avżat lil B. Rintisch li, jekk il-provi rilevanti ma kinux ippreżentati sa dakinhar, hija kienet ser tiċħad l-oppożizzjonijiet mingħajr eżami tal-mertu.

24.      Fid-19 ta’ Settembru 2007 fil-proċeduri “PROVITAL” u fl-24 ta’ Settembru 2007 fil-proċeduri “PROTIACTIVE”, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni għar-raġuni li B. Rintisch naqas milli jipprova, fit-termini mogħtija, l-eżistenza u l-validità tad-drittijiet tat-trade marks preċedenti. Iċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni wrew ir-reġistrazzjoni oriġinali tat-trade marks preċedenti iżda ma wrewx li kienu għadhom validi fid-data li fih skada t-terminu stabbilit mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Fil-fatt, meħuda waħedhom, dawk id-dokumenti wrew li l-validità tat-trade marks kienet skadiet. Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni qalet ukoll li, skont ir-Regola 19(4) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, hija ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni siltiet mir-reġistru online tad-DPMA bħala prova tad-data tat-tiġdid tat-trade marks preċedenti għax ma kinux ippreżentati traduzzjonijiet għall-Ingliż.

25.      Fit-23 ta’ Ottubru 2007, B. Rintisch appella miż-żewġ deċiżjonijiet u talab lill-Bord tal-Appell jiċħad ir-reġistrazzjoni tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni abbażi tal-eżistenza tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Mal-appell tiegħu, ippreżenta siltiet mir-reġistru online tad-DPMA u dikjarazzjoni mid-DPMA, flimkien mat-traduzzjoni għall-Ingliż, li t-trade marks preċedenti kienu ġew imġedda qabel id-data tal-preżentazzjoni tan-notifika tal-oppożizzjoni.

26.      Fil-21 ta’ Jannar u fit-3 ta’ Frar 2009 rispettivament, il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell fiż-żewġ proċeduri. Huwa sostna li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ġustament ċaħdet l-oppożizzjoni għax B. Rintisch naqas milli jipprova, fit-terminu stabbilit, l-eżistenza u l-validità tat-trade marks preċedenti. Iċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni ppreżentati fis-16 ta’ Jannar 2007 waħedhom ma kinux biżżejjed biex juri li t-trade marks preċedenti setgħu jkunu inforzati fid-data tal-preżentata tan-notifika tal-oppożizzjoni. Barra minn hekk, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ġustament ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-siltiet mir-reġistru online tad-DPMA għax ma kinux tradotti għall-Ingliż. Fl-aħħar nett, la d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u lanqas il-Bord tal-Appell stess ma kellhom diskrezzjoni biex jieħdu inkunsiderazzjoni dokumenti ppreżentati wara t-terminu stabbilit mill-UASI. Ir-Regola 20(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tipprovdi espressament li, f’dawk iċ-ċirkustanzi, rikors għandu jkun miċħud. Anki kieku kellu tali diskrezzjoni, il-Bord tal-Appell ma kienx jeżerċitaha favur B. Rintisch: il-parti l-oħra ma kinitx aġixxiet b’mod żbaljat u lanqas ipparteċipat fil-produzzjoni ta’ provi tardiva.

 Sommarju tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali

 Kawża T‑62/09 (11) (is-suġġett tal-appell fil-Kawża C‑120/12 P)

27.      Ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-15 ta’ Diċembru 2009 kien ibbażat fuq tliet motivi: (i) ksur mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, (ii) ksur mill-Bord tal-Appell tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 u użu ħażin ta’ poter, u (iii) ksur mill-Bord tal-Appell tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

28.      Fis-16 ta’ Diċembru 2011, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors.

29.      Fil-punt 24 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motiv bħala inammissibbli għax ma kienx dirett kontra deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

30.      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni motiv bħala infondat. Fil-punti 27 u 28 tas-sentenza tagħha, hija l-ewwel għamlet sommarju tat-termini tar-Regola 19(1) sa (3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni u d-dati li fihom B. Rintisch ippreżenta l-provi.

31.      Imbagħad, fil-punti 29 sa 32, il-Qorti Ġenerali ffokat fuq it-termini tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 u l-ġurisprudenza li tipprovdi li (i) bħala regola ġenerali, il-produzzjoni ta’ fatti u provi mill-partijiet tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tat-termini li għalihom hija suġġetta din il-produzzjoni skont il-provvedimenti tar-Regolament Nru 40/94; (ii) parti ma għandhiex dritt illimitat li l-fatti u provi mressqa barra miż-żmien ikunu kkunsidrati mill-UASI u (iii) il-possibbiltà li l-partijiet fil-proċedura quddiem l-UASI jressqu fatti u provi wara l-iskadenza tat-termini speċifikati għal dik il-fini hija suġġetta għall-kundizzjoni li ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja.

32.      Wara li stabbilixxiet it-termini tar-Regola 20(1) u tal-ewwel u t-tielet subparagrafi tar-Regola 50(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, il-Qorti Ġenerali mbagħad ikkunsidrat jekk din tal-aħħar hijiex “dispożizzjoni kuntrarja” li tipprekludi lir-Regola 20(1) milli tkun applikata għal proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell:

“38      Mill-bidu nett għandu jkun innotat li, ladarba n-notifika tal-oppożizzjoni kienet ippreżentata fid-9 ta’ Marzu 2007, il-verżjoni tar-[Regolament ta’ Implementazzjoni] applikabbli f’dan il-każ hija dik fis-seħħ wara l-emendi tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1041/2005 [...] B’mod partikolari, skont il-premessa 7 ta’ dak ir-regolament, wieħed mill-għanijiet tal-emendi kien ir-riformulazzjoni kompleta tad-dispożizzjonijiet dwar il-proċedimenti tal-oppożizzjoni sabiex ikun speċifikat b’mod ċar, inter alia, il-konsegwenzi legali tal-irregolaritajiet proċedurali.

39      Barra mir-riskju li jiġi applikat raġunament ċirkulari lid-dispożizzjoni inkwistjoni, jekk tiġi aċċettata l-interpretazzjoni mressqa mill-applikant, din ser twassal għal-limitazzjoni sinjifikattiva tal-portata tar-Regola 20(1) tar-[Regolament ta’ Implementazzjoni], kif emendat.

40      Fil-fatt, jekk il-provi sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza, il-validità u l-portata ta’ trade mark preċedenti — li, skont il-formulazzjoni l-ġdida tar-Regola 20(1) tar-[Regolament ta’ Implementazzjoni], applikabbli għal dan il-każ, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni meta jkunu ppreżentata tard — jistgħu madankollu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell permezz tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu skont l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, il-konsegwenza legali stabbilita espressament mir-Regolament Nru 1041/2005 għal din it-tip ta’ irregolarità, jiġifieri ċ-ċaħda tal-oppożizzjoni, tista’, f’ċerti każijiet, ma jkollha ebda effett prattiku.

41      Għandu għalhekk ikun sostnut li l-Bord tal-Appell ma kienx żbaljat meta ddeċieda li, fiċ-ċirkustanza ta’ dan il-każ, kien hemm dispożizzjoni li tipprekludi provi mressqa tard lill-UASI mir-rikorrent milli jittieħdu inkunsiderazzjoni u li, għalhekk, il-Bord tal-Appell ma kellu ebda diskrezzjoni skont l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

33.      Il-Qorti Ġenerali għaddiet imbagħad għall-argument ta’ B. Rintisch rigward id-dikjarazzjoni tal-Bord tal-Appell li, fi kwalunkwe każ, huwa kien jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu kontrih:

“43      F’dan ir-rigward, għalkemm il-Bord tal-Appell ikkonstata li ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ jipprekludu d-diskrezzjoni skont l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 milli tkun eżerċitata favur ir-rikorrent, fi kwalunkwe każ huwa ċar mill-punt 39 tad-deċiżjoni appellata li dik il-konstatazzjoni saret biss bħala alternattiva u fid-dawl tal-fatt li s-sentenza CORPO livre [(12)] [...], li fuqha r-raġunament tal-Bord tal-Appell kien ibbażat, kienet is-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

44      Għandu jkun innotat li fid-deċiżjoni tagħha fis-sentenza K & L Ruppert Stiftung vs UASI [(13)] [...] il-Qorti tal-Ġustizzja ma qiegħditx inkwistjoni l-approċċ tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza CORPO livre [...] Barra minn hekk, ladarba, skont il-konklużjonijiet magħmula hawn fuq fil-punt 41, il-Bord tal-Appell ma kellux id-diskrezzjoni prevista fl-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, ma hemmx bżonn li jkunu eżaminati l-argumenti tar-rikorrent intiżi għal dikjarazzjoni li d-deċiżjoni appellata kienet żbaljata f’dak ir-rigward fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti mis-sentenza UASI vs Kaul (14) [...]

[...]

46      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ma kisirx l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, billi ma ħax inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, id-dokumenti ppreżentati tard lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni mir-rikorrent li kienu intiżi sabiex jipprovaw l-eżistenza u l-validità tat-trade marks preċedenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

34.      Fil-punt 47 tas-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddikjarat inammissibbli l-ilment fir-rigward tal-allegat użu ħażin ta’ poteri mill-Bord tal-Appell għax l-applikazzjoni ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti minimi għall-ammissibbiltà ta’ ilment, b’mod partikolari, ir-rekwiżit ta’ argumenti insostenn ta’ ilment, stabbilit mill-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, dispożizzjonijiet li japplikaw għall-proprjetà intellettwali skont l-Artikoli 130(1) u 132(1) ta’ dawk ir-regoli.

35.      Fil-punt 62 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll it-tielet motiv bħala infondat għax, peress li kkonkludiet li l-eżistenza u l-validità tat-trade marks preċedenti ma kinux ġew debitament ipprovati mill-parti li qed topponi, hija ma kellhiex dritt teżamina l-mertu tal-oppożizzjoni jew tanalizza, b’mod partikolari, l-eżistenza tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni.

 Kawżi T‑109/09 (15) u T‑152/09 (16) (is-suġġetti tal-appelli fil-Kawżi C‑121/12 P u C‑122/12 P rispettivament)

36.      Ir-rikorsi ta’ B. Rintisch kontra d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell tal-21 ta’ Jannar 2009 u tat-3 ta’ Frar 2009 kienu bbażati fuq l-istess tliet motivi li huwa ressaq fil-Kawża T‑62/09.

37.      Fis-16 ta’ Diċembru 2011, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi.

38.      Kemm fil-Kawża T‑109/09 kif ukoll fil-Kawża T‑152/09, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tliet motivi abbażi ta’ raġunament li, fis-sustanza, huwa l-istess bħal dak li wassal għaċ-ċaħda tal-motivi identiċi fil-Kawża T‑62/09 (issa fl-appell fil-Kawża C‑120/12 P).

 Sommarju tal-appelli u t-talbiet

39.      F’kull appell, B. Rintisch jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali u tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

40.      L-appelli huma bbażati fuq żewġ aggravji: (i) ksur tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell ma għandux diskrezzjoni meta jkun qed jiddeċiedi li l-parti li qed topponi ma pproduċietx provi dwar trade marks preċedenti u (ii) użu ħażin ta’ poter.

 Sommarju tal-argumenti tal-partijiet fit-tliet appelli

 Ksur tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94

41.      B. Rintisch jargumenta li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regola 50(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. Il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta kkonkludiet li l-Bord tal-Appell ma għandux diskrezzjoni li jiddeċiedi li dokumenti ppreżentati wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni tiegħu. Il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata wkoll meta ma ddeċidietx li l-Bord tal-Appell kien eżerċita b’mod żbaljat is-setgħat diskrezzjonali mogħtija mill-Artikolu 74(2).

 Jekk il-Bord tal-Appell għandux diskrezzjoni

42.      B. Rintisch jibbaża ruħu fuq id-deċiżjoni fis-sentenza Henkel vs UASI-LHS (UK) (Kleencare), fejn il-Qorti Ġenerali sostniet li “[i]segwi mill-prinċipju ta’ kontinwità funzjonali li, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 74(1) in fine [...], il-Bord tal-Appell għandu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq il-punti ta’ fatt u liġi kollha li l-parti kkonċernata tippreżenta jew fil-proċeduri quddiem id-dipartiment li sema’ l-applikazzjoni fl-ewwel istanza jew, suġġett biss għall-Artikolu 74(2), fl-appell” (17) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalhekk il-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni dokumenti ppreżentati lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni wara l-iskadenza tat-terminu, bħat-traduzzjonijiet tad-dokumenti li juri t-tiġdid tat-trade marks.

43.      Waqt li B. Rintisch jaċċetta li l-Qorti tal-Ġustizzja qalet fis-sentenza UASI vs Kaul (18) li d-diskrezzjoni fl-Artikolu 74(2) kienet suġġetta għall-kundizzjoni li ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja, huwa jargumenta li dik id-dispożizzjoni stess ma tinkludix din il-kundizzjoni. Lanqas ma hemm ebda regola oħra li teskludi l-eżerċizzju mill-Bord tal-Appell ta’ dik id-diskrezzjoni. Huwa għalhekk jidher li jikkontesta wkoll il-validità tal-prinċipju stabbilit fis-sentenza UASI vs Kaul.

44.      B. Rintisch isostni li, waqt li huwa minnu li r-Regola 20(1) tapplika għal proċedimenti ta’ oppożizzjoni, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni li r-Regola 50(1) tipprevali fuq ir-Regola 20(1) sa fejn hija tagħti setgħat diskrezzjonali lill-Bord tal-Appell. Il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li t-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1), li huwa dispożizzjoni speċjali għall-eżami tal-appelli, jipprovdi espressament għall-applikazzjoni tal-Artikolu 74(2). F’dak ir-rigward, il-Qorti Ġenerali naqset milli tiddistingwi bejn fatti kompletament ġodda u l-produzzjoni ta’ fatti u provi “addizzjonali jew supplimentari”. Il-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi wkoll li, skont l-Artikolu 74(2), il-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni t-traduzzjoni ppreżentata wara l-iskadenza tat-terminu.

45.      L-UASI jargumenta li l-kwistjoni mqajma mill-ewwel aggravju tista’ tissolva abbażi ta’ żewġ kunsiderazzjonijiet. L-ewwel nett, ir-Regola 20(1) għandha tinqara fil-kuntest tal-isfond storiku tagħha. Fil-verżjoni l-antika tagħha, dik ir-regola ma kinitx tiddikjara x’konsegwenza kienet tirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza tat-termini tar-Regola 19(1). Ir-Regola 20(1) kif emendata bir-Regolament Nru 1041/2005, issa tipprovdi espressament li oppożizzjoni għandha tkun miċħuda bħala infondata jekk il-parti li qed topponi ma tipprovax l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade marks preċedenti tagħha qabel l-iskadenza tal-perijodu li għalih tirreferi r-Regola 19(1). It-tieni nett, ir-Regola 19(3) tipprovdi b’mod ċar li provi insostenn tal-oppożizzjoni għandhom ikunu ppreżentati fil-lingwa tal-proċeduri jew flimkien ma’ traduzzjoni f’dik il-lingwa. Dak il-prinċipju huwa bbażat fuq il-bżonn li tkun osservata r-regola tal-audi alteram partem u li jkunu żgurati opportunitajiet ugwali tal-partijiet fi proċeduri inter partes. Provi meħuda minn ċertifikati ta’ reġistrazzjoni jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regola 19(3). Il-Qorti Ġenerali kienet għalhekk korretta meta ddeċidiet li r-Regola 20(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni teskludi kull diskrezzjoni li jkun deċiż jekk għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni provi jew traduzzjonijiet ippreżentati wara l-iskadenza tat-terminu.

46.      L-UASI jindirizza imbagħad il-possibbiltà ta’ paralleliżmu bejn ir-Regola 20 u r-Regola 22(2). Fir-rigward ta’ din tal-aħħar u l-konsegwenzi tal-produzzjoni ta’ provi wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-UASI skont dik ir-Regola, il-Qorti Ġenerali kienet preċedentement għamlet distinzjoni bejn il-provi inizjali u l-provi addizzjonali. Fl-opinjoni tal-UASI, dik il-ġurisprudenza tirrigwarda l-produzzjoni ta’ provi fi stadju iktar avvanzat fil-proċedimenti tal-oppożizzjoni. Fir-rigward ta’ provi ta’ użu ġenwin, l-UASI jaċċetta li jista’ jkun hemm interpretazzjoni differenti fir-rigward tal-kwalità tal-provi mressqa u għalhekk il-bżonn tal-flessibbiltà. Fil-kuntest li tintwera l-eżistenza u l-validità tad-drittijiet preċedenti, madankollu, qatt ma ser ikun hemm dubju dwar jekk id-dokumenti ppreżentati humiex biżżejjed. Għaldaqstant, id-distinzjoni ma hijiex rilevanti f’dan il-kuntest.

47.      Għall-kuntrarju ta’ Bariatrix fil-Kawża C‑120/12 P, Valfleuri intervjeniet fil-Kawżi C‑121/12 P u C‑122/12 P. Hija ħadet il-pożizzjoni li, fiċ-ċirkustanzi li wasslu għal dawn l-appelli, l-UASI ma kellu ebda diskrezzjoni. L-argument tagħha huwa bbażat fuq il-formulazzjoni tar-Regoli 19 u 20 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni u fuq il-fatt li ż-żewġ dispożizzjonijiet jipprekludu lill-UASI milli tagħti lill-parti li qed topponi iktar żmien sabiex tipprova l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade marks preċedenti. Hija tikkontesta wkoll li B. Rintisch ibbaża ruħu fuq ġurisprudenza li ma kinitx tirrigwarda l-applikazzjoni tar-Regoli 19 u 20 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni kif emendat bir-Regolament Nru 1041/2005. Valfleuri tinnota li, f’dawn il-każijiet, B. Rintisch kien fil-pussess tal-prova dokumentarja meħtieġa qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-UASI; iżda madankollu ma ressaq ebda raġuni għaliex żamm id-dokumenti sa Ottubru 2007.

 Eżerċizzju tad-diskrezzjoni tal-Bord tal-Appell

48.      B. Rintisch jissottometti li l-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li l-Bord tal-Appell kien żbaljat meta ddikjara li, kieku kellu diskrezzjoni skont l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, huwa kien jeżerċitaha kontrih. Hawnhekk, il-Qorti Ġenerali kellha teżamina l-argumenti tiegħu rigward in-nuqqas tal-Bord tal-Appell li jqis jekk il-kunsiderazzjoni tal-provi mressqa wara l-iskadenza tat-terminu kinitx iġġustifikata għaliex, min-naħa l-waħda, il-materjal seta’ prima facie jkun rilevanti għall-eżitu tal-proċedimenti tal-oppożizzjoni u, min-naħa l-oħra, l-istadju tal-proċeduri li fih saret il-produzzjoni tardiva u ċ-ċirkustanzi li jiċċirkondawha ma jipprekluduhiex.

49.      L-UASI jargumenta li dan l-aggravju huwa rilevanti biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Bord tal-Appell effettivament għandu diskrezzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Bord tal-Appell kien spjega kif kien jeżerċita dik id-diskrezzjoni fiċ-ċirkustanzi tal-każ.

 Użu ħażin ta’ poter

50.      B. Rintisch jidher li ressaq, bħala t-tieni aggravju, użu ħażin ta’ poter mill-Qorti Ġenerali. Madankollu, ma tressaq ebda argument speċifiku insostenn ta’ dak l-aggravju.

51.      L-UASI ma hijiex ċerta jekk dan l-aggravju jibqax fl-appell. Fi kwalunkwe każ, għandu jkun miċħud bħala inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ argument.

 Evalwazzjoni

 Diskrezzjoni tal-Bord tal-Appell u l-eżerċizzju ta’ dik id-diskrezzjoni

52.      L-ewwel aggravju jista’ jinqasam f’żewġ partijiet. L-ewwel parti tirrigwarda jekk il-Bord tal-Appell għandux diskrezzjoni li jieħu inkunsiderazzjoni provi tal-eżistenza u l-validità tat-trade marks preċedenti u traduzzjonijiet tal-provi ppreżentati wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. It-tieni parti tirrigwarda l-eżerċizzju ta’ dik id-diskrezzjoni, jekk din kellha teżisti.

 Jekk il-Bord tal-Appell għandux diskrezzjoni

53.      Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑621/11 P New Yorker SHK Jeans vs UASI, ippreżentati llum ukoll, jiena spjegajt li l-punt tat-tluq tal-analiżi dwar il-portata tad-diskrezzjoni tal-UASI li jikkunsidra provi f’kull tip ta’ proċeduri għandu jkun dak li l-UASI, inklużi d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u l-Bord tal-Appell, normalment għandu diskrezzjoni biex jieħu inkunsiderazzjoni provi mressqa barra t-terminu stabbilit.

54.      L-appell fil-Kawża New Yorker SHK Jeans vs UASI kien jirrigwarda jekk id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni għandhiex diskrezzjoni li tiddeċiedi jekk tiħux inkunsiderazzjoni t-tieni lott ta’ provi mressqa wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-UASI sabiex tipprova użu ġenwin fil-proċedimenti tal-oppożizzjoni.

55.      Dan l-appell jirrigwarda (i) provi tal-eżistenza u l-validità tat-trade marks li fuqhom tibbaża l-parti li qed topponi u (ii) traduzzjonijiet tal-provi. Dawk huma l-provi li għandhom jitressqu sabiex tingħalaq il-fażi inizjali tal-proċedimenti tal-oppożizzjoni. Jekk ma hemmx trade mark preċedenti eżistenti u valida, ma jista’ jkun hemm ebda oppożizzjoni għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ġdida.

56.      Abbażi tar-regola ġenerali tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, jidhirli li huwa evidenti, bħal ma kien għall-Qorti Ġenerali (19), li hawnhekk il-punt tat-tluq huwa wkoll dak li l-Bord tal-Appell għandu diskrezzjoni.

57.      Ir-Regolament Nru 40/94 jew ir-Regolament ta’ Implementazzjoni jinkludu xi eċċezzjoni li tapplika fil-kuntest tat-tliet appelli inkwistjoni?

58.      Jiena ser nikkunsidra dik il-kwistjoni l-ewwel fir-rigward tal-produzzjoni tal-provi; u nindirizza t-traduzzjonijiet separatament.

59.      Apparti mill-Artikolu 74(2), ir-Regolament Nru 40/94 ma jinkludi ebda regola espressa li tirrigwarda d-diskrezzjoni tal-Bord tal-Appell li tiddeċiedi jekk tiħux inkunsiderazzjoni provi tal-eżistenza jew tal-validità tat-trade marks imressqa wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni (20).

60.      Madankollu, l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94 jagħmilha ċara li proprjetarji ta’ trade marks (preċedenti) biss jistgħu jippreżentaw notifika ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark. Il-parti li qed topponi għandha għalhekk tipprovdi informazzjoni rigward it-trade mark li fuqha hija tibbaża ruħha u d-drittijiet tagħha għaliha. Provi materjali ta’ dawn il-fatti, jiġifieri, l-eżistenza u l-validità tat-trade marks jistgħu jkunu ppreżentati iktar tard lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni (21).

61.      Waqt li l-provi materjali jistgħu ma jitressqux man-notifika ta’ oppożizzjoni, l-informazzjoni dwar l-eżistenza u l-validità tat-trade mark hija marbuta mal-ammissibbiltà tal-oppożizzjoni. Għalhekk għandha tkun ikkunsidrata mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni qabel ma tittratta l-mertu. Il-bżonn ta’ proċedura effiċjenti, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ċertezza legali jwassluni biex nikkonkludi li, meta moqri f’dak il-kuntest, l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jinftiehem li jeskludi l-possibbiltà li l-Bord tal-Appell jista’ jikkunsidra provi li, mingħajr ma jkunu tressqu fi stadju iktar bikri tal-proċedimenti tal-oppożizzjoni bħala unità, jiġu prodotti quddiemu insostenn ta’ punt marbut mal-ammissibbiltà ta’ oppożizzjoni, bħal (speċifikament) provi tal-eżistenza u l-validità ta’ trade marks (preċedenti).

62.      It-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jikkonferma dik il-pożizzjoni.

63.      L-ewwel parti tat-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tistabbilixxi r-regola ġenerali li tapplika għall-appelli minn deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Jien nifhem li dik ir-regola, u b’mod partikolari l-kelmiet “għandu jillimita”, tfisser li l-Bord tal-Appell jista’ jikkunsidra biss fatti u provi li kienu ppreżentati fit-terminu “stipula[t] jew speċifika[t] mid-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni skond ir-Regolament u dawn ir-Regoli”. Waqt li t-test ma jagħmilx distinzjoni bejn provi tal-eżistenza u l-validità ta’ trade marks preċedenti u provi oħra, il-produzzjoni ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ provi hija rregolata minn regoli differenti fir-Regolament Nru 40/94 u fir-Regolament ta’ Implementazzjoni. Ir-Regoli 19 u 20 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jirregolaw il-produzzjoni ta’ provi tal-eżistenza u l-validità ta’ trade marks preċedenti u traduzzjonijiet ta’ kwalunkwe dokument ippreżentat.

64.      Għall-kuntrarju tal-argument magħmul minn B. Rintisch, l-ewwel parti tat-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) għalhekk ma “tipprevali[x] fuq” ir-Regola 20(1). Pjuttost, hija tagħmel “renvoi” għal dik id-dispożizzjoni u teskludi, fir-rigward tal-fatti u provi oħra li ma humiex “fatti u evidenza addizzjonali jew supplimentari”, il-possibbiltà li l-Bord tal-Appell jeżamina fatti u provi ppreżentati barra t-terminu stabbilit jew speċifikat mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni skont ir-Regolament Nru 40/94 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni. Il-Bord tal-Appell, bħad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni (22), ma għandu ebda diskrezzjoni li jiddeċiedi jieħux dawn il-provi inkunsiderazzjoni.

65.      It-tieni parti tippreċiża r-regola stabbilita fl-ewwel parti tas-sentenza: dik ir-regola tapplika “sakemm il-Bord ma jikkunsidrax li fatti u evidenza supplimentari jew addizzjonali għandu jittieħed kont tagħhom skond l-Artikolu 74(2)” li jistabbilixxi r-regola ġenerali tad-diskrezzjoni.

66.      Jekk il-Bord tal-Appell għandux dik id-diskrezzjoni jiddependi għalhekk fuq jekk il-provi tal-eżistenza u tal-validità ta’ trade marks preċedenti jistgħux ikunu kkaratterizzati bħala “addizzjonali u supplimentari” (23). Waqt li ma nikkunsidrax li huwa neċessarju, għall-finijiet ta’ dawn l-appelli, li tiġi pprovduta definizzjoni eżawrjenti ta’ dawk il-kelmiet, huwa ċar li, sabiex il-provi jkunu kkaratterizzati hekk, provi oħra għandhom ikunu ġew ippreżentati fi stadju iktar kmieni tal-proċeduri.

67.      F’ċirkustanzi fejn ir-Regolament ta’ Implementazzjoni jiddefinixxi (i) ir-rekwiżiti formali meħtieġa sabiex prova tkun ammissibbli sabiex tipprova fatt u (ii) it-terminu biex tiġi ppreżentata dik il-prova, ma nikkunsidrax li l-parti li qed topponi tista’ tressaq prova mhux xierqa fit-terminu stabbilit u imbagħad iktar tard, possibbilment fl-appell, tressaq prova li fil-fatt hija meħtieġa taħt il-kopertura ta’ prova “addizzjonali jew supplimentari”.

68.      Tkun xi tkun il-bażi tal-oppożizzjoni, il-parti li qed topponi għandha dejjem tressaq prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni tat-trade marks preċedenti li fuqhom hija tibbaża. Ir-Regola 19(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tipprovdi: “il-parti li qed topponi għandha tipprovdi l-evidenza li ġejja”. Imbagħad fir-Regola 19(2)(a)(ii) hija tiddefinixxi l-prova dokumentarja meħtieġa f’ċirkustanzi fejn l-oppożizzjoni hija bbażata fuq trade mark li ma hijiex trade mark Komunitarja, jiġifieri ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni rilevanti u, fejn ikun il-każ, l-aħħar ċertifikat ta’ tiġdid.

69.      Sa mill-emenda tagħha permezz tar-Regolament Nru 1041/2005 ir-Regola 20(1) hija ċara rigward il-konsegwenza li tirriżulta jekk il-parti li qed topponi tonqos milli tippreżenta ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni rilevanti (u, fejn neċessarju, tat-tiġdid) qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: “l-oppożizzjoni tiġi rrifjutata bħala bla bażi”.

70.      Għalkemm huwa minnu li dik il-frażi hija simili għal frażi “l-Uffiċju għandu jirrifjuta l-oppożizzjoni” fir-Regola 22(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, madankollu jiena nikkunsidra li l-frażijiet għandhom ikunu interpretati b’mod differenti.

71.      Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑621/11 P New Yorker SHK Jeans vs UASI, jiena kkonkludejt li, skont it-tieni sentenza tar-Regola 22(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni għandha tiċħad l-oppożizzjoni jekk ebda prova ta’ użu ġenwin tat-trade mark ma tkun ippreżentata fiż-żmien tal-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-UASI (24). Jiena ddikjarajt ukoll li l-eċċezzjoni għar-regola ġenerali tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 ma għandhiex tapplika jekk il-parti li qed topponi, li hija mitluba turi użu ġenwin mit-trade mark tagħha, ippreżentat, in bona fide, prova inizjali kredibbli li turi dak l-użu (25). Waqt li r-Regola 22(3) tiddeskrivi dak li għandu jkun ipprovat u r-Regola 22(4) telenka kif dan jista’ jsir, ma hemm ebda lista eżawrjenti ta’ provi dokumentarji indispensabbli li għandhom ikunu ppreżentati sabiex ikun sodisfatt l-oneru tal-prova ta’ użu ġenwin. Skont iċ-ċirkustanzi, bħat-tip ta’ trade mark u s-suq li fiha hija użata, il-kwalità u l-kwantità tal-provi jistgħu jvarjaw u jekk il-prova inizjali hijiex biżżejjed tista’ leġittimament titqiegħed inkwistjoni mir-rikorrent matul proċeduri inter partes.

72.      Jiena ma ninterpretax ir-Regola 20(1) bl-istess mod. Fir-Regola 19(2)(a)(ii), il-leġiżlatur essenzjalment iddefinixxa limitu tal-provi: għal trade marks irreġistrati li ma humiex trade marks Komunitarji, il-parti li qed topponi għandha tippreżenta kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni rilevanti u, fejn ikun il-każ, tal-aħħar ċertifikat ta’ tiġdid li juri li t-terminu tal-protezzjoni tat-trade mark jestendi lil hinn mit-terminu stabbilit mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u kwalunkwe estensjoni tiegħu, jew dokumenti ekwivalenti li ġejjin mill-amministrazzjoni li magħha t-trade mark kienet irreġistrata.

73.      Il-parti li qed topponi jew tippreżenta ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni rilevanti (u, fejn ikun il-każ, tat-tiġdid) jew ma tippreżentahx. Għalhekk jiena naqbel mal-UASI li ma hemmx skop li titqiegħed inkwistjoni jekk il-provi kinux biżżejjed jew li jiġi diskuss jekk humiex addizzjonali jew supplimentari għall-provi ppreżentati preċedentement. Provi dokumentarji indispensabbli ma jistgħux ikunu addizzjonali jew supplimentari għall-provi dokumentarji oħra. (Dawn tal-aħħar jistgħu, madankollu, ikunu addizzjonali jew supplimentari għal dawk tal-ewwel).

74.      Għall-kuntrarju ta’ B. Rintisch, jiena ma nara ebda bażi sabiex issir distinzjoni bejn dokumenti ppreżentati lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni wara l-iskadenza tat-terminu u dawk ippreżentati lill-Bord tal-Appell wara dik id-data. Mill-qari tiegħi tar-Regoli 19(2)(a)(ii) u 20(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma għandha ebda diskrezzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni ċertifikati ta’ reġistrazzjoni jew ċertifikati ta’ tiġdid ippreżentati wara t-terminu stabbilit. B’konformità mal-prinċipju ta’ kontinwità funzjonali u sakemm ma teżistix dispożizzjoni kuntrarja, ma hemm ebda bażi li tippermetti lill-Bord tal-Appell jieħu inkunsiderazzjoni prova indispensabbli tardiva li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni. Il-kontinwità timplika konsistenza fl-applikazzjoni tal-istess regoli (26).

75.      Fl-opinjoni tiegħi, l-istess konklużjoni tapplika għall-preżentazzjoni tardiva tat-traduzzjonijiet taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni rilevanti (u, fejn ikun il-każ, ta’ ċertifikati ta’ tiġdid).

76.      Ir-Regola 19(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tagħmilha ċara li d-dokumenti deskritti fir-Regola 19(2) għandhom ikunu ppreżentati jew fil-lingwa tal-proċeduri jew flimkien ma’ traduzzjoni. L-istess regola tipprovdi li t-traduzzjoni għandha tkun “sottomessa fil-perjodu ta’ żmien speċifikat għas-sottomissjoni tad-dokument oriġinali”. Skont ir-Regola 19(4), l-UASI “ma jiħux in konsiderazzjoni” dokumenti li ma humiex sottomessi jew tradotti fit-terminu stabbilit. Fl-isfond ta’ dawn it-termini li ma humiex ambigwi, jidhirli li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma jistax ikollha diskrezzjoni li tiddeċiedi jekk tiħux inkunsiderazzjoni traduzzjonijiet tad-dokumenti deskritti fir-Regola 19(2)(a)(ii) li huma ppreżentati tard. Lanqas il-Bord tal-Appell ma jista’.

77.      Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-Bord tal-Appell ma kienx żbaljat meta ddeċieda li ma kellux diskrezzjoni li jieħu inkunsiderazzjoni provi tal-eżistenza u l-validità tat-trade marks preċedenti ppreżentati wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

 Eżerċizzju tad-diskrezzjoni tal-Bord tal-Appell

78.      Jekk il-Bord tal-Appell ma kellu ebda diskrezzjoni li jieħu inkunsiderazzjoni (i) prova li la hi addizzjonali u lanqas supplimentari u (ii) traduzzjonijiet ippreżentati wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, ma jeżisti ebda skop li jiġi kkunsidrat kif kellha jew għandha tkun eżerċitata tali diskrezzjoni.

79.      Għalhekk jiena naqbel mall-UASI li dan l-aggravju huwa rilevanti biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Qorti Ġenerali żbaljat fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 u tikkonkludi li, fir-rigward tal-provi u t-traduzzjonijiet inkwistjoni fit-tliet appelli, il-Bord tal-Appell kellu diskrezzjoni li jiddeċiedi jieħux inkunsiderazzjoni dawk id-dokumenti. Fid-dawl tal-konklużjoni tiegħi fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, jiena mhux ser nikkunsidra t-tieni parti ulterjorment.

 Użu ħażin ta’ poter

80.      Jiena naqbel mal-UASI li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe argument motivat insostenn tat-tieni aggravju, huwa għandu jkun miċħud bħala inammissibbli.

 Spejjeż

81.      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell abbażi tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. L-Artikolu 184(4) jipprovdi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjent fl-ewwel istanza li jipparteċipa fil-proċeduri għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

82.      Fi kwalunkwe każ, l-UASI talab l-ispejjeż u Valfleuri talbet l-ispejjeż fil-kawżi C‑121/12 P u C‑122/12 P. Fil-fehma tiegħi, B. Rintisch għandu jkun tellief f’kull kawża.

 Konklużjoni

83.      Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiddeċiedi kif ġej:

–        tiċħad l-appelli kollha kemm huma;

–        tordna lil B. Rintisch ibati l-ispejjeż tal-UASI u dawk tal-parti intervenjenti fil-kawżi C‑121/12 P u C‑122/12 P.


1 –      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 –      Waqt li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 40/94”) kif emendat, kien abrogat u ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 207/2009”), ir-regolament fis-seħħ fil-mument meta B. Rintisch ippreżenta n-notifiki ta’ oppożizzjoni tiegħu u meta seħħew avvenimenti oħra sussegwenti fit-tliet każijiet kien ir-Regolament Nru 40/94. Fi kwalunkwe każ, ir-Regolament Nru 207/2009 prattikament jikkodifika biss ir-Regolament Nru 40/94 u l-emendi tiegħu. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94 inkwistjoni f’dawn il-proċeduri ma kinux affettwati.


3 –      Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189) kif emendat, fost oħrajn, bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1041/2005, tad-29 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 287 M, p. 12).


4 –      L-Artikolu 8 jistabbilixxi r-raġunijiet relattivi għal rifjut tar-reġistrazzjoni.


5 –      Ara l-ħames premessa fil-preambolu tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.


6 –      Ara s-sitt premessa fil-preambolu tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.


7 –      Ir-Regola 17 tistabbilixxi r-raġunijiet għal dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni bħala inammissibbli. Dawn jinkludu: nuqqas ta’ ħlas tal-miżata tal-oppożizzjoni, preżentazzjoni tardiva tan-notifika tal-oppożizzjoni, nuqqas ta’ dikjarazzjoni tar-raġunijiet għall-oppożizzjoni, nuqqas ta’ identifikazzjoni ċara tat-trade mark jew drittijiet preċedenti li fuqhom l-oppożizzjoni hija bbażata, nuqqas ta’ preżentazzjoni tat-traduzzjoni meħtieġa skont ir-Regola 16(1), nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regola 15.


8 –      Jiena nqis li l-kliem tal-ftuħ ifissru: “Jekk, qabel l-iskadenza tal-perijodu msemmi fir-Regola 19(1)”.


9 –      Ftehim ta’ Nice, tal-15 ta’ Ġunju 1957, dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni ta’ trade marks, kif irrivedut u emendat.


10 –      Dawk iċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni kienu datati Marzu 1996, Ottubru 1996 u Marzu 1997.


11 –      Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2011, Rintisch vs UASI – Bariatrix Europe (PROTI SNACK).


12 –      Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2007, K & L Ruppert Stiftung vs UASI – Lopes de Almeida Cunha et (CORPO livre), T‑86/05, Ġabra p. II‑4923.


13 –      Digriet tal-5 ta’ Marzu 2009 fil-Kawża C‑90/08 P.


14 –      Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, C‑29/05 P, Ġabra p. I‑2213.


15 – Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2011, Rintisch vs UASI – Valfleuri Pâtes alimentaires (PROTIVITAL).


16 – Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2011, Rintisch vs UASI – Valfleuri Pâtes alimentaires (PROTIACTIVE).


17 –      Sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, Henkel vs UASI – LHS (UK) (KLEENCARE), T‑308/01, Ġabra p. II‑3253, punt 32.


18 –      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 42.


19 –      Ara l-punt 30 tas-sentenza appellata fil-Kawża T-62/09; il-punt 31 tas-sentenzi appellati fil-Kawżi T-109/09 u T-152/09.


20 –      Ara r-Regola 15 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.


21 –      Ara r-Regola 19 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.


22 –      Ara l-punt 74 hawn taħt.


23 –      Il-verżjonijiet ta’ lingwi differenti tat-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) ma jaqblux kompletament. Pereżempju, it-test Franċiż jirreferi għal “faits et preuves nouveaux ou supplémentaires” u t-test Olandiż jipprovdi “aanvullende feiten en bewijsstukken”.


24 –      Ara l-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża New Yorker SHK Jeans vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 53.


25 – Ibid., punt 65; l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 huwa ekwivalenti għall-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, inkwistjoni f’dak il-każ.


26 –      Ara l-punt 111 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża UASI vs Kaul, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 14.