Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-24 ta’ Settembru 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Conseil d’État - Franza) – Google LLC, suċċessur fid-drittijiet ta’ Google Inc. vs Commission nationale de l’informatique et des libertés (CNIL)

(Kawża C-507/17) 1

Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Data personali – Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data – Direttiva 95/46/KE – Regolament (UE) 2016/679 – Muturi ta’ tfittxija fuq l-internet – Ipproċessar tad-data li tidher fuq paġni tal-internet – Portata territorjali tad-dritt għat-tneħħija ta’ referenza

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Google LLC, suċċessur fid-drittijiet ta’ Google Inc.

Konvenut: Commission nationale de l'informatique et des libertés (CNIL)

fil-preżenza ta’: Wikimedia Foundation Inc., Fondation pour la liberté de la presse, Microsoft Corp., Reporters Committee for Freedom of the Press et, Article 19 et, Internet Freedom Foundation et, Défenseur des droits

Dispożittiv

L-Artikolu 12(b) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14(a) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, kif ukoll l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija jilqa’ talba għal tneħħija ta’ referenza b’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, huwa għandu jwettaq din it-tneħħija ta’ referenza mhux mill-verżjonijiet kollha tal-mutur tiegħu iżda mill-verżjonijiet tiegħu li jikkorrispondu għall-Istati Membri kollha u dan, jekk meħtieġ, flimkien ma’ miżuri li, filwaqt li jissodisfaw ir-rekwiżiti legali, jippermettu effettivament li jimpedixxu jew, tal-inqas, li serjament jiskoraġġixxu lill-utenti tal-internet li jwettqu tfittxija fuq il-bażi tal-isem tal-persuna kkonċernata minn wieħed mill-Istati Membri li jkollhom, permezz tal-lista ta’ riżultati li tintwera wara din it-tfittxija, aċċess għal-links li huma s-suġġett ta’ din it-talba.

____________

1     ĠU C 347, 16.10.2017.