Language of document : ECLI:EU:C:2019:772

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

24 ta’ Settembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Data personali – Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data – Direttiva 95/46/KE – Regolament (UE) 2016/679 – Muturi ta’ tfittxija fuq l-internet – Ipproċessar tad-data li tidher fuq paġni tal-internet – Portata territorjali tad-dritt għat-tneħħija ta’ referenza”

Fil-Kawża C‑507/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Lulju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Awwissu 2017, fil-proċedura

Google LLC, suċċessur fid-drittijiet ta’ Google Inc.,

vs

Commission nationale de l’informatique et des libertés (CNIL),

fil-preżenza ta’:

Wikimedia Foundation Inc.,

Fondation pour la liberté de la presse,

Microsoft Corp.,

Reporters Committee for Freedom of the Press et,

Article 19 et,

Internet Freedom Foundation et,

Défenseur des droits,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Arabadjiev, E. Regan, T. von Danwitz, C. Toader u F. Biltgen, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič (Relatur), L. Bay Larsen, M. Safjan, D. Šváby, C. G. Fernlund, C. Vajda, u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Settembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Google LLC, minn P. Spinosi, Y. Pelosi u W. Maxwell, avukati,

–        għall-Commission nationale de l’informatique et des libertés (CNIL), minn I. Falque-Pierrotin, J. Lessi u G. Le Grand, bħala aġenti,

–        għal Wikimedia Foundation Inc., minn C. Rameix-Seguin, avukat,

–        għall-Fondation pour la liberté de la presse, minn T. Haas, avukat,

–        għal Microsoft Corp., minn E. Piwnica, avukat,

–        għal Reporters Committee for Freedom of the Press et, minn F. Louis, avukat, H.-G. Kamann, C. Schwedler u M. Braun, Rechtsanwälte,

–        għal Article 19 et, minn G. Tapie, avukat, G. Facenna, QC, u E. Metcalfe, barrister,

–        għal Internet Freedom Foundation et, minn T. Haas, avukat,

–        għad-Défenseur des droits, minn J. Toubon, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, R. Coesme, E. de Moustier u S. Ghiandoni, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn M. Browne, G. Hodge, J. Quaney u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn M. Gray, BL,

–        għall-Gvern Elleniku, minn E.-M. Mamouna, G. Papadaki, E. Zisi u S. Papaioannou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn R. Guizzi, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard u G. Kunnert, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, M. Pawlicka u J. Sawicka, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Buchet, H. Kranenborg u D. Nardi, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Google LLC, suċċessur fid-drittijiet ta’ Google Inc., u, min-naħa l-oħra, il-Commission nationale de l’informatique et des libertés (il-Kummissjoni Nazzjonali tal-Informatika u tal-Libertajiet, Franza) (iktar ’il quddiem iċ-“CNIL”) fir-rigward ta’ sanzjoni ta’ EUR 100 000 imposta minn din tal-aħħar fil-konfront ta’ Google minħabba r-rifjut ta’ din il-kumpannija, meta hija tilqa’ talba għal tneħħija ta’ referenza, li tapplika din it-tneħħija ta’ referenza fuq l-estensjonijiet kollha tal-isem tad-domain tal-mutur ta’ tfittxija tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 95/46

3        Id-Direttiva 95/46 għandha, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, l-għan li tipproteġi l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi, b’mod partikolari l-ħajja privata tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, kif ukoll l-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-moviment liberu ta’ din id-data.

4        Il-premessi 2, 7, 10, 18, 20 u 37 tad-Direttiva 95/46 jipprovdu:

“(2)      Billi s-sistemi ta’ l-ipproċessar ta’ data huma maħsuba biex jaqdu lill-bniedem; billi, indipendentement miċ-ċittadinanza jew residenza ta’ persuna naturali, huma għandhom jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-aktar id-dritt għall-ħajja privata, u jaghtu sehemhom għall-[…] ġid tal-persuna;

[…]

(7)      Billi d-differenza fil-gradi ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuna, l-aktar id-dritt għall-ħajja privata, fl-ipproċessar ta’ data personali li hemm fl-Istati Membri tista’ tfixkel it-trasmissjoni ta’ dik id-data mit-territorju ta’ Stat Membru għal dak ta’ Stat Membru ieħor; billi din id-differenza tista’ għalhekk tkun ta’ ostakolu biex jinġiebu ‘l quddiem għad ta’ attivitajiet ekonomiċi fil-livell tal-Komunità, […];

[…]

(10)      Billi l-għan tal-liġijiet nazzjonali dwar il-proċessar ta’ data personali huwa l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-aktar id-dritt għall-ħajja privata, li huwa rikonoxxut kemm fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali [, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950,] u fil-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità; billi, għal dik ir-raġuni, l-approssimazzjoni ta’ dawk il-liġijiet m’għandhiex bħala riżultat ta’ dan tnaqqas mill-protezzjoni minnhom mogħtija, imma għandha, għall-kuntrarju, tfittex li tassigura grad għoli ta’ protezzjoni fil-Komunità;

[…]

(18)      Billi, sabiex ikun assigurat li individwi ma jiċċaħdux mill-protezzjoni li għandhom dritt għaliha b’din id-Direttiva, kull ipproċessar ta’ data personali fil-Komunità għandu jsir skond il-liġi ta’ wieħed mill-Istati Membri;

[…]

(20)      Billi l-fatt li l-ipproċessar ta’ data jsir minn persuna stabbilita f’pajjiż terz m’għandux ikun ta’ xkiel għall-protezzjoni ta’ l-individwu kif provdut f’din id-Direttiva; billi f’dawn il-każi, l-ipproċessar għandu jkun regolat bil-liġi ta’ l-Istat Membru li fih ikunu jinsabu l-mezzi wżati, u għandu jkun hemm garanziji li jassiguraw li d-drittijiet u l-obbligazzjonijiet imsemmija f’din id-Direttiva jkunu rispettati fil-prattika;

[…]

(37)      Billi l-ipproċessar ta’ data personali għal għanijiet ta’ ġurnaliżmu jew għal għanijiet ta’ espressjoni letterarja jew artistika, partikolarment fil-qasam audio-viżwali, għandu jikkwalifika għal eżenzjoni minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva meta dan ikun meħtieġ biex issir rikonċiljazzjoni bejn id-drittijiet fundamentali ta’ individwi u l-libertà ta’ l-informazzjoni, u l-iktar mad-dritt li tingħata u tintbagħat informazzjoni, kif garantita partikolarment bl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali; billi Stati Membri għandhom għalhekk jistabbilixxu eżenzjonijiet u derogi meħtieġa għall-fini ta’ bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali dwar miżuri ġenerali ta’ leġitimità ta’ l-ipproċessar tad-data, […]”

5        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)      ‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); […]

(b)      ‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

[…]

(d)      ‘kontrollur’ tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali; […]

[…]”

6        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-Liġi nazzjonali applikabbli”, jipprevedi:

“1.      Kull Stat Membru għandu japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali li hu jadotta skond din id-Direttiva għall-ipproċessar ta’ data personali meta:

(a)      l-ipproċessar isir fil-kuntest ta’ l-attivitajiet ta’ stabbiliment tal-kontrollur fit-territorju ta’ l-Istat Membru; meta l-istess kontrollur ikun stabbilit fit-territorju ta’ diversi Stati Membri, hu għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li kull wieħed minn dawk l-istabbilimenti jkunu konformi ta’ l-obbligazzjonijiet meħtieġa mill-liġi nazzjonali li tkun tapplika;

(b)      il-kontrollur ma jkunx stabbilit fit-territorju ta’ l-Istat Membru, imma f’post fejn il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat tkun tapplika skond il-liġi pubblika internazzjonali;

(ċ)      il-kontrollur ma jkunx stabbilit fit-territorju tal-Komunità u, għall-finijiet ta’ l-ipproċessar ta’ data personali jagħmel użu minn tagħmir, awtomatizzat jew xort’oħra, li jkun jinsab fit-territorju ta’ l-imsemmi Stat Membru, sakemm dak it-tagħmir jintuża biss għal għanijiet ta’ trasmissjoni fit-territorju tal-Komunità.

2.      Fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1 (ċ), il-kontrollur għandu jinnomina rappreżentant stabbilit fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, bla ħsara għal azzjonijiet legali li jistgħu jinbdew kontra l-kontrollur innifsu.”

7        L-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46, intitolat “L-ipproċessar ta’ data personali u libertà ta’ l-espressjoni”, jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jipprovdu għal eżenzjonijiet jew derogi mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-Kapitolu IV u l-Kapitolu V dwar l-ipproċessar ta’ data personali magħmul biss għal għanijiet ġurnalistiċi jew għall-iskop ta’ espressjoni artistika jew letterarja jekk dawn ikunu meħtieġa biss biex jirrikonċiljaw id-dritt tal-ħajja parivata mar-regoli li jirregolaw il-libertà ta’ l-espressjoni.”

8        L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ aċċess”, jipprevedi:

“Stati Membri għandhom jiggarantixxu lil kull suġġett tad-data d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur:

[…]

(b)      skond kif jixraq, ir-rettifika, tħassir jew imblokk ta’ data li l-ipproċessar tiegħu ma jkunx skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, partikolarment minħabba n-natura mhux kompluta jew mhux eżatta tad-data;

[…]”

9        L-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46, intitolat “Id-dritt tas-suġġett tad-data li jagħmel oġġezzjoni”, jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jagħtu lis-suġġett tad-data d-dritt:

(a)      li, bla ħsara għal dak provdut fil-liġijiet nazzjonali, mill-inqas fil-każi msemmija fl-Artikolu 7(e) u (f), jagħmel oġġezzjoni f’kull żmien kontra l-ipproċessar ta’ data dwaru għal raġunijiet gravi u leġittimi dwar is-sitwazzjoni partikolari tiegħu. Meta jkun hemm oġġezzjoni ġustifikata, l-ipproċessar mibdi mill-kontrollur jista’ ma jibqax juża dak id-data;

[…]”

10      L-Artikolu 24 tad-Direttiva 95/46, intitolat “Sanzjonijiet”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri xierqa biex jassiguraw l-implementazzjoni sħieħa tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u għandhom partikolarment jistabbilixxu s-sanzjonijiet li għandhom jingħataw f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet adottati skond din id-Direttiva.”

11      L-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva, intitolat “Awtorità ta’ superviżjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika waħda jew aktar ikunu responsabbli tas-sorveljanza ta’ l-applikazzjoni fit-territorju tiegħu tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skond din id-Direttiva.

[…]

3.      Kull awtorità għandha jkollha partikolarment:

–        setgħat investigattivi, bħalma huma setgħat ta’ aċċess għal data li tagħmel parti mis-suġġett ta’ operazzjonijiet ta’ ipproċessar u setgħat għal ġbir ta’ l-informazzjoni kollha meħtieġa biex twettaq id-dmirijiet tagħha ta’ superviżjoni,

–        setgħat effettivi ta’ intervent, bħalma hu, per eżempju, dak […] li tordna l-imblokk, tħassir jew distruzzjoni ta’ data, li ma tħallix għal xi żmien jew għal dejjem milli jsir ipproċessar […]

[…]

Deċiżjonijiet ta’ l-awtorità ta’ superviżjoni li jagħtu lok għal ilmenti jistgħu jkunu appellati fil-qrati.

4.      Kull awtorità ta’ superviżjoni għandha tisma’ talbiet maghmulin minn kull persuna, jew minn għaqda li tirrappreżenta lil dik il-persuna, dwar il-protezzjoni tad-drittijiet jew libertajiet tagħha fl-ipproċessar ta’ data personali. Il-persuna kkonċernata għandha tkun mgħarrfa dwar ir-riżultat tat-talba.

[…]

6.       Kull awtorità ta’ superviżjoni hija kompetenti, tkun liema tkun il-liġi nazzjonali li tkun applika għall-ipproċessar in kwistjoni, li teżerċita, fit-territorju ta’ l-Istat Membru tagħha nfisha, is-setgħat mogħtija lilha skond il-paragrafu 3. Kull awtorità tista’ tintalab li teżerċita s-setgħat tagħha minn awtorità ta’ Stat Membru ieħor.

L-awtoritajiet ta’ superviżjoni għandhom jikkooperaw ma xulxin f’dak li jkun meħtieġ biex iwettqu dmirijiethom, partikolarment billi jaqsmu flimkien kull informazzjoni utli.

[…]”

 Ir-Regolament (UE) 2016/679

12      Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2), li huwa bbażat fuq l-Artikolu 16 TFUE, huwa applikabbli, skont l-Artikolu 99(2) tiegħu, mill-25 ta’ Mejju 2018. L-Artikolu 94(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li d-Direttiva 95/46 hija mħassra b’effett mill-istess data.

13      Il-premessi 1, 4, 9 sa 11, 13, 22 sa 25 u 65 tal-imsemmi regolament jipprovdu:

“(1)      Il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali hija dritt fundamentali. L-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) u l-Artikolu 16(1) [TFUE] jipprevedu li kull persuna għandha dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha.

[…]

(4)      L-ipproċessar tad-data personali għandu jitfassal biex iservi lill-bniedem. Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mhuwiex dritt assolut; huwa għandu jiġi kkunsidrat b’rabta mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà u jkun ibbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħrajn, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali kollha u josserva l-libertajiet u l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta kif integrata fit-Trattati, b’mod partikolari r-rispett għall-ħajja privata […] il-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà tal-intrapriża, […]

[…]

(9)      […] id-Direttiva 95/46 […] ma waqqfitx il-frammentazzjoni fl-implimentazzjoni fil-protezzjoni tad-data fl-Unjoni […]. Id-differenzi fil-livell ta’ protezzjoni […] fl-Istati Membri jistgħu jimpedixxu l-fluss liberu tad-data personali fl-Unjoni kollha. Dawk id-differenzi jistgħu jkunu ta’ xkiel għat-twettiq ta’ attivitajiet ekonomiċi fil-livell tal-Unjoni […].

(10)      Sabiex ikun żgurat livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi u sabiex jitneħħew l-ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni tad-data personali fl-Unjoni, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data għandu jkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. […]

(11)      Il-protezzjoni effettiva tad-data personali fl-Unjoni kollha teħtieġ it-tisħiħ u l-ispeċifikar fid-dettall tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data u l-obbligi ta’ dawk li jipproċessaw u jiddeterminaw l-ipproċessar ta’ data personali, kif ukoll ta’ setgħat ekwivalenti għall-monitoraġġ u l-iżgurar tal-konformità mar-regoli għall-protezzjoni tad-data personali u sanzjonijiet ekwivalenti għall-ksur fl-Istati Membri.

[…]

(13)      Sabiex ikun żgurat livell konsistenti ta’ protezzjoni għall-persuni fiżiċi fl-Unjoni kollha u sabiex ma jkunx hemm diverġenzi li jfixklu l-moviment liberu tad-data personali fis-suq intern, huwa meħtieġ Regolament li jipprovdi ċertezza legali u trasparenza għall-operaturi ekonomiċi, […] biex jipprovdi lill-persuni fiżiċi fl-Istati Membri kollha l-istess livell ta’ drittijiet u obbligi infurzabbli bil-liġi u responsabbiltajiet għall-kontrolluri u għall-proċessuri, sabiex ikun żgurat monitoraġġ konsistenti tal-ipproċessar tad-data personali, u sanzjonijiet ekwivalenti fl-Istati Membri kollha kif ukoll kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-Istati Membri differenti. Il-funzjonament adatt tas-suq intern jeħtieġ li l-moviment liberu tad-data personali fl-Unjoni ma jkunx ristrett jew ipprojbit għal raġunijiet marbutin mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali. […]

[…]

(22)      Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ stabbiliment ta’ kontrollur jew proċessur fl-Unjoni għandu jsir f’konformità ma’ dan ir-Regolament, irrispettivament minn jekk l-ipproċessar innifsu jseħħx fl-Unjoni jew le. […]

(23)      Sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi ma jinċaħdux mill-protezzjoni li għandhom dritt għaliha skont dan ir-Regolament, l-ipproċessar ta’ data personali ta’ suġġetti tad-data li jinsabu fl-Unjoni minn kontrollur jew proċessur mhux stabbilit fl-Unjoni, għandu jkun soġġett għal dan ir-Regolament fejn l-attivitajiet ta’ pproċessar ikunu relatati mal-offerta ta’ prodotti jew servizzi lil dawn is-suġġetti tad-data irrispettivament minn jekk dawn ikunux marbutin ma’ ħlas jew le. Sabiex jiġi determinat jekk tali kontrollur jew proċessur ikunx qiegħed joffri prodotti jew servizzi lil suġġetti tad-data li jinsabu fl-Unjoni, għandu jiġi aċċertat jekk ikunx jidher li l-kontrollur jew proċessur ikun qiegħed jipprevedi li joffri servizzi lil suġġetti tad-data fi Stat Membru wieħed jew aktar fl-Unjoni. […]

(24)      L-ipproċessar ta’ data personali ta’ suġġetti tad-data li jinsabu fl-Unjoni minn kontrollur jew proċessur mhux stabbilit fl-Unjoni għandu wkoll ikun soġġett għal dan ir-Regolament meta jkun relatat mal-monitoraġġ tal-imġiba ta’ tali suġġetti tad-data sa fejn l-imġiba tagħhom isseħħ fl-Unjoni. Sabiex ikun iddeterminat jekk attività ta’ pproċessar tistax titqies li tissorvelja l-imġiba tas-suġġetti tad-data, għandu jkun aċċertat jekk il-persuni fiżiċi humiex segwiti fuq l-internet inkluż l-użu potenzjali sussegwenti ta’ tekniki ta’ pproċessar tad-data personali li jikkonsistu mit-tfassil ta’ profil ta’ peruna fiżika, b’mod partikolari sabiex jittieħdu deċiżjonijiet li jirrigwardawha jew għall-analiżi jew it-tbassir tal-preferenzi, l-imġiba u l-attitudnijiet personali tagħha.

(25)      Fejn il-liġi ta’ Stat Membru tkun tapplika permezz tad-dritt internazzjonali pubbliku, dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal kontrollur mhux stabbilit fl-Unjoni, bħal fil-każ ta’ missjoni diplomatika jew uffiċċju konsulari ta’ Stat Membru.

[…]

(65)      Suġġett tad-data għandu jkollu […] “dritt li jintnesa” fejn iż-żamma ta’ tali data tikser dan ir-Regolament jew il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li jkun soġġett għaliha l-kontrollur. […] Madankollu, iż-żamma ulterjuri tad-data personali għandha tkun legali fejn tkun meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dritt tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni […]”

14      L-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/679, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni territorjali” huwa fformulat kif ġej:

“1.      Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ stabbilment ta’ kontrollur jew proċessur fl-Unjoni, indipendentement minn jekk l-ipproċessar iseħħx fl-Unjoni jew le.

2.      Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar tad-data personali ta’ suġġetti tad-data li jinsabu fl-Unjoni minn kontrollur jew proċessur mhux stabbilit fl-Unjoni, meta l-attivitajiet ta’ pproċessar huma relatati ma’:

(a)      l-offerta ta’ prodotti jew servizzi, irrispettivament jekk ikunx meħtieġ ħlas mis-suġġett tad-data, għal tali suġġetti tad-data fl-Unjoni; jew

(b)      il-monitoraġġ tal-imġiba tagħhom sakemm l-imġiba tagħhom isseħħ fl-Unjoni.

3.      Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar tad-data personali minn kontrollur mhux stabbilit fl-Unjoni, iżda f’post fejn tapplika l-liġi ta’ Stat Membru permezz tal-liġi internazzjonali pubblika.”

15      L-Artikolu 4(23) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ipproċessar transkonfinali” kif ġej:

“(a)      l-ipproċessar ta’ data personali li jsir fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ stabbilimenti f’iktar minn Stat Membru wieħed ta’ kontrollur jew proċessur fl-Unjoni fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikun stabbilit f’iktar minn Stat Membru wieħed; jew

(b)      l-ipproċessar ta’ data personali li jsir fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ stabbiliment uniku ta’ kontrollur jew proċessur fl-Unjoni li madankollu jaffettwa sostanzjalment lil suġġetti tad-data f’aktar minn Stat Membru wieħed, jew li x’aktarx li ser jaffettwahom sostanzjalment.”

16      L-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt għal tħassir (‘dritt li wieħed jintesa’)”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir ta’ data personali dwaru mingħajr dewmien żejjed u l-kontrollur għandu l-obbligu li jħassar data personali mingħajr dewmien żejjed jekk tkun tapplika waħda minn dawn ir-raġunijiet li ġejjin:

(a)      id-data personali ma tkunx għadha meħtieġa fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tkun inġabret jew ġiet ipproċessata mod ieħor id-data;

(b)      is-suġġett tad-data jirtira l-kunsens li fuqu huwa bbażat l-ipproċessar skont l-Artikolu 6(1)(a) jew l-Artikolu 9(2)(a) u fejn ma jkun hemm l-ebda raġuni legali għall-ipproċessar;

(c)      is-suġġett tad-data joġġezzjona għall-ipproċessar skont l-Artikolu 21(1) u ma jkun hemm l-ebda raġuni leġittima prevalenti għall-ipproċessar, jew is-suġġett tad-data joġġezzjona għall-ipproċessar skont l-Artikolu 21(2);

(d)      id-data personali tkun ġiet ipproċessata illegalment;

(e)      id-data personali tkun trid titħassar biex ikun hemm konformità ma’ obbligu legali fil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

(f)      id-data personali tkun inġabret fir-rigward tal-offerta ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1).

[…]

3.      Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw sakemm dak l-ipproċessar jkun meħtieġ:

(a)      għall-eżerċizzju tad-dritt tal-libertà ta’ espressjoni u informazzjoni;

[…]”

17      L-Artikolu 21 tal-istess regolament, intitolat “Dritt ta’ oġġezzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li joġġezzjona, għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, fi kwalunkwe mument għall-ipproċessar ta’ data personali li tikkonċerna lilu li hija bbażata fuq il-punt (e) jew (f) tal-Artikolu 6(1), inkluż it-tfassil ta’ profili abbażi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Il-kontrollur ma għandux jibqa’ jipproċessa d-data personali sakemm il-kontrollur ma jagħtix raġunijiet leġittimi konvinċenti għall-ipproċessar li jegħlbu l-interessi, id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jew għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ talbiet legali.”

18      L-Artikolu 55 tar-Regolament 2016/679, intitolat “Kompetenza”, li jifforma parti mill-Kapitolu VI ta’ dan ir-regolament, li huwa intitolat “Awtoritajiet superviżorji indipendenti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull awtorità superviżorja għandha tkun kompetenti biex twettaq il-kompiti assenjati lilha u l-eżerċizzju tas-setgħat ikkonferiti lilha f’konformità ma’ dan ir-Regolament fit-territorju tal-Istat Membru tagħha stess.”

19      L-Artikolu 56 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kompetenza tal-awtorità superviżorja ewlenija”, jipprovdi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 55, l-awtorità superviżorja tal-istabbiliment ewlieni jew tal-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għandha tkun kompetenti biex taġixxi bħala l-awtorità superviżorja ewlenija għall-ipproċessar transkonfinali li jsir minn dak il-kontrollur jew proċessur f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 60.

2.      B’deroga mill-paragrafu 1, kull awtorità superviżorja għandha tkun kompetenti biex tittratta lment imressaq lilha jew ksur possibbli ta’ dan ir-Regolament, jekk is-suġġett ikun marbut biss ma’ stabbiliment fl-Istat Membru tagħha jew jaffettwa b’mod sostanzjali suġġetti tad-data fl-Istat Membru tagħha biss.

3.      Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità superviżorja għandha tinforma lill-awtorità superviżorja ewlenija mingħajr dewmien dwar dik il-kwistjoni. F’perijodu ta’ tliet ġimgħat wara li tiġi infurmata l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tiddeċiedi jekk hux ser tittratta l-każ f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 60, billi tieħu kont ta’ jekk hemm jew m’hemmx stabbiliment tal-kontrollur jew il-proċessur fl-Istat Membru li l-awtorità superviżorja tkun infurmatha bih.

4.      Fejn l-awtorità superviżorja ewlenija tiddeċiedi li tittratta l-każ, għandha tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 60. L-awtorità superviżorja li tkun infurmat lill-awtorità superviżorja ewlenija tista’ tissottometti abbozz għal deċiżjoni lill-awtorità superviżorja ewlenija. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tieħu kont bl-akbar reqqa dak l-abbozz meta tkun qed tħejji l-abbozz ta’ deċiżjoni msemmi fl-Artikolu 60(3).

5.      Fejn il-awtorità superviżorja ewlenija tiddeċiedi li ma tittrattax il-każ, l-awtorità superviżorja li tkun infurmat lill-awtorità superviżorja ewlenija għandha tittrattah skont l-Artikoli 61 u 62.

6.      L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tkun l-interlokutur uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għall-ipproċessar transkonfinali li jsir minn dak il-kontrollur jew proċessur.”

20      L-Artikolu 58 tal-istess regolament, intitolat “Setgħat”, jipprevedi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha korrettivi li ġejjin:

[…]

(g)      li tordna […] it-tħassir ta’ data personali […] skont l-Artikoli […] 17 […];

(i)      li timponi multa amministrattiva […] flimkien ma’, jew minflok il-miżuri msemmija f’dan il-paragrafu, skont iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ individwali”.

21      Taħt il-Kapitolu VII tar-Regolament 2016/679, intitolat “Kooperazzjoni u konsistenza”, it-Taqsima I, intitolata “Kooperazzjoni”, tinkludi l-Artikoli 60 sa 62 ta’ dan ir-regolament. Dan l-Artikolu 60, intitolat “Kooperazzjoni bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra”, jipprovdi:

“1.      L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra f’konformità ma’ dan l-Artikolu fi sforz biex jintlaħaq kunsens. L-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandhom jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha bejniethom.

2.      L-awtorità superviżorja ewlenija tista’ titlob fi kwalunkwe ħin lil awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra biex jipprovdu assistenza reċiproka skont l-Artikolu 61 u tista’ twettaq operazzjonijiet konġunti skont l-Artikolu 62, b’mod partikolari għat-twettiq ta’ investigazzjonijiet jew għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ miżura li tikkonċerna kontrollur jew proċessur stabbilit fi Stat Membru ieħor.

3.      L-awtorità superviżorja ewlenija għandha, mingħajr dewmien, tikkomunika l-informazzjoni rilevanti dwar il-kwistjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra. Hija għandha tissottometti mingħajr dewmien abbozz ta’ deċiżjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra għall-opinjoni tagħhom u tieħu kont tal-fehmiet tagħhom.

4.      Fejn kwalunkwe mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra f’perijodu ta’ żmien ta’ erba’ ġimgħat wara li tkun ġiet ikkonsultata f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, tesprimi oġġezzjoni rilevanti u motivata għall-abbozz ta’ deċiżjoni, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha, jekk ma ssegwix l-oġġezzjoni rilevanti u motivata jew tkun tal-fehma li l-oġġezzjoni mhijiex rilevanti jew motivata, tissottometti l-kwistjoni lill-mekkaniżmu ta’ konsistenza msemmi fl-Artikolu 63.

5.      Fejn l-awtorità superviżorja ewlenija biħsiebha ssegwi l-oġġezzjoni rilevanti u motivata li saret, għandha tissottometti abbozz rivedut ta’ deċiżjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra għall-opinjoni tagħhom. Dak l-abbozz rivedut ta’ deċiżjoni għandu jkun soġġett għall-proċedura msemmija fil-paragrafu 4 f’perijodu ta’ żmien ta’ ġimagħtejn.

6.       Fejn l-ebda waħda mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra ma tkun oġġezzjonat għall-abbozz ta’ deċiżjoni sottomess mill-awtorità superviżorja ewlenija fil-perijodu msemmi fil-paragrafi 4 u 5, l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandhom jitqiesu li qed jaqblu ma’ dak l-abbozz ta’ deċiżjoni u għandhom ikunu marbuta bih.

7.      L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tadotta u tinnotifika d-deċiżjoni lill-istabbiliment ewlieni jew l-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur, skont kif ikun il-każ, u tinforma l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra u lill-Bord dwar id-deċiżjoni inkwistjoni inkluż ġabra fil-qosor tal-fatti u r-raġunijiet rilevanti. L-awtorità superviżorja li quddiemha jitressaq ilment għandha tinforma lill-ilmentatur bid-deċiżjoni.

8.      B’deroga mill-paragrafu 7, fejn ilment jitwarrab jew jiġi miċħud, l-awtorità superviżorja li quddiemha tressaq l-ilment għandha tadotta d-deċiżjoni u tinnotifikaha lill-ilmentatur u għandha tinforma lill-kontrollur b’din.

9.      Fejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jaqblu li jwarrbu jew jiċħdu partijiet ta’ lment u li jieħdu azzjoni dwar partijiet oħra ta’ dak l-ilment, għandha tiġi adottata deċiżjoni separata għal kull waħda minn dawk il-partijiet tal-kwistjoni. […]

10.      Wara li jkun ġie notifikat bid-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja ewlenija skont il-paragrafi 7 u 9, il-kontrollur jew il-proċessur għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata konformità mad-deċiżjoni fir-rigward tal-attivitajiet ta’ pproċessar fil-kuntest tal-istabbilimenti kollha tiegħu fl-Unjoni. Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jinnotifika l-miżuri meħuda għall-konformità mad-deċiżjoni lill-awtorità superviżorja ewlenija, li għandha tinforma lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra.

11.      Fejn, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, awtorità superviżorja kkonċernata jkollha raġunijiet biex tqis li hemm ħtieġa urġenti li taġixxi sabiex tipproteġi l-interessi ta’ suġġetti tad-data, għandha tapplika l-proċedura ta’ urġenza msemmija fl-Artikolu 66.

[…]”

22      L-Artikolu 61 tal-imsemmi regolament, intitolat “Assistenza reċiproka”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtoritajiet superviżorji għandhom jipprovdu lil xulxin b’informazzjoni rilevanti u assistenza reċiproka sabiex jimplimentaw u japplikaw dan ir-Regolament b’mod konsistenti, u għandhom jistabbilixxu miżuri għal kooperazzjoni effettiva ma’ xulxin. L-assistenza reċiproka għandha tkopri, b’mod partikolari, talbiet ta’ informazzjoni u miżuri superviżorji, bħal talbiet biex jitwettqu awtorizzazzjonijiet u konsultazzjonijiet minn qabel, ispezzjonijiet u investigazzjonijiet.”

23      L-Artikolu 62 tal-istess regolament, intitolat “Operazzjonijiet konġunti ta’ l-awtoritajiet superviżorji”, jipprevedi:

“1.      L-awtoritajiet superviżorji għandhom, fejn xieraq, iwettqu operazzjonijiet konġunti inklużi investigazzjonijiet konġunti u miżuri ta’ infurzar konġunti li fihom ikunu involuti membri jew persunal tal-awtoritajiet superviżorji ta’ Stati Membri oħra.

2.      Fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikollu stabbilimenti f’diversi Stati Membri jew fejn għadd sinifikanti ta’ suġġetti tad-data f’aktar minn Stat Membru wieħed x’aktarx li jkun affettwat b’mod sostanzjali minn operazzjonijiet ta’ pproċessar, awtorità superviżorja minn kull wieħed minn dawk l-Istati Membri għandu jkollha d-dritt li tipparteċipa fl-operazzjonijiet konġunti. […]”

24      It-Taqsima 2, intitolata “Konsistenza”, tal-Kapitolu VII tar-Regolament 2016/679, tinkludi l-Artikoli 63 sa 67 ta’ dan ir-Regolament. Dan l-Artikolu 63, intitolat “Mekkaniżmu ta’ konsistenza”, huwa fformulat kif ġej:

“Sabiex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament fl-Unjoni kollha, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u, fejn rilevanti, mal-Kummissjoni, permezz tal-mekkaniżmu ta’ konsistenza kif stabbilit f’din it-Taqsima.”

25      L-Artikolu 65 tal-imsemmi regolament, intitolat “Soluzzjoni għat-tilwim mill-Bord”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Sabiex jiżgura l-applikazzjoni korretta u konsistenti ta’ dan ir-Regolament f’każijiet individwali, il-Bord għandu jadotta deċiżjoni vinkolanti fil-każijiet li ġejjin:

(a)      fejn, f’każ imsemmi fl-Artikolu 60(4), awtorità superviżorja kkonċernata tkun qajmet oġġezzjoni rilevanti u motivata għal abbozz ta’ deċiżjoni tal-awtorità ewlenija jew l-awtorità ewlenija tkun ċaħdet tali oġġezzjoni għar-raġuni li ma tkunx rilevanti jew motivata. Id-deċiżjoni vinkolanti għandha tikkonċerna l-kwistjonijiet kollha li jkunu s-suġġett tal-oġġezzjoni rilevanti u motivata, b’mod partikolari jekk ikunx hemm ksur ta’ dan ir-Regolament;

(b)      fejn ikun hemm fehmiet konfliġġenti dwar liema mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati tkun kompetenti għall-istabbiliment ewlieni;

[…]”

26      L-Artikolu 66 tal-istess regolament, intitolat “Proċedura ta’ urġenza” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“F’ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn awtorità superviżorja kkonċernata tqis li hemm ħtieġa urġenti li taġixxi sabiex tipproteġi id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, hija tista’, b’deroga mill-mekkaniżmu ta’ konsistenza msemmi fl-Artikoli 63, 64 u 65a jew il-proċedura msemmija fl-Artikolu 60, tadotta minnufih miżuri proviżorji maħsuba biex jipproduċu effetti legali fit-territorju tagħha stess b’perijodu speċifikat ta’ validità li ma għandux jaqbeż it-tliet xhur. L-awtorità superviżorja għandha, mingħajr dewmien, tikkomunika dawk il-miżuri u r-raġunijiet għall-adozzjoni tagħhom, lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra, lill-Bord u lill-Kummissjoni.”

27      L-Artikolu 85 tar-Regolament 2016/679, intitolat “Ipproċessar u libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jirrikonċiljaw skont il-liġi d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali skont dan ir-Regolament mad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, inkluż l-ipproċessar għal finijiet ġurnalistiċi u l-finijiet ta’ espressjoni akkademika, artistika jew letterarja.

2.      Għall-ipproċessar li jsir għal finijiet ġurnalistiċi jew għall-fini ta’ espressjoni akkademika artistika jew dik letterarja, l-Istati Membri għandhom jipprevedu eżenzjonijiet jew derogi mill-Kapitolu II (prinċipji), il-Kapitolu III (drittijiet tas-suġġett tad-data), il-Kapitolu IV (kontrollur u proċessur), il-Kapitolu V (trasferiment tad-data personali lil pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali), il-Kapitolu VI (awtoritajiet superviżorji indipendenti), il-Kapitolu VII (kooperazzjoni u konsistenza) u l-Kapitolu IX (sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ pproċessar tad-data) jekk dawn jinħtieġu għal rikonċiljazzjoni tad-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali mal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni.

[…]”

 Id-dritt Franċiż

28      L-implimentazzjoni tad-Direttiva 95/46 fid-dritt Franċiż hija żgurata mil-Liġi Nru 78‑17, tas-6 ta’ Jannar 1978, dwar l-informatika, il-fajls u l-libertajiet, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tas-6 ta’ Jannar 1978”).

29      L-Artikolu 45 ta’ din il-liġi jispeċifika li meta l-kontrollur ma josservax l-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija liġi, il-President taċ-CNIL jista’ jintimah sabiex iwaqqaf in-nuqqas ikkonstatat f’terminu li huwa jistabbilixxi. Jekk il-kontrollur ma jikkonformax ruħu mal-intimazzjoni indirizzata lilu, il-kulleġġ ġudikanti f’sessjoni ristretta taċ-CNIL jista’ jimponi, wara proċedura kontradittorja, b’mod partikolari, sanzjoni pekunjarja.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

30      Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2015, il-President taċ-CNIL intima lil Google, meta hija tilqa’ talba ta’ persuna fiżika intiża għat-tneħħija mil-lista tar-riżultati, li tintwera wara tfittxija mwettqa fuq il-bażi ta’ isimha, ta’ links li jwasslu għal paġni tal-internet, sabiex tapplika din it-tneħħija fuq l-estensjonijiet kollha tal-isem tad-domain tal-mutur ta’ tfittxija tagħha.

31      Google rrifjutat li tagħti segwitu għal din l-intimazzjoni, billi sempliċement neħħiet il-links inkwistjoni tar-riżultati li jintwerew bi tweġiba għal tfittxijiet imwettqa fuq il-verżjonijiet tal-mutur ta’ tfittxija tagħha li l-isem tad-domain tagħhom jikkorrispondi għal Stat Membru tal-Unjoni.

32      Barra minn hekk, iċ-CNIL qieset insuffiċjenti l-proposta kumplimentarja msejħa “imblukkar ġeografiku”, magħmula minn Google wara l-iskadenza tat-terminu ta’ intimazzjoni, li tikkonsisti fit-tneħħija tal-possibbiltà li taċċedi, minn indirizz IP (Internet Protocol) li jinsab fl-Istat ta’ residenza tal-persuna kkonċernata, għar-riżultati kontenzjużi miksuba wara tfittxija mwettqa fuq il-bażi ta’ ismu, irrispettivament mill-verżjoni tal-mutur ta’ tfittxija użat mill-utent tal-internet.

33      Wara li kkonstatat li Google ma kinitx ikkonformat ruħha mal-imsemmija intimazzjoni fit-terminu mogħti, permezz ta’ deliberazzjoni tal-10 ta’ Marzu 2016, iċ-CNIL imponiet fil-konfront ta’ din il-kumpannija sanzjoni, li saret pubblika, ta’ EUR 100 000.

34      Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), Google talbet l-annullament ta’ din id-deliberazzjoni.

35      Il-Kunsill tal-Istat jikkonstata li l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-mutur ta’ tfittxija operat minn Google jaqa’, fid-dawl tal-attivitajiet ta’ promozzjoni u ta’ bejgħ ta’ spazji ta’ reklamar eżerċitati, fi Franza, mis-sussidjarja tagħha Google France, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi tas-6 ta’ Jannar 1978.

36      Il-Kunsill tal-Istat jirrileva, barra minn hekk, li l-mutur ta’ tfittxija operat minn Google juża ismijiet tad-domain differenti permezz ta’ estensjonijiet ġeografiċi, sabiex jadatta r-riżultati li jintwerew għall-partikolaritajiet, b’mod partikolari lingwistiċi, ta’ Stati differenti li fihom din il-kumpannija teżerċita l-attività tagħha. Meta t-tfittxija titwettaq fuq “google.com”, Google, bħala prinċipju, tagħmel ridirezzjoni awtomatika ta’ dik it-tfittxija lejn l-isem tad-domain li jikkorrispondi għall-Istat li minnu hija meqjusa li saret din it-tfittxija u dan grazzi għall-identifikazzjoni tal-indirizz IP tal-utent tal-internet. Madankollu, irrispettivament minn fejn jinsab, l-utent tal-internet xorta jista’ jwettaq it-tfittxijiet tiegħu fuq l-ismijiet tad-domain l-oħra tal-mutur ta’ tfittxija. Barra minn hekk, minkejja li r-riżultati jistgħu jinbidlu skont l-isem tad-domain li minnu ssir it-tfittxija fuq il-mutur, huwa stabbilit li l-links li jintwerew konsegwentement għal tfittxija joriġinaw minn bażi ta’ data u minn xogħol ta’ indiċjar komuni.

37      Il-Kunsill tal-Istat iqis li, b’teħid inkunsiderazzjoni, minn naħa, tal-fatt li l-ismijiet tad-domain tal-mutur ta’ tfittxija ta’ Google huma kollha aċċessibbli mit-territorju Franċiż u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ passaġġi bejn dawn l-ismijiet tad-domain differenti, kif turi b’mod partikolari r-ridirezzjoni awtomatika u l-preżenza ta’ cookies fuq estensjonijiet oħra tal-mutur minbarra dik li fuqha ntwerew oriġinarjament, dan il-mutur, li sal-lum kien is-suġġett ta’ dikjarazzjoni waħda maċ-CNIL, għandu jitqies li jwettaq ipproċessar ta’ data personali unika għall-applikazzjoni tal-Liġi tas-6 ta’ Jannar 1978. Minn dan jirriżulta li l-ipproċessar ta’ data personali mill-mutur ta’ tfittxija operat minn Google jitwettaq fil-kuntest ta’ waħda mill-installazzjonijiet tiegħu, Google France, stabbilita fit-territorju Franċiż, u għalhekk huwa suġġett għal-Liġi tas-6 ta’ Jannar 1978.

38      Quddiem il-Kunsill tal-Istat, Google ssostni li s-sanzjoni kontenzjuża hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tas-6 ta’ Jannar 1978 li jittrasponu l-Artikolu 12(b) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14(a) tad-Direttiva 95/46, li fuq il-bażi tagħhom, fis-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet “dritt għat-tneħħija ta’ referenza”. Google ssostni li dan id-dritt ma jimplikax neċessarjament li l-links kontenzjużi jitneħħew, mingħajr limitu ġeografiku, minn fuq l-ismijiet tad-domain kollha tal-mutur tagħha. Barra minn hekk, permezz ta’ tali interpretazzjoni, iċ-CNIL kisret il-prinċipji ta’ korteżija u ta’ nuqqas ta’ ndħil irrikonoxxuti mid-dritt internazzjonali pubbliku u ppreġudikat b’mod sproporzjonat il-libertajiet ta’ espressjoni, ta’ informazzjoni, ta’ komunikazzjoni u tal-istampa ggarantiti, b’mod partikolari, mill-Artikolu 11 tal-Karta.

39      Peress li kkonstata li dan l-argument iqajjem diversi diffikultajiet serji ta’ interpretazzjoni tad-Direttiva 95/46, il-Kunsill tal-Istat iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-“dritt għal tħassir” kif stabbilit mill-[Qorti tal-Ġustizzja] fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Mejju 2014 [Google Spain u Google (C-131/12, EU:C:2014:317),] abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikol[u] 12(b) u [l-ewwel paragrafu tal-Artikolu] 14(a) tad-Direttiva [95/46], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija huwa obbligat, meta jilqa’ talba għal tħassir, iwettaq dan it-tħassir fil-konfront tal-ismijiet kollha ta’ domain mill-mutur ta’ tfittxija tiegħu b’tali mod li l-konnessjonijiet kontenzjużi ma jidhrux iktar irrispettivament minn fejn issir it-tfittxija fuq il-bażi tal-isem tal-persuna li tressaq it-talba, inkluż barra mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-Direttiva [95/46]?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din l-ewwel domanda, id-“dritt għal tħassir” kif stabbilit mill-[Qorti tal-Ġustizzja] fis-sentenza tagħha ċċitata iktar ’il fuq għandu jiġi interpretat fis-sens li l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija huwa obbligat, meta jilqa’ talba għal tħassir, ineħħi l-konnessjonijiet kontenzjużi mir-riżultati li jintwerew wara tfittxija mwettqa fuq il-bażi tal-isem tal-persuna li tressaq it-talba fuq isem ta’ domain li jikkorrispondi għall-Istat fejn it-talba titqies li tressqet jew, b’mod iktar ġenerali, fuq l-ismijiet ta’ domain tal-mutur ta’ tfittxija li jikkorrispondu għall-estenzjonijiet nazzjonali ta’ dan il-mutur ta’ tfittxija għall-Istati Membri kollha […]?

3)      Barra minn hekk, flimkien mal-obbligu invokat fit-tieni domanda, id-“dritt għal tħassir” kif stabbilit mill-[Qorti tal-Ġustizzja] fis-sentenza tagħha ċċitata iktar ’il fuq għandu jiġi interpretat fis-sens li l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija li jilqa’ talba għal tħassir huwa obbligat ineħħi, permezz tat-teknika magħrufa bħala “imblukkar ġeografiku”, minn indirizz IP meqjus li jinsab fl-Istat ta’ residenza tal-benefiċjarju tad-“dritt għal tħassir”, ir-riżultati kontenzjużi tat-tfittxijiet imwettqa fuq il-bażi ta’ ismu, jew inkella, b’mod iktar ġenerali, minn indirizz IP meqjus li jinsab f’wieħed mill-Istati Membri suġġetti għad-Direttiva [95/46], irrispettivament mill-isem ta’ domain użat mill-utent tal-internet li jwettaq it-tfittxija?”

 Fuq id-domandi preliminari

40      Il-kawża prinċipali tirriżulta minn tilwima bejn Google u ċ-CNIL dwar il-kwistjoni ta’ kif l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija, meta jikkonstata li l-persuna kkonċernata għandha dritt li waħda jew iktar mil-links li jwasslu għal paġni tal-internet li fihom data personali li tikkonċernaha jitħassru mil-lista ta’ riżultati, miksuba wara tfittxija mwettqa fuq il-bażi ta’ isimha, għandu jimplimenta dan id-dritt għat-tneħħija ta’ referenza. Għalkemm, fid-data tat-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari, kienet applikabbli d-Direttiva 95/46, din tħassret b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018, f’liema data daħal fis-seħħ ir-Regolament 2016/679.

41      Il-Qorti tal-Ġustizzja ser teżamina d-domandi magħmula kemm fid-dawl ta’ din id-direttiva kif ukoll fid-dawl ta’ dan ir-regolament, sabiex tiżgura li r-risposti tagħha jkunu, fi kwalunkwe każ, utli għall-qorti tar-rinviju.

42      Waqt il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Google esponiet li, wara t-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari, hija stabbilixxiet preżentazzjoni ġdida tal-verżjonijiet nazzjonali tal-mutur ta’ tfittxija tagħha, li fil-kuntest tagħha l-isem tad-domain introdott mill-utent tal-internet ma kienx jiddetermina iktar il-verżjoni nazzjonali tal-mutur ta’ tfittxija li dan jaċċedi għalih. Għalhekk, l-utent tal-internet issa huwa awtomatikament dirett lejn il-verżjoni nazzjonali tal-mutur ta’ tfittxija ta’ Google li jikkorrispondi għall-post li minnu huwa preżunt li jwettaq it-tfittxija u r-riżultati tagħha jintwerew abbażi ta’ dan il-post, li huwa ddeterminat minn Google bl-għajnuna ta’ proċess ta’ ġeolokalizzazzjoni.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li d-domandi magħmula, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, jinftiehmu bħala li jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(b) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14(a) tad-Direttiva 95/46 kif ukoll l-Artikolu 17(1) tar-Regolament 2016/679 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija jilqa’ talba għal tneħħija ta’ referenza b’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jwettaq din it-tneħħija ta’ referenza mill-verżjonijiet kollha tal-mutur ta’ tfittxija tiegħu, jew jekk, għall-kuntrarju, huwa obbligat li jwettaqha biss mill-verżjonijiet tiegħu li jikkorrispondu għall-Istati Membri kollha, jew, sempliċement, fuq dik li tikkorrispondi għall-Istat Membru li fih tressqet it-talba għal tneħħija ta’ referenza, jekk ikun il-każ, flimkien mal-użu tat-teknika msejħa tal-“imblukkar ġeografiku” sabiex jiġi żgurat li utent tal-internet ma jkunx jista’, irrispettivament mill-verżjoni nazzjonali tal-mutur ta’ tfittxija użat, jaċċedi, fil-kuntest ta’ tfittxija mwettqa minn indirizz IP meqjus lokalizzat fl-Istat Membru ta’ residenza tal-benefiċjarju tad-dritt għat-tneħħija ta’ referenza jew, b’mod iktar wiesa’, fi Stat Membru, għal-links ikkonċernati mit-tneħħija.

44      Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Artikolu 12(b) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14(a) tad-Direttiva 95/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet u sakemm il-kundizzjonijiet previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet ikunu effettivament issodisfatti, l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija huwa obbligat ineħħi mil-lista ta’ riżultati, li tintwera wara tfittxija mwettqa fuq il-bażi tal-isem ta’ persuna, links lejn paġni tal-internet, ippubblikati minn terzi u li jinkludu informazzjoni dwar din il-persuna, anki fil-każ fejn dan l-isem jew din l-informazzjoni ma jkunux tneħħew preċedentement jew simultanjament minn dawn il-paġni tal-internet, u dan, jekk ikun il-każ, anki meta l-pubblikazzjoni tagħhom fuq dawn il-paġni tkun, fiha nnifisha, leġittima (sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 88).

45      Il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, speċifikat li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi eżaminat b’mod partikolari jekk il-persuna kkonċernata għandhiex dritt li l-informazzjoni inkwistjoni dwar il-persuna tagħha ma tibqax attwalment marbuta ma’ isimha permezz ta’ lista ta’ riżultati, li tintwera wara tfittxija mwettqa fuq il-bażi ta’ isimha, mingħajr ma huwa meħtieġ, sabiex jiġi kkonstatat tali dritt, li l-inklużjoni tal-informazzjoni inkwistjoni fil-lista ta’ riżultati tikkawża preġudizzju għal din il-persuna. Peress li din tal-aħħar tista’, fid-dawl tad-drittijiet fundamentali tagħha taħt l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, titlob li l-informazzjoni inkwistjoni ma tibqax imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali permezz tal-inklużjoni tagħha f’tali lista ta’ riżultati, dawn id-drittijiet, bħala regola ġenerali, jipprevalu mhux biss fuq l-interess ekonomiku tal-operatur tal-mutur ta’ tfittxija, iżda wkoll fuq l-interess ta’ dan il-pubbliku li jkollu aċċess għall-imsemmija informazzjoni meta jwettaq tfittxija fuq il-bażi tal-isem ta’ din il-persuna. Madankollu, dan ma jkunx il-każ jekk jidher, għal raġunijiet partikolari bħalma huwa r-rwol li l-imsemmija persuna jkollha fil-ħajja pubblika, li l-interferenza fid-drittijiet fundamentali tagħha tkun iġġustifikata mill-interess superjuri tal-imsemmi pubbliku li jkollu, minħabba din l-inklużjoni, aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni (sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 99).

46      Fil-kuntest tar-Regolament 2016/679, dan id-dritt għal tneħħija tal-persuna kkonċernata issa huwa bbażat fuq l-Artikolu 17 tiegħu, li jirregola b’mod speċifiku d-“dritt għal tħassir”, imsejjaħ ukoll, fit-titolu ta’ dan l-artikolu, “dritt li wieħed jintesa”.

47      B’applikazzjoni tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament 2016/679, il-persuna kkonċernata għandha d-dritt li tikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir tad-data personali dwarha mingħajr dewmien żejjed u l-kontrollur għandu l-obbligu li jħassar din id-data personali mingħajr dewmien żejjed, jekk tkun tapplika waħda mir-raġunijiet elenkati minn din id-dispożizzjoni. L-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-regolament jispeċifika li l-imsemmi Artikolu 17(1) ma japplikax sa fejn l-ipproċessar inkwistjoni huwa neċessarju għal waħda mir-raġunijiet elenkati f’din l-ewwel dispożizzjoni. Dawn ir-raġunijiet ikopru, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 17(3)(a) tal-imsemmi regolament, l-eżerċizzju tad-dritt dwar, b’mod partikolari, il-libertà ta’ informazzjoni tal-utenti tal-internet.

48      Mill-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46 u mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2016/679 jirriżulta li kemm din id-direttiva kif ukoll dan ir-regolament jippermettu lill-persuni kkonċernati jinvokaw id-dritt tagħhom għat-tneħħija ta’ referenza fil-konfront tal-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija li jiddisponi minn stabbiliment wieħed jew iktar fit-territorju tal-Unjoni, fil-kuntest tal-attivitajiet li permezz tagħhom huwa jwettaq ipproċessar ta’ data personali li jikkonċerna lil dawn il-persuni, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan l-ipproċessar iseħħx jew le fl-Unjoni.

49      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li pproċessar ta’ data personali jitwettaq fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ stabbiliment tal-kontrollur ta’ dan l-ipproċessar fit-territorju ta’ Stat Membru meta l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija joħloq fi Stat Membru fergħa jew sussidjarja intiża sabiex tiżgura l-promozzjoni u l-bejgħ tal-ispazji ta’ reklamar proposti minn dan il-mutur u li l-attività tagħha tkopri r-residenti ta’ dan l-Istat Membru (sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 60).

50      Fil-fatt, f’tali ċirkustanzi, l-attivitajiet tal-operatur tal-mutur ta’ tfittxija u dawk tal-istabbiliment tiegħu li jkun jinsab fl-Istat Membru ikkonċernat ikunu marbuta b’mod inseparabbli peress li l-attivitajiet marbuta mal-ispazji ta’ reklamar jikkostitwixxu l-mezz sabiex il-mutur ta’ tfittxija inkwistjoni jkun ekonomikament profittabbli u peress li, fl-istess ħin, dan il-mutur huwa l-mezz li permezz tiegħu jistgħu jitwettqu dawn l-attivitajiet, ir-riżultati jintwerew, fuq l-istess paġna, flimkien ma’ reklamar marbut mal-kliem ta’ tfittxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punti 56 u 57).

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li dan il-mutur ta’ tfittxija jkun operat minn impriża ta’ Stat terz ma jistax ikollu bħala konsegwenza li l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq għall-bżonnijiet tal-funzjonament tal-imsemmi mutur ta’ tfittxija fil-kuntest tal-attività ta’ reklamar u kummerċjali ta’ stabbiliment tal-kontrollur ta’ dan l-ipproċessar fit-territorju ta’ Stat Membru jkun eżentat mill-obbligi u mill-garanziji previsti mid-Direttiva 95/46 u mir-Regolament 2016/679 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 58).

52      F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li l-istabbiliment li għandu Google fit-territorju Franċiż jeżerċita attivitajiet, b’mod partikolari kummerċjali u ta’ reklamar, li huma marbuta b’mod inseparabbli mal-ipproċessar ta’ data personali mwettaq għall-bżonnijiet tal-funzjonament tal-mutur ta’ tfittxija kkonċernat u, min-naħa l-oħra, li dan il-mutur ta’ tfittxija għandu, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-eżistenza ta’ passaġġi bejn id-diversi verżjonijiet nazzjonali tiegħu, jitqies bħala li jwettaq ipproċessar ta’ data personali unika. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmi pproċessar isir fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ Google li jinsab fit-territorju Franċiż. Għalhekk jidher li tali sitwazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-Direttiva 95/46 u tar-Regolament 2016/679.

53      Bid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina l-portata territorjali li għandha tingħata għal tneħħija ta’ referenza f’sitwazzjoni bħal din.

54      F’dan ir-rigward, mill-premessa 10 tad-Direttiva 95/46 u mill-premessi 10, 11 u 13 tar-Regolament 2016/679, li ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 16 TFUE, jirriżulta li l-għan ta’ din id-direttiva u ta’ dan ir-regolament huwa li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali fl-Unjoni kollha.

55      Ċertament, tneħħija ta’ referenza mwettqa mill-verżjonijiet kollha ta’ mutur ta’ tfittxija hija ta’ natura li tilħaq bis-sħiħ dan l-għan.

56      Fil-fatt, l-internet huwa netwerk dinji mingħajr konfini u l-muturi ta’ tfittxija jagħtu natura omnipreżenti lill-informazzjoni u lil-links inklużi f’lista ta’ riżultati li tintwera wara tfittxija mwettqa fuq il-bażi tal-isem ta’ persuna fiżika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 80, kif ukoll tas-17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan, C‑194/16, EU:C:2017:766, punt 48).

57      F’dinja globalizzata, l-aċċess tal-utenti tal-internet, b’mod partikolari ta’ dawk li jinsabu barra mill-Unjoni, għal link li tagħmel riferiment għal informazzjoni fuq persuna li ċ-ċentru ta’ interessi tagħha jinsab fl-Unjoni jista’ jipproduċi għalhekk fuq din tal-aħħar effetti immedjati u sostanzjali fi ħdan l-Unjoni stess.

58      Tali kunsiderazzjonijiet huma ta’ natura li jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jipprevedi l-obbligu, għall-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija, li jwettaq, meta huwa jilqa’ talba għat-tneħħija ta’ referenza magħmula minn tali persuna, tneħħija ta’ referenza mill-verżjonijiet kollha tal-mutur tiegħu.

59      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li ħafna Stati terzi ma jirrikonoxxux id-dritt għat-tneħħija ta’ referenza jew jadottaw approċċ differenti għal dan id-dritt.

60      Barra minn hekk, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ma huwiex dritt assolut, iżda għandu jiġi kkunsidrat b’rabta mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà u jkun ibbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħrajn, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 48, kif ukoll l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada) tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 136). Minbarra dan, għandu jingħad ukoll li l-bilanċ bejn id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, minn naħa, u l-libertà ta’ informazzjoni tal-utenti tal-internet, min-naħa l-oħra, jista’ jvarja b’mod sinjifikattiv madwar id-dinja kollha.

61      Issa, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-Artikolu 17(3)(a) tar-Regolament 2016/679, wettaq ibbilanċjar bejn dan id-dritt u din il-libertà fir-rigward tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, GC et (Tneħħija ta’ data sensittiva), C‑136/17, punt 59), għandu jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju, huwa, attwalment, ma wettaqx tali bbilanċjar f’dak li jirrigwarda l-portata ta’ tneħħija ta’ referenza barra mill-Unjoni.

62      B’mod partikolari, bl-ebda mod ma jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 12(b) u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14(a) tad-Direttiva 95/46 jew tal-Artikolu 17 tar-Regolament 2016/679 li l-leġiżlatur tal-Unjoni, sabiex jiggarantixxi t-twettiq tal-għan imsemmi fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, jagħżel li jagħti lid-drittijiet stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet portata li tmur lil hinn mit-territorju tal-Istati Membri u li huwa kellu l-intenzjoni jimponi fuq operatur li, bħal Google, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva jew ta’ dan ir-regolament obbligu ta’ tneħħija ta’ referenza li jirrigwarda wkoll il-verżjonijiet nazzjonali tal-mutur ta’ tfittxija tiegħu li ma jikkorrispondux għall-Istati Membri.

63      Barra minn hekk, filwaqt li r-Regolament 2016/679 jipprovdi, fl-Artikoli 56 u 60 sa 66 tiegħu, lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-Istati Membri l-istrumenti u l-mekkaniżmi li jippermettulhom, jekk ikun il-każ, li jikkooperaw bil-għan li jaslu għal deċiżjoni komuni bbażata fuq ibbilanċjar bejn id-dritt tal-persuna kkonċernata għar-rispett tal-ħajja privata tagħha u għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha u l-interess tal-pubbliku ta’ Stati Membri differenti li jkollhom aċċess għal informazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li attwalment id-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix tali strumenti u mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni f’dak li jirrigwarda l-portata ta’ tneħħija ta’ referenza barra mill-Unjoni.

64      Minn dan isegwi li, attwalment, għall-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija li jilqa’ talba għat-tneħħija ta’ referenza mressqa mill-persuna kkonċernata, jekk ikun il-każ, wara ordni ta’ awtorità ta’ superviżjoni jew ta’ awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru, ma hemmx obbligu li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni għal twettiq ta’ tali tneħħija ta’ referenza mill-verżjonijiet kollha tal-mutur tiegħu.

65      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija ma huwiex obbligat, skont l-Artikolu 12(b) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14(a) tad-Direttiva 95/46, kif ukoll skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament 2016/679, iwettaq tneħħija ta’ referenza mill-verżjonijiet kollha tal-mutur tiegħu.

66      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali tneħħija ta’ referenza għandhiex issir mill-verżjonijiet tal-mutur ta’ tfittxija li jikkorrispondu għall-Istati Membri jew mill-verżjoni ta’ dan il-mutur li tikkorrispondi għall-Istat Membru ta’ residenza tal-benefiċjarju tat-tneħħija ta’ referenza, jirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni issa għażel li jistabbilixxi r-regoli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data permezz ta’ regolament, li huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, u dan, kif enfasizzat fil-premessa 10 tar-Regolament 2016/679, sabiex jiġi żgurat livell koerenti u għoli ta’ protezzjoni fl-Unjoni kollha u sabiex jitneħħew l-ostakoli għall-flussi ta’ data fiha, li t-tneħħija ta’ referenza inkwistjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi applikata għall-Istati Membri kollha.

67      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-interess tal-pubbliku li jaċċedi għal informazzjoni jista’, anki fl-Unjoni, ivarja minn Stat Membru għal ieħor, b’tali mod li r-riżultat tal-ibbilanċjar li għandu jsir bejn dan tal-aħħar, minn naħa, u d-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali tal-persuna kkonċernata, min-naħa l-oħra, ma huwiex neċessarjament l-istess għall-Istati Membri kollha, iktar u iktar peress li, skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46 u l-Artikolu 85 tar-Regolament 2016/679, huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu, b’mod partikolari għall-ipproċessar li jitwettaq unikament għal finijiet ġurnalistiċi jew ta’ espressjoni artistika jew letterarja, eżenzjonijiet u derogi neċessarji sabiex dawn id-drittijiet jiġu kkonċiljati, b’mod partikolari, mal-libertà ta’ informazzjoni.

68      Jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikoli 56 u 60 tar-Regolament 2016/679 li, għall-ipproċessar transkonfinali, fis-sens tal-punt 23 tal-Artikolu 4 tiegħu, u bla ħsara għal dan l-Artikolu 56(2), id-diversi awtoritajiet ta’ superviżjoni nazzjonali kkonċernati għandhom jikkooperaw, skont il-proċedura prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex jaslu għal qbil u għal deċiżjoni waħda li torbot lil dawn l-awtoritajiet kollha u li l-kontrollur tagħhom għandu jiżgura l-osservanza fir-rigward tal-attivitajiet ta’ pproċessar li jitwettqu fil-kuntest tal-istabbilimenti kollha tiegħu fl-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2016/679 jobbliga lill-awtoritajiet ta’ kontroll b’mod partikolari li jgħaddu l-informazzjoni utli u li jgħinu lil xulxin sabiex jimplimentaw u japplikaw dan ir-regolament b’mod koerenti fl-Unjoni kollha u l-Artikolu 63 tal-imsemmi regolament jispeċifika li huwa għal dan il-għan li huwa previst il-mekkaniżmu ta’ kontroll tal-koerenza, stabbilit fl-Artikoli 64 u 65 tal-istess regolament. Fl-aħħar nett, il-proċedura ta’ urġenza prevista fl-Artikolu 66 tar-Regolament 2016/679 tippermetti, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, meta awtorità ta’ superviżjoni kkonċernata tikkunsidra li huwa urġenti li tintervjeni sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni kkonċernati, li tadotta immedjatament miżuri provviżorji intiżi li jipproduċu effetti legali fit-territorju tagħha stess u li għandhom perijodu ta’ validità stabbilit li ma jeċċedix tliet xhur.

69      Dan il-qafas regolatorju jipprovdi għalhekk lill-awtoritajiet ta’ kontroll nazzjonali l-istrumenti u l-mekkaniżmi neċessarji sabiex jiġu rrikonċiljati d-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali tal-persuna kkonċernata mal-interess tal-pubbliku ġenerali tal-Istati Membri li jaċċedi għall-informazzjoni inkwistjoni u, għalhekk, sabiex tiġi adottata, jekk ikun il-każ, deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ referenza li tkopri t-tfittxija kollha mwettqa abbażi tal-isem ta’ din il-persuna mit-territorju tal-Unjoni.

70      Barra minn hekk, huwa l-operatur tal-mutur ta’ tfittxija li għandu jieħu, jekk neċessarju, miżuri suffiċjentement effikaċi sabiex jiżgura protezzjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata. Dawn il-miżuri għandhom, huma stess, jissodisfaw ir-rekwiżiti legali kollha u jkollhom bħala effett li jimpedixxu jew, tal-inqas, li serjament jiskoraġġixxu lill-utenti tal-internet fl-Istati Membri li jkollhom aċċess għal-links inkwistjoni minn tfittxija mwettqa fuq il-bażi tal-isem ta’ din il-persuna (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien, C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 62, u tal-15 ta’ Settembru 2016, Mc Fadden, C‑484/14, EU:C:2016:689, punt 96).

71      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fid-dawl ukoll tal-emendi reċenti tal-mutur ta’ tfittxija tagħha, indikati fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, il-miżuri adottati jew proposti minn Google jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti.

72      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm, kif ġie rrilevat fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix, attwalment, li t-tneħħija ta’ referenza milqugħa tiġi applikata għall-verżjonijiet kollha tal-mutur ta’ tfittxija inkwistjoni, huwa lanqas ma jipprojbixxi dan. Għaldaqstant, awtorità ta’ superviżjoni jew awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru tibqa’ kompetenti sabiex twettaq, fid-dawl tal-istandards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 29, u tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 60), ibbilanċjar, minn naħa, bejn id-dritt tal-persuna kkonċernata għar-rispett tal-ħajja privata tagħha u għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha, u, min-naħa l-oħra, id-dritt għal-libertà ta’ informazzjoni, u, fi tmiem dan l-ibbilanċjar, tordna, skont il-każ, lill-operatur ta’ dan il-mutur ta’ tfittxija jwettaq tneħħija ta’ referenza mill-verżjonijiet kollha tal-imsemmi mutur.

73      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 12(b) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14(a) tad-Direttiva 95/46 kif ukoll l-Artikolu 17(1) tar-Regolament 2016/679 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija jilqa’ talba għal tneħħija ta’ referenza b’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, huwa għandu jwettaq din it-tneħħija ta’ referenza mhux mill-verżjonijiet kollha tal-mutur tiegħu iżda mill-verżjonijiet tiegħu li jikkorrispondu għall-Istati Membri kollha u dan, jekk meħtieġ, flimkien ma’ miżuri li, filwaqt li jissodisfaw ir-rekwiżiti legali, jippermettu effettivament li jimpedixxu jew, tal-inqas, li serjament jiskoraġġixxu lill-utenti tal-internet li jwettqu tfittxija fuq il-bażi tal-isem tal-persuna kkonċernata minn wieħed mill-Istati Membri li jkollhom, permezz tal-lista ta’ riżultati li tintwera wara din it-tfittxija, aċċess għal-links li huma s-suġġett ta’ din it-talba.

 Fuq l-ispejjeż

74      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 12(b) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14(a) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, kif ukoll l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija jilqa’ talba għal tneħħija ta’ referenza b’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, huwa għandu jwettaq din it-tneħħija ta’ referenza mhux mill-verżjonijiet kollha tal-mutur tiegħu iżda mill-verżjonijiet tiegħu li jikkorrispondu għall-Istati Membri kollha u dan, jekk meħtieġ, flimkien ma’ miżuri li, filwaqt li jissodisfaw ir-rekwiżiti legali, jippermettu effettivament li jimpedixxu jew, tal-inqas, li serjament jiskoraġġixxu lill-utenti tal-internet li jwettqu tfittxija fuq il-bażi tal-isem tal-persuna kkonċernata minn wieħed mill-Istati Membri li jkollhom, permezz tal-lista ta’ riżultati li tintwera wara din it-tfittxija, aċċess għal-links li huma s-suġġett ta’ din it-talba.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.