Language of document :

Appell ippreżentat fis-26 ta’ Frar 2021 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fis-16 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawża T-315/19, BT vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-138/21 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Bauer u M. Alver, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: BT, Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Parlament Ewropew, Association internationale des anciens de l’Union européenne (AIACE Internationale)

Talbiet

Tilqa’ l-appell u tannulla s-sentenza appellata;

Tisma’ l-kawża u tiċħad ir-rikors tal-ewwel istanza bħala infondat;

Tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill fil-kuntest ta’ din il-proċedura u tal-proċedura tal-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, il-Kunsill iressaq erba’ aggravji.

L-ewwel aggravju, imressaq b’mod prinċipali, huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-eżistenza ta’ differenza fit-trattament, għall-finijiet tal-għoti ta ’pensjoni tas-superstiti skont l-Artikolu 18 jew l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, bejn, minn naħa, il-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal li kkuntratta żwieġ qabel il-waqfien tal-attività tal-persuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal li kkuntratta żwieġ wara l-waqfien tal-attività. Skont il-Kunsill, il-Qorti Ġenerali ma evalwatx il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom, inklużi, b’mod partikolari, is-sitwazzjonijiet legali rispettivi, fid-dawl tas-suġġett u tal-iskop tal-att tal-Unjoni li jagħmel id-distinzjoni inkwistjoni, jiġifieri r-Regolamenti tal-Persunal fl-intier tagħhom. Il-Qorti Ġenerali għalhekk wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li d-data tal-konklużjoni taż-żwieġ hija l-uniku element li għandu jiddetermina l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 jew tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, meta l-fattur li jiġġustifika d-differenza fit-trattament huwa d-differenza fundamentali, fattwali u legali, bejn is-sitwazzjoni legali ta’ uffiċjal imqiegħed f’waħda mill-pożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 35 tar-Regolamenti tal-Persunal u dik ta’ ex uffiċjal.

It-tieni aggravju, imressaq b’mod sussidjarju, huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi li jikkonċernaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju fuq l-għażliet tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-eżistenza ta ’marġni ta’ manuvrar “sempliċi” min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni li “jimplika l-ħtieġa li jiġi vverifikat jekk ma jidhirx irraġonevoli li l-leġiżlatur tal-Unjoni jikkunsidra li d-differenza fit-trattament stabbilita tista’ tkun xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan imfittex”. Madankollu, il-qorti tirrikonoxxi li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilu, setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-oqsma fejn l-azzjoni tiegħu tinvolvi għażliet ta’ natura politika, ekonomika jew soċjali, u fejn huwa msejjaħ sabiex iwettaq valutazzjonijiet u evalwazzjonijiet kumplessi, li huwa l-każ fil-qasam tal-amministrazzjoni ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali. Għalhekk, ma hijiex kwistjoni ta’ jekk miżura adottata f’tali qasam kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli. Fil-fatt, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ din tal-aħħar fir-rigward tal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti huma intiżi li jsegwu li tista’ taffettwa l-legalità ta’ din il-miżura. Billi wettqet stħarriġ li jmur lil hinn min-natura manifestament mhux xierqa tal-miżura inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tal-leġiżlatur b’dik tagħha u għalhekk qabżet il-limiti tal-istħarriġ tal-legalità tagħha.

It-tielet aggravju, imressaq b’mod sussidjarju, huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-eżami tal-ġustifikazzjoni tad-differenza fit-trattament. Dan l-eżami huwa, fl-ewwel lok, ivvizzjat mill-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta ddefinixxiet l-estent tal-istħarriġ tagħha tal-għażliet magħmula mil-leġiżlatur. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali injorat il-ġurisprudenza li skontha hija r-rikorrenti li għandha ġġib il-prova tal-inkompatibbiltà ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva mad-dritt primarju, u mhux l-istituzzjonijiet li oriġinaw l-att li għandhom jipprovaw il-legalità tagħha. Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eżaminat il-ġustifikazzjoni għad-differenza fit-trattament fid-dawl ta’ ġurisprudenza li skontha preżunzjoni ġenerali ta’ frodi ma tistax tkun biżżejjed sabiex tiġġustifika miżura li timmina l-għanijiet tat-Trattat FUE, sabiex tikkonkludi li l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi “preżunzjoni ġenerali u inkonfutabbli ta’ frodi kontra ż-żwiġijiet li jkunu damu inqas minn ħames snin”.

Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età. Fl-ewwel lok, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha kemm fuq l-età tal-konjuġi superstiti kif ukoll fuq dik tal-uffiċjal jew tal-ex uffiċjal, b’mod li tinjora l-obbligu ta’ motivazzjoni. Fit-tieni lok, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ żvantaġġ partikolari għall-persuni ta’ ċerta età jew ta’ firxa ta’ età preċiża tiddependi, b’mod partikolari, mill-prova li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni taffettwa b’mod negattiv proporzjon sinjifikattivament ikbar ta’ persuni ta’ ċerta età b’paragun ma’ persuni ta’ età oħra, li hija nieqsa f’dan il-każ. Fl-aħħar lok, jekk wieħed jassumi li hemm differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq l-età tal-ex uffiċjal fid-data li fiha huwa kkuntratta żwieġ, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina jekk din id-differenza kinitx madankollu konformi mal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u jekk din kinitx tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tagħha.

____________