Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Settembru 2008 - Agapiou Joséphidès vs Il-Kummissjoni u L-Aġenzija Eżekuttiva tal-Edukazzjoni, Awdjoviżwal u l-Kultura

(Kawża T-439/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Kalliope Agapiou Joséphidès (Nikosija, Ċipru) (rappreżentant: C. Joséphidès, avukat)

Konvenuti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Aġenzija Eżekuttiva tal-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura ("l-Aġenzija"), tal-1 ta' Awwissu 2008, li biha l-Aġenzija, li taġixxi taħt il-kontroll tal-Kummissjoni, caħdet li tagħti lir-rikorrenti l-aċċess, mitlub bl-ittra tagħha tat-3 ta' Marzu 2008, għal ċerti dokumenti tal-fajl Nru 07/0122 dwar l-għoti ta' Ċentru ta' Eċċellenza Jean Monnet lill-Università ta' Ċipru;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 3749, tat-8 ta' Awwissu 2008, dwar id-deċiżjoni individwali ta' għoti ta' sussidji fil-kuntest tal-Programm għall-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja, sub-programm Jean Monnet;

tikkundanna lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni jbatu l-ispejjeż tar-rikorrenti f'din il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tal-Aġenzija Eżekuttiva tal-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura, tal-1 ta' Awwissu 2008, li caħditilha l-aċċess għal dokumenti dwar l-għoti ta' Ċentru ta' Eċċellenza Jean Monnet lill-Università ta' Ċipru u, min-naħa l-oħra, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 3749, tat-8 ta' Awwissu 2008, dwar deċiżjoni individwali ta' għoti ta' sussidji fil-kuntest tal-Programm għall-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja, sub-programm Jean Monnet, sa fejn tirrikkomanda lill-Università ta' Ċipru għall-għoti ta' sussidju għall-ħolqien ta' Ċentru ta' Eċċellenza Jean Monnet.

Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Aġenzija tal-1 ta' Awwissu 2008, hija ssostni li l-Aġenzija kisret id-dritt personali tagħha, kif jirriżulta, b'mod partikolari, mill-prinċipju ta' trasparenza li hemm fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE u fl-Artikolu 6 TUE, mill-Artikolu 255 KE u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li jkollha aċċess għal ċerti dokumenti sa fejn isimha ntuża minn terza persuna (l-Università ta' Ċipru) ġo fajl amministrattiv ta' kandidatura, bil-għan li jittieħed vantaġġ minnu, mingħajr il-kunsens tagħha. Hija tallega li f'dawn iċ-ċirkustanzi, hija għandha d-dritt li tivverifika l-kontenut eżatt u/jew l-eżatezza tad-data personali kif ukoll l-għan u l-kuntest tal-użu ta' din id-data.

Barra minn hekk, hija tirrileva li d-Direttur tal-Aġenzija mhuwiex kompetenti sabiex jiddeċiedi fuq it-talba konfermattiva tagħha għal aċċess għad-dokumenti u li d-deċiżjoni tal-Aġenzija tal-1 ta' Awwissu 2008 ittieħdet bi ksur tar-Regolament Nru 1049/20011 kif ukoll tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni.

Madankollu, jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li d-Direttur tal-Aġenzija kellu l-kompetenza sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ssostni li din id-deċiżjoni ttieħdet bi ksur ta' diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001, b'mod partikolari tal-Artikoli 7(1), 8(1) u 15(1). Skont ir-rikorrenti, l-Aġenzija għamlet ukoll interpretazzjoni żbaljata ta' diversi dispożizzjonijiet oħra tal-istess regolament, b'mod partikolari tal-Artikoli 4(4), 4(5) 4(1)(b) u 4(2) tagħha u applikat b'mod ineżatt il-prinċipju tat-trasparenza u l-kunċett ta' interess pubbliku akbar. Ir-rikorrenti tinvoka wkoll motiv ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni meħtieġa għad-deċiżjoni kkontestata.

Insostenn tat-talba tagħha għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 3749, tat-8 ta' Awwissu 2008, ir-rikorenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball meta naqset milli tivverifika l-eżistenza tal-kunsens tar-rikorrenti sabiex id-data personali tagħha tiġi inkluża fil-formula ta' kandidatura ppreżentata lill-Kummissjoni mill-Università ta' Ċipru. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tikkonstata irregolarità sostanzjali fil-proġett ippreżentat u tirrevoka d-deċiżjoni tagħha jew tieħu miżuri oħra meħtieġa.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni wettqet żball fl-analiżi tal-kriterji ta' eliġibbilità għall-kandidatura ppreżentata mill-Università ta' Ċipru.

____________

1 - Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001,dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43)