Language of document : ECLI:EU:T:2023:204

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

19 ta’ April 2023 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Kriżi sanitarja marbuta mal-pandemija tal-COVID-19 – Deċiżjoni li tawtorizza l-eżerċizzju tax-xogħol part-time sabiex wieħed jieħu ħsieb qraba barra mill-post ta’ assenzjazzjoni – Assenza ta’ possibbiltà li jiġi pprattikat it-telexogħol barra mill-post ta’ assenjazzjoni full-time – Irregolarità tal-proċedura prekontenzjuża – Deċiżjoni li tilqa’ talba tax-xogħol part-time – Nuqqas ta’ interess ġuridiku – Inammissibbiltà – Remunerazzjoni – Sospensjoni tal-allowance tal-espatrijazzjoni – Artikoli 62 u 69 tar-Regolamenti tal-Persunal – Ksur tal-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal”

Fil-Kawża T‑39/21,

PP,

PQ,

PR,

PS,

PT,

irrappreżentati minn M. Casado García-Hirschfeld, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn S. Seyr, D. Boytha u M. Windisch, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

komposta, matul id-deliberazzjonijiet, minn R. da Silva Passos, President, V. Valančius, I. Reine (Relatriċi), L. Truchot u M. Sampol Pucurull, Imħallfin,

Reġistratur: H. Eriksson, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal-14 ta’ Lulju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrenti, PP, PS, PQ, PR, u PT, jitolbu, essenzjalment, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ April 2020 li jawtorizzaw lil PQ u PS jeżerċitaw l-attività tagħhom part-time barra mill-post ta’ assenjazzjoni tagħhom minħabba l-pandemija tal-COVID-19, u tat-18 ta’ Mejju 2020 li jawtorizzaw lil PP jeżerċita l-attività part-time tiegħu barra mill-post ta’ assenjazzjoni tiegħu minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet li jawtorizzaw ix-xogħol part-time”), tas-7, tal-15, tas-16 u tad-19 ta’ Mejju 2020 li ssospendew il-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni tar-rikorrenti matul il-perijodu ta’ xogħol tagħhom barra mill-post ta’ assenjazzjoni tagħhom (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet ta’ sospensjoni tal-allowance tal-espatrijazzjoni”) kif ukoll tas-6 ta’ Mejju 2020 għall-irkupru tas-somom imħallsa żejda lil PR u PT (iktar’ il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet ta’ rkupru ta’ pagament mhux dovut”) u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-danni li huma ġarrbu minħabba dawn id-deċiżjonijiet.

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Ir-rikorrenti huma uffiċjali tal-Parlament Ewropew. Mad-dħul tagħhom fis-servizz, ingħatalhom il-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni.

3        Fl-11 ta’ Marzu 2020, minħabba l-livelli allarmanti ta’ tixrid u s-severità tal-marda tal-coronavirus ikkawżata mill-virus SARS-CoV-2 jiġifieri l-COVID-19, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat li t-tifqigħa tal-COVID-19 kienet tikkostitwixxi pandemija minħabba ż-żieda rapida fin-numru ta’ każijiet barra miċ-Ċina u l-għadd dejjem jikber ta’ pajjiżi affettwati.

4        Permezz ta’ posta elettronika tal-istess jum, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament (iktar ’il quddiem is-“Segretarju Ġenerali”) informa lill-membri kollha tal-persunal li, fid-dawl tas-sitwazzjoni sanitarja, huwa kien ta istruzzjonijiet lid-Diretturi Ġenerali sabiex jintroduċu t-telexogħol għall-kollegi kollha li l-preżenza fiżika tagħhom fil-bini tal-Parlament ma kinitx assolutament indispensabbli, sa 70 % tal-ħin tax-xogħol. Il-posta elettronika kienet tippreċiża wkoll li din il-miżura kellha tidħol fis-seħħ fis-16 ta’ Marzu 2020, u li, skont l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni, it-telexogħol seta’ jiżdied għal 100 % tal-ħin tax-xogħol.

5        Fis-16 ta’ Marzu 2020, is-Segretarju Ġenerali informa lill-membri tal-persunal li, fid-dawl tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni sanitarja, il-ħin ta’ telexogħol tal-kollegi li l-preżenza fiżika tagħhom fil-bini tal-Parlament ma kinitx indispensabbli u li kienu diġà qegħdin jipprattikaw it-telexogħol sa 70 %, żdied għal 100 %.

6        Fid-19 ta’ Marzu 2020, is-Segretarju Ġenerali bagħat posta elettronika lill-membri tal-persunal kollha li permezz tagħha, fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, dawn tal-aħħar kienu awtorizzati jaħdmu part-time sabiex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-membri tal-familja diretta tagħhom. Kuntrarjament għall-prassi abitwali, dan ix-xogħol part-time seta’ jitwettaq minn kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea skont ir-residenza stabbilita tal-qraba li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal xtaq jieħu ħsieb. Din id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ immedjatament u kellha tapplika sakemm iddum il-pandemija tal-COVID-19.

7        Fil-31 ta’ Marzu 2020, is-Segretarju Ġenerali adotta deċiżjoni ġdida dwar ix-xogħol part-time temporanju mwettaq barra mill-post ta’ assenjazzjoni għal raġunijiet tal-familja b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020”). Din id-deċiżjoni, li ssostitwixxiet id-deċiżjoni dwar ix-xogħol part-time tad-19 ta’ Marzu 2020, kienet ifformulata kif ġej:

“[F]id-dawl tal-Artikolu 234(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew:

Il-kollegi li jixtiequ jieħdu ħsieb b’mod iktar intensiv il-membri tal-familja diretta tagħhom, bħall-ġenituri, it-tfal jew il-konjuġi tagħhom matul din is-sitwazzjoni partikolari kkawżata mill-COVID-19, huma awtorizzati jaħdmu part-time (75 %).

Kuntrarjament għall-prassi abitwali, dan ix-xogħol part-time jista’ jitwettaq minn kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea skont ir-residenza stabbilita ta’ dawn il-qraba, u sa tmiem il-perijodu tranżitorju, fl-31 ta’ Diċembru 2020, mir-Renju Unit.

Jekk jogħġbok issottometti talba uffiċjali lid-Direttur tar-Riżorsi Umani tiegħek mill-iktar fis possibbli qabel id-data tal-bidu mitluba.

It-talba għandha tispeċifika l-isem tal-qarib, ir-rabta familjari kif ukoll il-perijodu mitlub.

Għall-perijodu kopert mill-awtorizzazzjoni, il-membru tal-persunal għandu jkun intitolat għal 75 % tar-remunerazzjoni tiegħu. L-Artikolu 3 tal-Anness IVa tar-Regolamenti [tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea] għandu japplika. La l-allowance tal-espatrijazzjoni u lanqas l-allowance ta’ residenza barranija previsti fl-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistgħu jingħataw.

Din id-deċiżjoni tapplika għall-uffiċjali impjegati mis-segretarjat tal-Parlament.

Hija tapplika b’analoġija għall-uffiċjali li jkunu telqu mill-post tal-assenjazzjoni tagħhom u li jkunu f’pożizzjoni li jwettqu telexogħol. F’dan il-każ, l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tadotta deċiżjoni mingħajr talba formali.

Fir-rigward tat-talbiet imressqa skont l-Artikolu 6(2) tar-regoli interni dwar l-eżerċizzju tal-attività part-time, l-Awtorità tal-Ħatra tirriżerva d-dritt li tirrifjutahom.

L-awtorizzazzjoni għal xogħol part-time għandha tingħata għal perijodu ta’ tliet xhur li jista’ jiġġedded.

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ April 2020 u għandha tapplika sakemm iddum il-pandemija tal-COVID-19. Hija tissostitwixxi d-deċiżjoni tad-19 ta’ Marzu 2020.”

A.      Fuq is-sitwazzjoni ta’ PP

8        PP huwa uffiċjal tal-Parlament fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu).

9        Fl-14 ta’ Marzu 2020, fid-dawl tal-għeluq imminenti tal-internat fejn kien jistudja ibnu, PP mar l-Ungerija flimkien mal-familja tiegħu sabiex jingħaqad miegħu.

10      Fit-12 ta’ Mejju 2020, fid-dawl tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020, PP ressaq talba intiża sabiex jikseb l-awtorizzazzjoni sabiex jeżerċita l-attività part-time tiegħu sa 75 % mill-Ungerija, retroattivament, mill-1 ta’ April 2020. Fit-18 ta’ Mejju 2020, din it-talba ntlaqgħet għall-perijodu mill-1 ta’ April 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2020.

11      Fit-18 ta’ Mejju 2020, PP reġa’ beda jaħdem full-time fil-Lussemburgu.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Mejju 2020, wara t-talba ta’ PP imsemmija fil-punt 10 iktar ’il fuq u bħala konsegwenza diretta tal-applikazzjoni tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020, il-Kap tad-Diviżjoni “Drittijiet Individwali” tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Riżorsi Umani” tal-Parlament issospenda l-allowance tal-espatrijazzjoni ta’ dan tal-aħħar sa mill-1 ta’ April 2020, għall-perijodu li matulu huwa kien ġie awtorizzat jeżerċita x-xogħol part-time tiegħu fl-Ungerija.

13      Fit-12 ta’ Ġunju 2020, PP ressaq ilment dirett, b’mod partikolari, kontra d-deċiżjonijiet imsemmija fil-punti 10 u 12 iktar ’il fuq.

14      Fis-27 ta’ Ottubru 2020, is-Segretarju Ġenerali, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, ċaħad l-ilment ta’ PP sa fejn dan kien dirett kontra d-deċiżjonijiet imsemmija fil-punti 10 u 12 iktar ’il fuq.

B.      Fuq is-sitwazzjoni ta’ PQ

15      PQ hija uffiċjal tal-Parlament fil-Lussemburgu.

16      Fl-10 ta’ Marzu 2020, PQ marret id-Danimarka bl-ajruplan, qabel l-impożizzjoni tal-ewwel restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fl-Unjoni Ewropea minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Ir-ritorn tagħha, previst fit-22 ta’ Marzu ta’ wara, ma setax iseħħ minħabba l-kanċellazzjoni tat-titjiriet kollha bejn il-Lussemburgu u d-Danimarka. Minħabba x-xewqa tagħha li tibqa’ ma’ żewġha, meqjus bħala persuna f’riskju fir-rigward tal-virus, PQ tħalliet eċċezzjonalment taħdem temporanjament mid-Danimarka, sakemm il-Parlament jadotta miżuri ġenerali dwar is-sitwazzjoni sanitarja.

17      Fis-6 ta’ April 2020, fid-dawl tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020, PQ ressqet talba intiża sabiex tikseb l-awtorizzazzjoni sabiex teżerċita l-attività tagħha part-time sa 75 % mid-Danimarka, għal perijodu ta’ tliet xhur mill-1 ta’ April 2020.

18      Fl-14 ta’ April 2020, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Traduzzjoni” tal-Parlament laqa’ t-talba għal xogħol part-time ta’ PQ sa 75 %, għall-perijodu mill-1 ta’ April 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2020.

19      Fil-15 ta’ April 2020, wara t-talba ta’ PQ imsemmija fil-punt 17 iktar ’il fuq u bħala konsegwenza diretta tal-applikazzjoni tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020, il-Kap tad-Diviżjoni “Drittijiet Individwali” tad-DĠ “Riżorsi Umani” tal-Parlament issospenda l-allowance tal-espatrijazzjoni ta’ din tal-aħħar mill-1 ta’ April 2020 għat-tul tal-perijodu ta’ xogħol part-time fid-Danimarka li kien ingħatalha.

20      Fis-27 ta’ Mejju 2020, PQ ressqet ilment kontra d-deċiżjonijiet imsemmija fil-punti 17 u 19 iktar ’il fuq.

21      Fl-1 ta’ Lulju 2020, PQ reġgħet bdiet taħdem full-time fil-Lussemburgu.

22      Fis-16 ta’ Ottubru 2020, is-Segretarju Ġenerali, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, ċaħad l-ilment ta’ PQ.

C.      Fuq is-sitwazzjoni ta’ PR

23      PR hija uffiċjal tal-Parlament fil-Lussemburgu.

24      Fis-27 ta’ Marzu 2020, hija marret Franza sabiex tieħu ħsieb il-ġenituri tagħha.

25      Fit-2 ta’ April 2020, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020, PR ressqet talba intiża sabiex tikseb l-awtorizzazzjoni sabiex teżerċita l-attività tagħha part-time sa 75 % għal perijodu ta’ tliet xhur, li ntlaqgħet permezz ta’ deċiżjoni tal-istess jum.

26      Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ April 2020, wara t-talba ta’ PR imsemmija fil-punt 25 iktar ’il fuq u b’konsegwenza diretta tal-applikazzjoni tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020, il-Kap tad-Diviżjoni “Drittijiet Individwali” tad-DĠ “Riżorsi Umani” tal-Parlament issospenda l-allowance tal-espatrijazzjoni ta’ din tal-aħħar mit-2 ta’ April 2020 għat-tul tal-perijodu ta’ xogħol part-time li kien ingħatalha.

27      Permezz ta’ posta elettronika tas-6 ta’ Mejju 2020, PR ġiet informata li, wara l-bidla fil-ħin tax-xogħol tagħha minħabba l-pandemija tal-COVID-19, hija kienet irċeviet indebitament somma fl-ammont ta’ EUR 2 173.40, u li dan kien ser jiġi rkuprat permezz ta’ tnaqqis mir-remunerazzjoni tagħha tax-xahar ta’ Mejju 2020.

28      Fit-3 ta’ Ġunju 2020, PR ressqet ilment kontra d-deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-allowance tal-espatrijazzjoni tiegħu u d-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu, imsemmija rispettivament fil-punti 26 u 27 iktar ’il fuq.

29      Fl-1 ta’ Lulju 2020, PR reġgħet lura l-Lussemburgu.

30      Fit-22 ta’ Ottubru 2020, is-Segretarju Ġenerali, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, ċaħad l-ilment ta’ PR.

D.      Fuq is-sitwazzjoni ta’ PS

31      PS huwa uffiċjal tal-Parlament fil-Lussemburgu.

32      Fl-aħħar ta’ Marzu 2020, huwa mar Malta sabiex ikun jista’ jieħu ħsieb bintu.

33      Fis-7 ta’ April 2020, fid-dawl tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020, PS ressaq talba sabiex jikseb l-awtorizzazzjoni sabiex jeżerċita l-attività tiegħu part-time sa 75 % f’Malta. Din it-talba ntlaqgħet fl-14 ta’ April ta’ wara, għal perijodu ta’ tliet xhur mit-23 ta’ Marzu 2020 sat-23 ta’ Ġunju 2020.

34      Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ April 2020, wara t-talba ta’ PS imsemmija fil-punt 33 iktar ’il fuq u bħala konsegwenza diretta tal-applikazzjoni tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020, il-Kap tad-Diviżjoni “Drittijiet Individwali” tad-DĠ “Riżorsi Umani” tal-Parlament issospenda l-allowance għall-espatrijazzjoni ta’ dan tal-aħħar mit-23 ta’ Marzu 2020 għall-perijodu li matulu kien ser iwettaq ix-xogħol part-time tiegħu f’Malta.

35      Fl-4 ta’ Lulju 2020, PS reġa’ beda jaħdem full-time fil-Lussemburgu.

36      Fit-13 ta’ Lulju 2020, PS ressaq ilment kontra d-deċiżjonijiet imsemmija fil-punti 33 u 34 iktar ’il fuq.

37      Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2020, mogħtija b’ittra lil PS fit-2 ta’ Diċembru ta’ wara, is-Segretarju Ġenerali, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, ċaħad l-ilment ta’ PS.

E.      Fuq is-sitwazzjoni ta’ PT

38      PT hija uffiċjal tal-Parlament fi Brussell (il-Belġju).

39      Fit-13 ta’ Marzu 2020, PT marret l-Irlanda sabiex tingħaqad ma’ wliedha.

40      Fl-14 ta’ April 2020, PT ressqet talba intiża sabiex tikseb l-awtorizzazzjoni sabiex teżerċita l-attività tagħha part-time fl-Irlanda sa 75 %, abbażi tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020. Din it-talba ntlaqgħet fl-istess jum, għal perijodu li jibda mill-15 ta’ April 2020.

41      Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ April 2020, wara t-talba ta’ PT imsemmija fil-punt 40 iktar ’il fuq u b’konsegwenza diretta tal-applikazzjoni tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020, il-kap tal-unità “Drittijiet individwali” tad-DĠ “Riżorsi Umani” tal-Parlament issospenda l-allowance tal-espatrijazzjoni ta’ din tal-aħħar mill-15 ta’ April 2020, għall-perijodu li matulu hija kienet teżerċita l-attività tagħha part-time fl-Irlanda.

42      Permezz ta’ posta elettronika tas-6 ta’ Mejju 2020, PT ġiet informata li, wara l-bidla fil-ħin tax-xogħol tagħha minħabba l-pandemija tal-COVID-19, hija kienet irċeviet indebitament somma fl-ammont ta’ EUR 931.01 li dan kien ser jiġi rkuprat permezz ta’ tnaqqis imwettaq mir-remunerazzjoni tagħha tax-xahar ta’ Mejju 2020.

43      Fit-23 ta’ Ġunju 2020, PT ressqet ilment kontra d-deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-allowance tal-espatrijazzjoni tagħha, imsemmija fil-punt 41 iktar ’il fuq, u talbet l-annullament tal-effetti kollha tagħha.

44      Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 2020, irċevuta minn PT fl-20 ta’ Diċembru ta’ wara, is-Segretarju Ġenerali, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, ċaħad l-ilment ta’ din tal-aħħar.

II.    It-talbiet tal-partijiet

45      Ir-rikorrenti jitolbu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla, l-ewwel, id-deċiżjonijiet li jawtorizzaw ix-xogħol part-time, it-tieni, id-deċiżjonijiet ta’ sospensjoni tal-allowance tal-espatrijazzjoni u, it-tielet, id-deċiżjonijiet ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”);

–        tannulla, sa fejn meħtieġ, id-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Parlament ċaħad l-ilmenti li huma kienu ressqu kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        tikkundanna lill-Parlament sabiex jipprovdi kumpens għad-danni morali, evalwat ex aequo et bono fl-ammont ta’ EUR 1 000 għal kull wieħed minnhom;

–        tikkundanna lill-Parlament jikkumpensa d-dannu materjali sostnut, li jikkorrispondi għal 25 % tar-remunerazzjoni rispettivi tagħhom, kif ukoll l-interessi kumpensatorji u moratorji dovuti;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

46      Il-Parlament jitlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad it-talba għal kumpens għad-dannu morali bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata;

–        tiċħad ir-rikors bħala li huwa, fi kwalunkwe każ, infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A.      Fuq it-talbiet għal annullament

1.      Fuq is-suġġett tat-talbiet għal annullament

47      Permezz tat-tieni kap tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament, sa fejn ikun meħtieġ, tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Parlament ċaħad l-ilment tagħhom.

48      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ilment amministrattiv, kif previst fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u ċ-ċaħda espliċita jew impliċita tiegħu jifformaw parti integrali minn proċedura kumplessa u jikkostitwixxu biss prerekwiżit sabiex tkun tista’ tiġi adita l-qorti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, rikors, anki jekk ikun dirett formalment kontra ċ-ċaħda tal-ilment, għandu l-effett li jadixxi l-qorti bl-att li jikkawża preġudizzju li kontrih ikun tressaq l-ilment (ara s-sentenza tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T‑584/16, EU:T:2017:282, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Fil-fatt, deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ lment tista’, fid-dawl tal-kontenut tagħha, ma jkollhiex natura konfermatorja tal-att ikkontestat mir-rikorrent. Dan ikun il-każ meta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tinkludi eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent, fid-dawl ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatti ġodda, jew meta timmodifika jew tissupplimenta d-deċiżjoni inizjali. F’dawn il-każijiet, iċ-ċaħda tal-ilment tikkostitwixxi att suġġett għall-istħarriġ tal-qorti, li teħodhom inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-att ikkontestat, jew tqishom att li jikkawża preġudizzju li jissostitwixxi lil dan tal-aħħar (ara s-sentenza tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament T‑584/16, EU:T:2017:282, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’dan il-każ, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ta’ PP sa fejn din kienet diretta kontra d-deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2020 li tawtorizza x-xogħol part-time u d-deċiżjoni tad-19 ta’ Mejju 2020 ta’ sospensjoni tal-allowance tal-espatrijazzjoni li tikkonċernah, tikkonferma biss dawn tal-aħħar, sa fejn din tiċħad l-ilment kontra dawn iż-żewġ deċiżjonijiet.

51      Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet li jiċħdu l-ilmenti ta’ PS kif ukoll ta’ PR u ta’ PT sempliċement jikkonfermaw id-deċiżjonijiet li kontrihom kien indirizzat kull wieħed minn dawn l-ilmenti, filwaqt li jippreċiżaw ir-raġunijiet li jsostnu dawn l-ilmenti.

52      Għalhekk, it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjonijiet li jiċħdu l-ilmenti ta’ PP u ta’ PS kif ukoll ta’ PR u ta’ PT huma nieqsa minn kontenut awtonomu fir-rigward tad-deċiżjonijiet ikkontestati msemmija fil-punt 50 iktar ’il fuq u għalhekk ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni speċifikament dwarhom. Madankollu, fl-eżami tal-legalità ta’ kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati, huwa neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, peress li din il-motivazzjoni għandha tkun tikkoinċidi ma’ dik tad-deċiżjoni kkontestata inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2019, Wattiau vs Il-Parlament, T‑737/17, EU:T:2019:273, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment ta’ PQ, is-Segretarju Ġenerali eżamina mhux biss l-ilment imressaq, essenzjalment, kontra d-deċiżjoni tal-14 ta’ April 2020 li tawtorizza x-xogħol part-time tagħha, iżda wkoll it-talba, ifformulata għall-ewwel darba fl-ilment tagħha, intiża sabiex tinkiseb l-awtorizzazzjoni sabiex teżerċita, fil-futur, l-attività tagħha full-time barra mill-post ta’ assenjazzjoni tagħha. Mill-istruttura ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li s-Segretarju Ġenerali ċaħad din it-talba għall-istess raġunijiet li huwa jinvoka insostenn taċ-ċaħda tal-ilment.

54      Għalhekk, sa fejn hija tiċħad it-talba għal xogħol full-time barra mill-post ta’ assenjazzjoni, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment ta’ PQ ma jistax ikollha natura konfermattiva tal-att ikkontestat u tikkostitwixxi, konsegwentement, att suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali.

2.      Fuq l-ammissibbiltà

a)      Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament inġenerali

55      Il-Parlament iqis li r-rikors ma huwiex ċar fir-rigward tad-deċiżjonijiet koperti mid-diversi motivi tat-talba għal annullament. Għalhekk, huwa jiddubita li ġew osservati r-rekwiżiti ta’ ċarezza imposti mill-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

56      Il-Parlament iqis ukoll li, fir-replika, ir-rikorrenti estendew il-portata tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020 għat-tieni, it-tielet u r-raba’ motiv, imqajma sabiex jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Tali kjarifika fl-istadju tar-replika hija ekwivalenti għal emenda tar-rikors, li hija inammissibbli.

57      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors promotur għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Skont il-ġurisprudenza, dawn l-indikazzjonijiet għandhom ikunu suffiċjentement ċari u preċiżi sabiex jippermettu lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 2019, Fleig vs SEAE, T‑492/17, EU:T:2019:211, punt 41 (mhux ippubblikata).

58      Għalhekk, il-preżentazzjoni tal-motivi b’riferiment għas-sustanza tagħhom iktar milli b’riferiment għall-klassifikazzjoni legali tagħhom tista’ tkun suffiċjenti, bil-kundizzjoni li l-imsemmija motivi jirriżultaw mir-rikors b’ċarezza suffiċjenti (sentenza tat-13 ta’ Mejju 2020, Agmin Italy vs Il-Kummissjoni, T‑290/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:196, punt 96). Barra minn hekk, eċċezzjoni ta’ illegalità hija impliċitament imqajma sa fejn jirriżulta b’mod relattivament ċar li r-rikorrenti fil-fatt tifformula tali lment (ara s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2021, GY vs BĊE, T‑746/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:390, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      F’dan il-każ, għalkemm huwa minnu li l-korp tar-rikors mhux dejjem jindika espliċitament l-atti li kontrihom id-diversi motivi u argumenti huma diretti, mill-punti 2 sa 6 tar-rikors kif ukoll mit-talbiet tiegħu jirriżulta madankollu b’mod ċar li d-deċiżjonijiet koperti mit-talba għal annullament huma d-deċiżjonijiet ikkontestati, kif iddefiniti fil-punt 45 iktar ’il fuq, kif ukoll, sa fejn ikun meħtieġ, essenzjalment, id-deċiżjonijiet li jiċħdu l-ilment ta’ kull wieħed mir-rikorrenti kontra dawn id-deċiżjonijiet. Ir-rikorrenti barra minn hekk ikkonfermaw fir-replika li dawn id-deċiżjonijiet kienu jifformaw is-suġġett tal-kawża, u l-Parlament ħa nota ta’ dan fil-kontroreplika.

60      Barra minn hekk, mir-rikors u mir-replika jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar li l-ewwel motiv jirrigwarda eċċezzjoni ta’ illegalità tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020.

61      It-tieni motiv jirrigwarda kemm il-legalità tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020 u dik tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Għalkemm, fir-replika, huwa indikat li t-tieni parti tat-tieni motiv hija mqajma biss fil-każ fejn l-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020 tiġi miċħuda, xorta jibqa’ l-fatt li l-argumenti żviluppati f’din il-parti jirrigwardaw ukoll il-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

62      Barra minn hekk, mill-argumenti mqajma fil-kuntest tat-tielet motiv, kemm fir-rikors kif ukoll fir-replika, jirriżulta li r-rikorrenti jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati minħabba li dawn kienu ġew adottati bi ksur, minn naħa, tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura. Hekk kif ir-rikorrenti kkonfermaw matul is-seduta, dawn l-ilmenti jirrigwardaw, b’mod simili fir-rikors u fir-replika, il-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

63      Barra minn hekk, ir-raba’ motiv, dwar in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jiġu rkuprati s-somom imħallsa indebitament lil uffiċjal jew lil membru tal-persunal, huwa mqajjem sussidjarjament, fil-każ fejn l-ewwel tliet motivi jiġu miċħuda. Dan il-motiv jikkonċerna biss il-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu.

64      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, għandu jiġi kkonstatat li r-rekwiżiti tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura ġew osservati f’dan il-każ, u li r-replika ma fiha ebda bidla fil-portata tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020.

b)      Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjonijiet li jawtorizzaw ix-xogħol part-time u tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ta’ PQ sa fejn hija tiċħad it-talba għal xogħol full-time tagħha

65      Fil-kuntest tar-risposti tiegħu għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Parlament jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjonijiet li jawtorizzaw ix-xogħol part-time. Fil-fatt, il-Parlament jikkunsidra, b’mod partikolari, li, billi adotta dawn id-deċiżjonijiet, huwa kien issodisfa t-talbiet ta’ PP u PS u PQ, b’tali mod li dawn ir-rikorrenti ma kellhom ebda interess ġuridiku kontra dawn id-deċiżjonijiet.

66      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li huma biss PP u PS u PQ li jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet li jawtorizzaw ix-xogħol part-time adottati fir-rigward tagħhom.

67      Għandu jitfakkar li l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna fiżika jew ġuridika li hija l-awtur tiegħu jkollha interess eżistenti u attwali sabiex l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżupponi, b’mod partikolari, li l-att ikkontestat jikkawża preġudizzju lill-persuna li ppreżentat ir-rikors u li, għaldaqstant, l-annullament ta’ dan l-att jista’ jagħtiha vantaġġ. Għaldaqstant, att li jagħti sodisfazzjon sħiħ lil din il-persuna ma jistax, mid-definizzjoni tiegħu stess, jikkawżalha preġudizzju u din il-persuna ma għandhiex interess li titlob l-annullament tiegħu (ara s-sentenza tal-1 ta’ Frar 2012, mtronix vs UASI - Growth Finance (mtronix), T‑353/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:40, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2009, TF1 vs Il‑Kummissjoni, T‑354/05, EU:T:2009:66, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet li jawtorizzaw ix-xogħol part-time ta’ PP u PS u ta’ PQ ġew adottati fuq talba tagħhom, abbażi tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020, sabiex ikunu jistgħu jingħaqdu mal-qraba tagħhom barra mill-post ta’ assenjazzjoni tagħhom, u li l-Parlament laqa’ kompletament dawn it-talbiet.

69      Peress li l-Parlament ta sodisfazzjon lir-rikorrenti kkonċernati, dawn ma għandhomx interess li jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet li jawtorizzaw ix-xogħol part-time, b’tali mod li t-talbiet tagħhom għal dan l-għan għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

70      Ċertament, ir-rikorrenti sostnew li huma kienu obbligati jressqu talba għal xogħol part-time abbażi tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020, peress li din id-deċiżjoni kienet tikkostitwixxi l-unika possibbiltà li jitilqu mill-post ta’ assenjazzjoni tagħhom sabiex jingħaqdu mal-qraba tagħhom filwaqt li jkomplu jaħdmu.

71      Madankollu, għalkemm huwa minnu li ma kienet teżisti ebda deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament li toffri l-possibbiltà lill-uffiċjali li jressqu talba intiża sabiex ikunu jistgħu jaħdmu full-time barra mill-post ta’ assenjazzjoni tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti kellhom il-possibbiltà li jressqu talba f’dan is-sens quddiem l-Awtorità tal-Ħatra, abbażi tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li jesponu l-motivi partikolari tat-talba tagħhom.

72      Għaldaqstant, it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjonijiet li jawtorizzaw ix-xogħol part-time għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

73      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 53 u 54 iktar ’il fuq, fl-ilment tiegħu, PQ talbet lill-Parlament sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-possibbiltà li taħdem full-time barra mill-post ta’ assenjazzjoni tagħha. Għaldaqstant, hija adixxiet lill-Awtorità tal-Ħatra b’talba sabiex tieħu deċiżjoni fil-konfront tagħha, fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, talba li ġiet miċħuda fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tagħha.

74      Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, hija suġġetta għall-iżvolġiment regolari tal-proċedura prekontenzjuża u għall-osservanza tat-termini li hija tipprevedi (ara s-sentenza tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T‑584/16, EU:T:2017:282, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, kull rikors kontra att li jikkawża preġudizzju li joriġina mill-Awtorità tal-Ħatra għandu, bħala regola ġenerali, imperattivament jiġi ppreċedut minn ilment prekontenzjuż li jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni espliċita jew impliċita ta’ ċaħda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2000, Rudolph vs Il-Kummissjoni, T‑197/98, EU:T:2000:86, punt 53).

75      Issa, f’dan il-każ, PQ ma ressqitx ilment kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba tagħha għal xogħol full-time, kif tinsab fid-deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda tal-ilment inkwistjoni. Peress li l-proċedura prekontenzjuża obbligatorja ma ġietx osservata, ir-rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba tagħha għal xogħol full-time huwa għalhekk manifestament inammissibbli.

76      Barra minn hekk, jekk ir-rikorrenti għandhom l-intenzjoni li jikkritikaw lill-Parlament talli eżerċita pressjoni psikoloġika fil-konfront tagħhom sabiex huma jitolbu l-applikazzjoni tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020, tali pressjoni ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, iżda aġir li ma għandux natura deċiżjonali tal-Parlament, li r-rikorrenti għandhom il-possibbiltà li jikkontestaw fil-kuntest ta’ rikors għad-danni.

77      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li rikors għad-danni intiż għall-kumpens ta’ dannu kkawżat mhux minn att li jikkawża preġudizzju li l-annullament tiegħu huwa mitlub, iżda minn aġir nieqes min-natura deċiżjonali tal-amministrazzjoni, għandu, taħt piena ta’ inammissibbiltà, jiġi ppreċedut minn proċedura amministrattiva f’żewġ stadji. Din għandha imperattivament tibda billi titressaq talba, fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li tistieden lill-Awtorità tal-Ħatra tikkumpensa d-dannu allegat, u tkompli, jekk ikun il-każ, billi tressaq ilment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, intiż kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1999, Connolly vs Il-Kummissjoni, T‑214/96, EU:T:1999:103, punt 34). Huma l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal li għandhom iressqu talba bħal din quddiem l-istituzzjoni f’terminu raġonevoli, mill-mument li fih huma jkunu saru jafu bis-sitwazzjoni li qegħdin jilmentaw dwarha. In-natura raġonevoli tat-terminu għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għal kull każ u, b’mod partikolari, skont l-importanza tat-tilwima għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tal-kawża u l-aġir tal-partijiet inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX-II, EU:C:2013:134, punt 28).

78      Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma ressqux talba intiża sabiex jinkiseb kumpens minħabba l-aġir tal-Parlament, li eżerċita pressjoni fil-konfront tagħhom sabiex iressqu talba għal xogħol part-time.

3.      Fuq il-mertu

79      Insostenn tat-talbiet tagħhom għal annullament, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq l-illegalità tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020, it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, fuq l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq il-ksur manifest tal-kunċett ta’ “espatrijazzjoni”, fuq il-ksur tal-Artikoli 62 u 69 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali, it-tielet, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura u, ir-raba’, fuq il-ksur tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

80      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li huma biss l-ewwel tliet motivi li jikkonċernaw id-deċiżjonijiet ta’ sospensjoni tal-benefiċċju tal-espatrijazzjoni, b’tali mod li l-legalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet ser tiġi eżaminata fid-dawl ta’ dawn it-tliet motivi.

81      Ir-raba’ motiv, li jirrigwarda d-deċiżjonijiet ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu, huwa mqajjem sussidjarjament, fil-każ fejn it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati l-oħra jiġu miċħuda. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat biss dan ir-raba’ motiv jekk u sa fejn l-ewwel tliet motivi, sa fejn jikkonċernaw id-deċiżjonijiet ikkontestati l-oħra, jiġu miċħuda.

a)      Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ sospensjoni tal-allowance tal-espatrijazzjoni

82      Kif jirriżulta mill-punti 79 u 80 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti jqajmu tliet motivi insostenn tat-talba tagħhom għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ sospensjoni tal-allowance tal-espatrijazzjoni.

83      B’mod partikolari, fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li s-Segretarju Ġenerali ma setax jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 234(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament sabiex jemenda d-drittijiet li huma jisiltu mid-dispożizzjonijiet statutorji fil-qasam tal-allowance tal-espatrijazzjoni.

84      Barra minn hekk, permezz tal-ewwel parti tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li s-sospensjoni ġenerali tal-allowance tal-espatrijazzjoni, kif prevista mid-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020, tmur kontra l-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, id-dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni jiġi evalwat skont is-sitwazzjoni ta’ kull uffiċjal jew membru tal-persunal fid-data tad-dħul fis-servizz tiegħu mal-Unjoni, u jinkiseb meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, f’dan il-każ, ma kien hemm ebda avveniment li jbiddel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni tar-rikorrenti, li jippermetti lill-Parlament jeżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni tagħhom fir-rigward tal-għoti tal-allowance tal-espatrijazzjoni.

85      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li, sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-allowance tal-espatrijazzjoni, l-uffiċjal ma huwiex obbligat jirrisjedi fil-post tal-assenjazzjoni tiegħu. L-iktar l-iktar, huwa għandu l-obbligu li jirrisjedi f’distanza minn dan il-post tali li ma jiġix ostakolat fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, skont l-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ sospensjoni tal-allowance tal-espatrijazzjoni, il-persunal kollu kien suġġett għal sistema ta’ telexogħol obbligatorju, fid-dawl tas-sitwazzjoni sanitarja. Għalhekk, id-distanza fir-rigward tal-post li minnu uffiċjal iwettaq ix-xogħol tiegħu kellha tiġi interpretata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19.

86      Il-Parlament iwieġeb li, għalkemm l-Artikolu 234(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu ma jinkludi ebda delega ta’ setgħa li tawtorizza direttament lis-Segretarju Ġenerali jadotta miżuri konkreti dwar il-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-persunal tas-segretarjat tal-Parlament, is-Segretarju Ġenerali kien madankollu awtorizzat, permezz ta’ delega tal-Bureau tal-Parlament, jadotta regoli interni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-uffiċjali. Huwa ġie inkarigat jagħmel dan, ukoll, permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Parlament, fid-dawl tal-iżvilupp rapidu tal-pandemija tal-COVID-19.

87      Il-Parlament iżid li d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020 ma tipprevedix l-irtirar tal-allowance tal-espatrijazzjoni, iżda biss is-sospensjoni tagħha għat-tul tas-sistema ta’ xogħol part-time awtorizzata fuq talba tal-persuna kkonċernata. Ma kien hemm ebda reviżjoni tad-dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni tar-rikorrenti, peress li la l-post tal-assenjazzjoni tagħhom u lanqas il-grad ta’ integrazzjoni tagħhom fil-post tal-assenjazzjoni ma kienu nbidlu.

88      Skont il-Parlament, il-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni huwa intiż sabiex jikkumpensa l-konsegwenzi tat-tneħħija tal-uffiċjal mill-post ta’ oriġini tiegħu. Il-ħlas ta’ din l-allowance ma huwiex għalhekk iġġustifikat iktar għall-uffiċjali li kienu jipprattikaw it-telexogħol barra mill-post tal-assenjazzjoni tagħhom.

89      Barra minn hekk, l-obbligu ta’ residenza fil-post ta’ assenjazzjoni, previst fl-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal, japplika għall-uffiċjali kollha, inklużi r-rikorrenti li huma assenjati fid-DĠ “Traduzzjoni” u għal dawk li jużaw skema ta’ xogħol part-time, kif huwa previst fl-Artikolu 55a u fl-Anness IVa tar-Regolamenti tal-Persunal. Dan l-obbligu huwa ġġustifikat min-neċessità li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni. It-telexogħol lanqas ma jikkostitwixxi dritt statutorju, u ma jeżentax lill-uffiċjali mill-obbligu tagħhom li jkunu għad-dispożizzjoni tal-istituzzjoni tagħhom f’kull mument. Issa, fil-bidu tal-kriżi sanitarja, il-viċinanza tal-uffiċjali għall-post tax-xogħol tagħhom kienet primordjali sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-ħidma tal-Parlament.

90      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020 jirriżulta li, għall-perijodu kopert mill-awtorizzazzjoni sabiex iwettaq ix-xogħol part-time tiegħu bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni, l-uffiċjal ma jirċevix l-allowance tal-espatrijazzjoni, prevista fl-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, li għaliha huwa normalment kellu dritt. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni tidderoga minn din id-dispożizzjoni fir-rigward tal-membri kkonċernati tal-persunal tal-Parlament.

91      L-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tiegħu applikabbli f’dan il-każ (fl-1 ta’ Jannar 2020), jipprevedi dan li ġej:

“L-allowance ta’ l-espatrijazzjoni għandu jitħallas, daqs 16 % ta’ l-ammont totali tas-salarju bażiku, bl-addizzjoni tal-allowance tal-familja, u l-benefiċċju tat-tfal dipendenti mħallsa lill-uffiċjal:

“a)      lill-uffiċjali:

–        li m’humiex u qatt ma kienu ċittadini ta’ l-Istat li fih territorju tiegħu qiegħed il-post fejn huma impjegati u,

–        li matul il-ħames snin li jispiċċaw sitt xhur qabel daħlu fis-servizz ma kienux jgħixu jew iwettqu l-okkupazzjoni ewlenija tagħhom ġewwa t-territorju Ewropej ta’ dak l-Istat. Għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni, iċ-ċirkostanzi li jinħolqu minn xogħol li sar fi Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali ma jkunux ikkunsidrati;

(b)      għall-uffiċjali li huma jew kienu ċittadini ta’ l-Istat li fit-territorju jinsab il-post fejn huma impjegati iżda li matul l-għaxar snin li jispiċċaw fid-data ta’ meta daħlu fis-servizz jgħixu barra t-territorju Ewropew ta’ dak l-Istat għal raġunijiet minbarra l-qadi tad-dmirijiet fis-servizz ta’ Stat jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali.

L-allowance tal-espatrijazzjoni ma għandux ikun anqas minn EUR 567.38 fix-xahar.”

92      Id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 234(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament. Skont din id-dispożizzjoni, is-Segretarju Ġenerali jmexxi segretarjat li l-kompożizzjoni u l-organizzazzjoni tiegħu huma stabbiliti mill-Bureau tal-Parlament.

93      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 234(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament ma jistax jiġi interpretat fis-sens li s-Segretarju Ġenerali għandu s-setgħa, anki f’ċirkustanzi eċċezzjonali bħal dawk marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, li jadotta direttivi interni li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ġerarkikament superjuri, bħad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2007, Ianniello vs Il-Kummissjoni, T‑308/04, EU:T:2007:347, punt 38, u tal-20 ta’ Marzu 2018, Argyraki vs Il-Kummissjoni, T‑734/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:160, punti 66 u 67).

94      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedix espressament il-possibbiltà li jiġi eżaminat mill-ġdid id-dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni fid-dawl ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi li jseħħu matul il-karriera ta’ uffiċjal (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2020, Brown vs Il‑Kummissjoni, T‑18/19, EU:T:2020:465, punt 36), u lanqas, a fortiori, dik li jiġi sospiż il-ħlas ta’ din l-allowance lil uffiċjal meta dan ikollu, matul il-karriera tiegħu, jipprattika temporanjament it-telexogħol barra mill-post ta’ assenjazzjoni tiegħu.

95      Madankollu, bl-ebda mod ma jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal li l-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni jikkostitwixxi dritt kweżit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Settembru 1993, Magdalena Fernández vs Il‑Kummissjoni, T‑90/92, EU:T:1993:78, punt 32). Uffiċjal jista’ jkollu d-drittijiet pekunjarji tiegħu riveduti mill-istituzzjoni li timpjegah fil-każ ta’ għoti jew ta’ kontinwazzjoni irregolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1978, Herpels vs Il-Kummissjoni, 54/77, EU:C:1978:45, punt 39).

96      Barra minn hekk, allowance titħallas kull xahar lill-uffiċjali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet. L-amministrazzjoni għalhekk ma tistax tkompli tħallasha meta jseħħ avveniment li jibdel is-sitwazzjoni tal-persuna li tibbenefika minnha b’mod sostanzjali inkwantu dan ikollu effett fuq il-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-għoti ta’ din l-allowance. Fil-fatt, bil-kontra ta’ revoka retroattiva ta’ deċiżjoni, tħassir għall-futur huwa dejjem possibbli meta ċ-ċirkustanzi li ġġustifikaw din id-deċiżjoni ma jibqgħux issodisfatti (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2020, Brown vs Il-Kummissjoni, T‑18/19, EU:T:2020:465, punt 37).

97      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, il-prattika temporanja tat-telexogħol barra mill-post tal-assenjazzjoni fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 kinitx tikkostitwixxi avveniment li jista’ jbiddel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni ta’ fatt jew ta’ liġi tal-uffiċjal li jibbenefika minn allowance tal-espatrijazzjoni skont l-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

98      F’dan ir-rigward, l-allowance tal-espatrijazzjoni prevista fl-Artikolu 69 tar-Regolamenti tal-Persunal, u li l-modalitajiet tal-għoti tagħha huma ppreċiżati fl-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, għandha l-għan li tikkumpensa l-piżijiet u l-iżvantaġġi partikolari li jirriżultaw mid-dħul fis-servizz mal-Unjoni għall-uffiċjali li huma, minħabba f’hekk, obbligati li jittrasferixxu r-residenza tagħhom mill-Istat tad-domiċilju tagħhom għall-Istat ta’ assenjazzjoni u li jintegraw ruħhom f’ambjent ġdid (ara s-sentenzi tat-2 ta’ Mejju 1985, De Angelis vs Il-Kummissjoni, 246/83, EU:C:1985:165, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata; tad-29 ta’ Novembru 2007, Salvador García vs Il‑Kummissjoni, C‑7/06 P, EU:C:2007:724, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-24 ta’ Jannar 2008, Adam vs Il-Kummissjoni, C‑211/06 P, EU:C:2008:34, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      Il-kunċett ta’ “spejjeż u żvantaġġi partikolari” ġie spjegat fin-nota ta’ informazzjoni tal-Kunsill GS/84/59 tal-11 ta’ Diċembru 1959 dwar l-allowance ta’ espatrijazzjoni jew ta’ separazzjoni. Kif osserva l-Parlament, minn din in-nota, li tagħmel parti mix-xogħol preparatorju dwar l-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, jirriżulta li l-allowance “ta’ espatrijazzjoni jew ta’ separazzjoni” tingħata bħala kumpens għall-ispejjeż materjali u għall-inkonvenjenzi morali li jirriżultaw mill-fatt li l-uffiċjal ikun imbiegħed mill-post ta’ oriġini tiegħu u li ġeneralment iżomm relazzjonijiet familjari mar-reġjun ta’ oriġini tiegħu.

100    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi vverifikat jekk, fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, l-uffiċjali li, bħar-rikorrenti, biddlu temporanjament il-post ta’ residenza effettiv tagħhom sabiex jieħdu ħsieb il-qraba tagħhom, komplewx isostnu l-piżijiet finanzjarji u l-iżvantaġġi ta’ natura morali li jirriżultaw mid-dħul fil-kariga tagħhom mal-Unjoni f’ambjent ġdid.

101    F’dak li jirrigwarda l-ispejjeż finanzjarji, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti ħadmu barra mill-post ta’ assenjazzjoni tagħhom għal perijodu qasir, li matulu huma komplew ibatu spejjeż marbuta mar-residenza tagħhom fl-imsemmi post ta’ assenjazzjoni, bħall-kera jew ir-rimbors ta’ kreditu, il-kontijiet tal-enerġija, tal-ilma, jew tal-manutenzjoni tal-koproprjetà. Huma baqgħu responsabbli għal dawn l-ispejjeż fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020, li kienet tikkostitwixxi miżura eċċezzjonali ta’ natura temporanja, kienet tippermettilhom biss li jaħdmu barra mill-post ta’ assenjazzjoni tagħhom għal perijodu ta’ tul inizjali ta’ tliet xhur, matul il-pandemija tal-COVID-19 li ħadd ma seta’ jipprevedi t-tul tagħha.

102    Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, il-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni lir-rikorrenti bl-ebda mod ma kien tilef l-iskop tiegħu.

103    Ċertament, l-għoti tal-allowance tal-espatrijazzjoni konformement mal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intrinsikament marbut mal-obbligu ta’ residenza tal-uffiċjali tal-Unjoni, previst fl-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi, minn naħa, li kull uffiċjal huwa obbligat jirrisjedi fil-post tal-assenjazzjoni tiegħu jew f’distanza minn dan tal-aħħar tali li ma jkunx ostakolat fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-uffiċjal għandu jinforma lill-Awtorità tal-Ħatra bl-indirizz tiegħu u jinformaha immedjatament b’kull bidla tiegħu.

104    Madankollu, l-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 55(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li l-uffiċjali attivi għandhom f’kull mument ikunu għad-dispożizzjoni tal-istituzzjoni tagħhom. Minn dan jirriżulta li l-uffiċjal li ma jirrisjedix fil-post tal-assenjazzjoni tiegħu għandu madankollu jkun f’pożizzjoni li jmur fuq il-post tax-xogħol tiegħu f’kull mument, skont ir-regoli fil-qasam tal-organizzazzjoni tax-xogħol li huma applikabbli għalih, sabiex hemmhekk iwettaq ix-xogħol mogħti lilu fl-interess tas-servizz.

105    Issa, fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19, ir-regoli interni dwar it-telexogħol u l-preżenza fiżika tal-membri tal-persunal fil-bini tal-Parlament ma baqgħux japplikaw temporanjament, kif jixhdu d-diversi deċiżjonijiet meħuda mis-Segretarju Ġenerali fil-bidu tal-pandemija, imsemmija fil-punti 4 sa 7 iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-membri kollha tal-persunal li l-preżenza tagħhom ma kinitx ikkunsidrata bħala indispensabbli kienet obbligatorjament f’telexogħol full-time mis-16 ta’ Marzu 2020, inklużi r-rikorrenti, kif jirriżulta mill-punt 5 iktar ’il fuq.

106    Il-Parlament ma jistax għalhekk isostni li s-“sospensjoni ġenerali” tal-ħlas, inkluż lir-rikorrenti, tal-allowance tal-espatrijazzjoni prevista mid-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020 kienet marbuta man-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ residenza previst fl-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal.

107    Barra minn hekk, ir-Regolamenti tal-Persunal ma jinkludu ebda dispożizzjoni li tipprevedi l-possibbiltà għal istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni li jissospendi l-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni, anki f’ċirkustanzi eċċezzjonali bħal dawk marbuta mal-pandemija tal-COVID-19.

108    Għalhekk, is-sospensjoni tal-allowance tal-espatrijazzjoni prevista mid-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020 tmur kontra l-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

109    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, għalkemm id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020 ma rtiratx definittivament id-dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni, iżda ssospendietu biss għal perijodu limitat, din is-sospensjoni madankollu kellha l-effett li tnaqqas ir-remunerazzjoni tar-rikorrenti matul dan il-perijodu, mingħajr il-possibbiltà tal-irkupru tagħha.

110    Għaldaqstant, il-fatt li d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020 ipprevediet biss is-sospensjoni tal-allowance tal-espatrijazzjoni tal-uffiċjali tal-Parlament ikkonċernati, bħar-rikorrenti, u mhux l-irtirar ta’ din l-allowance, ma huwiex ta’ natura li jeskludi l-illegalità ta’ din id-deċiżjoni.

111    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020 ġiet adottata bi ksur tad-dispożizzjonijiet ġerarkikament superjuri, b’tali mod li s-Segretarju Ġenerali mar lil hinn mil-limiti tal-kompetenzi tiegħu f’dan ir-rigward. Din id-deċiżjoni tikser l-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn din tipprevedi s-sospensjoni tal-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni lill-uffiċjali li jipprattikaw temporanjament it-telexogħol barra mill-post ta’ assenjazzjoni tagħhom sabiex jieħdu ħsieb il-qraba tagħhom fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19.

112    Konsegwentement, id-deċiżjonijiet ta’ sospensjoni tal-benefiċċju tal-espatrijazzjoni huma nieqsa minn bażi legali, b’tali mod li għandhom jiġu annullati, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-motivi u l-argumenti l-oħra mqajma mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħhom għall-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

b)      Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu

113    Għandu jiġi kkonstatat li PT u PR biss jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu li huma s-suġġett ta’ dan ir-rikors għal annullament.

114    Fil-kuntest tar-raba’ motiv, li jikkostitwixxi l-uniku motiv invokat insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu, ir-rikorrenti jsostnu, sussidjarjament, fil-każ li t-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati l-oħra tiġi miċħuda, li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-irkupru ta’ ħlas indebitu ma humiex issodisfatti. Huma jżidu li, meta ġiet adottata d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020, PT u PR kienu diġà ħadu l-miżuri tagħhom sabiex imorru għand il-familja tagħhom barra mill-post ta’ assenjazzjoni tagħhom, b’tali mod li huma kellhom aspettattivi leġittimi li jżommu r-remunerazzjoni sħiħa tagħhom.

115    Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

116    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 112 iktar ’il fuq, id-deċiżjonijiet ta’ sospensjoni tal-benefiċċju tal-espatrijazzjoni ma għandhomx bażi legali u għandhom jiġu annullati. Min-naħa l-oħra, it-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet li jawtorizzaw ix-xogħol part-time ġiet miċħuda bħala inammissibbli kif ukoll ir-rikors sa fejn ġie ppreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal xogħol full-time ta’ PQ. Peress li r-raba’ motiv huwa invokat biss sussidjarjament, fil-każ li t-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati l-oħra tiġi miċħuda, dan il-motiv għandu jiġi eżaminat biss sa fejn jikkonċerna l-irkupru tal-parti tar-remunerazzjoni ta’ PT u ta’ PR li tirriżulta mil-limitazzjoni tal-ħin tax-xogħol tagħhom għal 75 %.

117    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li kull somma rċevuta indebitament għandha tiġi rkuprata jekk il-benefiċjarju kien jaf bl-irregolarità tal-ħlas jew jekk din kienet tant evidenti li ma setax ma jindunax biha.

118    Issa, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020 jirriżulta b’mod ċar li l-uffiċjali li ngħatatilhom is-sistema derogatorja stabbilita minn din id-deċiżjoni kienu jirċievu remunerazzjoni kkalkolata prorata mal-ħin tax-xogħol, jiġifieri 75 %. PR u PT, li kienu talbu l-benefiċċju tas-sistema stabbilita minn din id-deċiżjoni, ma setgħux għalhekk ma jkunux jafu, tal-inqas, il-konsegwenzi pekunjarji tal-awtorizzazzjoni li kienet ser tingħatalhom.

119    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jitfakkar li d-dritt li tintalab tali protezzjoni jippreżupponi li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet. L-ewwel, l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tagħti lill-persuna kkonċernata garanziji preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli. It-tieni, dawn il-garanziji għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattiva leġittima fil-persuna li lilha dawn ikunu indirizzati. It-tielet, l-assigurazzjonijiet mogħtija għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (sentenza tat-12 ta’ Frar 2020, ZF vs Il-Kummissjoni, T‑605/18, EU:T:2020:51, punt 151).

120    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jipproduċu ebda element li jista’ juri li ngħataw garanziji preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti lil PR jew lil PT mill-Parlament, li joħolqu aspettattivi leġittimi fir-rigward taż-żamma tar-remunerazzjoni sħiħa tagħhom għall-perijodu ta’ xogħol part-time barra mill-post ta’ assenjazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, tali żamma tmur kontra l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness IVa tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li l-uffiċjal għandu dritt, matul il-perijodu li fih huwa awtorizzat jeżerċita l-attività part-time tiegħu, għal remunerazzjoni kkalkolata prorata skont it-tul normali tax-xogħol full-time.

121    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv huwa infondat.

122    Konsegwentement, it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu, li huma bbażati fuq ir-raba’ motiv, għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà ta’ dawn it-talbiet sa fejn dawn ġew ifformulati minn PT.

4.      Konklużjoni dwar it-talba għal annullament

123    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ sospensjoni tal-allowance tal-espatrijazzjoni għandha tintlaqa’ abbażi tal-ewwel parti tat-tieni motiv.

124    Min-naħa l-oħra, it-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet li jawtorizzaw ix-xogħol part-time hija miċħuda bħala inammissibbli, u t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment ta’ PQ, sa fejn tiċħad it-talba għal xogħol full-time tagħha, bħala manifestament inammissibbli. Barra minn hekk, it-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu għandha tiġi miċħuda bħala, fi kwalunkwe każ, infondata.

B.      Fuq it-talba għal kumpens

125    Fil-kuntest tat-talbiet tagħhom għal kumpens, ir-rikorrenti jitolbu, minn naħa, il-kumpens għad-dannu materjali, li jikkorrispondi għal 25 % tar-remunerazzjoni tagħhom, miżjud bl-interessi kumpensatorji u moratorji dovuti fil-frattemp u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-dannu morali sostnut, li huma jevalwaw ex aequo et bono għal EUR 1 000 għal kull wieħed minnhom.

126    Ir-rikorrenti jsostnu li dawn id-danni jirriżultaw mill-assenza ta’ bażi legali u mill-illegalità tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020, kif ukoll mill-amministrazzjoni ħażina u min-nuqqas ta’ premura tal-Parlament fir-rigward tagħhom. Huma jinvokaw ukoll il-ksur tad-dritt tagħhom għal kundizzjonijiet tax-xogħol li kellhom jirrispettaw is-saħħa u d-dinjità tagħhom, kif ukoll l-eżistenza ta’ nuqqas fis-servizz tal-Parlament, sa fejn huwa ma kienx assenjalhom xogħol full-time.

127    Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

128    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-fondatezza ta’ rikors għad-danni ppreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE hija suġġetta għall-eżistenza ta’ grupp ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu allegat, u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu invokat (sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, EU:C:1994:211, punt 42, u tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, EU:C:2008:107, punt 52). Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’mod li n-nuqqas ta’ waħda minnhom huwa biżżejjed sabiex jiġi miċħud rikors għad-danni.

1.      Fuq id‑dannu materjali

129    Fir-rigward tad-dannu materjali allegat, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jitolbu biss il-kumpens għad-dannu materjali li jikkorrispondi għal 25 % tar-remunerazzjoni tagħhom, miżjuda bl-interessi kumpensatorji u moratorji dovuti fil-frattemp. Dan id-dannu huwa marbut, essenzjalment, mat-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol tagħhom għal 75 % wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li jawtorizzaw ix-xogħol part‑time.

130    Skont ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tas-servizz pubbliku, it-talbiet intiżi għall-kumpens għal dannu għandhom jiġu miċħuda sa fejn ikunu marbuta mill-qrib mat-talbiet għal annullament li jkunu huma stess ġew miċħuda jew bħala inammissibbli, jew bħala infondati (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Martínez Valls vs Il-Parlament, T‑214/02, EU:T:2003:254, punt 43; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ April 2019, Aldridge et vs Il-Kummissjoni, T‑319/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:231, punt 64).

131    Issa, f’dan il-każ, it-talbiet intiżi għall-kumpens tad-dannu materjali huma marbuta mill-qrib mat-talbiet għal annullament tad-deċiżjonijiet li jawtorizzaw ix-xogħol part-time, li ġew miċħuda bħala inammissibbli, u mat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ta’ PQ, sa fejn din tiċħad it-talba għal xogħol full-time tagħha, li ġew miċħuda bħala manifestament inammissibbli.

132    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jressqu ebda argument li jippermetti li jinftiehem kif id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020, li kienet tippermetti lill-uffiċjali jeżerċitaw l-attività tagħhom qrib il-qraba tagħhom fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, kisret id-dritt tagħhom għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa u d-dinjità tagħhom.

133    Konsegwentement, it-talba għal kumpens għad-dannu materjali għandha tiġi miċħuda.

2.      Fuq id‑dannu morali

134    Fir-rigward tat-talbiet għal kumpens għad-dannu morali li jirriżulta mill-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li jawtorizzaw ix-xogħol part-time, dawn għandhom jiġu miċħuda għall-istess motivi bħal dawk esposti fil-punti 130 sa 132 iktar ’il fuq.

135    Fir-rigward tal-kumpens għad-dannu morali sostnut minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ sospensjoni tal-allowance tal-espatrijazzjoni, mill-punt 112 iktar ’il fuq jirriżulta li dawn id-deċiżjonijiet għandhom jiġu annullati minħabba li d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2020, li fuqha huma bbażati, hija illegali. Il-kundizzjoni dwar l-illegalità tal-aġir tal-amministrazzjoni, imfakkra fil-punt 128 iktar ’il fuq, hija għalhekk issodisfatta.

136    Madankollu, għandu jitfakkar li l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità fih innifsu jikkostitwixxi l-kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża, sakemm ir-rikorrenti ma turix li sofriet dannu morali li ma jistax jiġi kkumpensat b’mod sħiħ b’dan l-annullament (sentenza tat-28 ta’ April 2021, Correia vs KESE, T‑843/19, EU:T:2021:221, punt 86).

137    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu li l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ sospensjoni tal-allowance tal-espatrijazzjoni ma jikkostitwixxix kumpens adegwat u suffiċjenti għad-dannu morali, fid-dawl tal-preġudizzju kkawżat lid-dinjità tagħhom u lill-kwalità tal-ħajja professjonali tagħhom, kif ukoll tal-ansjetà kkawżata u tal-problemi tas-saħħa li minnhom sofra, b’mod partikolari, PP. Fir-replika, ir-rikorrenti jżidu li t-telf ta’ parti mir-remunerazzjoni tagħhom ikkawża insomnja u kriżijiet ta’ stress.

138    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jipproduċu ebda prova li tista’ ssostni l-affermazzjonijiet tagħhom. Huma lanqas ma jispjegaw kif id-deċiżjonijiet ta’ sospensjoni tal-allowance tal-espatrijazzjoni setgħu jippreġudikaw id-dinjità tagħhom u l-kwalità tal-ħajja professjonali tagħhom.

139    Konsegwentement, it-talba għal kumpens għad-dannu materjali u għad-dannu morali għandha tiġi miċħuda.

IV.    Fuq l-ispejjeż

140    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

141    F’dan il-każ, it-talbiet għal annullament huma milqugħa f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet ta’ sospensjoni tal-benefiċċju tal-espatrijazzjoni. Min-naħa l-oħra, dawn ġew miċħuda sa fejn dawn kienu jirrigwardaw id-deċiżjonijiet li jawtorizzaw ix-xogħol part-time kif ukoll id-deċiżjonijiet ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu, u sa fejn kienu indirizzati kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal xogħol full-time ta’ PQ li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tiegħu. It-talbiet għal kumpens ġew miċħuda wkoll.

142    Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, għandu jiġi deċiż li kull waħda mill-partijiet għandha tbati nofs l-ispejjeż rispettivi tagħha. Il-Parlament għandu jbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, nofs l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar is-sospensjoni tal-allowance tal-espatrijazzjoni ta’ PP hija annullata.

2)      Id-deċiżjoni tal-Parlament tas-7 ta’ April 2020 dwar is-sospensjoni tal-allowance tal-espatrijazzjoni ta’ PR hija annullata.

3)      Id-deċiżjoni tal-Parlament tal-15 ta’ April 2020 dwar is-sospensjoni tal-allowance tal-espatrijazzjoni ta’ PQ hija annullata.

4)      Id-deċiżjoni tal-Parlament tal-15 ta’ April 2020 dwar is-sospensjoni tal-allowance tal-espatrijazzjoni ta’ PS hija annullata.

5)      Id-deċiżjoni tal-Parlament tas-16 ta’ April 2020 dwar is-sospensjoni tal-allowance tal-espatrijazzjoni ta’ PT hija annullata.

6)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

7)      PP, PS, PR, PQ u PT għandhom ibatu nofs l-ispejjeż tagħhom.

8)      Il-Parlament Ewropew għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, nofs l-ispejjeż ta’ PP u PS kif ukoll ta’ PR, PQ u PT.

da Silva Passos

Valančius

Reine

Truchot

 

      Sampol Pucurull

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ April 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.