Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Diċembru 2023 – UG vs Il-Parlament

(Kawża T-1133/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: UG (rappreżentanti: J. Martínez Gimeno, X. Codina García-Andrade, F. Díaz-Grande Rojo u S. Fernández Tourné, avukati)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Att ta’ Likwidazzjoni fil-konfront tar-rikorrent bħala konsegwenza ta’: a) l-illegalità tal-Artikolu 76(1) jew (1a) tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew kif ifformulat fid-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Ġunju 2023 1 li temenda l-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew, u b) tal-illegalità tal-Artikolu 76(2a) tal-istess miżuri, kif ifformulat fid-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Diċembru 2018 2 ; u tannulla wkoll il-likwidazzjonijiet ta’ drittijiet tal-Iskema Volontarja ta’ Pensjoni Addizzjonali (SVPA) tal-konvenut posterjuri għall-Att ta’ Likwidazzjoni għall-istess raġuni;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew joħroġ atti ta’ likwidazzjoni ġodda tad-drittijiet taħt l-SVPA fir-rigward tal-konvenut fl-ammont li kien jirriżulta applikabbli b’konformità mal-formulazzjoni tal-Artikolu 76 preċedenti għad-deċiżjonijiet tal-2023 u tal-2018 tal-imsemmija miżuri ta’ implimentazzjoni, kemm fir-rigward tal-istess Att ta’ Likwidazzjoni, kif ukoll tal-atti ta’ likwidazzjoni kollha posterjuri mwettqa sa minn din id-data;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew, abbażi ta’ dawn l-istess atti ta’ likwidazzjoni, li jżomm il-kwantitajiet diġà mħallsa lill-konvenut bħala drittijiet tal-SVPA u jħallas id-differenza bejn l-ammont tal-Att ta’ Likwidazzjoni (u dawk posterjuri maħruġin sas-sentenza) u l-ammont li kien jirriżulta applikabbli b’konformità mal-formulazzjoni preċedenti tad-Deċiżjoni tal-2023 u d-Deċiżjoni tal-2018 tal-Artikolu 76 tal-imsemmija miżuri ta’ implimentazzjoni, flimkien mal-interessi legali korrispondenti sa mid-data meta kellha titħallas id-differenza sal-ħlas sħiħ tiegħu; u

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni 2005/684/KE 1 Euratom tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2005 li tadotta l-istatut għall-membri tal-Parlament Ewropew u r-Regola 25(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, li tipprovdi, rispettivament, li drittijiet miksuba taħt l-SVPA għandhom jinżammu fl-intier tagħhom u li l-Bureau jista’ biss jistabbilixxi kriterji speċjali li jirregolaw l-akkwist ta’ drittijiet ġodda u aspettattivi ta’ drittijiet.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tad-drittijiet miksuba mir-rikorrent qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-2023, fl-assenza ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni jew ibbilanċjar tal-interessi involuti li jippermetti din il-modifika.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għall-proprjetà taħt l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-prinċipju ġenerali tal-indipendenza parlamentari u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza. Il-miżuri adottati permezz tad-Deċiżjoni 2023 ħallew mingħajr kontenut id-dritt għall-pensjoni tal-konvenut, protett mill-Artikolu 17 tal-Karta, minħabba li ma josservawx il-minimu meħtieġ mill-ġurisprudenza dwar id-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom, u, addizzjonalment, jiksru l-kontenut minimu essenzjali tad-dritt għall-pensjoni tar-rikorrent li jirriżulta mis-SVPA. B’hekk, il-miżuri ċċitati jiksru l-prinċipju ġenerali ta’ indipendenza parlamentari, li jieħu l-forma ta’ dritt għall-pensjoni tal-konvenut, u l-prinċipju ta’ ugwaljanza, billi ma jipprevedux miżuri simili fid-drittijiet għall-pensjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew attwali.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn il-miżuri adottati permezz tad-Deċiżjoni 2023 jeskludu kompletament l-ibbilanċjar tal-interessi kunfliġġenti; għandhom għan ta’ interess ġenerali astratt, li ma huwiex leġittimu fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ relatati mas-SVPA maħluqa mill-Parlament Ewropew stess u, fi kwalunkwe każ, huwa miżuri ħafna iktar onerużi minn dawk li setgħu ġew adottati.

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn il-Parlament Ewropew b’mod konsistenti ta lill-konvenut garanziji preċiżi, inkondizzjonali u konsistenti li d-drittijiet tal-pensjoni miksuba kienu ser jiġu osservati u li kien ser jassumi r-responsabbiltà legali tiegħu wara l-eżawriment tal-Fondi.

Is-sitt motiv ibbażat fuq li l-pensjoni tar-rikorrent hija pensjoni derivata mill-pensjoni preċedenti ta’ ex Membru tal-Parlament Ewropew, li kien jirċievi l-pensjoni qabel id-Deċiżjoni 2018 u anki qabel id-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, u, konsegwentement, kien igawdi minn dritt li kien inkiseb ħafna qabel id-Deċiżjoni 2018. Bl-istess mod, ir-rikorrent kellu, fit-termini tal-ġurisprudenza applikabbli, “aspettattiva ta’ dritt” li kien kiseb qabel id-Deċiżjoni 2018. Barra minn hekk, it-tnaqqis tal-5 % stabbilit mid-Deċiżjoni 2018 jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet u tal-prinċipji esposti fit-tielet sal-ħames motiv (kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà, prinċipju ta’ proporzjonalità u prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi).

____________

1 ĠU 2023, C 227, p. 5.

1 Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Diċembru 2018 li temenda l-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, ĠU 2018, C 466, p. 8.

1     ĠU 2005, L 262, p.1.