Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Diċembru 2023 – WS vs EUIPO

(Kawża T-1138/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: WS (rappreżentant: H. Tettenborn, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-EUIPO li tiċħad it-talbiet tar-rikorrent sottomessi permezz tal-ittra tiegħu tal-25 ta’ Lulju 2023, b’mod partikolari għal kumpens għal dannu materjali u morali;

tikkundanna lill-EUIPO għall-ħlas ta’ ammont lir-rikorrent fid-diskrezzjoni tal-Qorti Ġenerali – fil-fehma tar-rikorrent mill-inqas EUR 500 000.00 – bħala kumpens xieraq għad-dannu morali u materjali sostnut mir-rikorrent bħala riżultat ta’ diversi istanzi ta’ ksur tad-drittijiet tar-rikorrent taħt ir-Regolament (UE) 2018/1725 1 mqajma b’dan ir-rikors, u bħala riżultat tad-deċiżjoni tal-EUIPO li tiċħad it-talbiet tar-rikorrent sottomessi permezz tal-ittra tiegħu tal-25 ta’ Lulju 2023;

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka disa’ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur mill-EUIPO tal-obbligu tiegħu li jkun konformi mal-Artikoli 26(1) u 14(5) tal-GDPR – nuqqas tal-EUIPO li jimplimenta l-miżuri kollha sabiex jiżgura u jkun jista’ juri osservanza.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur mill-EUIPO tal-obbligu tiegħu li jkun konformi mal-Artikolu 14(2), (4) u (5) tal-GDPR – nuqqas tal-EUIPO li jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data taħt l-Artikoli 17 sa 24 tal-GDPR.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur mill-EUIPO tal-obbligu tiegħu li jkun konformi mal-Artikolu 17(1) u (3) u mal-Artikolu 4(2) tal-GDPR – nuqqas tal-EUIPO li jipprovdi kwalunkwe tip ta’ reġistrazzjonijiet.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur mill-EUIPO tal-obbligu tiegħu li jkun konformi mal-Artikolu 4(1) u (2) tal-GDPR.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur mill-EUIPO tal-obbligu tiegħu li jkun konformi mal-Artikoli 20 u 23 tal-GDPR – nuqqas tal-EUIPO li jimplimenta d-dritt tar-rikorrent għal restrizzjoni tal-ipproċessar u ta’ oġġezzjoni.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur mill-EUIPO tal-obbligu tiegħu li jkun konformi mal-Artikoli 65, 4(1f), (1d) u (2) tal-GDPR – nuqqas tal-EUIPO li jkun konformi mad-dritt għal kumpens tar-rikorrent.

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur mill-EUIPO tal-obbligu tiegħu li jkun konformi mal-Artikolu 33 tal-GDPR – nuqqas tal-EUIPO li jinforza s-sigurtà tal-attivitajiet ta’ pproċessar tiegħu.

It-tmien motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur mill-EUIPO tal-obbligu tiegħu li jkun konformi mal-Artikoli 34(1) u 35(1) tal-GDPR – nuqqas tal-EUIPO li jikkomunika lis-suġġett tad-data u lill-kontrollur Ewropew għall-protezzjoni tad-data dwar l-istanzi ta’ ksur tad-data personali rrapportati mir-rikorrent.

Id-disa’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur mill-EUIPO tal-obbligu tiegħu li jkun konformi mal-Artikolu 39(1) tal-GDPR – nuqqas tal-EUIPO li jwettaq valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data xierqa.

____________

1 Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39) (iktar ’il quddiem il-“GDPR”).