Language of document : ECLI:EU:F:2013:88

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

25 ta’ Ġunju 2013

Kawża F‑28/12

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Talba għat-tħassir ta’ sentenza mir-rapport mediku — Inċident jew mard ikkaġunat mix-xogħol — Ċaħda impliċita tat-talba”

Suġġett:      Rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob l-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea rrifjutat li temenda l-kontenut ta’ rapport mediku stabbilit fil-kuntest ta’ proċedura intiża għar-rikonoxximent tan-natura aċċidentali ta’ avveniment.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. L. Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż esposti mill-Kummissjoni Ewropea. L. Marcuccio huwa kkundannat iħallas lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea s-somma ta’ EUR 2 000.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Att preparatorju — Rapport mediku stabbilit fil-kuntest ta’ investigazzjoni miftuħa abbażi tal-Artikolu 20 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 20)

2.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Spejjeż fiergħa u vessatorji imposti fuq it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku minħabba rikors abbużiv minn uffiċjal

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 94)

1.      Huma biss miżuri li jipproduċu effetti ġuridiċi vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent billi jbiddlu, b’mod evidenti, is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu, li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu suġġetti għal rikors għal annullament.

B’hekk, meta jkun hemm atti jew deċiżjonijiet li t-tfassil tagħhom jitwettaq f’diversi fażijiet, b’mod partikolari fit-tmiem ta’ proċedura interna, huma biss dawk il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fit-tmiem ta’ din il-proċedura, bl-esklużjoni tal-miżuri interim, li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, li jikkostitwixxu att li jista’ jiġi kkontestat.

F’dan ir-rigward, rapport mediku, stabbilit fil-kuntest ta’ investigazzjoni miftuħa abbażi tal-Artikolu 20 tar-Regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali, għandu jitqies bħala att purament preparatorju tad-deċiżjoni finali u, waħdu, ma jikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba intiża għall-emenda ta’ tali rapport ma tistax tiġi kkunsidrata bħala talba fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li ċ-ċaħda impliċita tagħha tista’ tkun suġġetta għal ilment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, imbagħad għal rikors skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 20, 21, 24 u 25)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 21 ta’ Jannar 1987, Stroghili vs Il‑Qorti tal-Awdituri, 204/85, punt 6

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Diċembru 2006, Aimi et vs Il‑Kummissjoni, F-47/06, punt 58; 29 ta’ Novembru 2007, Pimlott vs Europol, F‑52/06, punt 48; 29 ta’ Frar 2012, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑3/11, punt 39

2.      Skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, jekk dan tal-aħħar ikun għamel spejjeż li setgħu jiġu evitati, b’mod partikolari, jekk ir-rikors huwa ta’ natura manifestament abbużiva, huwa jista’ jikkundanna lill-parti li kkawżathom tħallashom kollha jew tħallas parti minnhom mingħajr ma dan l-ammont ta’ ħlas lura jaqbeż is-somma ta’ EUR 2 000.

Hemm lok li tiġi applikata din id-dispożizzjoni meta l-qrati tal-Unjoni Ewropea jkunu diġà kkonstataw, numru ta’ drabi, li r-rikorrent kien għażel it-triq kontenzjuża mingħajr ebda ġustifikazzjoni valida u meta jkun manifest li l-kawża inkwistjoni tidħol fil-prolongament ta’ tali aġir.

(ara l-punti 30 u 31)