Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Limburg (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-13 ta’ Novembru 2023 – C vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(Kawża C-669/23, Zhang 1 )

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Limburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: C

Konvenut: Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

Domandi preliminari

L-Artikoli 3, 5, 6, 8 u 9 tad-Direttiva 2008/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar ir-ritorn”) 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa esklużivament meta l-interessi u l-prinċipji msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar ir-ritorn li jipprekludu li l-Istat Membru jwettaq it-tneħħija lejn il-pajjiż ta’ destinazzjoni jkunu jipprekludu wkoll li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx jista’ jissodisfa, volontarjament jew indipendentement, l-obbligu ta’ ritorn billi jmur f’pajjiż terz ieħor, li ebda deċiżjoni ta’ ritorn ma tista’ tittieħed, jew li deċiżjoni ta’ ritorn diġà meħuda għandha tiġi rtirata jew sospiża?

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt għal servizzi bażiċi għar-residenza legali hija kompatibbli mal-Artikolu 5 moqri flimkien mal-premessi 12 u 24 tad-Direttiva dwar ir-ritorn u mal-Artikoli 1 u 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, fl-affermattiv, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ tali leġiżlazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk deċiżjoni ta’ ritorn tistax tittieħed u/jew tinżamm meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx jista’ jitneħħa?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2008 L 348, p. 98