Language of document : ECLI:EU:C:2013:639

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

3 ta’ Ottubru 2013 (*)

“Appell – Trade mark Komunitarja – Regolament (KE) Nru 40/94 – Artikolu 74(2) – Regolament (KE) Nru 2868/95 – L-ewwel u t-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) – Oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti – Eżistenza tat-trade mark – Provi prodotti insostenn tal-oppożizzjoni wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għal dan il-għan – Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Appell – Dispożizzjoni kuntrarja – Ċirkustanzi li jipprekludu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi addizzjonali jew supplimentari”

Fil-Kawża C‑121/12 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2012,

Bernhard Rintisch, residenti f’Bottrop (il-Ġermanja), irrappreżentat minn A. Dreyer, avukat,

appellant,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,

konvenut fl-ewwel istanza,

Valfleuri Pâtes alimentaires SA, stabbilita f’Wittenheim (Franza), irrappreżentata minn F. Baujoin, avukat,

intervenjenti fl-ewwel istanza,



IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský, U. Lõhmus, M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Mejju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tiegħu, B. Rintisch jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Diċembru 2011, Rintisch vs UASI – Valfleuri Pâtes alimentaires (PROTIVITAL) (T-109/09, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tal-21 ta’ Jannar 2009 (Każ R 1660/2007‑4) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn l-appellant u Valfleuri Pâtes alimentaires SA (iktar ’il quddiem “Valfleuri”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it‑trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1), li daħal fis‑seħħ fit‑13 ta’ April 2009. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti, il-kawża preżenti tibqa’ rregolata mir-Regolament Nru 40/94.

3        Il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 40/94 huma stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendat bir‑Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1041/2005, tad-29 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 287M, p. 12, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implementazzjoni”).

 Ir-Regolament Nru 40/94

4        L-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li “l-Uffiċċju jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux preżentati fil-ħin preskritt mill-partijiet konċernati”.

 Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni

5        Ir-Regola 19 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tipprovdi li:

“1.      L-Uffiċċju għandu jagħti lill-parti li qed topponi l-opportunità biex tippreżenta l-fatti, evidenza u argumenti b’appoġġ għall-oppożizzjoni tagħha jew biex ittemm il-fatt, evidenza jew argumenti li kienu ġa sottomessi skond Regola 15 (3), fi żmien perjodu speċifikat minnha [mill-UASI] u li għandu jkun ta’ għall-anqas xahrejn li jibdew mid-data li fiha l-proċedimenti ta’ l-oppożizzjoni kellhom jibdew skond Regola 18 (1).

2.       Fi żmien il-perjodu msemmi f’paragrafu 1, il-parti li qed topponi għandha wkoll tiffajlja prova ta’ eżistenza, validità u skop tal-protezzjoni tal-marka preċedenti jew dritt preċedenti, kif ukoll evidenza li turi d-dritt li għandha biex tiffajlja oppożizzjoni. B’mod partikolari, il-parti li qed topponi għandha tipprovdi l-evidenza li ġejja:

a)      jekk l-oppożizzjoni hi bbażata fuq trejdmark li m’hijiex trejdmark tal-Komunità, trid tiġi sottomessa evidenza ta’ l-iffajljar jew reġistrazzjoni tagħha, billi tiġi sottomessa:

[...]

ii)      jekk it-trejdmark hi rreġistrata, kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni relevanti u, jekk ikun il-każ, l-aħħar ċertifikat ta’ tiġdid, li juri li l-perjodu ta’ protezzjoni tat-trejdmark jestendi sa wara l-limitu ta’ żmien imsemmi f’paragrafu 1 u kull estensjoni ta’ dan, jew dokumenti ekwivalenti maħruġa mill-amministrazzjoni li magħha ġiet reġistrata t-trejdmark;

[...]

3.       L-informazzjoni u evidenza msemmija f’paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu bil-lingwa tal-proċedimenti jew akkompanjati bi traduzzjoni. It-traduzzjoni għandha tkun sottomessa fil-perjodu ta’ żmien speċifikat għas-sottomissjoni tad-dokumenti oriġinali.

4.      L-Uffiċċju ma jiħux in konsiderazzjoni sottomissjonijiet miktuba jew dokumenti, jew partijiet minnhom, li ma ġewx sottomessi, jew li ma ġewx tradotti bil-lingwa tal-proċedimenti, fil-perjodu taż-żmien stipulat mill-Uffiċċju.”

6        Ir-Regola 20(1) ta’ dan ir-regolament, intitolata “Eżami ta’ l-oppożizzjoniˮ tipprovdi li:

“Jekk sa l-iskadenza tal-perjodu msemmi f’Regola 19(1) il-parti li qed topponi ma tkunx approvat l-eżistenza, il-validità u l-iskop tal-protezzjoni tal-marka preċedenti tagħha jew tad-dritt preċedenti, kif ukoll id-dritt li tiffajlja oppożizzjoni, l-oppożizzjoni tiġi rrifjutata bħala bla bażi.ˮ

7        Ir-Regola 50 tal-imsemmi regolament intitolata “Eżami ta’ appelli”, tipprovdi fil-paragrafu 1 tagħha:

“Sakemm ma jkunx provdut xorta oħra, id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedimenti quddiem id-dipartiment li ħa d-deċiżjoni li kontra tagħha sar l-appell għand[hom] japplika[w] għal proċedimenti ta’ appell mutatis mutandis

[...]

Fejn l-appell isir kontra deċiżjoni ta’ Divizjoni ta’ Oppożizzjoni, il-Bord għandu jillimita l-eżami ta’ l-appell għall-fatti u evidenza ppreżentata fi ħdan il-limiti ta’ żmien stipulati jew speċifikati mid-Divizjoni ta’ Oppożizzjoni skond ir-Regolament [Nru 40/94] u dawn ir-Regoli, sakemm il-Bord ma jikkunsidrax li fatti u evidenza supplimentari jew addizzjonali għandu jittieħed kont tagħhom skond l-Artikolu 74(2) [tal-imsemmi] Regolament.”

 Ir-Regolament Nru 1041/2005

8        Il-premessa 7 tar-Regolament Nru 1041/2005 tipprovdi li:

“Id-dispożizzjonijiet rigward il-proċedura ta’ oppożizzjoni għandhom jiġu mogħtija qafas kompletament ġdid sabiex ikunu speċifikati l-kundizzjonijiet ta’ ammissibilità, biex ikunu speċifikati l-konsegwenzi legali tad-defiċjenzi u sabiex id-dispożizzjonijiet jinġiebu fl-ordni kronoloġiku tal-proċedimenti.ˮ

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

9        Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 1 sa 16 tas-sentenza appellata, hekk kif ġej:

“1      Fis-6 ta’ Jannar 2006, [Valfleuri] ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-[UASI] skont ir-Regolament [...] Nru 40/94 [...]

2      It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali PROTIVITAL.

3      Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu b’mod partikolari fil-klassijiet 5, 29 u 30 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il‑klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat [...]

[...]

5       Fl-24 ta’ Ottubru 2006, [...] B. [...] Rintisch [...] ippreżenta oppożizzjoni skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 [...], għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6      L-oppożizzjoni kienet ibbażata b’mod partikolari fuq id-drittijiet preċedenti li ġejjin:

–        it-trade mark Ġermaniża verbali PROTIPLUS, ippreżentata fl-4 ta’ Diċembru 1995 u rreġistrata fl-20 ta’ Mejju 1996 taħt in-numru 39549559, għal prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 29 u 32;

–        it-trade mark Ġermaniża verbali PROTI, ippreżentata fit‑22 ta’ Jannar 1997 u rreġistrata fit-3 ta’ Marzu 1997 taħt in-numru 39702429, għal prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 29 u 32;

–        it-trade mark Ġermaniża figurattiva [...] ippreżentata fl-24 ta’ Frar 1996 u rreġistrata fil-5 ta’ Marzu 1997 taħt in-numru 39608644, għal prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 29 u 32 [...]

[...]

8      Fis-16 ta’ Jannar 2007, [B. Rintisch] ipprovda lill-UASI, sabiex jipprova l-eżistenza u l-validità tat-trade marks preċedenti msemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq, l-ewwel nett, ċertifikati ta’ reġistrazzjoni maħruġa mid-Deutsches Patent- und Markenamt (Uffiċċju Ġermaniż għall-privattivi u t-trade marks), bid-dati ta’ Marzu 1996, ta’ Ottubru 1996 u ta’ Marzu 1997 rispettivament u, it-tieni nett, siltiet mir-reġistru online tad-Deutsches Patent- und Markenamt, bid-data tat-8 ta’ Jannar 2007, li fuqhom jinsabu, għal kull trade mark preċedenti, taħt l-intestatura ‘Letzter Verfahrensstand’ (l-aħħar stadju tal-proċedura), il-kelmiet ‘Marke eingetragen’ (trade marks irreġistrati) u, fil-każ tat-trade marks preċedenti Nru 39549559 u Nru 39608644, taħt l-intestatura ‘Verlängerungsdatum’ (data ta’ tiġdid), dati tas-sena 2006. Traduzzjoni bil-lingwa tal-proċedura ma ġietx ippreżentata ħlief għaċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ kull trade mark preċedenti.

9      Fit-23 ta’ Jannar 2007, l-UASI kkomunika [lil B. Rintisch] [...] id-data tal-ftuħ tal-fażi kontradittorja tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni. F’din il-komunikazzjoni, l-UASI indika [lil B. Rintisch] li l-produzzjoni ta’ ċertifikat ta’ tiġdid kienet neċessarja għal dak li jikkonċerna t-trade marks li r-reġistrazzjoni tagħhom kienet tmur lura għal iktar minn għaxar snin. Huwa rrileva wkoll li l-eżistenza u l-validità tat-trade marks preċedenti invokati insostenn tal-oppożizzjoni kellhom jiġu pprovati permezz ta’ dokumenti uffiċjali tradotti bil-lingwa tal-proċedura. Għal dan il-għan, l-UASI ffissa terminu li kien jiskadi fl-4 ta’ Ġunju 2007. Fl-aħħar nett, l-UASI wissa lil [B. Rintisch] li jekk jonqos milli jipproduċi fit-terminu stabbilit il-provi relattivi għall-eżistenza u għall-validità tat-trade marks preċedenti, l-oppożizzjoni tkun miċħuda mingħajr eżami tal-mertu, skont ir-Regola 20(1) tar-Regolament [ta’ Implementazzjoni].

10      Fil-11 ta’ Settembru 2007, l-UASI informa [lil B. Rintisch] bil-konstatazzjoni tiegħu li dan tal-aħħar ma kienx sostna, fit-terminu stabbilit, l-eżistenza u l-validità tat-trade marks preċedenti. L-UASI informa wkoll lil [B. Rintisch] li ebda osservazzjoni komplementari ma setgħet issa tiġi ppreżentata u li kien ser jieħu d-deċiżjoni tiegħu dwar l-oppożizzjoni abbażi tal-provi li kellu f’dak il-mument.

11      Fid-19 ta’ Settembru 2008, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni għaliex [B. Rintisch] ma kienx ipprovda, fit-terminu stabbilit, il-prova tal-eżistenza u tal-validità tat-trade marks preċedenti invokati insostenn tal-oppożizzjoni. L-ewwel nett, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkunsidrat li, anki kieku seta’ jiġi kkonstatat, fuq il-bażi taċ-ċertifikati pprovduti lill-UASI fis-16 ta’ Jannar 2007, li t-trade marks preċedenti kienu ġew irreġistrati, fl-1995, 1996 u 1997 rispettivament, dan ma jkunx suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-validità tagħhom fid-data tal-4 ta’ Ġunju 2007 [...]. Barra minn hekk, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni qieset li, skont ir-Regola 19(4) tar-Regolament [ta’ Implementazzjoni], is-siltiet mir-reġistru online, bid-data tat-8 ta’ Jannar 2007, ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzoni sabiex jiġi pprovat it-tiġdid tat-trade marks preċedenti, peress li ma kinux ġew tradotti bil-lingwa tal-proċedura.

12      Fit-23 ta’ Ottubru 2007, [B. Rintisch] appella quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 […], mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Fil-kuntest ta’ dan l-appell, [B. Rintisch] talab lill-Bord tal-Appell jirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fuq il-bażi li teżisti allegata probabbiltà ta’ konfużjoni. Għal dan il-għan, man-nota li tispjega l-aggravji tal-appell, huwa annetta b’mod partikolari, għal kull waħda mit-trade marks preċedenti, silta mir-reġistru online u dikjarazzjoni tad-Deutsches Patent- und Markenamt, flimkien ma’ traduzzjoni ta’ din tal-aħħar bil-lingwa tal-proċedura. Id-dikjarazzjoni kienet tindika li, qabel il-preżentata tal-att ta’ oppożizzjoni, l-imsemmija trade marks preċedenti kienu ġew imġedda rispettivament sal-2015, 2016 u 2017.

13      Permezz [tad-deċiżjoni kkontestata], ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell mingħajr ma eżamina l-oppożizzjoni fuq il-mertu. Huwa qies li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet ġustament ikkonkludiet li r-rikorrent ma kienx sostna kif xieraq, fit-terminu stabbilit, l-eżistenza u l-validità tat-trade marks preċedenti invokati insostenn tal-oppożizzjoni.

14      B’mod partikolari, minn naħa, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li ċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni provduti lill-UASI fis-16 ta’ Jannar 2007 ma kinux suffiċjenti sabiex jiġi pprovat li t-trade marks preċedenti kienu għadhom fis-seħħ fid-data li fiha saret l-oppożizzjoni. Min-naħa l-oħra, huwa qies l-assenza ta’ traduzzjoni tas-siltiet mir-reġistru online bid-data tat-8 ta’ Jannar 2007 kienet tikkostitwixxi ġustifikazzjoni suffiċjenti fiha nnifisha sabiex jirrifjuta li jeħodhom inkunsiderazzjoni.

15      Huwa qies ukoll li d-dokumenti annessi fit-23 ta’ Ottubru 2007 man-nota li tispjega l-aggravji tal-appell ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, minħabba li kienu ġew prodotti wara l-4 ta’ Ġunju 2007, id-data li fiha skada t-terminu mogħti mill-UASI.

16      Fl-aħħar nett, skont il-Bord tal-Appell, la d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u lanqas huwa stess ma kellhom marġni ta’ diskrezzjoni abbażi tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 [...] fit-teħid inkunsiderazzjoni tad-dokumenti li ma kinux ġew ippreżentati qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti mill-UASI, fid-dawl tar-Regola 20(1) tar-Regolament [ta’ Implementazzjoni], li timponi b’mod espress iċ-ċaħda tal-azzjoni f’każ ta’ produzzjoni tardiva tad-dokumenti probatorji. Il-Bord tal-Appell sostna wkoll li, fi kwalunkwe każ, anki kieku kellu jitqies li huwa kellu s-setgħa diskrezzjonali sabiex jaċċetta jew le d-dokumenti prodotti tardivament quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, huwa kien jeżerċitha kontra [B. Rintisch] [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

10      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Marzu 2009, B. Rintisch beda kawża fejn talab l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

11      Insostenn ta’ dan ir-rikors huwa qajjem tliet moviti iżda t-tieni wieħed biss fosthom huwa s-suġġett ta’ dan l-appell. Dan il-motiv kien ibbażat fuq ksur mill-Bord tal-Appell tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll fuq abbuż ta’ poter.

12      Wara li fakkret, fil-punti 31 u 32 tas-sentenza appellata, billi rreferiet għas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul (C‑29/05 P, Ġabra p. I‑2213, punt 42), li mill-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li, bħala regola ġenerali u sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja, il-produzzjoni ta’ fatti u ta’ provi mill-partijiet tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tat-termini li għalihom hija suġġetta tali produzzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, u li l-UASI bl-ebda mod ma huwa ipprojbit milli jieħu inkunsiderazzjoni fatti u provi invokati jew prodotti tardivament, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel parti tal-motiv kif imqajjem minn B. Rintisch billi essenzjalment iddeċidiet, fil-punti 33 sa 42 tas-sentenza appellata, kif ġej:

“33      [...] [I]l-possibbiltà tal-partijiet fil-proċedimenti quddiem l-UASI li jipproduċu fatti u provi wara li jiskadu t-termini stabbiliti għal dan il-għan tinsab suġġetta għall-kundizzjoni li ma teżistix dispożizzjoni kuntrarja. [...]

34      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell qies [...] li kienet teżisti dispożizzjoni kuntrarja espressa li bis-saħħa tagħha, u skont il-ġurisprudenza, iċ-ċaħda tal-oppożizzjoni kienet mandatorja u mhux sempliċement għażla suġġetta għad-diskrezzjoni tal-UASI. Fil-fehma tiegħu, ir-Regola 20(1) tar-Regolament [ta’ Implementazzjoni], applikabbli quddiemu bis-saħħa tar-Regola 50(1) tal-istess regolament, kienet tipprekludi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94.

[...]

37      Mill-qari flimkien tar-[Regola 20(1) u l-ewwel u t-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni] jirriżulta li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni kuntrarja, il-Bord tal-Appell huwa obbligat japplika r-Regola 20(1) tar-Regolament [ta’ Implementazzjoni] fil-kuntest tal-proċedimenti quddiemu u, minħabba f’hekk, li jqis li l-produzzjoni ta’ provi intiżi sabiex jiġu stabbiliti l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti wara l-iskadenza tat-terminu mogħti għal dan il-għan mill-UASI twassal għaċ-ċaħda tal-oppożizzjoni, mingħajr ma huwa għandu setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward [...]

38      [B. Rintisch] isostni li t-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1), in fine, tar-Regolament [ta’ Implementazzjoni], u b’mod partikolari, ir-riferiment li hemm previst fl-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, jikkorrispondi preċiżament għad-dispożizzjoni kuntrarja li tipprekludi, fi kwalunkwe ipoteżi, l-applikazzjoni tar-Regola 20(1) tal-istess regolament, għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell. Madankollu dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

39      Mill-bidu nett għandu jkun innotat li, ladarba n-notifika tal-oppożizzjoni kienet ippreżentata fl-24 ta’ Ottubru 2006, il-verżjoni tar-Regolament [ta’ Implementazzjoni] applikabbli f’dan il-każ hija dik fis-seħħ wara l-emendi tar-Regolament tal-Kummissjoni [...] Nru 1041/2005 [...] B’mod partikolari, skont il-premessa 7 ta’ dak ir-regolament, wieħed mill-għanijiet tal-emendi kien ir-riformulazzjoni kompleta tad-dispożizzjonijiet dwar il-proċedimenti tal-oppożizzjoni sabiex ikun speċifikat b’mod ċar, inter alia, il-konsegwenzi legali tal-irregolaritajiet proċedurali.

40      Barra mir-riskju li jiġi applikat raġunament ċirkulari lid-dispożizzjoni inkwistjoni, jekk tiġi aċċettata l-interpretazzjoni mressqa minn [B. Rintisch], din ser twassal għal-limitazzjoni sinjifikattiva tal-portata tar-Regola 20(1) tar-[Regolament ta’ Implementazzjoni], kif emendat.

41      Fil-fatt, jekk il-provi sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza, il-validità u l-portata ta’ trade mark preċedenti — li, skont il-formulazzjoni l-ġdida tar-Regola 20(1) tar-Regolament [ta’ Implementazzjoni], applikabbli għal dan il-każ, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni meta jkunu ppreżentata tard — jistgħu madankollu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell permezz tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu skont l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, il-konsegwenza legali stabbilita espressament mir-Regolament Nru 1041/2005 għal din it-tip ta’ irregolarità, jiġifieri ċ-ċaħda tal-oppożizzjoni, tista’, f’ċerti każijiet, ma jkollha ebda effett prattiku.

42      Għandu għalhekk ikun sostnut li l-Bord tal-Appell ma kienx żbaljat meta ddeċieda li, fiċ-ċirkustanza ta’ dan il-każ, kien hemm dispożizzjoni li tipprekludi provi mressqa tard lill-UASI [minn B. Rintisch] milli jittieħdu inkunsiderazzjoni u li, għalhekk, il-Bord tal-Appell ma kellu ebda diskrezzjoni skont l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni parti tat-tieni motiv għar-raġuni li ġejja:

“48      [...] [G]ħal dak li jirrigwarda allegat abbuż ta’ poter imwettaq mill-Bord tal-Appell, għandu jiġi kkonstatat li r-rikors ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti minimi stabbiliti mill-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali sabiex ilment jiġi milqugħ [...]. B’mod partikolari, f’dan il-każ, l-ilment tar-rikorrent, kif ippreżentat fir-rikors, ma jinkludi ebda argument intiż li juri b’liema mod il-Bord tal-Appell abbuża mill-poter tiegħu. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14      Peress li ċaħdet ukoll il-motivi l-oħra invokati minn B. Rintisch insostenn tar-rikors tiegħu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-imsemmi rikors.

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15      Permezz tal-appell tiegħu, B. Rintisch qed jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

16      L-UASI u Valfleuri jitolbu li l-appell jiġi miċħud u li B. Rintisch jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

17      Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka żewġ aggravji bbażati rispettivamet fuq ksur tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 u fuq abbuż ta’ poter mill-Bord tal-Appell.

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94

1.     L-argumenti tal-partijiet

18      B. Rintisch isostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regola 50(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.

19      Huwa jsostni għalhekk li l-Qorti Ġenerali injorat it-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar minkejja li din hija dispożizzjoni speċjali għall-eżami tar-rikorsi li tipprevedi espressament l-applikazzjoni tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 u li għaldaqstant tagħti lill-Bord tal-Appell setgħa diskrezzjonali sabiex jiddetermina jekk għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni jew le l-fatti jew il-provi addizzjonali jew supplimentari. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset, b’mod żbaljat, milli tistabbilixxi distinzjoni bejn il-fatti ġodda u l-produzzjoni tardiva ta’ fatti u ta’ provi addizzjonali jew supplimentari fis-sens tat-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.

20      L-UASI jikkontesta l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti proposta mill-appellant. Huwa jqis li l-Qorti Ġenerali osservat b’mod korrett li r-Regola 20(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala dispożizzjoni kuntrarja, fis-sens tas-sentenza UASI vs Kaul, iċċitata iktar ’il fuq, inkwantu hija dispożizzjoni mandatorja li tistabbilixxi terminu ta’ natura perentorja.

21      Valfleuri tqies li r-Regoli 19(4) u 20(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni huma dispożizzjonijiet espressi u mandatorji li jeskludu kwalunkwe possibbiltà għall-UASI li jestendi t-terminu mogħti lill-parti li qed topponi sabiex tipprova l-eżistenza u l-validità tat-trade marks preċedenti. Konsegwentement, fis-sitwazzjoni inkwistjoni, l-UASI ma għandux il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilu mill-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

22      L-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li l-UASI jista’ ma jiħux inkunsiderazzjoni fatti li l-partijiet ma jkunux invokaw jew provi li ma jkunux ipproduċew fil-ħin preskritt.

23      Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, bħala regola ġenerali u sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja, il-produzzjoni ta’ fatti u ta’ provi mill-partijiet tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tat-terminu li għalih hija suġġetta tali produzzjoni skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94, u l-UASI bl-ebda mod ma huwa pprojbit milli jqis fatti u provi invokati jew ippreżentati b’dan il-mod tardiv (sentenzi UASI vs Kaul, iċċitati iktar ’il fuq, punt 42, u tat-18 ta’ Lulju 2013, New Yorker SHK Jeans vs UASI, C‑621/11 P, punt 22).

24      Billi tippreċiża li dan tal-aħħar “jista’”, f’każ bħal dan, jiddeċiedi li ma jiħux inkunsiderazzjoni tali provi, l-imsemmija dispożizzjoni tagħti, fil-fatt, lill-UASI setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeċiedi, filwaqt li jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu fuq dan il-punt, jekk hemmx lok li jeħodhom inkunsiderazzjoni jew le (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, UASI vs Kaul, punt 43, u New Yorker SHK Jeans vs UASI, punt 23).

25      Sa fejn l-ewwel aggravju mressaq mill-appellant jikkonċerna biss is-setgħa diskrezzjonali li għandu, fil-fehma tiegħu, il-Bord tal-Appell tal-UASI, huwa xieraq li, sabiex jiġi ddeterminat jekk teżistix dispożizzjoni kuntrarja li tista’ teskludi tali setgħa, isir riferiment għar-Regoli li jirregolaw il-proċedura ta’ appell.

26      F’dan ir-rigward, l-ewwel subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jipprovdi li, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja, id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedimenti quddiem id-dipartiment li ħa d-deċiżjoni li kontra tagħha sar l-appell għandhom japplikaw għal proċedimenti ta’ appell mutatis mutandis.

27      Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 37 tas-sentenza appellata, li minn din id-deċiżjoni jirriżulta li l-Bord tal-Appell kien obbligat japplika r-Regola 20(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni u, minħabba f’hekk, li jikkunsidra li l-produzzjoni ta’ provi intiżi sabiex jistabbilixxu l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti wara l-iskadenza tat-terminu mogħti għal dan il-għan mill-UASI twassal għaċ-ċaħda tal-oppożizzjoni, mingħajr ma l-Bord tal-Appell għandu setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward.

28      Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni żbaljata tar-Regola 50(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni li tmur kontra l-portata tat-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni.

29      Fil-fatt, għalkemm l-ewwel subparagrafu tal-imsemmija dispożizzjoni jistabbilixxi l-prinċipju li d-dispożizzjonijiet dwar il-proċedimenti quddiem id-dipartiment li ħa d-deċiżjoni li kontra tagħha sar l-appell għandhom japplikaw għal proċedimenti ta’ appell mutatis mutandis, it-tielet subparagrafu tal-istess dispożizzjoni jikkostitwixxi regola speċjali, li tidderoga minn dan il-prinċipju. Din ir-regola speċjali hija speċifika għall-proċedura ta’ appell kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni u tispeċifika r-regoli, quddiem il-Bord tal-Appell, għall-fatti u provi prodotti wara l-iskadenza tat-termini stabbiliti jew speċifikati fl-ewwel istanza.

30      It-tielet subaragrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni għandu għalhekk jiġi applikat, fuq dan il-punt partikolari tal-proċedura ta’ appell kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, minflok id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedimenti quddiem l-imsemmi dipartiment, li fosthom tinsab ir-Regola 20(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.

31      Għandu jiġi enfasizzat li din ir-regola speċjali ġiet introdotta fir-Regolament ta’ Implementazzjoni waqt l-emenda tiegħu bir-Regolament Nru 1041/2005 li, skont il-premessa 7 tiegħu, għandu b’mod partikolari l-għan li jiġu speċifikati l-konsegwenzi legali tal-irregolaritajiet proċedurali ta’ matul il-proċedimenti tal-oppożizzjoni. Din il-konstatazzjoni tikkonferma li l-konsegwenzi, quddiem il-Bord tal-Appell, tad-dewmien osservat waqt is-sottomissjoni tal-provi quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni għandhom jiġu ddeterminati abbażi tal-imsemmija regola.

32      Issa, skont it-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, meta l-appell isir kontra deċiżjoni ta’ Divizjoni tal-Oppożizzjoni, il-Bord tal-Appell għandu jillimita l-eżami tal-appell għall-fatti u għall-provi prodotti fit-termini stipulati jew speċifikati mid-Divizjoni tal-Oppożizzjoni, sakemm huwa ma jikkunsidrax li fatti u provi addizzjonali jew supplimentari għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94.

33      Għaldaqstant, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni jipprovdi espressament li waqt l-eżami ta’ appell minn deċiżjoni ta’ Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, il-Bord tal-Appell għandu setgħa diskrezzjonali li tirriżulta mit-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni u mill-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 sabiex jiddeċiedi jekk hemmx lok li jieħu inkunsiderazzjoni provi addizzjonali jew supplimentari li ma ġewx prodotti fit-termini stabbiliti jew speċifikati mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

34      Konsegwentement, billi fil-punt 42 tas-sentenza appellata ddeċidiet li r-Regola 20(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni kienet tikkostitwixxi dispożizzjoni kuntrarja li tipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Bord tal-Appell, tal-provi prodotti tardivament mill-appellant quddiem l-UASI, bil-konsegwenza li dan il-Bord ma kellu ebda marġni ta’ diskrezzjoni bbażat fuq l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-provi, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza tagħha bi żball ta’ liġi.

35      Għaldaqstant, għandu jitfakkar li, jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali juru ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jidher fondat minħabba motivi ta’ dritt oħra, l-appell għandu jiġi miċħud (sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C‑210/98 P, Ġabra p. I‑5843, punt 58, u tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni, C‑352/09 P, Ġabra p. I‑2359, punt 136).

36      Mill-kunsiderazzjoni li jinsabu fil-punt 34 tas-sentenza preżenti jirriżulta li, billi kkonstata, fil-punti 38 sa 40 tad-deċiżjoni kkontestata, li mir-Regola 20(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni kien jirriżulta li huwa ma kellux setgħa diskrezzjonali sabiex jiddeċiedi jekk hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni provi prodotti tardivament tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti, il-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi.

37      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell indika, fil-punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata, li kieku kien iddikjarat li huwa kellu setgħa diskrezzjonali sabiex jiddeċiedi jekk hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni dokumenti prodotti tardivament, huwa kien jeżerċitha kontra l-parti li qed topponi. Sussegwentement, fil-punti 43 sa 46 ta’ din id-deċiżjoni, huwa espona r-raġunijiet li kienu jiġġustifikaw din il-konklużjoni.

38      Dawn ir-raġunijiet, mogħtija b’mod sussidjarju mill-Bord tal-Appell sabiex jirrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni l-provi prodotti tardivament minn B. Rintisch, ma humiex tali li jirrimedjaw id-difett li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata ħlief jekk jippermettu li jiġi meqjus li l-Bord tal-Appell eżerċita b’mod effettiv is-setgħa diskrezzjonali li jtih l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, sabiex jiddeċiedi, billi ingħataw ir-raġunijiet u b’kont meħud taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, jekk kienx hemm lok li jieħu inkunsiderazzjoni l-provi prodotti tardivament quddiemu sabiex jagħti d-deċiżjoni li kien mitlub li jagħti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Centrotherm Systemtechnik vs UASI u centrotherm Clean Solutions, C‑610/11 P, punt 110).

39      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li t-teħid inkunsiderazzjoni mill-UASI ta’ fatti jew ta’ provi prodotti tardivament meta jkun mitlub jagħti deċiżjoni fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, jista’ partikolarment jiġi ġġustifikat meta dan jikkunsidra li, minn naħa, il-provi prodotti tardivament jistgħu prima facie jkollhom rilevanza reali għal dak li jikkonċerna l-eżitu tal-oppożizzjoni magħmula quddiemu u, min-naħa l-oħra, l-istadju tal-proċedimenti li fihom jiġu prodotti tardivament u ċ-ċirkustanzi relatati ma’ dan ma jipprekludux dan it-teħid inkunsiderazzjoni (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, UASI vs Kaul, punt 44, kif ukoll Centrotherm Systemtechnik vs UASI u centrotherm Clean Solutions, punt 113).

40      F’dan il-każ, peress li  Rintisch ibbaża l-oppożizzjoni tiegħu b’mod partikolari fuq tliet trade marks Ġermaniżi rreġistrati, il-provi tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni ta’ dawn it-trade marks li huwa kellu jipproduċi matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni huma elenkati, b’mod preċiż u eżawrjenti, fir-Regola 19(2)(a)(ii) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. Għaldaqstant, B. Rintisch kien messu kien jaf, anki qabel il-preżentata tal-oppożizzjoni tiegħu, liema dokumenti preċiżi kellu jipproduċi sabiex isostni din l-oppożizzjoni. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell għandu jeżerċita, f’dawn iċ-ċirkustanzi, is-setgħa diskrezzjonali tiegħu b’mod restrittiv u jista’ jaċċetta l-produzzjoni tardiva ta’ tali provi biss jekk iċ-ċirkustanzi relatati magħha jistgħu jiġġustifikaw id-dewmien tal-appellant fis-sottomissjoni tal-provi meħtieġa minnu.

41      Sabiex jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu, il-Bord tal-Appell enfasizza b’mod partikolari li B. Rintisch kellu l-prova tat-tiġdid tat-trade marks inkwistjoni sa mill-15 ta’ Jannar 2007 u li ma ta ebda raġuni għaliex żamm dan id-dokument sa Ottubru 2007.

42      Għaldaqstant, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li ċ-ċirkustanzi relatati mal-produzzjoni tardiva tal-provi tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni tat-trade marks inkwistjoni ma jistgħux jiġġustifikaw id-dewmien tal-appellanti fis-sottomissjoni tal-prova li tagħha huwa kellu l-oneru.

43      Il-fatt li B. Rintisch ipproduċa, qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, siltiet mir-reġistru online tad-Deutsches Patent- und Markenamt li jsemmu t-tiġdid tat-trade marks inkwistjoni b’lingwa oħra li ma hijiex il-lingwa tal-proċedura ma huwiex tali li jimmina din l-analiżi inkwantu huwa ċar mir-Regola 19(4) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni li l-UASI ma jiħux inkunsiderazzjoni dokumenti li ma humiex prodotti jew li ma humiex tradotti bil-lingwa tal-proċedura, f’dan it-terminu.

44      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell kien intitolat jirrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni l-provi prodotti minn B. Rintisch wara l-iskadenza tat-termini mogħtija għal dan il-għan mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, mingħajr ma kien neċessarju li jiddeċiedi dwar ir-rilevanza eventwali ta’ dawn il-provi jew jiddetermina jekk l-istadju tal-proċedimenti li fih ġew prodotti tardivament jipprekludix dan it-teħid inkunsiderazzjoni.

45      Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li jsostni B. Rintisch, il-Bord tal-Appell ma huwiex obbligat, meta jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu taħt l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, li jeżamina t-tliet kriterji msemmija fil-punt 39 tas-sentenza preżenti meta wieħed minn dawn il-kriterji jkun biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li huwa ma għandux jieħu inkunsiderazzjoni l-provi inkwistjoni prodotti tardivament (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-4 ta’ Marzu 2010, Kaul vs UASI, C‑193/09 P, punt 38).

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżball ta’ liġi, identifikat fil-punt 34 tas-sentenza preżenti, li bih hija vvizzjata s-sentenza appellata, ma għandux effett fuq l-eżami tal-appell, peress li ċ-ċaħda tal-ewwel parti tat-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 min-naħa tal-Qorti Ġenerali fil-punt 47 ta’ din is-sentenza hija ġġustifikata minn motivi oħra ta’ liġi li ma humiex dawk mogħtija mill-Qorti Ġenerali u għaldaqstant ma jistax iwassal għall-annullament tal-imsemmija sentenza.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq abbuż ta’ poter mill-Bord tal-Appell

 L-argumenti tal-partijiet

47      B. Rintisch isostni li l-Qorti Ġenerali ssottovalutat il-fatt li l-Bord tal-Appell kien abbuża mill-poteri tiegħu.

48      L-UASI jikkonstata li ebda argument li jsostni t-tieni aggravju ma jista’ jinsab fl-appell.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

49      Għal dak li jirrigwarda t-tieni aggravju, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-appellant jagħmel sempliċement dikjarazzjonijiet ġenerali u mkien ma jidentifika l-punti tas-sentenza appellata li huwa jikkritika u, min-naħa l-oħra, li huwa ma jsemmix l-argumenti legali li jressaq insostenn ta’ dan l-aggravju.

50      Skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 112(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis-seħħ fid-data tal-preżentata tal-appell, li sar l-Artikoli 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 426, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra p. I‑10515, punt 121).

51      It-tieni aggravju ppreżentat minn B. Rintisch insostenn tal-appell tiegħu ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti u konsegwentement għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

52      Peress li ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellant insostenn tal-appell tiegħu ma jista’ jintlaqa’, dan għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

53      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

54      Peress li l-appellant tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-UASI u Valfleuri.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Bernhard Rintisch huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.